9.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/10


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1613

tat-8 ta' Settembru 2016

li jipprovdi għal għajnuna ta' aġġustament eċċezzjonali lill-produtturi tal-ħalib u lill-bdiewa f'setturi tal-bhejjem oħrajn

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 219(1) flimkien mal-Artikolu 228 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 106(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Is-settur tal-ħalib qed jiffaċċja sitwazzjoni ta' tfixkil fis-suq minħabba żbilanċ madwar id-dinja kollha bejn il-provvista u d-domanda, fejn l-estensjoni sa tmiem l-2017 tal-projbizzjoni Russa fuq l-importazzjoni ta' prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-Unjoni għandu rwol.

(2)

Id-domanda globali għall-ħalib u l-prodotti tal-ħalib żdiedet bi ftit fl-2015 u fl-ewwel xhur tal-2016, iżda b'rata ħafna anqas minn tal-produzzjoni.

(3)

Il-provvista tal-ħalib globali żdiedet b'mod ġenerali fl-2015, li flimkien mat-tkabbir tal-produzzjoni fl-Unjoni, fl-Istati Uniti u f'New Zealand tammonta għal madwar 4,5 miljun tunnellata, filwaqt li l-esportazzjonijiet totali mill-Unjoni u minn dawk iż-żewġ pajjiżi terzi f'ekwivalenti tal-ħalib naqsu b'madwar 200 000 tunnellata.

(4)

Fl-ewwel erba' xhur tal-2016, il-produzzjoni tal-ħalib fl-Unjoni, fl-Istati Uniti u f'New Zealand żdiedet b'madwar 3,6 miljun tunnellata, b'inqas minn 1 % ta' dan il-volum ikun assorbit minn esportazzjonijiet addizzjonali.

(5)

B'konsegwenza ta' dan, il-prezzijiet tal-ħalib fl-istat naturali tiegħu fl-Unjoni komplew jiddeterjoraw u l-pressjoni 'l isfel x'aktarx li se tkompli, sakemm tilħaq livelli insostenibbli għall-produtturi tal-ħalib. F'Mejju 2016, il-prezzijiet medji tal-ħalib mal-ħruġ mill-farm fl-Unjoni kienu 22 % taħt il-prezz medju f'Mejju tas-snin 2011 sa 2015.

(6)

B'mod parallel, kibru d-diverġenzi fil-prezzijiet tal-ħalib bejn l-Istati Membri. Il-bdiewa ż-żgħar huma partikolarment milquta, billi jpoġġu f'riskju n-nisġa soċjali tal-istess żoni rurali.

(7)

Setturi tal-bhejjem oħrajn, b'mod partikolari dawk tal-laħam tal-majjal, taċ-ċanga u l-vitella, u dawk tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż, ukoll esperjenzaw diffikultajiet tas-suq. Fir-rigward tal-laħam tal-majjal dawk id-diffikultajiet huma prinċiparjament relatati mal-projbizzjoni Russa fuq l-importazzjoni l-aktar dawk marbuta mat-tifqigħa tad-deni Afrikan tal-ħnieżer f'ċerti Stati Membri, waqt li għas-settur tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella huma effetti sekondarji tat-tfixkil fis-suq tal-ħalib.

(8)

L-istrumenti ta' intervent fis-suq fil-forma ta' intervent pubbliku u ta' ħżin privat għall-butir u għat-trab tal-ħalib xkumat baqgħu disponibbli mingħajr interruzzjoni sa minn Settembru 2014. Dawk l-istrumenti taffew l-impatt tal-kriżi u ffissaw limitu minimu għat-tnaqqis kontinwu fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib, iżda l-iżbilanċ globali baqa' jippersisti.

(9)

Billi l-miżuri disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jidhru li huma insuffiċjenti u sabiex ikun hemm lqugħ għal sitwazzjoni fejn il-prezzijiet ikomplu jiddeterjoraw aktar u jiggravaw it-tfixkil fis-suq, huwa essenzjali li l-għajnuna ssir disponibbli lill-prodoutturi tal-ħalib u lill-bdiewa f'setturi tal-bhejjem oħrajn milquta mit-tfixkil fis-suq li dgħajjjef il-profittabbiltà u l-likwidità. L-Istati Membri għandhom jagħżlu wieħed mis-setturi kkonċernati, jew parti minnhom biex jappoġġaw lill-produtturi u lill-bdiewa li jbatu l-aktar minħabba t-tfixkil fis-suq.

(10)

Sabiex tittejjeb ir-reżiljenza tal-bdiewa, dik l-għajnuna għandha tkun limitata għal metodi agrikoli aktar sostenibbli. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lil irziezet żgħar, li jiffurmaw is-sinsla tal-ekonomija rurali.

