23.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 257/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1703

tat-22 ta' Settembru 2016

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju Nri 10 u 12 u l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità Nru 28

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta' Ottubru 2008.

(2)

Fit-18 ta' Diċembru 2014, il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (International Accounting Standards Board, IASB) ippubblika emendi għall-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (International Financial Reporting Standard, IFRS) 10 Rapporti Finanzjarji Konsolidati u l-IFRS 12 Divulgazzjoni ta' Interessi f'Entitajiet Oħra u l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (International Accounting Standard, IAS) 28 Investimenti f'Kumpaniji Assoċjati u Impriżi Konġunti intitolat Entitajiet tal-Investiment: l-Applikazzjoni tal-Eċċezzjoni tal-Konsolidament. L-emendi għandhom l-għan li jiċċaraw ir-rekwiżiti għall-kontabilità għal entitajiet tal-investiment u jipprovdu għajnuna f'ċirkostanzi partikolari.

(3)

L-emendi għall-IFRS 10 jinkludu referenzi għall-IFRS 9 li attwalment ma jistgħux jiġu applikati billi l-IFRS 9 ma ġiex adottat mill-Unjoni. Għaldaqstant, kwalunkwe referenza għall-IFRS 9 kif stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament għandha tinqara bħala referenza għall-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl.

(4)

Il-konsultazzjoni mal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju tikkonferma li l-emendi għall-IFRS 10 u 12 u l-IAS 28 jissodisfaw il-kriterji għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(5)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008 jiġi emendat kif ġej:

(a)

L-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (International Financial Reporting Standard, IFRS) 10 Dikjarazzjonijiet Finanzjarji Konsolidati jiġi emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

(b)

L-IFRS 12 Divulgazzjoni ta' Interessi f'Entitajiet Oħra jiġi emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

(c)

L-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (International Accounting Standard, IAS) 28 Investimenti f'Kumpaniji Assoċjati u Impriżi Konġunti jiġi emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

2.   Kull referenza għall-IFRS 9 kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament tinqara bħala referenza għall-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl.

Artikolu 2

Kull kumpanija tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1(1), mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda fl-1 ta' Jannar 2016 jew wara.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Settembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta' Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1).


ANNESS

Entitajiet tal-Investiment: L-Applikazzjoni tal-Eċċezzjoni tal-Konsolidament

(Emendi għall-IFRS 10, l-IFRS 12 u l-IAS 28)

Emendi għall-

IFRS 10 Rapporti Finanzjarji Konsolidati

Il-paragrafi 4 u 32 huma emendati u jiżdiedu l-paragrafi 4 A–4B. Il-paragrafi 31 u 33 mhumiex emendati, iżda huma inklużi għall-ħeffa ta' referenza.

KAMP TA' APPLIKAZZJONI

4.

Entità li tkun kumpanija prinċipali tippreżenta rapporti finanzjarji konsolidati. Dan l-IFRS japplika għall-entitajiet kollha, għajr kif ġej:

(a)

kumpanija prinċipali ma għandhiex għalfejn tippreżenta rapporti finanzjarji konsolidati jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

tkun sussidjarja totalment proprjetà jew tkun sussidjarja parzjalment proprjetà ta' entità oħra u s-sidien l-oħra kollha tagħha, inklużi dawk li altrimenti ma jkollhomx dritt għall-vot, ikunu ġew infurmati dwar, u ma joġġezzjonawx għaliex il-kumpanija prinċipali ma tippreżentax rapporti finanzjarji konsolidati;

(ii)

l-istrumenti tagħha ta' dejn u ta' ekwità ma jiġux innegozjati f'suq pubbliku (borża lokali jew barranija jew suq barra l-borża, inklużi s-swieq lokali u reġjonali);

(iii)

ma tkunx issottomettiet, u lanqas ma tkun fil-proċess li tissottometti, ir-rapporti finanzjarji tagħha ma' kummissjoni għat-titoli jew organizzazzjoni regolatorja oħra għall-iskop ta' ħruġ ta' xi klassi ta' strumenti f'suq pubbliku; kif ukoll

(iv)

il-kumpanija prinċipali finali tagħha jew xi kumpanija prinċipali intermedja tagħha tipproduċi rapporti finanzjarji li jkunu disponibbli għall-użu pubbliku u jikkonformaw mal-IFRSs, li fihom il-kumpaniji sussidjarji huma konsolidati jew huma mkejla fil-valur ġust permezz ta' profitt jew telf skont dan l-IFRS.

