30.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/47


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1055

tad-29 ta' Ġunju 2016

li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-mezzi tekniċi għall-iżvelar pubbliku xieraq ta' informazzjoni privileġġata u biex jiġi ttardjat l-iżvelar pubbliku ta' informazzjoni privileġġata skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(10) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-protezzjoni tal-investituri tirrekjedi żvelar pubbliku effettiv u f'waqtu ta' informazzjoni privileġġata mill-emittenti u mill-parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet. Sabiex tingħata garanzija fil-livell tal-Unjoni ta' aċċess ekwu tal-investituri għall-informazzjoni prvileġġata, l-informazzjoni privileġġata għandha tiġi żvelata b'mod pubbliku bla ħlas, b'mod simultanju u kemm jista' jkun malajr fost il-kategoriji kollha ta' investituri madwar l-Unjoni u għandha tkun ikkomunikata lill-medja li tiżgura disseminazzjoni effettiva lill-pubbliku.

(2)

Fil-każ fejn il-parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjoni diġà jkunu jissodisfaw rekwiżiti ekwivalenti ta' żvelar ta' informazzjoni privileġġata skont ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u meta huma jkunu obbligati li jagħmlu żvelar pubbliku tal-istess informazzjoni skont dak ir-Regolament u r-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-obbligi taħt dan ir-Regolament għandhom jitqiesu bħala li jkunu ssodisfati meta l-informazzjoni tkun żvelata bl-użu tal-pjattaforma għall-iżvelar ta' informazzjoni privileġġata għall-iskopijiet tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011, bil-kundizzjonijiet li l-informazzjoni privileġġata tiġi kkomunikata lill-medja relevanti.

(3)

Huwa importanti li l-mezzi tekniċi għall-ittardjar tal-iżvelar tal-informazzjoni privileġġata jkunu jippermettu ż-żamma tal-informazzjoni kruċjali tal-proċess għall-ittardjar tal-iżvelar tal-informazzjoni privileġġata, b'mod li l-emittenti u l-parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti.

(4)

In-notifika tal-ittardjar tal-iżvelar tal-informazzjoni privileġġata u, fejn meħtieġ, l-ispjegazzjoni ta' kif ikunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet kollha applikabbli għall-ittardjar għandha tingħata lill-awtoritajiet kompetenti bil-miktub, bl-użu ta' mezzi elettroniċi sikuri speċifikati mill-istess awtorità kompetenti, biex b'hekk jiġu żgurati l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-kontenut tal-informazzjoni, kif ukoll il-ħeffa tat-trażmissjoni.

(5)

Sabiex l-awtorità kompetenti tkun tista' tidentifika l-persuni relevanti fl-emittent jew il-parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet, involuti fl-ittardjar tal-iżvelar tal-informazzjoni privileġġata, in-notifika tal-ittardjar għandha tinkludi l-identita tal-persuna li tkun għamlet in-notifika u tal-persuna jew persuni responsabbli mid-deċiżjoni li jiġi ttardjat l-iżvelar tal-informazzjoni privileġġjata. Bl-istess mod, dik in-notifika għandha wkoll tindika l-aspetti temporali tal-ittardjar biex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jevalwaw jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament (UE) Nru 596/2014 rigward l-ittardjar ikunux issodisfati.

(6)

Emittent li jkun istituzzjoni ta' kreditu jew finanzjarja għandu jinforma lill-awtorità kompetenti bil-miktub bl-intenzjoni tal-ittardjar tal-iżvelar tal-informazzjoni privileġġata sabiex jippreserva l-istabbilità tas-sistema finanzjarja u, fir-rigward tan-natura sensittiva ta' tali informazzjoni u l-ħtieġa li tiġi żgurata kunfidenzjalità massima tal-kontenut tagħha, għandhom jintużaw standards xierqa ta' sigurtà għal dak il-għan.

(7)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni sottomess mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) lill-Kummissjoni.