(11)

Biex tittaffa l-kriżi attwali, jixraq li l-Istati Membri jingħataw għotja finanzjarja ta' darba biss biex jappoġġaw lill-produtturi tal-ħalib u/jew lill-bdiewa f'setturi tal-bhejjem oħrajn involuti f'attivitajiet li jrawmu s-sostenibbiltà ekonomika u l-istabbilizzazzjoni tas-suq.

(12)

L-għotja finanzjarja disponibbli għal kull Stat Membru għandha tqis il-karatteristiċi ewlenin ta' kull settur inkluż il-produzzjoni, il-prezzijiet tas-suq u l-piż tal-bdiewa ż-żgħar.

(13)

L-Istati Membri għandhom ifasslu miżuri bbażati fuq waħda jew aktar minn dawn l-attivitajiet li jrawmu s-sostenibbiltà ekonomika u l-istabbilizzazzjoni tas-suq: l-iffriżar jew it-tnaqqis tal-produzzjoni, il-biedja fuq skala żgħira, il-produzzjoni estensiva, il-produzzjoni li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent u lill-klima, il-kooperazzjoni bejn il-bdiewa, it-titjib tal-kwalità u l-valur miżjud, u t-taħriġ f'metodi ta' ġestjoni tajba.

(14)

Filwaqt li titqies is-sitwazzjoni partikolari tal-produtturi tal-ħalib u tal-bdiewa f'setturi tal-bhejjem oħrajn, li tvarja fl-Unjoni kollha, l-Istati Membri għandhom jagħżlu l-miżuri l-aktar adatti, b'mod partikolari f'termini tal-istabbilizzazzjoni tas-suq u tas-sostenibbiltà ekonomika, u għandhom jipprovdu deskrizzjoni tal-miżuri konkreti li għandhom jittieħdu.

(15)

Minħabba li l-għotja finanzjarja allokata lil kull Stat Membru se tikkumpensa biss parti limitata tat-telf reali mġarrab mill-bdiewa f'setturi tal-bhejjem oħrajn, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jagħtu appoġġ addizzjonali lil dawk il-bdiewa huma stess, bl-istess kundizzjonijiet ta' oġġettività, ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni u ta' nuqqas ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(16)

L-għajnuna prevista f'dan ir-Regolament għandha tingħata bħala miżura ta' appoġġ tas-swieq agrikoli skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

(17)

Sabiex jingħataw il-flessibbiltà biex jiddistribwixxu l-għajnuna kif meħtieġ miċ-ċirkustanzi biex jilqgħu għad-diffikultajiet, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jakkumulaw din l-għajnuna ma' appoġġ ieħor iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.

(18)

Minħabba li l-għotja finanzjarja hija stabbilita f'euro, u sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi u simultanja, jeħtieġ li tiġi ffissata data għall-konverżjoni fil-munita nazzjonali tagħhom tal-ammont allokat lill-Istati Membri li ma adottawx il-euro. Huwa għalhekk xieraq li jiġi determinat l-avveniment operattiv għar-rata tal-iskambju skont l-Artikolu 106 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Fid-dawl tal-prinċipju msemmi fil-paragrafu (2)(b) ta' dak l-Artikolu u fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu (5)(c) ta' dak l-Artikolu, id-data tal-avveniment operattiv għandha tkun id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(19)

Minħabba raġunijiet ta' baġit, l-Unjoni għandha tiffinanzja n-nefqa mġarrba mill-Istati Membri b'rabta mal-produtturi tal-ħalib u l-bdiewa biss f'setturi tal-bhejjem oħrajn fejn it-tali nefqa tkun saret sa ċerta skadenza.

(20)

Sabiex ikunu żgurati t-trasparenza u l-monitoraġġ u l-amministrazzjoni tajba tal-ammont li jsir disponibbli lilhom, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri konkreti li għandhom jittieħdu, il-kriterji oġġettivi użati, ir-raġuni għall-appoġġ favur setturi tal-bhejjem oħrajn minbarra tal-ħalib, il-miżuri meħuda sabiex tiġi evitata distorsjoni tas-suq, l-impatt mixtieq tal-miżuri u l-metodi biex jiġi ċċekkjat li dan jintlaħaq.

(21)

Sabiex ikun żgurat li l-bdiewa tal-ħalib jirċievu l-għajnuna malajr kemm jista' jkun, l-Istati Membri kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jimplimentaw dan ir-Regolament minnufih. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-Unjoni se tagħmel disponibbli l-ammont totali ta' EUR 350 000 000 bħala għajununa lill-Istati Membri biex jipprovdu għajnuna ta' aġġustament eċċezzjonali lill-produtturi tal-ħalib u/jew lill-bdiewa fis-setturi taċ-ċanga u l-vitella, tal-laħam tal-majjal, kif ukoll f'dawk tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż (“bdiewa f'setturi tal-bhejjem oħrajn”).

L-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja għandhom jużaw l-ammonti disponibbli għalihom kif stabbilit fl-Anness għall-miżuri meħuda abbażi ta' kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, dejjem jekk il-pagamenti li jirriżultaw ma jikkawżawx distorsjoni tal-kompetizzjoni.

