17.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 222/1 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1379
tas-16 ta' Awwissu 2016
li jiċħad l-awtorizzazzjoni ta' ċerti indikazzjonijiet dwar is-saħħa magħmula fuq l-ikel, għajr dawk li jirreferu għat-tnaqqis tar-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(5) tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa fuq l-ikel huma pprojbiti sakemm dawn ma jkunux awtorizzati mill-Kummissjoni skont dak ir-Regolament u ma jkunux inklużi f'lista ta' indikazzjonijiet permessi. |
(2) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jistipula wkoll li l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa jistgħu jitressqu mill-operaturi tan-negozji tal-ikel lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ta' Stat Membru. L-awtorità kompetenti nazzjonali għandha tibgħat l-applikazzjonijiet validi lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”, għal valutazzjoni xjentifika, kif ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex tinfurmahom. |
(3) |
L-Awtorità għandha tagħti l-opinjoni tagħha fir-rigward tal-indikazzjoni dwar is-saħħa kkonċernata. |
(4) |
Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa filwaqt li tqis l-opinjoni mogħtija mill-Awtorità. |
(5) |
Wara applikazzjoni minn E-piim production Ltd., ippreżentata f'konformità mal-Artikolu 13(5) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-Awtorità ntalbet tagħti opinjoni dwar indikazzjoni dwar is-saħħa relatata ma' Lactobacillus plantarum TENSIA® fil-“ġobon tal-qalb” semiiebes tat-tip Edam ta' Harmony™ u ż-żamma ta' pressjoni ta' demm normali (Mistoqsija Nru EFSA-Q-2014-00097 (2)). L-indikazzjoni proposta mill-applikant kienet tgħid dan li ġej: “Konsum regolari, tal-inqas għal tmien ġimgħat ta' 50 g/kuljum ta' Lactobacillus plantarum TENSIA® li jinkludi Südamejuust (traduzzjoni għall-Malti: “ġobon tal-qalb”) tad-ditta Harmony™ jgħin biex tinżamm is-saħħa tas-sistema kardjovaskulari/tal-qalb bit-tnaqqis tal-pressjoni tad-demm/Simbolu tal-qalb”. |
(6) |
Fl-1 ta' Ottubru 2014, il-Kummissjoni u l-Istati Membri rċevew l-opinjoni xjentifika mingħand l-Awtorità, li kkonkludiet li fuq il-bażi tad-dejta ppreżentata, ma ġietx stabbilita rabta ta' kawża u effett bejn il-konsum ta' Lactobacillus plantarum TENSIA® fil-“ġobon tal-qalb” semiiebes tat-tip Edam ta' Harmony ™ u ż-żamma ta' pressjoni ta' demm normali. Għaldaqstant, billi l-indikazzjoni ma tikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, din m'għandhiex tiġi awtorizzata. |
(7) |
Wara applikazzjoni mingħand il-British Specialist Nutrition Association Ltd., ippreżentata f'konformità mal-Artikolu 13(5) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-Awtorità ntalbet tagħti opinjoni fir-rigward tal-indikazzjoni dwar is-saħħa marbuta mas-soluzzjonijiet ta' karboidrati u ż-żamma tal-prestazzjoni fiżika waqt eżerċizzju ta' reżistenza (Mistqosija Nru EFSA-Q-2014-00058 (3)). L-indikazzjoni proposta mill-applikant kienet tgħid dan li ġej: “is-soluzzjonijiet ta' karboidrati jikkontribwixxu għaż-żamma tal-prestazzjoni b'reżistenza matul l-eżerċizzju ta' reżistenza fit-tul”. Fuq talba tal-Awtorità, l-applikant speċifika li l-ikel li huwa s-suġġett ta' din l-indikazzjoni jirrigwarda soluzzjonijiet ta' karboidrati li ma jinkludux elettroliti u li, f'dak li għandu x'jaqsam mal-effett mistqarr, is-soluzzjonijiet ta' karboidrati għandhom jitqabblu mal-ilma jew ma' soluzzjonijiet tal-elettroliti tal-ilma. |
(8) |
Fl-1 ta' Ottubru 2014, il-Kummissjoni u l-Istati Membri rċevew l-opinjoni xjentifika mingħand l-Awtorità, li kkonkludiet li abbażi tad-dejta ppreżentata, ma ġietx stabbilita rabta ta' kawża u effett bejn il-konsum ta' soluzzjonijiet ta' karboidrati u ż-żamma tal-prestazzjoni fiżika waqt eżerċizzju ta' reżistenza meta mqabbel mal-ilma jew ma' soluzzjonijiet tal-elettroliti tal-ilma. Għaldaqstant, billi l-indikazzjoni ma tikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, din m'għandhiex tiġi awtorizzata. |
(9) |
Il-kummenti mingħand l-applikanti li rċeviet il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 16(6) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 ġew ikkunsidrati fit-tfassil tal-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament. |
(10) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-indikazzjonijiet dwar is-saħħa elenkati fl-Anness ta' dan ir-Regolament m'għandhomx jiġu inklużi fil-lista tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi kif previst fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Awwissu 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.
(2) The EFSA Journal 2014;12(10):3842.
(3) The EFSA Journal 2014;12(10):3836.
ANNESS
Indikazzjoni miċħuda dwar is-saħħa
Applikazzjoni — Dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 |
Nutrijent, sustanza, ikel jew kategorija tal-ikel |
Indikazzjoni |
Referenza tal-opinjoni mogħtija mill-EFSA |
Indikazzjoni tas-saħħa tal-Artikolu 13(5) ibbażata fuq evidenza xjentifika żviluppata dan l-aħħar u/jew li tinkludi talba għall-protezzjoni tad-dejta riżervata |
Lactobacillus plantarum TENSIA® fil-“ġobon tal-qalb” semiiebes tat-tip Edam ta' Harmony™ |
Konsum regolari, tal-inqas għal tmien ġimgħat ta' 50 g/kuljum ta' Lactobacillus plantarum TENSIA® li jinkludi Südamejuust (traduzzjoni għall-Malti: “ġobon tal-qalb”) tad-ditta Harmony™ jgħin biex tinżamm is-saħħa tas-sistema kardjovaskulari/tal-qalb bit-tnaqqis tal-pressjoni tad-demm/Simbolu tal-qalb/. |
Q-2014-00097 |
Indikazzjoni tas-saħħa tal-Artikolu 13(5) ibbażata fuq evidenza xjentifika żviluppata dan l-aħħar u/jew li tinkludi talba għall-protezzjoni tad-dejta riżervata |
Soluzzjonijiet ta' karboidrati |
Soluzzjonijiet ta' karboidrati jikkontribwixxu għaż-żamma tal-prestazzjoni b'reżistenza matul l-eżerċizzju twil ta' reżistenza. |
Q-2014-00058 |