(8)

Fil-25 ta' Mejju 2016, il-Kummissjoni nnotifikat lill-AETS bl-intenzjoni tagħha li tappoġġa l-abbozz għal standard tekniku ta' implimentazzjoni b'emendi biex jikkunsidraw il-fatt li d-dispożizzjonijiet dwar l-iżvelar fir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 huma biżżejjed biex jiġi żgurat li l-parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet jiżvelaw informazzjoni privileġġata pubblikament, b'mod effikaċi u f'waqtu, kif meħtieġ mill-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014. Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1348/2014 (3) diġà jobbliga lill-parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet jipprovdu “web feeds” għall-iżvelar ibbażat fuq is-sit web biex isiru pubbliċi, b'mod effettiv u f'waqtu. Fl-opinjoni formali tagħha tas-16 ta' Ġunju 2016, l-AETS ikkonfermat il-pożizzjoni inizjali tagħha u ma reġgħetx ippreżentat l-istandard tekniku ta' implimentazzjoni emendat b'mod konsistenti mal-emendi proposti tal-Kummissjoni. Peress li r-rekwiżit ta' żvelar għall-parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 jista' jkun biżżejjed għall-fini tal-konformità mar-rekwiżiti fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-abbozz tal-istandard tekniku ta' implimentazzjoni jeħtieġ li jiġi emendat biex jiġu evitati rekwiżiti ta' rappurtar iddupplikati.

(9)

L-AETS wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Konċernati tas-Swieq tat-Titoli stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(10)

Sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, huwa neċessarju li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b'urġenza u li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament japplikaw mill-istess data bħal dawk stabbiliti fir- Regolament (UE) Nru 596/2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjoni li ġejjin:

 

“mezzi elettroniċi” huma mezzi ta' tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża l-kompressjoni diġitali), il-ħażna u t-trasmissjoni ta' dejta, li jkunu jużaw wajers, radju, teknoloġiji ottiċi, jew kull mezz elettromanjetiku ieħor.

KAPITOLU II

MEZZI TEKNIĊI GĦALL-IŻVELAR PUBBLIKU KIF IMISS TA' INFORMAZZJONI PRIVILEĠĠATA

Artikolu 2

Mezzi ta' żvelar pubbliku ta' informazzjoni privileġġata

1.   L-emittenti u l-parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet għandhom jiżvelaw l-informazzjoni privileġġata bl-użu ta' mezzi tekniċi li jassiguraw li:

(a)

L-informazzjoni privileġġata tiġi disseminata:

(i)

lil pubbliku kemm jista' jkun wiesa' fuq bażi mhux diskriminatorja;

(ii)

bla ħlas;

(iii)

simultanjament madwar l-Unjoni.

(b)

L-informazzjoni privileġġata tiġi kkomunikata, direttament jew permezz ta' terza persuna, lill-midja li tista' tiġi fdata, b'mod raġonevoli mill-pubbliku, li tiżgura d-disseminazzjoni effettiva tagħha. Il-komunikazzjoni għandha tixxandar bl-użu ta' mezzi elettroniċi li jiżguraw li l-kompletezza, l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni tinżamm matul it-trażmissjoni, u għandha b'mod ċar tidentifika:

(i)

li l-informazzjoni kkomunikata tkun informazzjoni privileġġata;

(ii)

l-identità tal-emittent jew tal-parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet: l-isem legali sħiħ;

(iii)

l-identità tal-persuna li tkun qiegħda tagħmel in-notifika: l-isem, il-kunjom, il-pożizzjoni fl-emittent jew tal-parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet;

(iv)

is-suġġett tal-informazzjoni privileġġata;

(v)

id-data u l-ħin tal-komunikazzjoni lill-midja.

L-emittenti u l-parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet għandhom jiggarantixxu l-kompletezza, l-integrità u l-kunfidenzjalità billi jirrimedjaw kull nuqqas jew tħarbit fil-komunikazzjoni tal-informazzjoni privileġġata mingħajr dewmien.

