8.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 241/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1447

tas-26 ta' Awwissu 2016

li jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk dwar ir-rekwiżiti għall-konnessjoni mal-grilja ta' sistemi ta' kurrent dirett b'vultaġġ għoli u ta' moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'kurrent dirett

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(11) tiegħu,

Billi:

(1)

It-tlestija malajr ta' suq intern tal-enerġija li jiffunzjona b'mod sħiħ u li jkun kompletament interkonness hija kruċjali għaż-żamma tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, iż-żieda fil-kompetittività u l-iżgurar li l-konsumaturi kollha jkunu jistgħu jixtru l-enerġija bi prezzijiet affordabbli.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 jistabbilixxi regoli nondiskriminatorji li jirregolaw l-aċċess għan-netwerk għal skambji transkonfinali fl-elettriku bil-għan li jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern fl-elettriku. Barra minn hekk, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jesiġi li l-Istati Membri jew, fejn ikunu pprovdew hekk l-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji jiżguraw, inter alia, li jiġu żviluppati regoli tekniċi oġġettivi u nondiskriminarji biex jiġu stabbiliti rekwiżi minimi għad-diżinjar tekniku kif ukoll operazzjonali għall-konnessjoni mas-sistema. Meta r-rekwiżiti jikkostitwixxu termini u kundizzjonijiet għall-konnessjoni man-netwerks nazzjonali, l-Artikolu 37(6) tal-istess Direttiva jesiġi li l-awtoritajiet regolatorji jerfgħu r-responsabbiltà biex jistabbilixxu jew japprovaw tal-anqas il-metodoloġiji li jintużaw biex dawn it-termini u l-kundizzjonijiet jiġu kkalkulati jew stabbiliti. Sabiex tiġi provduta s-sigurtà fis-sistema interkonnessa tat-trażmissjoni, huwa essenzjali li jiġi stabbilit għarfien komuni tar-rekwiżiti għal sistemi ta' Kurrent Dirett b'Vultaġġ Għoli (HVDC) u għal moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'kurrent dirett (moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC). Dawk ir-rekwiżiti li jikkontribwixxu għaż-żamma, il-preservazzjoni u r-restawr tas-sigurtà tas-sistema sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament xieraq tas-suq intern tal-elettriku ġewwa u bejn iż-żoni sinkroniċi, u biex jintlaħqu kosteffiċjenzi, għandhom jitqiesu bħala kwistjonijiet tan-netwerk transfruntieri u kwistjonijiet ta' integrazzjoni tas-suq.

(3)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli armonizzati għall-konnessjoni ta' sistemi HVDC mal-grilja u għal moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC sabiex jiġi pprovdut qafas legali ċar għall-konnessjonijiet mal-grilja, jiġi faċilitat il-kummerċ fl-elettriku fl-Unjoni kollha, tiġi żgurata s-sigurtà tas-sistema, tiġi faċilitata l-integrazzjoni ta' sorsi ta' elettriku rinnovabbli, tiżdied il-kompetizzjoni, u biex ikun hemm użu aktar effiċjenti tan-netwerk u tar-riżorsi, għall-benefiċċju tal-konsumaturi.

(4)

Is-sigurtà tas-sistema tiddependi parzjalment mill-kapaċitajiet tekniċi tas-sistemi HVDC u tal-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC. Għalhekk, koordinazzjoni regolari fil-livell tan-netwerks ta' trażmissjoni u distribuzzjoni kif ukoll prestazzjoni adegwata tat-tagħmir konness man-netwerks ta' trażmissjoni u distribuzzjoni, b'robustezza adegwata biex tlaħħaq mad-disturbi u biex tgħin tipprevjeni kwalunkwe interruzzjoni maġġuri jew biex tiffaċilita r-restawr tas-sistema wara li din tikkollassa, huma prerekwiżiti fundamentali għas-sigurtà tas-sistema.

(5)

L-operat sigur tas-sistemi huwa possibbli biss jekk ikun hemm kooperazzjoni mill-qrib bejn is-sidien tas-sistemi HVDC u tal-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC u l-operaturi tas-sistemi. B'mod partikolari, il-funzjonament tas-sistema taħt kundizzjonijiet anormali ta' operat jiddependi mir-rispons tas-sistemi HVDC u tal-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC għal devjazzjonijiet mill-valuri ta' referenza ta' 1 kull unità (pu) tal-vultaġġ u tal-frekwenza nominali. Fil-kuntest tas-sigurtà tas-sistema, mill-perspettiva tal-inġinerija tas-sistema, in-netwerks u s-sistemi HVDC u l-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC għandhom jitqiesu bħala entità waħda, peress li dawk il-partijiet huma interdipendenti. Għalhekk, bħala prerekwiżit għall-konnessjoni mal-grilja, għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti tekniċi rilevanti għal sistemi HVDC u għal moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC.

(6)

L-awtoritajiet regolatorji għandhom jikkunsidraw il-kostijiet raġonevoli li effettivament jiġġarrbu mill-operaturi tas-sistema fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament meta jistabbilixxu jew japprovaw it-tariffi ta' trażmissjoni jew distribuzzjoni jew il-metodoloġiji tagħhom jew meta japprovaw it-termini u l-kundizzjonijiet għall-konnessjoni u l-aċċess għan-netwerks nazzjonali skont l-Artikolu 37(1) u (6) tad-Direttiva 2009/72/KE u l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

(7)

Sistemi sinkroniċi differenti tal-elettriku fl-Unjoni għandhom karatteristiċi differenti li jenħtieġ jitqiesu meta jkunu qegħdin jiġu stabbiliti r-rekwiżiti għal sistemi HVDC u għal moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC. Huwa għalhekk xieraq li jiġu kkunsidrati l-ispeċifiċitajiet reġjonali meta jiġu stabbiliti regoli dwar il-konnessjoni tan-netwerk kif meħtieġ mill-Artikolu 8(6) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

(8)

Fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi pprovduta ċ-ċertezza regolatorja, ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal sistemi HVDC ġodda u għal moduli ta' parks tal-enerġija ġodda konnessi b'DC iżda m'għandhomx japplikaw għal sistemi HVDC u għal moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC li diġà jeżistu jew li jkunu fi stadju avvanzat ta' ppjanar iżda li ma jkunux għadhom tlestew, sakemm l-awtorità regolatorja jew l-Istat Membru rilevanti ma jiddeċidux mod ieħor abbażi ta' evoluzzjoni tar-rekwiżiti tas-sistema u analiżi sħiħa tal-kostijiet-benefiċċji, jew fejn tkun saret modernizzazzjoni sostanzjali ta' dawk il-faċilitajiet.

(9)

Minħabba l-impatt transkonfinali tiegħu, dan ir-Regolament għandu jimmira li jinkisbu l-istess rekwiżiti marbuta mal-frekwenza għal-livelli ta' vultaġġ kollha, tal-anqas ġewwa l-istess żona sinkronika. Dan huwa meħtieġ peress li, f'żona sinkronika, bidla fil-frekwenza fi Stat Membru wieħed tħalli impatt immedjat fuq il-frekwenza u tista' tagħmel ħsara lit-tagħmir fl-Istati Membri l-oħra kollha.

(10)

Biex tiġi żgurata s-sigurtà tas-sistema, għandu jkun possibbli li s-sistemi HVDC u l-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC f'kull żona sinkronika tas-sistema interkonnessa jibqgħu konnessi mas-sistema għal meded speċifikati ta' frekwenza u ta' vultaġġ.

(11)

Il-meded tal-vultaġġ għandhom jiġu kkoordinati bejn is-sistemi interkonnessi peress li huma kruċjali biex jiżguraw l-ippjanar u t-tħaddim ta' sistema tal-enerġija f'żona sinkronika. L-iskonnessjonijiet minħabba interruzzjonijiet tal-vultaġġ għandhom impatt fuq is-sistemi tal-viċinat. Jekk il-meded ta' vultaġġ ma jiġux speċifikati, dan jista' jwassal għal inċertezza mifruxa fl-ippjanar u t-tħaddim tas-sistema fir-rigward tat-tħaddim lil hinn mill-kundizzjonijiet ta' tħaddim normali.

(12)

Għandu jiddaħħal testjar xieraq u proporzjonat tal-konformità biex l-operaturi tas-sistema jkunu jistgħu jiżguraw is-sigurtà operazzjonali. F'konformità mal-Artikolu 37(1)(b) tad-Direttiva 2009/72/KE, l-awtoritajiet regolatorji huma responsabbli li jiżguraw li l-operaturi tas-sistemi jikkonformaw ma' dan ir-Regolament

(13)

L-awtoritajiet regolatorji, l-Istati Membri u l-operaturi tas-sistemi għandhom jiżguraw li, fil-proċess tal-iżvillupp u tal-approvazzjoni tar-rekwiżiti għall-konnessjoni man-netwerk, dawn ikunu armonizzati sal-massimu possibbli, sabiex tiġi żgurata integrazzjoni sħiħa tas-suq. Fl-iżvilupp tar-rekwiżiti tal-konessjoni, għandhom jitqiesu b'mod partikolari l-istandards tekniċi stabbiliti.

(14)

F'dan ir-Regolament għandu jiġi stabbilit proċess għal derogar mir-regoli sabiex jittieħed kont ta' ċirkostanzi lokali fejn eċċezzjonalment, pereżempju, il-konformità ma' dawk ir-regoli tista' tipperikola l-istabbiltà tan-netwerk lokali, jew fejn it-tħaddim sigur ta' sistema HVDC jew ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC jista' jitlob kundizzjonijiet operattivi li ma jkunux konformi ma' dan ir-Regolament.

(15)

Fil-każ ta' moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC, fil-futur, moduli ġodda jistgħu jiffurmaw parti minn grilja interkonnessa ta' distribuzzjoni fuq il-baħar li hija konnessa ma' aktar minn żona sinkronika waħda. F'dan il-każ, għandhom jiġu stabbiliti ċerti rekwiżiti tekniċi sabiex tinżamm is-sigurtà tas-sistema u biex jiġi żgurat li netwerks interkonnessi futuri jistgħu jiġu żviluppati b'mod kosteffikaċi. Madankollu, fil-każ ta' ċerti rekwiżiti, moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC għandhom ikunu meħtieġa biss biex jiffittjaw mat-tagħmir meħtieġ għas-sigurtà tas-sistema meta jkun hemm il-ħtieġa ta' dan.

(16)

Għalhekk, is-sidien ta' moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC li huma, jew li se jiġu, konnessi ma' żona sinkronika waħda permezz ta' konnessjoni radjali għandu jkollhom il-possibbiltà li, permezz ta' proċess imħaffef, japplikaw għal derogi għal rekwiżiti li ser ikunu meħtieġa biss meta l-moduli ta' parks tal-enerġija jiġu konnessi ma' grilja interkonnessa u li jqisu ċ-ċirkostanzi skont il-każ. Barra minn hekk għandhom jiġu mgħarrfa kemm jista' jkun malajr jekk jikkwalifikawx għal deroga għall-finijiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta' investiment tagħhom.

(17)

Soġġett għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja rilevanti, jew awtoritajiet oħra fejn applikabbli fi Stat Membru, l-operaturi tas-sistemi għandhom ikunu jistgħu jipproponu derogi għal ċerti klassijiet ta' sistemi HVDC u moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC.

(18)

Dan ir-Regolament ġie adottat abbażi tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 li jissupplimenta u li jifforma parti integrali minnu. Ir-referenzi għar-Regolament (KE) Nru 714/2009 f'atti legali oħrajn għandhom jinftiehmu li jirreferu wkoll għal dan ir-Regolament.

(19)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk li jistipula r-rekwiżiti għal konnessjonijiet mal-grilja ta' sistemi ta' kurrent dirett b'vultaġġ għoli (HVDC) u ta' moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC. Għalhekk, jgħin biex jiġu mħarsal-kundizzjonijiet ġusti tal-kompetizzjoni fis-suq intern tal-elettriku, biex tiġi żgurata s-sigurtà tas-sistema u l-integrazzjoni tas-sorsi tal-elettriku rinnovabbli, u biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ madwar l-Unjoni kollha fl-elettriku.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll l-obbligi biex jiġi żgurat li l-operaturi tas-sistema jużaw b'mod xieraq il-kapaċitajiet ta' sistemi HVDC u ta' moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC b'mod trasparenti u nondiskriminatorju u b'hekk jiġu pprovduti kundizzjonijiet ekwi fl-Unjoni kollha.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 (3), fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2013 (4), fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/631 (5) u l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1388 (6) u fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72/KE. Barra minn dan, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“sistema HVDC” tfisser sistema tal-enerġija elettrika li tittrasferixxi l-enerġija fil-forma ta' kurrent dirett b'vultaġġ għoli bejn żewġ żbarri jew aktar ta' distribuzzjoni ta' kurrent alternat (AC) u tinkludi tal-anqas żewġ stazzjonijiet ta' konverżjoni HVDC b'linji jew b'kejbils ta' trażmissjoni DC bejn l-istazzjonijiet ta' konverżjoni HVDC.

(2)

“modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC” tfisser modulu ta' park tal-enerġija konness permezz ta' punt ta' interfaċċja wieħed HVDC jew aktar ma' sistema HVDC waħda jew aktar;

(3)

“sistema HVDC inkorporata” tfisser sistema HVDC konnessa f'żona ta' kontroll li ma tkunx ġiet installata bil-għan li tgħaqqad modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC, u lanqas ma tkun ġiet installata bil-għan li tgħaqqad faċilità ta' domanda;

(4)

“stazzjon ta' konverżjoni HVDC” tfisser parti minn sistema HVDC li tikkonsisti minn unità ta' konverżjoni HVDC waħda jew aktar installata f'post wieħed, flimkien ma' bini, reatturi, filtri, apparat ta' potenza reattiva, tagħmir ta' kontroll, ta' monitoraġġ, protettiv, ta' kejl u awżiljarju;

(5)

“punt ta' interfaċċja HVDC” tfisser punt li fih l-apparat HVDC huwa konness ma netwerk AC, li fih jistgħu jiġu stipulati l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jolqtu l-prestazzjoni tal-apparat;

(6)

“sid ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC” tfisser entità naturali jew legali li jkollha modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC;

(7)

“kapaċità massima ta' trażmissjoni ta' potenza attiva HVDC” (Pmax) tfisser il-potenza attiva kontinwa massima li sistema HVDC tista' tiskambja man-netwerk f'kull punt ta' konnessjoni kif speċifikat fil-ftehim ta' konnessjoni jew kif miftiehem bejn l-operatur tas-sistema rilevanti u s-sid tas-sistema HVDC;

(8)

“kapaċità minima ta' trażmissjoni ta' potenza attiva HVDC” (Pmin) tfisser il-potenza attiva kontinwa minima li sistema HVDC tista' tiskambja man-netwerk f'kull punt ta' konnessjoni kif speċifikat fil-ftehim ta' konnessjoni jew kif miftiehem bejn l-operatur tas-sistema rilevanti u s-sid tas-sistema HVDC;

(9)

“kurrent massimu ta' sistema HVDC” tfisser l-ogħla kurrent fil-fażi, assoċjat ma' punt operattiv fil-profil U-Q/Pmax tal-istazzjon ta' konverżjoni HVDC fil-kapaċità massima ta' trażmissjoni ta' potenza attiva HVDC;

(10)

“unità ta' konverżjoni HVDC” tfisser unità li tinkludi pont ta' konverżjoni wieħed jew aktar, flimkien ma' transformers ta' konverżjoni wieħed jew aktar, reatturi, tagħmir ta' kontroll ta' unità konverżjoni, apparat u tagħmir awżiljarju essenzjali protettiv u tal-iswiċċjar, jekk ikun hemm, użati għall-konverżjoni.

Artikolu 3

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal:

(a)

sistemi HVDC li jgħaqqdu żoni sinkroniċi jew żoni ta' kontroll, inklużi skemi back-to-back;

(b)

sistemi HVDC li jgħaqqdu moduli ta' parks tal-enerġija ma' netwerk tat-trażmissjoni jew ma' netwerk tad-distribuzzjoni, skont il-paragrafu 2;

(c)

sistemi HVDC inkorporati f'żona ta' kontroll u konnessi man-netwerk ta' trażmissjoni; kif ukoll

(d)

sistemi HVDC inkorporati f'żona ta' kontroll u konnessi man-netwerk ta' distribuzzjoni meta jintwera impatt transkonfinali mill-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni (TSO) rilevanti. F'din il-valutazzjoni t-TSO rilevanti għandu jqis l-iżvilupp fit-tul tan-netwerk.

2.   L-operaturi tas-sistemi rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSOs rilevanti, għandhom jipproponu lill-awtoritajiet regolatorji kompetenti biex japprovaw l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għal moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC b'punt wieħed ta' konnessjoni ma' netwerk ta' trażmissjoni jew ma' netwerk ta' distribuzzjoni li ma jkunx parti minn żona sinkronika skont l-Artikolu 5. Il-moduli l-oħra kollha ta' park tal-enerġija li huma mgħaqqdin flimkien b'AC iżda li huma konnessi ma' żona sinkronika permezz ta' DC jitqiesu bħala moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC u jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

3.   L-Artikoli 55 sa 59, 69 sa 74 u 84 m'għandhomx japplikaw għal sistemi HVDC f'żona ta' kontroll imsemmija fil-punti (c) u (d) tal-paragrafu 1 fejn:

(a)

is-sistema HVDC jkollha mill-anqas stazzjon wieħed ta' konverżjoni HVDC fis-sjieda tat-TSO rilevanti;

(b)

is-sistema HVDC tkun proprjetà ta' entità li teżerċita kontroll fuq it-TSO rilevanti;

(c)

is-sistema HVDC tkun proprjetà ta' entità direttament jew indirettament ikkontrollata minn entità li wkoll teżerċita kontroll fuq it-TSO rilevanti.

4.   Ir-rekwiżiti għall-konessjoni ta' sistemi HVDC previsti fit-Titolu II għandhom japplikaw fil-punti ta' konnesjoni AC ta' sistemi bħal dawn, ħlief għar-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 29(4), 29(5) u 31(5), li jistgħu japplikaw fi kwalunkwe punt ieħor ta' konnessjoni, u l-Artikolu 19(1) li jista' japplika fit-terminali tal-istazzjoni tal-konverżjoni HVDC.

5.   Ir-rekwiżiti għall-konnessjoni ta' moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC u stazzjonijiet ta' konverżjoni HVDC imbiegħda previsti fit-Titolu III għandhom japplikaw fil-punt tal-interfaċċja HVDC ta' sistemi bħal dawn, ħlief għar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 39(1)(a) u l-Artikolu 47(2), li japplikaw fil-punt ta' konnessjoni fiż-żona sinkronika li għaliha jkun qed jiġi pprovdut ir-rispons tal-frekwenza.

6.   L-operatur tas-suq rilevanti għandu jirrifjuta li jippermetti l-konnessjoni ta' sistema HVDC ġdida jew ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament u li mhumiex koperti minn deroga mogħtija mill-awtorità regolatorja, jew, fejn applikabbli, awtorità oħra fi Stat Membru skont it-Titolu VII. L-operatur tas-sistema rilevanti għandu jikkomunika tali rifjut, permezz ta' dikjarazzjoni ġustifikata bil-miktub, lis-sid tas-sistema HVDC, jew lil sid il-modulu tal-park ta' potenza konness b'DC u, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, mill-awtorità regolatorja, lill-awtorità regolatorja.

7.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal:

(a)

sistemi HVDC li l-punt ta' konnessjoni tagħhom ikun anqas minn 110 kV sakemm it-TSO rilevanti ma jurix impatt transkonfinali. F'din il-valutazzjoni t-TSO rilevanti għandu jqis l-iżvilupp fit-tul tan-netwerk;

(b)

sistemi HVDC jew moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC konnessi mas-sistema ta' trażmissjoni u s-sistemi ta' distribuzzjoni jew partijiet mis-sistema ta' trażmissjoni jew sistemi ta' distribuzzjoni ta' gżejjer ta' Stati Membri li s-sistemi tagħhom ma jitħaddmux sinkronikament jew maż-żona sinkronika tal-Ewropa Kontinentali, tal-Gran Brittanja, dik Nordika, tal-Irlanda u l-Irlanda ta' fuq inkella dik tal-Baltiku;

Artikolu 4

Applikazzjoni għas-sistemi HVDC u għall-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC eżistenti

1.   Ħlief għall-Artikoli 26, 31, 33 u 50, is-sistemi HVDC eżistenti u l-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC eżistenti mhumiex soġġetti għar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, sakemm:

(a)

is-sistema HVDC jew il-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC jkun ġie modifikat sa tali punt li l-ftehim ta' konnessjoni tiegħu jkollu jiġi rivedut sostanzjalment skont il-proċedura li ġejja:

(i)

is-sidien ta' sistema HVDC jew ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC li biħsiebhom jimmodernizzaw impjant jew jissostitwixxu tagħmir li se jkollu impatt fuq il-kapaċitajiet tekniċi tas-sistema HVDC jew tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandhom jinnotifikaw lill-operatur tas-sistema rilevanti bil-quddiem dwar il-pjanijiet tagħhom;

(ii)

jekk l-operatur tas-sistema rilevanti jqis li l-ambitu tal-immodernizzar jew tas-sostituzzjoni tat-tagħmir huwa tali li hemm il-ħtieġa ta' ftehim ta' konnessjoni ġdid, l-operatur tas-sistema għandu jinnotifika lill-awtorità regolatorja rilevanti jew, fejn applikabbli, lill-Istat Membru; kif ukoll

(iii)

l-awtorità regolatorja rilevanti jew, meta jkun applikabbli, l-Istat Membru għandu jiddeċiedi jekk il-ftehim ta' konnessjoni eżistenti għandux bżonn jiġi rrivedut jew jekk ikunx meħtieġ ftehim ta' konnessjoni ġdid u liema rekwiżiti minn dan ir-Regolament għandhom japplikaw; jew

(b)

awtorità regolatorja jew, fejn applikabbli, Stat Membru jiddeċiedu li jagħmlu sistema HVDC eżistenti jew modulu ta' park tal-enerġija eżistenti konness b'DC soġġett għar-rekwiżiti kollha ta' dan ir-Regolament jew għal xi wħud minnhom, wara proposta mit-TSO rilevanti skont il-paragrafi 3, 4 u 5.

2.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, sistema HVDC jew modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandhom jitqiesu bħala eżistenti jekk:

(a)

diġà jkunu konnessi man-netwerk fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament; jew

(b)

is-sid ta' sistema HVDC jew is-sid ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC ikun ikkonkluda kuntratt finali u vinkolanti għax-xiri tal-impjant prinċipali ta' ġenerazzjoni jew tagħmir HVDC sa sentejn wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament. Is-sid tas-sistema HVDC jew is-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu jinnotifika lill-operatur tas-sistema rilevanti u lit-TSO rilevanti bil-konklużjoni tal-kuntratt fi żmien 30 xahar wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament.

In-notifika preżentata mis-sid tas-sistema HVDC jew mis-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC lill-operatur tas-sistema rilevanti u lit-TSO rilevanti għandha tal-anqas tindika t-titolu tal-kuntratt, id-data meta ġie ffirmat u d-data tad-dħul fis-seħħ u l-ispeċifikazzjonijiet tal-impjant prinċipali ta' ġenerazzjoni jew tagħmir HVDC li jkunu se jinbnew, jiġu armati, inkella jinxtraw.

Stat Membru jista' jipprovdi li f'ċirkostanzi speċifikati l-awtorità regolatorja tista' tiddetermina jekk is-sistema HVDC jew il-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandux jitqies bħala sistema HVDC jew modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC eżistenti jew ġdid.

3.   Wara konsultazzjoni pubblika skont l-Artikolu 8 u sabiex jiġu indirizzati bidliet fattwali sinifikanti fiċ-ċirkostanzi, bħall-evoluzzjoni tal-ħtiġijiet tas-sistema inkluż id-dħul ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, grilji intelliġenti, ġenerazzjoni distribwita jew rispons għad-domanda, it-TSO rilevanti jista' jipproponi lill-awtorità regolatorja kkonċernata, jew fejn applikabbli, lill-Istat Membru biex l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament tiġi estiża għas-sistemi HVDC u/jew għall-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC eżistenti.

Għal dan il-għan, għandha titwettaq analiżi kwantitattiva tal-kostijiet-benefiċċji, affidabbli u trasparenti, skont l-Artikoli 65 u 66. L-analiżi għandha tindika:

(a)

il-kostijiet tal-konformità meħtieġa ma' dan ir-Regolament, fir-rigward tas-sistemi HVDC u tal-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC eżistenti;

(b)

il-benefiċċju soċjoekonomiku li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament; kif ukoll

(c)

il-potenzjal tal-miżuri alternattivi biex tintlaħaq il-prestazzjoni meħtieġa.

4.   Qabel ma jagħmel l-analiżi kwantitattiva tal-kostijiet-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 3, it-TSO rilevanti għandu:

(a)

iwettaq tqabbil kwalitattiv preliminari tal-kostijiet u l-benefiċċji;

(b)

jikseb approvazzjoni mill-awtorità regolatorja rilevanti jew, meta jkun applikabbli, l-Istat Membru.

5.   L-awtorità regolatorja jew, meta jkun applikabbli, l-Istat Membru, jistgħu jiddeċiedu dwar l-estensjoni tal-applikabilità ta' dan ir-Regolament għas-sistemi HVDC jew għall-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC eżistenti fi żmien sitt xhur mill-wasla tar-rapport u r-rakkomandazzjoni tat-TSO rilevanti skont il-paragrafu 4 tal-Artikolu 65. Id-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja jew, fejn applikabbli, tal-Istat Membru, għandha tiġi ppubblikata.

6.   Bħala parti mill-valutazzjoni tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għas-sistemi HVDC jew għall-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC eżistenti, it-TSO rilevanti għandu jqis l-aspettattivi leġittimi tas-sidien tas-sistemi HVDC u tal-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC.

7.   It-TSO rilevanti jista' jevalwa l-applikazzjoni ta' wħud mid-dispożizzjonijiet jew tad-dispożizzjonijiet kollha ta' dan ir-Regolament għas-sistemi HVDC jew għall-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC eżistenti kull tliet snin skont il-kriterji u l-proċess stabbilit fil-paragrafi 3 sa 5.

Artikolu 5

Aspetti regolatorji

1.   Rekwiżiti ta' applikazzjoni ġenerali li għandhom jiġu stabbiliti minn operaturi tas-sistemi rilevanti jew TSOs f'konformità ma' dan ir-Regolament, għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni mill-entità ddeżinjata mill-Istat Membru, u għandhom jiġu ppubblikati. L-entità ddeżinjata għandha tkun l-awtorità regolatorja sakemm ma jiġix ipprovdut mod ieħor mill-Istat Membru.

2.   Għal rekwiżiti speċifiċi għas-sit, li għandhom jiġu stabbiliti mill-operaturi tas-sistemi rilevanti jew it-TSOs, f'konformità ma' dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jesiġu l-approvazzjoni minn entità ddeżinjata.

3.   Meta jkunu qegħdin japplikaw dan ir-Regolament, l-Istati Membri, l-entitajiet kompetenti u l-operaturi tas-sistemi għandhom:

(a)

japplikaw il-prinċipji ta' proporzjonalità u nondiskriminazzjoni;

(b)

jiżguraw it-trasparenza;

(c)

japplikaw il-prinċipju ta' ottimizzazzjoni bejn l-ogħla effiċjenza globali u l-kostijiet totali l-aktar baxxi għall-partijiet kollha involuti;

(d)

jirrispettaw ir-responsabbiltà assenjata lit-TSO rilevanti sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tas-sistema, inkluż kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

(e)

jikkonsultaw mad-DSOs rilevanti u jqisu l-impatti potenzjali fuq is-sistema tagħhom;

(f)

iqisu l-istandards Ewropej u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li ntlaħaq qbil dwarhom.

4.   L-operatur tas-sistema rilevanti jew TSO għandu jressaq proposta għar-rekwiżiti ta' applikazzjoni ġenerali, jew il-metodoloġija użata biex dawn jiġu kkalkulati jew stabbiliti, għall-approvazzjoni mill-entità kompetenti fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

5.   Fejn dan ir-Regolament jesiġi li l-operatur tas-sistema rilevanti, it-TSO rilevanti, jew is-sid tas-sistema HVDC, is-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC u/jew l-operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni jilħqu qbil, dawn għandhom jagħmlu mill-aħjar li jistgħu biex dan isir fi żmien sitt xhur minn meta l-ewwel proposta tkun tressqet minn parti waħda quddiem il-partijiet l-oħra. Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim f'dan iż-żmien, kull parti tista' tirreferi l-kwistjoni lill-awtorità regolatorja rilevanti biex din toħroġ deċiżjoni fi żmien sitt xhur.

6.   L-entitajiet kompetenti għandhom jieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-proposti għar-rekwiżiti jew il-metodoloġiji fi żmien sitt xhur minn meta jaslu proposti bħal dawn.

7.   Jekk l-operatur tas-sistema jew it-TSO rilevanti jqis li hemm il-ħtieġa ta' emenda għar-rekwiżiti jew għall-metodoloġiji kif previst u approvat skont il-paragrafi 1 u 2, ir-rekwiżiti previsti fil-paragrafi 3 sa 8 għandhom japplikaw għall-emenda proposta. L-operaturi tas-sistemi u t-TSO li jipproponu emenda għandhom iqisu l-aspettattivi leġittimi, jekk jeżistu, tas-sidien tas-sistema HVDC u s-sidien ta' moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC, tal-manifatturi tat-tagħmir jew ta' partijiet ikkonċernati oħra, abbażi tar-rekwiżiti jew metodoloġiji speċifikati jew maqbula inizjalment.