(b)

[imħassar]

(c)

[imħassar]

4 A

Dan l-IFRS ma japplikax għall-pjani ta' benefiċċju ta' wara l-impjieg jew għal pjani oħrajn ta' benefiċċju fit-tul għall-impjegati li għalihom japplika IAS 19 Benefiċċji tal-Impjegati.

4B

Kumpanija prinċipali li hija entità ta' investiment ma tippreżentax rapporti finanzjarji konsolidati jekk tkun meħtieġa, skont il-paragrafu 31 ta' din l-IFRS, tkejjel is-sussidjarji kollha tagħha skont il-valur ġust permezz tal-profitt jew telf.

ENTITAJIET TAL-INVESTIMENT: EĊĊEZZJONI GĦALL-KONSOLIDAMENT

31.

Ħlief kif deskritt fil-paragrafu 32, entità ta' investiment ma tikkonsolidax is-sussidjarji tagħha jew tapplika l-IFRS 3 meta tikseb il-kontroll ta' entità oħra. Minflok, entità ta' investiment tkejjel investiment f'sussidjarja skont il-valur ġust permezz tal-introjtu skont l-IFRS 9.

32.

Minkejja r-rekwiżit fil-paragrafu 31, jekk entità ta' investiment ikollha sussidjarja li mhix hi stess entità ta' investiment u li l-għan u l-attivitajet prinċipali tagħha huma li tipprovdi servizzi marbuta mal-attivitajiet ta' investiment tal-entità ta' investiment (ara l-paragrafi B85C–B85E), hija tikkonsolida dik is-sussidjarja skont il-paragrafi 19–26 ta' dan l-IFRS u tapplika r-rekwiżiti tal-IFRS 3 għall-akkwiżizzjoni ta' kwalunkwe sussidjarja bħal din.

33.

Kumpanija prinċipali ta' entità ta' investiment tikkonsolida l-entitajiet kollha li tikkontrolla, inklużi dawk ikkontrollati permezz ta' sussidjarja ta' entità ta' investiment, sakemm il-kumpanija prinċipali nnifsha ma tkunx entità ta' investiment.

Fl-Appendiċi B, il-paragrafi B85C u B85E huma emendati. Il-paragrafi B85 A–B85B u B85D mhumiex emendati, iżda huma inklużi għall-ħeffa ta' referenza.

DETERMINAZZJONI TA' JEKK ENTITÀ HIJIEX ENTITÀ TA' INVESTIMENT

B85A

Entità tqis il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha meta tivvaluta jekk hijiex entità ta' investiment, inkluż l-għan u l-istruttura tagħha. Entità li jkollha t-tliet elementi tad-definizzjoni ta' entità ta' investiment stabbiliti fil-paragrafu 27 hija entità ta' investiment. Il-paragrafi B85B — B85M jiddeskrivu l-elementi tad-definizzjoni f'aktar dettall.

Għan tal-operat

B85B

Id-definizzjoni ta' entità ta' investiment teħtieġ li l-għan tal-entità jkun biss li tinvesti għall-apprezzament tal-kapital, introjtu minn investiment (bħal dividendi, imgħax jew introjtu minn kera), jew it-tnejn. Id-dokumenti li jindikaw x'inhuma l-għanijiet tal-entità ta' investiment, bħall-memorandum ta' offerta tal-entità, il-pubblikazzjonijiet imqassma mill-entità u dokumenti korporattivi jew ta' sħubija oħra, tipikament jipprovdu evidenza tal-għan tal-operat tal-entità ta' investiment. Aktar evidenza tista' tinkludi l-mod li bih l-entità tippreżenta ruħha lil partijiet oħra (bħal investituri potenzjali jew destinatarji ta' investiment potenzjali); pereżempju, entità tista' tippreżenta l-operat tagħha bħala li jipprovdi investiment fuq perjodu medju ta' żmien għal apprezzament tal-kapital. B'kuntrast, entità li tippreżenta ruħha bħala investitur li l-għan tiegħu huwa li b'mod konġunt jiżviluppa, jipproduċi jew jikkummerċjalizza prodotti mad-destinatarji ta' investiment tiegħu jkollha għan kummerċjali li mhuwiex konsistenti mal-għan kummerċjali ta' entità ta' investiment, għaliex l-entità tagħmel redditi mill-iżvilupp, il-produzzjoni jew l-attività tal-kummerċjalizzazzjoni kif ukoll mill-investimenti tagħha (ara l-paragrafu B85I).

