20.9.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 254/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1675
tal-14 ta' Lulju 2016
li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 9(2) tagħha,
Billi:
(1) |
L-Unjoni trid tiżgura mekkaniżmi ta' ħarsien effikaċi għas-suq intern kollu, bil-għan li tiżdied iċ-ċertezza ġuridika għall-operaturi ekonomiċi u l-partijiet interessati b'mod ġenerali fir-relazzjonijiet tagħhom ma' ġuriżdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi. L-integrità tas-swieq finanzjarji u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern inġenerali huma mhedda serjament minn ġuriżdizzjonijiet b'nuqqasijiet strateġiċi fl-oqfsa nazzjonali tagħhom tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Dawk il-ġuriżdizzjonijiet li jkollhom fis-seħħ oqfsa ġuridiċi u istituzzjonali defiċjenti bi standards baxxi biex jikkontrollaw il-flussi ta' flus huma ta' theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni. |
(2) |
L-entitajiet obbligati kollha tal-Unjoni skont id-Direttiva (UE) 2015/849 jeħtieġ li japplikaw miżuri ta' diliġenza dovuta msaħħa fir-relazzjoni tagħhom ma' persuni fiżiċi jew entitajiet ġuridiċi stabbiliti f'pajjiżi terzi b'riskju kbir, u b'hekk jiżguraw rekwiżiti ekwivalenti għal parteċipanti tas-suq madwar l-Unjoni. |
(3) |
L-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849 jistipula l-kriterji li fuqhom l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi bbażata, u jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex tidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir, b'kont meħud ta' dawk il-kriterji. |
(4) |
L-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir trid tkun ibbażata fuq valutazzjoni oġġettiva u ċara li tiffoka fuq il-konformità ta' ġuriżdizzjoni mal-kriterji stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2015/849 rigward il-qafas legali u istituzzjonali tagħha tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT), is-setgħat u l-proċeduri tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-effikaċja tas-sistema tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT) fl-indirizzar tar-riskji tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu tal-pajjiż terz. |
(5) |
Jeħtieġ li s-sejbiet kollha li fuqhom id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tinkludi ġuriżdizzjoni fil-lista ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir għandha tkun ibbażata, jkunu dokumentati b'informazzjoni soda, verifikabbli u aġġornata. |
(6) |
Huwa essenzjali li l-Kummissjoni tirrikonoxxi b'mod sħiħ il-ħidma relevanti li diġà saret f'livell internazzjonali sabiex jiġi identifikati l-pajjiżi terzi b'riskju kbir, b'mod partikolari t-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF). Bil-għan li tiġi żgurata l-integrità tas-sistema finanzjarja globali, huwa ta' importanza kbira li l-lista ta' pajjiżi terzi stabbilita fil-livell tal-Unjoni tkun konformi mill-qrib, kif xieraq, ma' dawk il-listi maqbula internazzjonalment. Billi tippromwovi approċċ globali fil-livell internazzjonali, l-Unjoni tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-integrità finanzjarja dinjija u l-ħarsien aħjar tas-sistema finanzjarja internazzjonali minn pajjiżi b'riskju kbir. Tali approċċ globali huwa utli sabiex jinkisbu kundizzjonijiet ekwi għal entitajiet obbligati u jevita kull effett ta' tfixkil fuq is-sistema finanzjarja internazzjonali. |
(7) |
F'konformità mal-kriterji stipulati fid-Direttiva (UE) 2015/849, il-Kummissjoni qieset l-evalwazzjonijiet esperti disponibbli kollha ta' fatturi li jikkontribwixxu lejn pajjiż jew ġuriżdizzjoni partikolarment vulnerabbli għall-ħasil tal-flus, l-iffinanzjar tat-terroriżmu jew attività finanzjarji illeċiti oħra. B'mod partikolari, il-Kummissjoni kkunsidrat, kif xieraq, d-Dikjarazzjoni Pubblika tal-FATF, id-dokumenti tal-FATF (It-Titjib tal-Konformità Globali mal-AML / CFT: proċess li għadu għaddej), ir-rapporti tal-FATF dwar l-Analiżi tal-Kooperazzjoni Internazzjonali, u r-rapport ta' evalwazzjonijiet reċiproċi l-iktar riċenti maħruġ mill-FATF u Korpi Reġjonali mmudellati fuq l-FATF f'dak li għandu x'jaqsam mar-riskji li jirriżultaw minn pajjiżi terzi individwali f'konformità mal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva (UE) 2015/849. |
(8) |
Meta jitqiesu l-livell għoli ta' integrazzjoni tas-sistema finanzjarja internazzjonali, ir-rabta stretta ta' operaturi tas-suq, il-volum għoli ta' tranżazzjonijiet transfruntiera minn / lejn l-UE, kif ukoll il-grad ta' ftuħ tas-suq, huwa għaldaqstant meqjus li kull theddida AML / CFT ippreżentata mis-sistema finanzjarja internazzjonali tirrappreżenta wkoll theddida għas-sistema finanzjarja tal-UE. |