8.   Kull parti li għandha lment kontra operatur ta' sistema rilevanti jw TSO fir-rigward tal-obbligi ta' dak l-operatur ta' sistema rilevanti jew ta' TSO skont dan ir-Regolament, jista' jirreferi dan l-ilment lill-awtorità regolatorja li, fir-rwol tagħha bħala awtorità li ssolvi l-kunflitti, għandha toħroġ deċiżjoni fi żmien xahrejn minn meta tirċievi l-ilment. Dak il-perjodu jista' jiġi estiż b'xahrejn fejn l-awtorità regolatorja tkun teħtieġ informazzjoni ulterjuri. Dak il-perjodu estiż jista' jkompli jiġi estiż aktar bi qbil ma' min iressaq l-ilment. Id-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja għandha jkollha effett vinkolanti sakemm din ma tiġix imħassra permezz ta' appell.

9.   Fejn ir-rekwiżiti, skont dan ir-Regolament, għandhom jiġu stabbiliti minn operatur ta' sistema rilevanti li mhuwiex TSO, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li minflok, it-TSO ikun responsabbli għall-istabbiliment tar-rekwiżiti rilevanti.

Artikolu 6

TSOs multipli

1.   Fejn jeżisti akar minn TSO wieħed fi Stat Membru, dan ir-Regolament għandu japplika għal dawk it-TSOs kollha.

2.   L-Istati Membri, skont ir-reġim regolatorju nazzjonali, jistgħu jipprovdu li r-responsabbiltà tat-TSO biex jikkonformaw ma' xi obbligu wieħed jew aktar inkella l-obbligi kollha skont dan ir-Regolament tiġi assenjata lil TSO speċifiku wieħed jew aktar.

Artikolu 7

Irkupru tal-kostijiet

1.   Il-kostijiet imġarrba mill-operaturi tas-sistema soġġetti għar-Regolament dwar it-tariffi tan-netwerk u li jirriżultaw mill-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament, għandhom jiġu vvalutati mill-awtoritajiet regolatorji rilevanti. Kostijiet li jiġu stmati bħala raġonevoli, effiċjenti u proporzjonati għandhom jiġu rkuprati permezz ta' tariffi tan-netwerk jew permezz ta' mekkaniżmi xierqa oħra.

2.   Jekk jintalbu mill-awtoritajiet regolatorji rilevanti, l-operaturi tas-sistema msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom, fi żmien tliet xhur mit-talba, jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi faċilitata l-valutazzjoni tal-kostijiet imġarrba.

Artikolu 8

Konsultazzjoni pubblika

1.   L-operaturi tas-sistemi rilevanti u t-TSOs rilevanti għandhom iwettqu konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, inkluż mal-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru, dwar proposti biex tiġi estiża l-applikabbiltà ta' dan ir-Regolament għas-sistemi HVDC u għall-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC eżistenti, skont l-Artikolu 4(3) u dwar ir-rapport imħejji skont l-Artikolu 65(3) u l-analiżi tal-kostijiet-benefiċċji mwettqa skont l-Artikolu 80(2). Il-konsultazzjoni għandha ddum mill-inqas għal perjodu ta' xahar.

2.   L-operaturi tas-sistema rilevanti jew it-TSOs rilevanti għandhom iqisu l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati li jirriżultaw mill-konsultazzjonijiet, qabel ma jippreżentaw l-abbozz tal-proposta jew l-analiżi tal-kostijiet-benefiċċji għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja jew, jekk applikabbli, l-Istat Membru. Fil-każijiet kollha, għandha tingħata ġustifikazzjoni soda għall-inklużjoni jew le tal-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati u għandha tiġi ppubblikata fi żmien xieraq qabel, jew fl-istess ħin, mal-pubblikazzjoni tal-proposta.

Artikolu 9

Involviment tal-partijiet ikkonċernati

L-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (l-Aġenzija), f'kooperazzjoni mill-qrib man-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku (l-ENTSO għall-Elettriku), għandha torganizza l-involviment tal-partijiet ikkonċernati dwar ir-rekwiżiti għall-konnessjoni mal-grilja ta' sistemi HVDC u ta' moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC, u dwar aspetti oħra mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dan għandu jinkludi laqgħat regolari mal-partijiet ikkonċernati biex jidentifikaw il-problemi u jipproponu titjib, b'mod partikolari, relatat mar-rekwiżiti għall-konnessjoni tal-grilja tas-sistemi HVDC u tal-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC.

Artikolu 10

Obbligi ta' kunfidenzjalità

1.   Kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali li tasal, tiġi skambjata jew trażmessa skont dan ir-Regolament tiġi suġġetta għall-kundizzjonijiet tas-segretezza professjonali stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4.

2.   L-obbligu tas-segretezza professjonali għandu japplika għall-persuni, awtoritajiet regolatorji jew entitajiet soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

3.   Informazzjoni kunfidenzjali li tasal għand il-persuni, awtoritajiet regolatorji jew entitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 matul it-twettiq tal-kompiti tagħhom ma tista tiġi żvelata lill-ebda persuna jew awtorità oħra, mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti mil-liġi nazzjonali, id-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan ir-Regolament, jew liġijiet rilevanti oħra tal-Unjoni.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti mil-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni, l-awtoritajiet regolatorji, entitajiet jew persuni li jirċievu informazzjoni kunfidenzjali skont dan ir-Regolament jistgħu jużawha biss għall-finijiet tal-qadi tad-dmirijiet tagħhom skont dan ir-Regolament.

TITOLU II

REKWIŻITI ĠENERALI GĦAL KONNESSJONIJIET HVDC

KAPITOLU 1

Rekwiżiti għall-kontroll tal-potenza attiva u appoġġ tal-frekwenza

Artikolu 11

Meded ta' frekwenzi

1.   Sistema HVDC għandha tkun kapaċi tibqa' konnessa man-netwerk u tibqa' topera fil-meded ta' frekwenzi u fil-perjodi ta' żmien speċifikati fit-Tabella 1 tal-Anness I għall-medda ta' potenza ta' xort fiċ-ċirkwit kif speċifikat fl-Artikolu 32(2).

2.   It-TSO u s-sid tas-sistema HVDC rilevanti jistgħu jaqblu dwar meded usa' ta' frekwenzi jew ħinijiet minimi itwal għat-tħaddim jekk dan ikun meħtieġ biex tiġi ppreservata jew biex tiġi restawrata s-sigurtà tas-sistema. Jekk meded usa' ta' frekwenzi jew ħinijiet minimi itwal għat-tħaddim ikunu ekonomikament u teknikament fattibbli, is-sid tas-sistema HVDC m'għandux jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu mingħajr raġuni valida.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, sistema HVDC għandha tkun kapaċi tiskonnettja awtomatikament fi frekwenzi speċifikati mit-TSO rilevanti.

4.   It-TSO rilevanti jista' jispeċifika tnaqqis massimu ammissibbli fil-provvista ta' potenza attiva mill-punt operattiv tiegħu jekk il-frekwenza tas-sistema taqa' taħt id-49 Hz.

Artikolu 12

Kapaċità għal resistenza fir-rata tal-bidla tal-frekwenza

Sistema HVDC għandha tkun kapaċi tibqa' konnessa man-netwerk u tkompli topera jekk il-frekwenza tan-netwerk tinbidel b'rata bejn – 2,5 u + 2,5 Hz/s (imkejla fi kwalunkwe punt fil-ħin bħala medja tar-rata tal-bidla fil-frekwenza għas-sekonda (1) preċedenti).

Artikolu 13

Kontrollabbiltà tal-potenza attiva, il-medda ta' kontroll u r-rata ta' varjazzjoni tal-potenza attiva

1.   Fir-rigward tal-kapaċità ta' kontroll tal-potenza attiva trażmessa:

(a)

fuq struzzjoni mit-TSO rilevanti, sistema HVDC għandha tkun kapaċi taġġusta l-potenza attiva trażmessa sal-kapaċità massima tagħha ta' trażmissjoni ta' potenza attiva HVDC tas-sistema HVDC f'kull direzzjoni.

It-TSO rilevanti:

(i)

jista' jispeċifika daqs massimu jew minimu ta' grad fil-potenza biex tiġi aġġustata l-potenza attiva trażmessa;

(ii)

jista' jispeċifika kapaċità minima ta' trażmissjoni ta' potenza attiva HVDC għal kull direzzjoni, u li taħt dan il-limitu, l-kapaċità ta' trażmissjoni ta' potenza attiva mhix mitluba; kif ukoll

(iii)

għandu jispeċifika d-dewmien massimu li matulu s-sistema HVDC għandha tkun kapaċi taġġusta l-potenza attiva trażmessa mal-wasla ta' talba mit-TSO rilevanti.

(b)

it-TSO rilevanti għandu jispeċifika kif is-sistema HVDC tista' tkun kapaċi timmodifika l-provvista tal-potenza attiva trażmessa f'każ ta' problema f'netwerk jew f'netwerks AC li tkun konnessa magħhom. Jekk id-dewmien inizjali qabel ma tibda l-bidla jkun ta' aktar minn 10 millisekondi mill-wasla tas-sinjal ta' attivazzjoni mibgħut mit-TSO rilevanti, is-sid tas-sistema HVDC għandu jipprovdi ġustifikazzjoni raġonevoli lit-TSO rilevanti.

(c)

it-TSO rilevanti jista' jispeċifika li sistema HVDC għandha tkun kapaċi taqleb id-direzzjoni tal-potenza attiva b'mod rapidu. Il-bidla fid-direzzjoni tal-potenza għandha tkun possibbli mill-kapaċità massima ta' trażmissjoni ta' potenza attiva f'direzzjoni waħda għall-kapaċità massima ta' trażmissjoni ta' potenza attiva fid-direzzjoni l-oħra malajr kemm teknikament ikun fattibbli u jekk din tkun ta' aktar minn 2 sekondi, is-sid tas-sistema HVDC għandu jagħti ġustifikazzjoni raġonevoli lit-TSOs rilevanti.

(d)

Għal sistemi HVDC li jgħaqqdu diversi żoni ta' kontroll jew żoni sinkroniċi, is-sistema HVDC għandha tkun mgħammra b'funzjonijiet ta' kontroll li jippermettu lit-TSOs rilevanti li jimmodifikaw il-potenza attiva trażmessa għall-fini ta' bilanċjar transkonfinali.

2.   Sistema HVDC għandha tkun kapaċi taġġusta r-rata tal-varjazzjonijiet fil-potenza attiva fi ħdan il-kapaċitajiet tekniċi tagħha skont l-istruzzjonijiet mibgħuta mit-TSOs rilevanti. Fil-każ ta' modifika tal-potenza attiva skont il-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1, m'għandu jkun hemm l-ebda aġġustament fir-rata ta' varjazzjoni tal-potenza attiva.

3.   Jekk jiġi speċifikat minn TSO rilevanti, f'koordinazzjoni ma' TSOs kontigwi, il-funzjonijiet ta' kontroll ta' sistema HVDC għandhom ikunu kapaċi jieħdu azzjonijiet awtomatiċi ta' rimedju inklużi, iżda mhux limitati, għall-waqfien tal-varjazzjoni tal-potenza attiva u l-imblukkar tal-FSM, LFSM-O, LFSM-U u l-kontroll tal-frekwenza. Il-kriterji għall-attivazzjoni u għall-imblukkar għandhom jiġu speċifikati minn TSO rilevanti u jkunu soġġetti għal notifika lill-awtorità regolatorja. Il-modalitajiet ta' dik in-notifika għandhom jiġu ddeterminati skont il-qafas regolatorju nazzjonali applikabbli.

Artikolu 14

Inerzja sintetika

1.   Jekk jiġi speċifikat hekk minn TSO rilevanti, sistema HVDC għandha tkun kapaċi tipprovdi inerzja sintetika b'rispons għal bidliet fil-frekwenza, attivata f'reġimi ta' frekwenzi baxxi u/jew għoljin permezz ta' aġġustament rapidu tal-potenza attiva injettata fin-netwerk AC jew miġbuda minnusabiex tiġi limitata r-rata tal-bidla fil-frekwenza. Ir-rekwiżit għandu tal-anqas iqis ir-riżultati tal-istudji li jkunu saru mit-TSOs biex jiġi identifikat jekk hemmx il-bżonn li tiġi stabbilita inerzja minima.

2.   Il-prinċipju ta' din is-sistema ta' kontroll u l-parametri assoċjati tal-prestazzjoni għandhom jiġu miftiehma bejn it-TSO rilevanti u sid is-sistema HVDC.

Artikolu 15

Rekwiżiti relatati mal-modalità sensittiva għall-frekwenza, mal-modalità sensittiva għal frekwenza limitata — sovrafrekwenza u mal-modalità sensittiva għal frekwenza limitata — sottofrekwenza

Ir-rekwiżiti li japplikaw għall-modalità sensittiva għall-frekwenza, għall-modalità sensittiva għal frekwenza limitata — sovrafrekwenza u għall-modalità sensittiva għal frekwenza limitata — sottofrekwenza għandhom ikunu kif stabbilit fl-Anness II.

Artikolu 16

Kontroll tal-frekwenza

1.   Jekk jiġi speċifikat hekk mit-TSO rilevanti, sistema HVDC għandha tiġi mgħammra b'modalità ta' kontroll indipendenti biex jiġi modulat l-output tal-potenza attiva tal-istazzjon ta' konverżjoni HVDC skont il-frekwenzi fil-punti ta' konnessjoni kollha tas-sistema HVDC sabiex il-frekwenzi tas-sistema jinżammu stabbli.

2.   It-TSO rilevanti għandu jispeċifika l-prinċipju tal-operat, il-parametri tal-prestazzjoni assoċjati u l-kriterji tal-attivazzjoni tal-kontroll tal-frekwenza msemmijin fil-paragrafu 1.

Artikolu 17

Telf massimu ta' potenza attiva

1.   Is-sistema HVDC għandha tiġi konfigurata b'tali mod li t-telf tal-injezzjoni ta' potenza attiva tagħha f'żona sinkronika jkun limitat għal valur speċifikat mit-TSOs rilevanti għaż-żona ta' kontroll tal-frekwenza tat-tagħbija rispettiva tagħhom, abbażi tal-impatt tas-sistema HVDC fuq is-sistema tal-enerġija.

2.   Fejn is-sistema HVDC tgħaqqad żewġ żoni ta' kontroll jew aktar, it-TSOs rilevanti għandhom jikkonsultaw ma' xulxin sabiex jistabbilixxu valur koordinat tat-telf massimu ta' injezzjoni ta' potenza attiva kif imsemmi fil-paragrafu 1, filwaqt li jitqiesu l-ħsarat komuni tal-modalitajiet.

KAPITOLU 2

Rekwiżiti għall-kontroll tal-potenza reattiva u appoġġ għall-vultaġġ

Artikolu 18

Meded ta' vultaġġ

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25, stazzjon ta' konverżjoni HVDC għandu jkun kapaċi jibqa' konness man-netwerk u jkun kapaċi jopera fil-kurrent massimu ta' sistema HVDC, fil-meded tal-vultaġġ tan-netwerk fil-punt ta' konnessjoni, espressi mill-vultaġġ fil-punt ta' konnessjoni relatat mal-vultaġġ ta' referenza ta' 1 pu u l-perjodi ta' ħin speċifikati fit-Tabelli 4 u 5 tal-Anness III. L-istabbiliment tal-vultaġġ ta' referenza ta' 1 pu għandu jkun soġġett għal koordinazzjoni bejn l-operaturi rilevanti ta' sistemi kontigwi.

2.   Is-sid tas-sistema HVDC u l-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti, jistgħu jaqblu dwar meded usa' ta' vultaġġ jew ħinijiet minimi itwal għat-tħaddim minn dawk speċifikati fil-paragrafu 1 sabiex jiġi żgurat l-aħjar użu tal-kapaċitajiet tekniċi ta' sistema HVDC jekk dan ikun meħtieġ biex tiġi preservata jew restawrata s-sigurtà tas-sistema. Jekk meded usa' ta' vultaġġ jew ħinijiet minimi itwal għat-tħaddim ikunu ekonomikament u teknikament fattibbli, is-sid ta' sistema HVDC m'għandux jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu mingħajr raġuni valida.

3.   Stazzjon ta' konverżjoni HVDC għandu jkun kapaċi jiskonnettja awtomatikament f'vultaġġi fil-punti ta' konnessjoni speċifikati mill-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti. It-termini u l-konfigurazzjonijiet għal skonnessjoni awtomatika għandhom jiġu miftehmin bejn l-operatur tas-sistema rilevanti f'koordinazzjoni mat-TSO u mas-sid tas-sistema HVDC rilevanti.

4.   Għal punti ta' konnessjoni AC f'vultaġġi ta' referenza ta' 1 pu li mhumiex inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni stabbilit fl-Anness III, l-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSOs rilevanti, għandu jispeċifika r-rekwiżiti applikabbli fil-punti ta' konnessjoni.

5.   Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, it-TSO rilevanti fiż-żona sinkronika tal-Baltiku jista', wara konsultazzjonijiet mat-TSOs ġirien rilevanti, jesiġi li l-istazzjonijiet ta' konverżjoni HVDC jibqgħu konnessi man-netwerk ta' 400 kV fil-meded ta' vultaġġ u għall-perjodi ta' ħin li japplikaw fiż-żona sinkronika tal-Ewropa Kontinentali.

Artikolu 19

Il-kontribut ta' xort fiċ-ċirkwit waqt ħsarat

1.   Jekk jiġi speċifikat mill-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti, sistema HVDC għandha jkollha l-kapaċità li tipprovdi kurrent għal korrezzjoni rapida f'punt ta' konnessjoni fil-każ ta' ħsarat simetriċi (3-phase).

2.   Meta sistema HVDC ikun irid ikollha l-kapaċità msemmija fil-paragrafu 1, l-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti, għandu jispeċifika dawn li ġejjin:

(a)

kif u meta għandha tiġi ddeterminata devjazzjoni tal-vultaġġ kif ukoll it-tmiem tad-devjazzjoni tal-vultaġġ;

(b)

il-karatteristiċi tal-kurrent għal korrezzjoni rapida;

(c)

il-ħin u l-akkuratezza tal-kurrent għal korrezzjoni rapida, li jistgħu jinkludu diversi stadji.

3.   L-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti, jista' jispeċifika rekwiżit għal injezzjoni asimetrika tal-kurrent fil-każ ta' ħsarat asimetriċi (1-phase jew 2-phase).

Artikolu 20

Kapaċità tal-potenza reattiva

1.   L-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti, għandu jispeċifika r-rekwiżiti tal-kapaċità ta' potenza reattiva fil-punti ta' konnessjoni, fil-kuntest ta' vultaġġ varjabbli. Il-proposta għal dawk ir-rekwiżiti għandha tinkludi profil tal-U-Q/Pmax, li fil-limiti tiegħu l-istazzjon ta' konverżjoni HVDC għandu jkun kapaċi jipprovdi potenza reattiva fil-kapaċità massima ta' trażmissjoni ta' potenza attiva HVDC tiegħu.

2.   Il-profil tal-U-Q/Pmax imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun konformi mal-prinċipji li ġejjin:

(a)

il-profil tal-U-Q/Pmax m'għandux jaqbeż il-pakkett tal-profil tal-U-Q/Pmax rappreżentat mill-pakkett ta' ġewwa fil-grafika stabbilita fl-Anness IV, u ma għandux bżonn ikun rettangolari;

(b)

id-dimensjonijiet tal-pakkett tal-profil tal-U-Q/Pmax għandhom jirrispettaw il-valuri stabbiliti għal kull żona sinkronika fit-tabella murija fl-Anness IV; kif ukoll

(c)

il-pożizzjoni tal-pakkett tal-profil tal-U-Q/Pmax għandha taqa' fil-limiti tal-pakkett fiss ta' barra fil-grafika stabbilita fl-Anness IV.

3.   Sistema HVDC għandha tkun kapaċi timxi lejn kwalunkwe punt ta' operazzjoni fi ħdan il-profil tal-U-Q/Pmax tagħha f'perjodi ta' żmien speċifikati mill-operatur tas-sistema rilevanti f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti.

4.   Meta jkun qiegħed jopera b'output ta' potenza attiva li jkun taħt il-kapaċità massima ta' trażmissjoni ta' potenza attiva HVDC (P<Pmax), l-istazzjon ta' konverżjoni HVDC għandu jkun kapaċi jopera fi kwalunkwe punt ta' operazzjoni possibbli, kif speċifikat mill-operatur tas-sistema rilevanti f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti u skont il-kapaċità ta' potenza reattiva stabbilita mill-profil tal-U-Q/Pmax speċifikat fil-paragrafi 1 sa 3.

Artikolu 21

Potenza reattiva skambjata man-netwerk

1.   Is-sid tas-sistema HVDC għandu jiżgura li l-potenza reattiva tal-istazzjon ta' konverżjoni HVDC tiegħu li tiġi skambjata man-netwerk fil-punt ta' konnessjoni tkun limitata għall-valuri speċifikati mill-operatur tas-sistema rilevanti f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti.

2.   Il-varjazzjoni fil-potenza reattiva kkawżata mill-operat tal-modalità ta' kontroll tal-potenza reattiva tal-Istazzjon ta' konverżjoni HVDC, imsemmija fl-Artikolu 22(1), m'għandhiex twassal għal grad fil-vultaġġ li jaqbeż il-valur permess fil-punt ta' konnessjoni. L-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti, għandu jispeċifika dan il-valur massimu tollerabbli ta' grad fil-vultaġġ.

Artikolu 22

Modalità ta' kontroll tal-potenza reattiva

1.   Stazzjon ta' konverżjoni HVDC għandu jkun kapaċi jopera f'waħda jew f'aktar mit-tliet modalitajiet ta' kontroll li ġejjin, kif speċifikat mill-operatur tas-sistema rilevanti f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti:

(a)

modalità ta' kontroll tal-vultaġġ;

(b)

modalità ta' kontroll tal-potenza reattiva;

(c)

modalità ta' kontroll tal-fattur ta' potenza.

2.   Stazzjon ta' konverżjoni HVDC għandu jkun kapaċi jopera f'modalitajiet addizzjonali ta' kontroll speċifikat mill-operatur tas-sistema rilevanti f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti.

3.   Għall-finijiet tal-modalità ta' kontroll tal-vultaġġ, kull stazzjon ta' konverżjoni HVDC għandu jkun kapaċi jikkontribwixxi għall-kontroll tal-vultaġġ fil-punt ta' konnessjoni billi jutilizza l-kapaċitajiet tiegħu, filwaqt li jiġu rispettati l-Artikoli 20 u 21, skont il-karatteristiċi ta' kontroll li ġejjin:

(a)

il-valur programmat tal-vultaġġ fil-punt ta' konnessjoni għandu jiġi speċifikat biex ikopri medda speċifika ta' tħaddim, jew kontinwament jew fi gradi, mill-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti;

(b)

il-kontroll tal-vultaġġ jista' jiġi operat bi jew mingħajr banda mejta madwar il-valur programmat li jista' jintagħżel f'medda minn żero għal +/– 5 % tal-vultaġġ ta' referenza tan-netwerk ta' 1 pu. Il-banda mejta għandha tkun tista' tiġi aġġustata fi gradi kif speċifikat mill-operatur tas-sistema rilevanti f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti;

(c)

wara bidla gradata fil-vultaġġ, l-istazzjon ta' konverżjoni HVDC għandu jkun kapaċi:

(i)

jikseb 90 % tal-bidla fl-output tal-potenza reattiva f'ħin t1 speċifikat mill-operatur tas-sistema rilevanti f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti. Il-ħin t1 għandu jkun fil-medda ta' 0,1 — 10 sekondi; kif ukoll

(ii)

jistabbilizza fil-valur speċifikat mill-inklinazzjoni operattiva (operating slope) fil-ħin t2 speċifikat mill-operatur tas-sistema rilevanti f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti. Il-ħin t2 għandu jkun fil-medda ta' 1 — 60 sekonda, b'tolleranza speċifikata fi stat fiss mogħtija f' % tal-potenza reattiva massima.

(d)

il-modalità ta' kontroll tal-vultaġġ għandha tinkludi l-kapaċità li tbiddel l-output tal-potenza reattiva abbażi ta' kombinazzjoni ta' valur programmat modifikat tal-vultaġġ u komponent addizzjonali struwit tal-potenza reattiva. L-inklinazzjoni għandha tiġi speċifikata permezz ta' medda u grad speċifikati mill-operatur tas-sistema rilevanti f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti.

4.   Fir-rigward tal-modalità ta' kontroll tal-potenza reattiva, l-operatur tas-sistema rilevanti għandu jispeċifika medda ta' potenza reattiva f'MVAr jew f' % tal-potenza reattiva massima, kif ukoll l-akkuratezza assoċjata tagħha fil-punt ta' konnessjoni, permezz tal-użu tal-kapaċitajiet tas-sistema HVDC, filwaqt li jiġu rispettati l-Artikoli 20 u 21.

5.   Għall-fini tal-modalità ta' kontroll tal-fattur ta' potenza, l-istazzjon ta' konverżjoni HVDC għandu jkun kapaċi jikkontrolla l-fattur ta' potenza għal mira fil-punt ta' konnessjoni, filwaqt li jiġu rispettati l-Artikoli 20 u 21. Il-valuri programmati disponibbli għandhom ikunu disponibbli fi gradi mhux akbar minn grad massimu permess speċifikat mill-operatur tas-sistema rilevanti.

6.   L-operatur tas-sistema rilevanti f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti, għandu jispeċifika kwalunkwe tagħmir meħtieġ biex jippermetti l-għażla mill-bogħod tal-modalitajiet ta' kontroll u tal-valuri programmati rilevanti.

Artikolu 23

Prijorità għal kontribut minn potenza attiva jew reattiva

Filwaqt li jqis il-kapaċitajiet tas-sistema HVDC speċifikati skont dan ir-Regolament, it-TSO rilevanti għandu jiddetermina jekk il-kontribut minn potenza attiva jew il-kontribut minn potenza reattiva għandux ikollu prijorità waqt l-operat ta' vultaġġ baxx jew għoli u matul ħsarat li għalihom ikun hemm il-ħtieġa ta' kapaċità ta' funzjonament minkejja ħsara. Jekk tingħata prijorità lil kontribut minn potenza attiva, il-provvista tagħha għandha tiġi stabbilita minn ħin mill-bidu tal-ħsara kif speċifikat mit-TSO rilevanti.

Artikolu 24

Kwalità tal-potenza

Sid ta' sistema HVDC għandu jiżgura li l-konnessjoni tas-sistema HVDC tiegħu man-netwerk ma twassalx għal livell ta' distorsjoni jew ta' flutwazzjoni tal-provvista ta' vultaġġ fuq in-netwerk, fil-punt ta' konnessjoni, li jaqbeż il-livell speċifikat mill-operatur tas-sistema rilevanti f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti. Il-proċess biex jitwettqu l-istudji neċessarji u biex tiġi pprovduta d-dejta rilevanti mill-utenti kollha involuti tal-grilja, kif ukoll l-azzjonijiet ta' mitigazzjoni identifikati u implimentati, għandhom ikunu skont il-proċess fl-Artikolu 29.

KAPITOLU 3

Rekwiżiti għall-kapaċità ta' funzjonament minkejja ħsara

Artikolu 25

Kapaċità ta' funzjonament minkejja ħsara

1.   It-TSO rilevanti għandu jispeċifika, filwaqt li jiġi rispettat l-Artikolu 18, profil ta' vultaġġ meta mqabbel mal-ħin kif stabbilit fl-Anness V u wara li jkun tqies il-profil tal-vultaġġ meta mqabbel mal-ħin speċifikat għal moduli ta' parks tal-enerġija skont ir-Regolament (UE) 2016/631. Dan il-profil għandu japplika f'punti ta' konnessjoni għal kundizzjonijiet ta' ħsara, li fihom l-istazzjon ta' konverżjoni HVDC għandu jkun kapaċi jibqa' konness man-netwerk u jkompli jopera b'mod stabbli wara li s-sistema tal-enerġija tkun irkuprat wara li tkun ġiet ikklerjata l-ħsara. Il-profil tal-vultaġġ meta mqabbel mal-ħin għandu jesprimi limitu aktar baxx tas-sekwenza reali tal-vultaġġi fażi-fażi fuq il-livell tal-vultaġġi tan-netwerk fil-punt ta' konnessjoni matul ħsara simetrika, bħala funzjoni tal-ħin qabel, matul u wara ħsara. Kwalunkwe perjodu ta' funzjonament minkejja ħsara itwal minn trec2 għandu jiġi speċifikat mit-TSO rilevanti b'mod konsistenti mal-Artikolu 18.

2.   Fuq talba minn sid is-sistema HVDC, l-operatur tas-sistema rilevanti għandu jipprovdi l-kundizzjonijiet ta' qabel il-ħsara u ta' wara l-ħsara kif previst fl-Artikolu 32 dwar:

(a)

il-kapaċità minima ta' xort fiċ-ċirkwit ta' qabel ħsara f'kull punt ta' konnessjoni espressa f'MVA;

(b)

il-punt ta' operazzjoni ta' qabel ħsara tal-istazzjon ta' konverżjoni HVDC espress bħala output tal-potenza attiva u output tal-potenza reattiva fil-punt ta' konnessjoni u l-vultaġġ fil-punt ta' konnessjoni; kif ukoll

(c)

il-kapaċità minima ta' xort fiċ-ċirkwit wara ħsara f'kull punt ta' konnessjoni espressa f'MVA.