B85C

Entità ta' investiment tista' tipprovdi servizzi relatati mal-investiment (eż. servizzi ta' pariri dwar l-investiment, immaniġġjar tal-investiment, appoġġ għall-investiment u servizzi amministrattivi), kemm direttament jew permezz ta' sussidjarja, lil partijiet terzi kif ukoll lill-investituri tagħha, anki jekk dawk l-attivitajiet huma sostanzjali għall-entità, sakemm l-entità tkompli tissodisfa d-definizzjoni ta' entità ta' investiment.

B85D

Entità ta' investiment tista' wkoll tipparteċipa fl-attivitajiet relatati mal-investiment li ġejjin, jew direttament jew permezz ta' sussidjarja, jekk dawn l-attivitajiet jitwettqu biex jiġi mmassimizzat ir-redditu mill-investiment (apprezzament tal-kapital jew introjtu mill-investiment) mid-destinatarji tal-investiment tagħha u ma jirrappreżentawx attività kummerċjali sostanzjali separata jew sors ta' introjtu sostanzjali separat għall-entità ta' investiment:

(a)

tipprovdi servizzi ta' mmaniġġjar u pariri strateġiċi lil destinatarju ta' investiment; kif ukoll

(b)

tipprovdi appoġġ finanzjarju lil destinatarju ta' investiment, bħal għoti ta' self, impenn ta' kapital jew garanzija.

B85E

Jekk entità ta' investiment ikollha sussidjarja li mhix hi stess entità ta' investiment u li l-għan u l-attivitajiet prinċipali tagħha huma li tipprovdi servizzi jew attivitajiet relatati mal-investiment li jirrelataw attivitajiet ta' investiment tal-entità ta' investiment, bħal dawk deskritti fil-paragrafi B85C–B85D, lill-entità jew lil partijiet oħra, hija tikkonsolida dik is-sussidjarja skont il-paragrafu 32. Jekk il-kumpanija sussidjarja li tipprovdi servizzi jew attivitajiet relatati mal-investiment tkun hija stess entità tal-investiment, l-entità tal-investiment prinċipali tkejjel dik is-sussidjarja skont il-valur ġust permezz ta' profitt jew telf b'konformità mal-paragrafu 31.

Fl-Appendiċi C, il-paragrafu C1D huwa miżjud u il-paragrafu C2 A jiġi emendat.

DATA EFFETTIVA

C1D

Entitajiet tal-Investiment: L-Applikazzjoni tal-Eċċezzjoni tal-Konsolidament (Emendi fl-IFRS 10, l-IFRS 12 u l-IAS 28), maħruġa f'Diċembru 2014, emendat il-paragrafi 4, 32, B85C, B85E u C2 A u żiedet il-paragrafi 4 A-4B. Entità tapplika dawk l-emendi għall-perjodi annwali li jibdew mill-1 ta' Jannar 2016 jew wara. Hija permessa applikazzjoni iktar kmieni. Jekk entità tapplika dawk l-emendi għal perjodu aktar kmieni, hija tiddivulga dak il-fatt.

