30.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/21


REGOLAMENT (UE) 2016/1036 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-8 ta' Ġunju 2016

dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea

(Kodifikazzjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (2) ġie emendat kemm-il darba (3) b'mod sostanzjali. Għal finijiet ta' ċarezza u razzjonalità, jeħtieġ li dak ir- Regolament jiġi kkodifikat.

(2)

Il-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (“il-Ftehim kontra d-Dumping tal-1994”) fih regoli dettaljati, relatati b'mod partikolari mal-kalkolu tad-dumping, il-proċeduri għall-bidu u t-tkomplija ta' investigazzjoni, li jinkludu l-istabbiliment u t-trattament tal-fatti, l- impożizzjoni ta' miżuri provviżorji, l- impożizzjoni u l-ġbir ta' dazji kontra d-dumping, it-tul u r-reviżjoni tal-miżuri kontra d-dumping u r-rivelazzjoni lill-pubbliku tal-informazzjoni relatata ma' investigazzjonijiet kontra d-dumping.

(3)

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni korretta u trasparenti tar-regoli tal-Ftehim kontra d-Dumping tal-1994, il-lingwaġġ ta' dak il-Ftehim għandu jiġi rifless fil-leġislazzjoni tal- Unjoni sa fejn ikun possibbli.

(4)

Fl-applikazzjoni tar-regoli tal-Ftehim kontra d-Dumping tal-1994, huwa essenzjali, sabiex jiġi miżmum il-bilanċ bejn drittijiet u obbligi mill-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT), li l-Unjoni tieħu kont ta' kif inhuma interpretati dawk ir-regoli mis-soċji kummerċjali ewlenin tal-Unjoni.

(5)

Huwa kunsiljabbli li jiġu stabbiliti regoli ċari u dettaljati dwar il-kalkolu tal-valur normali. B'mod partikolari, tali valur għandu fil-każijiet kollha jkun ibbażat fuq bejgħ rappreżentattiv fil-kors ordinarju tal-kummerċ fil-pajjiż ta' esportazzjoni. Jaqbel li tingħata gwida dwar meta partijiet jistgħu jitqiesu bħala assoċjati għall-għan li jiġi stabbilit id-dumping. Huwa tajjeb li jiġu definiti ċ-ċirkostanzi li fihom il-bejgħ domestiku jista' jiġi kkunsidrat li jkun qiegħed isir b'telf u jkun jista' ma jiġix meqjus, u fejn jista' jkun hemm rikors għal bejgħ li jibqa', jew għal valur normali maħdum, jew għal bejgħ lejn pajjiż terz. Huwa wkoll xieraq li jsir provvediment għall-allokazzjoni korretta tal-ispejjeż, anke f'sitwazzjonijiet tal-bidu u li tiġi stabbilita gwida biex tiddefinixxi l-bidu ta' negozju u dwar id-daqs u l-metodu tal-allokazzjoni. Huwa wkoll meħtieġ, meta jinħadem il-valur normali, li tiġi indikata l-metodoloġija li għandha tiġi applikata fid-determinazzjoni tal-ammonti għall-bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi u l-marġini tal-profitt li għandhom jiġu inklużi f'tali valur.

(6)

Meta jiġi ddeterminat il-valur normali għall-pajjiżi b'ekonomija mhux tas-suq, ikun jidher prudenti li jiġu stabbiliti regoli għall-għażla tal-pajjiż terz b'ekonomija tas-suq xieraq li għandu jiġi użat għal dan il-għan u, fejn ikun possibbli li jinstab pajjiż terz xieraq, biex jipprovdu li l-valur normali jista' jiġi stabbilit fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra.

(7)

Huwa kunsiljabbli li jiġi ddefinit il-prezz ta' esportazzjoni u li jiġu nnumerati l-aġġustamenti li għandhom isiru f'dawk il-każijiet fejn jitqies li jinħtieġ li jinħadem mill-ġdid dak il-prezz mill-ewwel prezz tas-suq miftuħ.

(8)

Bil-għan li jiġi żgurat paragun xieraq bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali, huwa kunsiljabbli li jiġu elenkati l-fatturi li jistgħu jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet u li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi dwar meta u kif l-aġġustamenti għandhom isiru, inkluż il-fatt li kwalunkwe duplikazzjoni tal-aġġustamenti għandha tiġi evitata. Huwa wkoll meħtieġ li jiġi previst li l-paragun ikun jista' jsir bl-użu ta' prezzijiet medji għalkemm prezzijiet individwali għall-esportazzjoni jistgħu jiġu mqabbla ma' valur normali medju fejn dawk tal-ewwel ivarjaw skont il-klijent, ir-reġjun jew il-perjodu ta' żmien.

(9)

Huwa kunsiljabbli li tiġi stabbilita gwida ċara u dettaljata tal-fatturi li jistgħu jkunu rilevanti għad-determinazzjoni jekk l-importazzjonijet li huma l-oġġett ta' dumping ikkawżawx dannu materjali jew humiex qed jheddu li jikkawżaw dannu. Meta jintwera li l-volum u l-livelli tal-prezz tal-importazzjonijiet konċernati huma responsabbli għal dannu sostnut mill-industrija tal-Unjoni, għandha tingħata attenzjoni għall-effett ta' fatturi oħra u b'mod partikolari għall-kondizzjonijiet tas-suq li jkunu prevalenti fl-Unjoni.

(10)

Huwa kunsiljabbli li jiġi ddefinit it-terminu “industrija tal-Unjoni” u li jsir provvediment sabiex partijiet li jkunu relatati ma' esportaturi jkunu jistgħu jiġu esklużi minn tali industrija, u li jiġi ddefinit it-terminu “relatat”. Huwa wkoll meħtieġ li jsir provvediment sabiex tittieħed azzjoni kontra dumping għan-nom ta' produtturi f'reġjun tal-Unjoni u li jiġu stabbiliti linji ta' gwida dwar id-definizzjoni ta' dak ir-reġjun.

(11)

Huwa meħtieġ li jiġi speċifikat min jista' jippreżenta lment kontra dumping, inkluż sa fejn dan għandu jiġi appoġġat mill-industrija tal-Unjoni, u l-informazzjoni dwar dumping, id-dannu u l-kawżalità li tali lment għandu jinkludi. Huwa wkoll kunsiljabbli li jiġu speċifikati l-proċeduri għar-rifjut tal-ilmenti jew għall-bidu ta' proċedimenti.

(12)

Huwa meħtieġ li jiġi speċifikat il-mod li fih il-partijiet interessati għandhom jiġu mogħtija notifikazzjoni tal-informazzjoni li l-awtoritajiet jeħtieġu. Il-partijiet interessati għandu jkollhom biżżejjed opportunità biex jippreżentaw l-evidenza kollha rilevanti u biex jiddefendu l-interessi tagħhom. Huwa wkoll kunsiljabbli li jiġu stabbiliti b'mod ċar ir-regoli u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti matul l-investigazzjoni, b'mod partikolari r-regoli li permezz tagħhom partijiet interessati għandhom jagħmlu lilhom nfushom magħrufin, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom u jippreżentaw informazzjoni f'limiti ta' żmien speċifikati, jekk għandha tingħata attenzjoni għal tali opinjonijiet u informazzjoni. Huwa wkoll xieraq li jiġu stabbiliti kondizzjonijiet li taħthom parti interessata jista' jkollha aċċess għal, u li tikkummenta fuq, l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet oħra interessati. Għandu wkoll ikun hemm kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-ġbir tal-informazzjoni.

(13)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu imposti dazji provviżorji, inklużi kondizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu imposti dazji provviżorji mhux iktar kmieni minn 60 ġurnata mill-bidu u mhux iktar tard minn disa' xhur minn hemm 'il quddiem. Għal raġunijiet amministrattivi, huwa wkoll meħtieġ li jiġi previst li tali dazji jkunu jistgħu fil-każijiet kollha jiġu imposti mill-Kummissjoni, jew direttament għal perjodu ta' disa' xhur jew f'żewġ fażijiet ta' sitt xhur u ta' tliet xhur.

(14)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri għall-aċċettazzjoni ta' impenji li jeliminaw id-dumping u d-dannu minflok li jiġu imposti dazji provviżorji jew definittivi. Huwa wkoll xieraq li jiġu speċifikati l-konsegwenzi ta' ksur jew irtirar ta' impenji u li jistgħu jiġu imposti dazji provviżorji f'każijiet ta' ksur sospett jew fejn ikun hemm bżonn ta' aktar investigazzjoni biex tissupplimenta dak li nstab. Meta jintlaqgħu l-impenji, għandha tingħata attenzjoni sabiex l-impenji proposti, u l-infurzar tagħhom, ma jwasslux għal xi attività kontra l-kompetizzjoni.

(15)

Huwa meħtieġ li jsir provvediment biex it-terminazzjoni tal-każijiet ikollha, irrispettivament jekk jiġux adottati miżuri definittivi jew le, normalment isseħħ fi żmien 12-il xahar, u f'ebda każ iktar minn 15-il xahar, mill-bidu tal-investigazzjoni.

(16)

L-investigazzjonijiet jew proċedimenti għandhom jiġu terminati fejn id-dumping ikun de minimis jew id-dannu jkun negliġibbli, u huwa xieraq li dawk is-sitwazzjonijiet jiġu ddefiniti. Fejn ikollhom jiġu imposti miżuri, huwa meħtieġ li jsir provvediment għat-terminazzjoni tal-investigazzjonijiet u li jiġi speċifikat li l-miżuri għandhom ikunu inqas mill-marġini ta' dumping jekk tali ammont inqas jelimina d-dannu, u wkoll li jiġi speċifikat il-metodu ta' kalkolu tal-livell tal-miżuri fil-każ ta' teħid ta' kampjuni.

(17)

Huwa meħtieġ li jsir provvediment għall-ġbir retroattiv tad-dazji provviżorji jekk dan ikun meqjus xieraq u li jiġu definiti ċ-ċirkustanzi li jistgħu idaħħlu fis-seħħ l-applikazzjoni retroattiva ta' dazji biex jiġi evitat l-imminar tal-miżuri definittivi li għandhom jiġu applikati. Huwa wkoll meħtieġ li jiġi previst li d-dazji jistgħu jiġu applikati b'mod retroattiv fil-każijiet ta' ksur jew irtirar mill-impenji.

(18)

Huwa meħtieġ li jiġi previst li l-miżuri għandhom jiddekadu wara ħames snin sakemm reviżjoni ma tindikax li għandhom jiġu miżmuma. Huwa wkoll meħtieġ li jsir provvediment, f'każijiet fejn tkun mogħtija evidenza biżżejjed ta' ċirkustanzi mibdula, għal reviżjonijiet interim jew għal investigazzjonijiet biex jiġi stabbilit jekk għandhomx isiru rifużjonijiet ta' dazji kontra d-dumping. Huwa wkoll xieraq li jsir provvediment biex, fi kwalunkwe kalkolu mill-ġdid ta' dumping li jeħtieġ li jinħadmu mill-ġdid prezzijiet tal-esportazzjoni, id-dazji ma għandhomx jiġu meqjusa bħala spiża magħmula bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid fejn dawk id-dazji jkunu riflessi fil-prezzijiet tal-prodotti soġġetti għal miżuri fl-Unjoni.

(19)

Huwa meħtieġ li jsir provvediment speċifikament għall-istima mill-ġdid tal-prezzijiet ta' esportazzjoni u l-marġini ta' dumping fejn id-dazju jkun assorbit mill-esportatur permezz ta' forma ta' arranġament kumpensatorju u l-miżuri ma jkunux qegħdin jiġu riflessi fil-prezzijiet tal-prodotti soġġetti għall-miżuri fl-Unjoni.

(20)

Il-Ftehim kontra d-Dumping tal-1994 ma fihx dispożizzjonijiet fir-rigward tal-evażjoni ta' miżuri kontra d-dumping, għalkemm Deċiżjoni Ministerjali separata tal-GATT irrikonoxxiet l-evażjoni bħala problema u rriferietha lill-Kumitat Kontra d-Dumping tal-GATT għal riżoluzzjoni. Minħabba l-falliment, sa issa, tan-negozjati multilaterali u sa kemm għadu pendenti r-riżultat tar-referenza lill-Kumitat Kontra Dumping tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), huwa meħtieġ li jkunu inklużi dispożizzjonijiet fil-leġislazzjoni tal-Unjoni li jindirizzaw prattiki, inkluż is-sempliċi assemblaġġ tal-merkanzija fl-Unjoni jew f'pajjiż terz, li jkollhom bħala l-iskop ewlieni tagħhom, l-evażjoni tal-miżuri kontra d-dumping.

(21)

Huwa kunsiljabbli wkoll li jiġi ċċarat liema huma l-prattiki li jikkostitwixxu evażjoni tal-miżuri fis-seħħ. Il-prattiki ta' evażjoni jistgħu jsiru kemm ġewwa kif ukoll barra l-Unjoni. Hu għalhekk neċessarju li jsir provvediment sabiex l-eżenzjonijiet mid-dazji estiżi li jistgħu jingħataw lil importaturi jkunu jistgħu ukoll jingħataw lil esportaturi meta jkunu applikati dazji biex jindirizzaw l-evażjoni li ssir barra l-Unjoni.

(22)

Jaqbel li tkun permessa s-sospensjoni tal-miżuri kontra d-dumping fejn ikun hemm tibdil temporanju fil-kondizzjonijiet tas-suq li jagħmlu l-impożizzjoni kontinwata ta' tali miżuri temporanjament mhux xierqa.

(23)

Huwa meħtieġ li jsir provvediment biex importazzjonijiet taħt investigazzjoni jkunu jistgħu jsiru soġġetti għar-reġistrazzjoni mal-importazzjoni sabiex sussegwentement jiġu applikati miżuri kontra tali importazzjonijiet.

(24)

Sabiex jiġi żgurat l-infurzar xieraq tal-miżuri, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jissorveljaw, u jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar, il-kummerċ ta' importazzjoni ta' prodotti soġġetti għal investigazzjoni jew soġġetti għal miżuri, kif ukoll l-ammont ta' dazji miġbura taħt dan ir-Regolament.

(25)

Jaqbel li jsir provvediment għal żjarat ta' verifika għall-kontroll ta' informazzjoni ppreżentata dwar dumping u dannu, b'tali żjarat li, madanakollu, jsiru taħt il-kondizzjoni li jiġu riċevuti risposti xierqa għal kwestjonarji.

(26)

Huwa essenzjali li jiġi previst teħid ta' kampjuni f'każijiet fejn in-numru ta' partijiet jew tranżazzjonijiet ikun kbir sabiex ikunu jistgħu jitlestew l-investigazzjonijiet fil-limiti ta' żmien stabbiliti.

(27)

Huwa meħtieġ li jsir provvediment biex, fejn partijiet ma jikkoperawx b'mod sodisfaċenti tkun tista' tintuża informazzjoni oħra sabiex jiġu stabbiliti konklużjonijiet u li tali informazzjoni tkun tista' tkun inqas favorevoli għall-partijiet milli kieku kienu kkoperaw.

(28)

Għandu jsir provvediment għat-trattament ta' informazzjoni konfidenzjali sabiex sigrieti tan-negozju ma jiġux żvelati.

(29)

Huwa essenzjali li jsir provvediment għall-iżvelar xieraq ta' fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali lill-partijiet li jikkwalifikaw għal tali trattament u li tali żvelar isir, bil-konsiderazzjoni dovuta lejn il-proċess deċiżjonali fl-Unjoni, f'limitu ta' żmien li jippermetti lill-partijiet jiddefendu l-interessi tagħhom.

(30)

Huwa prudenti li jsir provvediment għal sistema ta' amministrazzjoni li taħtha jistgħu jiġu ppreżentati argumenti dwar jekk miżuri jkunux fl-interess tal-Unjoni, inkluż l-interess tal-konsumaturi, u biex jiġu stabbiliti l-limiti ta' żmien li fihom tali informazzjoni għandha tiġi ppreżentata kif ukoll id-drittijiet ta' żvelar tal-partijiet konċernati.

(31)

L-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament tirrikjedi kondizzjonijiet uniformi għall-adozzjoni tad-dazji provviżorji u definittivi, u għat-terminazzjoni ta' investigazzjoni mingħajr miżuri. Dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(32)

Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni ta' miżuri provviżorji minħabba l-effetti ta' tali miżuri u l- loġika sekwenzjali tagħhom fir-rigward tal-adozzjoni ta' miżuri definittivi. Din għandha tintuża wkoll meta jiġu aċċettati impenji, meta jinbdew jew ma jinbdewx reviżjonijiet ta' skadenza, meta jiġu sospiżi miżuri, meta ssir estensjoni tas-sospensjoni ta' miżuri u meta jiġu ristabbiliti miżuri fid-dawl tal-effett ta' tali miżuri meta mqabbla ma' miżuri definittivi. Fejn dewmien fl-impożizzjoni tal-miżuri jikkawża dannu li jkun diffiċilment rimedjabbli, huwa meħtieġ li l- Kummissjoni titħalla tadotta miżuri provviżorji applikabbli immedjatament,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Prinċipji

1.   Jista' jiġi applikat dazju anti-dumping għal kwalunkwe prodott oġġett ta' dumping li r-rilaxx tiegħu għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa fl-Unjoni jikkawża dannu.

2.   Prodott għandu jiġi kkunsidrat bħala oġġett ta' dumping jekk il-prezz tal-esportazzjoni tiegħu għall- Unjoni ikun inqas minn prezz paragonabbli għal prodott simili, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, kif stabbilit għall-pajjiż esportatur.

3.   Il-pajjiż esportatur għandu normalment ikun il-pajjiż ta' oriġini. Madanakollu, jista' jkun pajjiż intermedjarju, ħlief fejn, per eżempju, il-prodotti jkunu sempliċiment trasbordati minn dak il-pajjiż, jew il-prodotti konċernati ma jkunux ġew magħmula f'dak il-pajjiż, jew ma jkunx hemm prezz paragunabbli għalihom f'dak il-pajjiż.

4.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-terminu “prodott simili” jfisser prodott li jkun identiku, jiġifieri, l-istess f'kull lat, bħall-prodott ikkunsidrat, jew fin-nuqqas ta' tali prodott, prodott ieħor li għalkemm ma jkunx simili f'kull lat, ikollu karatteristiċi li jixbħu mill-qrib dawk tal-prodott ikkunsidrat.

Artikolu 2

Determinazzjoni ta' dumping

1.   Il-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti fil-pajjiż esportatur.

Madanakollu, fejn l-esportatur fil-pajjiż esportatur ma jipproduċix jew ma jbigħx il-prodott simili, il-valur normali jista' jiġi stabbilit fuq il-bażi ta' prezzijiet ta' bejjiegħa jew produtturi oħra.