Alternattivament, l-operatur tas-sistema rilevanti jista' jipprovdi valuri ġeneriċi għall-kundizzjonijiet ta' hawn fuq, li jkunu ġew derivati minn każijiet tipiċi.

3.   L-istazzjon ta' konverżjoni HVDC għandu jkun kapaċi jibqa' konness man-netwerk u jkompli jopera b'mod stabbli meta s-sekwenza reali tal-vultaġġi fażi-fażi fuq il-livell tal-vultaġġ tan-netwerk fil-punt ta' konnessjoni matul ħsara simetrika, minħabba l-kundizzjonijiet ta' qabel il-ħsara u ta' wara l-ħsara previsti fl-Artikolu 32, tibqa' ogħla mil-limitu l-aktar baxx stabbilit fil-grafika fl-Anness V, sakemm l-iskema ta' protezzjoni għal ħsarat interni ma tkunx teħtieġ l-iskonnettjar tal-istazzjon ta' konverżjoni HVDC min-netwerk. L-iskemi ta' protezzjoni u l-konfigurazzjonijiet għal ħsarat interni għandhom jitfasslu biex ma jipperikolawx il-prestazzjoni tal-funzjonament minkejja ħsara.

4.   It-TSO rilevanti jista' jispeċifika vultaġġi (Ublock) fil-punti ta' konnessjoni taħt kundizzjonijiet speċifiċi tan-netwerk fejn is-sistema HVDC titħalla timblokka. Timblokka tfisser tibqa' konnessa man-netwerk mingħajr l-ebda kontribut minn potenza attiva jew reattiva għal perjodu ta' ħin li għandu jkun qasir kemm ikun teknikament fattibbli u li għandu jiġi miftiehem bejn it-TSOs u sid is-sistema HVDC rilevanti.

5.   Skont l-Artikolu 34, il-protezzjoni kontra vultaġġ baxx għandha tiġi stabbilita mis-sid tas-sistema HVDC sal-aktar kapaċità teknika wiesgħa possibbli tal-istazzjon ta' konverżjoni HVDC. L-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti, jista' jispeċifika konfigurazzjonijiet aktar stretti skont l-Artikolu 34.

6.   It-TSO rilevanti għandu jispeċifika kapaċitajiet ta' funzjonament minkejja ħsara fil-każ ta' ħsarat asimetriċi.

Artikolu 26

L-irkupru tal-potenza attiva wara ħsara

It-TSO rilevanti għandu jispeċifika l-profil tad-daqs u tal-ħin tal-irkupru tal-potenza attiva li s-sistema HVDC għandha tkun kapaċi tipprovdi, skont l-Artikolu 25.

Artikolu 27

Irkupru rapidu minn ħsarat DC

Sistemi HVDC, inklużi linji DC fl-ajru, għandhom ikunu kapaċi jirkupraw malajr minn ħsarat temporanji fis-sistema HVDC. Id-dettalji ta' din il-kapaċità għandhom ikunu soġġetti għal koordinazzjoni u ftehimiet dwar skemi ta' protezzjoni u konfigurazzjonijiet skont l-Artikolu 34.

KAPITOLU 4

Rekwiżiti għall-kontroll

Artikolu 28

Enerġizzazzjoni u sinkronizzazzjoni ta' stazzjonijiet ta' konverżjoni HVDC

Sakemm l-operatur tas-sistema rilevanti ma jagħtix struzzjonijiet oħra, matul l-enerġizzazzjoni jew is-sinkronizzazzjoni ta' stazzjon ta' konverżjoni HVDC man-netwerk AC jew matul il-konnessjoni ta' stazzjon ta' konverżjoni HVDC enerġizzat ma' sistema HVDC, l-istazzjon ta' konverżjoni HVDC għandu jkollu l-kapaċità jillimita kwalunkwe bidliet fil-vultaġġ għal livell fi stat stabbli speċifikat mill-operatur tas-sistema rilevanti f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti. Il-livell speċifikat m'għandux jaqbeż il-5 % tal-vultaġġ qabel is-sinkronizzazzjoni. L-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti, għandu jispeċifika d-daqs massimu, it-tul u l-perjodu ta' kejl tat-tranżjenti tal-vultaġġ.

Artikolu 29

Interazzjoni bejn sistemi HVDC jew impjanti u tagħmir ieħor

1.   Meta jkun hemm diversi stazzjonijiet ta' konverżjoni HVDC jew impjanti u tagħmir ieħor fi prossimità elettrika mill-qrib, it-TSO rilevanti jista' jispeċifika l-ħtieġa ta' studju, u l-ambitu u l-firxa ta' dak l-istudju, biex juri li mhux ser ikun hemm interazzjoni negattiva. Jekk tiġi identifikata interazzjoni negattiva, l-istudji għandhom jidentifikaw azzjonijiet possibbli ta' mitigazzjoni li għandhom jiġu implimentati biex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

2.   L-istudji għandhom isiru mis-sid tas-sistema HVDC li tipprovdi konnessjoni, bil-parteċipazzjoni tal-partijiet l-oħra kollha identifikati mit-TSOs bħala rilevanti għal kull punt ġdid ta' konnessjoni. L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li r-responsabbiltà biex isiru l-istudji f'konformità ma' dan l-Artikolu tkun tat-TSO. Il-partijiet kollha għandhom jiġu infurmati bir-riżultati tal-istudji.

3.   Il-partijiet kollha identifikati mit-TSO rilevanti bħala rilevanti għal kull punt ta' konnessjoni, inkluż it-TSO rilevanti, għandhom jikkontribwixxu għall-istudji u għandhom jipprovdu d-dejta u l-mudelli kollha rilevanti, kif raġonevolment meħtieġa biex jintlaħqu l-iskopijiet tal-istudji. It-TSO rilevanti għandu jiġbor dan il-kontribut u, fejn meħtieġ, jgħaddih lill-parti responsabbli għall-istudji skont l-Artikolu 10.

4.   It-TSO rilevanti għandu jivvaluta r-riżultat tal-istudji abbażi tal-kamp ta' applikazzjoni u l-firxa tagħhom kif speċifikat skont il-paragrafu 1. Jekk ikun meħtieġ għall-valutazzjoni, it-TSO rilevanti jista' jitlob lis-sid tas-sistema HVDC biex iwettaq studji ulterjuri f'konformità mal-kamp ta' applikazzjoni u l-firxa speċifikata skont il-paragrafu 1.

5.   It-TSO rilevanti jista' jirrevedi jew jirreplika xi wħud mill-istudji jew kollha kemm huma. Is-sid tas-sistema HVDC għandu jipprovdi lit-TSO rilevanti d-dejta u l-mudelli rilevanti kollha li jippermettu li jsir tali studju.

6.   Kwalunkwe azzjoni ta' mitigazzjoni meħtieġa identifikata mill-istudji, li tkun saret skont il-paragrafi 2 u 5 u li tkun ġiet riveduta mit-TSO rilevanti għandha tittieħed minn sid is-sistema HVDC bħala parti mill-konnessjoni tal-istazzjon ta' konverżjoni HVDC ġdid.

7.   It-TSO rilevanti jista' jispeċifika livelli tranżitorji ta' rendiment marbuta ma' avvenimenti għas-sistema HVDC individwali inkella kollettivament fuq sistemi HVDC milquta ta' spiss. L-ispeċifikazzjoni tista' tiġi pprovduta biex titħares l-integrità kemm tal-apparat tat-TSO kif ukoll tal-utenti tal-grilja b'mod konsistenti mal-kodiċi nazzjonali tiegħu.

Artikolu 30

Kapaċità ta' attenwazzjoni tal-oxxillazzjonijiet tal-potenza

Is-sistema HVDC għandha tkun kapaċi tikkontribwixxi għall-attenwazzjoni tal-oxxillazzjonijiet tal-potenza f'netwerks AC konnessi. Is-sistema ta' kontroll tas-sistema HVDC m'għandhiex tnaqqas l-attenwazzjoni tal-oxxillazzjonijiet tal-potenza. It-TSO rilevanti għandu jispeċifika l-medda ta' frekwenzi ta' oxxillazzjonijiet li l-iskema ta' kontroll għandha tattenwahom b'mod pożittiv, u l-kundizzjonijiet tan-netwerks meta jiġri dan, u tal-anqas għandu jqis kwalunkwe studju ta' valutazzjoni dwar l-istabbiltà dinamika li jkun sar mit-TSOs biex jiġu identifikati l-limiti ta' stabbiltà u l-problemi potenzjali ta' stabbiltà fis-sistemi ta' trażmissjoni tagħhom. Għandu jintlaħaq qbil dwar l-għażla tal-konfigurazzjonijiet tal-parametri ta' kontroll bejn it-TSO rilevanti u s-sid tas-sistema HVDC.

Artikolu 31

Kapaċità ta' attenwazzjoni tal-interazzjoni torsjonali subsinkronika

1.   Fir-rigward tal-kontroll tal-attenwazzjoni tal-interazzjoni torsjonali subsinkronika (SSTI), is-sistema HVDC għandha tkun kapaċi tikkontribwixxi għall-attenwazzjoni elettrika ta' frekwenzi torsjonali.

2.   It-TSO rilevanti għandu jispeċifika l-firxa meħtieġa tal-istudji SSTI u jipprovdi parametri ta' input, sa fejn ikunu disponibbli, relatati mat-tagħmir u mal-kundizzjonijiet rilevanti tas-sistema fin-netwerk tiegħu. L-istudji SSTI għandhom jiġu pprovduti mis-sid tas-sistema HVDC. L-istudji għandhom jidentifikaw il-kundizzjonijiet, jekk ikun hemm, fejn teżisti SSTI u jipproponu kwalunkwe proċedura ta' mitigazzjoni meħtieġa. L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li r-responsabbiltà biex isiru l-istudji f'konformità ma' dan l-Artikolu tkun tat-TSO. Il-partijiet kollha għandhom jiġu infurmati bir-riżultati tal-istudji.

3.   Il-partijiet kollha identifikati mit-TSO rilevanti bħala rilevanti għal kull punt ta' konnessjoni, inkluż it-TSO rilevanti, għandhom jikkontribwixxu għall-istudji u għandhom jipprovdu d-dejta u l-mudelli kollha rilevanti, kif raġonevolment meħtieġa biex jintlaħqu l-iskopijiet tal-istudji. It-TSO rilevanti għandu jiġbor dan il-kontribut u, fejn meħtieġ, jgħaddih lill-parti responsabbli għall-istudji skont l-Artikolu 10.

4.   It-TSO rilevanti għandu jivvaluta r-riżultat tal-istudji SSTI. Jekk ikun meħtieġ għall-valutazzjoni, it-TSO rilevanti jista' jitlob lis-sid tas-sistema HVDC biex iwettaq aktar studji SSTI f'konformità mal-istess kamp ta' applikazzjoni u firxa.

5.   It-TSO rilevanti jista' jirrevedi jew jirreplika l-istudju. Is-sid tas-sistema HVDC għandu jipprovdi lit-TSO rilevanti d-dejta u l-mudelli rilevanti kollha li jippermettu li jsir tali studju.

6.   Kwalunkwe azzjoni ta' mitigazzjoni meħtieġa identifikata mill-istudji, li tkun saret skont il-paragrafi 2 jew 4 u li tkun ġiet riveduta mit-TSO rilevanti għandha tittieħed minn sid is-sistema HVDC bħala parti mill-konnessjoni tal-istazzjon ta' konverżjoni HVDC ġdid.

Artikolu 32

Karatteristiki tan-netwerk

1.   L-operatur tas-sistema rilevanti għandu jispeċifika u jagħmel disponibbli għall-pubbliku l-metodu u l-kundizzjonijiet ta' qabel il-ħsara u ta' wara l-ħsara għall-kalkolu ta' mill-inqas il-potenza minima u massima ta' xort fiċ-ċirkwit fil-punti ta' konnessjoni.

2.   Is-sistema HVDC għandha tkun kapaċi topera fil-medda tal-karatteristiċi tal-potenza ta' xort fiċ-ċirkwit u tan-netwerk speċifikati mill-operatur tas-sistema rilevanti.

3.   Kull operatur tas-sistema rilevanti għandu jipprovdi lis-sid tas-sistema HVDC b'ekwivalenti tan-netwerk li jiddeskrivu l-imġiba tan-netwerk fil-punt ta' konnessjoni, li jippermetti lis-sidien ta' sistemi HVDC li jiddisinjaw is-sistema tagħhom fir-rigward ta' mill-inqas, iżda mhux limitata għal, l-istabbiltà armonika u dinamika matul il-ħajja tas-sistema HVDC.

Artikolu 33

Robustezza tas-sistema HVDC

1.   Is-sistema HVDC għandha tkun kapaċi ssib punti stabbli ta' tħaddim b'bidla minima fil-fluss tal-potenza attiva u fil-livell tal-vultaġġ, waqt u wara kull bidla ppjanata jew mhux ippjanata fis-sistema HVDC jew fin-netwerk AC li tkun konnessa miegħu. It-TSO rilevanti għandu jispeċifika l-bidliet fil-kundizzjonijiet tas-sistema li għalihom is-sistemi HVDC għandha tibqa' f'operazzjoni stabbli.

2.   Is-sid tas-sistema HVDC għandu jiżgura li l-ittrippjar jew l-iskonnessjoni ta' stazzjon ta' konverżjoni HVDC, bħala parti minn xi sistema HVDC b'diversi terminali jew inkorporata, ma twassalx għal kurrenti qosra fil-punt ta' konnessjoni lil hinn mil-limitu speċifikat mit-TSO rilevanti.

3.   Is-sistema HVDC għandha tkun tiflaħ għal ħsarat temporanji fuq il-linji HVAC fin-netwerk maġenb jew viċin is-sistema HVDC, u m'għandhiex tikkawża li xi tagħmir fis-sistema HVDC jiskonnettja min-netwerk minħabba għeluq awtomatiku tal-linji fin-netwerk.

4.   Is-sid tas-sistema HVDC għandu jipprovdi informazzjoni lill-operatur tas-sistema rilevanti dwar ir-reżiljenza tas-sistema HVDC għal problemi fis-sistema AC.

KAPITOLU 5

Rekwiżiti għal tagħmir u konfigurazzjonijiet ta' protezzjoni

Artikolu 34

Skemi u konfigurazzjonijiet ta' protezzjoni elettrika

1.   L-operatur tas-sistema rilevanti għandu jispeċifika, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti, l-iskemi u l-konfigurazzjonijiet meħtieġa biex jiġi protett in-netwerk filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tas-sistema HVDC. L-iskemi ta' protezzjoni rilevanti għas-sistema HVDC u għan-netwerk, u l-konfigurazzjonijiet rilevanti għas-sistema HVDC, għandhom jiġu koordinati u miftiehma bejn l-operatur tas-sistema rilevanti, it-TSO rilevanti u s-sid tas-sistema HVDC. L-iskemi ta' protezzjoni u l-konfigurazzjonijiet għal ħsarat elettriċi interni għandhom jiġu ddisinjati sabiex ma tiġix perikolata l-prestazzjoni tas-sistema HVDC skont dan ir-Regolament.

2.   Il-protezzjoni elettrika tas-sistema HVDC għandha tieħu preċedenza fuq il-kontrolli operazzjonali filwaqt li titqies is-sigurtà tas-sistema, is-saħħa u s-sigurtà tal-persunal u tal-pubbliku u l-mitigazzjoni tal-ħsara lis-sistema HVDC.

3.   Kwalunkwe bidla għall-iskemi ta' protezzjoni jew għall-konfigurazzjonijiet tagħhom rilevanti għas-sistema HVDC u għan-netwerk għandha tiġi miftiehma bejn l-operatur tas-sistema rilevanti, it-TSO rilevanti u s-sid tas-sistema HVDC qabel ma tiġi implimentata mis-sid tas-sistema HVDC.

Artikolu 35

Klassifikazzjoni prijoritarja tal-protezzjoni u tal-kontroll

1.   Skema ta' kontroll, speċifikata mis-sid tas-sistema HVDC li tikkonsisti minn modalitajiet differenti ta' kontroll, inklużi l-konfigurazzjonijiet tal-parametri speċifiċi, għandha tiġi kkoordinata u miftiehma bejn it-TSO rilevanti, l-operatur tas-sistema rilevanti u s-sid tas-sistema HVDC.

2.   Fir-rigward tal-klassifikazzjoni prijoritarja tal-protezzjoni u tal-kontroll, is-sid tas-sistema HVDC għandu jorganizza l-apparat ta' protezzjonijiet u ta' kontroll tiegħu f'konformità mal-klassifikazzjoni prijoritarja li ġejja, elenkata f'ordni ta' importanza tonqos, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor mit-TSOs rilevanti, f'koordinazzjoni mal-operatur tas-sistema rilevanti:

(a)

protezzjoni tas-sistema tan-netwerk u tas-sistema HVDC;

(b)

kontroll tal-potenza attiva għal assistenza ta' emerġenza;

(c)

inerzja sintetika, jekk tkun applikabbli;

(d)

azzjonijiet awtomatiċi ta' rimedju kif speċifikat fl-Artikolu 13(3);

(e)

LFSM;

(f)

FSM u kontroll tal-frekwenza; kif ukoll

(g)

limitu tal-gradjent tal-potenza.

Artikolu 36

Bidliet fl-iskemi u l-konfigurazzjonijiet ta' protezzjoni u ta' kontroll

1.   Il-parametri tal-modalitajiet differenti ta' kontroll u l-konfigurazzjonijiet ta' protezzjoni tas-sistema HVDC għandhom ikunu jistgħu jiġu mibdula fl-istazzjon ta' konverżjoni HVDC, jekk dan ikun meħtieġ mill-operatur tas-sistema rilevanti jew mit-TSO rilevanti, u skont il-paragrafu 3.

2.   Kwalunkwe bidla fl-iskemi jew fil-konfigurazzjonijiet tal-parametri tal-modalitajiet differenti ta' kontroll u tal-protezzjoni tas-sistema HVDC, inkluż il-proċedura, għandha tiġi koordinata u miftiehma bejn l-operatur tas-sistema rilevanti, it-TSO rilevanti u s-sid tas-sistema HVDC.

3.   Il-modalitajiet ta' kontroll u l-valuri programmati assoċjati tas-sistema HVDC għandhom ikunu jistgħu jiġu mibdula mill-bogħod, kif speċifikat mill-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti.

KAPITOLU 6

Rekwiżiti għar-restawr ta' sistema tal-enerġija

Artikolu 37

Startjar minn mitfi totali

1.   It-TSO rilevanti jista' jikseb kwotazzjoni għall-abilità ta' startjar minn mitfi totali minn sid ta' sistema HVDC.

2.   Sistema HVDC b'abilità ta' startjar minn mitfi totali għandha tkun kapaċi, fil-każ li stazzjon wieħed ta' konverżjoni jkun enerġizzat, tenerġizza l-iżbarra ta' distribuzzjoni tas-substazzjon imbiegħed tal-AC li miegħu huwa konness stazzjon ieħor ta' konverżjoni, f'limitu ta' ħin wara tifi tas-sistema HVDIC determinat mit-TSOs rilevanti. Is-sistema HVDC għandha tkun tista' tissinkronizza fil-limiti ta' frekwenzi stabbiliti fl-Artikolu 11 u fil-limiti ta' vultaġġ speċifikati mit-TSO rilevanti jew kif previst fl-Artikolu 18, fejn applikabbli. It-TSO rilevanti jista' jispeċifika frekwenzi u meded usa' ta' vultaġġ fejn dan ikun meħtieġ sabiex tiġi restawrata s-sigurtà tas-sistema.

3.   It-TSO rilevanti u s-sid tas-sistema HVDC għandhom jaqblu dwar il-kapaċità u d-disponibbiltà tal-abilità ta' startjar minn mitfi totali u l-proċedura ta' tħaddim.

TITOLU III

REKWIŻITI GĦAL MODULI TA' PARKS TAL-ENERĠIJA KONNESSI B'DC U GĦAL STAZZJONIJIET TA' KONVERŻJONI HVDC IMBIEGĦDA

KAPITOLU 1

Rekwiżiti għal moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC

Artikolu 38

Kamp ta' applikazzjoni

Ir-rekwiżiti applikabbli għal moduli ta' parks tal-enerġija fuq il-baħar skont l-Artikoli 13 sa 22 tar-Regolament (UE) 2016/631, għandhom japplikaw għal moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC soġġetti għar-rekwiżiti speċifiċi previsti fl-Artikolu 41 sal-Artikolu 45 ta' dan ir-Regolament. Dawn ir-rekwiżiti għandhom japplikaw fil-punti ta' interfaċċja HVDC tal-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC u s-sistemi HVDC. Il-kategorizzazzjoni fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/631 għandha tapplika għal moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC.

Artikolu 39

Rekwiżiti tal-istabbiltà tal-frekwenza

1.   Fir-rigward tar-rispons tal-frekwenza:

(a)

modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu jkun kapaċi jirċievi sinjal veloċi minn punt ta' konnessjoni fiż-żona sinkronika li jkun qiegħed jingħatalha r-rispons tal-frekwenza, u jkun kapaċi jipproċessa dan is-sinjal f'ħin ta' 0,1 sekondi minn meta jintbagħat sakemm jintemm l-ipproċessar tas-sinjal biex jiġi attivat ir-rispons. Il-frekwenza għandha titkejjel fil-punt ta' konnessjoni fiż-żona sinkronika li jkun qiegħed jingħatalha r-rispons tal-frekwenza;

(b)

moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC konnessi permezz ta' sistemi HVDC li huma konnessi ma' aktar minn żona waħda ta' kontroll għandhom ikunu kapaċi jwasslu kontroll koordinat tal-frekwenza kif speċifikat mit-TSO rilevanti.

2.   Fir-rigward ta' meded ta' frekwenzi u r-rispons:

(a)

modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu jkun kapaċi jibqa' konness man-netwerk imbiegħed tal-istazzjon ta' konverżjoni HVDC u jopera fil-meded ta' frekwenzi u fil-perjodi ta' ħin speċifikati fl-Anness VI għas-sistema nominali ta' 50 Hz. Meta tkun qiegħda tintuża frekwenza nominali minbarra 50 Hz, jew frekwenza varjabbli bid-disinn, soġġett għal ftehim mat-TSO rilevanti, il-meded ta' frekwenzi u l-perjodi ta' ħin applikabbli għandhom jiġu speċifikati mit-TSO rilevanti filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tas-sistema u r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness VI;

(b)

it-TSO rilevanti u s-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC jistgħu jaqblu dwar meded usa' ta' frekwenzi jew ħinijiet minimi itwal għat-tħaddim biex jiġi żgurat l-aqwa użu tal-kapaċitajiet tekniċi ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC jekk dan ikun meħtieġ biex tiġi preservata jew restawrata s-sigurtà tas-sistema. Jekk meded usa' ta' frekwenzi jew ħinijiet minimi itwal għall-operat ikunu ekonomikament u teknikament fattibbli, is-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC m'għandux jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu mingħajr raġuni valida;

(c)

filwaqt li jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 2, modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu jkun kapaċi jiskonnettja awtomatikament fi frekwenzi speċifikati, jekk jiġi speċifikat mit-TSO rilevanti. Għandu jintlaħaq qbil dwar it-termini u l-konfigurazzjonijiet għal skonnessjoni awtomatika bejn it-TSO rilevanti u s-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC.

3.   Fir-rigward tal-kapaċità li jiflaħ għar-rata tal-bidla fil-frekwenza, modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu jkun kapaċi jibqa' konness man-netwerk tal-istazzjon ta' konverżjoni HVDC imbiegħed u jibqa' jopera jekk il-frekwenza tas-sistema titbiddel b'rata sa +/-2 Hz/s (imkejla fi kwalunkwe punt fiż-żmien bħala medja tar-rata tal-bidla fil-frekwenza għas-sekonda (1) preċedenti) fil-punt ta' interfaċċja HVDC tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC fl-istazzjon ta' konverżjoni HVDC imbiegħed għas-sistema nominali ta' 50 Hz.

4.   Moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC irid ikollhom kapaċità ta' modalità sensittiva għal frekwenza limitata — sovrafrekwenza (LFSM-O) skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) 2016/631, soġġett għal rispons veloċi għal sinjal kif speċifikat fil-paragrafu 1 għas-sistema nominali ta' 50 Hz.

5.   Il-kapaċità għal moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC li jżommu potenza kostanti għandha tiġi determinata skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) 2016/631 għas-sistema nominali ta' 50 Hz.

6.   Il-kapaċità għall-kontrollabbiltà tal-potenza attiva ta' moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC għandha tiġi determinata skont l-Artikolu 15(2)(a) tar-Regolament (UE) 2016/631 għas-sistema nominali ta' 50 Hz. Fil-każ li l-apparat awtomatiku ta' kontroll imbiegħed ikun bil-ħsara għandu jkun possibbli kontroll manwali.

7.   Il-kapaċità għal modalità sensittiva għal frekwenza limitata — sottofrekwenza (LFSM-U) għal modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandha tiġi determinata skont l-Artikolu 15(2)(c) tar-Regolament (UE) 2016/631, soġġett għal rispons veloċi għal sinjal kif speċifikat fil-paragrafu 1 għas-sistema nominali ta' 50 Hz.

8.   Il-kapaċità għal modalità sensittiva għal frekwenza għal modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandha tiġi determinata skont l-Artikolu 15(2)(c) tar-Regolament (UE) 2016/631, soġġett għal rispons veloċi għal sinjal kif speċifikat fil-paragrafu 1 għas-sistema nominali ta' 50 Hz.

9.   Il-kapaċità għal restawr tal-frekwenza għal modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandha tiġi determinata skont l-Artikolu 15(2)(e) tar-Regolament (UE) 2016/631 għas-sistema nominali ta' 50 Hz.

10.   Meta tkun qiegħda tintuża frekwenza nominali kostanti minbarra l-50 Hz, jew frekwenza varjabbli bid-disinn jew sistema ta' vultaġġ DC, soġġett għall-ftehim tat-TSO rilevanti, il-kapaċitajiet elenkati fil-paragrafi 3 sa 9 u l-parametri marbutin ma' dawn il-kapaċitajiet għandhom jiġu speċifikati mit-TSO rilevanti.

Artikolu 40

Rekwiżiti ta' potenza reattiva u ta' vultaġġ

1.   Fir-rigward ta' meded ta' vultaġġ:

(a)

modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu jkun kapaċi jibqa' konness man-netwerk tal-istazzjon ta' konverżjoni HVDC imbiegħed u jopera fil-meded ta' vultaġġi (għal kull unità) għall-perjodu ta' ħin speċifikati fit-Tabelli 9 u 10 tal-Anness VII. Il-medda ta' vultaġġi applikabbli u l-perjodi ta' ħin speċifikati jintgħażlu abbażi tal-vultaġġ ta' referenza ta' 1 pu;

(b)

l-operatur tas-sistema rilevanti, it-TSO rilevanti u s-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC jistgħu jaqblu dwar meded usa' ta' vultaġġ jew ħinijiet minimi itwal għall-operat biex jiġi żgurat l-aħjar użu tal-kapaċitajiet tekniċi ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC jekk dan ikun meħtieġ biex tiġi ppreservata jew biex tiġi restawrata s-sigurtà tas-sistema. Jekk meded usa' ta' vultaġġi jew ħinijiet minimi itwal għall-operat ikunu ekonomikament u teknikament fattibbli, is-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC m'għandux jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu mingħajr raġuni valida;

(c)

għal moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC li jkollhom punt ta' interfaċċja HVDC man-netwerk tal-istazzjon ta' konverżjoni HVDC imbiegħed, l-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti, jista' jispeċifika l-vultaġġi fil-punt ta' interfaċċja HVDC li fihom modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu jkun kapaċi jiskonnettja awtomatikament. It-termini u l-konfigurazzjonijiet għal skonnessjoni awtomatika għandhom jiġu miftehmin bejn l-operatur tas-sistema rilevanti, it-TSO rilevanti u s-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC;

(d)

għal punti ta' interfaċċja HVDC f'vultaġġi AC nominali li mhumiex inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Anness VII, l-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti, għandu jispeċifika r-rekwiżiti applikabbli fil-punt ta' konnessjoni;

(e)

meta jkunu qegħdin jintużaw frekwenzi minbarra l-50 Hz nominali, soġġett għal ftehim mat-TSO rilevanti, il-meded ta' vultaġġ u l-perjodi ta' ħin speċifikati mill-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti, għandhom ikunu proporzjonati għal dawk fit-Tabelli 9 u 10 fl-Anness VII.