TRANŻIZZJONI

C2 A

Minkejja r-rekwiżiti tal-paragrafu 28 tal-IAS 8, meta jiġi applikat għall-ewwel darba dan l-IFRS, u, jekk aktar tard, meta l-emendi għall Entitajiet tal-Investiment u l-Entitajiet tal-Investiment: L-Applikazzjoni tal-Eċċezzjoni tal-Konsolidament għal dan l-IFRS jiġu applikati għall-ewwel darba, entità jeħtiġilha biss tippreżenta l-informazzjoni kwantitattiva meħtieġa mill-paragrafu 28(f) tal-IAS 8 għall-perjodu annwali immedjatament preċedenti d-data tal-applikazzjoni inizjali ta' dan l-IFRS (“il-perijodu immedjatament preċedenti”). Entità tista' wkoll tippreżenta din l-informazzjoni għall-perjodu attwali jew għal perjodi komparattivi preċedenti, iżda mhix meħtieġa tagħmel hekk.

Emendi għall-

IFRS 12 Divulgazzjoni ta' Interessi f'Entitajiet Oħra

Il-paragrafu 6 huwa emendat.

KAMP TA' APPLIKAZZJONI

6.

Dan l-IFRS ma japplikax għal:

(a)

(b)

rapporti finanzjarji separati ta' entità li għalihom japplika l-IAS 27 Rapporti Finanzjarji Separati. Madankollu,:

(i)

jekk entità għandha interessi f'entitajiet strutturati mhux konsolidati u tħejji rapporti finanzjarji separati bħala l-uniċi rapporti finanzjarji tagħha, hi tapplika r-rekwiżiti tal-paragrafi 24-31 meta tħejji dawk ir-rapporti finanzjarji separati.

(ii)

entità tal-investiment li tħejji rapporti finanzjarji li fihom is-sussidjarji kollha tagħha huma mkejla fil-valur ġust permezz ta' profitt jew telf skont il-paragrafu 31 tal-IFRS 10 tippreżenta d-divulgazzjonijiet relatati mal-entitajiet tal-investiment meħtieġa minn dan l-IFRS.

(c)

Fl-Appendiċi C, il-paragrafu C1C huwa miżjud.

DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

C1C

Entitajiet tal-Investiment: L-Applikazzjoni tal-Eċċezzjoni tal-Konsolidament (Emendi fl-IFRS 10, l-IFRS 12 u l-IAS 28), maħruġa f'Diċembru 2014, emendaw il-paragrafu 6. Entità tapplika dik l-emenda għal perjodi annwali li jibdew mill-1 ta' Jannar 2016 jew wara. Hija permessa applikazzjoni iktar kmieni. Jekk entità tapplika dik l-emenda għal perjodu preċedenti, hija tiddivulga dak il-fatt.

Emendi għall-

IAS 28 Investimenti f'Kumpaniji Assoċjati u Impriżi Konġunti

Il-paragrafi 17, 27 u 36 huma emendati u jiżdiedu l-paragrafi 36 A u 45D. Il-paragrafi 26 u 35 mhumiex emendati, iżda huma inklużi għall-ħeffa ta' referenza.

Eżenzjonijiet mill-applikazzjoni tal-metodu tal-ekwità

17.

Entità ma għandhiex għalfejn tapplika l-metodu tal-ekwità għall-investimenti tagħha f'kumpanija assoċjata jew impriża konġunta jekk l-entità hija kumpanija prinċipali li hija eżentata milli tħejji rapporti finanzjarji konsolidati permezz tal-eżenzjoni mill-ambitu fil-paragrafu 4(a) tal-IFRS 10 jew jekk applika dan li ġej kollu:

(a)

L-entità hija sussidjarja posseduta totalment, jew hija sussidjarja posseduta parzjalment ta' entità oħra u s-sidien l-oħra tagħha, inklużi dawk mhux intitolati li jivvutaw b'mod ieħor, ikunu ġew infurmati u ma joġġezzjonawx għall-fatt li l-entità ma tapplikax il-metodu tal-ekwità.

(b)

L-istrumenti tad-dejn u l-ekwità tal-entità mhumiex innegozjati f'suq pubbliku (borża domestika jew barranija jew f'suq barra l-borża, inklużi swieq lokali u reġjonali).

(c)

L-entità ma ppreżentatx, u lanqas ma hi fil-proċess li tippreżenta, ir-rapporti finanzjarji tagħha lil xi kummissjoni tat-titoli jew xi organizzazzjoni regolatorja oħra bil-għan li tinħareġ xi klassi ta' strumenti f'suq pubbliku.