Il-prezzijiet bejn partijiet li jidhru li jkunu assoċjati, jew li jkollhom arranġament kumpensatorju ma' xulxin ma jistgħux jitqiesu li jkunu fil-kors ordinarju tal-kummerċ u ma jistgħux jintużaw biex jistabbilixxu l-valur normali sakemm ma jkunx stabbilit li huma ma humiex milquta mir-relazzjoni.

Biex jiġi stabbilit jekk żewġ partijiet humiex assoċjati, tista' titqies id-definizzjoni ta' partijiet relatati stabbilita fl-Artikolu 127 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (5).

2.   Il-bejgħ tal-prodott simili maħsub għall-konsum domestiku għandu normalment jiġi użat biex jiġi stabbilit il-valur normali jekk tali volum ta' bejgħ jikkonstitwixxi 5 % jew aktar mill-volum tal-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat lill-Unjoni. Madanakollu, jista' jiġi użat volum inqas ta' bejgħ meta, per eżempju, il-prezzijiet mitluba jkunu kkunsidrati rappreżentattivi għas-suq konċernat.

3.   Meta ma jkun hemm l-ebda bejgħ jew meta ma jkunx hemm biżżejjed bejgħ tal-prodott simili fil-kors ordinarju tal-kummerċ, jew fejn, minħabba s-sitwazzjoni partikolari tas-suq tali bejgħ ma jippermettix paragun xieraq, il-valur normali ta' prodott simili għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-ispiża tal-produzzjoni fil-pajjiż ta' oriġini flimkien ma' ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi u għal profitti, jew fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, lil pajjiż terz xieraq, sakemm dawk il-prezzijiet ikunu rappreżentattivi.

Jista' jitqies li jkun hemm sitwazzjoni partikolari tas-suq għall-prodott ikkonċernat fis-sens tal-ewwel subparagrafu meta, inter alia, il-prezzijiet ikunu baxxi artifiċjalment, meta jkun hemm kummerċ ta' skambju sinjifikattiv jew fejn ma jkunx hemm arranġamenti ta' proċessar mhux kummerċjali.

4.   Il-bejgħ tal-prodott simili fis-suq domestiku tal-pajjiż esportatur, jew il-bejgħ ta' esportazzjoni lil pajjiż terz, bi prezzijiet inqas miċ-ċifra tal-ispejjez tal-produzzjoni (fissi u varjabbli) flimkien mal-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi jistgħu jiġu trattati bħala li ma jkunux fil-kors ordinarju tal-kummerċ minħabba l-prezz, u jistgħu ma jitqisux fid-determinazzjoni tal-valur normali, sakemm ikun stabbilit li tali bejgħ isir f'perjodu estiż fi kwantitajiet sostanzjali, u jkun bi prezzijiet li ma jagħmlux tajjeb għall-irkupru tal-ispejjeż kollha f perjodu raġonevoli.

Jekk il-prezzijiet li jkunu inqas mill-ispejjeż fil-ħin tal-bejgħ ikunu aktar mill-ispejjeż medji kkalkolati għall-perjodu ta' investigazzjoni, tali prezzjiet għandhom jiġu kkunsidrati li jagħmlu tajjeb għall-irkupru tal-ispejjeż f'perjodu ta' żmien raġonevoli.

Il-perjodu ta' żmien estiż għandu normalment ikun ta' sena iżda f'ebda każ ma għandu jkun inqas minn sitt xhur, u l-bejgħ taħt l-ispiża għal kull unità għandu jiġi kkunsidrat li jkun magħmul fi kwantitajiet sostanzjali f'tali perjodu ta' żmien meta jiġi stabbilit li l-prezz tal-bejgħ medju peżat ikun inqas mill-ispiża għal kull unità medja peżata, jew li l-volum ta' bejgħ taħt il-ispiża għal kull unità ma jkunx inqas minn 20 % tal-bejgħ li jkun qiegħed jiġi użat sabiex jiġi determinat il-valur normali.

5.   L-ispejjeż għandhom normalment jiġu kkalkulati fuq il-bażi ta' records miżmuma mill-parti taħt investigazzjoni, sakemm records bħal dawn ikunu konformi ma' prinċipji kontabbilistiċi ġeneralment aċċettati tal-pajjiż konċernat u sakemm ikun muri li r-records jirriflettu b'mod raġonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat.

Jekk l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt investigazzjoni ma humiex riflessi b'mod raġonevoli fir-records tal-parti interessata, dawn għandhom jiġu aġġustati jew stabbiliti fuq il-bażi tal-ispejjeż ta' produtturi jew esportaturi oħra fl-istess pajjiż jew, fejn din l-informazzjoni ma tkunx disponibbli jew ma tistax tintuża, fuq kwalunkwe bażi oħra raġonevoli, inkluża informazzjoni minn swieq oħra rappreżentattivi.

Għandha tingħata konsiderazzjoni lill-evidenza ppreżentata dwar l-allokazzjoni korretta tal-ispejjeż, sakemm ikun muri li tali allokazzjonijiet kienu ġew utilizzati storikament. Fin-nuqqas ta' metodu aktar xieraq, għandha tingħata preferenza lill-allokazzjoni tal-ispejjeż fuq il-bażi tal-fatturat. Sakemm mhux diġà riflessi fl-allokazzjonijiet tal-ispejjeż taħt dan is-subparagrafu, l-ispejjeż għandhom jiġu aġġustati adegwatament għal dawk il-partiti ta' spejjeż mhux rikorrenti li jibbenefikaw lill-produzzjoni futura u/jew kurrenti.

Fejn l-ispejjeż għal xi parti mill-perjodu għall-irkupru tal-ispejjeż jiġu affettwati mill-użu ta' faċilitajiet ġodda ta' produzzjoni li jeħtieġu investiment addizzjonali sostanzjali u minn rati ta' utilizzazzjoni ta' volum baxx, li jkunu r-riżultat ta' operazzjonijiet tal-bidu li jseħħu fi ħdan jew matul parti minn xi perjodu ta' investigazzjoni, l-ispejjeż medji għall-fażi tal-bidu għandhom ikunu dawk applikabbli, taħt ir-regoli tal-allokazzjoni msemmija hawn fuq, fit-tmiem ta' tali fażi, u għandhom jiġu inklużi f'dak il-livell, għall-perjodu konċernat, fl-ispejjeż medji peżati msemmija fit-tieni sub-paragrafu tal-paragrafu 4. It-tul ta' fażi tal-bidu għandu jiġi determinat skont iċ-ċirkustanzi tal-produttur jew esportatur konċernat, iżda m'għandux jaqbeż porzjon inizjali adegwat tal-perjodu għall-irkupru tal-ispejjeż. Għal dan l-aġġustament lill-ispejjeż applikabbli matul il-perjodu ta' investgazzjoni, għandu jittieħed kont ta' informazzjoni relatata ma' fażi tal-bidu li testendi lil hinn minn dak il-perjodu fejn tkun ġiet ippreżentata qabel żjajjar ta' verifika u fi żmien tliet xhur mill-bidu tal-investigazzjoni.

6.   L-ammonti għall-bejgħ, għal spejjeż ġenerali u amministrattivi u għal profitti għandhom jiġu bbażati fuq data attwali relattivi għall-produzzjoni u l-bejgħ, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, tal-prodott simili mill-esportatur jew produttur taħt investigazzjoni. Meta ammonti bħal dawn ma jistgħux jiġu stabbiliti fuq dik il-bażi, l-ammonti jistgħu jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta':

(a)

il-medja peżata tal-ammonti attwali stabbilita għal esportaturi jew produtturi oħra soġġetti għal investigazzjoni fir-rigward tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili fis-suq domestiku tal-pajjiż ta' oriġini;

(b)

l-ammonti attwali applikabbli għall-produzzjoni u l-bejgħ, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, tal-istess kategorija ġenerali ta' prodotti għall-esportatur jew produttur in kwistjoni fis-suq domestiku tal-pajjiż ta' orġini;

(c)

kwalunkwe metodu raġonevoli ieħor, sakemm l-ammont għal profitt b'hekk stabbilit ma jaqbiżx il-profitt normalment magħmul minn esportaturi jew produtturi oħra fuq bejgħ ta' prodotti tal-istess kategorija ġenerali fis-suq domestiku tal-pajjiż ta' oriġini.

7.

(a)

Fil-każ ta' importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq (6), il-valur normali għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f'pajjiż terz b'ekonomija tas-suq, jew il-prezz minn tali pajjiż terz għal pajjiżi oħra, inkluża l- Unjoni, jew, fejn dawn ma jkunux possibbli, fuq kwalunkwe bażi oħra raġonevoli, inkluż il-prezz attwalment imħallas jew pagabbli fl-Unjoni għal prodott simili, adegwatament aġġustat jekk meħtieġ biex jinkludi marġni ta' profitt raġonevoli.

Għandu jiġi magħżul pajjiż terz xieraq b'ekonomija tas-suq b'manjiera li ma tkunx irraġonevoli, filwaqt jitqies kull tagħrif affidabbli li jsir disponibbli fiż-żmien tal-għażla. Għandhom jitqiesu wkoll il-limiti taż-żmien. Fejn xieraq, għandu jiġi użat pajjiż terz b'ekonomija tas-suq li jkun soġġett għall-istess investigazzjoni.

Il-partijiet fl-investigazzjoni għandhom jiġu mgħarrfa ftit wara l-bidu tagħha bil-pajjiż terz b'ekonomija tas-suq previst u għandhom jingħataw għaxart ijiem żmien sabiex jikkommentaw.

(b)

Fl-investigazzjonijiet kontra d-dumping dwar importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Vjetnam u l-Każakistan u kull pajjiż li ma jkollux ekonomija tas-suq u li jkun membru tal-WTO fid-data tal-bidu tal-investigazzjoni, il-valur normali għandu jkun stabbilit konformement skontmal-paragrafi 1 sa 6, jekk jintwera, fuq il-bażi ta' talbiet li jkunu adegwatament sostanzjati minn wieħed jew aktar produtturi li jkunu qed jiġu investigati u konformement maskontl-kriterji u proċeduri stabbiliti fil-punt (c), li jipprevalixxu kondizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq għal dan il-produttur jew produtturi fir-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili konċernat. Meta dan ma jkunx il-każ, ir-regoli li jinsabu fil-punt (a) għandhom japplikaw.

(c)

Pretensjoni taħt il-puntskont (b) għandha ssir bil-kitba u għandha tinkludi biżżejjed evidenza li l-produttur jopera taħt kondizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq, jiġifieri jekk:

id-deċiżjonijiet ta' ditti fir-rigward ta' prezzijiet, spejjeż u inputs, li jinkludu per eżempju l-materja prima, l-ispejjeż tat-teknoloġija u tax-xogħol, il-produzzjoni, il-bejgħ u l-investimenti, isiru b'reazzjoni għas-sinjali tas-suq li jirriflettu l-provvista u d-domanda, u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat f'dak ir-rigward, u l-ispejjeż ta' inputs maġġuri jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq,

id-ditti jkollhom sett ċar ta' records kontabbilistiċi bażiċi li jiġu verifikati indipendentement konformement ma' skontstandards internazzjonali tal-kontabilità u jiġu applikati għall-għanijiet kollha,

l-ispejjeż tal-produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja ta' ditti mhumiex soġġetti għal distorsjonijiet sinjifikanti derivati mis-sistema ekonomika ta' qabel li ma kenitx tas-suq, b'mod partikolari fir-rigward tad-deprezzament ta' assi, kanċellamenti oħrajn ta' assi, negozju bit-tpartit u ħlas permezz ta' tpaċija ta' djun,

id-ditti interessati huma soġġetti għal liġijiet dwar il-falliment u liġijiet tal-proprjetà li jiggarantixxu ċertezza u stabbiltà legali għall-operazzjoni tad-ditti, u

il-konversjonijiet tar-rati tal-kambju jsiru bir-rata tas-suq.

Għandu jiġi determinat jekk il-produttur jissodisfax il-kriterji msemmija taħt dan il-punt normalment fi żmien seba' xhur, iżda fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn tmien xhur, mill-bidu tal-investigazzjoni, wara li l-industrija tal-Unjoni tkun ingħatat l-opportunità li tikkommenta. Tali determinazzjoni għandha tibqa' fis-seħħ matul l-investigazzjoni kollha. Il-Kummissjoni għandha tagħti l-informazzjoni lill-Istati Membri dwar l-analiżi minnha ta' talbiet li jsiru skont il-punt (b) normalment fi żmien 28 ġimgħa mill-bidu tal-investigazzjoni.

(d)

Meta l-Kummissjoni tkun illimitat l-investigazzjoni tagħha skont l-Artikolu 17, id-determinazzjoni skont il-punti (b) u (c) ta' dan il-paragrafu għandha tkun limitata għall-partijiet inklużi fl-investigazzjoni u għal kull produttur li jirċievi trattament individwali skont l-Artikolu 17(3).

8.   Il-prezz tal-esportazzjoni għandu jkun il-prezz attwalment imħallas jew li jkun pagabbli għall-prodott meta mibjugħ għall-esportazzjoni mill-pajjiż tal-esportazzjoni lill-Unjoni.

9.   F'każijiet fejn ma hemm ebda prezz tal-esportazzjoni jew fejn jidher li l-prezz tal-esportazzjoni mhuwiex affidabbli minħabba assoċjazzjoni jew arranġament kumpensatorju bejn l-esportatur u l-importatur jew parti terza, il-prezz tal-esportazzjoni jista jinħadem fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodotti impurtati huma l-ewwel mibjugħa mill-ġdid lil xerrej indipendenti, jew, jekk il-prodotti mhumiex mibjugħa mill-ġdid lil xerrej indipendenti jew mhumiex mibjugħin mill-ġdid fil-kondizzjoni li fiha ġew impurtati, fuq kwalunkwe bażi raġonevoli.

F'dawk il-każijiet, l-aġġustament għall-ispejjeż kollha, inklużi d-dazji u t-taxxi, magħmulin bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, u għall-profitti li jsiru, għandu jsir sabiex jiġi stabbilit prezz affidabbli tal-esportazzjoni, fil-livell tal-fruntiera tal-Unjoni.

Il-partiti li għalihom għandu jsir aġġustament għandhom jinkludu dawk normalment assunti minn importatur iżda mħallsa minn kwalunkwe parti, kemm ġewwa kif ukoll barra l-Unjoni, li tidher li tkun assoċjata jew li għandha arranġament kumpensatorju mal-importatur jew l-esportatur, inkluż it-trasport tas-soltu, l-assigurazzjoni, l-immaniġġar, it-tagħbija u l-ispejjeż anċillari, id-dazji tad-dwana, kwalunkwe dazji kontra dumping, u taxxi oħra li għandhom jitħallsu fil-pajjiż tal-importazzjoni minħabba l-importazzjoni jew il-bejgħ tal-merkanzija, u marġini raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, spejjeż ġenerali jew amministrattvi u l-profitt.

10.   Għandu jsir paragun xieraq bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali. Dan il-paragun għandu jsir fl-istess livell tal-kummerċ u fir-rigward ta' bejgħ magħmul, kemm jista' jkun viċin, fl-istess ħin, u b'kont dovut meħud ta' differenzi oħra li jaffettwaw il-paragonabbiltà tal-prezz. Fejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni kif stabbiliti mhumiex fuq bażi daqshekk komparabbli għandu jkun hemm adattament, f'forma ta' aġġustamenti, f'kull każ, fuq il-merti tiegħu, għal differenzi fil-fatturi li huma pretiżi, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragonabbiltà tal-prezzijiet. Kwalunkwe duplikazzjoni meta jsiru l-aġġustamenti għandha tiġi evitata, b'mod partikolari relattivament għal tnaqqis, ribassi, kwantitajiet u l-livell tal-kummerċ. Meta l-kondizzjonijiet speċifikati jkunu sodisfatti, il-fatturi li għalihom jista' jsir aġġustament huma elenkati kif ġej:

(a)

Karatteristiċi fiżiċi

Għandu jsir aġġustament għal differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi tal-prodott konċernat. L-ammont tal-aġġustament għandu jikkorrispondi għal stima raġonevoli tal-valur tas-suq tad-differenza.

(b)

Ħlas fuq l-importazzjoni u taxxi indiretti

Għandu jsir aġġustament għall-valur normali għal ammont li jikkorrispondi għal kwalunkwe ħlas fuq l-importazzjoni jew taxxi indiretti li jiġu mħallsa fuq il-prodott simili u fuq materjali fiżikament inkorporati fih, meta maħsuba għal konsum fil-pajjiż ta' esportazzjoni u mhux miġbura jew mogħtija lura fir-rigward tal-prodott esportat lill-Unjoni.

(c)

Roħs, ribassi u kwantitajiet

Għandu jsir aġġustament għal differenzi fir-roħs u r-ribassi, inklużi dawk mogħtija għal differenzi fil-kwantitajiet, jekk dawn huma kwantifikati korrettament u huma direttament marbuta mal-bejgħ ikkunsidrat. Għandu jsir aġġustament ukoll għal roħs u ribassi differiti jekk it-talba hija bbażata fuq drawwa konsistenti f'perjodi preċedenti, inkluża l-konformità mal-kondizzjonijiet meħtieġa biex jikkwalifikaw għar-roħs jew ir-ribassi.

(d)

Livell tal-kummerċ

(i)

Aġġustament fid-differenzi tal-livelli kummerċjali, inklużi xi differenzi li jistgħu jinħolqu fil-bejgħ tal-FOT (Fabbrikant Oriġinali tat-Tagħmir), għandu jsir fejn, fir-rigward tas-sensiela tad-distribuzzjoni fiż-żewġt iswieq, ikun jidher li l-prezz tal-esportazzjoni, inkluż prezz tal-esportazzjoni maħdum, ikun qiegħed fuq livell kummerċjali differenti mill-valur normali u d-differenza tkun affetwat il-komparabilità tal-prezzijiet, li tkun ħarġet ċara minn differenzi konsistenti u distinti fil-funzjonijiet u l-prezzijiet tal-bejjiegħ għad-diversi livelli tal-kummerċ fis-suq domestiku tal-pajjiż esportatur. L-ammont tal-aġġustament għandu jkun ibbażat fuq il-valur kummerċjali tad-differenza.