2.   Fir-rigward tal-kapaċità ta' potenza reattiva għal moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC:

(a)

jekk is-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC jista' jikseb ftehim bilaterali mas-sidien tas-sistemi HVDC li jkunu qegħdin jgħaqqdu l-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC ma' punt uniku ta' konnessjoni fuq netwerk AC, dan għandu jissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(i)

flimkien ma' impjant jew ma' tagħmir addizzjonali u/jew softwer, għandu jkollu l-kapaċità li jissodisfa l-kapaċitajiet ta' potenza reattiva preskritti mill-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti, skont il-punt (b) u għandu jew:

ikollu l-kapaċitajiet ta' potenza reattiva għal ftit mit-tagħmir jew għat-tagħmir kollu tiegħu skont il-punt (b) diġà installat bħala parti mill-konnessjoni tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC man-netwerk AC fil-ħin tal-konnessjoni u l-ikkummissjonar inizjali; jew

juri lill-operatur tas-sistema rilevanti u lit-TSO rilevanti u mbagħad jilħaq ftehim magħhom, dwar kif il-kapaċità ta' potenza reattiva ser tiġi provduta meta l-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC jkun konness ma' aktar minn punt uniku ta' konnessjoni fin-netwerk AC, jew in-netwerk AC fin-netwerk tal-istazzjon ta' konverżjoni HVDC imbiegħed ikollu modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC ieħor jew sistema HVDC b'sid differenti konnessa miegħu. Dan il-ftehim għandu jinkludi kuntratt mis-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC (jew kwalunkwe sid sussegwenti), li ser jiffinanzja u jinstalla kapaċitajiet ta' potenza reattiva meħtieġa minn dan l-Artikolu għall-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC tiegħu f'punt fiż-żmien speċifikat mill-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti. L-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti għandu jinforma lis-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC dwar id-data proposta ta' tlestija ta' kwalunkwe żvilupp li ttieħed impenn fir-rigward tiegħu, li ser jitlob li sid il-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC jinstalla l-kapaċità sħiħa ta' potenza reattiva.

(ii)

l-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti għandu jagħti kont tal-iskeda ta' ħin għall-iżvilupp tal-attrezzar retroattiv tal-kapaċità ta' potenza reattiva mal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC billi jispeċifika l-punt fiż-żmien li fih għandu jsir dan tal-attrezzar retroattiv tal-kapaċità ta' potenza reattiva. L-iskeda ta' żmien għall-iżvilupp għandha tiġi pprovduta mis-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC fil-ħin tal-konnessjoni man-netwerk AC.

(b)

Moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin relatati mal-istabbiltà tal-vultaġġ jew fil-ħin ta' konnessjoni jew sussegwentement, skont il-ftehim kif imsemmi fil-punt (a):

(i)

fir-rigward tal-kapaċità ta' potenza reattiva f'kapaċità massima ta' trażmissjoni ta' potenza attiva HVDC, il-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' kapaċità tal-provvista ta' potenza reattiva speċifikati mill-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti, fil-kuntest ta' vultaġġ varjabbli. L-operatur tas-sistema rilevanti għandu jispeċifika l-profil tal-U-Q/Pmax li jista' jieħu kwalunkwe forma b'meded skont it-Tabella 11 tal-Anness VII, li fih il-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu jkun kapaċi jipprovdi potenza reattiva fil-kapaċità massima tiegħu ta' trażmissjoni ta' potenza attiva HVDC. Meta jkun qiegħed jiddetermina dawk il-meded, l-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti, għandu jqis l-iżvilupp fit-tul tan-netwerk, kif ukoll il-kostijiet potenzjali għall-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC talli jwasslu l-kapaċità li tiġi pprovduta l-produzzjoni ta' potenza reattiva f'vultaġġi għoljin u l-konsum ta' potenza reattiva f'vultaġġi baxxi.

Jekk il-Pjan ta' Għaxar Snin għall-Iżvilupp tan-Netwerk, żviluppat skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, jew pjan nazzjonali żviluppat u approvat skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2009/72/KE, jispeċifika li modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC ser ikun konness permezz ta' AC maż-żona sinkronika, it-TSO rilevanti jista' jispeċifika li:

il-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu jkollu l-kapaċitajiet preskritti fl-Artikolu 25(4) tar-Regolament (UE) 2016/631 għal dik iż-żona sinkronika installati fil-ħin tal-konnessjoni inizjali u l-ikkummissjonar tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC man-netwerk AC; jew

is-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu juri lill-operatur tas-sistema rilevanti u lit-TSO rilevanti, u mbagħad jilħaq ftehim magħhom dwar kif il-kapaċità ta' potenza reattiva preskritta fl-Artikolu 25(4) tar-Regolament (UE) 2016/631 għal dik iż-żona sinkronika ser tiġi pprovduta fil-każ li l-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC jingħaqad permezz ta' AC maż-żona sinkronika.

(ii)

Fir-rigward tal-kapaċità ta' potenza reattiva, l-operatur tas-sistema rilevanti jista' jispeċifika l-potenza reattiva supplimentari li għandha tiġi pprovduta jekk il-punt ta' konnessjoni ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC la jkun fil-post tat-terminals b'vultaġġ għoli tat-transformer awmentatur sal-livell ta' vultaġġ tal-punt ta' konnessjoni u lanqas fit-terminals tal-alternatur, jekk ma jkun hemm l-ebda transformer awmentatur. Din il-potenza reattiva supplementari għandha tagħmel tajjeb għall-iskambju ta' potenza reattiva tal-linja jew tal-kejbil ta' vultaġġ għoli bejn it-terminals ta' vultaġġ għoli tat-transformer awmentatur tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC jew it-terminals tal-alternatur tiegħu, jekk ma jkun hemm l-ebda transformer awmentatur, u l-punt ta' konnessjoni għandu jkun ipprovdut mis-sid responabbli ta' dik il-linja jew kejbil.

3.   Fir-rigward tal-prijorità għall-kontribut ta' potenza attiva jew reattiva għal moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC, l-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti, għandu jispeċifika jekk il-kontribut minn potenza attiva jew il-kontribut minn potenza reattiva għandux prijorità matul ħsarat li għalihom tkun meħtieġa kapaċità ta' funzjonament minkejja ħsara. Jekk tingħata prijorità lill-kontribut minn potenza attiva, il-provvediment tagħha għandu jiġi stabbilit fi żmien perjodu minn meta tibda l-ħsara kif speċifikat mill-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti.

Artikolu 41

Rekwiżiti ta' kontroll

1.   Matul is-sinkronizzazzjoni ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC man-netwerk ta' ġbir AC, il-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu jkollu l-kapaċità li jillimita kwalunkwe bidliet fil-vultaġġ għal livell fi stat fiss speċifikat mill-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti. Il-livell speċifikat m'għandux jaqbeż il-5 % tal-vultaġġ qabel is-sinkronizzazzjoni. L-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti, għandu jispeċifika d-daqs massimu, it-tul u l-perjodu ta' kejl tat-tranżjenti tal-vultaġġ.

2.   Is-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu jipprovdi sinjali ta' output kif speċifikat mill-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti.

Artikolu 42

Karatteristiki tan-netwerk

Fir-rigward tal-karatteristiċi tan-netwerk, dawn li ġejjin għandhom japplikaw għall-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC:

(a)

kull operatur tas-sistema rilevanti għandu jispeċifika u jagħmel disponibbli għall-pubbliku l-metodu u l-kundizzjonijiet ta' qabel il-ħsara u ta' wara l-ħsara għall-kalkolu tal-enerġija minima u massima ta' xort fiċ-ċirkwit fil-punt ta' interfaċċja HVDC;

(b)

il-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu jkun kapaċi jopera b'mod stabbli fil-medda minima sa massima ta' enerġija ta' xort fiċ-ċirkwit u l-karatteristiċi tan-netwerk tal-punt ta' interfaċċja HVDC speċifikat mill-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti;

(c)

kull operatur ta' sistema rilevanti u kull sid ta' sistema HVDC għandu jipprovdi lis-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC b'ekwivalenti għan-netwerks li jirrappreżentaw is-sistema, li jippermettu lis-sidien tal-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC li jiddisinjaw is-sistema tagħhom fir-rigward ta' armoniċi.

Artikolu 43

Rekwiżiti ta' protezzjoni

1.   L-iskemi ta' protezzjoni elettrika u l-konfigurazzjonijiet ta' moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC għandhom jiġu determinati skont l-Artikolu 14(5)(b) tar-Regolament (UE) 2016/631, fejn in-netwerk jirreferi għan-netwerk ta' żona sinkronika. L-iskemi ta' protezzjoni għandhom jiġu ddisinjati b'kunsiderazzjoni tal-prestazzjoni tas-sistema, l-ispeċifiċitajiet tal-grilja kif ukoll l-ispeċifiċitajiet tekniċi tat-teknoloġija tal-modulu ta' park tal-enerġija u jiġu miftehmin mal-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti.

2.   Il-klassifikazzjoni prijoritarja tal-protezzjoni u tal-kontroll ta' moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC għandha tiġi determinata skont l-Artikolu 14(5)(c) tar-Regolament (UE) 2016/631, fejn in-netwerk jirreferi għan-netwerk ta' żona sinkronika, u tiġi miftiehma mal-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti.

Artikolu 44

Kwalità tal-potenza

Is-sidien ta' moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC għandhom jiżguraw li l-konnessjoni tagħhom man-netwerk ma tirriżultax f'livell ta' distorsjoni jew ta' flutwazzjoni tal-provvista ta' vultaġġ fuq in-netwerk, fil-punt ta' konnessjoni, li jaqbeż il-livell speċifikat mill-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti. Il-kontribut meħtieġ għall-istudji assoċjati mill-utenti tal-grilja, li jinkludu, iżda mhux limitati għall-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC eżistenti u għas-sistemi HVDC eżistenti, m'għandux jinżamm mingħajr raġuni valida. Il-proċess biex jitwettqu l-istudji neċessarji u biex tiġi pprovduta d-dejta rilevanti mill-utenti kollha involuti tal-grilja, kif ukoll l-azzjonijiet ta' mitigazzjoni identifikati u implimentati, għandhom ikunu skont il-proċess fl-Artikolu 29.

Artikolu 45

Ir-rekwiżiti tal-ġestjoni tas-sistema ġenerali applikabbli għall-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC

Fir-rigward tar-rekwiżiti għall-ġestjoni ġenerali tas-sistema, l-Artikoli 14(5), 15(6) u 16(4) tar-Regolament (UE) 2016/631 għandhom japplikaw għal kwalunkwe modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC.

KAPITOLU 2

Rekwiżiti għal stazzjonijiet ta' konverżjoni HVDC imbiegħda

Artikolu 46

Kamp ta' applikazzjoni

Ir-rekwiżiti tal-Artikoli 11 sa 39 japplikaw għal stazzjonijiet ta' konverżjoni HVDC imbiegħda, soġġetti għal rekwiżiti speċifiċi previsti fl-Artikoli 47 sa 50.

Artikolu 47

Rekwiżiti tal-istabbiltà tal-frekwenza

1.   Meta fin-netwerk li jgħaqqad il-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC tkun qiegħda tintuża frekwenza nominali minbarra ta' 50 Hz, jew frekwenza varjabbli bid-disinn, soġġett għal ftehim mat-TSO rilevanti, l-Artikolu 11 għandu japplika għall-istazzjon ta' konverżjoni HVDC imbiegħed bil-meded ta' frekwenzi u l-perjodi ta' żmien applikabbli speċifikati mit-TSO rilevanti, wara li jkunu tqiesu l-ispeċifiċitajiet tas-sistema u r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I.

2.   Fir-rigward tar-rispons tal-frekwenza, is-sid tal-istazzjon ta' konverżjoni HVDC imbiegħed u s-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandhom jaqblu dwar il-modalitajiet tekniċi tal-komunikazzjoni b'sinjal veloċi skont l-Artikolu 39(1). Fejn it-TSO rilevanti jkun jeħtieġ hekk, is-sistema HVDC għandha tkun kapaċi tipprovdi l-frekwenza tan-netwerk fil-punt ta' konnessjoni bħala sinjal. Għal sistema HVDC li tgħaqqad modulu ta' park tal-enerġija, l-aġġustament tar-rispons tal-frekwenza tal-potenza attiva għandu jkun limitat mill-kapaċità tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC.

Artikolu 48

Rekwiżiti ta' potenza reattiva u ta' vultaġġ

1.   Fir-rigward ta' meded ta' vultaġġ:

(a)

stazzjon ta' konverżjoni HVDC imbiegħed għandu jkun kapaċi jibqa' konness man-netwerk imbiegħed tal-istazzjon ta' konverżjoni HVDC u jopera fil-meded ta' vultaġġi (għal kull unità) u għall-perjodi ta' ħin speċifikati fit-Tabelli 12 u 13 tal-Anness VIII. Il-medda ta' vultaġġi applikabbli u l-perjodi ta' ħin speċifikati jintgħażlu abbażi tal-vultaġġ ta' referenza ta' 1 pu;

(b)

l-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti, u s-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC jistgħu jaqblu dwar meded usa' ta' vultaġġ jew ħinijiet minimi itwal għat-tħaddim skont l-Artikolu 40;

(c)

għal punti ta' interfaċċja HVDC f'vultaġġi AC li mhumiex inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Tabella 12 u tat-Tabella 13 tal-Anness VIII, l-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti għandu jispeċifika rekwiżiti applikabbli fil-punti ta' konnessjoni;

(d)

meta jkunu qegħdin jintużaw frekwenzi minbarra l-50 Hz nominali, soġġett għal qbil mat-TSO rilevanti, il-meded ta' vultaġġ u l-perjodi ta' ħin speċifikati mill-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti għandhom ikunu proporzjonati ma' dawk fl-Anness VIII.

2.   Stazzjon ta' konverżjoni HVDC imbiegħed għandu jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin li jirreferu għall-istabbiltà tal-vultaġġ, fil-punti ta' konnessjoni fir-rigward tal-kapaċità ta' potenza reattiva:

(a)

l-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti għandu jispeċifika r-rekwiżiti ta' kapaċità tal-provvista ta' potenza reattiva għal diversi livelli ta' vultaġġ. Meta jagħmel dan, l-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti għandu jispeċifika profil tal-U-Q/Pmax ta' kwalunkwe forma u li fil-konfini tiegħu l-istazzjon ta' konverżjoni HVDC imbiegħed għandu jkun kapaċi jipprovdi potenza reattiva fil-kapaċità massima tiegħu ta' trażmissjoni ta' potenza attiva HVDC;

(b)

il-profil tal-U-Q/Pmax għandu jiġi speċifikat minn kull operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti. Il-profil tal-U-Q/Pmax għandu jkun fil-medda tal-Q/Pmax u tal-vultaġġ fi stat fiss speċifikat fit-Tabella 14 tal-Anness VIII, u l-pożizzjoni tal-pakkett tal-profil tal-U-Q/Pmax għandha taqa' fil-limiti tal-pakkett fiss ta' barra speċifikat fl-Anness IV. Meta jkun qiegħed jiddetermina dawn il-meded, l-operatur tas-sistema rilevanti f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti, għandu jqis l-iżvilupp tan-netwerk fit-tul.

Artikolu 49

Karatteristiki tan-netwerk

Fir-rigward tal-karatteristiċi tan-netwerk, is-sid tal-istazzjon ta' konverżjoni HVDC imbiegħed għandu jipprovdi dejta rilevanti għal kull sid ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC skont l-Artikolu 42.

Artikolu 50

Kwalità tal-potenza

Is-sidien ta' stazzjonijiet ta' konverżjoni HVDC imbiegħda għandhom jiżguraw li l-konnessjoni tagħhom man-netwerk ma tirriżultax f'livell ta' distorsjoni jew ta' flutwazzjoni tal-provvista ta' vultaġġ fuq in-netwerk, fil-punt ta' konnessjoni, li jaqbeż il-livell allokat lilhom mill-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti. Il-kontribut meħtieġ għal dawn l-istudji assoċjati mill-utenti tal-grilja, li jinkludu, iżda mhux limitat għal moduli ta' park tal-enerġija konnessi b'DC eżistenti u għal sistemi HVDC eżistenti, m'għandhux jinżamm mingħajr raġuni valida. Il-proċess biex jitwettqu l-istudji meħtieġa u biex tiġi pprovduta d-dejta rilevanti mill-utenti kollha involuti tal-grilja, kif ukoll l-azzjonijiet ta' mitigazzjoni identifikati u implimentati għandhom ikunu skont il-proċess fl-Artikolu 29.

TITOLU IV

SKAMBJU U KOORDINAZZJONI TA' INFORMAZZJONI

Artikolu 51

It-tħaddim ta' sistemi HVDC

1.   Fir-rigward tal-istrumentazzjoni għat-tħaddim, kull unità ta' konverżjoni HVDC ta' sistema HVDC għandha tkun mgħammra b'kontrollur awtomatiku li jkun kapaċi jirċievi struzzjonijiet mingħand l-operatur tas-sistema rilevanti u mit-TSO rilevanti. Dan il-kontrollur awtomatiku għandu jkun kapaċi jopera l-unitajiet ta' konverżjoni HVDC tas-sistema HVDC b'mod koordinat. L-operatur tas-sistema rilevanti għandu jispeċifika l-ġerarkija tal-kontrollur awtomatiku għal kull unità ta' konverżjoni HVDC.

2.   Il-kontrollur awtomatiku tas-sistema HVDC imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun kapaċi jibgħat it-tipi ta' sinjali li ġejjin lill-operatur tas-sistema rilevanti:

(a)

sinjali operattivi, li tal-anqas jipprovdu dawn li ġejjin:

(i)

sinjali tal-bidu;

(ii)

kejl tal-vultaġġ AC u DC;

(iii)

kejl tal-kurrent AC u DC;

(iv)

kejl tal-potenza attiva u reattiva mil-lat tal-AC;

(v)

kejl tal-potenza DC attiva

(vi)

tħaddim fuq il-livell ta' unità ta' konverżjoni HVDC f'konvertitur HVDC tat-tip b'diversi polijiet;

(vii)

elementi u status tat-topoloġija; kif ukoll

(viii)

meded ta' potenza attiva FSM, LFSM-O u LFSM-U

(b)

sinjali ta' allarm, li tal-anqas jipprovdu dawn li ġejjin:

(i)

imblukkar ta' emerġenza

(ii)

imblukkar tal-varjazzjonijiet tal-potenza attiva (ramp blocking);

(iii)

qlib malajr tal-potenza attiva.

3.   Il-kontrollur awtomatiku msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun kapaċi jirċievi t-tipi ta' sinjali li ġejjin mill-operatur tas-sistema rilevanti:

(a)

sinjali ta' operazzjoni, li tal-anqas jirċievu dawn li ġejjin:

(i)

kmand tal-bidu;

(ii)

valuri programmati tal-potenza attiva;

(iii)

konfigurazzjonijiet tal-modalità sensittivi għall-frekwenza;

(iv)

potenza reattiva, vultaġġ jew valuri pprogrammati simili;

(v)

modalità ta' kontroll tal-potenza reattiva;

(vi)

kapaċità ta' attenwazzjoni tal-oxxillazzjoni tal-potenza; kif ukoll

(vii)

inerzja sintetika.

(b)

sinjali ta' allarm, li tal-anqas jirċievu dawn li ġejjin:

(i)

kmand tal-imblukkar ta' emerġenza

(ii)

kmand tal-imblukkar tal-varjazzjoni tal-potenza attiva;

(iii)

direzzjoni tal-fluss ta' potenza attiva; kif ukoll

(iv)

kmand għall-qlib malajr tal-potenza attiva.

4.   Fir-rigward ta' kull sinjal, l-operatur tas-sistema rilevanti għandu jkun jista' jispeċifika l-kwalità tas-sinjal li jiġi pprovdut.

Artikolu 52

Parametri u konfigurazzjonijiet

Il-parametri u l-konfigurazzjonijiet tal-funzjonijiet ewlenin ta' kontroll ta' sistema HVDC għandhom jiġu miftehmin bejn is-sid tas-sistema HVDC u l-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti. Il-parametri u l-konfigurazzjonijiet għandhom jiġu implimentati f'tali ġerarkija ta' kontroll li tippermetti li jiġu modifikati jekk ikun hemm il-ħtieġa. Dawk il-funzjonijiet ewlenin ta' kontroll huma tal-anqas:

(a)

inerzja sintetika, jekk tkun applikabbli kif imsemmija fl-Artikoli 14 u 41;

(b)

modalitajiet sensittivi għall-frekwenza (FSM, LFSM-O, LFSM-U) imsemmijin fl-Artikoli 15, 16 u 17;

(c)

kontroll tal-frekwenza, jekk ikun applikabbli, imsemmi fl-Artikolu 16;

(d)

modalità ta' kontroll tal-potenza reattiva, jekk tkun applikabbli kif imsemmija fl-Artikolu 22;

(e)

kapaċità ta' attenwazzjoni tal-oxxillazzjoni tal-potenza, imsemmija fl-Artikolu 30;

(f)

kapaċità ta' attenwazzjoni tal-interazzjoni torsjonali subsinkronika, imsemmija fl-Artikolu 31.

Artikolu 53

Reġistrazzjoni u monitoraġġ tal-ħsarat

1.   Sistema HVDC għandha tkun mgħammra b'faċilità li tipprovdi r-reġistrazzjoni tal-ħsarat u l-monitoraġġ dinamiku tal-prestazzjoni tas-sistema tal-parametri li ġejjin għal kull stazzjon ta' konverżjoni HVDC tagħha:

(a)

vultaġġ AC u DC;

(b)

kurrent AC u DC;

(c)

potenza attiva;

(d)

potenza reattiva; kif ukoll

(e)

frekwenza.

2.   L-operatur tas-sistema rilevanti jista' jispeċifika l-kwalità tal-parametri ta' provvista li jridu jitħarsu mis-sistema HVDC, sakemm jingħata avviż raġonevoli minn qabel.

3.   Id-dettalji tal-apparat li jirreġistra l-ħsarat msemmi fil-paragrafu 1, inklużi kanali analogi u diġitali, il-konfigurazzjonijiet, inklużi l-kriterji ta' attivazzjoni u r-rati ta' kampjunar għandhom jiġu miftehmin bejn is-sid tas-sistema HVDC, l-operatur tas-sistema rilevanti u t-TSO rilevanti.

4.   L-apparat kollu tal-monitoraġġ dinamiku tal-imġiba tas-sistema għandu jinkludi mekkaniżmu ta' attivazzjoni bl-oxxillazzjonijiet, speċifikat mill-operatur tas-sistema rilevanti f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti, bil-għan li jiġu rilevati oxxillazzjonijiet tal-enerġija mhux attenwati kif xieraq;

5.   Il-faċilitajiet għall-monitoraġġ tal-kwalità tal-provvista u tal-prestazzjoni dinamika tas-sistema għandhom jinkludu arranġamenti biex is-sid tas-sistema HVDC u l-operatur tas-sistema rilevanti jkunu jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni b'mod elettroniku. Il-protokolli ta' komunikazzjoni għad-dejta reġistrata għandhom jiġu miftehmin bejn is-sid tas-sistema HVDC, l-operatur tas-sistema rilevanti u t-TSO rilevanti.

Artikolu 54

Mudelli ta' simulazzjoni

1.   L-operatur tas-sistema rilevanti f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti, jista' jispeċifika li sid ta' sistema HVDC jipprovdi mudelli ta' simulazzjoni li jirriflettu b'mod xieraq il-prestazzjoni tas-sistema HVDC kemm f'simulazzjonijiet dinamiċi, fi stat fiss (komponent fundamentali ta' frekwenza) u f'simulazzjonijiet elettromanjetiċi temporanjii.

Il-format li fih għandhom jiġu pprovduti l-mudelli u l-għoti tad-dokumentazzjoni tal-mudelli tal-istrutturi u tad-dijagrammi blokka għandu jiġi speċifikat mill-operatur tas-sistema rilevanti f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti.

2.   Għall-fini ta' simulazzjonijiet dinamiċi, il-mudelli pprovduti għandu jkun fihom tal-anqas, iżda mhux limitati għas-submudelli li ġejjin, skont l-eżistenza tal-komponenti msemmijin:

(a)

Mudelli ta' unità ta' konverżjoni HVDC;

(b)

Mudelli ta' komponent AC;

(c)

Mudelli ta' grilji DC;

(d)

Kontrollur tal-vultaġġ u tal-potenza;

(e)

Karatteristiċi speċjali ta' kontroll jekk ikunu applikabbli eż. funzjoni ta' attenwazzjoni tal-oxxillazzjoni tal-potenza (POD), kontroll tal-interazzjoni torsjonali subsinkronika (SSTI);

(f)

Kontroll b'diversi terminals, jekk applikabbli;

(g)

Mudelli ta' protezzjoni ta' sistemi HVDC kif miftiehem bejn it-TSO rilevanti u s-sid tas-sistema HVDC.

3.   Is-sid tas-sistema HVDC għandu jivverifika l-mudelli kontra r-riżultati tat-testijiet ta' konformità mwettqin skont it-Titolu VI u rapport ta' din il-verifika għandu jiġi preżentat lit-TSO rilevanti. Il-mudelli mbagħad għandhom jintużaw bil-għan li tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament inkluż, iżda mhux limitati għal, simulazzjonijiet ta' konformità kif previst fit-Titolu VI u biex jintużaw fi studji għal valutazzjoni kontinwa fl-ippjanar u fl-operat tas-sistema.

4.   Jekk jintalab, sid ta' sistema HVDC għandu jippreżenta reġistrazzjonijiet tas-sistema HVDC lill-operatur tas-sistema rilevanti jew lit-TSO rilevanti sabiex jitqabbel ir-rispons tal-mudelli ma' dawn ir-reġistrazzjonijiet.

5.   Sid ta' sistema HVDC għandu jipprovdi mudell ekwivalenti tas-sistema ta' kontroll meta interazzjonijiet avversi ta' kontroll jistgħu jirriżultaw ma' stazzjonijiet ta' konverżjoni HVDC u ma' konnessjonijiet oħra fi prossimità elettrika qrib, jekk jintalab jagħmel dan minn operatur ta' sistema rilevanti jew TSO rilevanti. Il-mudell ekwivalenti għandu jkun fih id-dejta kollha meħtieġa għas-simulazzjoni realistika tal-interazzjonijiet avversi ta' kontroll.

TITOLU V

PROĊEDURA TA' NOTIFIKA OPERAZZJONALI GĦAL KONNESSJONI

KAPITOLU 1

Konnessjoni ta' sistemi ġodda HVDC

Artikolu 55

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Is-sid tas-sistema HVDC għandu juri lill-operatur tas-sistema rilevanti li hu jikkonforma mar-rekwiżiti msemmijin fit-Titolu II sat-Titolu IV fil-punt ta' konnessjoni rispettiv billi jtemm b'suċċess il-proċedura ta' notifika operazzjonali għall-konnessjoni tas-sistema HVDC kif deskritt fl-Artikoli 56 sa 59.

2.   L-operatur tas-sistema rilevanti għandu jispeċifika kwalunkwe dispożizzjoni dettaljata tal-proċedura ta' notifika operazzjonali u jagħmel id-dettalji disponibbli għall-pubbliku.

3.   Il-proċedura ta' notifika operazzjonali għal konnessjoni għal kull sistema HVDC ġdida għandha tinkludi:

(a)

notifika operazzjonali dwar l-enerġizzazzjoni (EON);

(b)

notifika operazzjonali interim, (ION); kif ukoll

(c)

notifika operazzjonali finali (FON).

Artikolu 56

EON għal sistemi HVDC

1.   EON għandha tagħti dritt lis-sid tas-sistema HVDC li jenerġizza n-netwerk intern u t-tagħmir awżiljarju tiegħu u jqabbdu man-netwerk fil-punti ta' konnessjoni speċifikati tiegħu.

2.   EON tista' tinħareġ mill-operatur tas-sistema rilevanti, soġġett għat-tlestija tat-tħejjija u għall-issodisfar tar-rekwiżiti speċifikati mill-operatur tas-sistema rilevanti fil-proċeduri operazzjonali rilevanti. Din it-tħejjija għandha tinkludi ftehim bejn l-operatur tas-sistema rilevanti u s-sid tas-sistema HVDC dwar il-konfigurazzjonijiet ta' protezzjoni u ta' kontroll rilevanti għall-punti ta' konnessjoni.

Artikolu 57

ION għal sistemi HVDC

1.   ION għandha tagħti dritt lil sid ta' sistema HVDC jew lil sid ta' unità ta' konverżjoni HVDC li jopera s-sistema HVDC jew l-unità ta' konverżjoni HVDC billi juża l-konnessjonijiet tan-netwerk speċifikati għall-punti ta' konnessjoni għal perjodu ta' ħin limitat.

2.   ION għandha tinħareġ mill-operatur tas-sistema rilevanti soġġett għat-tlestija tad-dejta u tal-proċess ta' reviżjoni tal-istudju.

3.   Għall-fini tat-tlestija tad-dejta u tal-proċess ta' reviżjoni tal-istudju, fuq talba mill-operatur tas-sistema rilevanti, sid is-sistema HVDC jew sid l-unità ta' konverżjoni HVDC għandu jipprovdi dawn li ġejjin:

(a)

dikjarazzjoni dettaljata ta' konformità;

(b)

dejta teknika dettaljata tas-sistema HVDC b'rilevanza għall-konnessjoni man-netwerk, speċifikata fir-rigward tal-punti ta' konnessjoni, kif speċifikat mill-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSOs rilevanti;

(c)

ċertifikati tat-tagħmir tas-sistemi HVDC jew tal-unitajiet ta' konverżjoni HVDC fejn dawn ikunu indikati bħala parti mill-evidenza ta' konformità;

(d)

mudelli ta' simulazzjoni jew replika tas-sistema eżatta ta' kontroll kif speċifikat mill-Artikolu 54 u mill-operatur tas-sistema rilevanti f'koordinazzjoni mat-TSOs rilevanti;

(e)

studji li juru l-prestazzjoni dinamika u fi stat fiss mistennija kif meħtieġ mit-Titoli II, III u IV;

(f)

dettalji ta' testijiet ta' konformità maħsubin skont l-Artikolu 72;

(g)

dettalji tal-metodu prattiku intiż biex jitlestew it-testijiet ta' konformità skont it-Titolu VI.

