4.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 269/6


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1760

tat-28 ta' Settembru 2016

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha b'mod parzjali jew bis-sħiħ, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Settembru 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Apparat li jikkonsisti minn validatur u kaxxi tal-flus tal-karti tal-flus (hekk imsejjaħ “note float unit”) ta' daqs ta' madwar 10 × 24 × 44 cm.

Il-validatur tal-karti tal-flus juża t-teknoloġija ta' skennjar ottiku biex jiċċekkja l-awtentiċità tal-karti tal-flus skont speċifikazzjonijiet predefiniti.

Il-karti tal-flus li huma approvati mill-validatur jgħaddu għal ġo kaxxa tal-flus. Meta din il-kaxxa tal-flus tkun laħqet il-limitu massimu tagħha ta' flus (ġeneralment 30 karta tal-flus), il-karti tal-flus jiġu magħżula awtomatikament u jiġu mqassma f'kaxxi oħra tal-flus li ġeneralment jesgħu 300 karta tal-flus.

L-apparat jintuża, pereżempju, fil-magni tal-logħob, tal-bejgħ ta' prodotti jew tal-parkeġġ, għall-ħlas ta' servizzi jew ta' prodotti miksuba.

L-apparat huwa wkoll kapaċi jiddistribwixxi l-karti tal-flus.

L-apparat huwa dejjem imqabbad ma' dak li jissejjaħ “host-controller” (mhux preżenti fil-preżentazzjoni) li jirregola l-ispeċifikazzjonijiet predefiniti tal-karti tal-flus u l-fluss tal-karti tal-flus lejn il-kaxxi differenti tal-flus.

Ara l-istampa (*)

8472 90 70

Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u bil-kliem tal-kodiċijiet NM 8472 , 8472 90 u 8472 90 70 .

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9031 bħala strument għal kejl jew iċċekkjar hija eskluża, minħabba li l-apparat huwa aktar minn strument tal-iċċekkjar kopert minn dik l-intestatura. Apparti li jivverifika l-awtentiċità tal-karti tal-flus, it-tagħmir iwettaq ukoll funzjonijiet oħra bħall-issortjar u t-tqassim tal-karti tal-flus bejn id-diversi kaxxi tal-ħażna, u d-distribuzzjoni tal-karti tal-flus. Il-funzjonijiet kollha li jwettaq l-apparat huma koperti mill-intestatura 8472 .

Għaldaqstant, l-apparat għandu jiġi klassifikat taħt il-kodiċi NM 8472 90 70 bħala magna tal-uffiċċju.

Image

(*)  L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta' informazzjoni.