4.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 210/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1328

tad-29 ta' Lulju 2016

li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Federazzjoni Russa

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri Proviżorji

(1)

Fit-12 ta' Frar 2016, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) imponiet dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ċerti prodotti rrumblati ċatt tal-ħadid jew ta' azzar mhux-liga, jew azzar ta' liga ieħor iżda mhux azzar inossidabbli, ta' kull wisa', rrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsin bla sħana), mhux miksijin jew mgħottijin u mhux maħdumin iktar ħlief irrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsin bla sħana) (“prodotti tal-azzar irrumblati ċatt fil-kiesaħ”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) u mill-Federazzjoni Russa (“ir-Russja”) (flimkien imsejħin “il-pajjiżi konċernati”) permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/181 (2) (“ir-Regolament proviżorju”).

(2)

L-investigazzjoni nbdiet fl-14 ta' Mejju 2015 (3), wara lment ippreżentat fl-1 ta' April 2015 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Azzar, (“l-Eurofer” jew “l-ilmentatur”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatt fil-kiesaħ.

(3)

Kif jintqal fil-premessa 19 tar-Regolament proviżorju, l-investigazzjoni ta' dumping u dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta' April 2014 sal-31 ta' Marzu 2015 (“il-perjodu tal-investigazzjoni” jew il-“PI”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2011 sa tmiem il-perjodu ta' investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

1.2.   Reġistrazzjoni

(4)

Il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw u jintbagħtu mir-RPĊ u r-Russja soġġetti għar-reġistrazzjoni permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2325 (4). Ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet waqfet mal-impożizzjoni ta' miżuri proviżorji fit-12 ta' Frar 2016.

(5)

Il-kwistjoni tar-reġistrazzjoni u l-applikazzjoni retroattiva possibbli tad-dazju antidumping inkwistjoni u l-kummenti li ġew irċevuti b'rabta ma' dak huma ddettaljati fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1329 (5). Dan ir-regolament jindirizza biss il-kummenti rċevuti skont is-sejbiet proviżorji ta' dumping, ħsara, u rabta ta' kawżalità u l-interess tal-Unjoni, u l-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni fuq dawn il-kwistjonijiet.

1.3.   Proċedura sussegwenti

(6)

Wara l-iżvelar tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li abbażi tagħhom ġie impost dazju antidumping proviżorju (“l-iżvelar proviżorju”), għadd ta' partijiet interessati ressqu preżentazzjonijiet bil-miktub biex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar il-konklużjonijiet proviżorji. Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw din l-opportunità.

(7)

Ċentru tas-servizz u kummerċjant tal-azzar relatat talab l-intervent mill-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali (“l-Uffiċjal tas-Seduta”) dwar il-kwistjoni tar-rifużjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta eżamina t-talba u wieġeb bil-kitba. Barra minn hekk, fit-3 ta' Mejju 2016 saret seduta ta' smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta b'talba tal-Eurofer.

(8)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li dehrilha li kienet meħtieġa għall-konklużjonijiet definittivi tagħha. Sabiex ikollha għad-dispożizzjon tagħha informazzjoni iktar komprensiva dwar il-profittabbiltà, il-produtturi tal-Unjoni kampjunati ġew mitluba jipprovdu dejta dwar il-profittabbiltà għall-perjodu 2005–2010 għall-bejgħ fl-Unjoni tal-prodott investigat. Il-produtturi tal-Unjoni kampjunati kollha pprovdew l-informazzjoni mitluba.

(9)

Sabiex jiġu vverifikati r-risposti tal-kwestjonarji msemmija fil-premessa 8 hawn fuq, saru żjarat ta' verifika fil-post biex jivverifikaw id-dejta pprovduta mill-produtturi tal-Unjoni li ġejjin:

ThyssenKrupp Germany, Duisburg, il-Ġermanja

ArcelorMittal Belgium NV, Ghent, il-Belġju

ArcelorMittal Sagunto SL, Puerto de Sagunto, Spanja

(10)

Il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet kollha bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien beħsiebha timponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-RPĊ u mir-Russja u tiġbor b'mod definittiv l-ammonti garantiti permezz ta' dazju proviżorju (l-iżvelar definittiv). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar l-iżvelar finali.

(11)

Fejn xieraq il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u tqiesu.

1.4.   Allegazzjonijiet dwar it-talba għal informazzjoni addizzjonali, il-verifika, u l-użu

(12)

Wara l-iżvelar definittiv, ċerti produtturi esportaturi taw kummenti dwar l-iskadenza li ngħatat lill-produtturi tal-Unjoni biex jipprovdu l-informazzjoni mitluba, u esprimew dubji dwar l-akkuratezza ta' din id-dejta, kif ukoll il-proċess ta' verifika tagħha. Dawn il-partijiet allegaw li jista' jkun li l-industrija tal-Unjoni ma rrappurtatx iċ-ċifri korretti u li bbenefikat minn trattament favorevoli, bi ksur tad-drittijiet ta' partijiet oħrajn li jkun hemm investigazzjoni oġġettiva, imparzjali u nondiskriminatorja. Dan l-allegat trattament favorevoli b'risq l-industrija tal-Unjoni jiġi mixhud ukoll mill-klemenza tal-Kummissjoni lejhom meta jkunu naqsu milli jipprovdu xi informazzjoni importanti (il-partijiet irreferew għal fatturi neqsin).

(13)

F'dak li jirrigwarda l-allegazzjoni ta' trattament favorevoli, din l-allegazzjoni tiġi miċħuda. Il-kwistjoni involuta tirrigwarda l-għażla tal-kliem fil-premessa 59 tar-Regolament proviżorju. F'din il-premessa hemm spjegat li għal trasferimenti interni, ma jinħarġux fatturi, li hija konformi mal-proċeduri kontabilistiċi aċċettabbli. Mhijiex kwistjoni li l-industrija tal-Unjoni qiegħda tiġi mħollija ma tipprovdix informazzjoni mitluba.

(14)

L-istess produtturi esportaturi qalu li billi ġabret u vverifikat dejta addizzjonali mill-produtturi tal-Unjoni hi kienet iddiskriminat kontra l-produtturi esportaturi Russi li kienu talbu t-tieni verifika.

(15)

L-ewwel, għandu jiġi nnutat li huwa ċar li l-Kummissjoni, bħala awtorità investigattiva, għandha d-dritt li titlob dejta addizzjonali fejn din titqies meħtieġa u xierqa għall-analizi tagħha, sew fl-istadju proviżorju, sew fl-istadju definittiv tal-investigazzjoni. F'dan il-każ, kif spjegat fil-premessa 154, il-Kummissjoni kellha raġunijiet tajbin biex titlob iktar dejta u li tivverifikaha wara. Il-verifiki kienu jikkonċernaw biss id-dejta addizzjonali provduta li ma kinitx intalbet qabel, u żgurat li d-dejta li fuqha l-Kummissjoni eventwalment ibbażat is-sejbiet tagħha kienet affidabbli. It-tieni, it-talbiet tal-produtturi esportaturi Russi għat-tieni verifika kienu marbutin mal-istess dejta li kienet soġġetta għall-verifika oriġinali, filwaqt li t-tieni verifika fl-istabbilimenti ta' ċerti produtturi tal-Unjoni kienet meħtieġa biex tiġi verifikata d-dejta addizzjonali msemmija fil-premessa 8 u biex jiġi determinat jekk id-dazji antidumping ikollhomx jiġu imposti retroattivament. Għaldaqstant, id-dikjarazzjonijiet ta' hawn fuq ġew rifjutati.

1.5.   Il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili

(16)

Il-premessi 21 u 22 tar-Regolament proviżorju pprovdew id-definizzjoni proviżorja tal-prodott ikkonċernat. Ma kien hemm l-ebda preżentazzjoni mill-partijiet dwar id-definizzjoni li tinsab hemm.

(17)

Il-prodott ikkonċernat huwa definit definittivament bħala prodotti rrumblati ċatt tal-ħadid jew tal-azzar mhux liga, jew ta' azzar ta' liga ieħor iżda mhux stainless steel, ta' kull wisa', rrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsin bla sħana), mhux miksijin, indurati jew mgħottijin u mhux maħdumin iktar ħlief irrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsin bla sħana), li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet tan-NM ex 7209 15 00, 7209 16 90, 7209 17 90, 7209 18 91, ex 7209 18 99, ex 7209 25 00, 7209 26 90, 7209 27 90, 7209 28 90, 7211 23 30, ex 7211 23 80, ex 7211 29 00, 7225 50 80, 7226 92 00 u li joriġinaw mir-RPĊ u r-Russja.

It-tipi ta' prodotti li ġejjin huma esklużi mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat:

prodotti rrumblati ċatt tal-ħadid jew azzar mhux-liga, ta' kull wisa', irrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsin bla sħana), mhux miksijin, indurati jew mgħottijin, mhux maħduma aktar ħlief irrumblati fil-kiesaħ, f'koljaturi jew le, ta' kull ħxuna, elettriċi,

prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid jew azzar mhux illigat, ta' kull wisa', irrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsa bla sħana), mhux miksijin, b'liga jew mgħottijin, f'koljaturi, ta' ħxuna ta' inqas minn 0,35 mm, ittemprati (magħrufa bħala “pjanċi suwed”),

prodotti rrumblati ċatt ta' azzar liga ieħor, ta' kull wisa', tal-azzar silikon-elettriku, u

prodotti rrumblati ċatt ta' azzar illigat, mhux maħduma aktar ħlief irrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsa bla sħana), tal-azzar b'veloċità għolja,

(18)

Fin-nuqqas ta' xi kummenti dwar il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili, il-konklużjonijiet li waslu għalihom fil-premessi minn 22 sa 24 tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

2.   ID-DUMPING

2.1.   Ir-RPĊ

2.1.1.   Trattament ta' ekonomija tas-suq (“TES”)

(19)

Kif spjegat fil-premessa 34 tar-Regolament proviżorju, l-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi kkonċernati minn din l-investigazzjoni ma talab TES.

2.1.2.   Pajjiż analogu

(20)

Fir-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni għażlet lill-Kanada bħala l-pajjiż analogu skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku.

(21)

Parti interessata waħda qalet li d-differenza bejn il-marġnijiet tal-ħsara u tad-dumping qajmet dubji dwar l-akkuratezza tal-kalkoli tal-Kummissjoni. L-istess parti interessata qalet ukoll li, jekk fattwalment korretta, tali differenza għandha tinvalida l-għażla tal-Kanada bħala l-pajjiż analogu minħabba l-livell tal-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat f'dan il-pajjiż.

(22)

Il-Kummissjoni tikkonferma l-kalkoli tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li l-għażla tal-pajjiż analogu ssir minn fost pajjiżi li fihom il-prezz għall-prodott simili jkun magħmul f'ċirkostanzi li huma kemm jista' jkun qrib ta' dawk tal-pajjiż tal-esportazzjoni. Il-livell tal-prezzijiet fih innifsu mhuwiex kriterju f'din l-għażla.

(23)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, id-dikjarazzjoni li l-Kanada mhuwiex pajjiż analogu adatt hija rrifjutata. Il-Kummissjoni tikkonferma l-irraġunar deskritt fil-premessi minn 27 sa 34 tar-Regolament proviżorju u l-għażla tal-Kanada bħala l-pajjiż analogu skont it-tifsira tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku.

2.1.3.   Valur normali

(24)

Fin-nuqqas ta' kummenti dwar id-determinazzjoni tal-valur normali, il-premessi minn 35 sa 45 tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

2.1.4.   Prezz tal-esportazzjoni

(25)

Fil-kummenti tiegħu dwar ir-Regolament proviżorju, grupp ta' kumpaniji partikolari nnota inkonsistenza bejn il-kalkoli tal-ħsara u d-dumping, li huwa qal li kienet dovuta għal żball klerikali min-naħa tal-Kummissjoni. Madankollu, il-Kummissjoni stabbiliet li l-inkonsistenza nħolqot minn żball klerikali żgħir min-naħa ta' dan il-grupp ta' kumpaniji li affettwa l-prezz ta' esportazzjoni. Dan l-iżball klerikali ġie kkoreġut mill-Kummissjoni.

2.1.5.   Paragun

(26)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħra fir-rigward tat-tqabbil tal-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, il-premessi 49 u 50 tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

2.1.6.   Marġnijiet tad-dumping

(27)

Minħabba l-bidla fil-prezz tal-esportazzjoni msemmija fil-premessa 25 iktar 'il fuq, il-marġni tad-dumping ta' grupp ta' kumpaniji partikolari ġie kkalkulat mill-ġdid u dan wassal għal żieda żgħira. Din iż-żieda tibdel ukoll il-marġni ta' dumping tal-kumpaniji Ċiniżi l-oħrajn kollha minħabba li dan il-marġni huwa bbażat fuq dan il-grupp ta' kumpaniji.

(28)

Il-marġnijiet definittivi tad-dumping mogħtija bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Tabella 1

Marġnijiet tad-dumping, ir-RPĊ

Kumpanija

Marġni ta' dumping definittiv (%)

Angang Group

59,2

Shougang Group

52,7

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

56,9

Il-kumpaniji l-oħra kollha

59,2

2.2.   Ir-Russja

2.2.1.   Introduzzjoni

(29)

Wara l-iżvelar proviżorju, produttur esportatur Russu kkontesta l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Dan ippreżenta dejta ġdida biex jikkontesta s-sejbiet deskritti fil-premessa 60 tar-Regolament proviżorju, li fiha l-Kummissjoni wriet li l-produttur esportatur irrapporta kwantità ogħla ta' bejgħ minn dak li kienet tagħmel fiżikament possibbli l-produzzjoni.

(30)

Il-Kummissjoni organizzat żewġ seduti, u offriet lill-produttur esportatur ikkonċernat l-opportunità li jikkummenta u jispjega dak li kien qiegħed jgħid.

(31)

Waqt is-seduti, il-Kummissjoni għamlet aċċenn li kull preżentazzjoni/spjegazzjoni li ssir wara l-verifika tkun tista' tiġi aċċettata biss jekk id-dejta li fuqha tkun ibbażata tkun diġà ġiet ippreżentata, jew li inkella tkun tista' tiġi konnessa mad-dejta ppreżentata mar-risposta għall-kwestjonarju jew, l-iktar tard, waqt iż-żjara ta' verifika. Il-produttur esportatur ma kienx kapaċi jsostni l-argumenti tiegħu, la b'informazzjoni li diġà kienet tinsab fir-risposti tiegħu għall-kwestjonarju, u la b'informazzjoni f'eżibiti miġbura mill-post. Is-sejbiet fl-istadju proviżorju li wasslu biex il-Kummissjoni tapplika l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u li huma ppreżentati fil-premessi 60 u 61 tar-Regolament proviżorju huma għaldaqstant ikkonfermati. B'hekk, b'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni stabbiliet b'mod definittiv il-marġni tad-dumping għall-kumpanija inkwistjoni fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

(32)

Wara l-iżvelar finali, produttur esportatur partikolari allega li kien soġġett għal trattament diskriminatorju fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-antidumping preżenti li affettwalu d-drittijiet proċedurali tiegħu, fosthom id-drittijiet għal difiża. Dan il-produttur esportatur allega li l-Kummissjoni ma aċċettatx it-tieni verifika fl-istabbiliment tas-sussidjarja tiegħu fil-Belġju, filwaqt li saret it-tieni verifika fl-istabbilimenti tal-produtturi u importaturi tal-industrija tal-Unjoni. Għar-raġunijiet elenkati fil-premessa 15, din l-allegazzjoni ma tistax tiġi aċċettata.