4.   Ħlief fejn japplika l-paragrafu 5, il-perjodu massimu għas-sid tas-sistema HVDC jew għas-sid tal-unità ta' konverżjoni HVDC biex jibqa' fl-istatus ION m'għandux jaqbeż l-erbgħa u għoxrin xahar. L-operatur tas-sistema rilevanti jista' jispeċifika perjodu iqsar ta' validità tal-ION. Il-perjodu ta' validità tal-ION għandu jiġi notifikat lill-awtorità regolatorja skont il-qafas regolatorju nazzjonali applikabbli. L-estensjoni tal-ION għandha tingħata biss jekk is-sid tas-sistema HVDC juri progress sostanzjali lejn konformità sħiħa. Fiż-żmien li tingħata l-estensjoni tal-ION, il-kwistjonijiet pendenti għandhom jiġu identifikati b'mod espliċitu.

5.   Il-perjodu massimu biex sid ta' sistema HVDC jew ta' unità ta' konverżjoni HVDC jibqa' fl-istatus ta' ION jista' jiġi estiż għal aktar minn 24 xahar fuq talba għal deroga li ssir lill-operatur tas-sistema rilevanti skont il-proċedura fit-Titolu VII. It-talba għandha ssir qabel ma jiskadi l-perjodu ta' erbgħa u għoxrin xahar.

Artikolu 58

FON għal sistemi HVDC

1.   FON għandha tagħti dritt lil sid ta' sistema HVDC li jopera s-sistema HVDC jew unitajiet ta' konverżjoni HVDC permezz tal-punti ta' konnessjoni tal-grilja.

2.   FON għandha tinħareġ mill-operatur tas-sistema rilevanti wara li jkunu tneħħew l-inkompatibbiltajiet kollha identifikati għall-finijiet tal-istatus ION minn qabel u soġġett għat-tlestija tad-dejta u tal-proċess ta' reviżjoni tal-istudju.

3.   Għall-fini tat-tlestija tad-dejta u tal-proċess ta' reviżjoni tal-istudju, fuq talba mill-operatur tas-sistema rilevanti f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti s-sid tas-sistema HVDC għandu jipprovdi dawn li ġejjin:

(a)

dikjarazzjoni dettaljata ta' konformità; kif ukoll

(b)

aġġornament tad-dejta teknika applikabbli, mudelli ta' simulazzjoni, replika tas-sistema eżatta ta' kontroll u studji kif imsemmijin fl-Artikolu 57, inkluż l-użu ta' valuri attwali mkejlin matul l-ittestjar.

4.   Fil-każ ta' inkompatibbiltà identifikata għall-finijiet tal-għoti tal-FON, fuq talba lill-operatur tas-sistema rilevanti tista' tingħata deroga, skont l-Artikoli 79 u 80. FON għandha tinħareġ mill-operatur tas-sistema rilevanti, jekk is-sistema HVDC tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tad-deroga.

Meta talba għal deroga tiġi rifjutata, l-operatur tas-sistema rilevanti għandu jkollu d-dritt li jirrifjuta t-tħaddim tas-sistema HVDC jew tal-unitajiet ta' konverżjoni HVDC, li t-talba tas-sid tagħhom għal deroga tkun ġiet irrifjutata, sakemm is-sid tas-sistema HVDC u l-operatur tas-sistema rilevanti ma jkunux solvew l-inkompatibbiltà u l-operatur tas-sistema rilevanti jqis li s-sistema HVDC hija konformi mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

Jekk l-operatur tas-sistema rilevanti u s-sid tas-sistema HVDC ma jsolvux l-inkompatibbiltà f'perjodu ta' żmien raġonevoli, iżda fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn sitt xhur wara n-notifika tar-rifjut tat-talba għal deroga, kull parti tista' tirreferi l-kwistjoni għal deċiżjoni lill-awtorità regolatorja.

Artikolu 59

Notifika operazzjonali limitata għal sistemi HVDC/derogi

1.   Sidien ta' sistema HVDC li tkun ingħatatilhom FON għandhom jinfurmaw lill-operatur tas-sistema rilevanti immedjatament fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

is-sistema HVDC tkun temporanjament soġġetta jew għal modifika sinifikanti jew għal telf sinifikanti ta' kapaċità, minħabba l-implimentazzjoni ta' modifika waħda jew aktar ta' sinifikat għall-prestazzjoni tagħha; jew

(b)

fil-każ ta' ħsarat fl-apparat li jwasslu għal nuqqas ta' konformità ma' xi rekwiżiti rilevanti.

2.   Jekk is-sid tas-sistema HVDC raġonevolment jistenna li ċ-ċirkostanzi dettaljati fil-paragrafu 1 jippersistu għal aktar minn tliet xhur, is-sid tas-sistema HVDC għandu japplika għand l-operatur tas-sistema rilevanti għal notifika operazzjonali limitata (LON).

3.   LON għandha tinħareġ mill-operatur tas-sistema rilevanti b'identifikazzjoni ċara ta':

(a)

il-kwistjonijiet mhux riżolti li jiġġustifikaw l-għoti tal-LON;

(b)

ir-responsabbiltajiet u l-perjodi ta' żmien għas-soluzzjoni mistennija; kif ukoll

(c)

perjodu massimu ta' validità li ma għandux jaqbeż it-12-il xahar. Il-perjodu inizjali mogħti jista' jkun iqsar bil-possibbiltà ta' estensjoni, jekk titressaq evidenza għas-sodisfazzjoni tal-operatur tas-sistema rilevanti li turi li sar progress sostanzjali lejn l-ilħuq ta' konformità sħiħa.

4.   Il-FON għandha tiġi sospiża matul il-perjodu ta' validità tal-LON fir-rigward tas-suġġetti li tkun inħarġitilhom il-LON.

5.   Fuq talba għal deroga lill-operatur tas-sistema rilevanti tista' tingħata estensjoni oħra tal-perjodu ta' validità tal-LON, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, skont l-Artikoli 79 u 80.

6.   L-operatur tas-sistema rilevanti jista' jirrifjuta t-tħaddim tas-sistema HVDC jekk il-LON tkun intemmet u ċ-ċirkostanza li tkun wasslet għall-ħruġ tagħha tkun għadha teżisti. F'dan il-każ il-FON għandha tiġi awtomatikament invalida.

7.   Jekk l-operatur tas-sistema rilevanti ma jagħtix estensjoni tal-perjodu ta' validità tal-LON skont il-paragrafu 5 jew jekk jirrifjuta li jippermetti t-tħaddim tas-sistema HVDC ladarba l-LON ma tibqax valida skont il-paragrafu 6, is-sid ta' sistema HVDC jista' jirreferi l-kwistjoni għad-deċiżjoni lill-awtorità regolatorja fi żmien sitt xhur wara n-notifika tad-deċiżjoni tal-operatur tas-sistema rilevanti.

KAPITOLU 2

Konnessjoni ta' moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC ġodda

Artikolu 60

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu għandhom japplikaw biss għal moduli ta' parks tal-enerġija ġodda konnessi b'DC.

2.   Is-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu juri lill-operatur tas-sistema rilevanti l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti msemmijin fit-Titolu III fil-punti rispettivi ta' konnessjoni billi jtemm b'suċċess il-proċedura ta' notifika operazzjonali għall-konnessjoni tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC skont l-Artikoli 61 sa 66.

3.   L-operatur tas-sistema rilevanti għandu jispeċifika aktar dettalji tal-proċedura ta' notifika operazzjonali u jagħmel dawk id-dettalji disponibbli għall-pubbliku.

4.   Il-proċedura ta' notifika operazzjonali għall-konnessjoni ta' kull modulu ta' park tal-enerġija ġdid konness b'DC għandha tinkludi:

(a)

notifika operazzjonali dwar l-enerġizzazzjoni (EON);

(b)

notifika operazzjonali interim, (ION); kif ukoll

(c)

notifika operazzjonali finali (FON).

Artikolu 61

EON għal moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC

1.   EON għandha tagħti dritt lis-sid ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC li jenerġizza n-netwerk intern u t-tagħmir awżiljarju tiegħu billi juża l-konnessjoni tal-grilja li hija speċifikata mill-punti ta' konnessjoni.

2.   EON għandha tinħareġ mill-operatur tas-sistema rilevanti, soġġett għat-tlestija tat-tħejjija inkluż ftehim bejn l-operatur tas-sistema rilevanti u l-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC dwar il-konfigurazzjonijiet ta' protezzjoni u ta' kontroll rilevanti għall-punti ta' konnessjoni.

Artikolu 62

ION għal moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC

1.   ION għandha tagħti d-dritt lis-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC li jopera l-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC u jiġġenera potenza elettrika billi juża l-konnessjoni tal-grilja għal perjodu ta' ħin limitat.

2.   ION għandha tinħareġ mill-operatur tas-sistema rilevanti soġġett għat-tlestija tad-dejta u tal-proċess ta' reviżjoni tal-istudju.

3.   Għall-fini tat-tlestija tal-proċess ta' reviżjoni tad-dejta u tal-istudju, fuq talba mill-operatur tas-sistema rilevanti f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti, is-sid tas-sistema HVDC għandu jipprovdi dawn li ġejjin:

(a)

dikjarazzjoni dettaljata ta' konformità;

(b)

dejta teknika dettaljata tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC b'rilevanza għall-konnessjoni mal-grilja, speċifikata mill-punti ta' konnessjoni, kif speċifikat mill-operatur tas-sistema rilevanti f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti;

(c)

ċertifikati tat-tagħmir tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC, fejn dawn ikunu meħtieġa bħala parti mill-evidenza ta' konformità;

(d)

mudelli ta' simulazzjoni kif speċifikat fl-Artikolu 54 u kif meħtieġ mill-operatur tas-sistema rilevanti f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti;

(e)

studji li juru l-prestazzjoni fi stat fiss u dik dinamika mistennija, kif meħtieġ mit-Titolu III; kif ukoll

(f)

dettalji ta' testijiet ta' konformità maħsubin skont l-Artikolu 73.

4.   Ħlief fejn japplika l-paragrafu 5, il-perjodu massimu għas-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC biex jibqa' fl-istatus ION m'għandux jaqbeż l-erbgħa u għoxrin xahar. L-operatur tas-sistema rilevanti jista' jispeċifika perjodu iqsar ta' validità tal-ION. Il-perjodu ta' validità tal-ION għandu jiġi notifikat lill-awtorità regolatorja skont il-qafas regolatorju nazzjonali applikabbli. Estensjonijiet tal-ION għandhom jingħataw biss jekk is-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC juri progress sostanzjali lejn konformità sħiħa. Fil-mument li fih tingħata l-estensjoni tal-ION, il-kwistjonijiet pendenti għandhom ikunu identifikati b'mod espliċitu.

5.   Il-perjodu massimu biex sid ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC jibqa' fl-istatus ta' ION jista' jiġi estiż għal aktar minn 24 xahar fuq talba għal deroga li ssir lill-operatur tas-sistema rilevanti skont il-proċedura fit-Titolu VII.

Artikolu 63

FON għal moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC

1.   FON għandha tagħti dritt lis-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC li jopera l-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC billi juża l-konnessjoni mal-grilja speċifikata mill-punt ta' konnessjoni.

2.   FON għandha tinħareġ mill-operatur tas-sistema rilevanti, wara li jkunu tneħħew l-inkompatibbiltajiet kollha identifikati għall-fini tal-istatus ION minn qabel u soġġett għat-tlestija tad-dejta u tal-proċess ta' reviżjoni tal-istudju kif meħtieġ minn dan ir-Regolament.

3.   Għall-fini tat-tlestija tad-dejta tar-reviżjoni tal-istudju, fuq talba mill-operatur tas-sistema rilevanti, is-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu jipprovdi dawn li ġejjin:

(a)

dikjarazzjoni dettaljata ta' konformità; kif ukoll

(b)

aġġornament tad-dejta teknika applikabbli, mudelli ta' simulazzjoni u studji kif imsemmijin fl-Artikolu 62(3), inkluż l-użu ta' valuri attwali mkejlin matul l-ittestjar.

4.   Fil-każ ta' inkompatibbiltà identifikata għall-finijiet tal-għoti tal-FON, fuq talba lill-operatur tas-sistema rilevanti tista' tingħata deroga, f'konformità mal-proċedura għad-derogi skont it-Titolu VII. FON għandha tinħareġ mill-operatur tas-sistema rilevanti, jekk il-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tad-deroga. L-operatur tas-sistema rilevanti għandu jkollu d-dritt li jirrifjuta t-tħaddim tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC, li t-talba tas-sid tiegħu għal deroga tkun ġiet rifjutata, sakemm is-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC u l-operatur tas-sistema rilevanti ma jkunux solvew l-inkompatibbiltà u l-operatur tas-sistema rilevanti jqis li l-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC huwa konformi.

Artikolu 64

Notifika operazzjonali limitata għal moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC

1.   Sidien ta' moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC li tkun ingħatatilhom FON għandhom jinfurmaw lill-operatur tas-sistema rilevanti immedjatament fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

il-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC ikun temporanjament soġġett jew għal modifika sinifikanti jew għal telf sinifikanti ta' kapaċità, minħabba l-implimentazzjoni ta' modifika waħda jew aktar ta' sinifikat għall-prestazzjoni tiegħu; jew

(b)

fil-każ ta' ħsarat fl-apparat li jwasslu għal nuqqas ta' konformità ma' xi rekwiżiti rilevanti.

2.   Jekk is-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC raġonevolment jistenna li ċ-ċirkostanzi spjegati fil-paragrafu 1 jippersistu għal aktar minn tliet xhur, hu għandu jressaq applikazzjoni quddiem l-operatur tas-sistema rilevanti għal notifika operazzjonali limitata (LON).

3.   LON għandha tinħareġ mit-TSO rilevanti b'identifikazzjoni ċara ta':

(a)

il-kwistjonijiet mhux riżolti li jiġġustifikaw l-għoti tal-LON;

(b)

ir-responsabbiltajiet u l-perjodi ta' żmien għas-soluzzjoni mistennija; kif ukoll

(c)

perjodu massimu ta' validità li ma għandux jaqbeż it-12-il xahar. Il-perjodu inizjali mogħti jista' jkun iqsar bil-possibbiltà ta' estensjoni, jekk titressaq evidenza għas-sodisfazzjoni tal-operatur tas-sistema rilevanti li turi li sar progress sostanzjali lejn l-ilħuq ta' konformità sħiħa.

4.   Il-FON għandha tiġi sospiża matul il-perjodu ta' validità tal-LON fir-rigward tas-suġġetti li tkun inħarġitilhom il-LON.

5.   Fuq talba għal deroga lill-operatur tas-sistema rilevanti, tista' tingħata estensjoni oħra tal-perjodu ta' validità tal-LON, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, skont il-proċedura derogatorja deskritta fit-Titolu VII.

6.   L-operatur tas-sistema rilevanti jista' jirrifjuta t-tħaddim tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC jekk il-LON tkun intemmet u ċ-ċirkostanza li tkun wasslet għall-ħruġ tagħha tkun għadha teżisti. F'dan il-każ il-FON għandha tiġi awtomatikament invalida.

KAPITOLU 3

Analiżi tal-kostijiet-benefiċċji

Artikolu 65

Identifikazzjoni tal-kostijiet u tal-benefiċċji tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti għas-sistemi HVDC eżistenti jew għall-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC eżistenti

1.   Qabel l-applikazzjoni ta' kwalunkwe rekwiżit stabbilit f'dan ir-Regolament għas-sistemi HVDC eżistenti jew għall-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC eżistenti skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu 4, it-TSO rilevanti għandu jwettaq tqabbil kwalitattiv tal-kostijiet u tal-benefiċċji marbutin mar-rekwiżit li qiegħed jiġi kkunsidrat. Dan il-paragun għandu jqis alternattiv disponibbli bbażati fuq in-netwerk jew ibbażati fis-suq. It-TSO rilevanti jista' jipproċedi biss biex iwettaq analiżi tal-kostijiet-benefiċċji kwantittativa, f'konformità mal-paragrafi 2 sa 5, jekk il-paragun kwalitattiv jindika li l-benefiċċji probabbli jaqbżu l-kostijiet probabbli. Jekk, madankollu, il-kostijiet jitqiesu għolja jew il-benefiċċju jitqies baxx, allura t-TSO rilevanti ma għandux jipproċedi aktar.

2.   Wara stadju ta' tħejjija mwettaq skont il-paragrafu 1, it-TSO rilevanti għandu jagħmel analiżi kwantitattiva tal-kostijiet-benefiċċji ta' kwalunkwe rekwiżit li qiegħed jiġi kkunsidrat li ser jiġi applikat għas-sistemi HVDC jew għall-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC eżistenti li jkun wera benefiċċji potenzjali b'riżultat tal-istadju ta' tħejjija skont il-paragrafu 1.

3.   Fi żmien tliet xhur mill-konklużjoni tal-analiżi tal-kostijiet-benefiċċji, it-TSO rilevanti għandu jiġbor fil-qosor is-sejbiet li ġejjin f'rapport li għandu:

(a)

jinkludi analiżi tal-kostijiet-benefiċċji u rakkomandazzjoni dwar kif għandu jipproċedi;

(b)

jinkludi proposta għal perjodu tranżizzjonali għall-applikazzjoni tar-rekwiżit għas-sistemi HVDC eżistenti jew għall-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC eżistenti. Dan il-perjodu tranżizzjonali ma għandux ikun itwal minn sentejn mid-data tad-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja, jew fejn applikabbli, l-Istat Membru, dwar l-applikabbiltà tar-rekwiżit;

(c)

ikun soġġett għal konsultazzjoni pubblika skont l-Artikolu 8.

4.   Mhux aktar tard minn sitt xhur wara t-tmiem tal-konsultazzjoni pubblika, it-TSO rilevanti għandu jħejji rapport li jispjega l-eżitu tal-konsultazzjoni u li jkun fih proposta dwar l-applikabbiltà tar-rekwiżit li jkun qiegħed jiġi kkunsidrat għal sistemi HVDC jew għal moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC eżistenti. Ir-rapport u l-proposta għandhom jiġu nnotifikati lill-awtorità regolatorja, jew fejn applikabbli, l-Istat Membru, u s-sid tas-sistema HVDC, is-sid ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC jew, fejn applikabbli, parti terza, għandhom jiġu infurmati dwar il-kontenut tiegħu.

5.   Il-proposta li ssir mit-TSO rilevanti lill-awtorità regolatorja jew fejn applikabbli, l-Istat Membru, skont il-paragrafu 4 għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

proċedura ta' notifika operazzjonali biex turi l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti mis-sid tas-sistema HVDC eżistenti jew mis-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC;

(b)

perjodu tranżizzjonali għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti li għandu jikkunsidra l-kategorija tas-sistema HVDC jew tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC u kwalunkwe ostakolu sottostanti għall-implimentazzjoni effiċjenti tal-modifika/tiswija tal-apparat.

Artikolu 66

Prinċipji tal-analiżi tal-kostijiet-benefiċċji

1.   Is-sidien ta' sistemi HVDC, is-sidien ta' moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC u d-DSOs, inklużi s-CDSOs għandhom jassistu u jikkontribwixxu għall-analiżi tal-kostijiet-benefiċċji li ssir skont l-Artikolu 65 u 80 u jipprovdu d-dejta meħtieġa, kif mitluba mill-operatur tas-sistema rilevanti jew it-TSO rilevanti fi żmien tliet xhur minn meta jirċievu talba, sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor mit-TSO rilevanti. Għat-tħejjija ta' analiżi tal-kostijiet-benefiċċji minn sid ta' sistema HVDC jew minn sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC, jew sid prospettiv tagħhom li jkun qed jivvaluta deroga potenzjali skont l-Artikolu 79, it-TSO rilevanti u d-DSO, inkluż is-CDSO, għandhom jassistu u jikkontribwixxu għall-analiżi tal-kostijiet-benefiċċji u jipprovdu d-dejta meħtieġa kif mitluba mis-sid tas-sistema HVDC jew mis-sid tal-modulu ta' park tal-al-enerġija konness b'DC, jew sid prospettiv fi żmien tliet xhur minn meta jirċievu talba, sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor mis-sid tas-sistema HVDC jew mis-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC jew mis-sid prospettiv tagħhom.

2.   L-analiżi tal-kostijiet-benefiċċji għandha tkun f'konformità mal-priniċipji li ġejjin:

(a)

it-TSO rilevanti, is-sid ta' sistema HVDC jew is-sid ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC jew sid prospettiv tagħhom għandu jibbaża l-analiżi tiegħu tal-kostijiet-benefiċċji fuq prinċipju wieħed jew aktar ta' kalkolu minn dawn li ġejjin:

(i)

il-valur preżenti nett;

(ii)

ir-redditu fuq l-investiment;

(iii)

ir-rata ta' redditu;

(iv)

iż-żmien meħtieġ biex jintlaħaq ekwilibriju.

(b)

it-TSO rilevanti jew is-sid tas-sistema HVDC jew is-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC jew sid prospettiv tagħhom għandu jikkwantifika wkoll il-benefiċċji soċjoekonomiċi f'termini ta' titjib fis-sigurtà tal-provvista u tal-anqas għandu jinkludi:

(i)

it-tnaqqis assoċjat fil-probabbiltà ta' telf tal-provvista matul il-ħajja tal-modifika;

(ii)

l-estent u d-durata probabbli ta' tali telf ta' provvista;

(iii)

il-kost soċjetali għal kull siegħa ta' tali telf ta' provvista.

(c)

it-TSO rilevanti jew is-sid tas-sistema HVDC jew is-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC jew sid prospettiv tagħhom għandu jikkwantifika l-benefiċċji għas-suq intern f'elettriku, f'kummerċ transkonfinali u fl-integrazzjoni ta' enerġiji rinnovabbli, inkluż tal-anqas:

(i)

ir-rispons tal-frekwenza ta' potenza attiva;

(ii)

ir-riżervi ta' bilanċ;

(iii)

il-provvista tal-potenza reattiva;

(iv)

il-ġestjoni tal-konġestjoni;

(v)

il-miżuri ta' difiża.

(d)

it-TSO rilevanti għandu jikkwantifika l-kostijiet tal-applikazzjoni tar-regoli meħtieġa għas-sistemi HVDC eżistenti jew għall-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC eżistenti, inkluż tal-anqas:

(i)

il-kostijiet diretti mġarrba fl-implimentazzjoni ta' rekwiżit;

(ii)

il-kostijiet assoċjati ma' telf ta' opportunità attribwibbli;

(iii)

il-kostijiet assoċjati mal-bidliet li jirriżultaw fil-manutenzjoni u t-tħaddim.

TITOLU VI

KONFORMITÀ

KAPITOLU 1

Monitoraġġ tal-konformità

Artikolu 67

Dispożizzjonijiet komuni għall-ittestjar tal-konformità

1.   L-ittestjar tal-prestazzjoni tas-sistemi HVDC u tal-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC għandu l-għan li juri li ntlaħqet konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

2.   Minkejja r-rekwiżiti minimi għall-ittestjar tal-konformità stabbiliti f'dan ir-Regolament, l-operatur tas-sistema rilevanti, għandu dritt li:

(a)

jippermetti lis-sid ta' sistema HVDC jew lis-sid ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC iwettaq sett alternattiv ta' testijiet, sakemm dawk it-testijiet ikunu effiċjenti u biżżejjed biex juru li sistema HVDC jew modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament; kif ukoll

(b)

jesiġi li sid is-sistema HVDC jew sid ta' park tal-enerġija konness b'DC iwettaq settijiet addizzjonali jew alternattivi ta' testijiet f'dawk il-każijiet fejn l-informazzjoni fornita lill-operatur tas-sistema rilevanti fir-rigward tal-ittestjar tal-konformità skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 2 tat-Titolu VI, ma tkunx biżżejjed biex turi konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament

3.   Sid is-sistema HVDC jew is-sid ta' park tal-enerġija konness b'DC huwa responsabbli biex isiru t-testijiet f'konformita mal-kundizzjonijiet stipulati fil-Kapitolu 2 tat-Titolu VI. L-operatur tas-sistema rilevanti għandu jikkoopera u ma jdewwimx bla bżonn it-twettiq tat-testijiet.

4.   L-operatur tas-sistema rilevanti jista' jieħu sehem fl-ittestjar tal-konformità fuq is-sit jew b'mod remot miċ-ċentru ta' kontroll tal-operatur tas-sistema. Għal dan il-għan, is-sid ta' sistema HVDC jew is-sid ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu jipprovdi t-tagħmir ta' monitoraġġ meħtieġ biex jirreġistra kull sinjal u kejl tat-test rilevanti u għandu wkoll jiżgura li r-rappreżentanti meħtieġa tas-sid ta' sistema HVDC jew tas-sid ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC jkunu disponibbli fil-post għall-perjodu kollu tal-ittestjar. Għandhom jiġu pprovduti sinjali speċifikati mill-operatur tas-sistema rilevanti, għal testijiet magħżula, jekk l-operatur tas-sistema jkun jixtieq juża t-tagħmir tiegħu stess biex jirreġistra l-prestazzjoni. L-operatur tas-sistema rilevanti jista' jiddeċiedi dwar jekk jipparteċipax skont id-diskrezzjoni tiegħu.

Artikolu 68

Dispożizzjonijiet komuni dwar is-simulazzjoni tal-konformità

1.   Is-simulazzjoni tal-prestazzjoni tas-sistemi HVDC u ta' moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC għandha l-għan li turi li r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament ġew issodisfati.

2.   Minkejja r-rekwiżiti minimi stabbiliti f'dan ir-Regolament għas-simulazzjoni tal-konformità, l-operatur tas-sistema rilevanti jista':

(a)

jippermetti lis-sid ta' sistema HVDC jew lis-sid ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC iwettaq sett alternattiv ta' simulazzjonijiet, sakemm dawk is-simulazzjonijiet ikunu effiċjenti u biżżejjed biex juru li sistema HVDC jew modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament jew mal-leġiżlazzjoni nazzjonali; kif ukoll

(b)

jesiġi li sid is-sistema HVDC jew sid ta' park tal-enerġija konness b'DC iwettaq settijiet addizzjonali jew alternattivi ta' simulazzjonijiet f'dawk il-każijiet fejn l-informazzjoni fornita lill-operatur tas-sistema rilevanti fir-rigward ta' simulazzjoni tal-konformità skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 3 tat-Titolu VI, ma tkunx biżżejjed biex turi konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament

3.   Biex juri l-konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, sid is-sistema HVDC jew sid ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu jipprovdi rapport bir-riżultati tas-simulazzjoni. Sid is-sistema HVDC u s-sid ta' park tal-enerġija konness b'DC għandhom jipproduċu u jipprovdu mudell ta' simulazzjoni vvalidat għal sistema HVDC jew modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC partikolari. L-ambitu tal-mudelli ta' simulazzjoni huwa stabbilit fl-Artikoli 38 u 54.

4.   L-operatur tas-sistema rilevanti għandu jkollu d-dritt li jiċċekkja li modulu ta' ġenerazzjoni tal-enerġija jikkonforma mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament billi jwettaq is-simultazzjonijiet ta' konformità tiegħu stess abbażi tar-rapporti ta' simulazzjoni pprovduti, il-mudelli ta' simulazzjoni u l-kejl tat-test tal-konformità.

5.   L-operatur tas-sistema rilevanti għandu jipprovdi lil sid is-sistema HVDC jew lis-sid ta' park tal-enerġija konness b'DC bid-dejta teknika u bil-mudell ta' simulazzjoni tan-netwerk, sal-punt meħtieġ biex iwettaq is-simulazzjonijiet miltuba skont il-Kapitolu 3 tat-Titolu VI.

Artikolu 69

Ir-responsabbiltà tas-sid tas-sistema HVDC u tas-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC

1.   Is-sid tas-sistema HVDC għandu jiżgura li s-sistema HVDC u l-istazzjonijiet ta' konverżjoni HVDC jkunu konformi mar-rekwiżiti previsti minn dan ir-Regolament. Din il-konformità għandha tinżamm tul il-ħajja tal-faċilità.

2.   Is-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu jiżgura li l-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC jkun konformi mar-rekwiżiti skont dan ir-Regolament. Din il-konformità għandha tinżamm tul il-ħajja tal-faċilità.

3.   Is-sid tas-sistema HVDC jew is-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu jinnotifika lill-operatur tas-sistema rilevanti dwar modifiki ppjanati tal-kapaċitajiet tekniċi tas-sistema HVDC, tal-istazzjon ta' konverżjoni HVDC jew tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC li jista' jkollhom impatt possibbli fuq il-konformità tagħhom mar-rekwiżiti skont dan ir-Regolament qabel ma jibda kwalunkwe modifika.

4.   Kwalunkwe inċident operattiv jew fallimenti ta' sistema HVDC, ta' stazzjon ta' konverżjoni HVDC jew ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC li jkollu impatt fuq il-konformità tiegħu mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament għandu jiġi notifikat lill-operatur tas-sistema rilevanti mis-sid tas-sistema HVDC jew mis-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC malajr kemm jista' jkun u mingħajr dewmien wara li jseħħ inċident bħal dan.