(ii)

Madankollu, f'ċirkostanzi mhux ikkontemplati taħt il-punt (i), meta differenza eżistenti fil-livell kummerċjali ma tkunx tista' tiġi kkwantifikata minħabba n-nuqqas tal-livelli relevanti fis-suq domestiku tal-pajjiżi esportaturi, jew fejn ċerti funzjonijiet ikun jidher ċar li jkunu relatati ma' livelli kummerċjali għajr dak li jkun jintuża fit-tqabbil, jista' jkun permess aġġustament speċjali.

(e)

Trasport, assigurazzjoni, immaniġġar, tagħbija u spejjeż anċillari

Għandu jsir aġġustament għad-differenzi fl-ispejjeż relatati direttament li jsiru għall-konsenja tal-prodott konċernat mill-post tal-esportatur għal xerrej indipendenti, fejn tali spejjeż huma inklużi fil-prezzijiet mitluba. Dawk l-ispejjeż għandhom jinkludu t-trasport, l-assigurazzjoni, l-immaniġġar, it-tagħbija u l-ispejjeż anċillari.

(f)

Ippakkjar

Għandu jsir aġġustament għal differenzi fl-ispejjeż relatati direttament tal-ippakkjar għall-prodott konċernat.

(g)

Kreditu

Għandu jsir aġġustament għad-differenzi fl-ispiża ta' kwalunkwe kreditu mogħti għal bejgħ ikkunsidrat, sakemm ikun fattur li tiegħu jittieħed kont fid-determinazzjoni tal-prezzijiet mitluba.

(h)

Spejjeż ta' wara l-bejgħ

Għandu jsir aġġustament għad-differenzi fl-ispejjeż diretti tal-għoti ta' pleġġijiet, garanziji, assistenza teknika u servizzi, kif previsti fil-liġi u/jew fil-kuntratt tal-bejgħ.

(i)

Kummissjonijiet

Għandu jsir aġġustament għad-differenzi fil-kummissjonijiet imħallsa fir-rigward tal-bejgħ ikkunsidrat.

It-terminu “kummissjonijiet” għandu jinftiehem li jinkludi ż-żieda fuq il-prezz li jirċievi negozjant tal-prodott jew ta' prodott simili jekk il-funzjonijiet ta' tali negozjant ikunu simili għal dawk ta' aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta' kummissjoni.

(j)

Kambju tal-munita

Meta l-paragun tal-prezz jeħtieġ kambju tal-munita, tali kambju għandu jsir bl-użu tar-rata tal-kambju fid-data tal-bejgħ, għajr li, meta bejgħ ta' munita barranija fuq is-swieq bil-quddiem ikun marbut b'mod dirett mal-bejgħ involut għall-esportazzjoni, ir-rata tal-kambju fil-bejgħ bil-quddiem għandha tintuża. Normalment, id-data tal-bejgħ għandha tkun id-data tal-fattura iżda d-data tal-kuntratt, l-ordni tax-xiri jew il-konferma tal-ordni jistgħu jintużaw jekk dawn jistabbilixxu b'mod iktar adegwat it-termini materjali tal-bejgħ. Il-varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju għandhom jiġu injorati u l-esportaturi għandhom jiġu mogħtija 60 ġurnata biex jirriflettu moviment sostenut fir-rati tal-kambju matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

(k)

Fatturi oħra

Jista' jsir ukoll aġġustament għal differenzi f'fatturi oħra li ma jkunux previsti taħt il-punti (a) sa (j), jekk jiġi ppruvat li dawn jaffettwaw il-komparabilità fil-prezzijiet kif meħtieġ taħt dan il-paragrafu, b'mod partikolari jekk ix-xerrejja konsistentement iħallsu prezzijiet differenti fis-suq domestiku minħabba d-differenza f'tali fatturi.

11.   Soġġett għad-dispożizzjonijiet rilevanti li jirregolaw paragun adegwat, l-eżistenza ta' marġini ta' dumping matul il-perjodu ta' investigazzjoni għandha normalment tiġi stabbilita fuq il-bażi ta' paragun ta' valur normali medju peżat ma' medja peżata tal-prezzijiet tat-transazzjonijiet kollha tal-esportazzjoni lill-Unjoni, jew b'paragun tal-valuri normali individwali u l-prezzijiet individwali tal-esportazzjoni lill-Unjoni fuq bażi ta' kull transazzjoni individwali. Madanakollu, valur normali stabbilit fuq bażi ta' medja peżata jista' jiġi mqabbel ma prezzijiet tat-transazzjonijiet individwali kollha tal-esportazzjoni lill-Unjoni, jekk ikun hemm differenza sinifikanti fix-xejriet ta' prezzijiet tal-esportazzjoni fost xerrejja differenti, reġjuni differenti jew perjodi differenti ta' żmien, u jekk il-metodi speċifikati fl-ewwel sentenza ta' dan il-paragrafu ma jirriflettux il-grad sħiħ ta' dumping ipprattikat. Dan il-paragrafu ma għandux jipprekludi l-użu ta' teħid ta' kampjuni skont l-Artikolu 17.

12.   Il-marġini ta' dumping għandu jkun l-ammont li permezz tiegħu il-valur normali jaqbeż il-prezz tal-esportazzjoni. Fejn il-marġini ta' dumping ivarjaw, jista' jiġi stabbilit marġini medju peżat ta' dumping.

Artikolu 3

Determinazzjoni tad-dannu

1.   Taħt dan ir-Regolament, it-terminu “dannu” għandu, sakemm mhux speċifikat mod ieħor, jinftiehem li jfisser dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni, theddida ta' dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni jew dewmien materjali fl-istabbiliment ta' tali industrija u għandu jiġi interpretat skont id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.

2.   Id-dannu għandu jiġi determinat billi jkun ibbażat fuq evidenza pożittiva u għandu jinvolvi eżami objettiv ta':

(a)

il-volum ta' importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping u l-effett tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping fuq il-prezzijiet fis-suq tal- Unjoni għal prodotti simili; u

(b)

l-impatt konsegwenti ta' dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni.

3.   Fir-rigward tal-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping, għandu jittieħed kont ta' jekk kienx hemm żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping, kemm jekk f'termini assoluti kif ukoll jekk relattivament għall-produzzjoni jew għall-konsum fl-Unjoni. Fir-rigward tal-effett tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping fuq prezzijiet, għandu jittieħed kont ta' jekk kienx hemm undercutting sinifikanti fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping meta mqabbla mal-prezz ta' prodott simili tal-industrija tal-Unjoni, jew jekk l-effett ta' tali importazzjonijiet huwiex mod ieħor biex iwaqqa' l-prezzijiet għal grad sinifikanti jew biex jipprevjeni żidiet fil-prezz, li b'mod ieħor kienu jseħħu, sa grad sinifikanti. L-ebda wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi ma jista neċessarjament jagħti gwida deċiżiva.

4.   Fejn l-importazzjonijiet ta' prodott minn iktar minn pajjiż wieħed huma fl-istess ħin soġġetti għal investigazzjonijiet kontra dumping, l-effetti ta' importazzjonijiet bħal dawn għandhom jiġu stmati b'mod kumulattiv biss jekk huwa stabbilit li:

(a)

il-marġini ta' dumping stabbilit fejn jidħlu l-importazzjonijiet minn kull pajjiż huwa iktar minn de minimis kif definit fl-Artikolu 9(3) u li l-volum tal-importazzjonijiet minn kull pajjiż mhuwiex negleġibbli; u

(b)

stima kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet hija xierqa fid-dawl tal-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni bejn prodotti impurtati u l-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni bejn il-prodotti impurtati u l-prodott tal-Unjoni simili.

5.   L-eżami tal-impatt tal-prodotti li huma l-oġġett ta' dumping fuq l-industrija tal-Unjoni konċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi rilevanti kollha u l-indiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija, inkluż il-fatt li industrija tkun għadha fi proċess ta' rkuprar mill-effetti ta' dumping jew sussidju fil-passat; il-kobor tal-marġini attwali tad-dumping; it-tnaqqis attwali u potenzjali fil-bejgħ, il-profitti, il-produzzjoni, is-sehem fis-suq, il-produttività, ir-redditu fuq l-investimenti u l-utilizzazzjoni tal-volum; fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet tal-Unjoni; effetti negattivi attwali u potenzjali fuq il-fluss tal-flus, l-inventarji, l-impjiegi, il-pagi, it-tkabbir, l-abilità ta' attrazzjoni għal kapital jew investimenti. Din il-lista mhijiex eżawrjenti, u lanqas ma jistgħu, wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi, neċessarjament jagħtu gwida deċiżiva.

6.   Għandu jintwera, mill-evidenza rilevanti kollha ppreżentata relattivament għall-paragrafu 2, li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping qegħdin jikkawżaw dannu fis-sens ta' dan ir-Regolament. B'mod speċifiku, dan għandu jinvolvi li jintwera li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet identifikati skont il-paragrafu 3 huma responsabbli għal impatt fuq l-industrija tal-Unjoni kif previst fil-paragrafu 5, u li dak l-impatt jeżisti sa grad li jagħmlu possibbli li jiġi kklassifikat bħala materjali.

7.   Fatturi magħrufa, għajr importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping, li fl-istess ħin ikunu qegħdin jagħmlu dannu lill-industrija tal-Unjoni għandhom ukoll jiġu eżaminati sabiex jiġi żgurat li d-dannu kkawżat minn dawk il-fatturi l-oħrajn ma jkunx attribwit għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping taħt il-paragrafu 6. Fatturi li jistgħu jiġu kkunsidrati f'dak ir-rigward għandhom jinkludu l-volum u l-prezzijiet ta' importazzjonijiet mhux mibjugħin bi prezzijiet taħt il-prezz tagħhom; tnaqqis ferm fid-domanda jew tibdiliet fix-xejriet tal-konsum; prattiki kummerċjali restrittivi ta', u kompetizzjoni bejn, produtturi ta' pajjiżi terzi u tal-Unjoni; żviluppi fit-teknoloġija u prestazzjoni tal-esportazzjoni; u l-produttività tal-industrija tal-Unjoni.

8.   L-effett tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping għandu jiġi stmat relattivament għall-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni ta' prodott simili meta dejta disponibbli jippermettu l-identifikazzjoni separata ta' dik il-produzzjoni fuq il-bażi ta' kriterji bħall-proċess tal-produzzjoni, il-bejgħ tal-produtturi u l-profitti. Jekk tali identifikazzjoni separata ta' dik il-produzzjoni ma tkunx possibbli, l-effetti tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping għandhom jiġu stmati b'eżami tal-produzzjoni tal-idjaq grupp jew firxa ta' prodotti, li jinkludu l-prodott simili, li għalih l-informazzjoni neċessarja tista tiġi pprovduta.

9.   Theddida ta' dannu materjali għandha tkun determinata billi tkun ibbażata fuq fatti u mhux biss fuq allegazjoni, tbassir jew possibilità remota. Il-bidla fiċ-ċirkustanzi li toħloq sitwazzjoni ta' dumping li jikkawża dannu għandha tkun ġiet imbassra b'mod ċar u għandha tkun imminenti.

Meta tkun qed tiġi determinata theddida ta' dannu materjali, għandu jittieħed kont ta' fatturi bħal:

(a)

rata sinifikanti ta' żieda fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping fis-suq tal- Unjoni li tindika li x'aktarx hemm żieda sostanzjali ta' importazzjonijiet;

(b)

jekk hemmx kapaċità libera biżżejjed min-naħa tal-esportatur jew żieda imminenti u sostanzjali f'tali kapaċità li tindika li x'aktarx hemm żieda sostanzjali ta' dumping ta' esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, b'kont meħud tad-disponibbiltà ta' swieq oħrajn għall-esportazzjoni biex jassorbu kwalunkwe esportazzjoni addizzjonali;

(c)

jekk l-importazzjonijiet ikunux qegħdin jidħlu bi prezzijiet li kienu, sa grad sinifikanti, inaqqsu ferm il-prezzijiet jew jimpedixxu żidiet fil-prezzijiet li b'mod ieħor xorta kienu jiġru, u jekk probabbilment iżidux id-domanda għal aktar importazzjonijiet;

(d)

inventarji tal-prodott li jkun qiegħed jiġi investigat.

Ebda wieħed mill-fatturi elenkat hawn fuq waħdu ma jista' neċessarjament jagħti gwida deċiżiva, iżda t-totalità tal-fatturi kkunsidrati għandha tkun tali li twassal għall-konklużjoni twassal għall-konklużjoni li aktar esportazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping huma imminenti u li, jekk ma titteħidx azzjoni ta' protezzjoni, se jsir dannu materjali.

Artikolu 4

Definizzjoni ta' industrija tal-Unjoni

1.   Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, it-terminu “industrija tal-Unjoni” għandu jkun interpetat bħala li jirreferi għall-produtturi kollha tal-prodotti simili jew għal dawk minnhom li l-output kollettiv tal-prodotti jikkostitwixxi proporzjon maġġuri, kif definit fl-Artikolu 5(4), tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' dawk il-prodotti, għajr li:

(a)

meta jkun hemm relazzjoni bejn il-produtturi u l-esportaturi jew l-importaturi, jew huma stess ikunu importaturi tal-prodott allegament iddampjat, it-terminu “industrija Komunitarja” jista' jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-bqija tal-produtturi;

(b)

f'każijiet eċċezzjonali, it-territorju tal-Unjoni jista', għall-produzzjoni in kwistjoni, jiġi maqsum fi tnejn jew iktar swieq kompetittivi u l-produtturi fi ħdan kull suq jistgħu jiġu meqjusa bħala industrija separata jekk:

(i)

il-produtturi fi ħdan tali suq ibigħu kollox jew kważi kollox mill-produzzjoni tagħhom tal-prodott in kwistjoni f'dak is-suq; u

(ii)

id-domanda f'dak is-suq ma tkunx sa grad sostanzjali sodisfatta mill-produtturi tal-prodott in kwistjoni li jkunu jinsabu x'imkien ieħor fl- Unjoni.

F'tali ċirkustanzi, jista jinstab li jeżisti ħsara anke fejn porzjon maġġuri tal-industrija totali tal-Unjoni ma ssirlux dannu, sakemm hemm konċentrazzjoni tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping f'tali suq iżolat u wkoll sakemm l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping ikunu qegħdin jikkawżaw dannu lill-produtturi tal-produzzjoni kollha jew kważi kollha fi ħdan tali suq.

2.   Għall-iskop tal-paragrafu 1, il-produtturi għandhom jiġu kkunsidrati bħala relatati mal-esportaturi jew l-importaturi biss jekk:

(a)

wieħed minnhom b'mod dirett jew indirett jikkontrolla lill-ieħor;

(b)

it-tnejn li huma huma kkontrollati b'mod dirett jew indirett minn terza persuna; jew

(c)

flimkien jikkontrollaw b'mod dirett jew indirett terza persuna sakemm hemm raġunijiet għat-twemmin jew is-suspett li l-effett tar-relazzjoni hija tali li ġġiegħel lill-produttur konċernat jaġixxi b'mod differenti minn produtturi mhux relatati.

Għall-iskop ta' dan il-paragrafu, wieħed għandu jkun meqjus li jikkontrolla lill-ieħor meta tal-ewwel huwa legalment jew operattivament f'pożizzjoni li jeżerċita żamma jew direzzjoni fuq tal-aħħar.

3.   Fejn l-industrija tal-Unjoni tkun ġiet interpretata li tirreferi għall-produtturi f'ċertu reġjun, l-esportaturi għandhom jingħataw opportunità li joffru impenji skont l-Artikolu 8 fir-rigward tar-reġjun konċernat. F'tali każijiet, fl-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni tal-miżuri, għandu jingħata kas speċjali tal-interess tar-reġjun. Jekk ma jkunx offrut minnufih impenn adegwat jew jekk japplikaw is-sitwazzjonijiet deskritti fl-Artikolu 8(9) u (10), jista' jiġi impost dazju provviżorju jew definittiv fir-rigward tal- Unjoni kollha. F'każijiet bħal dawn, id-dazji jistgħu, jekk prattikabbli, jkunu limitati għal produtturi jew esportaturi speċifiċi.

4.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(8) għandhom japplikaw għal dan l-Artikolu.

Artikolu 5

Bidu tal-proċedimenti

1.   Ħlief kif previst fil-paragrafu 6, investigazzjoni biex jiġu determinati l-eżistenza, il-grad u l-effett ta' kwalunkwe dumping allegat għandha tinbeda fuq ilment bil-miktub minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, jew kwalunkwe assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika, li jaġixxu għan-nom tal-industrija tal-Unjoni.

L-ilment jista' jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni, jew lil Stat Membru, li għandu jgħaddih lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat kopja lill-Istati Membri ta' kwalunkwe lment li tirċievi. L-ilment għandu jiġi meqjus li kien imressaq fl-ewwel ġurnata tax-xogħol wara l-kunsinna tiegħu lill-Kummissjoni permezz ta' posta rreġistrata jew wara l-għoti ta' riċevuta mill-Kummissjoni.

Fejn, fin-nuqqas ta' kwalunkwe ilment, Stat Membru jkun fil-pussess ta' biżżejjed evidenza ta' dumping u ta' dannu lill-industrija tal-Unjoni bħala riżultat, għandu immedjatament jikkomunika tali evidenza lill-Kummissjoni.

2.   Ilment taħt il-paragrafu 1 għandu jinkludi evidenza ta' dumping, ta' dannu u ta' rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li allegatament ikunu l-oġġett ta' dumping u d-dannu allegat. L-ilment għandu jinkludi dik l-informazzjoni li tkun raġonevolment disponibbli lil min jagħmel l-ilment dwar dawn li ġejjin:

(a)

l-identità ta' min jagħmel l-ilment u deskrizzjoni tal-volum u l-valur tal-produzzjoni tal-Unjoni tal-prodott simili minn min jagħmel l-ilment. Fejn ilment bil-miktub isir għan-nom tal-industrija tal-Unjoni, l-ilment għandu jidentifika l-industrija li f'isimha jkun qiegħed isir l-ilment permezz ta' lista ta' produtturi magħrufin tal-Unjoni tal-prodott simili (jew assoċjazzjonijiet ta' produtturi tal-Unjoni tal-prodott simili) u, sa fejn possibbli, b'deskrizzjoni tal-volum u l-valur tal-produzzjoni tal-Unjoni tal-prodott simili dikjarati minn tali produtturi;

(b)

deskrizzjoni sħiħa tal-prodott allegatament iddampjat, l-ismijiet tal-pajjiż jew il-pajjiżi ta' oriġini jew ta' esportazzjoni msemmija, l-identità ta' kull esportatur jew produttur barrani magħruf u lista ta' persuni magħrufa li jimpurtaw il-prodott imsemmi;

(c)

il-prezzijiet li bihom il-prodott imsemmi jiġi mibjugħ meta destinat għal konsum fis-swieq domestiċi tal-pajjiż jew il-pajjiżi ta' oriġini jew ta' esportazzjoni (jew, fejn xieraq, informazzjoni dwar il-prezzijiet li bihom il-prodott jiġi mibjugħ minn pajjiż jew pajjiżi ta' oriġini jew ta' esportazzjoni lil pajjiż terz jew pajjiżi terzi jew fuq il-valur maħdum tal-prodott) u l-prezzijiet għall-esportazzjoni jew, fejn xieraq, il-prezzijiet li bihom il-prodott huwa l-ewwel mibjugħ mill-ġdid lil xerrej indipendenti fl-Unjoni;

(d)

it-tibdiliet fil-volum ta' importazzjonijiet allegatament iddampjati, l-effett ta' dawk l-importazzjonijiet fuq prezzijiet tal-prodott simili fuq is-suq tal-Unjoni u l-impatt konsegwenti tal-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni, kif murija mill-fatturi rilevanti u l-indiċi li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni, bħal dawk elenkati fl-Artikolu 3(3) u (5).