Il-miżuri meħuda mill-Istati Membri għandhom jappoġġaw lill-produtturi tal-ħalib u/jew lill-bdiewa f'setturi tal-bhejjem oħrajn li jwettqu waħda jew aktar mill-attivitajiet li ġejjin li għandhom l-għan li jrawmu s-sostenibbiltà ekonomika tal-azjendi agrikoli tagħhom u li jikkontribwixxu għall-istabbilizzazzjoni tas-suq:

(a)

it-tnaqqis tal-produzzjoni li jissupera dak kopert bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1612 (3) jew li ma jżidx il-produzzjoni;

(b)

il-biedja fuq skala żgħira;

(c)

l-applikazzjoni ta' metodi ta' produzzjoni estensivi;

(d)

l-applikazzjoni ta' metodi ta' produzzjoni li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u lill-klima;

(e)

l-implimentazzjoni ta' proġetti ta' kooperazzjoni;

(f)

l-implimentazzjoni ta' skemi jew proġetti ta' kwalità bil-mira li jippromwovu l-kwalità u l-valur miżjud;

(g)

it-taħriġ fi strumenti finanzjarji u għodod għall-ġestjoni tar-riskju.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-bdiewa f'setturi tal-bhejjem oħrajn ma jkunux il-benefiċjarji diretti tal-pagamenti, il-benefiċċju ekonomiku tal-għajnuna jingħadda lilhom kompletament.

In-nefqa tal-Istati Membri fir-rigward ta' dawk il-pagamenti skont dan ir-Regolament għandha tkun eliġibbli biss għall-għajnuna mill-Unjoni jekk l-appoġġ ikun tħallas minnhom mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2017.

2.   Fir-rigward tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Kroazja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, l-Iżvezja u r-Renju Unit, id-data tal-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju fir-rigward tal-ammonti stipulati fl-Anness għandha tkun id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

3.   Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament jistgħu jiġu kumulati ma' appoġġ ieħor iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.

Artikolu 2

L-Istati Membri jistgħu jagħtu appoġġ addizzjonali għall-miżuri meħuda skont l-Artikolu 1 sa massimu ta' 100 % tal-ammont korrispondenti kif stipulat fl-Anness, u skont l-istess kundizzjonijiet ta' oġġettività, ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni u ta' nuqqas ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 1.

L-Istati Membri għandhom iħallsu l-appoġġ addizzjonali sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2017.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dan li ġej:

(a)

mingħajr dewmien u mhux aktar tard mit-30 ta' Novembru 2016:

(i)

deskrizzjoni tal-miżuri konkreti li għandhom jittieħdu;

(ii)

il-kriterji oġġettivi użati biex ikunu ddeterminati l-metodi għall-għoti tal-għajnuna u, fejn xieraq, ir-raġuni għall-użu tal-għajnuna għal setturi tal-bhejjem oħrajn minbarra tas-settur tal-ħalib;

(iii)

l-impatt mixtieq tal-miżuri bil-għan tal-istabbilizzazzjoni tas-suq;

(iv)

il-miżuri meħuda biex jivverifikaw li l-impatt mixtieq jintlaħaq;

(v)

il-miżuri meħuda biex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni

(vi)

il-livell ta' appoġġ addizzjonali mogħti skont l-Artikolu 2;

(b)

mhux iktar tard mill-15 ta' Ottubru 2017, l-ammonti totali tal-għajnuna mħallsa għal kull miżura, l-għadd u t-tip ta' benefiċjarji u l-evalwazzjoni tal-effettività ta' din il-miżura.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Settembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1612 tat-8 ta' Settembru 2016 li jipprovidi għajnuna għat-tnaqqis tal-produzzjoni tal-ħalib (ara l-paġna 4 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS

Stat Membru

EUR

Il-Belġju

10 979 636

Il-Bulgarija

5 809 941

Ir-Repubblika Ċeka

10 346 106

Id-Danimarka

9 294 305

Il-Ġermanja

57 955 101

L-Estonja

8 081 123

L-Irlanda

11 086 327

Il-Greċja

1 683 910

Spanja

14 665 678

Franza

49 900 853

Il-Kroazja

1 517 133

L-Italja

20 942 300

Ċipru

297 165

Il-Latvja

9 760 362

Il-Litwanja

13 298 661

Il-Lussemburgu

560 115

L-Ungerija

9 543 566

Malta

100 092

In-Netherlands

22 952 419

L-Awstrija

5 863 491

Il-Polonja

22 670 129

Il-Portugall

3 988 059

Ir-Rumanija

10 896 083

Is-Slovenja

1 145 506

Is-Slovakkja

2 062 803

Il-Finlandja

7 521 715

L-Iżvezja

6 881 425

Ir-Renju Unit

30 195 996