5.   Kwalunkwe test skedat jew proċedura prevista biex tiġi verifikata l-konformità ta' sistema HVDC, ta' stazzjon ta' konverżjoni HVDC jew ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament għandu jiġi notifikat lill-operatur tas-sistema rilevanti mis-sid tas-sistema HVDC jew mis-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC fi żmien xieraq u qabel it-tnedija tagħhom u għandhom jiġu approvati mill-operatur tas-sistema rilevanti.

6.   L-operatur tas-sistema rilevanti għandu jiġi appoġġat biex jipparteċipa f'dawn it-testijiet u jista' jirreġistra l-prestazzjoni tas-sistemi HVDC, tal-istazzjonijiet ta' konverżjoni HVDC jew tal-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC.

Artikolu 70

Il-kompiti tal-operatur tas-sistema rilevanti

1.   L-operatur tas-sistema rilevanti għandu jivvaluta b'mod regolari l-konformità ta' sistema HVDC, ta' stazzjon ta' konverżjoni HVDC u ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC mar-rekwiżiti skont dan ir-Regolament tul il-ħajja tas-sistema HVDC, tal-istazzjon ta' konverżjoni HVDC jew tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC. Is-sid tas-sistema HVDC jew is-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu jiġi informat dwar l-eżitu ta' din il-valutazzjoni.

2.   Meta jintalab mill-operatur tas-sistema rilevanti, is-sid tas-sistema HVDC jew is-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu jwettaq testijiet ta' konformità u simulazzjonijiet, mhux biss matul il-proċeduri ta' notifika operazzjonali skont it-Titolu V, iżda ripetutament tul il-ħajja tas-sistema HVDC, tal-istazzjon ta' konverżjoni HVDC jew tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC skont pjan jew skema ġenerali għal testijiet ripetuti u simulazzjonijiet speċifikati jew wara xi ħsara, modifika jew sostituzzjoni ta' xi tagħmir li jista' jkollhom impatt fuq il-konformità mar-rekwiżiti skont dan ir-Regolament. Is-sid tas-sistema HVDC jew is-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu jiġi informat dwar l-eżitu ta' dawn it-testijiet ta' konformità u tas-simulazzjonijiet.

3.   Fil-qafas tal-proċess ta' konformità, l-operatur tas-sistema rilevanti għandu jagħmel disponibbli għall-pubbliku l-lista ta' informazzjoni u d-dokumenti li għandhom jiġu pprovduti kif ukoll ir-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti mis-sid tas-sistema HVDC jew mis-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC. Din il-lista għandha tkopri tal-anqas l-informazzjoni, id-dokumenti u r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

id-dokumentazzjoni u ċ-ċertifikati kollha li għandhom jiġu pprovduti mis-sid tas-sistema HVDC jew mis-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC;

(b)

dettalji tad-dejta teknika tas-sistema HVDC, tal-istazzjon ta' konverżjoni HVDC jew tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC b'rilevanza għall-konnessjoni mal-grilja;

(c)

ir-rekwiżiti għall-mudelli għall-istudji tas-sistema fi stat fiss u dinamiku;

(d)

skeda ta' żmien għall-forniment tad-dejta tas-sistema meħtieġa biex jitwettqu l-istudji;

(e)

studji mis-sid tas-sistema HVDC jew mis-sid ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC biex juru l-prestazzjoni mistennija fi stat fiss u dik dinamika f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fit-Titoli II, III u IV;

(f)

il-kundizzjonijiet u l-proċeduri, inkluż l-ambitu, għar-reġistrazzjoni taċ-ċertifikati tat-tagħmir; kif ukoll

(g)

il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-użu taċ-ċertifikati tat-tagħmir rilevanti maħruġa minn ċertifikatur awtorizzat mis-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC.

4.   L-operatur tas-sistema rilevanti għandu jagħmel disponibbli għall-pubbliku l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet lis-sid tas-sistema HVDC jew lis-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC u lill-operatur tas-sistema fir-rigward ta' testijiet ta' konformità, ta' simulazzjoni u ta' monitoraġġ.

5.   L-operatur tas-sistema rilevanti jista' parzjalment jew kompletament jassenja l-prestazzjoni tal-monitoraġġ tal-konformità tiegħu lil partijiet terzi. F'dan il-każ, l-operatur tas-sistema rilevanti għandu jiżgura konformità mal-Artikolu 10 permezz ta' impenji ta' kunfidenzjalità xierqa maċ-ċessjonarju.

6.   L-operatur tas-sistema m'għandux iżomm mingħajr raġuni valida kwalunkwe notifika operazzjonali skont it-Titolu V, jekk it-testijiet ta' konformità jew is-simulazzjonijiet ma jkunux jistgħu jsiru kif miftiehem bejn l-operatur tas-sistema rilevanti u s-sid tas-sistema HVDC jew mas-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC minħabba raġunijiet li jkunu fil-kontroll uniku tal-operatur tas-sistema rilevanti.

7.   Meta jintalab, l-operatur tas-sistema rilevanti għandu jagħti r-riżultati tat-test ta' konformità u tas-simulazzjoni msemmijin f'dan il-Kapitolu lit-TSO rilevanti.

KAPITOLU 2

Testjar tal-konformità

Artikolu 71

Ittestjar tal-konformità għal sistemi HVDC

1.   Iċ-ċertifikati tat-tagħmir jistgħu jintużaw minflok parti mit-testijiet ta' hawn taħt, bil-kundizzjoni li jiġu pprovduti lill-operatur tas-sistema rilevanti.

2.   Fir-rigward tat-test tal-kapaċità ta' potenza reattiva:

(a)

l-unità ta' konverżjoni HVDC jew l-istazzjon ta' konverżjoni HVDC għandhom juru l-kapaċità teknika tagħhom li jipprovdu kapaċità ta' potenza reattiva leading u lagging skont l-Artikolu 20;

(b)

it-test tal-kapaċità ta' potenza reattiva għandu jsir bil-potenza reattiva massima, kemm leading u lagging, u jittratta l-verifika tal-parametri li ġejjin:

(i)

Tħaddim tat-trażmissjoni ta' potenza attiva HVDC f'kapaċità minima;

(ii)

Tħaddim tat-trażmissjoni ta' potenza attiva HVDC f'kapaċità massima;

(iii)

Tħaddim fil-valur programmat tal-potenza attiva bejn dik il-kapaċità minima u massima ta' trażmissjoni ta' potenza attiva HVDC.

(c)

it-test għandu jitqies li kien suċċess, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ġew sodisfatti b'mod kumulattiv:

(i)

l-unità ta' konverżjoni HVDC jew l-istazzjon ta' konverżjoni HVDC ikunu ilhom joperaw għal mhux inqas minn siegħa (1) f'potenza reattiva massima, kemm leading u lagging, għal kull parametru kif imsemmi fil-punt b);

(ii)

l-unità ta' konverżjoni HVDC jew l-istazzjon ta' konverżjoni HVDC juru l-kapaċità tagħhom li jbiddlu għal kwalunkwe valur ipprogrammat ta' potenza reattiva fil-mira fil-medda applikabbli ta' potenza reattiva fi ħdan il-miri speċifikati ta' prestazzjoni tal-iskema rilevanti ta' kontroll tal-potenza reattiva; kif ukoll

(iii)

ma sseħħ l-ebda azzjoni ta' protezzjoni fil-limiti ta' tħaddim speċifikati mid-dijagramma tal-kapaċità tal-potenza reattiva.

3.   Fir-rigward tat-test tal-modalità ta' kontroll tal-vultaġġ:

(a)

l-unità ta' konverżjoni HVDC jew l-istazzjon ta' konverżjoni HVDC għandhom juru l-kapaċità tagħhom li joperaw f'modalità ta' kontroll tal-vultaġġ fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 22(3);

(b)

it-test tal-modalità ta' kontroll tal-vultaġġ għandu japplika fir-rigward tal-verifika tal-parametri li ġejjin:

(i)

l-inklinazzjoni u l-banda mejta implimentati tal-karatteristika statika;

(ii)

l-akkuratezza tar-regolazzjoni;

(iii)

l-insensittività tar-regolazzjoni;

(iv)

il-ħin tal-attivazzjoni tal-potenza reattiva;

(c)

it-test għandu jitqies li kien suċċess, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ġew sodisfatti b'mod kumulattiv:

(i)

il-medda ta' regolazzjoni u l-aġġustibbiltà tad-droop u tal-banda mejta huma konformi ma' parametri karatteristiċi maqbulin jew deċiżi, skont l-Artikolu 22(3);

(ii)

l-insensittività tal-kontroll tal-vultaġġ ma tkunx ogħla minn 0,01 pu;

(iii)

wara bidla gradata fil-vultaġġ, 90 % tal-bidla fl-output tal-potenza reattiva jkun seħħ fil-ħinijiet u t-tolleranzi skont l-Artikolu 22(3).

4.   Fir-rigward tat-test tal-modalità ta' kontroll tal-potenza reattiva:

(a)

l-unità ta' konverżjoni HVDC jew l-istazzjon ta' konverżjoni HVDC għandha turi l-kapaċità tagħha li topera f'modalità ta' kontroll tal-potenza reattiva, skont il-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 22(4);

(b)

it-test tal-modalità ta' kontroll tal-potenza reattiva għandu jkun kumplimentari għat-test tal-kapaċità ta' potenza reattiva;

(c)

it-test tal-modalità ta' kontroll tal-potenza reattiva għandu japplika fir-rigward tal-verifika tal-parametri li ġejjin:

(i)

il-medda u l-grad tal-valur programmat tal-potenza reattiva;

(ii)

l-akkuratezza tar-regolazzjoni; kif ukoll

(iii)

il-ħin tal-attivazzjoni tal-potenza reattiva;

(d)

it-test għandu jitqies li kien suċċess, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ġew sodisfatti b'mod kumulattiv:

(i)

il-medda u l-grad tal-valur programmat tal-potenza reattiva hija żgurata skont l-Artikolu 22(4);

(ii)

l-akkuratezza tar-regolazzjoni hija konformi mal-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 22(3).

5.   Fir-rigward tat-test tal-modalità ta' kontroll tal-fattur ta' potenza:

(a)

l-unità ta' konverżjoni HVDC jew l-istazzjon ta' konverżjoni HVDC għandhom juru l-kapaċità tagħhom li joperaw f'modalità ta' kontroll tal-fattur ta' potenza skont il-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 22(5);

(b)

it-test tal-modalità ta' kontroll tal-fattur ta' potenza għandu japplika fir-rigward tal-verifika tal-parametri li ġejjin:

(i)

il-medda tal-valur programmat tal-fattur ta' potenza;

(ii)

l-akkuratezza tar-regolazzjoni;

(iii)

ir-rispons tal-potenza reattiva minħabba bidla gradata fil-potenza attiva.

(c)

it-test għandu jitqies li kien suċċess, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ġew sodisfatti b'mod kumulattiv:

(i)

l-medda u l-grad tal-valur programmat tal-fattur ta' potenza huwa żgurat skont l-Artikolu 22(5);

(ii)

il-ħin għall-attivazzjoni tal-potenza reattiva b'riżultat ta' bidla gradata tal-potenza attiva ma jaqbiżx ir-rekwiżiti speċifikati skont l-Artikolu 22(5);

(iii)

l-akkuratezza tar-regolazzjoni hija konformi mal-valur, kif imsemmi fl-Artikolu 22(5).

6.   Fir-rigward tat-test tar-rispons tal-FSM:

(a)

is-sistema HVDC għandha turi l-kapaċità teknika tagħha li kontinwament timmodula l-potenza attiva fuq il-medda operattiva sħiħa bejn il-kapaċità massima ta' trażmissjoni ta' potenza attiva HVDC u l-kapaċità minima ta' trażmissjoni ta' potenza attiva HVDC biex tikkontribwixxi għall-kontroll tal-frekwenza u għandha tivverifika l-parametri fi stat fiss tar-regolazzjonijiet, bħad-droop u l-banda mejta u l-parametri dinamiċi, inkluż ir-robustezza matul rispons għal bidla gradata fil-frekwenza u bidliet kbar u veloċi fil-frekwenza;

(b)

it-test għandu jsir billi jiġu simulati gradi fil-frekwenza u varjazzjoni tal-potenza attiva kbar biżżejjed biex jiġi attivat tal-anqas 10 % tal-medda sħiħa tar-rispons tal-frekwenza tal-potenza attiva f'kull direzzjoni, filwaqt li jitqiesu l-parametri tad-droop u l-banda mejta. Sinjali simulati ta' devjazzjoni fil-frekwenza għandhom jiġu injettati fil-kontrollur tal-unità ta' konverżjoni HVDC jew tal-istazzjon ta' konverżjoni HVDC;

(c)

it-test għandu jitqies li kien suċċess, jekk ikunu ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

il-ħin għall-attivazzjoni tal-medda sħiħa tar-rispons tal-frekwenza tal-potenza attiva b'riżultat ta' bidla gradata fil-frekwenza m'għandux ikun itwal minn kif meħtieġ mill-Anness II;

(ii)

wara r-rispons tal-bidla gradata ma jkunx hemm oxxillazzjonijiet mhux attenwati.

(iii)

il-ħin ta' dewmien inizjali huwa konformi mal-Anness II;

(iv)

il-parametri tad-droop huma disponibbli fil-medda prevista fl-Anness II u l-banda mejta (sollijiet) ma tkunx aktar mill-valur fl-Anness II;

(v)

l-insensittività tar-rispons tal-frekwenza tal-potenza attiva fi kwalunkwe punt ta' operazzjoni rilevanti ma taqbiżx ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II.

7.   Fir-rigward tat-test tar-rispons tal-LFSM-O:

(a)

is-sistema HVDC għandha turi l-kapaċità teknika tagħha li kontinwament timmodula l-potenza attiva biex tikkontribwixxi għall-kontroll tal-frekwenza fil-każ ta' żieda kbira fil-frekwenza fis-sistema u għandha tivverifika l-parametri tar-regolazzjonijiet fi stat fiss, bħad-droop u l-banda mejta, u l-parametri dinamiċi, inkluż ir-rispons għal bidla gradata fil-frekwenza;

(b)

it-test għandu jsir billi jiġu simulati gradi fil-frekwenza u varjazzjoni tal-potenza attiva kbar biżżejjed biex jiġi attivat tal-anqas 10 % tal-medda operattiva sħiħa għall-potenza attiva, filwaqt li jitqiesu l-parametri tad-droop u l-banda mejta. Sinjali simulati ta' devjazzjoni fil-frekwenza għandhom jiġu injettati fil-kontrollur tal-unità ta' konverżjoni HVDC jew tal-istazzjon ta' konverżjoni HVDC;

(c)

it-test għandu jitqies li kien suċċess, jekk ikunu ġew sodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

ir-riżultati tat-test, kemm għall-parametri dinamiċi u statiċi, ikunu konformi mar-rekwiżiti kif imsemmi fl-Anness II;

(ii)

wara r-rispons tal-bidla gradata ma jkunx hemm oxxillazzjonijiet mhux attenwati.

8.   Fir-rigward tat-test tar-rispons tal-LFSM-U:

(a)

is-sistema HVDC għandha turi l-kapaċità teknika tagħha li timmodula kontinwament l-potenza attiva f'punti operattivi taħt il-kapaċità massima ta' trażmissjoni ta' potenza attiva HVDC biex tikkontribwixxi għall-kontroll tal-frekwenza fil-każ ta' tnaqqis kbir fil-frekwenza fis-sistema;

(b)

it-test għandu jsir billi f'punti xierqa ta' tagħbija ta' potenza attiva jiġu simulati gradi baxxi fil-frekwenza u varjazzjonijiet kbar biżżejjed tal-potenza attiva biex tal-anqas jiġi attivat 10 % tal-medda operattiva sħiħa għall-potenza attiva, filwaqt li jitqiesu l-parametri tad-droop u l-banda mejta. Sinjali simulati ta' devjazzjoni fil-frekwenza għandhom jiġu injettati fil-kontrollur tal-unità ta' konverżjoni HVDC jew tal-istazzjon ta' konverżjoni HVDC;

(c)

it-test għandu jitqies li kien suċċess, jekk ikunu ġew sodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

ir-riżultati tat-test, kemm għall-parametri dinamiċi u statiċi, ikunu konformi mar-rekwiżiti kif imsemmi fl-Anness II;

(ii)

wara r-rispons tal-bidla gradata ma jkunx hemm oxxillazzjonijiet mhux attenwati.

9.   Fir-rigward tat-test ta' kontrollabbiltà tal-potenza attiva:

(a)

is-sistema HVDC għandha turi l-kapaċità teknika tagħha li timmodula kontinwament il-potenza attiva fuq il-medda operattiva kollha skont l-Artikolu 13(1)(a) u (d);

(b)

it-test għandu jsir billi jintbagħtu struzzjonijiet manwali u awtomatiċi mit-TSO rilevanti;

(c)

it-test għandu jitqies li kien suċċess, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ġew sodisfatti b'mod kumulattiv:

(i)

is-sistema HVDC tkun uriet operazzjoni stabbli;

(ii)

il-ħin tal-aġġustament tal-potenza attiva jkun iqsar mid-dewmien speċifikat skont l-Artikolu 13(1)(a);

(iii)

ir-rispons dinamiku tas-sistema HVDC meta tirċievi struzzjonijiet għall-finijiet tal-iskambju jew il-qsim tar-riżervi jew għall-parteċipazzjoni fi proċessi ta' nettjar tal-iżbilanċi, jekk din tkun kapaċi tissodisfa r-rekwiżiti għal dawn il-prodotti kif speċifikat mit-TSO rilevanti, ikun intwera.

10.   Fir-rigward tat-test ta' modifikazzjoni tar-rata ta' varjazzjoni tal-potenza attiva:

(a)

is-sistema HVDC għandha turi l-kapaċità teknika tagħha li taġġusta r-rata ta' varjazzjoni tal-potenza attiva skont l-Artikolu 13(2);

(b)

it-test għandu jsir mit-TSO rilevanti li jibgħat struzzjonijiet għall-immodifikar tal-varjazzjoni

(c)

it-test għandu jitqies li kien suċċess, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ġew sodisfatti b'mod kumulattiv:

(i)

ir-rata ta' varjazzjoni tal-potenza attiva tista' tiġi aġġustata;

(ii)

is-sistema HVDC tkun uriet operazzjoni stabbli matul il-perjodi ta' varjazzjoni tal-potenza attiva.

11.   Fir-rigward tat-test ta' startjar minn mitfi totali, jekk ikun applikabbli:

(a)

is-sistema HVDC għandha turi l-kapaċità teknika tagħha li tenerġizza l-iżbarra ta' distribuzzjoni tas-substazzjon AC imbiegħed li miegħu tkun konnessa, f'perjodu speċifikat mit-TSO rilevanti, skont l-Artikolu 37(2);

(b)

it-test għandu jsir waqt li s-sistema HVDC tistartja minn mitfija totali;

(c)

it-test għandu jitqies li kien suċċess, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ġew sodisfatti b'mod kumulattiv:

(i)

is-sistema HVDC tkun uriet kapaċità li tenerġizza l-iżbarra ta' distribuzzjoni tas-substazzjon imbiegħed tal-AC li miegħu tkun konnessa;

(ii)

is-sistema HVDC topera minn punt ta' operazzjoni stabbli f'kapaċità miftiehma, skont il-proċedura tal-Artikolu 37(3).

Artikolu 72

Ittestjar tal-konformità għal moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC u għal unitajiet ta' konverżjoni HVDC imbiegħda

1.   Iċ-ċertifikati tat-tagħmir jistgħu jintużaw minflok parti mit-testijiet ta' hawn taħt, bil-kundizzjoni li jiġu pprovduti lill-operatur tas-sistema rilevanti.

2.   Fir-rigward tat-test tal-kapaċità ta' potenza reattiva ta' moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC:

(a)

il-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu juri l-kapaċità teknika tiegħu li jipprovdi kapaċità ta' potenza reattiva leading u lagging skont l-Artikolu 40(2);

(b)

it-test tal-kapaċità ta' potenza reattiva għandu jsir bil-potenza reattiva massima, kemm leading u lagging, u jittratta l-verifika tal-parametri li ġejjin:

(i)

tħaddim f'aktar minn 60 % tal-kapaċità massima għal 30 minuta;

(ii)

tħaddim fil-medda ta' 30 — 50 % tal-kapaċità massima għal 30 minuta; kif ukoll

(iii)

tħaddim fil-medda ta' 10 — 20 % tal-kapaċità massima għal 60 minuta;

(c)

it-test għandu jitqies li kien suċċess, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ġew sodisfatti b'mod kumulattiv:

(i)

il-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu jkun ilu jopera għal mhux anqas mit-tul mitlub f'potenza reattiva massima, kemm leading u lagging, f'kull parametru kif imsemmi fil-punt (b);

(ii)

il-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC ikun wera l-kapaċità tiegħu li jbiddel għal kwalunkwe valur ipprogrammat ta' potenza reattiva fil-mira fil-medda miftiehma jew deċiża ta' potenza reattiva fi ħdan il-miri speċifikati ta' prestazzjoni tal-iskema rilevanti ta' kontroll tal-potenza reattiva; kif ukoll

(iii)

ma sseħħ l-ebda azzjoni ta' protezzjoni fil-limiti ta' tħaddim speċifikati mid-dijagramma tal-kapaċità tal-potenza reattiva.

3.   Fir-rigward tat-test tal-kapaċità ta' potenza reattiva tal-unitajiet ta' konverżjoni HVDC imbiegħda:

(a)

l-unità ta' konverżjoni HVDC jew l-istazzjon ta' konverżjoni HVDC għandhom juru l-kapaċità teknika tagħhom li jipprovdu kapaċità ta' potenza reattiva leading u lagging skont l-Artikolu 48(2);

(b)

it-test għandu jitqies li kien suċċess, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ġew sodisfatti b'mod kumulattiv:

(i)

l-unità ta' konverżjoni HVDC jew l-istazzjon ta' konverżjoni HVDC ikunu ilhom joperaw għal mhux inqas minn siegħa (1) f'potenza reattiva massima, kemm leading u lagging, f':

kapaċità minima ta' trażmissjoni ta' potenza attiva HVDC;

kapaċità massima ta' trażmissjoni ta' potenza attiva HVDC; kif ukoll

punt ta' operazzjoni tal-potenza attiva bejn dawk il-meded massimi u minimi.

(ii)

l-unità ta' konverżjoni HVDC jew l-istazzjon ta' konverżjoni HVDC juru l-kapaċità tagħhom li jbiddlu għal kwalunkwe valur ipprogrammat ta' potenza reattiva fil-mira fil-medda maqbula jew deċiża tal-potenza reattiva u fi ħdan il-miri speċifikati ta' prestazzjoni tal-iskema rilevanti ta' kontroll tal-potenza reattiva; kif ukoll

(iii)

ma sseħħ l-ebda azzjoni ta' protezzjoni fil-limiti ta' tħaddim speċifikati mid-dijagramma tal-kapaċità tal-potenza reattiva.

4.   Fir-rigward tat-test tal-modalità ta' kontroll tal-vultaġġ:

(a)

il-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu juri l-kapaċità tiegħu li jopera f'modalità ta' kontroll tal-vultaġġ fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2016/631;

(b)

it-test tal-modalità ta' kontroll tal-vultaġġ għandu japplika fir-rigward tal-verifika tal-parametri li ġejjin:

(i)

l-inklinazzjoni u l-banda mejta implimentati tal-karatteristika statika;

(ii)

l-akkuratezza tar-regolazzjoni;

(iii)

l-insensittività tar-regolazzjoni;

(iv)

il-ħin tal-attivazzjoni tal-potenza reattiva;

(c)

it-test għandu jitqies li kien suċċess, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ġew sodisfatti b'mod kumulattiv:

(i)

il-medda ta' regolazzjoni u l-aġġustibbiltà tad-droop u tal-banda mejta ikunu konformi ma' parametri karatteristiċi maqbulin jew deċiżi, skont l-Artikolu 21(3) (d) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/631;

(ii)

l-insensittività tal-kontroll tal-vultaġġ ma tkunx ogħla minn 0,01 pu, skont l-Artikolu 21(3) (d) tar-Regolament (UE) 2016/631;

(iii)

wara bidla gradata fil-vultaġġ, 90 % tal-bidla fl-output tal-potenza reattiva jkun seħħ fil-ħinijiet u t-tolleranzi skont l-Artikolu 21(3) (d) tar-Regolament (UE) 2016/631.

5.   Fir-rigward tat-test tal-modalità ta' kontroll tal-potenza reattiva:

(a)

il-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu juri l-kapaċità tiegħu li jopera f'modalità ta' kontroll tal-potenza reattiva, skont il-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 21(3)(d)(iii) tar-Regolament (UE) 2016/631;

(b)

it-test tal-modalità ta' kontroll tal-potenza reattiva għandu jkun kumplimentari għat-test tal-kapaċità ta' potenza reattiva;

(c)

it-test tal-modalità ta' kontroll tal-potenza reattiva għandu japplika fir-rigward tal-verifika tal-parametri li ġejjin:

(i)

il-medda u l-grad tal-valur programmat tal-potenza reattiva;

(ii)

l-akkuratezza tar-regolazzjoni;

(iii)

il-ħin tal-attivazzjoni tal-potenza reattiva;

(d)

it-test għandu jitqies li kien suċċess, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ġew sodisfatti b'mod kumulattiv:

(i)

il-medda u l-grad tal-valur programmat tal-potenza reattiva huwa żgurat skont l-Artikolu 21(3)(d) tar-Regolament (UE) 2016/631;

(ii)

l-akkuratezza tar-regolazzjoni hija konformi mal-kundizzjonijiet kif imsemmijin fl-Artikolu 21(3)(d) tar-Regolament (UE) 2016/631;

6.   Fir-rigward tat-test tal-modalità ta' kontroll tal-fattur ta' potenza:

(a)

il-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu juri l-kapaċità tiegħu li jopera f'modalità ta' kontroll tal-fattur ta' potenza, skont il-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 21(3)(d)(iii) tar-Regolament (UE) 2016/631;

(b)

it-test tal-modalità ta' kontroll tal-fattur ta' potenza għandu japplika fir-rigward tal-verifika tal-parametri li ġejjin:

(i)

il-medda tal-valur programmat tal-fattur ta' potenza;

(ii)

l-akkuratezza tar-regolazzjoni;

(iii)

ir-rispons tal-potenza reattiva minħabba bidla gradata fil-potenza attiva.

(c)

it-test għandu jitqies li kien suċċess, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ġew sodisfatti b'mod kumulattiv:

(i)

il-medda u l-grad tal-valur programmat tal-fattur ta' potenza huwa żgurat skont l-Artikolu 21(3)(d) tar-Regolament (UE) 2016/631;

(ii)

il-ħin għall-attivazzjoni tal-potenza reattiva b'riżultat ta' bidla gradata tal-potenza attiva ma jaqbiżx ir-rekwiżit skont l-Artikolu 21(3)(d) tar-Regolament (UE) 2016/631;

(iii)

l-akkuratezza tar-regolazzjoni hija konformi mal-valur kif jissemma fl-Artikolu 21(3)(d) tar-Regolament (UE) 2016/631;

7.   Fir-rigward tat-testijiet identifikat fil-paragrafi 4, 5 u 6, it-TSO rilevanti jista' jagħżel tnejn biss mit-tliet għażliet ta' kontroll għall-ittestjar.

8.   Fir-rigward tar-rispons LFSM-O ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC, it-testijiet għandhom isiru skont l-Artikolu 47(3) tar-Regolament (UE) 2016/631.

9.   Fir-rigward tar-rispons LFSM-U ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC, it-testijiet għandhom isiru skont l-Artikolu 48(3) tar-Regolament (UE) 2016/631.

10.   Fir-rigward ta' kemm tkun tista' tiġi kkontrollata l-potenza attiva ta' park tal-enerġija konness b'DC, it-testijiet għandhom isiru skont l-Artikolu 48(2) tar-Regolament (UE) 2016/631.

11.   Fir-rigward tar-rispons FSM ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC, it-testijiet għandhom isiru skont l-Artikolu 48(4) tar-Regolament (UE) 2016/631.

12.   Fir-rigward tal-kontroll tar-restawr tal-frekwenza ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC, it-testijiet għandhom isiru skont l-Artikolu 45(5) tar-Regolament (UE) 2016/631.

13.   Fir-rigward ta' rispons veloċi għal sinjal ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC, it-test għandu jitqies li kien suċċess jekk il-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC jista' juri r-rispons tiegħu fil-ħin speċifikat fl-Artikolu 39(1)(a).

14.   Fir-rigward ta' testijiet għal moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC fejn in-netwerk tal-kollezzjoni AC ma tkunx fi frekwenza nominali ta' 50 Hz, l-operatur tas-sistema rilevanti, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti, għandu jiftiehem mas-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC dwar it-testijiet ta' konformità meħtieġa.

KAPITOLU 3

Simulazzjonijiet ta' konformità

Artikolu 73

Simulazzjonijiet ta' konformità għal sistemi HVDC

1.   Iċ-ċertifikati tat-tagħmir jistgħu jintużaw minflok parti mis-simulazzjonijiet ta' hawn taħt, bil-kundizzjoni li jiġu pprovduti lill-operatur tas-sistema rilevanti.