(9) |
Skont l-aħħar informazzjoni rilevanti, l-analiżi tal-Kummissjoni kkonkludiet li jeħtieġ li l-Afganistan, il-Bosnja u Ħerzegovina, il-Guyana, l-Iraq, il-Laos PDR, is-Sirja, l-Uganda, il-Vanwatu u l-Jemen jitqiesu bħala ġuriżdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi tagħhom ta' AML / CFT li huma ta' theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni. Dawn il-pajjiżi terzi b'riskju għoli pprovdew impenn politiku ta' livell għoli bil-miktub sabiex jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati u żviluppaw pjan ta' azzjoni mal-FATF, li se jippermettilhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva (UE) 2015/849. |
(10) |
Skont l-aħħar informazzjoni relevanti, bl-istess mod, l-analiżi tal-Kummissjoni kkonkludiet li l-Iran jeħtieġ li jitqies bħala ġuriżdizzjoni ta' pajjiż terz li għandha nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi tagħha ta' AML / CFT li hija ta' theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni. Dan il-pajjiż, identifikat mid-Dikjarazzjoni Pubblika tal-FATF, ipprovda impenn politiku ta' livell għoli sabiex jindirizza n-nuqqasijiet identifikati, u ddeċieda li jfittex assistenza teknika fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-FATF, li tippermettilu jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva (UE) 2015/849. |
(11) |
Skont l-aħħar informazzjoni rilevanti, bl-istess mod, l-analiżi tal-Kummissjoni kkonkludiet li jeħtieġ li r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDPK) tiġi kkunsidrata bħala ġuriżdizzjoni ta' pajjiż terz li għandha nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML / CFT tagħha li hija ta' theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni. Dan il-pajjiż, identifikat mid-Dikjarazzjoni Pubblika tal-FATF, jippreżenta riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu sostanzjali u attwali, u naqas ripetutament milli jindirizza n-nuqqasijiet identifikati. |
(12) |
Huwa essenzjali li l-Kummissjoni testendi stedina lill-ġuriżdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi identifikati bħala riskju kbir sabiex jikkooperaw bis-sħiħ mal-Kummissjoni u korpi internazzjonali bil-ħsieb li jaqblu u jimplimentaw b'mod effettiv miżuri għall-korrezzjoni tan-nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi tagħhom kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. |
(13) |
Huwa ta' importanza kbira li l-Kummissjoni tissorvelja b'mod permanenti l-iżviluppi fil-valutazzjoni ta' oqfsa ġuridiċi u istituzzjonali fis-seħħ f'pajjiżi terzi, is-setgħat u l-proċeduri ta' awtoritajiet kompetenti, u l-effettività tar-reġimi AML / CFT tagħhom bil-għan li taġġorna l-lista ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-lista ta' ġuriżdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi tagħhom kontra l-ħasil tal-flus u fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu li huma ta' theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni (“pajjiżi terzi b'riskju kbir”) hija stabbilita fl-Anness.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jkun vinkolanti fl-intier tiegħu u applikabbli direttament fl-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.
Magħmula fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.
ANNESS
Pajjiżi terzi b'riskju kbir
I. Pajjiżi terzi b'riskju kbir li taw impenn politiku ta' livell għoli bil-miktub sabiex jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati u li żviluppaw pjan ta' azzjoni mal-FATF.
Nru |
Pajjiż terz b'riskju kbir |
1 |
L-Afganistan |
2 |
il-Bożnija-Ħerzegovina |
3 |
Guvana |
4 |
L-Iraq |
5 |
Il-Laos PDR |
6 |
Is-Sirja |
7 |
L-Uganda |
8 |
Il-Vanuatu |
9 |
Il-Jemen |
II. Pajjiżi terzi b'riskju kbir li taw impenn politiku ta' livell għoli sabiex jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati u ddeċidew li jfittxu assistenza teknika fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-FATF, li huma identifikati permezz tad-Dikjarazzjoni Pubblika tal-FATF.
Nru |
Pajjiż terz b'riskju kbir |
1 |
L-Iran |
III. Pajjiżi terzi b'riskju kbir li jirrappreżentaw riskji attwali u sostanzjali ta' ħasil tal-flus u finanzjament ta' terroristi, wara li repetutament naqsu milli jindirizzaw in-nuqqasijiet idenitifikati u li huma identifikati permezz tad-Dikjarazzjoni Pubblika tal-FATF
Nru |
Pajjiż terz b'riskju kbir |
1 |
Ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK) |