3.   Il-Kummissjoni għandha, sa fejn ikun possibbli, teżamina l-preċiżjoni u l-adegwatezza tal-evidenza mogħtija fl-ilment, biex tiddetermina jekk hemmx biżżejjed evidenza biex tiġġustifika li jingħata bidu lill-investigazzjoni.

4.   Investigazzjoni ma għandhiex tinbeda skont il-paragrafu 1 sakemm ma tkunx ġiet determinata, fuq il-bażi ta' eżami tal-livell ta' appoġġ għal, jew oppożizzjoni kontra, l-ilment espress mill-produtturi tal-Unjoni tal-prodott simili, li l-ilment sar minn, jew għan-nom tal-industrija tal-Unjoni. L-ilment għandu jiġi kkunsidrat li jkun ġie magħmul minn, jew għan-nom tal-industrija tal-Unjoni jekk ikun appoġġat minn dawk il-podutturi tal-Unjoni li produzzjoni kollettiva tagħhom tikkostitwixxi iktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili li jsir minn dak il-porzjon tal-industrija tal-Unjoni li jesprimi appoġġ għal, jew oppożizzjoni kontra, l-ilment. Madanakollu, ebda investigazzjoni ma għandha tinbeda fejn produtturi tal-Unjoni li espressament jappoġġaw l-ilment jammontaw għal inqas minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili li jsir mill-industrija tal-Unjoni.

5.   L-awtoritajiet għandhom jevitaw, sakemm ma tkunx ittieħdet deċiżjoni biex tinbeda investigazzjoni, kwalunkwe pubbliċità tal-ilment li jfittex il-bidu ta' investigazzjoni. Madanakollu, wara riċevuta ta' lment dokumentat kif suppost u qabel jipproċedi għall-bidu ta' investigazzjoni, il-gvern tal-pajjiż ta' esportazzjoni konċernat għandu jiġi notifikat.

6.   Jekk, f'ċirkostanzi speċjali, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda investigazzjoni mingħajr ma tkun irċeviet ilment bil-miktub, mill-industrija tal-Unjoni jew f'isimha, għall-bidu ta' tali investigazzjoni, dan għandu jsir abbażi ta' evidenza suffiċjenti ta' dumping, dannu u rabta ta' kawżalità, kif deskritt fil-paragrafu 2, biex tiġġustifika tali bidu. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-informazzjoni lill-Istati Membri ladarba tkun iddeterminat il-ħtieġa li tagħti bidu lil tali investigazzjoni.

7.   L-evidenza kemm ta' dumping kif ukoll tad-dannu għandha tiġi kkunsidrata fl-istess ħin fid-deċiżjoni jekk għandiex tinbeda investigazzjoni jew le. Ilment għandu jiġi rifjutat fejn ma jkunx hemm biżżejjed evidenza ta' dumping jew ta' dannu biex tiġġustifika l-proċediment tal-każ. Ma għandhomx jinbdew proċedimenti kontra pajjiżi li l-importazzjonijiet tagħhom jirrapreżentaw sehem tas-suq ta' inqas minn 1 %, sakemm tali pajjiżi kollettivament ma jirrappreżentax 3 % jew iktar mill-konsum tal-Unjoni.

8.   L-ilment jista' jiġi rtirat qabel il-bidu, f'liema każ għandu jiġi kkunsidrat bħala mhux preżentat.

9.   Fejn ikun jidher li hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika l-bidu ta' proċedimenti, il-Kummissjoni għandha tagħmel dan fi żmien 45 jum mid-data tat-tressiq tal-ilment u għandha tippubblika avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fejn ma tkunx ġiet ippreżentata biżżejjed evidenza, min jagħmel l-ilment għandu jkun infurmat dwar dan fi żmien 45 jum minn dakinhar li jkun tressaq l-ilment lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħti informazzjoni lill-Istati Membri li tikkonċerna l-analiżi tagħha tal-ilment normalment fi żmien 21 jum mid-data li fiha jkun tressaq l-ilment lill-Kummissjoni.

10.   In-notifika tal-bidu tal-proċedimenti għandha tħabbar il-bidu ta' investigazzjoni, tindika l-prodott u l-pajjiżi konċernati, tagħti ġabra fil-qosor tal-informazzjoni riċevuta, u tipprovdi li l-informazzjoni rilevanti kollha għandha tiġi kkomunikata lill-Kumissjoni.

Għandha turi l-perjodi li matulhom, il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu lilhom infushom magħrufa, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jippreżentaw informazzjoni jekk tali opinjonijiet u informazzjoni għandhom jiġu meqjusa matul l-investigazzjoni. Għandha wkoll tindika l-perjodu li matulu l-partijiet interessati jistgħu japplikaw biex jiġu mismugħa mill-Kumissjoni skont l-Artikolu 6(5).

11.   Il-Kummissjoni għandha tavża lill-esportaturi, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-importaturi jew l-esportaturi magħrufa lilha li huma konċernati, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-pajjiż ta' esportazzjoni u lil min jagħmel l-ilment, bil-bidu tal-proċedimenti u, b'kont meħud tal-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali tipprovdi t-test sħiħ tal-ilment miktub riċevut skont il-paragrafu 1 lill-esportaturi magħrufa u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ta' esportazzjoni, u tagħmlu disponibbli, fuq talba, lill-partijiet interessati oħra involuti. Fejn in-numru tal-esportaturi involuti jkun partikolarment għoli, it-test sħiħ tal-ilment miktub jista', minflok, jiġi pprovdut biss lill-awtoritajiet tal-pajjiż ta' esportazzjoni jew lill-assoċjazzjoni rilevanti tal-kummerċ.

12.   Investigazzjoni ta' anti-dumping ma għandhiex timpedixxi l-proċeduri ta' rilaxx mid-dwana.

Artikolu 6

L-investigazzjoni

1.   Wara l-bidu tal-proċedimenti, il-Kummissjoni, li taġixxi f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tibda investigazzjoni fil-livell tal-Unjoni. Tali investigazzjoni għandha tkopri kemm id-dumping kif ukoll id-dannu, u huma għandhom jiġu investigati fl-istess ħin.

Għall-iskop ta' konklużjoni rappreżentattiva, għandu jintgħażel perjodu ta' investigazzjoni li, fil-każ ta' dumping għandu, normalment, ikopri perjodu ta' mhux inqas min sitt xhur immedjatament qabel il-bidu tal-proċedimenti.

L-informazzjoni relatata ma' perjodu sussegwenti għall-perjodu ta' investigazzjoni ma għandhiex, normalment, tiġi kkunsidrata.

2.   Il-partijiet li jirċievu kwestjonarji użati fl-investigazzjoni kontra d-dumping għandhom jingħataw mill-inqas 30 ġurnata biex iwieġbu. Il-limitu ta' żmien għall-esportaturi għandu jingħadd mid-data tal-irċevuta tal-kwestjonajru, li għal dan l-iskop għandu jiġi meqjus li jkun ġie riċevut ġimgħa wara l-jum li fih huwa kien ġie mibgħut lill-esportatur jew trasmess lir-rappreżentant diplomatiku adatt tal-pajjiż ta' esportazzjoni. Tista' tiġi mogħtija estensjoni ta' perjodu ta' 30 ġurnata, b'kont debitament meħud tal-limiti ta' żmien tal-investigazzjoni, sakemm il-parti turi li hemm kawża ġusta għal tali estensjoni f'termini taċ-ċirkustanzi partikolari tagħha.

3.   Il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni, u l-Istati Membri għandhom jieħdu kwalunkwe pass meħtieġ sabiex jagħtu effett għal tali talbiet.

Huma għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni mitluba flimkien mar-riżultati tal-ispezzjonijiet, kontrolli jew investigazzjonijiet kollha li jkunu saru.

Fejn dik l-informazzjoni tkun ta' interess ġenerali jew fejn it-trasmissjoni tagħha ġiet mitluba minn Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tgħaddiha lill-Istati Membri, sakemm ma tkunx kunfidenzjali, f'liema każ għandha tiġi mgħoddija ġabra fil-qosor mhux kunfidenzjali.

4.   Il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istati Membri sabiex jagħmlu l-kontrolli u l-ispezzjonijiet kollha neċessarji, partikolarment fost l-importaturi, negozjanti u produtturi tal-Unjoni, u biex jagħmlu investigazzjonijiet f'pajjiżi terzi, sakemm l-impriżi konċernati jagħtu l-kunsens tagħhom u l-gvern tal-pajjiż konċernat ikun ġie uffiċjalment notifikat u ma jkun qajjem ebda oġġezzjoni.

L-Istati Membri għandhom jieħdu kwalunkwe passi meħtieġa sabiex jagħtu effett lil tali talbiet mill-Kummissjoni.

L-uffiċjali tal-Kummissjoni għandhom ikunu awtorizzati, jekk il-Kummissjoni jew Stat Membru jitlob hekk, li jassistu lill-uffiċjali tal-Istati Membri fit-twettiq tad-doveri tagħhom.

5.   Il-partijiet interessati li jkunu għamlu lilhom infushom magħrufa taħt l-Artikolu 5(10) għandhom jiġu mismugħa jekk huma, fi żmien il-perjodu stabbilit fin-notifika ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għamlu talba bil-miktub għal udjenza li turi li huma parti interessata li x'aktarx tiġi affettwata mir-riżultat tal-proċediment u li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jiġu mismugħa.

6.   Għandhom ikunu provduti opportunitajiet, fuq talba, għall-importaturi u għall-esportaturi, għar-rappreżentanti tal-gvern tal-pajjiż ta' esportazzjoni u għal min jagħmel l-ilment, li għamlu lilhom infushom magħrufin skont l-Artikolu 5(10), għal laqgħat ma' dawk il-partijiet b'interessi kuntrarji, biex jkunu jistgħu jiġu ppreżentati opinjonijiet opposti u biex jkunu jistgħu jiġu offruti argumenti ta' kontestazzjoni.

Il-provvediment għal tali opportunitajiet għandu jieħu kont tal-bżonn li tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità u tal-konvenjenza tal-partijiet.

Ma għandu jkun hemm ebda obbligu fuq kwalunkwe parti sabiex tattendi laqgħa, u nuqqas li jagħmel dan ma għandux ikun ta' preġudizzju għall-każ ta' dik il-parti.

Għandu jittieħed kont tal-informazzjoni orali mogħtija taħt dan il-paragrafu sa fejn hija tkun ikkonfermata wara bil-miktub.

7.   Min jagħmel l-ilment, l-importaturi u l-esportaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, utenti u organizzazzjonijiet tal-konsumatur, li għamlu lilhom infushom magħrufa skont l-Artikolu 5(10), kif ukoll ir-rappreżentanti tal-pajjiż ta' esportazzjoni jistgħu, fuq talba bil-miktub, jispezzjonaw l-informazzjoni kollha magħmula disponibbli minn kwalunklwe parti għal investigazzjoni, bħala distinta minn dokumenti interni ppreparati mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew mill-Istati Membri tagħha, li tkun rilevanti għall-preżentazzjoni tal-każijiet tagħhom u mhux kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 19, u li tkun użata fl-investigazzjoni.

Tali partijiet jistgħu jirrispondu għal tali informazzjoni u għandu jittieħed kont tal-kummenti tagħhom, kull fejn ikunu sostanzjati biżżejjed fit-tweġiba.

8.   Għajr fiċ-ċirkustanzi li jipprevedi l-Artikolu 18, l-informazzjoni li tkun provduta mill-partijiet interessati u li fuqha huma bbażati l-konklużjonijiet għandha tiġi eżaminata għall-preċiżjoni sa fejn ikun possibbli.

9.   Għall-proċedimenti mibdija skont l-Artikolu 5(9), investigazzjoni għandha, kull fejn possibbli, tiġi konkluża fi żmien sena. Fi kwalunkwe każ, tali investigazzjonijiet għandhom fil-każijiet kollha jiġu konklużi fi żmien 15-il xahar mill-bidu, skont il-konklużjonijiet magħmula skont l-Artikolu 8 għal impenji jew il-konklużjonijiet magħmula skont l-Artikolu 9 għal azzjoni definittiva.

Artikolu 7

Miżuri provviżorji

1.   Id-dazji provviżorji jistgħu jiġu imposti jekk:

(a)

ikunu nbdew proċedimenti skont l-Artikolu 5;

(b)

tkun ingħatat notifika b'dak l-effett u l-partijiet interessati ġew mogħtija biżżejjed opportunità adegwata biex jissottomettu informazzjoni u jagħmlu kummenti skont l-Artikolu 5(10);

(c)

jiġi determinat provviżorjament b'mod affermattiv li sar dumping u jkun sar dannu konsegwenti lill-industrija tal-Unjoni;

(d)

l-interess tal-Unjoni jirrikjedi intervenzjoni biex jiġi impedit tali dannu.

Id-dazji provviżorji għandhom jiġu imposti mhux aktar kmieni minn 60 ġurnata mill-bidu tal-proċedimenti iżda mhux aktar tard minn disa' xhur mill-bidu tal-proċedimenti.

2.   L-ammont tad-dazju anti-dumping provviżorju ma għandux jaqbeż il-marġini ta' dumping kif provviżorjament stabbilit, iżda għandu jkun inqas mill-marġini jekk tali dazju inqas kien adatt biex jelimina d-dannu li sar lill-industrija tal-Unjoni.

3.   Id-dazji provviżorji għandhom jiġu garantiti b'garanzija, u r-rilaxx tal-prodotti konċernati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa fl-Unjoni għandu jkun taħt il-kondizzjoni ta' għotja ta' tali garanzija.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri provviżorji f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(4).

5.   Fejn Stat Membru jitlob intervent immedjat mill-Kummissjoni u fejn il-kondizzjonijiet fil-paragrafu 1 ikunu sodisfatti, il-Kummissjoni għandha fi żmien massimu ta' ħames ġranet ta' xogħol mill-irċevuta tat-talba, tiddeċiedi jekk għandux jiġi impost dazju anti-dumping provviżorju.

6.   Id-dazji provviżorji jistgħu jiġu imposti għal sitt xhur u estiżi għal tliet xhur oħra jew jistgħu jiġu imposti għal disa' xhur. Madanakollu, jistgħu jiġu biss estiżi, jew imposti għal perjodu ta' disa' xhur, fejn l-esportaturi li jirrapreżentaw persentaġġ sinifikanti tal-kummerċ involut jitolbu hekk jew ma joġġezzjonawx fuq notifika mill-Kummissjoni.

Artikolu 8

Impenji

1.   Bil-kondizzjoni li tkun saret determinazzjoni affermattiva provviżorja ta' dumping u ta' dannu, il-Kummissjoni tista', f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 15(2), taċċetta offerti ta' impenji volontarji sodisfaċenti mressqa minn kwalunkwe esportatur biex jirrivedi l-prezzijiet tiegħu jew biex jieqaf mill-esportazzjonijiet li jkunu l-oġġett ta' dumping, jekk tkun sodisfatta li b'hekk jiġi eliminat l-effett ta' dannu mid-dumping.

F'tali każ u sakemm ikunu fis-seħħ dawk l-impenji, id-dazji provviżorji imposti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7(1), jew id-dazji definittivi imposti f'konformità mal-Artikolu 9(4), skont kif ikun il-każ, ma għandhomx japplikaw għall-importazzjonijiet rilevanti tal-prodott ikkonċernat manifatturat mill-kumpanniji msemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li taċċetta l-impenji, kif emendata sussegwentement.

Iż-żidiet fil-prezzijiet taħt tali impenji ma għandhomx ikunu ogħla milli jkun neċessarju biex jiġi eliminat il-marġni tad-dumping u għandhom ikunu inqas mill-marġni ta' dumping jekk tali żidiet ikunu adegwati għall-eliminazzjoni tad-dannu lill-industrija tal-Unjoni.

2.   Jistgħu jkunu suġġeriti impenji mill-Kummissjoni, iżda ebda esportatur ma għandu jkun obbligat li jidħol f'tali impenn. Il-fatt li l-esportaturi ma joffrux tali impenji, jew li ma jaċċettawx stedina għal din, ma għandu b'ebda mod jippreġudika l-kunsiderazzjoni tal-każ.

Madanakollu, jista' jiġi determinat huwa aktar probabbli li sseħħ theddida ta' dannu jekk l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping ikomplu. M'għandhomx jintalbu jew jiġu aċċettati impenji minn esportaturi sakemm ma tkunx saret determinazzjoni affirmattiva provviżorja ta' dumping u ta' dannu kkawżat minn tali dumping.

Ħlief f'ċirkustanzi eċċezzjonali, ma jistgħux jiġu offerti impenji aktar tard mill-aħħar tal-perjodu li matulu jistgħu jsiru rappreżentazzjonijiet skont l-Artikolu 20(5).

3.   L-impenji offruti ma għandhomx jiġu aċċettati jekk l-aċċettazzjoni tagħhom tkun meqjusa bħal mhux prattika, bħal meta n-numru ta' esportaturi attwali jew potenzjali li jkun kbir wisq, jew għal raġunijiet oħra, inklużi raġunijiet ta' politika ġenerali. L-esportatur konċernat jista' jiġi pprovdut bir-raġunijiet li għalihom jkun propost ir-rifjut ta' impenn u jista jiġi mogħti l-opportunità li jagħmel kummenti fuqhom. Ir-raġunijiet għar-rifjut għandhom jingħataw fid-deċiżjoni definittiva.