2.   Il-parteċipanti fil-kwoti tal-emissjonijiet li huma obbligati jagħmlu żvelar ta' informazzjoni privileġġata skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 jistgħu jużaw il-mezzi tekniċi stabbiliti għall-iskopijiet tal-iżvelar tal-informazzjoni privileġġata skont dan ir-Regolament għall-iżvelar tal-informazzjoni privileġġata skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, sakemm l-informazzjoni privileġġata li jkun meħtieġ li tiġi żvelata jkollha b'mod sostanzjali l-istess kontenut u li l-mezzi tekniċi użati għall-iżvelar jiżguraw li l-informazzjoni privileġġata tkun ikkomunikata lill-medja relevanti.

Artikolu 3

It-tqegħid ta' informazzjoni privileġġata fuq sit web

Is-siti web li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 17(1) u (9) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikunu jippermettu lill-utenti li jkollhom aċċess għal informazzjoni privileġġata mqiegħda fuq sit web b'mod mhux diskriminatorju u bla ħlas;

(b)

ikunu jippermettu lill-utenti li jsibu l-informazzjoni privileġġata fit-taqsima fis-sit web li tkun identifikabbli bla diffikultà;

(c)

ikunu jiżguraw li l-informazzjoni privileġġata żvelata tindika b'mod ċar id-data u l-ħin tal-iżvelar u li l-informazzjoni tkun organizzata f'ordni kronoloġiku.

KAPITOLU III

MEZZI TEKNIĊI GĦALL-ITTARDJAR TAL-IŻVELAR PUBBLIKU TA' INFORMAZZJONI PRIVILEĠĠATA

Artikolu 4

Notifika ta' żvelar ittardjat ta' informazzjoni privileġġata u spjegazzjoni bil-miktub

1.   Għall-iskop tal-ittardjar tal-iżvelar pubbliku tal-informazzjoni privileġġata f'konformita mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(4) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-emittenti u l-parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet għandhom jużaw mezzi tekniċi li jiżguraw l-aċċessibbiltà, il-leġibbiltà u ż-żamma f'mezz durabbli tal-informazzjoni li ġejja:

(a)

id-dati u l-ħin meta:

(i)

l-informazzjoni privileġġata tkun l-ewwel eżistiet fl-emittent jew il-parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet;

(ii)

tkun saret id-deċiżjoni għall-ittardjar tal-iżvelar tal-informazzjoni privileġġata;

(iii)

l-emittent jew il-parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet x'aktarx li jagħmel żvelar tal-informazzjoni privileġġata;

(b)

l-identità tal-persuni fl-emittent jew il-parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet responsabbli għal:

(i)

it-teħid tad-deċiżjoni li jiġi ttardjat l-iżvelar u d-deċiżjoni dwar il-bidu tal-ittardjar u meta x'aktarx li jintemm;

(ii)

li jara li jkun hemm monitoraġġ kontinwu tal-kundizzjonijiet tal-ittardjar;

(iii)

it-teħid tad-deċiżjoni li l-informazzjoni privileġġata tiġi żvelata pubblikament;

(iv)

jipprovdi l-informazzjoni mitluba dwar l-ittardjar u l-ispjegazzjoni bil-miktub lill-awtorità kompetenti;

(c)

evidenza tas-sodisfar inizjali tal-kundizzjonijiet li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 17(4) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, u dwar kull tibdil ta' dan is-sodisfar matul il-perjodu tal-ittardjar, inkluż:

(i)

ix-xkiel għall-informazzjoni li jkun tqiegħdu internament u għar-rigward ta' partijiet terzi biex ma jkunx jista' jsir aċċess għal informazzjoni privileġġata minn persuni għajr dawk li jkollhom bżonnha fl-eżerċizzju normali tal-impjieg, il-professjoni jew id-dmirijiet tagħhom, fl-emittent jew il-parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet;

(ii)

l-arranġamenti li jiġu stabbiliti għall-iżvelar tal-informazzjoni privileġġata relevanti kemm jista' jkun malajr meta l-kunfidenzjalità ma tkunx tista' tiġi ggarantita aktar.