2.   Fir-rigward tas-simulazzjoni ta' injezzjoni ta' kurrent għal korrezzjoni rapida:

(a)

is-sid tal-unità ta' konverżjoni HVDC jew is-sid tal-istazzjon ta' konverżjoni HVDC għandu jissimula l-injezzjoni addizzjonali ta' kurrent għall-korrezzjoni rapida fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19;

(b)

is-simulazzjoni titqies li kienet suċċess, bil-kundizzjoni li tintwera l-konformità mar-rekwiżiti speċifikati f'konformità mal-Artikolu 19.

3.   Fir-rigward tas-simulazzjoni tal-kapaċità ta' funzjonament minkejja ħsara:

(a)

is-sid tas-sistema HVDC għandu jissimula l-kapaċità ta' funzjonament minkejja ħsara fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25; kif ukoll

(b)

is-simulazzjoni titqies li kienet suċċess, bil-kundizzjoni li tintwera l-konformità mar-rekwiżiti speċifikati f'konformità mal-Artikolu 25.

4.   Fir-rigward tas-simulazzjoni tal-irkupru ta' potenza attiva wara ħsara:

(a)

is-sid tas-sistema HVDC għandu jissimula l-kapaċità għall-irkupru ta' potenza attiva wara ħsara skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26;

(b)

is-simulazzjoni titqies li kienet suċċess, bil-kundizzjoni li tintwera l-konformità mar-rekwiżiti speċifikati f'konformità mal-Artikolu 26.

5.   Fir-rigward tas-simulazzjoni tal-kapaċità ta' potenza reattiva:

(a)

is-sid tal-unità ta' konverżjoni HVDC jew is-sid tal-istazzjon ta' konverżjoni HVDC għandu jissimula l-kapaċità ta' potenza reattiva leading u lagging fil-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 20(2) sa (4);

(b)

is-simulazzjoni titqies li kienet suċċess, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ġew sodisfatti b'mod kumulattiv:

(i)

il-mudell ta' simulazzjoni tal-unità ta' konverżjoni HVDC jew tal-istazzjon ta' konverżjoni HVDC jiġi vvalidat kontra t-testijiet ta' konformità għall-kapaċità ta' potenza reattiva kif imsemmi fl-Artikolu 71;

(ii)

tkun intweriet konformità mar-rekwiżiti kif imsemmi fl-Artikolu 20(2) sa (4).

6.   Fir-rigward tas-simulazzjoni tal-kontroll ta' attenwazzjoni tal-oxxillazzjonijiet tal-potenza:

(a)

is-sid tas-sistema HVDC għandu juri l-prestazzjoni tas-sistema ta' kontroll tiegħu (funzjoni POD) li tattenwa l-oxxillazzjonijiet fil-potenza fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 30;

(b)

l-irfinar għandu jwassal għal titjib fl-attenwazzjoni tar-rispons korrispondenti tal-potenza attiva tal-kontroll tal-HVDC flimkien mal-funzjoni POD meta mqabbel mar-rispons tal-potenza attiva tal-kontroll tas-sistema HVDC mingħajr POD;

(c)

is-simulazzjoni titqies li kienet suċċess, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ġew sodisfatti b'mod kumulattiv:

(i)

il-POD jattenwa l-oxxillazzjonijiet eżistenti tal-potenza tas-sistema HVDC f'medda ta' frekwenzi speċifikata mit-TSO rilevanti. Din il-medda ta' frekwenzi għandha tinkludi l-modalità lokali tal-frekwenza tas-sistema HVDC u l-oxxillazzjonijiet mistennijin fin-netwerk; kif ukoll

(ii)

bidla fit-trasferiment tal-potenza attiva tas-sistema HVDC kif speċifikat mit-TSO rilevanti ma twassalx għal oxxillazzjonijiet mhux attenwati fil-potenza attiva jew reattiva tas-sistema HVDC.

7.   Fir-rigward tas-simulazzjoni tal-modifika tal-potenza attiva fil-każ ta' problema:

(a)

is-sid tas-sistema HVDC għandu jissimula l-kapaċità li jimmodifika malajr il-potenza attiva skont l-Artikolu 13(1)(b); kif ukoll

(b)

is-simulazzjoni titqies li kienet suċċess, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ġew sodisfatti b'mod kumulattiv:

(i)

is-sistema HVDC tkun uriet operazzjoni stabbli meta tkun ġiet segwita s-sekwenza speċifikata minn qabel tal-varjazzjoni tal-potenza attiva;

(ii)

id-dewmien inizjali tal-aġġustament tal-potenza attiva jkun iqsar mill-valur speċifikat fl-Artikolu 13(1)(b) jew ikun raġonevolment ġustifikat jekk ikun akbar.

8.   Fir-rigward tas-simulazzjoni tat-treġġigħ lura rapidu tal-potenza attiva, kif applikabbli:

(a)

is-sid tas-sistema HVDC għandu jissimula l-kapaċità li b'mod rapidu jaqleb il-potenza attiva skont l-Artikolu 13(1)(c);

(b)

is-simulazzjoni titqies li kienet suċċess, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ġew sodisfatti b'mod kumulattiv:

(i)

is-sistema HVDC tkun uriet operazzjoni stabbli;

(ii)

il-ħin tal-aġġustament tal-potenza attiva jkun iqsar mill-valur speċifikat fl-Artikolu 13(1)(c) jew ikun raġonevolment ġustifikat jekk ikun akbar.

Artikolu 74

Simulazzjonijiet ta' konformità għal moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC u għal unitajiet ta' konverżjoni HVDC imbiegħda

1.   moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC huma soġġetti għas-simulazzjonijiet ta' konformità dettaljati f'dan l-Artikolu. Iċ-ċertifikati tat-tagħmir jistgħu jintużaw minflok parti mis-simulazzjonijiet deskritti hawn taħt, bil-kundizzjoni li jiġu pprovduti lill-operatur tas-sistema rilevanti.

2.   Fir-rigward tas-simulazzjoni ta' injezzjoni ta' kurrent għal korrezzjoni rapida:

(a)

is-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu jissimula l-kapaċità għall-injezzjoni ta' kurrent għall-korrezzjoni rapida fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20(2)(b) tar-Regolament (UE) 2016/631; kif ukoll

(b)

is-simulazzjoni titqies li kienet suċċess, bil-kundizzjoni li tintwera l-konformità mar-rekwiżit skont l-Artikolu 20(2)(b) tar-Regolament (UE) 2016/631.

3.   Fir-rigward tas-simulazzjoni tal-irkupru ta' potenza attiva wara ħsara:

(a)

is-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu jissimula l-kapaċità għall-irkupru tal-potenza attiva wara ħsara fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20(3)(b) tar-Regolament (UE) 2016/631; kif ukoll

(b)

is-simulazzjoni titqies li kienet suċċess, bil-kundizzjoni li tintwera l-konformità mar-rekwiżit skont l-Artikolu 20(3)(a) tar-Regolament (UE) 2016/631.

4.   Fir-rigward tas-simulazzjoni tal-kapaċità ta' potenza reattiva ta' moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC:

(a)

is-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu jissimula l-kapaċità ta' potenza reattiva leading u lagging fil-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 40(2); kif ukoll

(b)

is-simulazzjoni titqies li kienet suċċess, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ġew sodisfatti b'mod kumulattiv:

(i)

il-mudell ta' simulazzjoni tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC jiġi validat kontra t-testijiet ta' konformità għall-kapaċità ta' potenza reattiva kif imsemmi fl-Artikolu 72(2);

(ii)

tkun intweriet konformità mar-rekwiżiti kif imsemmi fl-Artikolu 40(2).

5.   Fir-rigward tas-simulazzjoni tal-kapaċità ta' potenza reattiva ta' unitajiet ta' konverżjoni HVDC imbiegħda:

(a)

is-sid tal-unità ta' konverżjoni HVDC imbiegħda jew is-sid tal-istazzjon ta' konverżjoni HVDC imbiegħed għandu jissimula l-kapaċità għal kapaċità ta' potenza reattiva leading u lagging fil-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 48(2); kif ukoll

(b)

is-simulazzjoni titqies li kienet suċċess, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ġew sodisfatti b'mod kumulattiv:

(i)

il-mudell ta' simulazzjoni tal-unità ta' konverżjoni HVDC imbiegħda jew tal-istazzjon ta' konverżjoni HVDC imbiegħda jiġi validat kontra t-testijiet ta' konformità għall-kapaċità ta' potenza reattiva kif imsemmi fl-Artikolu 72(3);

(ii)

tkun intweriet konformità mar-rekwiżiti kif imsemmi fl-Artikolu 48(2).

6.   Fir-rigward tas-simulazzjoni tal-kontroll ta' attenwazzjoni tal-oxxillazzjonijiet tal-potenza:

(a)

is-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu jissimula l-kapaċità għall-attenwazzjoni tal-oxxillazzjonijiet tal-potenza skont il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 21(3)(f) tar-Regolament (UE) 2016/631; kif ukoll

(b)

is-simulazzjoni titqies li kienet suċċess, sakemm il-mudell juri konformità mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 21(3)(f) tar-Regolament (UE) 2016/631.

7.   Fir-rigward tas-simulazzjoni tal-kapaċità ta' funzjonament minkejja ħsara:

(a)

is-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu jissimula l-kapaċità tat-tħaddim minkejja ħsara fil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16(3)(a) tar-Regolament (UE) 2016/631;

(b)

is-simulazzjoni titqies li kienet suċċess, sakemm il-mudell juri konformità mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 16(3)(a) tar-Regolament (UE) 2016/631.

KAPITOLU 4

Gwida mhux vinkolanti u monitoraġġ tal-implimentazzjoni

Artikolu 75

Gwida mhux vinkolanti dwar l-implimentazzjoni

1.   Sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-ENTSO għall-Elettriku għandu jħejji gwida bil-miktub mhux vinkolanti, u minn hemm 'il quddiem kull sentejn jipprovdiha lill-membri tiegħu u lil operaturi ta' sistema oħra dwar l-elementi ta' dan ir-Regolament li jeħtieġu deċiżjonijiet nazzjonali. L-ENTSO għall-Elettriku għandu jippubblika din il-gwida fuq is-sit web tiegħu.

2.   L-ENTSO għall-Elettriku għandu jikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati meta jipprovdi gwida mhux vinkolanti.

3.   Il-gwida mhux vinkolanti għandha tispjega l-kwistjonijiet, il-kundizzjonijiet u l-interdipendenzi tekniċi li jridu jiġu kkunsidrati meta jkun hemm konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament fil-livell nazzjonali.

Artikolu 76

Monitoraġġ

1.   L-ENTSO għall-Elettriku għandu jissorvelja l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament skont l-Artikolu 8(8) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009. Il-monitoraġġ għandu jkopri b'mod partikolari l-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)

l-identifikazzjoni ta' kwalunkwe diverġenzi fl-implimentazzjoni nazzjonali ta' dan ir-Regolament;

(b)

il-valutazzjoni ta' jekk l-għażla tal-valuri u tal-meded fir-rekwiżiti applikabbli għal sistemi HVDC u għal moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC skont dan ir-Regolament għadhiex valida.

2.   L-Aġenzija, f'kooperazzjoni mal-ENTSO għall-Elettriku, sa 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, għandha tipproduċi lista tal-informazzjoni rilevanti kollha li għandha tiġi kkomunikata mill-ENTSO għall-Elettriku lill-Aġenzija, f'konformità mal-Artikolu 8(9) u l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009. Il-lista tal-informazzjoni rilevanti tista' tkun soġġetta għall-aġġornamenti. L-ENTSO għall-Elettriku għandu jżomm format komprensiv standardizzat, arkivju tad-dejta diġitali tal-informazzjoni meħtieġa mill-Aġenzija.

3.   It-TSOs rilevanti għandhom jippreżentaw lill-ENTSO għall-Elettriku l-informazzjoni meħtieġa biex iwettqu l-kompiti msemmijin fil-paragrafi 1 u 2.

Abbażi ta' talba mill-awtorità regolatorja, id-DSOs għandhom jipprovdu lit-TSOs bl-informazzjoni skont il-paragrafu 2 sakemm l-informazzjoni ma tkunx diġà nkisbet mill-awtoritajiet regolatorji, l-Aġenzija jew l-ENTSO-E fir-rigward tal-kompiti rispettivi ta' monitoraġġ ta' implimentazzjoni tagħhom, bil-għan li tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-informazzjoni.

4.   Meta l-ENTSO għall-Elettriku jew l-Aġenzija jistabbilixxu oqsma soġġetti għal dan ir-Regolament fejn, abbażi ta' żviluppi fis-suq jew l-esperjenza miġbura fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, huwa rakkomandabbli li jkun hemm aktar armonizzazzjoni tar-rekwiżiti skont dan ir-Regolament sabiex tiġi promossal-integrazzjoni tas-suq, għandhom jipproponu abbozzi ta' emendi għal dan ir-Regolament skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

TITOLU VII

DEROGI

Artikolu 77

Setgħa li jingħataw derogi

1.   L-awtoritajiet regolatorji jistgħu, fuq talba ta' sid ta' sistema HVDC, ta' sid ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC, jew ta' sid prospettiv tagħhom, ta' operatur ta' sistema rilevanti jew ta' TSO rilevanti, jagħtu lil sid ta' sistema HVDC, jew lil sid ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC, jew lil sid prospettiv tagħhom, lil operaturi ta' sistemi rilevanti jew lil TSOs rilevanti, derogi minn disponżizzjoni waħda jew aktar ta' dan ir-Regolament għal sistema HVDC ġdida jew eżistenti u/jew għal moduli ta' park tal-enerġija konnessi b'DC skont l-Artikoli 78 sa 82.

2.   Fejn applikabbli fi Stat Membru, id-derogi jistgħu jingħataw u jiġu revokati skont l-Artikoli 78 sa 81 minn awtoritajiet oħra għajr l-awtorità regolatorja.

Artikolu 78

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Kull awtorità regolatorja għandha tispeċifika, wara li tkun ikkonsultat lill-operaturi rilevanti tas-sistema, lis-sidien tas-Sistemi HVDC u lis-sidien tal-moduli tal-parks tal-enerġija konnessi b'DC u partijiet ikkonċernati oħra li tqishom bħala milquta minn dan ir-Regolament, il-kriterji għall-għoti tad-derogi skont l-Artikoli 79 sa 81. Hi għandha tippubblika dawk il-kriterji fuq is-sit web tagħha u tinnotifikahom lill-Kummissjoni fi żmien disa' xhur mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni tista' titlob lill-awtorità regolatorja biex temenda l-kriterji jekk tikkunsidra li dawn mhumiex f'konformità ma' dan ir-Regolament. Il-possibbiltà li jiġu riveduti u emendati l-kriterji għall-għoti tad-derogi m'għandhiex taffettwa d-derogi diġà mogħtija li għandhom jibqgħu fis-seħħ sad-data ta' skadenza ppjanati, kif speċifikat fid-deċiżjoni tal-għoti tal-eżenzjoni.

2.   Jekk l-awtorità regolatorja tqis li dan ikun meħtieġ minħabba bidla fiċ-ċirkostanzi marbuta mal-evoluzzjoni tar-rekwiżiti tas-sistema, din tista' tirrevedi u temenda sa mhux aktar minn darba f'sena l-kriterji għall-għoti ta' derogi skont il-paragrafu 1. Kull tibdil li jsir fil-kriterji m'għandux japplika għad-derogi li għalihom tkun diġà saret talba.

3.   L-awtorità regolatorja tista' tiddeċiedi li, mid-data minn meta ġiet ippreżentata t-talba, sakemm tinħareġ id-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja, sistemi HVDC jew moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC li għalihom tkun ġiet ippreżentata talba għal deroga skont l-Artikoli 79 sa 81, m'għandhomx bżonn jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament li minnhom tkun intalbet deroga.

Artikolu 79

Talbiet għal derogi minn sid ta' sistema HVDC, minn sid ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC

1.   Is-sidien ta' sistema HVDC u s-sidien ta' moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC, jew sidien prospettivi tagħhom jistgħu jitolbu deroga għal rekwiżit wieħed jew għal għadd ta' rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

2.   Talba għal deroga għandha titressaq għand l-operatur tas-sistema rilevanti u għandha tinkludi:

(a)

identifikazzjoni tas-sid ta' sistema HVDC jew tas-sid ta' modulu ta' park moduli ta' park tal-enerġija konness b'DC, jew sid prospettiv u persuna ta' kuntatt għal kwalunkwe komunikazzjoni;

(b)

deskrizzjoni tas-sistema HVDC jew tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC li għalih qiegħda tintalab deroga;

(c)

referenza għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament li minnhom tintalab deroga u deskrizzjoni ddettaljata tad-deroga mitluba;

(d)

raġunament dettaljat, b'dokumenti ta' sostenn rilevanti u analiżi tal-kostijiet-benefiċċji skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 66;

(e)

turija li d-deroga mitluba ma jkollha ebda effett avvers fuq il-kummerċ transfruntier.

(f)

fil-każ ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC, konness ma' stazzjon ta' konverżjoni HVDC imbiegħed wieħed jew aktar, evidenza li l-istazzjon ta' konverżjoni ma jintlaqatx mid-deroga jew, alternattivament, qbil mingħand sid l-istazzjon ta' konverżjoni għad-deroga proposta.

3.   Fi żmien ġimagħtejn minn meta tasallu talba għal deroga, l-operatur tas-sistema rilevanti għandu jikkonferma lis-sid tas-sistema HVDC jew lis-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC, jew sid prospettiv tagħhom jekk it-talba hijiex kompluta. Jekk l-operatur tas-sistema rilevanti jqis li t-talba mhijiex kompluta, is-sid tas-sistema HVDC jew is-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC, jew sid prospettiv tagħhom, għandu jippreżenta l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa fi żmien xahar mill-wasla tat-talba għal informazzjoni addizzjonali. Jekk is-sid tas-sistema HVDC jew is-sid tal-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC, jew sid prospettiv tagħhom, ma jipprovdix l-informazzjoni mitluba fiż-żmien stipulat, it-talba għal deroga għandha titqies li ġiet irtirata.

4.   L-operatur tas-sistema rilevanti għandu, f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti u ma' kwalunkwe DSO jew DSOs kontigwi affettwati, jivvaluta t-talba għal deroga u l-analiżi tal-kostijiet-benefiċċji pprovduta, filwaqt li jqis il-kriterji stabbiliti mill-awtorità regolatorja skont l-Artikolu 78.

5.   Jekk talba għal deroga tikkonċerna sid ta' sistema HVDC jew modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC, konness ma' sistema tad-distribuzzjoni, inkluż sistema ta' distribuzzjoni magħluqa, il-valutazzjoni tal-operatur tas-sistema rilevanti għandha tkun akkumpanjata minn valutazzjoni tat-talba għal deroga mit-TSO rilevanti. It-TSO rilevanti għandu jipprovdi l-valutazzjoni tiegħu fi żmien xahrejn minn meta jintalab jagħmel dan mill-operatur tas-sistema rilevanti.

6.   Fi żmien sitt xhur mill-irċevuta ta' talba għal deroga, l-operatur tas-sistema rilevanti għandu jibgħat it-talba lill-awtorità regolatorja u għandu jressaq il-valutazzjoni(jiet) mħejjija skont l-paragrafi 4 u 5. Dak il-perjodu jista' jiġi estiż b'xahar fejn l-operatur tas-sistema rilevanti jkun qiegħed jitlob aktar informazzjoni mingħand is-sid tas-sistema HVDC jew mingħand is-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC, jew sid prospettiv tagħhom, u b'xahrejn fejn l-operatur tas-sistema rilevanti jitlob lit-TSO rilevanti biex jippreżenta valutazzjoni tat-talba għal deroga.

7.   L-awtorità regolatorja għandha tadotta deċiżjoni li tikkonċerna kwalunkwe talba għal deroga fi żmien sitt xhur mill-ġurnata li fiha tirċievi t-talba. Fejn l-awtorità regolatorja tkun teħtieġ aktar informazzjoni mingħand is-sid tas-sistema HVDC jew mingħand is-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC, jew sid prospettiv tagħhom jew mingħand xi partijiet interessati oħra, qabel ma jiskadi dak il-limitu ta' żmien jista' jiġi estiż bi tliet xhur. Il-perjodu addizzjonali għandu jibda meta tiġi rċevuta l-informazzjoni kompluta.

8.   Is-sid tas-sistema HVDC jew is-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC, jew sid prospettiv tagħhom għandu jippreżenta kwalunkwe informazzjoni addizzjonali mitluba mill-awtorità regolatorja fi żmien xahrejn minn din it-talba. Jekk is-sid tas-sistema HVDC jew is-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC jew is-sid prospettiv ma jipprovdix l-informazzjoni mitluba fiż-żmien stipulat, it-talba għal deroga għandha titqies li ġiet irtirata sakemm, qabel ma tiskadi:

(a)

l-awtorità regolatorja ma tiddiċedix li tagħti estensjoni; jew

(b)

is-sid tas-sistema HVDC jew is-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC, jew sid prospettiv tagħhom jinforma lill-awtorità regolatorja permezz ta' preżentazzjoni motivata li t-talba għal deroga hija kompluta.

9.   L-awtorità regolatorja għandha toħroġ deċiżjoni motivata dwar talba għal deroga. Meta l-awtorità regolatorja tagħti deroga, din għandha tispeċifika t-tul tagħha.

10.   L-awtorità regolatorja għandha tinnotifika d-deċiżjoni tagħha lis-sid tas-sistema HVDC jew lis-sid ttal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC, jew sid prospettiv tagħhom, lill-operatur tas-sistema rilevanti u lit-TSO rilevanti.

11.   Awtorità regolatorja tista' tirrevoka deċiżjoni li tagħti deroga jekk iċ-ċirkostanzi u r-raġunijiet sottostanti ma jibqgħux japplikaw jew fuq rakkomandazzjoni motivata mill-Kummissjoni jew rakkomandazzjoni motivata mill-Aġenzija skont l-Artikolu 83(2) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 80

Talba għal deroga minn operatur tas-sistema rilevanti jew TSO rilevanti

1.   Operaturi tas-sistema rilevanti jew TSOs rilevanti jistgħu jitolbu deroga għal klassijiet ta' sistemi HVDC jew ta' moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC li huma konnessi jew li ser jiġu konnessi man-netwerk tagħhom.

2.   L-operaturi tas-sistema rilevanti jew it-TSOs rilevanti għandhom iressqu t-talbiet tagħhom għal deroga lill-awtorità regolatorja. Kull talba għal deroga għandha tinkludi:

(a)

identifikazzjoni tal-operatur tas-sistema rilevanti jew it-TSO rilevanti, u persuna ta' kuntatt għal kwalunkwe komunikazzjoni;

(b)

deskrizzjoni tas-sistemi HVDC jew tal-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC li għalihom qiegħda tintalab deroga u l-kapaċità totali installata u l-għadd ta' sistemi HVDC jew moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC;

(c)

ir-rekwiżit jew ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament għal liema tintalab deroga, b'deskrizzjoni ddettaljata tad-deroga motivata;

(d)

raġunament iddettaljat, bid-dokumenti ta' sostenn rilevanti kollha;

(e)

turija li d-deroga mitluba ma jkollha ebda effett avvers fuq il-kummerċ transfruntier.

(f)

analiżi tal-kostijiet-benefiċċji skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 66. Jekk ikun applikabbli, l-analiżi tal-kostijiet-benefiċċji għandha titwettaq f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti u kwalunkwe DSOs biswit.

3.   Fejn it-talba għal deroga tiġi ppreżentata minn DSO jew CDSO rilevanti, l-awtorità regolatorja għandha, fi żmien ġimagħtejn mid-data tal-wasla ta' dik it-talba, titlob lit-TSO rilevanti biex jivvaluta t-talba għal deroga fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-awtorità regolatorja skont l-Artikolu 78.

4.   Fi żmien ġimagħtejn mill-jum wara l-irċevuta ta' tali talba għal valutazzjoni, it-TSO rilevanti għandu jikkonferma lid-DSO jew is-CDSO rilevanti jekk it-talba għal deroga hijiex kompleta. Jekk it-TSO rilevanti jikkunsidraha bħala inkompleta, id-DSO jew is-CDSO rilevanti għandhom jippreżentaw l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa fi żmien xahar mill-irċevuta tat-talba għal informazzjoni addizzjonali.

5.   Fi żmien sitt xhur mill-irċevuta ta' talba għal deroga, it-TSO rilevanti għandu jressaq lill-awtorità regolatorja, il-valutazzjoni tiegħu, inkluż kwalunkwe dokumentazzjoni rilevanti. Il-perjodu ta' żmien ta' sitt xhur jista' jiġi estiż b'xahar meta t-TSO rilevanti jfittex informazzjoni oħra mid-DSO rilevanti jew mis-CDSO rilevanti.

6.   L-awtorità regolatorja għandha tadotta deċiżjoni li tikkonċerna talba għal deroga fi żmien sitt xhur mill-ġurnata li fiha tirċievi t-talba. Meta t-talba għal deroga titressaq mid-DSO jew is-CDSO rilevanti, il-perjodu ta' żmien ta' sitt xhur jibda jgħodd mill-jum wara l-irċevuta tal-valutazzjoni tat-TSO rilevanti skont il-paragrafu 5.

7.   Il-perjodu ta' żmien ta' sitt xhur imsemmi fil-paragrafu 6, qabel l-iskadenza tiegħu, jista' jiġi estiż bi tliet xhur oħra meta l-awtorità regolatorja titlob informazzjoni oħra mill-operatur tas-sistema rilevanti li jkun qiegħed jitlob id-deroga jew minn kwalunkwe parti oħra interessata. Dan il-perjodu addizzjonali għandu jibda jgħodd mill-jum wara d-data tal-wasla tal-informazzjoni kompluta.

L-operatur tas-sistema rilevanti għandu jipprovdi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali mitluba mill-awtorità regolatorja fi żmien xahrejn mid-data tat-talba. Jekk l-operatur tas-sistema rilevanti ma jipprovdix l-informazzjoni addizzjonali mitluba fiż-żmien stipulat, it-talba għal deroga għandha titqies li ġiet irtirata sakemm, qabel ma jiskadi l-limitu ta' żmien:

(a)

l-awtorità regolatorja ma tiddiċedix li tagħti estensjoni; jew

(b)

l-operatur tas-sistema rilevanti jinforma lill-awtorità regolatorja permezz ta' sottomissjoni motivata li t-talba għal deroga hija kompleta.

8.   L-awtorità regolatorja għandha toħroġ deċiżjoni motivata dwar talba għal deroga. Meta l-awtorità regolatorja tagħti deroga, din għandha tispeċifika t-tul tagħha.

9.   L-awtorità regolatorja għandha tgħarraf lill-operatur tas-sistema rilevanti li jitlob id-deroga, it-TSO rilevanti u l-Aġenzija bid-deċiżjoni tagħha.

10.   L-awtoritajiet regolatorji jistgħu jistabbilixxu aktar rekwiżiti dwar it-tħejjija ta' talbiet għal derogi mill-operaturi tas-sistema rilevanti. Meta jagħmlu dan, l-awtoritajiet regolatorji għandhom iqisu d-delineazzjoni bejn is-sistema ta' trażmissjoni u s-sistema ta' distribuzzjoni fil-livell nazzjonali u għandhom jikkonsultaw mal-operaturi, mas-sidien tas-sistemi HVDC, mas-sidien tal-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC u mal-partijiet ikkonċernati, inklużi mal-manifatturi.

11.   Awtorità regolatorja tista' tirrevoka deċiżjoni li tagħti deroga jekk iċ-ċirkostanzi u r-raġunijiet sottostanti ma jibqgħux japplikaw jew fuq rakkomandazzjoni motivata mill-Kummissjoni jew rakkomandazzjoni motivata mill-Aġenzija skont l-Artikolu 83(2) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 81

Talba għal derogi mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu III minn sid ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC

1.   Talba għal deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 40(1)(b) u (c), 40(2)(a) u (b), u 41 sa 45 m'għandhiex tkun soġġetta għall-Artikolu 79(2)(d) u (e) fejn tkun relatata ma' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC li għandu, jew li ser ikollu, konnessjoni unika ma' żona sinkronika waħda.

2.   L-awtorità regolatorja tista' timponi kwalunkwe kundizzjoni ma' deċiżjoni dwar talba għal deroga msemmija fil-paragrafu 1. Din tista' jinkludi kundizzjoni li l-iżvilupp tal-konnessjoni ma' netwerk b'diversi terminals, jew li l-konnessjoni ta' modulu ta' park tal-enerġija ieħor fl-istess punt, ser iġġiegħel lid-deroga li tiġi vvalutata mill-awtorità regolatorja jew li tiskadi. Meta tkun qiegħda tadotta deċiżjoni dwar talba għal deroga l-awtorità regolatorja għandha tqis il-ħtieġa li tiġi ottimizzata l-konfigurazzjoni bejn il-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC u l-istazzjon ta' konverżjoni HVDC imbiegħed, kif ukoll l-aspettattivi leġittimi tas-sid tal-modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC.

Artikolu 82

Ir-reġistru tad-derogi mir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament

1.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom iżommu reġistru tad-derogi kollha li approvaw jew irrifjutaw u għandhom jipprovdu lill-Aġenzija b'reġistru aġġornat u kkonsolidat tal-anqas darba kull sitt xhur, li kopja minnhom għandha tingħata lill-ENTSO għall-Elettriku.