4.   Il-partijiet li joffru impenn għandhom ikunu meħtieġa li jipprovdu verżjoni mhux kunfidenzjali ta' dak l-impenn, sabiex ikun jista' jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati fl-investigazzjoni.

5.   Fejn l-impenji jkunu aċċettati, l-investigazzjoni għandha tiġi terminata. Il-Kummissjoni għandha tittermina l-investigazzjoni f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 15(3).

6.   Jekk l-impenji jiġu aċċettati, l-investigazzjoni tad-dumping u tad-dannu għandha normalment tiġi terminata. F'tali każ, jekk issir determinazzjoni negattiva ta' dumping jew ta' dannu, l-impenn għandu jaqa' awtomatikament, għajr f'każijiet fejn tali determinazzjoni tkun dovuta fil-parti kbira għall-eżistenza ta' impenn. F'tali każijiet jista jiġi meħtieġ li impenn jinżamm effettiv għal perjodu raġonevoli.

Fil-każ li ssir determinazzjoni affirmattiva ta' dumping u tal-dannu, l-impenn għandu jibqa' konsistenti f'konformità mat-termini tagħha u mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

7.   Il-Kummissjoni għandha titlob minn kwalunkwe esportatur li mingħandu jkun ġie aċċettat impenn li jipprovdi, perjodikament, informazzjoni rilevanti għat-twettiq ta' dak l-impenn u biex jippermetti verifika ta' dejta pertinenti. In-nuqqas ta' konformità ma' tali rekwiżiti għandu jitqies bħala ksur tal-impenn.

8.   Fejn jiġu aċċettati impenji minn xi esportaturi matul il-kors ta' investigazzjoni, huma għandhom, għall-iskopijiet tal-Artikolu 11, jiġu meqjusa li jieħdu effett mid-data li fiha l-investigazzjoni tiġi konkluża għall-pajjiż ta' esportazzjoni.

9.   Fil-każ ta' ksur jew irtirar ta' impenji minn kwalunkwe parti għall-impenn, jew fil-każ ta' rtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn mill-Kummissjoni, l-aċċettazzjoni tal-impenn għandha tiġi rtirata b'Deċiżjoni tal-Kummissjoni jew Regolament tal-Kummissjoni, kif ikun xieraq, u d-dazju provviżorju li jkun ġie impost mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7 jew id-dazju definittiv li jkun ġie impost f'konformità mal-Artikolu 9(4) għandu japplika awtomatikament, sakemm l-esportatur ikkonċernat ikun ingħata l-opportunità biex jikkummenta, ħlief fejn huwa jkun irtira l-impenn. Il-Kummissjoni għandha tagħti informazzjoni lill-Istati Membri meta tiddeċiedi li tirtira impenn.

Kull parti interessata jew Stat Membru jistgħu jissottomettu informazzjoni li tagħti prima facie prova ta' ksur ta' impenn. Il-valutazzjoni sussegwenti jekk ikunx sar ksur ta' impenn normalment għandha tiġi konkluża fi żmien sitt xhur, iżda f'ebda każ f'aktar minn disa' xhur wara talba debitament sostanzjata.

Il-Kummissjoni tista' titlob l-assistenza tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-monitoraġġ ta' impenji.

10.   Jista' jiġi impost dazju provviżorju f'konformità mal-Artikolu 7 abbażi tal-aħjar informazzjoni disponibbli fejn ikun hemm raġuni biex wieħed jaħseb li qiegħed jinkiser xi impenn, jew fil-każ ta' ksur jew irtirar ta' impenn, fejn l-investigazzjoni li tkun wasslet għal dak l-impenn ma tkunx ġiet konkluża.

Artikolu 9

Terminazzjoni mingħajr miżuri; impożizzjoni ta' dazji definittivi

1.   Fejn l-ilment jiġi rtirat, il-proċedimenti jistgħu jiġu terminati sakemm tali terminazzjoni ma tkunx kontra l-interess tal-Unjoni.

2.   Fejn ma jkunux meħtieġa miżuri protettivi, l-investigazzjoni jew il-proċedimenti għandhom jiġu terminati. Il-Kummissjoni għandha tittermina l-investigazzjoni f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 15(3).

3.   Għal proċedimenti mibdija skont l-Artikolu 5(9), id-dannu għandu normalment jitqies bħala negliġibbli fejn l-importazzjonijiet konċernati jirrappreżentaw inqas mill-volumi stabbiliti fl-Artikolu 5(7). Għall-istess proċedimenti, għandu jkun hemm terminazzjoni immedjata fejn jiġi stabbilit li l-marġini ta' dumping huwa inqas minn 2 %, espress bħala persentaġġ tal-prezz tal-esportazzjoni, għalkemm għandha tkun biss l-investigazzjoni li tiġi terminata fejn il-marġini jkun taħt 2 % għall-esportaturi individwali u huma għandhom jibqgħu soġġetti għall-proċedimenti u jistgħu jiġu investigati mill-ġdid fi kwalunkwe reviżjoni sussegwenti li ssir għall-pajjiż konċernat skont l-Artikolu 11.

4.   Fejn il-fatti kif finalment stabbiliti juru li hemm dumping u dannu kkaużat minnu, u li jkun meħtieġ, fl-interess tal-Unjoni, intervent f'konformità mal-Artikolu 21, għandu jiġi impost dazju anti-dumping definittiv mill-Kummissjoni li taġixxi skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artiklu 15(3). Fejn ikunu fis-seħħ dazji provviżorji, il-Kummissjoni għandha tibda dik il-proċedura mhux iktar tard minn xahar qabel tali dazji jiskadu.

L-ammont tad-dazju anti-dumping ma għandux jaqbeż il-marġni tad-dumping stabbilit iżda għandu jkun inqas mill-marġni jekk tali dazju inqas ikun adegwat biex jiġi eliminat id-dannu lill-industrija tal-Unjoni.

5.   Għandu jiġi impost dazju anti-dumping f'ammonti adatti f'kull każ, fuq bażi mhux diskriminatorja, fuq importazzjonijiet ta' prodott, mis-sorsi kollha, li jinstab li kien l-oġġett ta' dumping u li kkawża d-dannu, ħlief għall-importazzjonijiet minn dawk is-sorsi li minnhom ġew aċċettati impenji taħt it-termini ta' dan ir-Regolament.

Ir-regolament li jimponi miżuri anti-dumping għandu jispeċifika d-dazju għal kull fornitur jew, jekk dan ma jkunx prattikabbli, il-pajjiż fornitur ikkonċernat. Il-fornituri li huma ġuridikament distinti minn fornituri oħra jew li huma ġuridikament distinti mill-Istat jistgħu madankollu jkunu kkunsidrati bħala entità waħda sabiex jiġi speċifikat id-dazju. Għall-applikazzjoni ta' dan is-subparagrafu, jista' jittieħed kont ta' fatturi bħall-eżistenza ta' konnessjonijiet strutturali jew korporattivi bejn il-fornituri u l-Istat jew bejn il-fornituri, il-kontroll jew l-influwenza materjali mill-Istat fir-rigward tal-ipprezzar u l-produzzjoni, jew l-istruttura ekonomika tal-pajjiż fornitur.

6.   Meta l-Kummissjoni tkun illimitat l-eżami tagħha skont l-Artikolu 17, kwalunkwe dazju anti-dumping applikat għall-importazzjonijiet minn esportaturi jew produtturi li jkunu ressqu d-dettalji tagħhom skont l-Artikolu 17 iżda li ma kinux ġew inklużi fl-eżami ma għandux jaqbeż il-marġini medju peżat ta' dumping stabbilit fir-rigward tal-partijiet fil-kampjun, irrispettivament minn jekk il-valur normali għal tali partijiet huwiex determinat abbażi tal-Artikolu 2(1) sa (6) jew tal-punt (a) tal-Artikolu 2(7).

Għall-għan ta' dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tinjora kwalunkwe marġini żero u de minimis, u marġini stabbiliti fiċ-ċirkustanzi msemmijin fl-Artikolu 18.

Għandhom jiġu applikati dazji individwali għall-importazzjonijiet minn kwalunkwe esportatur jew produttur li huwa mogħti trattament individwali, kif previst fl-Artikolu 17.

Artikolu 10

Retroattività

1.   Il-miżuri provviżorji u d-dazji anti-dumping definittivi għandhom jiġu applikati biss għal prodotti li jidħlu f'ċirkolazzjoni ħielsa wara ż-żmien meta d-deċiżjoni meħuda taħt l-Artikoli 7(1) jew 9(4), kif jista' jkun il-każ, tidħol fis-seħħ, soġġett għall-eċċezzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.

2.   Fejn ikun ġie applikat dazju provviżorju u l-fatti kif finalment stabbiliti juru li hemm id-dumping u d-dannu, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, irrispettivament minn jekk għandux jiġi impost dazju anti-dumping definittiv, liema proporzjon tad-dazju provviżorju għandu jinġabar b'mod definittiv.

Għal dak l-iskop, it-terminu “dannu” ma għandux jinkludi dewmien materjali tal-istabbiliment ta' industrija tal-Unjoni, lanqas theddida ta' dannu materjali, għajr fejn jinstab li dan seta', fin-nuqqas ta' miżuri provviżorji, żviluppa f'dannu materjali. Fil-każijiet l-oħra kollha li jinvolvu tali theddida jew tali dewmien, kwalunkwe ammont provviżorju għandu jiġi rilaxxat u d-dazji definittivi jistgħu jiġu imposti biss mid-data li fiha tkun saret determinazzjoni finali ta' theddida jew ta' dewmien materjali.

3.   Jekk id-dazju anti-dumping definittiv ikun ogħla mid-dazju provviżorju, id-differenza ma għandhiex tiġi miġbura. Jekk id-dazju definittiv ikun inqas mid-dazju provviżorju, id-dazju għandu jiġi kkalkulat mill-ġdid. Fejn tkun negattiva d-determinazzjoni finali, id-dazju provviżorju ma għandux jiġi konfermat.

4.   Jista' jinġabar dazju anti-dumping definittiv minn fuq prodotti li ddaħħlu għall-konsum mhux iktar minn 90 ġurnata qabel id-data tal-applikazzjoni tal-miżuri provviżorji iżda mhux qabel il-bidu tal-investigazzjoni, sakemm:

(a)

l-importazzjonijiet ikunu ġew irreġistrati skont l-Artikolu 14(5);

(b)

il-Kummissjoni tkun tat l-opportunità lill-importaturi konċernati li jikkummentaw;

(c)

ikun hemm, għall-prodott konċernat, storja ta' dumping tul perjodu estiż, jew l-importatur kien konxju, jew kellu jkun konxju, tad-dumpingfir-rigward tal-grad tad-dumping u d-dannu allegat jew misjub;

(d)

addizzjonalment għal-livell tal-importazzjonijiet li kkawżaw dannu matul il-perjodu ta' investigazzjoni, ikun hemm żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet li, fid-dawl ta' meta sseħħ u l-volum u ċirkustanzi oħra, probabbilment timmina serjament l-effett rimedjali tad-dazju anti-dumping definittiv li għandu jiġi applikat.

5.   F'każijiet ta' ksur jew irtirar ta' impenji, jistgħu jinġabru dazji definittivi minn fuq merkanzija mdaħħla għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa mhux iktar minn 90 ġurnata qabel l-applikazzjoni tal-miżuri provviżorji, sakemm l-importazzjonijiet ikunu ġew reġistrati skont l-Artikolu 14(5), u sakemm kwalunkwe tali stima retroattiva ma għandhiex tapplika għal importazzjonijiet imdaħħlin qabel il-ksur jew l-irtirar tal-impenn.

Artikolu 11

Durata, reviżjonijiet u rifużjonijiet

1.   Miżura kontra d-dumping għandha tibqa' fis-seħħ biss sa meta, u sa fejn, ikun meħtieġ li jiġi oppost d-dumping li jkun qiegħed jikkawża dannu.

2.   Miżura anti-dumping definittiva għandha tiskadi ħames snin mill-impożizzjoni tagħha jew ħames snin mid-data tal-konklużjoni tal-iktar reviżjoni riċenti li tkun kopriet kemm id-dumping kif ukoll id-dannu, sakemm ma jiġix determinat f'reviżjoni li tal-iskadenza probabbilment twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' dumping u dannu. Tali reviżjoni ta' skadenza għandha tinbeda fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, jew fuq talba magħmula minn, jew għan-nom ta', produtturi tal-Unjoni, u l-miżura għandha tibqa' fis-seħħ sa meta jibqa' pendenti r-riżultat ta' dik ir-reviżjoni.

Reviżjoni ta' skadenza għandha tinbeda fejn it-talba tinkludi evidenza suffiċjenti li l-iskadenza tal-miżuri probabbilment tirriżulta f'kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' dumping u dannu. Tali probabbiltà tista', per eżempju, tiġi indikata b'evidenza ta' dumping u dannu kontinwati jew evidenza li l-eliminazzjoni tad-dannu hija parzjali jew ikkawżata biss mill-eżistenza ta' miżuri jew evidenza li ċ-ċirkustanzi tal-esportaturi, jew il-kondizzjonijiet tas-suq, huma tali li jindikaw il-probabbilità ta' aktar dumping b'dannu.

Fit-twettiq tal-investigazzjonijiet taħt dan il-paragrafu, l-esportaturi, l-importaturi, ir-rappreżentanti tal-pajjiż ta' esportazzjoni u l-produtturi tal-Unjoni għandhom jiġu mogħtija l-opportunità li jamplifikaw, jikkontestaw jew jikkummentaw dwar il-materji stabbiliti fit-talba tar-reviżjoni, u l-konklużjonijiet li jsiru għandhom jieħdu debitament kont tal-evidenza kollha li tkun rilevanti u debitament dokumentata, ippreżentata fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-iskadenza tal-miżuri probabbilment twassalx, jew le, għall-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza ta' dumping u tal-dannu.

Għandha tiġi ppubblikata notifika tal-iskadenza viċina f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f'mument adatt fis-sena finali tal-perjodu ta' applikazzjoni tal-miżuri finali kif definiti f'dan il-paragrafu. Sussegwentement, il-produtturi tal-Unjoni għandhom, mhux iktar tard minn tliet xhur qabel l-aħħar tal-perjodu ta' ħames snin, ikunu intitolati li jagħmlu talba ta' reviżjoni skont it-tieni sub-paragrafu. Għandha wkoll tiġi ppublikata notifika li tħabbar l-iskadenza attwali tal-miżuri skont dan il-paragrafu.

3.   Il-ħtieġa tal-kontinwazzjoni tal-impożizzjoni ta' miżuri tista' tiġi riveduta wkoll, fejn dan ikun kunsiljabbli, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq it-talba ta' Stat Membru jew, sakemm ikun għadda perjodu raġonevoli ta' mill-inqas sena mill-impożizzjoni tal-miżura definittiva, fuq talba minn kwalunkwe esportatur jew importatur jew mill-produtturi tal-Unjoni li tinkludi biżżejjed evidenza li tissostanzja l-ħtieġa ta' tali reviżjoni interim.

Għandha tinbeda reviżjoni interim fejn it-talba tinkludi evidenza biżżejjed li l-impożizzjoni kontinwata tal-miżura ma għadhiex aktar neċessarja biex tikkumpensa għad-dumping u/jew li d-dannu probabbilment ma jitkompliex jew ma jerġax jokkorri kieku l-miżura kellha titneħħa jew tiġi varjata, jew li l-miżura eżistenti mhijiex, jew ma għadhiex iktar, biżżejjed sabiex tirribatti d-dumping li jkun qiegħed jikkawża dannu.

Fit-twettiq tal-investigazzjonijiet skont dan il-paragrafu, il-Kummissjoni tista', inter alia, tikkunsidra jekk iċ-ċirkustanzi fir-rigward tad-dumping u d-dannu, tbiddlux b'mod sinifikanti, jew jekk il-miżuri eżistenti ikunux qegħdin jilħqu r-riżultati maħsuba fl-eliminazzjoni tad-dannu preċedentement determinat taħt l-Artikolu 3. F'dak ir-rigward, għandu jittieħed kont, fid-determinazzjoni finali, tal-evidenza kollha li tkun rilevanti u debitament dokumentata.

4.   Għandha ssir ukoll reviżjoni għall-iskop li jiġu stabbiliti l-marġini individwali tad-dumping għal esportaturi ġodda fil-pajjiż ta' esportazzjoni in kwistjoni li ma jkunux esportaw il-prodott matul il-perjodu ta' investigazzjoni li fuqha kienu bbażati l-miżuri.

Ir-reviżjoni għandha tinbeda fejn esportatur ġdid jew produttur jista' juri li mhuwiex relatat ma ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi fil-pajjiż ta' esportazzjoni li jkun soġġett għall-miżuri anti-dumping kontra l-prodott, u li attwalment esporta lill-Unjoni wara l-perjodu ta' investigazzjoni, jew fejn jista' juri li daħal f'obbligu kuntrattwali rrevokabbli li jesporta kwantità sinifikanti lill-Unjoni.

Għandha tinbeda, u ssir b'mod aċċellerat, reviżjoni għal esportatur ġdid wara li l-produtturi tal-Unjoni jkunu ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Ir-Regolament tal-Kummissjoni li jibda reviżjoni għandu jirrevoka d-dazju fis-seħħ fir-rigward tal-esportatur ġdid konċernat billi jiġi emendat ir-regolament li impona tali dazju, u billi l-importazzjonijiet jiġu soġġetti għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) sabiex jiġi żgurat li, f'każ li r-reviżjoni tirriżulta f'determinazzjoni li kien hemm dumping fir-rigward ta' tali esportatur, jkunu jistgħu jinġabru dazji anti-dumping retroattivament għad-data tal-bidu tar-reviżjoni.

Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-paragrafu ma għandhomx japplikaw fejn ikunu ġew imposti dazji taħt l-Artikolu 9(6).

5.   Id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament fir-rigward ta' proċeduri u t-tmexxija ta' investigazzjonijiet, ħlief għal dawk relatati ma' limiti ta' żmien, għandhom japplikaw għal kull reviżjoni li ssir skont il-paragrafi 2, 3 u 4.

Ir-reviżjonijiet li jsiru skont il-paragrafi 2 u 3 għandhom isiru malajr u normalment għandhom jintemmu fi żmien 12-il xahar mid-data tal-bidu tar-reviżjoni. F'kull ċirkostanza, ir-reviżjonijiet skont il-paragrafi 2 u 3 għandhom f'kull każ jintemmu fi żmien 15-il xahar minn meta jinbdew.

Ir-reviżjonijiet skont il-paragrafu 4 għandhom f'kull każ jintemmu fi żmien disa' xhur mid-data meta jinbdew.