(d)

Il-kumpanija prinċipali finali tagħha jew xi kumpanija prinċipali intermedja tagħha tipproduċi rapporti finanzjarji li jkunu disponibbli għall-użu pubbliku u jikkonformaw mal-IFRSs, li fihom il-kumpanniji sussidjarji huma konsolidati jew huma mkejla fil-valur ġust permezz ta' profitt jew telf skont l-IFRS 10.

Proċeduri tal-metodu tal-ekwità

26.

Ħafna mill-proċeduri li huma xierqa għall-applikazzjoni tal-metodu tal-ekwità huma simili għall-proċeduri tal-konsolidament deskritti fl-IFRS 10. Barra minn hekk, il-kunċetti li fuqhom huma bbażati l-proċeduri użati fil-kontabilità għall-akkwist ta' kumpanija sussidjarja huma adottati wkoll fil-kontabilità għall-akkwist ta' investiment f'kumpanija assoċjata jew impriża konġunta.

27.

Sehem ta' grupp f'kumpanija assoċjata jew impriża konġunta huwa l-ammont aggregat tal-holdings f'dik il-kumpanija assoċjata jew impriża konġunta mill-kumpanija prinċipali u mis-sussidjarji tagħha. Il-holdings tal-kumpaniji assoċjati l-oħra jew tal-impriżi konġunti l-oħra tal-grupp jiġu injorati għal dan l-iskop. Meta kumpanija assoċjata jew impriża konġunta jkollha sussidjarji, kumpaniji assoċjati jew impriżi konġunti, il-profitt jew it-telf, dħul komprensiv ieħor u l-assi netti meqjusa fl-applikazzjoni tal-metodu tal-ekwità huma dawk rikonoxxuti fir-rapporti finanzjarji tal-kumpaniji assoċjati jew tal-impriżi konġunti (inkluż is-sehem mill-profitt jew mit-telf tal-kumpaniji assoċjati jew tal-impriżi konġunti tagħha), wara li jsir kwalunkwe aġġustament meħtieġ sabiex jiddaħħlu fis-seħħ politiki ta' kontabilità uniformi (ara l-paragrafi 35 sa 36 A).

35.

Ir-rapporti finanzjarji tal-entità jitħejjew billi jintużaw politiki tal-kontabilità uniformi għal tranżazzjonijiet simili u avvenimenti f'ċirkustanzi simili.

36.

Ħlief kif deskritt fil-paragrafu 36 A, jekk kumpanija assoċjata jew impriża konġunta tuża politiki tal-kontabilità differenti minn dawk tal-entità għal tranżazzjonijiet simili u avvenimenti f'ċirkustanzi simili, isiru aġġustamenti sabiex il-politiki tal-kontabilità tal-kumpanija assoċjata jew l-impriża konġunta jinġiebu konformi ma' dawk tal-entità meta jintużaw ir-rapporti finanzjarji tal-kumpanija assoċjata jew tal-impriża konġunta mill-entità meta tapplika l-metodu tal-ekwità.

36 A

Minkejja r-rekwiżit fil-paragrafu 36, jekk entità li mhix hi stess entità ta' investiment għandha interess f'kumpanija assoċjata jew impriża konġunta li hija entità tal-investiment, l-entità tista', meta tapplika l-metodu tal-ekwità, iżżomm il-kejl tal-valur ġust applikat minn dik l-entità tal-investiment assoċjata jew l-impriża konġunta għall-interessi f'sussidjarji tal-entità tal-investiment assoċjata jew tal-impriża konġunta..

DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

45D

Entitajiet tal-Investiment: L-Applikazzjoni tal-Eċċezzjoni tal-Konsolidament (Emendi fl-IFRS 10, l-IFRS 12 u l-IAS 28), maħruġa f'Diċembru 2014, emendat il-paragrafi 17, 27 u 36 u żiedet il-paragrafu 36 A. Entità tapplika dawk l-emendi għall-perjodi annwali li jibdew mill-1 ta' Jannar 2016 jew wara. Hija permessa applikazzjoni iktar kmieni. Jekk entità tapplika dawn l-emendi għal perjodu preċedenti, din tiddivulga dan il-fatt.