16.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 251/80


REGOLAMENT (UE) 2016/1626 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Settembru 2016

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 li jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu l-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta huma responsabbli għal bosta kompiti, li jistgħu jinkludu s-sikurezza marittima, is-sigurtà, it-tiftix u s-salvataġġ fuq il-baħar, il-kontroll fuq il-fruntieri, il-kontroll tas-sajd, il-kontroll doganali, l-infurzar ġenerali tal-liġi u l-protezzjoni ambjentali.

(2)

L-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 (3), komunement imsejħa l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, stabbilita mir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jappoġġaw lill-awtoritajiet nazzjonali biex iwettqu ħafna minn dawk il-funzjonijiet.

(3)

Għaldaqstant dawk l-aġenziji għandhom isaħħu l-kooperazzjoni bejniethom u mal-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta, sabiex iżidu għarfien dwar is-sitwazzjoni marittima u biex jappoġġaw azzjoni koerenti u kosteffikaċi.

(4)

L-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd għandha tiġi msemmija l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 768/2005 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 768/2005 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fit-titolu u fl-Artikolu 1, il-kliem “Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd” huma sostitwiti bil-kliem “Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd”;

(2)

Fl-Artikolu 3 jiżdied dan il-punt:

“(j)

li tikkoopera mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, stabbilita mir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) u mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**), kull waħda skont il-mandat tagħha, biex tappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu l-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta kif stabbilit fl-Artikolu 7a ta' dan ir-Regolament, billi tagħtihom servizzi, informazzjoni, tagħmir u taħriġ u billi tikkoordina operazzjonijiet li jaqdu aktar minn għan wieħed.

(*)  Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1)."

(**)  Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenziji Marittima Ewropea tas-Sigurtà [Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 7, p. 3).”;"

(3)

Jiżdied l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 7a

Kooperazzjoni Ewropea dwar il-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta

1.   L-Aġenzija għandha, f'kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, tappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu funzjonijiet ta' gwardja tal-kosta fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni u, meta jkun xieraq, fil-livell internazzjonali permezz:

(a)

tal-kondiviżjoni, tal-fużjoni u tal-analiżi ta' informazzjoni disponibbli fis-sistemi ta' rapportar tal-bastimenti u sistemi oħra ta' informazzjoni ospitati minn jew aċċessibbli għal dawk l-aġenziji, f'konformità mal-bażijiet ġuridiċi rispettivi tagħhom u mingħajr preġudizzju għas-sjieda ta' data mill-Istati Membri;

(b)

tal-għoti ta' servizzi ta' sorveljanza u ta' komunikazzjoni bbażati fuq l-aħħar teknoloġija, inklużi l-infrastruttura fl-ispazju u fuq l-art u s-sensuri mmuntati fuq kwalunkwe tip ta' pjattaforma;

(c)

tal-bini tal-kapaċità billi tfassal linji gwida u rakkomandazzjonijiet u billi jiġu stabbiliti l-aħjar prattiċi, kif ukoll billi tipprovdi taħriġ u skambju tal-persunal;

(d)

tat-tisħiħ tal-iskambju tal-informazzjoni u tal-kooperazzjoni dwar il-funzjonijiet tal-gwardji tal-kosta inkluż permezz tal-analiżi tal-isfidi operazzjonali u r-riskji emerġenti fil-qasam marittimu;

(e)

tal-kondiviżjoni tal-kapaċitajiet permezz tal-ippjanar u l-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet bi skopijiet multipli, u l-kondiviżjoni ta' assi u kapaċitajiet oħra, sal-punt li dawn l-attivitajiet ikunu kkoordinati minn dawk l-aġenziji u huma maqbulin mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati.

2.   Il-forom preċiżi tal-kooperazzjoni dwar il-funzjonijiet tal-gwardji tal-kosta bejn l-Aġenzija, l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għandhom jiġu ddeterminati f'arranġament ta' ħidma, f'konformità mal-mandati rispettivi tagħhom u mar-regoli finanzjarji applikabbli għal dawk l-aġenziji. Tali arranġament għandu jiġi approvat mill-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija, mill-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u mill-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima.

3.   Il-Kummissjoni għandha, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, l-Aġenzija, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, tagħmel disponibbli manwal prattiku dwar il-kooperazzjoni Ewropea dwar il-funzjonijiet tal-gwardji tal-kosta. Dak il-manwal prattiku għandu jkun fih linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiċi għall-iskambju ta' informazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-manwal fil-forma ta' rakkomandazzjoni.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta' Settembru 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

I. KORČOK


(1)  Opinjoni tal-25 ta' Mejju 2016 (ĠU C 303, 19.8.2016, p. 109).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2016 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 tas-26 ta' April 2005 li jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll li tapplika għall-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, L 164M, 16.6.2006, p. 36).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenziji Marittima Ewropea tas-Sigurtà [Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 7, p. 3).