Jekk tinbeda reviżjoni taħt il-paragrafu 2 waqt li tkun qiegħda ssir reviżjoni skont il-paragrafu 3 fl-istess proċedimenti, ir-reviżjoni skont il-paragrafu 3 għandha tintemm fl-istess mument meta tintemm ir-reviżjoni skont il-paragrafu 2.

Jekk l-investigazzjoni ma tintemmx fit-terminu tal-iskadenzi speċifikati fit-tieni, it-tielet u r-raba' subparagrafi, il-miżuri għandhom:

jiskadu f'investigazzjonijiet skont il-paragrafu 2,

jiskadu fil-każ ta' investigazzjonijiet magħmulin skont il-paragrafi 2 u 3 b'mod parallel, fejn jew l-investigazzjoni skont il-paragrafu 2 kienet inbdiet waqt li kienet qiegħda ssir reviżjoni taħt il-paragrafu 3 fl-istess proċedimenti jew fejn tali reviżjonijiet inbdew fl-istess mument, jew

jibqgħu l-istess f'investigazzjonijiet skont il-paragrafi 3 u 4.

Sussegwentement għandu jiġi ppubblikat avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jħabbar l-iskadanza fattwali jew iż-żamma tal-miżuri skont dan il-paragrafu.

6.   Ir-rieżamijiet taħt dan l-Artikolu għandhom jinbdew mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk tibdiex jew le r-rieżamijiet taħt il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 15(2). Il-Kummissjoni għandha wkoll tipprovdi informazzjoni lill-Istati Membri ladarba operatur jew Stat Membru jkun ressaq talba li tiġġustifika l-bidu ta' reviżjoni skont il-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu u l-Kummissjoni tkun lestiet l-analiżi tagħha tagħha, jew ladarba l-Kummissjoni tkun iddeterminat hija stess li tiġi riveduta l-ħtieġa tal-kontinwazzjoni tal-impożizzjoni tal-miżuri.

Fejn ikun kunsiljabbli skont ir-reviżjonijiet, il-miżuri għandhom, f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 15(3), jitħassru jew jinżammu fis-seħħ skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, jew jitħassru, jinżammu jew jiġu emendati skont il-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu.

Fejn jitħassru miżuri għal esportaturi individwali, iżda mhux għall-pajjiż kollu, tali esportaturi għandhom jibqgħu soġġetti għall-proċediment u jistgħu, awtomatikament, jiġu investigati mill-ġdid fi kwalunkwe reviżjoni sussegwenti li ssir għal dak il-pajjiż skont dan l-Artikolu.

7.   Fejn tkun qiegħda ssir reviżjoni tal-miżuri skont il-paragrafu 3 fl-aħħar tal-perjodu tal-applikazzjoni tal-miżuri kif definit fil-paragrafu 2, tali reviżjoni għandha tkopri wkoll iċ-ċirkustanzi stabbiliti fil-paragrafu 2.

8.   Minkejja l-paragrafu 2, importatur jista' jitlob ir-rifużjoni ta' dazji miġburin fejn jintwera li l-marġini tad-dumping, fuq il-bażi li fuqu kienu mħallsa d-dazji, jkun ġie eliminat, jew imnaqqas għal livell li jkun inqas mill-livell tad-dazju fis-seħħ.

Fit-talba ta' rifużjoni ta' dazji kontra d-dumping, l-importatur għandu jippreżenta applikazzjoni lill-Kummissjoni. L-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata permezz ta' Stat Membru tat-territorju li fih il-prodotti ġew rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa, fi żmien sitt xhur mid-data li fiha kien ġie debitament determinat mill-awtoritajiet kompetenti l-ammont tad-dazji definittivi li kellhom jinġabru jew mid-data li fiha kienet ittieħdet deċiżjoni definittiva biex jinġabru l-ammonti ggarantiti permezz ta' dazju provviżorju. L-Istati Membri għandhom jgħaddu t-talba minnufih lill-Kummissjoni.

Applikazzjoni għal rifużjoni għandha tiġi kkunsidrata biss bħala debitament appoġġata permezz ta' evidenza fejn din ikollha informazzjoni preċiża dwar l-ammont ta' rifużjoni ta' dazji anti-dumping mitluba u d-dokumentazzjoni doganali kollha relatata mal-kalkolu u l-pagament ta' tali ammont. Hija għandha wkoll tinkludi evidenza, għal perjodu rappreżentattiv, tal-valuri normali u prezzijiet tal-esportazzjoni għall-Unjoni, għall-esportatur jew il-produttur li għalih japplika d-dazju. F'każijiet fejn l-importatur ma jkunx assoċjat mal-esportatur jew mal-produttur konċernat u tali informazzjoni ma tkunx immedjatament disponibbli, jew fejn l-esportatur jew il-produttur ma jixtieqx jagħti din l-informazzjoni lill-importatur, l-applikazzjoni għandu jkun fiha dikjarazzjoni mill-esporatur jew il-produttur li l-marġini tad-dumping ġie mnaqqas jew eliminat, kif speċifikat f'dan l-Artikolu, u li l-evidenza rilevanti ta' sostenn se tingħata lill-Kummissjoni. Fejn tal-esportatur jew il-produttur ma jkunx dispost li jipprovdi tali evidenza f'perjodu raġonevoli ta' żmien, l-applikazzjoni għandha tiġi rifjutata.

Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk għandhiex, u sa fejn, tiġi aċċettata l-applikazzjoni, jew tista' tiddeċiedi fi kwalunkwe mument li tibda rieżami interim, fejn l-informazzjoni u l-konklużjonijiet minn tali rieżami magħmul f'konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli għal tali rieżami għandhom jintużaw biex jiġi determinat jekk tkunx ġustifikata, u sa fejn, rifużjoni. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni lill-Istati Membri ladarba hija tlesti l-analiżi tagħha tal-applikazzjoni.

Ir-rifużjonijiet ta' dazji għandhom normalment isiru fi żmien 12-il xahar, u taħt ebda ċirkustanzi iktar tard minn 18-il xahar wara d-data li fiha tkun saret talba għal rifużjoni, debitament sostnuta permezz ta' evidenza, minn importatur tal-prodott soġġett għad-dazju kontra d-dumping.

Il-ħlas ta' kwlunkwe rifużjoni awtorizzata għandu normalment isir mill-Istati Membri fi żmien 90 ġurnata mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

9.   Fl-investigazzjonijiet kollha ta' reviżjoni jew ta' rifużjoni li jsiru skont dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha, sakemm iċ-ċirkustanzi ma jkunux tbiddlu, tapplika l-istess metodoloġija bħal fl-investigazzjoni li wasslet għad-dazju, waqt li jittieħed debitament kont tal-Artikolu 2, u b'mod partikolari tal-paragrafi 11 u 12 tiegħu, u tal-Artikolu 17.

10.   Fi kwalunwke investigazzjoni magħmula taħt dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha teżamina l-affidabilità tal-prezzijiet ta' esportazzjoni skont l-Artikolu 2. Madanakollu, fejn jiġi deċiż li jinħadem il-prezz ta' esportazzjoni konformement mal-Artikolu 2(9), hija għandha tikkalkulah mingħajr ebda tnaqqis għall-ammont ta' dazji anti-dumping imħallsa meta tiġi pprovduta evidenza konklużiva li d-dazju huwa debitament rifless fil-prezzijiet ta' bejgħ mill-ġdid u fil-prezzijiet tal-bejgħ sussegwenti fl-Unjoni.

Artikolu 12

Assorbiment

1.   Fejn l-industrija tal-Unjoni jew kwalunkwe parti interessata oħra tibgħat, normalment fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tal-miżuri, informazzjoni biżżejjed li turi li, wara l-perijodu tal-investigazzjoni oriġinali u qabel jew wara l-impożizzjoni ta' miżuri, il-prezzijiet ta' esportazzjoni naqsu jew li ma kien hemm l-ebda moviment, jew moviment insuffiċjenti, fil-prezzijiet ta' bejgħ mill-ġdid jew fil-prezzijiet ta' bejgħ sussegwenti tal-prodott importat fl-Unjoni, il-Kummissjoni tista' tiftaħ mill-ġdid l-investigazzjoni biex jiġi eżaminat jekk il-miżura ħallitx effetti fuq il-prezzijiet imsemmija hawn fuq. Il-Kummissjoni għandha tagħti l-informazzjoni lill-Istati Membri hekk kif parti interessata tkun ippreżentat informazzjoni suffiċjenti biex tiġġustifika li jingħata bidu mill-ġdid lill-investigazzjoni u l-Kummissjoni tkun lestiet l-analiżi tagħha ta' din.

L-investigazzjoni tista' ukoll terġa' tinbeda, taħt il-kondizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq talba ta' Stat Membru.

2.   Matul investigazzjoni mill-ġdid taħt dan l-Artikolu, l-esportaturi, l-importaturi u l-produtturi tal-Unjoni għandhom jiġu mogħtija l-opportunità li jikkjarifikaw is-sitwazzjoni fir-rigward tal-prezzijiet ta' bejgħ mill-ġdid u tal-prezzijiet tal-bejgħ sussegwenti. Jekk jiġi konkluż li l-miżura kellha twassal għal movimenti f'tali prezzijiet, konsegwentement, sabiex jiġi eliminat id-dannu determinat qabel skont l-Artikolu 3, il-prezzijiet tal-esportazzjoni għandhom jiġu stmati mill-ġdid skont l-Artikolu 2 u l-marġini tad-dumping għandhom jiġu kkalkulati mill-ġdid biex jittieħed kont tal-prezzijiet tal-esportazzjoni stmati mill-ġdid. Fejn ikun ikkunsidrat li l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 12(1) huma sodisfatti minħabba f'riduzzjoni fil-prezzijiet ta' esportazzjoni li tkun ġrat wara l-perjodu oriġinali ta' investigazzjoni u qabel jew wara l- impożizzjoni ta' miżuri, jistgħu jiġu kalkolati mill-ġdid marġini tad-dumping biex jittieħed kont ta' tali prezzijiet imnaqqsa tal-esportazzjoni.

3.   Fejn investigazzjoni mill-ġdid skont dan l-Artikolu turi li d-dumping ikun żdied, il-miżuri fis-seħħ jistgħu jiġu emendati mill-Kummissjoni li taġixxi f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 15(3), f'konformità mal-konklużjonijiet il-ġodda dwar il-prezzijiet ta' esportazzjoni. L-ammont ta' dazju anti-dumping impost taħt dan l-Artikolu ma għandux jaqbeż id-doppju tal-ammont tad-dazju impost inizjalment.

4.   Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 5 u 6 għandhom japplikaw għal kull investigazzjoni mill-ġdid li ssir taħt dan l-Artikolu, ħlief li tali investigazzjoni mill-ġdid għandha issir malajr u għandha normalment tintemm fi żmien sitt xhur mid-data tal-bidu tal-investigazzjoni mill-ġdid. Fi kwalunkwe każ, tali investigazzjonijiet mill-ġdid għandhom fil-każijiet kollha jintemmu fi żmien disa' xhur mill-bidu tal-investigazzjoni mill-ġdid.

Jekk l-investigazzjoni mill-ġdid ma tintemmx fl-iskadenzi speċifikati fl-ewwel subparagrafu, il-miżuri ma għandhomx jinbidlu. Għandu jiġi ppubblikat avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jħabbar iż-żamma fis-seħħ tal-miżuri skont dan il-paragrafutal-.

5.   It-tibdiliet allegati fil-valur normali għandu biss jittieħed kont tagħhom taħt dan l-Artikolu fejn informazzjoni kompluta dwar il-valuri normali riveduti, debitament sostanzjati minn evidenza, issir disponibbli għall-Kummissjoni fi żmien il-limiti ta' żmien stabbiliti fin-notifika tal-bidu ta' investigazzjoni. Fejn investigazzjoni tinvolvi eżami mill-ġdid tal-valuri normali, l-importazzjonijiet jistgħu jiġu soġġetti għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) sa kemm jibqa' pendenti r-riżultat tal-investigazzjoni mill-ġdid.

Artikolu 13

Evażjoni

1.   Id-dazji kontra d-dumping imposti skont dan ir-Regolament jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ta' prodotti simili, kemm jekk ftit modifikati kif ukoll jekk le, jew għal importazzjonijiet tal-prodott simili ftit modifikat mill-pajjiż soġġett għal miżuri, jew għal partijiet minnhom, meta tkun qiegħda ssir evażjoni mill-miżuri fis-seħħ.

Id-dazji kontra d-dumping li ma jeċċedux d-dazju anti-dumping residwu impost skont l-Artikolu 9(5) jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn kumpanniji li jibbenefikaw minn dazji individwali fil-pajjiżi li huma soġġetti għal miżuri meta tkun qiegħda ssir evażjoni mill-miżuri fis-seħħ.

L-evażjoni hija definita bħala bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-Unjoni jew bejn kumpanniji individwali fil-pajjiż soġġett għall-miżuri u l-Unjoni, li tinħoloq minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma jkunx hemm, kif dovut, raġuni jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti ħlief l-impożizzjoni tad-dazju, u fejn ikun hemm evidenza ta' dannu jew li l-effetti rimedjali tad-dazju jkunu imminati fir-rigward tal-prezzijiet u/jew il-kwantitajiet tal-prodott simili, u fejn ikun hemm evidenza ta' dumping relattivament għall-valuri normali stabbiliti preċedentement għall-prodott simili, jekk ikun neċessarju skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2.

Il-prattika, proċess jew ħidma msemmija fit-tielet subparagrafu jinkludu, inter alia:

(a)

il-modifika żgħira tal-prodott konċernat biex jaqa' taħt kodiċijiet doganali li normalment ma jkunux soġġetti għall-miżuri, sakemm il-modifika ma tibdilx il-karatteristiċi essenzali tiegħu;

(b)

il-kunsinna tal-prodott soġġett għall-miżuri permezz ta' pajjiżi terzi;

(c)

l-organizzazzjoni mill-ġdid mill-esportaturi u l-produtturi tax-xejriet tagħhom u tal-kanali tal-bejgħ tagħhom fil-pajjiż soġġett għall-miżuri sabiex eventwalment il-prodotti tagħhom jiġu esportati lejn l-Unjoni permezz ta' produtturi li jibbenefikaw minn dazju individwali li hu inqas minn dak li japplika għall-prodotti tal-fabbrikanti;

(d)

fiċ-ċirkostanzi imsemmija fil-paragrafu 2, l-assemblaġġ ta' partijiet minn operazzjoni tal-assemblaġġ fl-Unjoni jew f'pajjiż terz.

2.   Operazzjoni ta' assembleġġ fl-Unjoni jew pajjiż terz għandha tiġi kkunsidrata li tevadi l-miżuri fis-seħħ meta:

(a)

l-operazzjoni bdiet jew żdiedet sostanzjalment minn meta, jew eżatt qabel, il-bidu tal-investigazzjoni kontra dumping u l-partijiet ikkonċernati huma derivanti mill-pajjiż soġġett għall-miżuri; u

(b)

il-partijiet jikkostitwixxu 60 % jew iktar mill-valur totali tal-partijiet tal-prodott assemblat, ħlief li f'ebda każ ma għandha titqies li qed issir evażjoni fejn il-valur miżjud mal-partijiet miġjuba, matul l-operazzjoni ta' assembleġġ jew ta' kompletazzjoni, ikun ikbar minn 25 % tal-ispiża tal-fabbrikazzjoni; u

(c)

l-effetti rimedjali tad-dazju jkunu qegħdin jiġu mminati f'termini tal-prezzijiet u/jew tal-kwantitajiet tal-prodott simili assemblat u jkun hemm evidenza ta' dumping relattivament għall-valuri normali preċedentement stabbiliti għall-prodotti simili jew bħalhom.

3.   L-investigazzjonijiet għandhom jinbdew skont dan l-Artikolu fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq talba ta' Stat Membru jew ta' kwalunkwe parti interessata fuq il-bażi ta' evidenza suffiċjenti fir-rigward tal-fatturi stabbiliti fil-paragrafu 1. Il-bidu tal-investigazzjonijiet għandu jsir permezz ta' Regolament tal-Kummissjoni li jista' wkoll jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex l-importazzjonijiet ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni f'konformità mal-Artikolu 14(5) jew biex jitolbu garanziji. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni lill-Istati Membri ladarba parti interessata jew Stat Membru jkunu ppreżentaw talba li tiġġustifika l-bidu ta' investigazzjoni u l-Kummissjoni tkun lestiet l-analiżi tagħha ta' din, jew fejn il-Kummissjoni tkun iddeterminat hija stess li jeħtieġ li tinbeda investigazzjoni.

L-investigazzjonijiet għandhom isiru mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista' tiġi assistita minn awtoritajiet doganali u l-investigazzjoni għandha tintemm fi żmien disa' xhur.

Fejn il-fatti kif finalment aċċertati jiġġustifikaw l-estensjoni tal-miżuri, dan għandu jsir mill-Kummissjoni li taġixxi f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 15(3). L-estensjoni ssir effettiva mid-data li fiha ġiet imposta r-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5), jew li fiha ntalbu l-garanziji. Id-dispożizzjonijiet proċedurali rilevanti ta' dan ir-Regolament li jikkonċernaw il-bidu u t-tmexxija ta' investigazzjonijiet għandhom japplikaw skont dan l-Artikolu.

4.   L-importazzjonijiet ma għandhomx ikunu soġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) jew għal miżuri fejn ikunu negozjati minn kumpanniji li jibbenefikaw minn eżenzjonijiet.

It-talbiet għall-eżenzjonijiet debitament sostnuti minn evidenza għandhom jiġu ppreżentati fil-limiti ta' żmien stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni li jibda' l-investigazzjoni.

Fejn il-prattika, proċess jew ħidma ta' evażjoni jsiru barra mill-Unjoni, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet lil produtturi tal-prodott ikkonċernat li jistgħu juru li ma għandhom l-ebda relazzjoni ma' xi produttur li hu soġġett għall-miżuri u li jinstabu li ma jkunux qed jeżerċitaw xi prattika ta' ta' evażjoni kif hemm definit fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu.

Fejn il-prattika, proċess jew ħidma ta' evażjoni jsiru ġewwa l-Unjoni, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet lil importaturi li jistgħu juru li ma għandhom l-ebda relazzjoni ma' produtturi li huma soġġetti għall-miżuri.

Dawk l-eżenzjonijiet għandhom jingħataw b'deċiżjoni tal-Kummissjoni u għandhom jibqgħu validi għall-perjodu u skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fiha. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni lill-Istati Membri ladarba tlesti l-analiżi tagħha.