2.   L-emittenti u l-parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet għandhom jinfurmaw, permezz ta' notifika bil-miktub, lill-awtoritajiet kompetenti bl-ittardjar fl-iżvelar tal-informazzjoni privileġġata u jipprovdu spjegazzjoni bil-miktub ta' tali ttardjar permezz ta' punt ta' kuntatt apposta fi, jew maħtur minn, l-awtorità kompetenti bl-użu ta' mezzi elettroniċi speċifikati mill-awtorita kompetenti.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw fuq is-sit web tagħhom il-punt ta' kuntatt iddedikat fi, jew maħtur minn, l-awtorità kompetenti u l-mezzi elettroniċi li ssir referenza għalihom fl-ewwel subparagrafu. Dawk il-mezzi elettroniċi jiżguraw li l-kumpletezza, l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni jinżammu matul il-trażmissjoni.

3.   Il-mezzi elettroniċi li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 2 jiżguraw li n-notifika tal-ittardjar tal-iżvelar tal-informazzjoni privileġġata tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identità tal-emittent jew tal-parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet: l-isem legali sħiħ;

(b)

l-identità tal-persuna li tkun qiegħda tagħmel in-notifika: l-isem, il-kunjom, il-pożizzjoni fl-emittent jew tal-parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet;

(c)

id-dettalji tal-kuntatt tal-persuna li tkun qiegħda tagħmel in-notifika: l-indirizz tal-posta elettronika u n-numru tat-telefon professjonali;

(d)

l-identifikazzjoni tal-informazzjoni privileġġata żvelata pubblikament li kienet suġġetta għal żvelar ittardjat: it-titolu tad-dikjarazzjoni ta' żvelar; in-numru ta' referenza fejn is-sistema li tintuża għad-disseminazjoni tal-informazzjoni privileġġata tassenja wieħed; id-data u l-ħin tal-iżvelar pubbliku tal-informazzjoni privileġġata;

(e)

id-data u l-ħin tad-deċiżjoni biex l-iżvelar tal-informazzjoni privileġġata jiġi ttardjat;

(f)

l-identità tal-persuni kollha responsabbli għad-deċiżjoni li jiġi ttardjat l-iżvelar pubbliku tal-informazzjoni privileġġata.

4.   Meta l-ispjegazzjoni bil-miktub ta' ittardjar tal-iżvelar ta' informazzjoni privileġġata tiġi pprovduta biss fuq talba tal-awtorità kompetenti f'konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(4) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, il-mezzi elettroniċi li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jiżguraw li tali spjegazzjoni bil-miktub tinkludi l-informazzjoni li ssir referenza għaliha fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 5

Notifika ta' intenzjoni ta' ittardjar tal-iżvelar tal-informazzjoni privileġġata

1.   Għall-iskopijiet tal-ittardjar tal-iżvelar pubbliku tal-informazzjoni privileġġata f'konformita mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, emittent li jkun istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni finanzjarja għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti notifika bil-miktub tal-intenzjoni tiegħu li jittardja l-iżvelar tal-informazzjoni privileġġata sabiex jippreserva l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, jiżgura l-kompletezza, l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni, permezz ta' punt ta' kuntatt iddedikat li jkun fi, jew maħtur minn, l-awtorita kompetenti.

Meta l-emittent jittrasmetti n-notifika li ssir referenza għaliha fl-ewwel subparagrafu b'mod elettroniku, huwa għandu juża l-mezzi elettroniċi li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 4(2) ta' dan ir-Regolament.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tikkomunika lill-emittent id-deċiżjoni tagħha li tagħti l-kunsens tagħha, jew inkella le, għall-ittardjar tal-iżvelar abbażi tal-informazzjoni pprovduta fil-paragrafu 1 bil-miktub u tiżgura l-kompletezza, l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni.

3.   L-emittent għandu juża l-istess mezzi tekniċi użati biex l-awtorità kompetenti tiġi pprovduta bin-notifika li ssir referenza għaliha fil-paragrafu 1 biex jinforma lill-awtorità kompetenti b'kull informazzjoni ġdida li tista' taffettwa d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti rigward l-ittardjar tal-iżvelar tal-informazzjoni privileġġata.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 6

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Jibda japplika mit-3 ta' Lulju 2016.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1)

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1348/2014 tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar ir-rappurtar tad-dejta li jimplimenta l-Artikolu 8(2) u 8(6) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU L 363, 18.12.2014, p. 121),

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84)