(33)

Dan il-produttur esportatur qal ukoll li l-Kummissjoni setgħet użat il-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-operatur tas-suq/importatur relatat tagħha u d-dejta dwar il-kost tal-manifattura tal-uniku produttur esportatur li kkoopera bis-sħiħ mal-Kummissjoni. Skont dan il-Kummissjoni allegatament setgħet tevita l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku minħabba li vverifikat lil dan l-operatur tas-suq/importatur separatament u ma qajmet l-ebda kwistjoni dwar il-kooperazzjoni tiegħu. Kif spjegat hawn fuq, il-fatt li l-volum tal-bejgħ kumplessiv (wara t-tnaqqis tal-użu ristrett u aġġustat skont il-varjazzjoni fil-ħażna) rapportat mill-produttur esportatur eċċeda l-kwantitajiet prodotti ma ppermettiex lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-bejgħ ta' esportazzjoni lejn l-Unjoni kien irrapportat kollu kemm hu. Għaldaqstant il-Kummissjoni rrifjutat il-proposta tal-kumpanija li tuża sett ta' tranżazzjonijiet li jista' biss jirrappreżenta parti mill-bejgħ totali lejn l-Unjoni. B'konsegwenza l-Kummissjoni ma użat l-ebda tagħrif dwar il-kost tal-produzzjoni, minħabba li ma kienx hemm bejgħ ta' esportazzjoni disponibbli biex jintuża għall-paragun.

(34)

Żewġ produtturi esportaturi ppreżentaw kummenti dwar it-twettiq taż-żjarat ta' verifika u talbu lill-Kummissjoni tissospendi l-investigazzjoni sakemm jiġu investigati l-allegazzjonijiet tagħhom. F'dak il-kuntest, il-produtturi esportaturi jikkontestaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Ministeru tal-Iżvilupp Ekonomiku tal-Federazzjoni Russa talab li tiġi sospiża l-applikazzjoni tal-miżuri antidumping definittivi li għandhom jiġu imposti sa ma l-ilment formali taż-żewġ produtturi esportaturi jkun ingħata l-konsiderazzjoni dovuta mill-istituzzjonijiet kompetenti tal-Unjoni.

(35)

Il-Kummisjoni tinnota li l-verifika hija biss pass wieħed mill-proċess ta' investigazzjoni li twettaq il-Kummissjoni bħala l-awtorità investigatriċi. Il-Kummissjoni spjegat b'mod estensiv ir-raġunijiet sostantivi li abbażi tagħhom iddeċidiet li tapplika l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. L-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku hija bbażata fuq l-evidenza ppreżentata bil-miktub mill-Kumpaniji lill-Kummissjoni u fuq il-kredibbiltà u l-konsistenza ta' tali evidenza. Il-produtturi esportaturi ngħataw għadd ta' opportunitajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet ta' difiża tagħhom bis-sħiħ waqt il-proċediment permezz tal-preżentazzjoni ta' informazzjoni, kummenti, seduti ta' smigħ u laqgħat, inklużi żewġ laqgħat dedikati speċifikament għall-kwistjonijiet imqajma.

(36)

Sa fejn hi kkonċernata t-talba għas-sospensjoni, il-Kummissjoni tinnota li l-unika bażi għas-sospensjoni ta' kwalunkwe miżura imposta skont ir-Regolament bażiku hija l-Artikolu 14(4). Il-Kummissjoni tkompli billi tinnota li l-kundizzjonijiet għas-sospensjoni kif stipulati fl-imsemmi artikolu ma ġewx issodisfati. Dan l-artikolu jipprevedi li l-miżuri jistgħu jiġu sospiżi biss fl-interess tal-Unjoni meta l-kundizzjonijiet tas-suq ikunu nbidlu b'mod temporanju sa tali punt li ma jkunx probabbli li l-ħsara tkompli b'riżultat tas-sospensjoni. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li tali kundizzjonijiet jiġu ssodisfati fil-każ preżenti u l-Kummissjoni tinnota li ma kien hemm l-ebda aċċenn għal tali kundizzjonijiet. Infatti, l-investigazzjoni wriet li l-kundizzjonijiet għall-impożizzjoni tal-miżuri definittivi, kif stipulati fl-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, ġew issodisfati. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tiċħad din it-talba.

2.2.2.   Valur normali

(37)

Wara l-iżvelar proviżorju, produttur esportatur partikolari kkontesta l-aġġustament li l-Kummissjoni għamlet għall-kostijiet ta' produzzjoni tiegħu ta' prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ kif miktub fil-premessa 76 u ġġustifikat fil-premessa 80 tar-Regolament proviżorju. Madankollu, il-produttur esportatur ikkonċernat ma ppreżenta l-ebda argument li kien jippermetti lill-Kummissjoni tibdel fehmitha li l-proporzjonijiet ta' konsum materjali rrappurtati mill-kumpanija fir-risposta tagħha għall-kwestjonarju ma kinux adegwati biex il-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni akkurata tal-kost tal-materjali użati għall-produzzjoni ta' prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ. Għalhekk, il-Kummissjoni ma laqgħetx din it-talba.

(38)

L-istess produttur esportatur allega wkoll li t-telf marbut mal-likwidazzjoni taż-żewġ sussidjarji barranin tiegħu għandu jiġi eskluż mid-determinazzjoni tal-ispejjeż ta' bejgħ, ġenerali u amministrattivi (“spejjeż BĠA”). Barra minn hekk, dan allega li l-ispejjeż tal-imballaġġ ġew mgħadda darbtejn fil-kost tal-produzzjoni u fl-ispejjeż BĠA. Il-Kummissjoni rrivediet is-sejbiet tagħha skont dan minħabba li l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-kumpanija wara l-iżvelar proviżorju kienu sostnuti minn informazzjoni li ġiet ippreżentata kif dovut flimkien mar-risposta tagħha għall-kwestjonarju inkella waqt jew qabel iż-żjara ta' verifika.

(39)

Wara li kkunsidrat l-ispejjeż BĠA mill-ġdid, il-Kummissjoni sabet li xi bejgħ domestiku kien ta' profitt. Dan ippermetta lill-kummissjoni tikkalkula l-marġni ta' dumping abbażi tal-ispejjeż u l-profitt BĠA tal-kumpanija stess. Fl-istadju proviżorju, il-Kummissjoni ma sabet l-ebda bejgħ domestiku bi profitt u għaldaqstant ikkalkulat il-marġni ta' dumping billi użat l-ispejjeż u l-profitt BĠA minn sorsi esterni.

(40)

Kien hemm żewġ produtturi esportaturi li ma qablux ma' kif il-Kummissjoni kienet ikkalkulat l-ispejjeż BĠA tagħhom kif deskritt fil-premessa 75 tar-Regolament proviżorju. Dawn spjegaw li l-Kummissjoni ma jmisshiex tqis it-telf mir-rivalwazzjoni tas-self f'muniti barranin bħala parti mill-ispejjeż BĠA, minħabba li l-kumpaniji fil-fatt ma ġarrbu l-ebda spiża u kulma għamlu kien li vvalutaw il-bilanċ mill-ġdid billi użaw ir-rata tal-kambju fl-aħħar ġurnata tal-perjodu ta' rapportar finanzjarju tagħhom. Il-Kummissjoni, b'referenza għall-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju u l-GAAP Russu ma taqbilx ma' dan l-argument. Dan it-telf ġie mniżżel kif dovut fil-kontijiet tal-produtturi, u ġew imġarrba waqt il-perjodu tal-investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma laqgħetx din it-talba.

(41)

Wara l-iżvelar finali l-produtturi esportaturi tennew l-allegazzjonijiet tagħhom mingħajr ma ppreżentaw fatti ġodda li jikkonċernaw it-telf disputat. Il-produtturi esportaturi rreferew għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2852/2000 (6) (fibri klassifikati poliesteru li joriġinaw fl-Indja u r-Repubblika tal-Korea), li fih il-Kummissjoni kienet irrifjutat il-qligħ nett mill-kambju inkluż fl-ispejjeż BĠA.

(42)

Il-Kummissjoni tinnota li s-sitwazzjoni fattwali tal-każ li qegħdin jagħmlu referenza għalih il-produtturi esportaturi hija differenti. Kif spjegat fil-premessa 34 tal-imsemmi Regolament 2852/2000, instab li l-qligħ mill-kambju ma kienx prinċiparjament relatat mal-produzzjoni u l-bejgħ.

(43)

Il-produtturi esportaturi ma qegħdux f'dubju r-rilevanza tas-self tagħhom għall-kostijiet tal-produzzjoni tal-prodott simili. Il-Kummissjoni għaldaqstant ikkonkludiet li t-telf kien relatat ma' dak is-self, li ntuża għall-finanzjament tal-assi fissi meħtieġa biex jiġi manifatturat il-prodott simili. B'riżultat, tali telf jeħtieġ jitqies meta jkunu qegħdin jiġu determinati l-ispejjeż BĠA tal-kumpanija. Għalhekk il-Kummissjoni rrifjutat din l-allegazzjoni.

(44)

Il-produttur esportatur Russu tenna għal darb'oħra l-allegazzjoni tiegħu wara l-iżvelar addizzjonali finali. Madankollu, l-allegazzjoni tmur lil hinn mill-aspetti speċifiċi tal-iżvelar addizzjonali. Il-Kummissjoni żżomm il-pożizzjoni espressa fil-paragrafi preċedenti.

(45)

Produttur esportatur partikolari kkuntesta l-metodoloġija li l-Kummissjoni użat biex tikkalkula l-ispejjeż totali BĠA ta' operaturi tas-suq domestiċi relatati, fejn il-Kummissjoni użat l-ispejjeż BĠA kif irrapportati għall-bejgħ lil konsumaturi mhux relatati fis-suq domestiku. Il-Kummissjoni aċċettat din il-kontestazzjoni u kkoreġiet il-kalkolu definittiv. Minħabba li dawn l-ispejjeż BĠA ma kinux materjalment differenti minn dawk użati oriġinarjament u minħabba li affettwaw biss għadd limitat ta' bejgħ, din il-korrezzjoni ma kellha l-ebda impatt fuq il-marġni ta' dumping li rriżulta.

(46)

Produttur esportatur partikolari allega li l-Kummissjoni għaddet darbtejn il-kostijiet tal-imballaġġ għall-finijiet tal-istabbiliment tal-kosti totali tal-produzzjoni fit-test tal-profittabiltà. Il-Kummissjoni ma laqgħetx din l-affermazzjoni. Kif hemm dettaljat bis-sħiħ fl-iżvelar proviżorju, il-Kummissjoni neħħiet il-kostijiet tal-imballaġġ mill-ispejjeż BĠA qabel ma kkalkulat il-kostijiet totali tal-produzzjoni.

(47)

Wara l-iżvelar finali, il-produtturi esportaturi ma qablux mal-metodoloġija użata biex jiġi kostrutt il-valur normali. Dawn qalu li l-Kummissjoni użat perċentwal ħażin tal-ispejjeż BĠA u billi użat l-ispejjeż BĠA fuq il-bejgħ bi profitt biss, il-Kummissjoni għamlet sovravalutazzjoni tal-valur normali.

(48)

Il-Kummissjoni twettaq l-investigazzjonijiet b'mod oġġettiv. Il-metodoloġija użata biex jiġi kostrutt il-valur normali tintuża b'mod konsistenti fil-każijiet kollha li fihom jintlaħqu l-kriterji rilevanti. Il-Kummissjoni tapplika l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku, li jirrikjedi li l-ammonti għall-profitti u l-ispejjeż BĠA jkunu bbażati fuq il-bejgħ waqt l-andament ordinarju tal-kummerċ. Li qegħdin jgħidu l-produtturi esportaturi biex jintuża l-ammont fiss tal-ispejjeż BĠA irrispettivament minn jekk tali spejjeż humiex marbutin mal-bejgħ fl-andament ordinarju tan-negozju jmur kontra din id-dispożizzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma laqgħetx din it-talba.

(49)

Wara l-iżvelar finali produttur esportatur partikolari qajjem il-kwistjoni tal-entrati negattivi fil-lista ta' tranżazzjonijiet domestiċi fir-rigward tal-kalkolu tal-valur normali. Il-produttur esportatur spjega li dawk l-entrati kienu marbutin ma' korrezzjonijiet ta' fatturi u kienu dovuti għall-konfigurazzjoni tas-sistema kontabilistika tiegħu, li kull korrezzjoni għall-fattura jkollha ssir billi l-entrata inizjali tiġi bilanċjata kollha kemm hi b'entrata negattiva korrispondenti. Dan argumenta li l-kalkolu tal-valur normali mill-Kummissjoni ma qiesx il-konfigurazzjoni speċifika tas-sistema kontabilistika tiegħu u għaldaqstant ma kienx preċiż.

(50)

Il-Kummissjoni l-ewwel tinnota li, bi ksur tal-istruzzjonijiet fil-kwestjonarju tal-Kummisjoni, il-produttur esportatur niżżel dawk il-korrezzjonijiet bħala tranżazzjonijiet fil-lista minflok ma rrapporta l-entrati korrettivi fil-kolonna apposta fil-kwestjonarju tal-Kummissjoni. It-tieni,wara l-iżvelar finali, il-produttur esportatur ipprovda marġni ta' dumping rivedut, iżda mingħajr ma ppreżenta lista ta' tranżazzjonijiet domestiċi riveduta jew kalkolu ta' dumping rivedut. It-tielet, il-Kummissjoni tinnota li din l-allegazzjoni fil-verità tikkonċerna l-kwalità tad-dejta li l-produttur esportatur innifsu ppreżenta lill-Kummissjoni waqt li l-investigazzjoni kienet għaddejja. Ir-raba', il-kalkolu tal-valur normali, inkluża l-lista ta; tranżazzjonijiet domestiċi kif ippreżentata mill-produttur esportatur, kien żvelat kif dovut fl-istadju proviżorju tal-investigazzjoni. Madankollu, il-produttur esportatur ma għamel l-ebda kummet dwar dan il-kalkolu fil-kummenti tiegħu dwar l-iżvelar proviżorju. L-istess lista ta' tranżazzjonijiet domestiċi ntużat fil-kalkoli tad-dumping li ġew żvelati finalment. Il-produttur esportatur ma jispjegax għala ma setax iqajjem din il-kwistjoni fi stadju iktar bikri tal-investigazzjoni.

(51)

Minkejja dawn in-nuqqasijiet kollha fl-imġiba tal-produttur esportatur rigward din il-kwistjoni, il-Kummissjoni, bħala awtorità investigatriċi oġġettiva u imparzjali, analizzat din l-allegazzjoni, u kkonkludiet li l-kalkolu tal-valur normali kellu tassew jiġi kkoreġut biex jiġi evitat kwalunkwe għadd doppju possibbli. Wara l-iżvelar finali, l-esportatur ipprovda muftieħ ta' identifikazzjoni skont liema l-lista ta' tranżazzjonijiet tiegħu setgħet tiġi mgħarbla biex teskludi l-korrezzjonijiet kollha u jibqgħu biss l-entrati finali. Il-Kummissjoni applikat il-metodu tal-korrezzjoni tal-lista ssuġġerit mill-produttur esportatur wara l-iżvelar finali għad-dejta li kienet ġiet verifikata, u għaldaqstant aċċettat l-allegazzjoni kollha kemm hi.

(52)

Il-Kummissjoni bagħtet żvelar addizzjonali finali lill-partijiet interessati kollha fejn infurmathom dwar l-aċċettazzjoni tal-allegazzjoni u stiednet lill-partijiet kollha jikkummentaw.

(53)

Wara dan l-iżvelar addizzjonali, parti waħda qalet li l-iżvelar addizzjonali kompla jissottolinja n-nuqqasijiet fil-kooperazzjoni min-naħa tal-produtturi esportaturi Russi. Dik il-parti kompliet tgħid li l-iżvelar addizzjonali fil-fatt jissuġġerixxi li settijiet tad-dejta addizzjonali setgħu ġew injorati u ma kellhomx jiġu aċċettati. Il-Kummissjoni fil-fatt qajmet il-kwistjoni tal-kwalità tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni ppreżentati, iżda f'din l-istanza speċifika ddeċidiet li l-allegazzjoni setgħet tiġi aċċettata oġġettivament.