Sakemm jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(4), jistgħu ukoll jingħataw eżenzjonijiet wara li tintemm l-investigazzjoni li twassal għall-estensjoni tal-miżuri.

Sakemm tkun għaddiet għall-inqas sena mill-estensjoni tal-miżuri, u fil-każ fejn in-numru ta' partijiet li jitolbu jew potenzjalment jitolbu eżenzjoni jkun sinifikattiv, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibda' reviżjoni tal-estensjoni tal-miżuri. Kull tali reviżjoni għandha ssir skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(5) kif applikabbli għar-reviżjonijiet taħttal-Artikolu 11(3).

5.   Xejn f'dan l-Artikolu ma għandu jipprekludi l-applikazzjoni normali tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji tad-dwana.

Artikolu 14

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Għandhom jiġu imposti dazji anti-dumping provviżorji jew definittivi permezz ta' regolament, u miġbura mill-Istati Membri, fil-forma, u r-rata speċifikata u skont il-kriterji l-oħrajn stabbiliti fir-regolament li jimponi tali dazji. Tali dazji għandhom ukoll jiġu miġbura indipendentement mid-dazji tad-dwana, taxxi u imposti l-oħrajn normalment imposti fuq l-importazzjonijiet.

Ebda prodott ma għandu jkun soġġett kemm għal dazji anti-dumping kif ukoll għal dazji kumpensatorji bl-iskop li tiġi indirizzata l-istess sitwazzjoni derivata minn dumping jew minn sussidji fuq l-esportazzjoni.

2.   Ir-regolamenti li jimponu dazji anti-dumping provviżorji jew definittivi, u r-regolamenti jew deċiżjonijiet li jaċċettaw l-impenji jew li jitterminaw l-investigazzjonijiet jew proċedimenti, għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Tali regolamenti jew deċiżjonijiet għandhom jinkludu b'mod partikolari, u b'kont debitament meħud tal-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali, l-ismijiet tal-esportaturi, jekk possibbli, jew tal-pajjiżi involuti, deskrizzjoni tal-prodott u ġabra fil-qosor tal-fatti materjali u kunsiderazzjonijiet rilevanti għad-determinazzjonijiet ta' dumping u tal-dannu. F'kull każ, għandha tintbagħat kopja tar-regolament jew deċiżjoni lill-partijiet interessati magħrufa. Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-paragrafu għandhom japplikaw mutatis mutandis għar-reviżjonijiet.

3.   Dispożizzjonijiet speċjali, b'mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni komuni tal-kunċett ta' oriġini, kif jinsab fir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jistgħu jiġu adottati skont dan ir-Regolament.

4.   Fl-interess tal-Unjoni, il-miżuri imposti skont dan ir-Regolament jistgħu jiġu sospiżi b'deċiżjoni tal-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 15(2) għal perijodu ta' disa' xhur. Is-sospensjoni tista' tiġi estiża għal perijodu ulterjuri, li ma jkunx iżjed minn sena, mill-Kummissjoni li taġixxi f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 15(2).

Il-miżuri jistgħu jiġu sospiżi biss fejn il-kondizzjonijiet tas-suq jkunu nbidlu temporanjament sal-punt li jkun improbabbli li d-dannu jerġa' jokkorri bħala riżultat tas-sospensjoni, u sakemm l-industrija tal-Unjoni tkun ingħatat l-opportunità li tikkummenta u dawk il-kummenti jkunu ġew ikkunsidrati. Il-miżuri jistgħu fi kwalunkwe żmien jerġgħu jiddaħħlu fis-seħħ f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 15(2) jekk ir-raġuni għas-sospensjoni ma tkunx għadha applikabbli.

5.   Il-Kummissjoni tista', wara li tkun infurmat lill-Istati Membri fi żmien debitu, tagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali sabiex jieħdu l-passi adatti biex jirreġistraw l-importazzjonijiet, sabiex ikunu jistgħu sussegwentement jiġu applikati miżuri kontra dawk l-importazzjonijiet mid-data ta' tali reġistrazzjoni. L-importazzjonijiet jistgħu jsiru soġġetti għal reġistrazzjoni wara talba mill-industrija tal-Unjonili tinkludi biżżejjed evidenza biex tiġġustifika tali azzjoni. Ir-reġistrazzjoni għandha tiġi introdotta permezz ta' regolament li għandu jispeċifika l-iskop tal-azzjoni u, jekk xieraq, l-ammont stmat ta' obbligazzjoni futura possibbli. L-importazzjonijiet ma għandhomx jiġu magħmula soġġetti għal reġistrazzjoni ta' perjodu itwal minn disa' xhur.

6.   L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni kull xahar dwar il-kummerċ tal-importazzjoni fil-prodotti soġġetti għal investigazzjoni u għal miżuri, u dwar l-ammont ta' dazji miġbura skont dan ir-Regolament.

7.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6, il-Kummissjoni tista' titlob l-Istati Membri, fuq bażi ta' każ b'każ, biex jagħtu l-informazzjoni neċessarja biex isir monitoraġġ effiċjenti tal-applikazzjoni tal-miżuri. F'dan ir-rigward, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(3) u (4). Kull dejta ppreżentata mill-Istati Membri skont dan l-Artikolu għandha tkun koperta bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19(6).

Artikolu 15

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu.

5.   Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, fejn isir użu mill-proċedura bil-miktub għall-adozzjoni ta' miżuri definittivi skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu jew għad-deċiżjoni biex jinbdew jew ma jinbdewx reviżjonijiet ta' skadenza skont l-Artikolu 11(6) ta' dan ir-Regolament, dik il-proċedura għandha tiġi terminata mingħajr riżultat fejn, fil-limitu ta' żmien stipulat mill-president, dan jiġi deċiż mill-president jew dan jintalab minn maġġoranza tal-membri tal-kumitat kif definit fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Fejn isir użu mill-proċedura bil-miktub f'każijiet oħra fejn tkun saret diskussjoni dwar l-abbozz ta' miżura fil-kumitat, tali proċedura għandha tiġi terminata mingħajr riżultat fejn, fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-president, dan jiġi deċiż mill-president jew dan jintalab minn maġġoranza sempliċi ta' membri tal-kumitat. Fejn isir użu mill-proċedura bil-miktub f'każijiet oħra fejn ma tkunx saret diskussjoni dwar l-abbozz ta' miżuri fil-kumitat, tali proċedura għandha tiġi terminata mingħajr riżultat fejn, fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-president, dan jiġi deċiż mill-president jew jekk dan jintalab minn tal-inqas kwart tal-membri tal-kumitat.

6.   Il-kumitat jista' jikkunsidra kull materja relatata mal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, sollevata mill-Kummissjoni jew fuq talba minn Stat Membru. L-Istati Membri jistgħu jitolbu informazzjoni u jistgħu jiskambjaw fehmiet fil-kumitat jew direttament mal-Kummissjoni.

Artikolu 16

Żjarat ta' verifika

1.   Il-Kummissjoni għandha, fejn tikkunsidra xieraq, tagħmel żjarat biex teżamina r-rekords ta' importaturi, esportaturi, negozjanti, aġenti, produtturi, assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet tal-kummerċ u biex tivverifika informazzjoni mogħtija dwar dumping u dannu. Fin-nuqqas ta' risposta xierqa u fil-ħin, il-Kummissjoni tista' tagħżel li ma tagħmilx żjara ta' verifika.

2.   Il-Kummissjoni tista' tagħmel investigazzjonijiet f'pajjiżi terzi kif meħtieġ, sakemm tikseb il-kunsens tal-kumpanniji konċernati, tavża lir-rappreżentanti tal-gvern tal-pajjiż konċernat u dan tal-aħħar ma joġġezzjonax għall-investigazzjoni. Malli jinkiseb il-kunsens mill-kumpanniji konċernati, il-Kummissjoni għandha tavża lill-awtoritajiet tal-pajjiż ta' esportazzjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tal-kumpanniji li għandhom jirċievu żjara u d-dati miftiehma.

3.   Il-kumpanniji konċernati għandhom jiġu notifikati dwar ix-xorta ta' informazzjoni li għandha tiġi vverifikata matul iż-żjarat ta' verifika u bi kwalunkwe informazzjoni oħra li tinħtieġ tiġi provduta matul tali żjarat, għalkemm dan ma jipprekludiex talbiet, magħmula matul il-verifika, għal iktar dettalji li jkollhom jiġu provduti fid-dawl tal-informazzjoni miksuba.

4.   Fl-investigazzjonijiet li jsiru skont il-paragrafi 1, 2 u 3, il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn uffiċjali ta' dawk l-Istati Membri li jitolbu hekk.

Artikolu 17

Teħid ta' kampjuni

1.   F'każijiet fejn in-numru ta' min jilmenta, l-esportaturi jew l-importaturi, it-tipi ta' prodott jew it-transazzjonijiet ikun kbir, l-investigazzjoni tista' tiġi limitata għal numru raġonevoli ta' partijiet, prodotti, jew transazzjonijiet bl-użu ta' teħid ta' kampjuni li jkunu statistikament validi fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli fiż-żmien tal-għażla, jew għall-akbar volum rappreżentattiv ta' produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jistgħu raġonevolment jiġu investigati fiż-żmien disponibbli.

2.   L-għażla finali ta' partijiet, tipi ta' prodotti jew transazzjonijiet magħmula taħt dawn id-dispożizzjonijiet tal-kampjunament għandha tibqa' f'idejn il-Kummissjoni, għalkemm għandha tingħata preferenza għall-għażla ta' kampjun f'konsultazzjoni ma', u bil-kunsens ta', il-partijiet konċernati, sakemm tali partijiet jagħmlu lihom infushom magħrufin u jagħmlu biżżejjed informazzjoni disponibbli, fi żmien tliet ġimgħat mill-bidu tal-investigazzjoni, sabiex jagħmluha possibbli li jiġi magħżul kampjun rappreżentattiv.

3.   F'każijiet fejn l-investigazzjoni tkun ġie limitata skont dan l-Artikolu, għandu, madanakollu, jiġi kkalklulat marġni individwali ta' dumping għal kwalunkwe esportatur jew produttur mhux inizjalment magħżul li jippreżenta l-informazzjoni neċessarja fil-limiti ta' żmien previsti f'dan ir-Regolament, ħlief fejn in-numru ta' esportaturi jew produtturi jkun daqshekk kbir li eżamijiet individwali kienu jkunu ta' piż mhux dovut u kienu jimpedixxu t-tlestija tal-investigazzjoni f'qasir żmien.

4.   Fejn huwa deċiż li jittieħed kampjun u jkun hemm grad ta' nuqqas ta' kooperazzjoni minn ftit jew ħafna mill-partijiet magħżula b'mod li probabbilment jaffettwa materjalment ir-riżultat tal-investigazzjoni, jista' jiġi magħżul kampjun ġdid.

Madanakollu, jekk ikun jippersisti grad materjali ta' nuqqas ta' kooperazzjoni jew ma jkunx hemm ħin biżżejjed biex jiġi magħżul kampjun ġdid, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 18 għandhom japplikaw.

Artikolu 18

Nuqqas ta' kooperazzjoni

1.   F'każijiet fejn kwalunkwe parti interessata tirrifjuta li tagħti aċċess għal, jew b'mod ieħor ma tipprovdix, informazzjoni neċessarja fil-limiti ta' żmien previsti f'dan ir-Regolament, jew sinifikattivament timpedixxi l-investigazzjoni, jistgħu jsiru konklużjoniet provviżorji jew finali, affirmattivi jew negattivi, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

Fejn jinstab li parti interessata tkun forniet informazzjoni falza jew qarrieqa, dik l-informazzjoni għandha tiġi injorata u jista' jsir użu mill-fatti disponibbli.

Il-partijiet interessati għandhom jiġu magħmula konxji mill-konsegwenzi ta' nuqqas ta' kooperazzjoni.

2.   In-nuqqas ta' għoti ta' risposta kompjuterizzata ma għandhiex tiġi meqjusa li tikkonstitwixxi nuqqas ta' kooperazzjoni, sakemm il-parti interessata turi li l-preżentazzjoni ta' risposta kif mitluba kienet tirriżulta f'oneru żejjed bla raġuni jew fi spiża żejda u mhux raġonevoli.

3.   Fejn l-informazzjoni ppreżentata minn parti interessata ma tkunx ideali f'kull rispett, din ma għandhiex madanakollu tiġi injorata, sakemm kwalunkwe defiċenza ma tkunx tali li tikkawża diffikultà mhux dovuta sabiex issir konklużjoni raġonevolment preċiża u sakemm l-informazzjoni tiġi ppreżentata b'mod adegwat f'qasir żmien u tkun verifikabbli, u li l-parti tkun aġixxiet bl-aħjar mod li tista'.

4.   Jekk xi evidenza jew informazzjoni ma jiġux aċċettati, il-parti li tforni l-informazzjoni għandha tiġi minnufih infurmata bir-raġunijiet għal dan u għandha tiġi mogħtija l-opporunità li tipprovdi iktar spjegazzjonjiet fiil-limitu ta' żmien speċifikat. Jekk l-ispjegazzjonijiet jiġu kkunsidrati mhux sodisfaċenti, ir-raġunijiet għar-rifjut ta' tali evidenza jew informazzjoni għandhom jiġu rivelati u mogħtija f'konklużjonijiet ippubblikati.

5.   Jekk id-determinazzjonijiet, inklużi dawk li jirrigwardaw il-valur normali, ikunu bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, inkluża l-informazzjoni fornita fl-ilment, dan għandu, fejn prattikabbli u b'kont meħud tal-limiti ta' żmien tal-investigazzjoni, jiġi kontrollat b'referenza għall-informazzjoni minn sorsi oħra indipendenti li jistgħu ikunu disponibbli, bħal listi ta' prezzijiet ippubblikati, statistika uffiċjali dwar tal-importazzjoni u r-returns tad-dwana, jew informazzjoni miksuba minn partijiet interessati oħrajn matul l-investigazzjoni.

Tali informazzjoni tista' tinkludi dejta rilevanti li tikkonċerna s-suq dinji jew swieq oħra rappreżentattivi, fejn ikun il-każ.

6.   Jekk xi parti interessata ma tikkoperax, jew tikkopera biss parzjalment, u b'hekk tinżamm informazzjoni rilevanti, ir-riżultat tal-investigazzjoni jista jkun inqas favorevoli għall-parti milli kieku kkoperat.

Artikolu 19

Kunfidenzjalità

1.   Kwalunkwe informazzjoni li hija ta' xorta kunfidenzjali, (per eżempju, minħabba li r-rivelazzjoni tagħha tkun ta' vantaġġ kompetittiv sinifikanti għal xi kompetitur jew kien ikollha effett kuntrarju sinifikanti fuq persuna li tforni l-informazzjoni jew fuq persuna li minn għandha l-persuna li tforni l-informazzjoni ikun akkwista l-informazzjoni) jew li hija mogħtija fuq bażi kunfidenzjali minn partijiet għall-investigazzjoni għandha, jekk tiġi murija raġuni tajba, tiġi ttrattata bħala tali mill-awtoritajiet.

2.   Partijiet interessati li jagħtu informazzjoni kunfidenzjali għandhom ikunu meħtieġa li jfornu taqsiriet mhux kunfidenzjali tagħha. Dawk it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu li tinftiehem b'mod raġonevoli s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b'kunfidenzjalità. F'ċirkustanzi eċċezzjonali, tali partijiet jistgħu jindikaw li tali informazzjoni ma tistax titqassar. F'tali ċirkostanzi eċċezzjonali, għandha tiġi mogħtija dikjarazzjoni tar-raġunijiet għaliex tali taqsira mhijiex possibbli.

3.   Jekk jiġi kkunsidrat li mhijiex ġustifikata talba għall-kunfidenzjalità u jekk il-fornitur tal-informazzjoni mhuwiex lest li jagħmel l-informazzjoni disponibbli jew li jawtorizza r-rivelazzjoni tagħha taħt forma ġeneralizzata jew f'taqsira, tali informazzjoni tista' tiġi injorata sakemm ma jistax jintwera b'mod sodisfaċenti minn sorsi adatti li l-informazzjoni hija korretta. It-talbiet għall-kunfidenzjalità ma għandhomx jiġu rifjutati b'mod arbitrarju.

4.   Dan l-Artikolu ma għandux jipprekludi r-rivelazzjoni ta' informazzjoni ġenerali mill-awtoritajiet tal-Unjoni, u b'mod partikolari, tar-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati d-deċiżjonijiet meħuda skonttaħt dan ir-Regolament, jew ir-rivelazzjoni tal-evidenza li fuqha bbażaw l-argumenti tagħhom l-awtoritajiet tal-Unjoni sa fejn ikun meħtieġ li jiġu spjegati dawk ir-raġunijiet fi proċedimenti tal-qorti. Tali rivelazzjoni għandha tieħu kont tal-interessi leġittimi tal-partijiet konċernati li ma jiġux żvelati s-sigrieti kummerċjali tagħhom.

5.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri, inkluż l-uffiċjali tagħhom it-tnejn, ma għandhomx jiżvelaw informazzjoni riċevuta taħt dan ir-Regolament li għaliha jkun intalab trattament kunfidenzjali mill-fornitur tagħha, mingħajr permess speċifiku min dak il-fornitur. Skambji ta' informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, jew ta' kwalunkwe dokument intern preparat mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew l-Istati Membri, ma għandhomx jiġu żvelati ħlief kif speċifikament stipulat f'dan ir-Regolament.

6.   L-informazzjoni riċevuta skont dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-għan li għalih tkun ġiet mitluba.

Din id-dispożizzjoni ma għandhiex tipprekludi l-użu ta' informazzjoni riċevuta fil-kuntest ta' investigazzjoni waħda għall-iskop li jinbdew investigazzjonijiet oħra fl-istess proċedimenti relattivament għall-prodott ikkonċernat.

Artikolu 20

Rivelazzjoni

1.   Min jagħmel l-ilment, l-importaturi u l-esportaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, u r-rappreżentanti tal-pajjiż ta' esportazzjoni, jistgħu jitolbu r-rivelazzjoni tad-dettalji sottostanti l-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġew imposti l-miżuri provviżorji. It-talbiet għal tali rivelazzjoni għandhom isiru bil-miktub immedjatament wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, u r-rivelazzjoni għandha ssir bil-miktub kemm jista' jkun malajr possibbli wara.