2.   Ir-reġistru għandu b'mod partikolari, jinkludi:

(a)

ir-rekwiżit jew ir-rekwiżiti li għalihom id-deroga qiegħda tingħata jew tiġi rifjutata;

(b)

il-kontenut tad-deroga;

(c)

ir-raġunijiet għall-għoti jew ir-rifjut tad-deroga;

(d)

il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-għoti tad-deroga.

Artikolu 83

Sorveljanza tad-derogi

1.   L-Aġenzija għandha tissorvelja l-proċedura tal-għoti tad-derogi bil-kooperazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji jew l-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Membru. Dawn l-awtoritajiet jew l-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Membru għandhom jipprovdu lill-Aġenzija bl-informazzjoni kollha meħtieġa għal dan il-għan.

2.   L-Aġenzija tista' toħroġ rakkomandazzjoni motivata lil awtorità regolatorja biex tirrevoka deroga minħabba nuqqas ta' ġustifikazzjoni. Il-Kummissjoni tista' toħroġ rakkomandazzjoni motivata lil awtorità regolatorja jew awtorità rilevanti tal-Istat Membru biex tirrevoka deroga minħabba nuqqas ta' ġustifikazzjoni.

3.   Il-Kummissjoni tista' titlob lill-Aġenzija tirrapporta dwar l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2, u tipprovdi raġunijiet għalfejn talbet jew ma talbetx ir-revoka tad-derogi.

TITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 84

Emendi tal-kuntratti u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali

1.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom jiżguraw li l-klawżoli rilevanti kollha fil-kuntratti u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali relatati mal-konnessjoni mal-grilja ta' sistemi HVDC ġodda jew ta' moduli ta' parks tal-enerġija ġodda konnessi b'DC jinġiebu f'konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-klawżoli kollha rilevanti fil-kuntratti u l-klawżoli rilevanti tat-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali relatati mal-konnessjoni mal-grilja tas-sistemi HVDC eżistenti jew tal-moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC eżistenti soġġetti għar-rekwiżiti kollha jew xi wħud minnhom ta' dan ir-Regolament skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 4 għandhom jiġu emendati sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Il-klawżoli rilevanti għandhom jiġu emendati fi żmien tliet snin wara d-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja jew l-Istat Membru kif jissemma fl-Artikolu 4(1).

3.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom jiżguraw li l-ftehimiet nazzjonali bejn l-operaturi tas-sistemi u sidien ta' sistemi HVDC ġodda jew eżistenti u moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC soġġetti għal dan ir-Regolament u relatati mar-rekwiżiti ta' konnessjoni mal-grilja għal sistemi HVDC u moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC, b'mod partikolari f'kodiċijiet tan-netwerk nazzjonali, jirriflettu r-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament.

Artikolu 85

Sistema HVDC jew moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'DC konnessi ma' żoni sinkroniċi jew ma' żoni ta' kontroll li mhumiex marbutin mil-leġiżlazzjoni tal-UE

1.   Fejn sistema HVDC li għaliha japplikaw ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament tkun qiegħda tgħaqqad żoni sinkroniċi jew żoni ta' kontroll, fejn tal-anqas żona sinkronika waħda jew żona ta' kontroll waħda ma tkunx taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, it-TSO rilevanti jew, fejn applikabbli, is-sid tas-sistema HVDC għandu jagħmel sforz biex jimplimenta ftehim biex jiġi żgurat li s-sidien ta' sistemi HVDC li ma jkollhom l-ebda obbligu legali biex jikkonformaw ma' dan ir-Regolament jikkooperaw ukoll biex jissodisfaw ir-rekwiżiti.

2.   Jekk ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 ma jkunx jista' jiġi implimentat, it-TSO rilevanti jew, skont kif ikun il-każ, is-sid tas-sistema HVDC ikkonċernat għandu juża l-mezzi kollha disponibbli biex jikkonforma mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 86

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4(2)(b), 5, 75, 76, u 78, ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament japplikaw għal tliet snin mid-data tal-pubblikazzjoni.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Awwissu 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15.

(2)  Id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal-24 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni (ĠU L 197, 25.7.2015, p. 24).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2013 tal-14 ta' Ġunju 2013 dwar is-sottomissjoni u pubblikazzjoni ta' dejta fis-swieq tal-elettriku u li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 163, 15.6.2013, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/631 tal-14 ta' April 2016 li jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk dwar rekwiżiti għall-konnessjoni tal-ġeneraturi mal-grilja (ĠU L 112, 27.4.2016, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1388 tas-17 ta' Awwissu 2016 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar il-Konnessjoni tad-Domanda (ĠU L 223, 18.8.2016, p. 10).


ANNESS I

Meded ta' frekwenzi msemmija fl-Artikolu 11;

Medda ta' frekwenzi

Perjodu ta' ħin għat-tħaddim

47,0 Hz — 47,5 Hz

60 sekonda

47,5 Hz — 48,5 Hz

Għandu jiġi speċifikat minn kull TSO rilevanti, iżda għal ħin itwal mill-ħinijiet stabbiliti għall-ġenerazzjoni u għad-domanda skont ir-Regolament (UE) 2016/631 u r-Regolament (UE) 2016/1388 rispettivament, u għal ħin itwal milli għal PPMs konnessi b'DC skont l-Artikolu 39

48,5 Hz — 49,0 Hz

Għandu jiġi speċifikat minn kull TSO rilevanti, iżda għal ħin itwal mill-ħinijiet stabbiliti għall-ġenerazzjoni u għad-domanda skont ir-Regolament (UE) 2016/631 u r-Regolament (UE) 2016/1388 rispettivament, u għal ħin itwal milli għal PPMs konnessi b'DC skont l-Artikolu 39

49,0 Hz — 51,0 Hz

Bla limitu

51,0 Hz — 51,5 Hz

Għandu jiġi speċifikat minn kull TSO rilevanti, iżda għal ħin itwal mill-ħinijiet stabbiliti għall-ġenerazzjoni u għad-domanda skont ir-Regolament (UE) 2016/631 u r-Regolament (UE) 2016/1388 rispettivament, u għal ħin itwal milli għal PPMs konnessi b'DC skont l-Artikolu 39

51,5 Hz — 52,0 Hz

Għandu jiġi speċifikat minn kull TSO rilevanti, iżda għal ħin itwal milli għall-PPMs konnessi b'DC skont l-Artikolu 39

Tabella 1: Perjodi minimi ta' ħin li fihom tista' topera sistema HVDC għal frekwenzi differenti li jiddevjaw minn valur nominali, mingħajr skonnessjoni min-netwerk.


ANNESS II

Rekwiżiti li japplikaw għall-modalità sensittiva għall-frekwenza, għall-modalità sensittiva għal frekwenza limitata — sovrafrekwenza u għall-modalità sensittiva għal frekwenza limitata — sottofrekwenza

A.   Modalità sensittiva għall-frekwenza

1.

Meta tkun qed topera fil-modalità sensittiva għall-frekwenza (FSM):

(a)

is-sistema HVDC għandha tkun kapaċi tirrispondi għal devjazzjonijiet fil-frekwenza f'kull netwerk konness b'AC, permezz ta' aġġustament tat-trażmissjoni tal-potenza attiva kif indikat fil-Grafika 1 u skont il-parametri speċifikati minn kull TSO fil-meded li jidhru fit-Tabella 2. L-ispeċifikazzjoni għandha tkun soġġetta għal notifika lill-awtorità regolatorja. Il-modalitajiet ta' dik in-notifika għandhom jiġu ddeterminati skont il-qafas regolatorju nazzjonali applikabbli;

(b)

l-aġġustament tar-rispons tal-frekwenza tal-potenza attiva għandu jkun limitat għall-kapaċità minima tat-trażmissjoni tal-potenza attiva HVDC u għall-kapaċità massima tat-trażmissjoni tal-potenza attiva HVDC tas-sistema HVDC (f'kull direzzjoni);

Image

Grafika 1: Kapaċità tar-rispons tal-frekwenza tal-potenza attiva ta' sistema HVDC f'FSM, li turi l-każ ta' banda mejta ta' żero u insensittività ta' żero b'valur ipprogrammat ta' potenza attiva pożittiv (modalità tal-importazzjoni). ΔΡ hija l-bidla fl-output tal-potenza attiva mis-sistema HVDC. fn hija l-frekwenza fil-mira fin-netwerk AC fejn is-servizz FSM huwa pprovdut u Δf hija d-devjazzjoni tal-frekwenza fin-netwerk AC fejn huwa pprovdut is-servizz FSM.

Parametri

Meded

Banda mejta tar-rispons tal-frekwenza

0 — ±500mHz

Droop s 1(regolazzjoni 'l fuq)

Minimu ta' 0,1 %

Droop s 2(regolazzjoni 'l isfel)

Minimu ta' 0,1 %

Insensittività tar-rispons tal-frekwenza

Massimu ta' 30 mHz

Tabella 2: Parametri għar-rispons tal-frekwenza tal-potenza attiva f'FSM

(c)

Is-sistema HVDC għandha tkun kapaċi, fuq struzzjoni mit-TSO rilevanti, li taġġusta d-droops għar-regolazzjoni 'l fuq u 'l isfel, kif ukoll il-banda mejta tar-rispons tal-frekwenza u l-medda operazzjonali ta' varjazzjoni fi ħdan il-medda ta' potenza attiva disponibbli għall-FSM, kif muri fil-Grafika 1, u b'mod aktar ġenerali, fil-limiti stipulati mill-punti (a) u (b) Dawn il-valuri għandhom ikunu soġġetti għal notifika lill-awtorità regolatorja. Il-modalitajiet ta' dik in-notifika għandhom jiġu ddeterminati skont il-qafas regolatorju nazzjonali applikabbli;

(d)

b'riżultat ta' bidla gradata fil-frekwenza, is-sistema HVDC għandha tkun kapaċi li taġġusta l-potenza attiva għar-rispons tal-frekwenza tal-potenza attiva definit fil-Grafika 1, b'tali mod li r-rispons ikun:

(i)

mgħaġġel kemm ikun fattibbli teknikament b'mod inerenti; u

(ii)

mal-linja solida, jew fuqha, skont il-Grafika 2, f'konformità mal-parametri speċifikati minn kull TSO rilevanti fi ħdan il-meded skont it-Tabella 3:

is-sistema għandha tkun kapaċi taġġusta l-output ta' potenza attiva ΔΡ sal-limitu tal-medda ta' potenza attiva mitlub mit-TSO rilevanti skont il-ħinijiet t1 and t2 f'konformità mal-meded fit-Tabella 3, fejn t1 huwa d-dewmien inizjali u t2 huwa l-ħin għall-attivazzjoni sħiħa. Il-valuri ta' t1u t2 għandhom jiġu speċifikati mit-TSO rilevanti, bil-kundizzjoni li l-awtorità regolatorja tiġi notifikata. Il-modalitajiet ta' dik in-notifika għandhom jiġu ddeterminati skont il-qafas regolatorju nazzjonali applikabbli;

jekk id-dewmien inizjali għall attivazzjoni jkun akbar minn 0,5 ta' sekonda, sid is-sistema HVDC għandu jiġġustifika dan il-fatt b'mod raġonevoli lit-TSO rilevanti

Image

Grafika 2: Kapaċità tar-rispons tal-frekwenza tal-potenza attiva ta' sistema HVDC. ΔΡ hija l-bidla fil-potenza attiva, attivata minn bidla gradata fil-frekwenza.

Parametri

Ħin

Dewmien inizjali massimu ammissibbli t 1

0,5 sekonda

Ħin massimu ammissibbli għall-attivazzjoni sħiħa t 2, sakemm ma jiġux speċifikati ħinijiet itwal għall-attivazzjoni mit-TSO rilevanti

30 sekonda

Tabella 3: Il-parametri għall-attivazzjoni sħiħa tar-rispons tal-frekwenza tal-potenza attiva li jirriżultaw minn bidla gradata fil-frekwenza.

(e)

għal sistemi HVDC li jgħaqqdu diversi żoni ta' kontroll jew żoni sinkroniċi, fl-operazzjoni tal-modalità sensittiva għal frekwenza s-sistema HVDC għandha tkun kapaċi taġġusta r-rispons sħiħ tal-frekwenza tal-potenza attiva fi kwalunkwe ħin u għal perjodu ta' ħin kontinwu;

(f)

sakemm tibqa' d-devjazzjoni fil-frekwenza, il-kontroll tal-potenza attiva m'għandu jkollu l-ebda impatt negattiv fuq ir-rispons tal-frekwenza tal-potenza attiva.

B.   Modalità sensittiva għal frekwenza limitata — sovrafrekwenza

1.

Flimkien mar-rekwiżiti tal-Artikolu 11, għandhom japplikaw ukoll dawn li ġejjin fir-rigward tal-modalità sensittiva għal frekwenza limitata — sovrafrekwenza (LFSM-O):

(a)

is-sistema HVDC għandha tkun kapaċi taġġusta r-rispons ta' frekwenza tal-potenza attiva ma' netwerk(s) AC, kemm matul l-importazzjoni kif ukoll l-esportazzjoni, skont il-Grafika 3 f'soll ta' frekwenza f 1 u inklużi 50,2 Hz u 50,5 Hz bi droop S3 aġġustabbli minn 0,1 % 'il fuq;

(b)

is-sistema HVDC għandha tkun kapaċi taġġusta l-potenza attiva 'l isfel sal-kapaċità minima tat-trażmissjoni ta' potenza attiva HVDC;

(c)

is-sistema HVDC għandha tkun kapaċi taġġusta r-rispons tal-frekwenza tal-potenza attiva malajr kemm huwa teknikament fattibbli b'mod inerenti, mingħajr dewmien inizjali u b'ħin għal attivazzjoni sħiħa determinat mit-TSO rilevanti u notifikat lill-awtorità regolatorja f'konformità mal-qafas regolatorju nazzjonali applikabbli.

(d)

is-sistema HVDC għandha tkun kapaċi topera b'mod stabbli matul tħaddim LFSM-O Meta l-LFSM-O jkun attiv, il-ġerarkija tal-funzjonijiet ta' kontroll għandha tkun organizzata f'konformità mal-Artikolu 35.

3.

Is-soll ta' frekwenza u l-konfigurazzjonijiet tad-droop imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandhom ikunu determinati minn TSO rilevanti u notifikati lill-awtorità regolatorja f'konformità mal-qafas regolatorju nazzjonali applikabbli.

Image

Grafika 3: Kapaċità tar-rispons tal-frekwenza tal-potenza attiva ta' sistemi HVDC f'LFSM-O. ΔΡ hija l-bidla fl-output ta' potenza attiva mis-sistema HVDC, skont il-kundizzjoni tat-tħaddim, jew tnaqqis fl-enerġija impurtata inkella żieda fl-enerġija esportata. f n hija l-frekwenza nominali tan-netwerk(s) AC li s-sistema HVDC hija mqabbda magħhom u Δf hija l-bidla fil-frekwenza fin-netwerk(s) AC li s-sistema HVDC hija mqabbda magħhom. F'sovrafrekwenza fejn f hija ogħla minn f 1 is-sistema HVDC għandha tnaqqas il-potenza attiva skont il-konfigurazzjoni tad-droop.

C.   Modalità sensittiva għal frekwenza limitata — sottofrekwenza

1.

Flimkien mar-rekwiżiti tal-Artikolu 11, għandhom japplikaw ukoll dawn li ġejjin fir-rigward tal-modalità sensittiva għal frekwenza limitata — sottofrekwenza (LFSM-U):

(a)

is-sistema HVDC għandha tkun kapaċi taġġusta r-rispons ta' frekwenza tal-potenza attiva għan-netwerk(s) AC, kemm matul l-importazzjoni kif ukoll l-esportazzjoni, skont il-Grafika 4 f'soll ta' frekwenza f2 u inklużi 49,8 Hz u 49,5 Hz bi droop S4 aġġustabbli minn 0,1 % 'il fuq;

(b)

fil-modalità LFSM-U, is-sistema HVDC għandha tkun kapaċi taġġusta l-potenza attiva 'l fuq sal-kapaċità massima tat-trażmissjoni ta' potenza attiva HVDC;

(c)

ir-rispons ta' frekwenza tal-potenza attiva għandu jiġi attivat malajr kemm huwa teknikament fattibbli b'mod inerenti, b'dewmien inizjali u b'ħin għal attivazzjoni sħiħa determinat mit-TSO rilevanti u notifikat lill-awtorità regolatorja f'konformità mal-qafas regolatorju nazzjonali applikabbli;

(d)

is-sistema HVDC għandha tkun kapaċi topera b'mod stabbli matul tħaddim LFSM-U. Meta l-LFSM-U jkun attiv, il-ġerarkija tal-funzjonijiet ta' kontroll għandha tkun organizzata f'konformità mal-Artikolu 35.

2.

Is-soll ta' frekwenza u l-konfigurazzjonijiet tad-droop imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandhom ikunu determinati minn TSO rilevanti u notifikati lill-awtorità regolatorja f'konformità mal-qafas regolatorju nazzjonali applikabbli.

Image

Grafika 4: Il-kapaċità tar-rispons tal-frekwenza ta' potenza attiva tas-sistemi HVDC f' LFSM-U. ΔΡ hija l-bidla fl-output ta' potenza attiva mis-sistema HVDC, skont il-kundizzjoni tat-tħaddim, it-tnaqqis fl-enerġija impurtata jew iż-żieda fl-enerġija esportata. fn hija l-frekwenza nominali tan-netwerk(s) AC li s-sistema HVDC hija mqabbda magħhom uΔ f hija l-bidla fil-frekwenza fin-netwerk(s) AC li s-sistema HVDC hija mqabbda magħhom. F'sottofrekwenzi fejn f hija anqas minn f2, is-sistema HVDC għandha żżid l-output tal-potenza attiva pożittiva skont id-droop s4 .


ANNESS III

Meded ta' vultaġġi msemmija fl-Artikolu 18;

Żona Sinkronika

Medda ta' vultaġġi

Perjodu ta' ħin għat-tħaddim

L-Ewropa Kontinentali

0,85 pu — 1,118 pu

Bla limitu

1,118 pu — 1,15 pu

Għandu jiġi stabbilit minn kull operatur tas-sistema rilevanti f'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti iżda mhux inqas minn 20 minuta

Iż-żona Nordika

0,90 pu — 1,05 pu

Bla limitu

1,05 pu — 1,10 pu

60 minuta

Il-Gran Brittanja

0,90 pu — 1,10 pu

Bla limitu

L-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq

0,90 pu — 1,118 pu

Bla limitu

Il-Baltiku

0,85 pu — 1,118 pu

Bla limitu

1,118 pu — 1,15 pu

20 minuta

Tabella 4: Perjodi minimum ta' ħin li fihom sistema HVDC għandha tkun kapaċi topera għal vultaġġi li jiddevjaw mill-valur ta' referenza ta' 1 pu f'punti ta' konnessjoni mingħajr skonnessjoni minn man-netwerk. Din it-tabella tapplika fil-każ ta' valuri ta' bażi tal-vultaġġi pu ta' 110 kV jew aktar u sa 300 kV (mhux inkluż).

Żona Sinkronika

Medda ta' vultaġġi

Perjodu ta' ħin għat-tħaddim

L-Ewropa Kontinentali

0,85 pu — 1,05 pu

Bla limitu

1,05 pu — 1,0875 pu

Għandu jiġi speċifikat minn kull TSO, iżda mhux anqas minn 60 minuta

1,0875 pu — 1,10 pu

60 minuta

Iż-żona Nordika

0,90 pu — 1,05 pu

Bla limitu

1,05 pu — 1,10 pu

Għandu jiġi speċifikat minn kull TSO, iżda mhux aktar minn 60 minuta

Il-Gran Brittanja

0,90 pu — 1,05 pu

Bla limitu

1,05 pu — 1,10 pu

15-il minuta

L-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq

0,90 pu — 1,05 pu

Bla limitu

Il-Baltiku

0,88 pu — 1,097 pu

Bla limitu

1,097 pu — 1,15 pu

20 minuta

Tabella 5: Perjodi minimum ta' ħin li fihom sistema HVDC għandha tkun kapaċi topera għal vultaġġi li jiddevjaw mill-valur ta' referenza ta' 1 pu f'punti ta' konnessjoni mingħajr skonnessjoni minn man-netwerk. Din it-tabella tapplika fil-każ ta' valuri ta' bażi tal-vultaġġi pu ta' 300 kV sa 400 kV (inklużi).


ANNESS IV

Rekwiżiti għall-profil U-Q/Pmax imsemmi fl-Artikolu 20.

Image

Grafika 5: Id-dijagramma tirrappreżenta l-limiti tal-profil U-Q/Pmax fejn U huwa l-vultaġġ fil-punti ta' konnessjoni, espress bil-proporzjon tal-valur reali għall-valur ta' referenza ta' 1 pu (għal kull unità), u Q/Pmax huwa l-proporzjon ta' potenza reattiva għall-kapaċità massima tat-trażmissjoni ta' potenza attiva HVDC. Il-pożizzjoni, id-daqs u l-forma tal-pakkett ta' ġewwa huma indikattivi u l-forom minbarra dawk rettangolari jistgħu jintużaw fi ħdan pakkett ta' ġewwa. Għal forom ta' profil minbarra dawk rettangolari, il-medda tal-vultaġġ tirrappreżenta l-ogħla valuri u dawk l-aktar baxxi għal din il-forma. Profil bħal dan ma jirriżultax f'medda sħiħa ta' potenza reattiva li tkun disponibbli fil-medda kollha ta' vultaġġi fi stat stabbli

Żona Sinkronika

Medda massima ta' Q/Pmax

Medda massima tal-livell ta' vultaġġ fi stat stabbli f'PU

L-Ewropa Kontinentali

0,95

0,225

Iż-żona Nordika

0,95

0,15

Il-Gran Brittanja

0,95

0,225

L-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq

1,08

0,218

L-Istati Baltiċi

1,0

0,220

Tabella 6: Il-parametri għall-Pakkett ta' Ġewwa fil-Grafika


ANNESS V

Profil tal-vultaġġ meta mqabbel mal-ħin, imsemmi fl-Artikolu 25

Image

Grafika 6: Profil tal-funzjonament minkejja ħsara ta' stazzjon ta' konverżjoni HVDC. Id-dijagramma tirrappreżenta l-limitu l-aktar baxx tal-profil tal-vultaġġ meta mqabbel mal-ħin tal-vultaġġ fil-punt ta' konnessjoni, espress permezz tal-proporzjon tal-valur reali tiegħu u l-valur ta' referenza ta' 1 pu għal kull unità qabel, matul u wara ħsara. Uret huwa l-vultaġġ miżmum fil-punt ta' konnessjoni matul ħsara, tclear huwa l-mument meta l-ħsara tkun tneħħiet, Urec1 u trec1 jispeċifikaw il-punt tal-limiti l-aktar baxxi tal-irkupru tal-vultaġġ wara li tkun tneħħiet il-ħsara. Ublock huwa l-vultaġġ ta' mblukkar fil-punt ta' konnessjoni, Il-valuri tal-ħin imsemmija jitkejlu minn tfault 'l hemm.

Parametri tal-vultaġġ [pu]

Parametri tal-ħin [sekondi]

Uret

0,00 — 0,30

tclear

0,14-0,25

Urec1

0,25-0,85

trec1

1,5 — 2,5

Urec2

0,85-0,90

trec2

Trec1 — 10,0

Tabella 7: Il-parametri għall-Grafika 6 għall-kapaċità ta' funzjonament minkejja ħsara ta' konvertitur HVDC


ANNESS VI

Meded ta' frekwenzi u perjodi ta' ħin imsemmija fl-Artikolu 39(2)(a)

Medda ta' frekwenzi

Perjodu ta' ħin għat-tħaddim

47,0 Hz — 47,5 Hz

20 sekonda

47,5 Hz — 49,0 Hz

90 minuta

49,0 Hz — 51,0 Hz

Bla limitu

51,0 Hz — 51,5 Hz

90 minuta

51,5 Hz — 52,0 Hz

15-il minuta

Tabella 8: Perjodi minimi ta' ħin għas-sistema nominali ta' 50Hz li matulhom, PPM għandu jkun jista' jaħdem fuq frekwenzi differenti b'devjazzjoni minn valur nominali, mingħajr skonnessjoni min-netwerk.


ANNESS VII

Meded ta' vultaġġi u perjodi ta' ħin imsemmija fl-Artikolu 40

Medda ta' vultaġġi

Perjodu ta' ħin għat-tħaddim

0,85 pu — 0,90 pu

60 minuta

0,90 pu — 1,10 pu

Bla limitu

1,10 pu — 1,118 pu

Bla limitu, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor mill-operatur tas-sistema rilevanti b'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti.

1,118 pu — 1,15 pu

Għandu jkun speċifikat mill-operatur tas-sistema rilevanti b'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti.

Tabella 9: Perjodi minimi ta' ħin li matulhom modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu jkun kapaċi jaħdem għal vultaġġi differenti li jiddevjaw minn valur ta' referenza ta' 1 pu mingħajr skonnessjoni min-netwerk fejn il-bażi tal-vultaġġ għall-valuri pu hija ta' bejn 110 kV u 300 kV (mhux inkluż).

Medda ta' vultaġġi

Perjodu ta' ħin għat-tħaddim

0,85 pu — 0,90 pu

60 minuta

0,90 pu — 1,05 pu

Bla limitu

1,05 pu — 1,15 pu

Għandu jkun speċifikat mill-operatur tas-sistema rilevanti b'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti. Jistgħu jiġu speċifikati diversi meded sekondarji ta' vultaġġi li jistgħu jiġu tollerati.

Tabella 10: Perjodi minimi ta' ħin li matulhom modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC għandu jkun kapaċi jaħdem għal vultaġġi differenti li minn valur ta' referenza ta' 1 pu mingħajr skonnessjoni min-netwerk fejn il-bażi tal-vultaġġ għall-valuri pu hija ta' bejn 300 kV u 400 kV (inklużi).

Image

Grafika 7: Profil U-Q/Pmax ta' modulu ta' park tal-enerġija konness b'DC fil-punt ta' konnessjoni. Id-dijagramma tirrappreżenta l-konfini tal-profil U-Q/P max tal-vultaġġ fil-punt[i] ta' konnessjoni, espressi bħala proporzjon tal-valur reali tiegħu għall-valur ta' referenza ta' 1 pu (għal kull unità), imqabbla mal-proporzjon tal-potenza reattiva (Q) għall-kapaċità massima (Pmax). Il-pożizzjoni, id-daqs u l-forma tal-pakkett ta' ġewwa huma indikattivi u fil-pakkett ta' ġewwa jistgħu jintużaw forom oħra minbarra r-rettangolu. Għall-forom ta' profil minbarra dawk rettangolari, il-medda tal-vultaġġ tirrappreżenta l-ogħla punti u dawk l-aktar baxxi. Profil bħal dan ma jirriżultax f'medda sħiħa ta' potenza reattiva li tkun disponibbli fil-medda kollha ta' vultaġġi fi stat stabbli

Medda tal-wisa' tal-profil Q/Pmax

Medda tal-livell ta' vultaġġ fi stat stabbli f'pu

0 — 0,95

0,1 — 0,225

Tabella 11: Medda minima u massima kemm ta' Q/Pmax kif ukoll ta' medda ta' livell ta' vultaġġi fi stat stabbli għal PPM konness b'DC.


ANNESS VIII

Potenza reattiva u rekwiżiti tal-vultaġġ imsemmija fl-Artikolu 48

Medda tal-vultaġġ

Perjodu ta' ħin għat-tħaddim

0,85 pu — 0,90 pu

60 minuta

0,90 pu — 1,10 pu

Bla limitu

1,10 pu — 1,12 pu

Bla limitu, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor mill-operatur tas-sistema rilevanti b'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti.

1,12 pu — 1,15 pu

Għandu jkun speċifikat mill-operatur tas-sistema rilevanti b'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti.

Tabella 12: Perjodi minimi ta' ħin li matulhom stazzjon ta' konverżjoni HVDC imbiegħed għandu jkun kapaċi jaħdem għal vultaġġi differenti li jiddevjaw minn minn valur ta' referenza ta' 1 pu mingħajr skonnessjoni min-netwerk fejn il-bażi tal-vultaġġ għall-valuri pu hija minn 110 kV sa 300 kV (mhux inkluż).

Medda tal-vultaġġ

Perjodu ta' ħin għat-tħaddim

0,85 pu — 0,90 pu

60 minuta

0,90 pu — 1,05 pu

Bla limitu

1,05 pu — 1,15 pu

Għandu jkun speċifikat mill-operatur tas-sistema rilevanti b'koordinazzjoni mat-TSO rilevanti. Jistgħu jiġu speċifikati diversi meded sekondarji ta' vultaġġi.

Tabella 13: Perjodi minimi ta' ħin li matulhom stazzjon ta' konverżjoni HVDC imbiegħed għandu jkun kapaċi jaħdem għal vultaġġi differenti li jiddevjaw minn minn valur ta' referenza ta' 1 pu mingħajr skonnessjoni min-netwerk fejn il-bażi tal-vultaġġ għall-valuri pu hija minn 300 kV sa 400 kV (inklużi).

Medda massima ta' Q/Pmax

Medda massima tal-livell ta' vultaġġ fi stat stabbli f'PU

0,95

0,225

Tabella 14: Medda massima kemm ta' vultaġġi Q/Pmax kif ukoll ta' vultaġġi fi stat stabbli għal stazzjon ta' konverżjoni mbiegħed.