(54)

Wara l-iżvelar addizzjonali, il-produttur esportatur Russu qabel mal-prinċipju u d-daqs tal-korrezzjoni li l-Kummissjoni applikat għall-marġni tad-dumping tiegħu.

(55)

Il-produttur esportatur qal li hu kien ipprovda l-lista ta' tranżazzjonijiet domestiċi mat-tweġiba għall-kwestjonarju. Dan il-fatt mhuwiex jiġi disputat. Hija l-kwalità ta' dik is-sottomissjoni li qiegħda tiġi kontestata. Il-produttur esportatur kompla billi jgħid li hu ma kien ta l-ebda kumment dwar l-lista ta' tranżazzjonijiet imsemmija wara l-iżvelar proviżorju għax dak is-sett ta' dejta ma kellu l-ebda influwenza fuq il-kalkolu tal-marġni ta' dumping. Il-Kummissjoni tinnota li l-produttur esportatur kemm-il darba tenna allegazzjonijiet relatati mal-metodoloġija u aspetti tal-kalkolu li — kieku l-Kummissjoni kellha taċċettahom (quad non) — kienu jwasslu lill-Kummissjoni biex tuża s-sett ta' dejta. Għaldaqstant kien essenzjali għall-parti kkonċernata li tiżgura li s-sett ta' dejta żvelat fl-istadju proviżorju jkun korrett u li seta' jintuża sabiex jiġi kkalkolat il-marġni ta' dumping. Filwaqt li l-kumpanija qajmet il-kwistjoni tat-tħassir u l-entrati multipli li rriżultaw waqt iż-żjara ta' verifika, kien biss meta waslet l-iżvelar finali li l-iskala sħiħa tal-problema kienet ċara, li kien muri wkoll mill-impatt fuq il-kalkolu tal-marġni ta' dumping. Filwaqt li l-kumpanija tgħid li l-entrati mhumiex noti ta' kreditu, il-muftieħ ta' identifikazzjoni li wassal għall-identifikazzjoni ta' dawk l-entrati, ipprovdut mill-kumpanija nfisha, huwa msejjaħ “numru tan-nota' ta' kreditu”. Madankollu, il-Kummissjoni aċċettat l-allegazzjoni kollha kemm hi u l-kumpanija ma kkuntestatx il-kalkolu l-ġdid tal-marġni ta' dumping.

(56)

Produttur esportatur partikolari qal li l-Kimmissjoni, fil-kalkolu tal-ispejjeż BĠA, ma inkludietx id-dħul mir-rilaxx tar-riżervi, li saru qabel il-perjodu ta' investigazzjoni. Fil-fehma ta' dak il-produttur esportatur, il-Kummissjoni ma tużax l-istess kejl u tuża valutazzjoni asimetrika meta mqabbla mat-telf fuq ir-rivalwazzjoni tal-muniti barranin li l-Kummissjoni inkludiet.

(57)

Il-Kummissjoni tinnota li l-approċċ tagħha huwa konsistenti. L-ispejjeż BĠA ma jinkludux dħul jew spejjeż li jkollhom impatt fuq il-profitt tas-sena partikolari, li l-Kummissjoni sabet li hu relatat mal-operazzjonijiet barranin tal-produttur esportatur. Dan il-fatt ġie żvelat fl-iżvelar finali u ma kienx disputat mill-produttur esportatur. Għalhekk, il-Kummissjoni ma laqgħetx din it-talba.

2.2.3.   Prezz tal-esportazzjoni

(58)

Il-Kummissjoni investigat iktar il-bejgħ ta' wieħed mill-produtturi esportaturi li sar lil operatur tas-suq mhux relatat ibbażat fl-Iżvizzera kif deskritt fil-premessa 84 tar-Regolament proviżorju. Il-Kummissjoni indirizzat kemm lill-produttur esportatur kif ukoll lill-operatur tas-suq mhux relatat u għamlet ir-riċerka hi stess dwar il-kwistjoni biex tikseb iktar informazzjoni dwar ir-relazzjoni tagħhom.

(59)

Fis-sottomissjoni tagħha wara l-iżvelar proviżorju, l-Eurofer talbet lill-Kummissjoni teżamina bir-reqqa r-relazzjoni bejn il-produttur esportatur u l-operatur tas-suq Żvizzeru u biex tadatta l-kalkolu kif xieraq abbażi tar-riżultat ta' dan l-eżami.

(60)

Wara li evalwat ir-riżultati ta' dan l-eżami, il-Kummissjoni ddeċidiet li tqis li dan l-operatur tas-suq Żvizzeru mhuwiex relatat ma' dan il-produttur esportatur Russu. Il-Kummissjoni ma sabet l-ebda element li jsostni l-allegazzjoni li dawn il-partijiet kienu relatati waqt il-perjodu ta' investigazzjoni, u għaldaqstant irrifjutat din l-allegazzjoni.

(61)

Il-produttur esportatur ippreżenta wkoll informazzjoni addizzjonali li ppremettiet lill-Kummissjoni tikkoreġi l-bejgħ lil partijiet indipdendenti fl-Unjoni. Il-produttur esportatur preċedentement kien irrapporta dak il-bejgħ abbażi ta' fatturi interni f'rubli Russi. Dawn il-fatturi rriflettew il-valur oriġinali tal-bejgħ fil-muniti barranin, maqlubin permezz tar-rata ta' kuljum tal-kumpanija. Il-Kummissjoni kienet kapaċi tikkollega din is-sottomissjoni ġdida mal-informazzjoni verifikata fil-post. Din il-korrezzjoni wasslet għal tnaqqis żgħir fil-marġni ta' dumping meta mqabbel mal-kalkolu proviżorju.

(62)

Wara l-iżvelar proviżorja, il-produtturi esportaturi kkuntestaw l-applikabbiltà tal-aġġustamenti li saru għall-ispejjeż BĠA u l-profitt skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku għal bejgħ permezz tal-operaturi tas-suq/importaturi Żvizzeri relatati.

(63)

Fil-fehma tagħhom, l-aġġustamenti huma biss xierqa fuq bażi speċifika għat-tranżazzjoni fi tranżazzjonijiet fejn it-termini tal-bejgħ jeħtieġu li prodott jiġi konsenjat wara l-iżdoganar tal-merkanzija, jiġifieri fi tranżazzjonijiet li fihom il-parti relatata tkun l-importatur, bħal f'termini DDP. Fl-istess waqt dawn qalu li l-operaturi tas-suq/imporaturi relatati tagħhom ibbażati fl-Iżvizzera għandhom ikunu kkunsidrati parti min-netwerk ta' esportazzjoni tal-produttur.

(64)

Bi tweġiba għal dan il-Kummissjoni tikkonferma li aġġustament għall-ispejjeż BĠA u marġni ta' profitt raġonevoli skont it-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku għandu jkun applikat għal kull tip ta' tranżazzjoni ta' bejgħ permezz tal-operaturi tas-suq/importaturi relatati Żvizzeri.

(65)

Minkejja li l-kunsinna tal-prodotti għat-termini tat-tranżazzjonijiet irrapportati mill-produtturi esportaturi ssir qabel ir-rilaxx f'ċirkulazzjoni ħielsa tal-prodotti u anke jekk ir-responsabbiltà għall-iżdoganar tal-merkanzija tkun fuq ix-xerrej (meta mqabbel mat-tranżazzjonijiet skont it-termini DDP), dan ma jbiddilx il-fatt li l-bejgħ isir mill-operatur tas-suq/importatur relatat li jġarrab l-ispejjeż BĠA u li normalment ifittex li jagħmel profitt għas-servizzi tiegħu.

(66)

Fid-dawl tal-fatt li l-operatur tas-suq/importatur huwa relatat mal-produttur esportatur, l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku jimplika li d-dejta ta' operatur tas-suq/importatur bħal dan hija skont id-definizzjoni mhux affidabbli u li l-l-profitti għandhom jiġu stabbiliti mill-awtorità tal-investigazzjoni fuq bażi raġonevoli. Minbarra dan, l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku ma jipprekludix aġġustamenti li jsiru għal kostijiet imġarrba qabel l-importazzjoni, peress li dawk il-kostijiet normalment jiġġarrbu mill-operatur tas-suq/importatur. Għalhekk, il-Kummissjoni ma laqgħetx din it-talba.

(67)

Il-produtturi esportaturi tennew din it-talba wara l-iżvelar finali, mingħajr ma pprovdew xi informazzjoni ġdida dwar il-funzjonijiet tal-operaturi tas-suq/importaturi Żvizzeri. Il-Kummissjoni tinnota li l-pożizzjoni tagħha hija konformi mal-każistika tal-qrati tal-Unjoni. F'kull każ, il-fatt li l-kumpaniji relatati jwettqu biss ċerti funzjonijiet ma jżommx lill-Kummissjoni milli tagħmel aġġustamenti skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku iżda jista' jkun rifless f'ammont aktar baxx ta' BĠA li għandu jitnaqqas mill-prezz li bih il-prodott ikkonċernat jinbiegħ mill-ġdid l-ewwel lil xerrej indipendenti. Hija l-parti interessata li tixtieq tikkontesta l-ammont ta' aġġustamenti magħmul fuq il-bażi tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku li għandha l-oneru tal-prova. B'hekk, jekk dawn il-partijiet iqisu li l-aġġustamenti kienu eċċessivi jridu jagħtu evidenza u kalkoli speċifiċi li jiġġustifikaw dawk id-dikjarazzjonijiet. Madankollu, il-produtturi esportaturi ma taw l-ebda evidenza li jqajmu dubji dwar l-ispejjeż BĠA jew il-perċentwal ta' profitt użat. Għalhekk, il-Kummissjoni ma laqgħetx din it-talba.

2.2.4.   Paragun

(68)

Fil-kummenti li taw il-produtturi esportaturi ma qablux mal-użu tad-data tal-kuntratt ta' bejgħ/ordni ta' xiri biex il-bejgħ b'esportazzjoni f'muniti barranin jiġu maqluba għar-rubli Russi. Madankollu l-produtturi esportaturi qablu li dan jista' jistabbilixxi b'mod iktar xieraq it-termini materjali tal-bejgħ mid-data tal-fatturi, minkejja li argumentaw li sa issa l-Kummissjoni qatt ma kienet użat din l-għażla. Għalhekk, il-Kummissjoni ma laqgħetx din it-talba.

(69)

Il-produtturi esportaturi tennew dan wara l-iżvelar finali, u enfasizzaw li l-Kummissjoni tat dikjarazzjoni tar-raġunijiet li ma kinitx suffiċjenti biex tuża d-data tal-kuntratt/ordni ta' xiri. Barra minn hekk, huma allegaw li l-Kummissjoni missha użat ir-rata tal-kambju li kienet valida sa massimu ta' 60 jum qabel id-data tal-fattura, b'referenza għall-moviment sostenut fir-rati tal-kambju skont l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku.

(70)

Il-Kummissjoni ma tatx l-aġġustament ta' moviment sostnut f'dan il-każ, minħabba li r-rata ta' kambju EUR/RUB turi volatilità għolja iktar milli l-moviment sostenut lejn tmiem il-perjodu ta' investigazzjoni. Barra minn hekk, li kieku l-Kummissjoni applikat l-aġġustament għall-moviment sostenut fil-kuntest tad-deprezzament tal-munita tal-produttur esportatur dan inaqqas il-prezz tal-esportazzjoni u b'hekk jirriżulta f'marġni ta' dumping ogħla. Barra minn hekk, l-aġġustament tal-moviment sostenut jinħtieġ li jintuża biex jirrefletti l-moviment relatat fir-rata tal-kambju u mhux biex jimponi t-terminu preskrittiv massimu ta' 60 jum mid-data tal-fattura kif qegħdin jissuġġerixxu l-produtturi esportaturi. Għalhekk, il-Kummissjoni ma laqgħetx din it-talba.

(71)

Billi użat l-approċċ tad-data tal-kuntratt/ordni ta' xiri, il-Kummissjoni mminimizzat ħafna l-impatt tal-fluttwazzjonijiet fir-rata tal-kambju sinifikanti u imprevedibbli lejn tmiem il-perjodu ta' investigazzjoni. Il-Kummissjoni ma taqbilx mal-allegazzjoni tal-produtturi esportaturi li dan ikkostitwixxa bidla inġustifikata fil-metodoloġija. Il-Kummissjoni użat ir-rata tal-kambju tad-data tal-bejgħ, f'konformità sħiħa mal-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku u spjegat suffiċjentement ir-raġunijiet li għalihom f'dan il-każ id-data tal-kuntratt/ordni tax-xiri tistabbilixxi kif xieraq it-termini materjali tal-bejgħ. Għalhekk, il-Kummissjoni ma laqgħetx din it-talba.

2.2.5.   Marġnijiet tad-dumping

(72)

Filwaqt li jitqiesu l-bidliet fl-istabbiliment tal-valur normali stabbilit fil-premessi minn 37 sa 51 aktar 'il fuq u filwaqt li jiġu kkonfermata s-sejbiet l-oħra fil-premessi minn 65 sa 93 tar-Regolament proviżorju, il-marġnijiet ta' dumping definittivi, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Tabella 2

Marġnijiet tad-dumping, ir-Russja

Kumpanija

Marġni ta' dumping definittiv (%)

Magnitogorsk Iron & Steel Works OJSC

18,7

PAO Severstal

35,9

PJSC Novolipetsk Steel (7)

38,9

Il-kumpaniji l-oħra kollha

38,9

3.   DANNU

3.1.   Id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(73)

Parti interessata partikolari talbet tkun taf x'kienet il-pożizzjoni tal-ilmentaturi li ssuġġerew li r-riromblaturi ma ġewx inklużi fil-kalkoli. F'dan ir-rispett, huwa nnutat li l-kalkolu tal-produzzjoni totali fil-fatt inkluda l-volum ta' produzzjoni ta' riromblaturi. Il-kumment għalhekk ma ntlaqax.

(74)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tad-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u l-produzzjoni tal-Unjoni, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn 94 sa 98 tar-Regolament proviżorju huma ikkonfermati.

3.2.   Il-konsum tal-Unjoni

(75)

Bosta partijiet ippreżentaw li, fost l-oħrajn, il-konsum kellu jiġi analizzat kumplessivament billi jiġi kkombinat il-konsum tas-suq magħluq u l-konsum tas-suq ħieles.

(76)

F'dan ir-rigward, fit-tabella 5 u t-tabella 6 tar-regolament proviżorju, l-iżvilupp tal-konsum fis-suq magħluq u fis-suq miftuħ kien irrapportat u spjegat. Billi dawn iż-żewġ tabelli ġew magħquda, il-konsum kumplessiv (li allura jinkludi s-suq magħluq u dak miftuħ) evolva kif ġej tul il-perjodu taħt konsiderazzjoni:

Tabella 3

Konsum kumplessiv (suq magħluq u miftuħ) (tunnellati)

 

2011

2012

2013

2014

PI

Konsum kumplessiv

36 961 744

34 375 474

36 277 064

37 461 260

37 306 302

Indiċi (2011 = 100)

100

93

98

101

101

Sors: Tweġiba verifikata għall-kwestjonarju tal-Eurofer, u l-Eurostat.

(77)

It-tabella ta' hawn fuq turi li wara tnaqqis qawwi fil-konsum fl-2012, il-konsum kumplessiv żdied sa livell li kien ftit ogħla fil-perjodu ta' investigazzjoni milli fil-bidu tal-perjodu taħt konsiderazzjoni. Din ix-xejra hija spjegata miż-żieda fil-konsum ristrett li, f'termini assoluti, kien iktar b'saħħtu mit-tnaqqis fil-konsum tas-suq ħieles.

(78)

Parti interessata partikolari indikat li d-dikjarazzjoni li l-użu ristrett mhuwiex f'kompetizzjoni mal-importazzjonijiet ma għandhiex spjegazzjoni raġunata. Din il-parti temmen li jekk l-importazzjonijiet ikunu disponibbli bi prezz kompetittiv, il-produtturi tal-Unjoni jużawhom. L-użu ristrett, għalhekk, għandu jitqies.