2.   Il-partijiet msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jitolbu r-rivelazzjoni finali tal-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom huwa maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi, jew it-terminazzjoni ta' investigazzjoni jew proċedimenti mingħajr l-impożizzjoni tal-miżuri, b'attenzjoni partikolari mogħtija lir-rivelazzjoni ta' kwalunkwe fatti jew kunsiderazzjonijiet li jkunu differenti minn dawk użati għal kwalunkwe miżura provviżorja.

3.   It-talbiet għar-rivelazzjoni finali, kif definita fil-paragrafu 2, għandhom jiġu indirizzati lill-Kummissjoni bil-miktub u jiġu riċevuti, f'każijiet fejn ġie impost dazju provviżorji, mhux iktar tard minn xahar wara l-pubblikazzjoni tal-impożizzjoni ta' dak id-dazju. Fejn ma jkunx ġie impost dazju provviżorju, il-partijiet għandhom jingħataw opportunità li jitolbu rivelazzjoni finali fil-limiti ta' żmien stabbiliti mill-Kummissjoni.

4.   Ir-rivelazzjoni finali għandha tingħata bil-miktub. Din għandha ssir, b'kont debitament meħud tal-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali, kemm jista' jkun malajr u, normalment, mhux iktar tard minn xahar qabel il-bidu tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 9. Fejn il-Kummissjoni ma tkunx fil-pożizzjoni li tirrivela ċerti fatti jew kunsiderazzjonijiet f'dak il-mument, dawn għandhom jiġu rivelati kemm jista' jkun malajr wara.

Ir-rivelazzjoni ma għandha tippreġudika l-ebda deċiżjoni sussegwenti li tista' tittieħed mill-Kummissjoni, iżda fejn tali deċiżjoni tkun ibbażata fuq kwalunkwe fatt u kunsiderazzjoni differenti, dawn għandhom jiġu rivelati kemm jista' jkun malajr.

5.   Ir-rappreżentazzjonijiet li jsiru wara li tingħata r-rivelazzjoni finali għandhom jiġu kkunsidrati biss jekk jiġu riċevuti fi żmien perjodu li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni f'kull każ, li għandu jkun mill-inqas għaxart ijiem, b'kont debitament meħud tal-urġenza tal-kwistjoni. Jista' jiġi stabbilit perjodu iqsar kull meta jkollha ssir rivelazzjoni finali addizzjonali.

Artikolu 21

Interess tal-Unjoni

1.   Determinazzjoni jekk l-interess tal-Unjoni jitlobx intervent għandha ssir fuq il-bażi ta' apprezzament tal-interessi varji kollha meħuda globalment, inklużi l-interessi tal-industrija domestika u tal-utenti u konsumaturi. Determinazzjoni li ssir skont dan l-Artikolu għandha biss issir fejn il-partijiet kollha ġew mogħtija l-opportunità li jagħmlu l-veduti tagħhom magħrufa skont il-paragrafu 2. F'tali eżami, il-bżonn li jiġu eliminati l-effetti ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni minn dumping dannuż u li tiġi ristabbilita kompetizzjoni effettiva għandu jingħata kunsiderazzjoni speċjali. Ma jistgħux jiġu applikati miżuri, kif stabbiliti fuq il-bażi tad-dumping u d-dannu misjub, fejn l-awtoritajiet, fuq il-bażi tal-informazzjoni ppreżentata, jistgħu jikkonkludu b'mod ċar li mhuwiex fl-interess tal-Unjoni li jiġu applikati tali miżuri.

2.   Sabiex tkun provduta bażi soda li fuqha l-awtoritajiet jistgħu jieħdu kont tal-veduti u l-informazzjoni kollha fid-deċiżjoni jekk l-impożizzjoni tal-miżuri hijiex fl-interess tal- Unjoni jew le, min jagħmel l-ilment, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti rappreżentattivi u l-organizzazzjonijiet konsumeristiċi rappreżentattivi jistgħu, fil-limiti ta' żmien speċifikati fin-notifika tal-bidu tal-investigazzjoni kontra dumping, jagħmlu lilhom infushom magħrufa u jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni. Tali informazzjoni, jew taqsiriet adegwati tagħha, għandhom isiru disponibbli lill-partijiet l-oħra speċifikati f'dan l-Artikolu, u dawn għandhom ikunu intitolati li jirrispondu għal tali informazzjoni.

3.   Il-partijiet li jkunu aġixxew f'konformità mal-paragrafu 2 jistgħu jitolbu smigħ. Tali talbiet għandhom jiġu aċċettati meta jiġu ppreżentati fil-limiti ta' żmien previsti fil-paragrafu 2, u meta jistabbilixxu r-raġunijiet, f'termini tal-interess tal-Unjoni, għaliex il-partijiet għandhom jinstemgħu.

4.   Il-partijiet li jkunu aġġixxew f'konformità mal-paragrafu 2 jistgħu jipprovdu kummenti dwar l-applikazzjoni ta' kwalunkwe dazju provviżorju. Tali kummenti għandhom ikunu riċevuti fi żmien 25 jum mid-data tal-applikazzjoni ta' tali miżuri jekk għandu jittieħed kont tagħhom u dawn, jew taqsiriet adegwati tagħhom, għandhom kisiru disponibbli lill-partijiet l-oħra li għandhom ikunu intitolati li jirrispondu għal tali kummenti.

5.   Il-Kummissjoni għandha teżamina l-informazzjoni li tkun korrettement ppreżentata u sa fejn din tkun rappreżentattiva, u r-riżultati ta' tali analiżi, flimkien ma' opinjoni fuq il-merti tagħha, għandhom jintbagħtu lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 15 bħala parti mill-abbozz ta' miżura ppreżentat skont l-Artikolu 9. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-fehmiet espressi fil-kumitat taħt il-kondizzjonijiet previsti fir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

6.   Il-partijiet li jkunu aġixxew f'konformità mal-paragrafu 2 jistgħu jitolbu li jsiru disponibbli lilhom il-fatti u l-konsiderazzjonijiet li fuqhom ikunu probabbilment se jittieħdu d-deċiżjonijiet finali. Tali informazzjoni għandha ssir disponibbli sa fejn ikun possibbli u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti meħuda mill-Kummissjoni.

7.   Informazzjoni għandha tiġi meqjusa biss fejn tkun sostnuta minn evidenza fattwali li tissostanzja l-validità tagħha.

Artikolu 22

Dispożizzjonijiet finali

Dan ir-Regolament ma għandux jipprekludi l-applikazzjoni ta':

(a)

kwalunkwe regola speċjali stabbilita fi ftehimiet konklużi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi;

(b)

ir-Regolamenti tal-Unjoni fis-settur agrikolu u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1667/2006 (8), (KE) Nru 614/2009 (9) u (KE) Nru 1216/2009 (10). Dan ir-Regolament għandu jopera bħala kumplimentari għal dawk ir-Regolamenti u b'deroga minn kwalunkwe dispożizzjoni tagħhom li tipprekludi l-applikazzjoni tad-dazji anti-dumping;

(c)

miżuri speċjali, sakemm tali azzjoni ma tmurx kontra obbligi taħt skont il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994.

Artikolu 23

Rapport

1.   Il-Kummissjoni, b'rispett dovut għall-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 19, għandha tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' miżuri provviżorji u definittivi, it-terminazzjoni ta' investigazzjonijiet mingħajr miżuri, investigazzjonijiet mill-ġdid, reviżjonijiet u żjarat ta' verifika, u l-attivitajiet tad-diversi korpi responsabbli mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u l-adempiment tal-obbligi derivati minnu.

2.   Il-Parlament Ewropew jista', fi żmien xahar mill-preżentazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni, jistieden lill-Kummissjoni għal laqgħa ad hoc tal-kumitat reponsabbli tiegħu biex jippreżenta u jispjega kwalunkwe kwistjoni relatata mal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

3.   Mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-preżentazzjoni tar-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tagħmel ir-rapport pubbliku.

Artikolu 24

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 1225/2009 huwa mħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 25

Dħul fis-seħħ

Dan id-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-8 ta' Ġunju 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

A.G. KOENDERS


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Mejju 2016 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2016.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).

(3)  Ara l-Anness I.

(4)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(5)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).

(6)  Li jinkludu l-Albanija, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarus, il-Ġeorgia, il-Kirgistan, il-Korea ta' Fuq, il-Moldova, il-Mongolja, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan.

(7)  Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.(ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(8)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1667/2006 tas-7 ta' Novembru 2006 dwar il-glukosju u l-lattosju (ĠU L 312, 11.11.2006, p. 1).

(9)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 614/2009 tas-7 ta' Lulju 2009 dwar is-sistema komuni ta' kummerċ għall-ovalbumina u laktalbumina (ĠU L 181, 14.7.2009, p. 8).

(10)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1216/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għal ċerti oġġetti li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli (ĠU L 328, 15.12.2009, p. 10).


ANNESS I

IR-REGOLAMENT IMĦASSAR FLIMKIEN MA' LISTA TAL-EMENDI SUĊĊESSIVI TIEGĦU

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009

(ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51)

 

Regolament (UE) Nru 765/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 237, 3.9.2012, p. 1)

 

Regolament (UE) Nru 1168/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 344, 14.12.2012, p. 1)

 

Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 18, 21.1.2014, p. 1)

Biss il-punt 22 tal-Anness


ANNESS II

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009

Dan ir-Regolament

Artikoli 1 sa 4

Artikoli 1 sa 4

Artikolu 5(1) sa (9)

Artikolu 5(1) sa (9)

Artikolu 5(10), l-ewwel sentenza

Artikolu 5(10), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 5(10), it-tieni u t-tielet sentenza

Artikolu 5(10), it-tieni subparagrafu

Artikolu 5(11) u (12)

Artikolu 5(11) u (12)

Artikolu 6(1), l-ewwel u t-tieni sentenza

Artikolu 6(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 6(1), it-tielet sentenza

Artikolu 6(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 6(1), ir-raba' sentenza

Artikolu 6(1), it-tielet subparagrafu

Artikolu 6(2)

Artikolu 6(2)

Artikolu 6(3), l-ewwel sentenza

Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 6(3), it-tieni sentenza

Artikolu 6(3), it-tieni subparagrafu

Artikolu 6(3), it-tielet sentenza

Artikolu 6(3), it-tielet subparagrafu

Artikolu 6(4), l-ewwel sentenza

Artikolu 6(4), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 6(4), it-tieni sentenza

Artikolu 6(4), it-tieni subparagrafu

Artikolu 6(4), it-tielet sentenza

Artikolu 6(4), it-tielet subparagrafu

Artikolu 6(5)

Artikolu 6(5)

Artikolu 6(6), l-ewwel sentenza

Artikolu 6(6), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 6(6), it-tieni sentenza

Artikolu 6(6), it-tieni subparagrafu

Artikolu 6(6), it-tielet sentenza

Artikolu 6(6), it-tielet subparagrafu

Artikolu 6(6), ir-raba' sentenza

Artikolu 6(6), ir-raba' subparagrafu

Artikolu 6(7), l-ewwel sentenza

Artikolu 6(7), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 6(7), it-tieni sentenza

Artikolu 6(7), it-tieni subparagrafu

Artikolu 6(8) u (9)

Artikolu 6(8) u (9)

Artikolu 7(1), l-ewwel sentenza

Artikolu 7(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 7(1), it-tieni sentenza

Artikolu 7(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 7(2) sa (5)

Artikolu 7(2) sa (5)

Artikolu 7(7)

Artikolu 7(6)

Artikolu 8(1), l-ewwel sentenza

Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 8(1), it-tieni sentenza

Artikolu 8(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 8(1), it-tielet sentenza

Artikolu 8(1), it-tielet subparagrafu

Artikolu 8(2), l-ewwel u t-tieni sentenza

Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 8(2), it-tielet u r-raba' sentenza

Artikolu 8(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 8(2), il-ħames sentenza

Artikolu 8(2), it-tielet subparagrafu

Artikolu 8(3), (4) u (5)

Artikolu 8(3), (4) u (5)

Artikolu 8(6), l-ewwel u t-tieni sentenza

Artikolu 8(6), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 8(6), it-tielet sentenza

Artikolu 8(6), it-tieni subparagrafu

Artikolu 8(7) u (8)

Artikolu 8(7) u (8)

Artikolu 8(9), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 8(9), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 8(9), it-tieni subparagrafu, l-ewwel u t-tieni sentenza

Artikolu 8(9), it-tieni subparagrafu

Artikolu 8(9), it-tieni subparagrafu, it-tielet sentenza

Artikolu 8(9), it-tielet subparagrafu

Artikolu 8(10)

Artikolu 8(10)

Artikolu 9(1), (2) u (3)

Artikolu 9(1), (2) u (3)

Artikolu 9(4), l-ewwel sentenza

Artikolu 9(4), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 9(4), it-tieni sentenza

Artikolu 9(4), it-tieni subparagrafu

Artikolu 9(5)

Artikolu 9(5)

Artikolu 9(6), l-ewwel sentenza

Artikolu 9(6), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 9(6), it-tieni sentenza

Artikolu 9(6), it-tieni subparagrafu

Artikolu 9(6), it-tielet sentenza

Artikolu 9(6), it-tielet subparagrafu

Artikolu 10(1)

Artikolu 10(1)

Artikolu 10(2), l-ewwel sentenza

Artikolu 10(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 10(2), it-tieni u t-tielet sentenza

Artikolu 10(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 10(3)

Artikolu 10(3)

Artikolu 10(4), kliem introduttorju

Artikolu 10(4), kliem introduttorju u l-punti (a) u (b)

Artikolu 10(4)(a)

Artikolu 10(4)(c)

Artikolu 10(4)(b)

Artikolu 10(4)(d)

Artikolu 10(5)

Artikolu 10(5)

Artikolu 11(1) sa (4)

Artikolu 11(1) sa (4)

Artikolu 11(5), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza

Artikolu 11(5), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 11(5), l-ewwel subparagrafu, it-tieni u t-tielet sentenza

Artikolu 11(5), it-tieni subparagrafu

Artikolu 11(5), l-ewwel subparagrafu, ir-raba' sentenza

Artikolu 11(5), it-tielet subparagrafu

Artikolu 11(5), l-ewwel subparagrafu, il-ħames sentenza

Artikolu 11(5), ir-raba' subparagrafu

Artikolu 11(5), it-tieni subparagrafu

Artikolu 11(5), il-ħames subparagrafu

Artikolu 11(5), it-tielet subparagrafu

Artikolu 11(5), sitt subparagrafu

Artikolu 11(6), l-ewwel, it-tieni u t-tielet sentenza

Artikolu 11(6), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 11(6), ir-raba' sentenza

Artikolu 11(6), it-tieni subparagrafu

Artikolu 11(6), ħames sentenza

Artikolu 11(6), it-tielet subparagrafu

Artikolu 11(7)

Artikolu 11(7)

Artikolu 11(8), l-ewwel, it-tieni u t-tielet subparagrafu

Artikolu 11(8), l-ewwel, it-tieni u it-tielet subparagrafu

Artikolu 11(8), ir-raba' subparagrafu, l-ewwel u t-tieni sentenza

Artikolu 11(8), ir-raba' subparagrafu

Artikolu 11(8), ir-raba' subparagrafu, it-tielet sentenza

Artikolu 11(8), il-ħames subparagrafu

Artikolu 11(8), ir-raba' subparagrafu, ir-raba' sentenza

Artikolu 11(8), is-sitt subparagrafu

Artikolu 11(9) u (10)

Artikolu 11(9) u (10)

Artikolu 12

Artikolu 12

Artikolu 13(1), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza

Artikolu 13(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 13(1), l-ewwel subparagrafu, it tieni sentenza

Artikolu 13(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 13(1), l-ewwel subparagrafu, it-tielet sentenza

Artikolu 13(1), it-tielet subparagrafu

Artikolu 13(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 13(1), ir-raba' subparagrafu

Artikolu 13(2) u (3)

Artikolu 13(2) u (3)

Artikolu 13(4), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza

Artikolu 13(4), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 13(4), l-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza

Artikolu 13(4), it-tieni subparagrafu

Artikolu 13(4), l-ewwel subparagrafu, it-tielet sentenza

Artikolu 13(4), it-tielet subparagrafu

Artikolu 13(4), l-ewwel subparagrafu, ir-raba' sentenza

Artikolu 13(4), ir-raba' subparagrafu

Artikolu 13(4), it-tieni subparagrafu

Artikolu 13(4), il-ħames subparagrafu

Artikolu 13(4), it-tielet subparagrafu

Artikolu 13(4), sitt subparagrafu

Artikolu 13(4), ir-raba' subparagrafu

Artikolu 13(4), seba 'subparagrafu

Artikolu 13(5)

Artikolu 13(5)

Artikolu 14(1), l-ewwel u t-tieni sentenza

Artikolu 14(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 14(1), it-tielet sentenza

Artikolu 14(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 14(2), l-ewwel sentenza

Artikolu 14(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 14(2), it-tieni, it-tielet u r-raba' sentenza

Artikolu 14(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 14(3)

Artikolu 14(3)

Artikolu 14(4), l-ewwel u t-tieni sentenza

Artikolu 14(4), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 14(4), it-tielet u r-raba' sentenza

Artikolu 14(4), it-tieni subparagrafu

Artikolu 14(5), (6) u (7)

Artikolu 14(5), (6) u (7)

Artikoli 15 u 16

Artikoli 15 u 16

Artikolu 17(1), (2) u (3)

Artikolu 17(1), (2) u (3)

Artikolu 17(4), l-ewwel sentenza

Artikolu 17(4), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 17(4), it-tieni sentenza

Artikolu 17(4), it-tieni subparagrafu

Artikolu 18(1), l-ewwel sentenza

Artikolu 18(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 18(1), it-tieni sentenza

Artikolu 18(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 18(1), it-tielet sentenza

Artikolu 18(1), it-tielet subparagrafu

Artikolu 18(2) sa (6)

Artikolu 18(2) sa (6)

Artikolu 19(1) sa (5)

Artikolu 19(1) sa (5)

Artikolu 19(6), l-ewwel sentenza

Artikolu 19(6), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 19(6), it-tieni sentenza

Artikolu 19(6), it-tieni subparagrafu

Artikolu 20(1), (2) u (3)

Artikolu 20(1), (2) u (3)

Artikolu 20(4), l-ewwel, it-tieni u t-tielet sentenza

Artikolu 20(4), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 20(4), ir-raba' sentenza

Artikolu 20(4), it-tieni subparagrafu

Artikolu 20(5)

Artikolu 20(5)

Artikoli 21 u 22

Artikoli 21 u 22

Artikolu 22a

Artikolu 23

Artikolu 23

Artikolu 24

Artikolu 24

Artikolu 25

Anness I

Anness II

Anness I

Anness II