(79)

F'dan ir-rispett, huwa nnutat li ekonomikament ma jagħmilx sens li produtturi integrati jixtru prodotti minn kompetituri li huma destinati għall-produzzjoni iktar 'l isfel fil-katina ta' attivitajiet meta jkun hemm il-kapaċità disponibbli biex jiġu manifatturati tali prodotti. Infatti, f'settur intensiv fil-kapital bħall-azzar, ir-rati ta' utilizzazzjoni tal-kapaċità jinħtieġ li jinżammu fl-ogħla livell sabiex il-kostijiet fissi jiġu dilwiti u l-kostijiet tal-produzzjoni jinżammu fl-iktar livelli baxxi. Fuq din il-bażi, l-argument fil-premessa 78 għandu jiġi rrifjutat.

(80)

Ċerti partijiet interessati rritornaw għall-kwistjoni tal-konsum fil-kummenti tagħhom li segwew l-iżvelar definittiv. Xi partijiet qalu li s-swieq magħluqa u miftuħa ma kinux ġew analizzati jew spjegati kif xieraq. Madankollu, kif spjegat fil-premessi minn 103 sa 106 tar-Regolament proviżorju huwa ċar li l-konsum ta' kull suq kien differenti u rrefletta l-prestazzjoni tal-industriji iktar 'l isfel fil-katina ta' attivitajiet involuti. Is-suq magħluq żdied minħabba l-iżvilupp ta' setturi bħal dak tal-karozzi. F'kuntrast, is-setturi prinċiparjament ġenerali li jiġu forniti permezz tas-suq ħieles żviluppaw inqas. L-allegazzjoni li s-swieq ħielsa u magħluqa ma ġewx analizzati kif suppost ġiet rifjutata.

(81)

Fin-nuqqas ta' kummenti ulterjuri fir-rigward tal-konsum tal-Unjoni, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn 99 sa 106 tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

3.3.   Importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

3.3.1.   Valutazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

(82)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħrajn fir-rigward tal-valutazzjoni kumulattiva tal-effetti ta' importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn 107 sa 111 tar-Regolament proviżorju huma ikkonfermati.

3.3.2.   Il-volum, is-sehem mis-suq u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

(83)

Kif imsemmi fuq, ċerti partijiet qalu li s-sitwazzjoni kumplessiva li tinkludi kemm is-suq magħluq kif ukoll dak ħieles kellha tiġi analizzata b'rispett tal-indikaturi varji. F'dak li għandu x'jaqsam mas-sehem mis-suq, huwa nnutat li, fid-dawl tan-nuqqas ta' kompetizzjoni bejn il-konsum ristrett (bejgħ) u l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, u fid-dawl tal-ispeċifiċità tas-suq downstream magħluq, ma hija mniżżla l-ebda analiżi tas-sehem mis-suq espress bħala perċentwal tal-konsum kumplessiv hawn. Dan huwa wkoll konformi mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qrati tal-Unjoni (8).

(84)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn 112 sa 114 tar-Regolament proviżorju huma ikkonfermati.

3.3.3.   Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati u t-twaqqigħ tal-prezz

(85)

Huwa nnutat l-ewwel li wara żball klerikali, il-kwantitajiet mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni kellhom jiġu kkoreġuti. Minħabba li dan l-iżball ma kellu l-ebda impatt materjali fuq il-prezzijiet medji, kellu impatt negliġibbli fuq il-marġnijiet kalkulati.

(86)

Parti partikolari qalet li l-perċentwal li żdied mal-valur CIF biex ikopri l-kostijiet ta' wara l-importazzjoni għandu jiġi rikalkulat abbażi ta' ammont kull tunnellata. Din id-dikjarazzjoni ġiet milqugħa u l-kalkoli ġew aġġustati skont dan, b'impatt marġinali fuq il-marġnijiet.

(87)

Il-marġnijiet ta' twaqqigħ fil-prezz definittivi għaldaqstant ġew riveduti u jammontaw, rispettivament, għal 8,1 % u 15,1 % għar-RPĊ u r-Russja.

(88)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħrajn fir-rigward tal-volum, is-sehem mis-suq, u l-prezz tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, u bl-eċċezzjoni tal-marġni ta' twaqqigħ fil-prezz kif spjegat fil-premessa 87 fuq, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn 115 sa 119 tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

3.4.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

3.4.1.   Metodoloġija

(89)

Bosta partijiet ippreżentaw kummenti fir-rigward tal-metodoloġija użata biex tiġi analizzata s-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni. B'mod partikolari, il-partijiet indikaw li minkejja d-daqs kbir tas-suq magħluq, l-analiżi ekonomika fil-biċċa l-kbira tagħha eskludiet dan is-suq u li l-konklużjonijiet kienu bbażati biss fuq is-sejbiet li saru dwar is-suq ħieles. B'mod partikolari, dawn il-partijiet qalu li l-prezz tal-bejgħ u l-profittabbiltà fuq is-suq magħluq kellhom jiġu analizzati separatament. Qalu wkoll li kellha tiġi analizzata s-sitwazzjoni kumplessiva li tinkludi kemm is-suq magħluq kif ukoll dak ħieles u li tali analiżi kellha twassal għall-konklużjoni li ma hemmx ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

(90)

F'dan ir-rispett u kif spjegat fil-premessa 123 tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni analizzat is-suq magħluq u dak ħieles u l-prestazzjoni kumplessiva tal-industrija tal-Unjoni separatament, fejn applikabbli. Sa fejn għandu x'jaqsam mas-suq magħluq, il-biċċa l-kbira minnu hija reltata mat-trasferimenti ristretti f'i ħdan entità ġuridika fejn ma tinħariġx fattura u għaldaqstant ma jeżisti l-ebda prezz tal-bejgħ. Fil-każ ta' bejgħ ristrett bejn entitajiet relatati kien evidenti li fid-dawl tal-politiki tal-prezz tat-trasferiment differenti applikabbli fost il-produtturi varji kampjunati, ma setgħet titwettaq l-ebda analiżi sinifikattiva tal-indikaturi tal-prezz u l-profittabbiltà. Min-naħa l-oħra, kien possibbli li tiġi analizzata l-evoluzzjoni tal-volum tal-konsum ristrett, u twettqet analiżi. Għas-suq ħieles ġew analizzati l-kost tal-unità tal-produzzjoni, il-prezz tal-bejgħ, il-volum tal-bejgħ u l-profittabbiltà. Fejn hija konċernata l-attività kumplessiva li tkopri s-swieq magħluqa u ħielsa, li huma wkoll konnessi bejniethom, ġew analizzati bosta indikaturi bħall-volum ta' produzzjoni, il-kapaċità, l-utilizzazzjoni tal-kapaċità, l-impjiegi, il-produttività, il-ħażna, il-kost tax-xogħol, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investiment.

(91)

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, l-allegazzjoni li l-analiżi tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni hija bbażata biss fuq is-suq ħieles u li kellha tinkludi analiżi tal-attività ristretta u kumplessiva għandha tiġi rrifjutata. L-aspetti sinifikattivi kollha li jkopru l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika f'tali swieq meta meqjusin waħedhom jew aggregati ġew analizzati.

(92)

Parti partikolari qalet li l-analiżi tas-suq ħieles kellha tinkludi l-analiżi ta' indikaturi oħrajn bħall-produzzjoni, il-ħażna, u l-fluss tal-flus għas-suq ħieles biss. Hija kkonkludiet li l-analiżi ma tagħtix is-sitwazzjoni attwali reali tal-ħsara allegata.

(93)

F'dan ir-rispett, huwa nnutat li l-analiżi ta' indikaturi tal-ħsara oħrajn għas-suq ħieles biss ma kinitx prattika minħabba r-relazzjoni mill-qrib bejn l-attivitajiet tas-suq magħluq u dak ħieles. Barra minn hekk, tali analiżi ma kinitx se twassal għal xi konklużjonijiet sinifikattivi. Bħala konsegwenza, din l-allegazzjoni kellha tiġi rrifjutata.

(94)

Wara l-iżvelar definittiv, ċerti produtturi esportaturi marru lura għal din il-kwistjoni fil-kummenti tagħhom. Dawn qalu li l-metodoloġija adottata biex jiġu analizzati s-swieq magħluqa u ħielsa wrew ksur tal-prinċipju ta' eżami ġust u oġġettiv. Madankollu, is-swieq magħluqa u miftuħa ġew eżaminati kull fejn possibbli u kull fejn kien hemm dejta sinifikattiva, u saret ukoll valutazzjoni kumulattiva kull fejn xieraq. Għaldaqstant ġie muri ċarament li l-konklużjoni dwar il-ħsara saret permezz ta' valutazzjoni bi tliet viji (is-swieq miftuħa u magħluqa u analiżi kumulattiva) bl-użu tad-dejta relevanti kollha. Meta ma kinitx possibbli valutazzjoni, ġew imsemmija wkoll ir-raġunijiet sottostanti.

(95)

Barra minn hekk, minħabba din il-metodoloġija komprensiva l-punti mqajma mill-produtturi esportaturi huma marbutin ma' kwistjonijiet ta' preżentazzjoni iktar milli ta' sustanza, minħabba li d-dejta relevanti kollha ġiet ippreżentata. Id-dejta ppreżentati turi li l-volumi ta' bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-swieq miftuħa u magħluqa żdied bi ftit inqas minn 1 %, iżda din il-bidla hija inqas mit-tkabbir fil-konsum f'dawk is-swieq. F'dak li għandu x'jaqsam mal-prezzijiet u l-profittabbiltà fis-suq tal-Unjoni, dawn huma relevanti biss jekk il-prezzijiet huma tal-bejgħ bejn partijiet mhux relatati. Ma hemmx prezzijiet tal-bejgħ għal trasferimenti ristretti u l-ebda prezzijiet tal-bejgħ kredibbli għall-bejgħ ristrett, għar-raġunijiet diġà msemmija fil-premessa 142 tar-regolament proviżorju. Għaldaqstant l-ebda analiżi sinifikattiva ma setgħet issir dwar il-profittabbiltà tas-suq magħluq. F'dak li għandu x'jaqsam mal-kost tal-produzzjoni, ta' min ifakkar li l-evoluzzjoni ta' dan l-indikatur fuq is-suq ħieles kienet analizzata, minkejja li r-Regolament bażiku ma kienx jeħtieġha speċifikament. L-evoluzzjoni tal-kost ta' produzzjoni fis-suq magħluq ma kinitx analizzata għar-raġunijiet imsemmija fl-istess premessa.

(96)

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, ġie muri ċarament li l-konklużjoni dwar il-ħsara saret permezz ta' valutazzjoni bi tliet viji (is-swieq miftuħa u magħluqa u analiżi kumulattiva) bl-użu tad-dejta relevanti kollha. L-allegazzjoni li sar ksur tal-prinċipju ta' eżami ġust u oġġettiv hija rrifjutata.

(97)

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq u fin-nuqqas ta' kummenti ulterjuri dwar din il-kwistjoni, il-metodoloġija biex tiġi vvalutata s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kif deskritt fil-premessi minn 120 sa 123 tar-Regolament proviżorju hija b'dan ikkonfermata.

3.4.2.   Indikaturi makroekonomiċi

3.4.2.1.   Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-utilizzazzjoni tal-kapaċità

(98)

Parti interessata partikolari indikat li kien hemm ċaqliq tal-fokus mill-industrija tal-Unjoni mis-suq ħieles għal dak magħluq u li l-industrija tal-Unjoni saret iktar interessata li tbigħ fis-suq magħluq, li fih jinbiegħu prodotti b'valur miżjud ogħla.

(99)

F'dan ir-rigward, huwa nnutat li l-industrija tal-Unjoni ma tiddeċidix b'mod indipendenti tiffukax fuq is-suq magħluq jew dak miftuħ. Għall-kuntrarju, is-suq ta' prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ qiegħed jiġi misjuq mid-domanda u mhux mill-provvista, kif muri mill-kapaċità disponibbli tal-produtturi tal-Unjoni. L-industrija tal-Unjoni ma ddeċidietx li tiffoka fuq is-suq magħluq iżda tilfet is-sehem mis-suq u l-volumi tal-bejgħ fis-suq ħieles minħabba d-disponibbiltà kbira u miżjuda ħafna ta' importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati. Ma kien hemm l-ebda kwistjoni bħal din fis-suq magħluq. L-argument għandu għalhekk jiġi rifjutat.

(100)

L-istess parti interessata qalet li t-titjib tal-utilizzazzjoni tal-kapaċità mhuwiex marbut ma' tnaqqis fil-kapaċità iżda ma' żieda fil-volum ta' produzzjoni.

(101)

F'dan ir-rispett huwa nnutat li, minkejja ż-żieda fl-utilizzazzjoni tal-kapaċità mhijiex marbuta biss mat-tnaqqis fil-kapaċità minħabba li l-volum tal-produzzjoni żdied ukoll, it-tnaqqis fil-kapaċità huwa bil-kif l-ikbar kawża taż-żieda fl-utilizzazzjoni tal-kapaċità. Meta wieħed iħares lejn iċ-ċifri assoluti, il-volum ta' produzzjoni żdied biss bi 337 348 tunnellata, filwaqt li l-kapaċità naqset b'1 873 141 tunnellata. Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, l-allegazzjoni kellha tiġi rifjutata.

(102)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħra, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn 124 sa 126 tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

3.4.2.2.   Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

(103)

Il-produtturi esportaturi Russi qalu li t-tnaqqis fil-volum tal-bejgħ ma jistax jitqies bħala evidenza ta' ħsara minħabba li dan kien, b'mod wiesa', fuq il-linji tat-tnaqqis fil-konsum fil-perjodu kkunsidrat. Dawn argumentaw li t-tnaqqis kien marbut mal-waqa' fil-prezzijiet tal-komoditajiet globali li wasslu għal prezzijiet iktar baxxi tal-prodott ikkonċernat, il-volum li qiegħed jiżdied minn pajjiżi terzi mill-2012 'il hawn u l-importazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni tal-prodott ikkonċernat.

(104)

F'dan ir-rispett huwa nnutat li d-differenza bejn it-tnaqqis fil-prezzijiet (– 14 %) u l-konsum (– 9 %) ma tistax titqies bħala insinifikanti. Barra minn dan, it-tnaqqis fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi globali ma jistgħux jitqiesu bħala raġuni valida għat-tnaqqis fil-volum tal-bejgħ minħabba li dawn l-elementi, jiġifieri l-prezz tal-prodott bażiku u l-volumi tal-bejgħ mhumiex marbutin direttament flimkien. Barra minn hekk, kull tnaqqis fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi jkun japplika kemm għall-industrija tal-Unjoni u għall-importazzjonijiet. F'dak li għandu x'jaqsam mal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, ix-xejra għandha tiġi analizzata tul il-perjodu kkunsidrat, u mhux minn nofsu. F'dan il-kuntest, huwa nnutat li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi naqsu kemm f'termini assoluti (– 206 571 tunnellata) u relattivi (minn 10,9 % għal 9,1 % tas-sehem mis-suq). Barra minn hekk, f'dak li għandu x'jaqsam mal-importazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni mill-pajjiżi kkonċernati, huwa nnutat li tali xiri kien stabbli fil-perjodu kkunsidrat u rrappreżenta inqas minn 1 % tal-fatturat totali tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. Fuq il-bażi ta' dak imsemmi hawn fuq, din it-talba ġiet irrifjutata.

(105)

F'dak li jirrigwarda s-sehem mis-suq, l-istess partijiet saqsew kif il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet b'mod proviżorju li t-tnaqqis fis-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni (minn 74,8 % għal 70,8 %) kien jindika l-ħsara filwaqt s-sehem mis-suq ta' 5,4 % li kellhom l-importazzjonijiet mill-Indja, l-Iran u l-Ukrajna ma kienx kapaċi jikser ir-rabta kawżali bejn l-allegata ħsara u l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati.

(106)

F'dan ir-rigward ta' min jinnota li s-sehem mis-suq tal-pajjiżi msemmija hawn fuq jinħtieġ li jkun analizzat tul il-perjodu kkunsidrat u mhux billi jkun hemm iffukar fuq perjodu speċifiku ta' sena. Għalhekk isegwi li s-sehem mis-suq li kellhom l-importazzjonijiet mill-Indja, l-Iran u l-Ukrajna żdied minn 4 % għal biss 5,4 % tul il-perjodu kkunsidrat, jiġifieri b'1,4 % punt perċentwali filwaqt kif issemma fil-premessa 105 hawn fuq, l-importazzjonijiet totali minn pajjiżi terzi naqsu minn 10,9 % għal 9,1 % għall-benefiċċju tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati. Isegwi minn dan ta' hawn fuq li t-tnaqqis fis-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni ma jistax jitqabbel sensu stricto mas-sehem mis-suq miżmum mill-pajjiżi msemmija hawn fuq u li dan it-tnaqqis jista' jiġi meqjus li jindika ħsara. Fuq il-bażi ta' dak imsemmi hawn fuq, din it-talba ġiet irrifjutata.

(107)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħra, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn 127 sa 132 tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

3.4.2.3.   L-impjiegi, il-kost tal-manodopera, u l-produttività

(108)

Parti interessata partikolari indikat li t-tnaqqis fl-impjiegi ma għandux jiġi kollegat mal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati, iżda mal-immodernizzar tat-tagħmir li wassal għall-impjieg ta' persunal iktar imħarreġ u li rriżulta għal kost tal-manodopera ogħla.

(109)

F'dan ir-rispett, huwa nnutat li l-allegazzjonijiet li saru fir-rigward tal-immodernizzar tat-tagħmir u r-reklutaġġ ta' persunal iktar imħarreġ mhumiex sostnuti mill-evidenza u għaldaqstant jinħtieġ li jiġu rifjutati.

(110)

Parti interessata oħra esprimiet dubji dwar ix-xejra opposta li kellhom l-impjiegi (– 10 %) u l-kost tal-manodopera (+ 11 %) tul il-perjodu kkunsidrat. Din il-parti saqsiet ukoll jekk l-evoluzzjoni kinitx tapplika għas-suq magħluq kif ukoll għal dak miftuħ.

(111)

F'dan ir-rispett, issir referenza għall-premessa 144 tar-Regolament proviżorju, li tipprevedi li ż-żieda fil-kost tal-manodopera kienet fil-fatt kollegata ma' tnaqqis aħrax fl-impjiegi li wassal biex ikun hemm ħlasijiet ta' terminazzjoni, li b'konsegwenza wasslu għal inflazzjoni tal-kost tal-manodopera għal kull FTE. Huwa nnutat ukoll li t-tnaqqis fl-impjiegi ma kienx marbut esklussivament mal-persunal fis-suq ħieles jew dak magħluq, iżda li affettwa l-impjiegi b'mod ġenerali, minħabba li l-prodotti destinati għas-suq magħluq jew miftuħ huma magħmulin mill-istess ħaddiema bl-istess tagħmir. Fuq il-bażi ta' dak imsemmi hawn fuq, din it-talba ġiet irrifjutata.

(112)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħra, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn 133 u (134) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

3.4.2.4.   L-inventarji, il-kobor tal-marġni tad-dumping, it-tkabbir, il-prezzijiet, il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti

(113)

Fin-nuqqas ta' kummenti dwar l-inventarji, il-kobor tal-marġni tad-dumping, it-tkabbir, il-prezzijiet, il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti, il-konklużjonijiet miktuba fil-premessi minn 135 sa 151 tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

3.4.3.   Konklużjoni dwar il-ħsara

(114)

Bosta partijiet interessati indikaw li l-analiżi tal-ħsara kienet ibbażata biss fuq l-iżvilupp negattiv tal-indikaturi fis-suq ħieles u li l-konklużjonijiet ta' tali analiżi ma kinux biżżejjed biex jiġġustifikaw li l-Unjoni, kumplessivament, sofriet ħsara materjali.

(115)

F'dan ir-rigward, kif indikat fil-premessa 96, ta' min ifakkar li l-Kummissjoni ma llimitatx l-analiżi tagħha għas-suq ħieles b'mod partikolari iżda, fejn applikabbli, analizzat u kkonkludiet dwar l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni meħuda kumplessivament, u dwar is-suq magħluq b'mod partikolari.

(116)

Barra minn hekk, ta' min jinnota li l-konklużjoni li l-industrija sofriet ħsara materjali mhijiex ibbażata biss fuq l-iżvilupp negattiv tal-indikaturi mikro u makro fis-suq ħieles. Filwaqt li huwa veru li ċerti indikaturi mikro u makro juru żvilupp negattiv fis-suq ħieles, indikaturi oħrajn marbutin mal-prestazzjoni ġenerali tal-industrija tal-Unjoni bħall-impjiegi, il-kost tal-manodopera għal kull FTE, l-investimenti u r-redditu fuq l-investiment, ukoll juru deterjorament tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Meta jiġi kkunsidrat id-daqs rispettiv tas-suq ħieles u dak magħluq, huwa nnutat li l-iżvilupp pożittiv tal-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fis-suq magħluq (fir-rigward ta' ċerti indikaturi) ma kienx biżżejjed biex jisboq il-prestazzjoni negattiva fis-suq ħieles, kif huwa muri mill-iżvilupp negattiv tal-indikaturi msemmija hawn fuq marbutin mal-attività kumplessiva. Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, din l-allegazzjoni għandha tiġi rifjutata.

(117)

Abbażi tal-analiżi tal-kummenti, kif imqassra fil-premessi minn 73 sa 115 iktar 'il fuq, il-konklużjonijiet imniżżla fil-premessi minn 152 sa 155 tar-Regolament proviżorju huma b'dan ikkonfermati.

4.   KAWŻALITÀ

(118)

Bosta partijiet interessati allegaw li l-ħsara ma tistax tiġi attribwita għall-importazzjonijiet oġġetti ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati u li kien hemm fatturi oħrajn li qegħdin jiksru r-rabta ta' kawżalità. Xi wħud mill-allegazzjonijiet kienu sempliċiment repetizzjoni tal-allegazzjonijiet li ġew ippreżentati fl-istadju proviżorju, mingħajr elementi ġodda. Il-kumment l-ġodda huma analizzati hawn taħt.

4.1.   L-irkupru tal-ekonomija Ewropea

(119)

Parti interessata partikolari kkontestat l-eżistenza ta' proċess ta' rkupru bil-mod wara l-kriżi tal-2012 u qalet li l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati ma kinux żammew lill-industrija tal-Unjoni milli tibbenefika minn tali rkupru. Fis-sustanza, huma allegaw li n-nuqqas ta' rkupru mill-kriżi tal-2012 kien ikkawżat mill-allegata domanda baxxa kontinwa għal prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ.

(120)

L-ewwel, għandu jiġi nnutat li l-konsum bejn l-2012 u l-perjodu ta' investigazzjoni żdied b'4,4 % li, minkejja li ma laħaqx il-livell tal-2011, jista' jitqies bħala sinjal ta' rkupru bil-mod. F'dak li għandu x'jaqsam mal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, ta' min jinnota li f'kuntest ta' rkupru bil-mod, sehemhom mis-suq żdied minn 13,5 % fl-2012 għal 18,7 % fl-2013, u saħansitra sa 20,1 % fil-perjodu ta' investigazzjoni. Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, l-allegazzjoni għandha tiġi rifjutata.

4.2.   Investimenti, il-kapaċità u ż-żieda fil-produzzjoni

(121)

L-istess parti interessata allegat li l-industrija tal-Unjoni kienet għamlet deċiżjonijiet kummerċjali ħżiena bla ma kienet taf billi għamlet investimenti għoljin fl-2011 u l-2012 u billi żiedet il-kapaċità fl-2011.

(122)

Rigward dan il-punt, ta' min ifakkar li l-investigazzjoni ffukat l-analiżi tagħha fuq l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni fil-perjodu 2011-perjodu ta' investigazzjoni. Għaldaqstant, iż-żieda fil-kapaċità li seħħet bejn l-2010 u l-2011 ma tistax titqies li hija parti mill-ambitu tal-analiżi. Barra minn hekk, huwa nnutat li l-allegazzjoni li l-industrija tal-unjoni għamlet investimenti li kienu allegatament għoljin fl-2011 u l-2012 mhi sostnuta mill-ebda evidenza fattwali. Eventwalment, huwa nnutat li l-investimenti li saru mill-industrija tal-Unjoni li ġiet kampjunata waqt il-perjodu kkunsidrat irrappreżentaw inqas minn 2,5 % tal-assijiet netti tagħhom u kienu prinċiparjament investimenti ta' sostituzzjoni u razzjonalizzazzjoni. Fid-dawl tal-livell tal-investimenti u n-natura tagħhom, tali investimenti ma jistgħux jitqiesu li huma sinifikanti biżżejjed biex ikollhom effett fuq il-prestazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-pretensjoni jkollha tiġi riġettata.

(123)

Wara l-impożizzjoni ta' miżuri proviżorji u wkoll wara l-iżvelar finali, xi partijiet interessati argumentaw li ma kinux l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati li wasslu għall-ħsara, iżda li l-kaġun tal-ħsara kien il-volum ta' produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni fi żmien fejn il-konsum kien qiegħed nieżel.

(124)

F'dan ir-rigward u kif indikat fil-premessa 152 tar-Regolament proviżorju ta' min ifakkar li l-industrija tal-Unjoni żiedet il-volum tal-produzzjoni tagħha sabiex tissodisfa ż-żieda fil-konsum ristrett. Minħabba li l-industrija tal-Unjoni fil-biċċa l-kbira tipproduċi skont l-ordnijiet kif ikkonfermat mil-livelli ta' ħażna pjuttost baxxi (ara l-premessa 136 tar-Regolament proviżorju), tali żieda ma tistax titqies li hija l-kawża tal-ħsara. Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, l-allegazzjoni għandha tiġi rifjutata.

4.3.   Il-prezzijiet tal-materja prima

(125)

Bosta partijiet interessati ddisputaw il-konklużjonijiet li saru dwar l-impatt tal-prezzijiet tal-materja prima li kienu għan-niżla fuq il-prezzijiet miżmuma mill-industrija tal-Unjoni. L-ewwel, dawn ikkontestaw li t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-importazzjoni kien iktar baxx mit-tnaqqis fil-prezzijiet tal-materja prima u taw l-eżempju tal-mineral tal-ħadid. Fil-preżentazzjoni tagħha, din il-parti indikat li l-prezz tal-mineral tal-ħadid (RMB/tunnelleta) kien naqas b'39 % fil-perjodu kkunsidrat. It-tieni, dawn qalu li l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessi minn 171 sa 175 tar-Regolament proviżorju ma rribattietx l-allegazzjoni li l-prezzijiet tal-materja prima li kienu neżlin kienu wasslu għal waqgħa fil-prezzijiet tal-prodott taħt investigazzjoni, u li l-Kummissjoni ma kinitx tat il-piż xieraq lit-tnaqqis globali fil-prezz tal-materja prima.

(126)

F'dan ir-rispett, l-ewwel huwa mfakkar li l-prezzijiet tal-importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati naqsu b'medja ta' 20 % tul il-perjodu kkunsidrat, li huwa ogħla mit-tnaqqis fil-kost tal-produzzjoni għall-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, f'dak li għandu x'jaqsam mal-mineral tal-ħadid u wara l-konverżjoni tal-informazzjoni dwar il-prezz ippreżentat minn RMB għal EUR/tunnelleta, jidher li l-prezzijiet tal-mineral tal-ħadid naqsu biss b'madwar 31 % tul il-perjodu kkunsidrat. Jekk wieħed jassumi konservattivament li s-sehem tal-mineral tal-ħadid ikun jammonta għal 35 % tal-kostijiet fil-pajjiżi kkonċernati, it-tnaqqis fil-prezz tal-materja prima jista' jwassal biss għal inqas minn tnaqqis fil-prezz ta' madwar 11 %, meta, kif spjegat fuq, il-prezzijiet tal-importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati naqas b'20 %.

(127)

F'dak li għandu x'jaqsam mat-tieni allegazzjoni, ta' min wieħed jinnota li l-Kummissjoni ma eskludietx il-fatt li t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-materja prima affettwa l-prezz tal-prodott investigat waqt il-perjodu kkunsidrat. Madankollu, hija argumentat li l-prezz tal-prodott investigat fl-Unjoni ma kienx isegwi xerja tal-prezzijiet dinjija waħda li bażikament tirrefletti l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-materja prima. Barra minn hekk, il-Kummissjoni analizzat fatturi oħra li jkollhom influwenza fuq il-prezzijiet, jiġifieri d-differenzi reġjonali u l-kapaċitajiet żejda. Hija indikat ukoll li jekk il-prezz tal-prodott ikkonċernat ma kiex naqas iktar mit-tnaqqis fil-prezzijiet tal-materja prima, il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq kienu jibqgħu ġusti u l-industrija tal-Unjoni kienet tkun kapaċi tiġbor il-benefiċċji ta' tnaqqis fil-kostijiet u terġa' tibda tagħmel profitt. Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, l-allegazzjonijiet imsemmija qabel għandhom jiġu rifjutati.

(128)

Ċerti produtturi esportaturi marru lura għal din il-kwistjoni fil-kummenti tagħhom fuq l-iżvelar definittiv. Madankollu, ma sar l-ebda argument ġdid.

4.4.   L-importazzjonijiet magħmula mill-industrija tal-Unjoni

(129)

Parti interessata partikolari qalet li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-industrija tal-Unjoni ma ngħatawx biżżejjed piż fil-valutazzjoni tal-kawżalità tal-Kummissjoni, u li dan wassal għal valutazzjoni tal-kawżalità mhux kompluta u mhux akkurata.

(130)

Kif indikat fil-premessa 104 fuq, l-importazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni mill-pajjiżi kkonċernati kienu stabbli fil-perjodu kkunsidrat u rrappreżentaw inqas minn 1 % tal-fatturat totali tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, kif indikat fil-premessa 191 tar-Regolament proviżorju, dan ix-xiri sar minn fergħat ta' kummerċ liberi li jixtru l-prodotti tal-azzar irrumblat ċatt fil-kiesaħ minn bosta sorsi. Dawn il-fergħat ta' kummerċ għandhom l-inċentiv li joffru l-irħas materjal possibbli biex iżommu r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom. Fid-dawl tal-volumi baxxi involuti u l-fatt li tali volumi ma żdidux tul il-perjodu kkunsidrat, huwa meqjus li l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati ngħataw il-piż meħtieġ. Din id-dikjarazzjoni għalhekk trid tiġi rrifjutata.

(131)

Ċerti produtturi esportaturi marru lura għal din il-kwistjoni fil-kummenti tagħhom li segwew l-iżvelar definittiv u argumentaw li l-Kummissjoni kienet interpretat in-numri mill-ġdid biex tiġġustifika s-sejba ta' ħsara billi vvalutat mill-ġdid il-proporzjon li l-importazzjonijiet kienu jirrappreżentaw bħala perċentwal tal-bejgħ totali. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma rrinterpretatx iċ-ċifri iżda tat ċifra iktar preċiża (inqas minn 1 %) mill-firxa usa' miktuba fir-Regolament proviżorju (0 %–5 %).

4.5.   L-eżistenza ta' ftehim li qabel kien applikabbli fuq il-kummerċ f'ċerti prodotti tal-azzar bejn ir-Russja u l-Unjoni

(132)

L-istess partijiet interessati, wara l-iżvelar proviżorju u wkoll wara l-iżvelar definittiv, tennew l-argument li l-importazzjonijiet Russi kienu għadhom fil-kwoti mhux ta' ħsara stabbiliti fil-ftehim applikabbli preċedentement dwar il-kummerċ ta' ċerti prodotti tal-azzar bejn ir-Russja u l-Unjoni. B'mod partikolari, hi ma qablitx mal-konklużjoni li l-livell tal-kwota kien “għoli wisq” u indikat li kien hemm trikkib sinifikanti bejn il-prodott li huwa fl-ambitu ta' din l-investigazzjoni u l-kategorija ta' “prodotti oħrajn irrumblati ċatti” (kif definit fil-ftehimiet).

(133)

F'dan ir-rispett huwa mfakkar li l-ftehim imsemmi hawn fuq intemm qabel il-perjodu ta' investigazzjoni, jiġifieri fit-22 ta' Awwissu 2012 wara l-adeżjoni tal-Federazzjoni Russa fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Barra minn hekk, huwa nnutata li l-ftehim ma ppreveda l-ebda dispożizzjoni marbuta mal-indiċjar tal-kwota tal-importazzjoni mal-evoluzzjoni annwali attwali tad-domanda / konsum. Fi kliem ieħor, suq li qiegħed jinxtorob ma jirriżultax f'addattament korrispondenti tal-kwoti. B'mod iktar b'saħħtu, l-Artikolu 10 tal-ftehim imsemmi fuq ippreveda li l-kwantitajiet jinħtieġ li jiżdied b'2,5 % f'kull grupp ta' prodotti ma' kull tiġdid annwali. Għaldaqstant mhuwiex sorprendenti li l-kwota għall-grupp ta' prodotti inklużi l-prodotti koperti b'din l-investigazzjoni ma ntlaħqet qatt tul il-perjodu tal-eżistenza tal-ftehim.

(134)

Fid-dawl ta' dan, jidher li l-kwoti msemmija fl-annessi għal tali ftehimiet annwali huma skonnessi mir-realtà tas-suq u l-evoluzzjoni tal-konsum, minħabba li l-kwota kienet tiġi awtomatikament aġġustata 'l fuq irrispettivament mill-evoluzzjoni tal-konsum/domanda. Barra minn hekk, minħabba li l-kwota qatt ma ġiet eżawrita tul il-perjodu tal-eżistenza tal-ftehim, jista' jiġi meqjus li tali kwota kienettassew “għolja wisq” mhux biss għall-perjodu ta' eżistenza tal-ftehimiet iżda wkoll meta mqabbla mal-iżvilupp tal-konsum fil-perjodu kkunsidrat. B'konsegwenza, kull paragun bejn il-livell ta' tali kwota, li ma baqgħetx tapplika mit-22 ta' Awwissu 2012 lil hemm u l-livell ta' importazzjonijiet mir-Russja tul il-perjodu kkunsidrat huwa bla sinifikat. Għalhekk dan l-argument għandu jiġi miċħud.

(135)

L-allegat trikkib bejn il-prodott fl-ambitu ta' din l-investgazzjoni u l-“prodotti oħrajn irrumblati ċatti” korrispondenti ġie analizzat ulterjorment. L-ewwel deher li l-prodott fl-ambitu tal-investigazzjoni attwali kien jikkonċerna prodott li jagħmlu parti mill-grupp ta' prodotti “pjanċi llegati rrumblati fil-ksieħ u miksijin”. It-tieni, deher li mit-42 kodiċi Taric kopert mill-ftehim taħt il-gruppi ta' prodotti imsemmija fuq, huma biss 7 li jikkorrespondu perfettament mal-kodiċijiet imsemmija fir-Regolament proviżorju (7209169000, 7209179000, 7209189100, 7209269000, 7209279000, 7209289000 u 7225508000). B'konsegwenza, 35 kodiċi Taric irrappurtati fl-Anness għall-ftehim huma esklużi mill-prodott fl-ambitu ta' din l-investigazzjoni. Min-naħa l-oħra, madwar 10 kodiċijiet Taric koperti minn din l-investigazzjoni ma kinux koperti mill-ftehim fuq imsemmi. Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, jidher li l-allegat trikkib mhuwiex sostnut minn evidenza fattwali, u tali allegazzjonijiet għandhom jiġu rifjutati.

4.6.   Il-kapaċità żejda tal-industrija tal-Unjoni

(136)

Parti interessata oħra argumentat li l-industrija tal-Unjoni kienet affettwata materjalment mill-kapaċità żejda tagħha li kienet twassal għal provvista żejda, kostijiet miżjuda u profitti mnaqqsa iżda wkoll kienet ta' detterrent għal iktar investimenti. Hija kompliet tindika li fin-nuqqas tal-importazzjonijiet, l-utilizzazzjoni tal-kapaċità kienet taqbeż it-72 % biss.

(137)

L-ewwel jiġi mfakkar li l-industrija tal-Unjoni naqqset il-kapaċità tagħha bi 3 % tul il-perjodu kkunsidrat sabiex tadatta għas-sitwazzjoni tas-suq globali li kienet qed tinbidel. Filwaqt li r-rata tal-utilizzazzjoni tal-kapaċità miksuba mill-industrija tal-Unjoni tul il-perjodu kkunsidrat ma tistax titqies bħala sodisfaċenti u mhuwiex disputat li l-livelli baxxi tal-utilizzazzjoni tal-kapaċità jistgħu jkollhom impatt fuq il-prestazzjoni ta' industrija, huwa nnutat li l-industrija tal-Unjoni xorta kienet profittabbli fl-2011 meta il-kapaċità installata tagħha eċċediet dak tal-perjodu tal-investigazzjoni u l-utilizzazzjoni tagħha kienet taħt dak tal-perjodu ta' investigazzjoni. Għaldaqstant, u fid-dawl tat-titjib fl-utilizzazzjoni tal-kapaċità kollegata mat-tnaqqis fil-kapaċità, huwa konkluż li l-livell tal-utilizzazzjoni tal-kapaċità ma jistax jitqies bħala element li jikser ir-rabta ta' kawżalità. Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, l-allegazzjoni għandha tiġi rifjutata.

4.7.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

(138)

Bosta partijiet allegaw li l-Kummissjoni ma vvalutatx kif xieraq l-impatt ta' importazzjonijiet minn pajjiżi terzi. Dawn qalu li l-livell tal-importazzjonijiet taħghom kien qrib il-livell tal-importazzjonijiet Russi, l-importazzjonijiet mill-Iran u l-Ukrajna saru għal prezzijiet iktar baxxi mill-importazzjonijiet mir-Russja u ċ-Ċina. Barra minn hekk, u kif indikat fil-premessa 105, parti interessata partikolari qalet li l-importazzjonijiet mill-Ukrajna, l-Indja u l-Iran, li ammontaw għal 5,4 % tas-sehem mis-suq fil-perjodu kkunsidrat ma kinux tqiesu kif xieraq meta mqabbel mat-tnaqqis fis-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni.

(139)

F'dan ir-rigward, l-ewwel huwa nnutat li, kif indikat fil-premessa 104, is-sehem mis-suq ta' importazzjonijiet minn pajjiżi terzi naqas minn 10,9 % għal 9,1 % (minn 854 281 għal 647 710 tunnellata) tul il-perjodu kkunsidrat filwaqt li s-sehem mis-suq ta' importazzjonijiet mir-Russja biss żdiedu minn 5,9 % għal 9, 8 % (u minn 466 165 għal 697 661 tunnellata). Ikompli minn dan ta' hawn fuq li l-importazzjonijiet mir-Russja u minn pajjiżi terzi oħrajn segwew xejriet opposti. Huwa nnutat ukoll li fil-qafas ta' din l-investigazzjoni, l-importazzjonijiet mir-Russja ġew kumulati mal-importazzjonijiet miċ-Ċina u li s-sehem mis-suq tal-pajjiżi kkonċernati żdied minn 14,3 % fl-2011 għal 20,1 % fil-perjodu ta' investigazzjoni.

(140)

It-tieni, filwaqt li mhuwiex disputat li l-importazzjonijiet mill-Iran u l-Ukrajna infatti saru bi prezzijiet medji iktar baxxi mill-prezzijiet medji tal-pajjiżi kkonċernati, huwa nnutat li l-livell medju tal-prezz ta' tali importazzjonijiet kien ferm inqas mill-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati tul il-perjodu kkunsidrat kollu kemm hu u li ma kienx hemm tibdil sinifikanti fl-imġiba tal-prezz tagħhom tul dan il-perjodu. Minħabba li s-sehem mis-suq tagħhom żdied biss bi ftit, minn 2,9 % għal 3,4 %, huwa improbabbli li tali importazzjonijiet jiksru r-rabta ta' kawżalità.

(141)

It-tielet, u kif indikat fil-premessa 106 is-sehem mis-suq tal-Ukrajna, l-Indja u l-Iran għandu jkunu analizzat tul il-perjodu kkunsidrat u mhux billi jkun hemm iffukar fuq perjodu speċifiku ta' sena. Isegwi minn dan li l-sehem mis-suq li kellhom l-importazzjonijiet mill-Indja, l-Iran u l-Ukrajna infatti żdied bi ftit minn 4 % għal 5,4 % tul il-perjodu kkunsidrat, filwaqt li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn (fosthom dawk elenkati iktar 'il fuq) b'mod naqsu kumplessivament minn 10,9 % għal 9,1 %. Isegwi minn dan ta' hawn fuq li t-tnaqqis mis-sehem mis-suq għall-industrija tal-Unjoni (– 4 %) ma jistax jitqabbel mas-sehem mis-suq miżmum mill-pajjiżi msemmija fuq fil-perjodu ta' investigazzjoni biss, u li ż-żieda fis-sehem mis-suq ma tistax titqies sinifikanti biżżejjed biex tikser ir-rabta ta' kawżalità.

(142)

Wara l-iżvelar definittiv, xi produtturi esportaturi qalu li, meta vvalutati f'termini assoluti, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha kienu paragunabbli għall-importazzjonijiet mir-Russja u li għandhom jiġu meqjusa ugwalment li huma ta' ħsara. F'dan ir-rigward, l-ewwel huwa nnutat li kif indikat fil-premessa minn 107 sa 111 tar-Regolament proviżorju, il-kundizzjonijiet biex l-importazzjonijiet Russi u Ċiniżi jiġu valutati kumulattivament ġew issodisfati. Għaldaqstant, l-importazzjonijiet mir-Russja ma jinħtieġx li jiġu analizzati f'iżolament. It-tieni, huwa nnutat ukoll li, filwaqt li l-analiżi tal-importazzjonijiet jinħtieġ li tabilħaqq issir billi wieħed iħares lejn iċ-ċifri assoluti, l-evoluzzjoni ta' tali ċifri assoluti wkoll għandha tiġi analizzata. F'dan ir-rigward u kif indikat fuq, huwa nnutat li l-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha naqsu b' 206 571 tunnellata tul il-perjodu kkunsidrat filwaqt li l-importazzjonijiet mir-Russja żdiedu b'231 496 tunnellata. L-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati vvalutati kumulattivament segwew xejra simili u żdiedu bi 312 224 tunnellata. Kif deskritt fuq, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha kienu ferm iktar baxxi mill-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati fil-perjodu kkunsidrat. Dawn segwew ukoll xejra opposta għal dik tal-importazzjonijiet Russi jew l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati. Fuq din il-bażi, huwa kkonfermat li l-importazzjonijiet kienu analizzati b'mod korrett, b'kont meħud tal-volum, il-prezz u x-xejriet tas-sehem mis-suq tagħhom. It-talba kienet għalhekk irrifjutata.

4.8.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(143)

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq u fin-nuqqas ta' kummenti oħra, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn 202 sa 204 tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

5.   INTERESS TAL-UNJONI

5.1.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(144)

Fin-nuqqas ta' kummenti rigward l-interess tal-industrija tal-Unjoni, il-konklużjoni li ntlaħqet fil-premessa 209 tar-Regolament proviżorju hija kkonfermata.

5.2.   L-interess tal-importaturi u l-utenti

(145)

Wara l-iżvelar proviżorju, bosta partijiet qalu li ma jkunx fl-interess tal-Unjoni li timponi miżuri antidumping kontra l-pajjiżi kkonċernati. Din l-allegazzjoni kienet imtennija wara l-iżvelar definittiv. Dawn allegaw li l-miżuri antidumping ikunu kontra l-interessi ta' utenti iżgħar minħabba li se jkollhom effett antikompetittiv (il-produtturi tal-Unjoni se jgħollu l-prezzijiet tagħhom) u minħabba li l-produtturi tal-Unjoni ma jipproduċux ċerti tipi ta' prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ.

(146)

Dawn l-allegazzjonijiet diġà kienu ġew trattati fil-premessi minn 220 sa 223 tar-Regolament proviżorju, iżda ma ngħatat l-ebda informazzjoni addizzjonali sostantiva għal tali allegazzjonijiet wara l-iżvelar proviżorju jew definittiv. Għaldaqstant dan l-argument huwa rifjutat.

5.3.   Argumenti oħrajn

(147)

Xi partijiet allegaw li l-Kummissjoni kellha inklinazzjoni li tiffavorixxi l-produtturi tal-Unjoni u ppruvat issib id-dumping akkost ta' kollox.

(148)

Din l-allegazzjoni ma kinitx sostanzjata ulterjorment. Il-Kummissjoni tissottolinja li l-investigazzjoni titwettaq fil-qafas legali applikabbli bl-ogħla standards għan-newtralità u t-trasparenza.

(149)

Skont xi partijiet, il-fatt li l-produtturi tal-Unjoni impurtaw il-prodott taħt investigazzjoni juri li ma jistgħux ilaħħqu mad-domanda fl-Unjoni.

(150)

Kif intqal ukoll fil-premessa 191 tar-Regolament proviżorju, għadd ta' produtturi tal-Unjoni huma parti minn gruppi tal-azzar integrati ma' kumpaniji tan-negozju indipendenti. Dawn l-operaturi tas-suq għandhom il-libertà li jixtru mil-liema sors iridu, inklużi l-pajjiżi konċernati. Irid jiġi mtenni li dan ix-xiri rrappreżenta inqas minn 1 % tal-bejgħ tal-ilmentaturi. Apparti mir-raġunament ta' awtodifiża u ż-żamma tar-relazzjonijiet kummerċjali, ma hemm xejn fid-dossier li jagħti x'tifhem li tali importazzjonijiet saru minħabba li l-produtturi tal-Unjoni ma kinux kapaċi jlaħħqu mad-domanda.

5.4.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(151)

Fl-assenza ta' kummenti oħrajn rigward l-interess tal-Unjoni, il-konklużjonijiet milħuqa fil-premessi minn 229 sa 232 tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

6.   IL-MIŻURI ANTIDUMPING DEFINITTIVI

6.1.   Il-livell ta' eliminazzjoni tad-dannu

(152)

Wara l-iżvelar proviżorju, bosta partijiet għamlu kummenti dwar il-profitt fil-mira ta' 5 % użat proviżorjament biex tiġi kkalkolata s-sottokwotazzjoni, kif spjegat fil-premessi minn 237 sa 238 tar-Regolament proviżorju. Parti interessata partikolari allegat li l-profitt fis-settur ma kienx ikun iktar minn 5 %, filwaqt li parti interessata oħra qalet li l-mira ta' profitt ta' 5 % kienet eċċessiva. Dawn l-allegazzjonijiet ma kinux sostanzjati.

(153)

Eurofer qieset li l-mira ta' profitt ta' 5 % kienet baxxa wisq. L-ewwel, hi rrifjutat ir-referenza għall-profitt fil-mira tal-GOES fuq il-bażi li, fost l-oħrajn, ir-riċerka u l-iżvilupp, is-swieq u n-natura tal-azzar kienu differenti. It-tieni, l-Eurofer qalet li evidenza disponibbli u verifikabbli minn qabel l-2009 turi li l-profitt mixtieq użat għandu jkun tal-anqas 10 %. Meta qalet hekk, l-Eurofer qagħdet parzjalment fuq l-informazzjoni pprovduta mill-produtturi ilmentaturi li ġew kampjunati u li kienu pprovdew, wara talba tal-Kummissjoni, dejta dwar il-profittabbiltà għal, fost l-oħrajn, il-perjodu 2005–2008, u parzjalment fuq il-profittabbiltà miksuba minn ċerti produtturi tal-Unjoni oħrajn f'dan il-perjodu. L-Eurofer żiedet li l-profitt fil-mira ma għandux ikun derivat minn snin li ġew affettwati jew mill-kriżi ekonomika inkella mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati. It-tielet, l-Eurofer qalet li l-profitt fil-mira għandu jiġi aġġustat fid-dawl tal-importazzjonijiet wara l-perjodu tal-investigazzjoni u d-deprezzament inġust kontinwu tal-prezz tal-importazzjonijiet ikkonċernati. Hija qalet ukoll li fil-passat l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu diġà joqogħdu fuq livell ta' profitt ogħla mis-soltu biex jikkumpensa l-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping (9).

(154)

Għalhekk dawn il-kummenti ġew analizzati sew. L-ewwel għandu jiġu mfakkar li, kif spjegat fil-premessa 236 tar-Regolament proviżorju, l-investigazzjoni kienet stabbiliet li waqt il-perjodu kkunsidrat kien hemm volumi sinifikanti ta' importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati li kellhom effett negattiv, fost l-oħrajn, fuq il-proffittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-ebda mis-snin fil-perjodu kkunsidrat ma tista' titqies indikattiva għall-profitt li jista' raġonevolment jinkiseb taħt kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni. Minħabba li l-unika sottomissjoni li waslet f'dan ir-rigward waqt l-istadju proviżorju ma kinitx sostanzjata biżżejjed, il-Kummissjoni għażlet li tistabbilixxi b'mod proviżorju l-profitt fil-mira abbażi tas-sejbiet fl-investigazzjonijiet li jikkonċernaw prodotti tal-azzar oħrajn. Madankollu, wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, il-Kummissjoni investigat iktar din il-kwistjoni, mhux biss fid-dawl tal-kummenti li waslulha wara l-iżvelar, iżda wkoll billi talbet u analizzat iktar informazzjoni f'dan ir-rigward.

(155)

Kif diġà ssemma fil-premessa 8 hawn fuq, wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji l-Kummissjoni talbet lill-produtturi tal-Unjoni kampjunati biex jagħtuha t-tagħrif dwar il-profittabbiltà fir-rigward tal-prodott simili meta mibjugħ fis-suq tal-Unjoni għas-snin mill-2005 sal-2010 (l-istess informazzjoni għall-perjodu 2011 sal-perjodu ta' investigazzjoni kien diġà ġie pprovdut permezz tar-risposta tagħhom għall-kwestjonarju oriġinali). Din l-informazzjoni ġiet ipprovduta u vverifikata. Il-profittabbiltà medja ponderata għas-snin mill-2005 sal-2008 li setgħet tiġi kkalkulata fuq din il-bażi kienet għal kull waħda minn dawn is-snin fil-medda minn 9 % sa 15 %. Is-snin mill-2005 sal-2008 dehru li kienu snin rappreżentattivi biex jiġi stabbilit profitt fil-mira, minħabba li la kienu affettwati mill-kriżi ekonomika, li kellha impatt b'saħħtu fuq is-settur mill-2009, u la kienu karatterizzati minn ċirkostanzi tas-suq eċċezzjonalment favorevoli. Barra minn hekk, il-volum tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati u l-pajjiżi l-oħrajn f'dawk is-snin indikaw li l-kompetizzjoni kienet b'saħħitha.

(156)

Abbażi ta' dawn ta' hawn fuq il-Kummissjoni għaldaqstant tqis li l-marġni ta' profitt miksub mill-industrija fl-iktar sena rappreżentattiva reċenti, jiġifieri s-sena 2008, huwa bażi iktar xierqa għal profitt fil-mira, għal din l-industrija, mill-profitt fil-mira ta' 5 % użat proviżorjament. Il-marġni ta' profitt medju ponderat jammonta għal 9,9 % u l-kalkoli ta' sottokwotazzjoni ġew aġġustati skont dan. Minħabba li hija bbażata fuq tagħrif reali dwar il-profittabbiltà għall-prodott ikkonċernat hija l-aħjar informazzjoni disponibbli għal dan l-għan.

(157)

Ċerti produtturi esportaturi marru lura għall-kwistjoni tal-marġnijiet tal-ħsara użati biex jiġi stabbilit il-livell ta' eliminazzjoni tal-ħsara fil-kummenti tagħhom li segwew l-iżvelar definittiv. Billi ġie kkwotat il-paragrafu 60 tas-sentenza tal-EFMA (10) intqal li l-marġni ta' profitt li għandu jintuża mill-Kunsill meta jikkalkula l-prezz indikattiv li jneħħi l-ħsara inkwistjoni jrid ikun limitat għall-marġni ta' profitt li l-industrija Komunitarja tista' sserraħ fuqu b'mod raġonevoli f'kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni normali, fin-nuqqas ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping. Huma komplew billi indikaw li l-profitt miksub fis-sena 2011 jikkostitwixxi marġni ta' profitt kredibbli fin-nuqqas ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping. Meta wieħed iżomm f'moħħu li d-dejta fid-dossier għall-perjodu 2009 tal-perjodu ta' investigazzjoni kien ċarament mhux xieraq minħabba l-preżenza sinifikanti ta' importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi u oġġetti ta' dumping, u l-kriżi finanzjarja tal-2009 li għamlet impatt fuq is-settur tal-azzar ukoll fl-2010 u l-2011, kien evidenti li l-Kummissjoni kellha tmur iktar lura fiż-żmien (jekk kien hemm dejta disponibbli) sabiex tidentifika l-iktar sena rappreżentattiva reċenti u li għaldaqstant kellu jiġi eżaminat il-perjodu mill-2005 sal-2008. Ġie konkluż mit-tagħrif disponibbli li s-sena 2008 kienet l-iktar sena xierqa għar-raġunijiet imsemmija fuq. L-allegazzjoni li dan huwa “cherry picking” hija mingħajr bażi minħabba li s-sena 2008 bl-ebda mod ma kienet is-sena bl-ogħla profitt mill-perjodu 2005-2008. L-2008 intagħżlet minħabba li kienet l-iktar sena reċenti b'kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni normali. Infatti, eżami tal-prezzijiet tas-suq u d-dejta tal-importazzjoni tal-Unjoni u l-konsum fl-Unjoni wera li kienet teżisti sitwazzjoni tas-suq kompetittiva.

(158)

Għaldaqstant, il-metodu użat biex jiġi stabbilit profitt normali għal-livell ta' eliminazzjoni tal-ħsara huwa għalkollox konformi mas-sentenza EFMA u dik l-allegazzjoni ġiet miċħuda.

(159)

L-istess produtturi esportaturi qalu li, kif indikat fil-premessa 122 iktar 'il fuq, il-Kummissjoni kienet injorat l-eventi li seħħew fl-2010 mill-analiżi tagħha tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni abbażi tar-raġuni li dawn seħħew qabel il-perjodu ta' analiżi mentri hi rrikorriet għas-sena 2008 biex tiddetermina l-profitt mixtieq. F'dan ir-rigward, huwa nnutat li filwaqt li l-perjodu kkunsidrat għall-analiżi tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kien limitat għall-perjodu mill-2011 sal-perjodu ta' investigazzjoni, kif definit fil-premessa 20 tar-Regolament proviżorju, ma hemmx konfini legali li jipprevjenu lill-Kummissjoni milli ddur għal perjodi barra mill-perjodu kkunsidrat sabiex tistabbilixxi profitt fil-mira raġonevoli, basta l-perjodu magħżul ikun rappreżentattiv tal-livell ta' profitt li jista' jinkiseb fin-nuqqas ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping. Dan huwa spjegat kif dovut fil-premessa 157 iktar 'il fuq. Konsegwentement, din l-allegazzjoni kellha tiġi rifjutata.

(160)

L-istess partijiet allegaw li, fin-nuqqas ta' “indikaturi ta' ħsara oħrajn” għall-perjodu mill-2005 sal-2008, il-partijiet interessati ma setgħux iressqu kummenti sinifikattivi dwar jekk kienx xieraq il-livell tal-profitt fil-mira. F'dan ir-rigward, huwa nnutat li d-determinazzjoni tal-iktar sena reċenti li fihom ipprevalew il-kundizzjonijiet tas-suq normali u l-valutazzjoni tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni tul il-perjodu kkunsidrat huma żewġ eżerċizzji separati li fihom il-Kummissjoni ma tkunx teħtieġ u/jew tanalizza l-istess sett ta' informazzjoni. L-“indikaturi ta' ħsara oħrajn” mhumiex relevanti biex jiġi determinat jekk il-kundizzjonijiet tas-suq normali jipprevalux f'sena partikolari. Għaldaqstant, din id-dikjarazzjoni ġiet rifjutata.

(161)

Ċerti produtturi esportaturi allegaw li d-dejta dwar il-profittabbiltà tal-2008 ma setgħetx tintuża minħabba li ma taqax fil-perjodu bejn l-2011 sal-perjodu ta' investigazzjoni. Madankollu, huwa ċar mis-sentenza tal-EFMA msemmija qabel li waqt il-perjodu kkunsidrat l-ebda minnhom ma jikkwalifika biex jiġi stabbilit profitt fil-mira. Bħal fl-istadju proviżorju, il-Kummissjoni ma għamlitx użu ta' informazzjoni dwar il-profittabbiltà kredibbli, verifikata u li tista' tintuża mill-industrija, imma qagħdet fuq ir-rati ta' profittabbiltà użati f'investigazzjonijiet oħrajn. Madankollu, minħabba li kienet kisbet u vverifikat informazzjoni addizzjonali dwar il-profittabbiltà wara l-iżvelar proviżorju, u din l-informazzjoni nstabet li kienet indikattiva ta' profitt li seta' raġonevolment jinkiseb f'kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni f'dan is-settur, l-użu ta' tali profitt huwa iktar xieraq mill-użu ta' ċifra mittiefsa minn ċirkustanzi tas-suq differenti (prodotti, kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni), minkejja li iktar reċenti. Għaldaqstant, din id-dikjarazzjoni ġiet rifjutata.

(162)

Produttur esportatur Russu partikolari indika li l-ebda kalkolu ta' marġni ta' sottokwotazzjoni ma kien twettaq għal tipi ta' prodott li ġew proċessati minn importaturi relatati mad-dħul fis-suq tal-Unjoni. Minħabba li d-dejta kienet disponibbli biex tinkludi tali bejgħ, din l-allegazzjoni ġiet aċċettata u l-marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezz u tas-sottokwotazzjoni ġew aġġornati skont dan.

(163)

L-istess produttur esportatur Russu argumenta li d-determinazzjoni tal-livell tas-sottokwotazzjoni ma kienx akkurat. Huwa indika li l-kost tal-valuri tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni li ntużaw għall-kalkoli tas-sottokwotazzjoni kienu, għal xi tipi ta' prodott, għoljin ħafna, meta mqabbla tipi ta' prodott kważi identiċi, u li l-Kummissjoni kien missha injorathom jew aġġustathom sa livell realistiku. Huwa qal ukoll li minkejja li l-prezzijiet tal-esportazzjoni CIF għall-importazzjonijiet Ċiniżi huwa 3 %, il-marġni ta' sottokwotazzjoni tal-esportaturi Russi huwa d-doppju. Finalment huwa qal li l-volum ta' prodotti paragunabbli mibjugħin mill-industrija tal-unjoni rrappreżenta biss 6,4 % tal-volum ta' esportazzjoni totali tiegħu.

(164)

Wara li għamlet verifika mill-ġdid, il-Kummissjoni stabbiliet li d-dejta tal-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienet akkurata. F'dak li għandu x'jaqsam mad-differenza fil-valur CIF u l-marġni ta' sottokwotazzjoni, huwa nnutat li tali paragun huwa simplistiku u ma jiħux kont tal-varjazzjonijiet possibbli fil-prezz u l-kost fost it-tipi ta' prodotti fuq in-naħa tal-Unjoni jew tal-produttur esportatur. Huwa nnutat ukoll li r-Regolament bażiku ma jipprevedi l-ebda livell limitu fir-rigward tal-paragun bejn il-volum esportat u l-volum korrispondenti mibjugħ mill-industrija tal-unjoni għal prodotti simili. F'kull każ, wara li ntqieset l-allegazzjoni msemmija fil-premessa 162, il-volum ta' prodotti paragunabbli mibjugħin mill-industrija tal-Unjoni rrappreżenta 10 % tal-volum ta' esportazzjoni totali tagħha. F'dan ir-rigward, huwa nnutat ukoll li 'l fuq minn 90 % tal-prodotti esportati lejn l-Unjoni mnn dan il-produttur esportatur speċifiku setgħu jitqabblu ma' prodott tal-Unjoni paragonevoli. Fuq il-bażi ta' dak imsemmi hawn fuq, din it-talba għandha tiġi rrifjutata.

(165)

Bosta produtturi esportaturi kkuntestaw l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-Artikolu 2(9) għall-kalkoli tal-ħsara, u qalu li l-Artikolu 2(9) jidher fid-dispożizzjonijiet dwar id-dumping tar-Regolament bażiku u ma jistax jintuża b'analoġija biex tiġi kkalkulata l-ħsara. Dawn argumentaw li l-prezz taċ-ċirkolazzjoni libera għandu jkun ibbażat fuq il-prezz realment miżmum mill-importaturi relatati tiegħu fl-Unjoni lill-ewwel konsumaturi indipendenti fl-Unjoni.

(166)

L-għan tal-kalkolu ta' marġni ta' ħsara huwa li jiddetermina jekk l-impożizzjoni ta' rata ta' dazju iktar baxxa (minn dik ibbażata fuq il-marġni ta' dumping) fuq il-prezz tal-esportazzjoni tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping tkunx biżżejjed biex tneħħi l-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping. Din il-valutazzjoni jinħtieġ li tkun ibbażata fuq il-prezz tal-esportazzjoni fil-livell tal-fruntiera tal-Unjoni, li hu meqjus bħala livell komparabbli mal-prezz tal-fabbrika tal-industrija tal-Unjoni. Fil-każ tal-bejgħ ta' esportazzjoni permezz ta' importaturi relatati, b'analoġija mal-approċċ segwit għall-kalkoli tal-marġni tad-dumping, il-prezz tal-esportazzjoni hu mibni fuq il-bażi tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid lill-ewwel konsumatur indipendenti aġġustat kif xieraq skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Peress li l-prezz tal-esportazzjoni huwa element indispensabbli għall-kalkolu tal-marġni ta' ħsara u peress li dan l-Artikolu huwa l-uniku Artikolu fir-Regolament bażiku li jagħti gwida dwar kif jinħadem il-prezz tal-esportazzjoni, l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu b'analoġija hija ġġustifikata.

(167)

Barra minn hekk, huwa meqjus li l-metodu rrakkomandat minn din il-parti jwassal għal trattament mhux ugwali fil-kalkolu tal-marġnijiet tagħha u ta' dawk ta' esportatur produtturi oħrajn fil-kampjun li jbigħu lil importaturi indipendenti. Il-metodoloġija użata għall-produtturi esportaturi l-oħra fil-kampjun kienet ibbażata fuq il-prezz tal-esportazzjoni fil-livell CIF li ovvjament teskludi l-BĠA tal-Unjoni u l-profitt għal bejgħ mill-ġdid fl-Unjoni wara l-iżodaganar tal-merkanzija. Il-Kummissjoni tqis li l-istabbiliment tal-prezz tal-importazzjoni rilevanti għat-twaqqigħ tal-prezz u s-sottokwotazzjoni ma għandux ikun influwenzat minn jekk l-esportazzjonijiet humiex magħmula lil operaturi relatati jew indipendenti fl-Unjoni. Il-metodoloġija segwita mill-Kummissjoni tiżgura li ż-żewġ ċirkostanzi jirċievu trattament ugwali.

(168)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-approċċ segwit kien preċiż u ċaħdet dawn it-talbiet.

(169)

Wara l-iżvelar definittiv, parti interessata partikolari qalet li, minħabba t-tnaqqis tal-BĠA u l-profitt mill-prezz tal-bejgħ, ir-rati tas-sottokwotazzjoni u ta' dumping ma jistgħux jibqgħu jiġu paragunati korrettament minħabba li d-denominatur għall-kalkolu (jiġifieri l-prezz CIF) ma jibqax l-istess. Din l-allegazzjoni ġiet irrifjutata minħabba li t-tnaqqis tal-BĠA u l-profitt jaffettwaw biss in-numeratur tal-proporzjon, u mhux id-denominatur.

(170)

Ukoll wara l-iżvelar definittiv ċerti partijiet interessati qalu li t-tnaqqis tal-BĠA u l-profitt kellu effett distortiv fuq l-effett tar-regola tad-dazju inferjuri. Madankollu, minħabba li ġiet applikata metodoloġija paragunabbli fuq il-kalkoli tad-dumping, ċarament ma teżisti l-ebda distorsjoni tar-regola tad-dazju inferjuri. Għaldaqstant, din id-dikjarazzjoni ġiet rifjutata.

(171)

Parti interessata partikolari indikat li l-hekk imsejħa regola tad-dazju inferjuri ma kinitx adegwata biex tneħħi l-ħsara lill-industrija tal-Unjoni fil-każ preżenti bir-raġuni li filwaqt li l-kost tal-produzzjoni fl-industrija tal-Unjoni baqa' stabbli wara l-perjodu ta' investigazzjoni, il-prezzijiet ta' importazzjoni mir-Russja u ċ-Ċina naqsu rispettivament b'19 % u 22 % minn April sa Diċembru 2015. Fuq din il-bażi, hija qalet li l-livell rispettiv tad-dazji antidumping proviżorji (26,2 % u 16 %) kien insuffiċenti minħabba li d-dazji kienu diġà ġew għalkollox jew kważi għalkollox assorbiti mit-tnaqqis fil-prezz imsemmi qabel. B'konsegwenza ta' dan it-tnaqqis fil-prezz, il-produtturi fil-pajjiżi kkonċernati kienu kapaċi jżidu l-volum ta' esportazzjoni lejn l-Unjoni b'mod sinifikanti. Hija rriferiet għall-premessa 26 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 437/2004 (11) li fih il-Kummissjoni indikat li s-sejbiet għandhom jkunu limitati għall-perjodu ta' investigazzjoni ħlief meta jkun jista' jiġi ppruvat li l-effetti ta' ċirkostanzi ġodda huma manifesti, mhux disputati, dejjiema, mhux manipulabbli u li ma jinbtux minn azzjoni deliberata minn partijiet interessati.

(172)

Din l-istqarrija trid tiġi rifjutata. Minn naħa, l-allegazzjoni li l-kostijiet ta' produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni baqgħu stabbli ma kinitx sostnuta b'evidenza fattwali. Min-naħa l-oħra, filwaqt li l-prezzijiet tal-importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati tabilħaqq naqsu b'mod sinifikanti minn tmiem il-perjodu ta' investigazzjoni, hemm bosta indikazzjonijiet li l-prezzijiet tal-importazzjoni qegħdin jerġgħu jiżdiedu fit-tieni trimestru tal-2016. Għaldaqstant, it-tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ ma jidhirx li hu ta' natura dejjiema u għaldaqstant ikun prematur li jiġi trattat bħala tali.

(173)

MInħabba li l-livell ta' kooperazzjoni kien għoli, il-marġni ta' ħsara definittiv għar-RPĊ, applikabbli għal produtturi esportaturi li ma kinux kampjunati li kkooperaw, ġie kkalkulat bħala l-medja taż-żewġ produtturi esportaturi kampjunati. Il-marġni ta' ħsara definittiv għar-RPĊ, applikabbli għal produtturi esportaturi li ma kkooperawx, ġie stabbilit fil-livell tal-ogħla marġni taż-żewġ kumpaniji li kkooperaw.

(174)

Għar-Russja l-marġni ta' ħsara applikabbli għal produtturi esportaturi li ma kkooperawx ġie stabbilit abbażi tal-marġni ta' ħsara ta' tip ta' prodott rappreżentattiv mill-produtturi esportaturi li kkooperaw. Dan il-marġni japplika għal PJSC Novolipetsk Steel minħabba li n-nuqqas ta' kooperazzjoni tagħha spjegat iktar 'il fuq taħt “Dumping” kien marbut ukoll mal-prezz ta' esportazzjoni tagħha, u għaldaqstant mal-marġni ta' ħsara.

(175)

Filwaqt li jitqiesu l-kwistjonijiet imsemmija iktar 'il fuq fil-premessi minn 152 sa (172), il-marġnijiet definittivi tal-ħsara u d-dumping espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej: Murija hawn ukoll ir-rati tad-dazju definittivi.

Tabella 4

Marġnijiet u Rati ta' Dazju Definittivi

Produtturi esportaturi Ċiniżi

Marġni ta' dumping definittiv (%)

Marġni ta' ħsara definittiv (%)

Rata tad-dazju definittiva (%)

Angang Group

59,2

19,7

19,7

Shougang Group

52,7

22,1

22,1

Kumpaniji oħra li kkooperaw

56,9

20,5

20,5

Il-kumpaniji l-oħra kollha

59,2

22,1

22,1

Produtturi esportaturi Russi

 

 

 

Magnitogorsk Iron & Steel Works OJSC

18,7

26,4

18,7

PAO Severstal

35,9

34,0

34,0

PJSC Novolipetsk Steel

38,9

36,1

36,1

Il-kumpaniji l-oħra kollha

38,9

36,1

36,1

(176)

Il-marġnijiet ta' ħsara msemmija fuq ġew imqarrba 'l isfel, fejn xieraq, lejn l-eqreb parti minn għaxra ta' figura wara kummenti minn produttur esportatur wara l-iżvelar definittiv.

(177)

Ir-rati tad-dazju antidumping ta' kumpaniji individwali speċifikati f'dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet tal-investigazzoni preżenti. Għaldaqstant, dawn jirriflettu l-qagħda ta' dawn il-kumpaniji kkonstatata matul din l-investigazzjoni. Dawn ir-rati tad-dazju (kuntrarju għad-dazju fil-pajjiż kollu applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”) huma għaldaqstant esklussivament applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-pajjiżi kkonċernati u manifatturat mill-kumpaniji u għalhekk mill-entitajiet legali speċifiċi msemmija. Il-prodotti importati magħmulin minn kumpanija oħra li isimha mhuwiex speċifikament imsemmi fil-parti operattiva ta' dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati ma' dawk imsemmija b'mod speċifiku, ma għandhomx jibbenefikaw minn dawn ir-rati u jinħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(178)

Kull talba għall-applikazzjoni ta' dawn ir-rati tad-dazju antidumping ta' kumpanija individwali (pereżempju wara bidla fl-isem tal-entità jew wara t-twaqqif ta' entitajiet ġodda tal-produzzjoni jew tal-bejgħ) jinħtieġ li tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (12) bl-informazzjoni relevanti kollha, b'mod partikolari kull bidla fl-attivitajiet tal-kumpanija marbutin mal-produzzjoni, mal-bejgħ domestiku u tal-bejgħ b'esportazzjoni assoċjat, pereżempju, ma' dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet tal-produzzjoni jew tal-bejgħ. Jekk ikun xieraq, dan ir-Regolament jiġi emendat kif xieraq billi tiġi aġġornata l-lista ta' kumpaniji li jibbenifikaw minn rati tad-dazju individwali.

(179)

Sabiex jitnaqqsu r-riskji ta' ċirkumvenzjoni, qed jitqies li jinħtieġu miżuri speċjali f'dan il-każ sabiex jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tal-miżuri antidumping. Dawn il-miżuri speċjali jinkludu dan li ġej. il-preżentazzjoni lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri ta' fattura kummerċjali valida li għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness 1(3) ta' dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn din il-fattura għandhom ikunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

6.2.   Ġbir definittiv tad-dazji proviżorji

(180)

Fid-dawl tal-marġnijiet ta' dumping li nstabu u minħabba l-livell ta' dannu kkważat lill-industrija tal-Unjoni, l-ammonti garantiti permezz tad-dazju antidumping proviżorju impost bir-Regolament proviżorju jinħtieġ li jinġabru b'mod definittiv.

6.3.   Infurzabbiltà tal-miżuri

(181)

Wara l-iżvelar proviżorju, l-ilmentatur afferma li xi produtturi esportaturi bdew jassorbu d-dazji proviżorji imposti billi rrifjutaw li jżidu il-prezzijiet tagħhom. Din l-affermazzjoni ma tistax tiġi vverifikata fil-qafas ta' din l-investigazzjoni. Jekk titressaq talba separata kontra l-assorbiment, ikun jista' jinbeda rieżami skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament jekk tkun ipprovduta evidenza prima facie.

(182)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Huwa impost dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet ta' prodotti rrumblati ċatt tal-ħadid jew tal-azzar mhux-liga, jew ta' azzar liga ieħor iżda mhux tal-azzar inossidabbli, ta' kull wisa', irrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsin bla sħana), mhux miksijin, indurati jew mgħottijin, u mhux maħdumin iktar ħlief irrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsin bla sħana), li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet tan-NM ex 7209 15 00 (kodiċi TARIC 7209150090), 7209 16 90, 7209 17 90, 7209 18 91, ex 7209 18 99 (kodiċi TARIC 7209189990), ex 7209 25 00 (kodiċi TARIC 7209250090), 7209 26 90, 7209 27 90, 7209 28 90, 7211 23 30, ex 7211 23 80 (kodiċijiet TARIC 7211238019, 7211238095 u7211238099), ex 7211 29 00 (kodiċijiet TARIC 7211290019 u 7211290099), 7225 50 80 u 7226 92 00 u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Federazzjoni Russa.

It-tipi ta' prodotti li ġejjin huma esklużi mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat:

prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid jew azzar mhux illigat, ta' kull wisa', mgħattnin mingħajr tisħin (imnaqqsin bla sħana), mhux miksijin, indurati jew mgħottijin, mhux aktar maħdumin mingħajr tisħin, f'koljaturi jew le, ta' kull ħxuna, elettrika;

prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid jew azzar mhux illigat, ta' kull wisa', irrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsa bla sħana), mhux miksijin, b'liga jew mgħottijin, f'koljaturi, ta' ħxuna ta' inqas minn 0,35 mm, ittemprati (magħrufa bħala “pjanċi suwed”),

prodotti rrumblati ċatti ta' azzar ta' xi liga oħra, ta' kull wisa', ta' azzar siliċju-elettriku, u

prodotti rrumblati ċatt ta' azzar liga, mhux maħdumin aktar ħlief irrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsin bla sħana), ta' azzar għal veloċità għolja.

2.   Ir-rata tad-dazju tal-antidumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturat mill-kumpanniji elenkati hawn taħt għandha tkun din li ġejja:

Pajjiż

Kumpanija

Rata tad-dazju definittiva (%)

Kodiċi Addizzjonali TARIC

RPĊ

Angang Steel Company Limited, Anshan

19,7

C097

Tianjin Angang Tiantie Cold Rolled Sheets Co. Ltd, Tianjin

19,7

C098

Kumpaniji oħrajn li kkoperaw elenkati fl-Anness

20,5

 

Il-kumpaniji l-oħra kollha

22,1

C999

Ir-Russja

Magnitogorsk Iron & Steel Works OJSC, Magnitogorsk

18,7

C099

PAO Severstal, Cherepovets

34

C100

Il-kumpaniji l-oħra kollha

36,1

C999

3.   L-applikazzjoni tar-rati individwali tad-dazju antidumping speċifikati gћall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 isseћћ bil-kundizzjoni li tkun ippreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fiha tidher dikjarazzjoni ddatata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ din il-fattura, identifikat minn ismu/isimha u l-funzjoni, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt(a), niċċertifika li l-volum ta' prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ mibjugħin għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea koperti minn din il-fattura kien manifatturat minn (isem u l-indirizz tal-kumpanija)(kodiċi addizzjonali TARIC) fi (il-pajjiż ikkonċernat). Jiena niddikjara li t-tagħrif mogħti f'din il-fattura huwa sħiħ u korrett.” Jekk ma tkunx ippreżentata fattura bħal din, tapplika r-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

4.   Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

L-ammonti ggarantiti bħala dazji antidumping proviżorji skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/181 għandhom jinġabru b'mod definittiv. L-ammonti garantiti f'eċċess tar-rati definittivi ta' dazju antidumping għandhom jiġu rilaxxati.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fi jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Lulju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/181 tal-10 ta' Frar 2016 li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatt fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Federazzjoni Russa (ĠU L 37, 12.2.2016, p. 1).

(3)  ĠU C 161, 14.5.2015, p. 9.

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2325 tal-11 ta' Diċembru 2015 li jissottometti l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Federazzjoni Russa għal reġistrazzjoni (ĠU L 328, 12.12.2015, p. 104).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1329 tad-29 ta' Lulju 2016 li jimponi d-dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet reġistrati ta' ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Federazzjoni Russa (ara l-paġna 27 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2852/2000 tat-22 ta' Diċembru 2000 illi jimponi d-dazju definittiv u illi jipprovdi l-ġbir definittiv tad-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-fibri klassifikati poliesteru illi joriġingaw fl-Indja u Repubblika tal-Korea. (ĠU L 332, 28.12.2000, p. 17).

(7)  Il-kumpanija nnotifikat lill-Kummissjoni li skont bidliet fil-liġi Russa, hi bidlet il-forma ġuridika tagħha minn Open Joint Stock Company (OJSC) għal Public Joint Stock Company (PJSC). Din il-bidla ilha effettiva mill-1 ta' Jannar 2016.

(8)  Il-Kawża C-315/90, Gimelec u Oħrajn v il-Kummissjoni, sentenza 27 Nov. 1991, EU:C:1991:447, para. 23.

(9)  Commission Regulation (EEC) No 3262/90 of 5 November 1990 imposing a provisional anti-dumping duty on imports of audio tapes in cassettes originating in Japan, the Republic of Korea and Hong Kong (m'hemmx traduzzjoni bil-Malti) (ĠU L 313, 13.11.1990, p. 5).

(10)  Il-Kawża T-210/95 — Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-Fertilizzanti (European Fertilizer Manufacturer's Association — EFMA) vs il-Kunsill [1999] Ġabra II-3291

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 437/2004 tat-8 ta' Marzu 2004 … (ĠU L 72, 11.3.2004, p. 23).

(12)  European Commission, Directorate-General for Trade, Directorate H, 1049 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË.


ANNESS

Produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun:

Pajjiż

Isem

Kodiċi TARIC addizzjonali

PRC

Hebei Iron and Steel Co., Ltd, Shijiazhuang

C103

PRC

Handan Iron & Steel Group Han-Bao Co., Ltd, Handan

C104

PRC

Baoshan Iron & Steel Co., Ltd, Shanghai

C105

PRC

Shanghai Meishan Iron & Steel Co., Ltd, Nanjing

C106

PRC

BX Steel POSCO Cold Rolled Sheet Co., Ltd, Benxi

C107

PRC

Bengang Steel Plates Co., Ltd, Benxi

C108

PRC

WISCO International Economic & Trading Co. Ltd, Wuhan

C109

PRC

Maanshan Iron & Steel Co., Ltd, Maanshan

C110

PRC

Tianjin Rolling-one Steel Co., Ltd, Tianjin

C111

PRC

Zhangjiagang Yangtze River Cold Rolled Sheet Co., Ltd, Zhangjiagang

C112

PRC

Inner Mongolia Baotou Steel Union Co., Ltd, Baotou City

C113