24.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 135/1


REGOLAMENT (UE) 2016/791 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Mejju 2016

li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-iskema ta' għajnuna għall-provvista ta' frott u ħaxix, banana u ħalib fi stabbilimenti edukattivi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 42 u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

It-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tat-Titolu I tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tipprevedi skema tal-frott u l-ħaxix għall-iskejjel u skema tal-ħalib għall-iskejjel.

(2)

L-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tal-iskemi attwali għall-iskejjel, flimkien mal-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet esterni u, l-analiżi sussegwenti ta' għażliet differenti ta' politika u tad-diffikultajiet soċjali li jħabbtu wiċċhom magħhom l-Istati Membri, jindikaw il-konklużjoni li l-kontinwazzjoni u t-tisħiħ taż-żewġ skemi għall-iskejjel huma tal-akbar importanza. Fil-kuntest attwali ta' konsum dejjem jonqos ta' frott u ħaxix frisk u ta' prodotti tal-ħalib, b'mod partikolari fost it-tfal, u ta' inċidenza dejjem tikber ta' obeżità fost it-tfal bħala riżultat tad-drawwiet ta' konsum li għandhom tendenza jagħtu preferenza lil ikel ipproċessat ħafna li, barra minn hekk, ta' spiss ikollu livell għoli ta' zokkor, melħ, xaħam jew addittivi miżjuda, l-għajnuna mill-Unjoni li tiffinanzja l-provvista, lit-tfal fi stabbilimenti edukattivi, ta' prodotti agrikoli magħżula għandha tagħmel aktar biex tippromwovi drawwiet ta' dieta li huma tajba għas-saħħa u l-konsum ta' prodotti lokali.

(3)

L-analiżi ta' għażliet differenti ta' politika tindika li approċċ unifikat taħt qafas legali u finanzjarju komuni huwa l-mod l-aktar xieraq u effettiv fl-ilħuq tal-objettivi speċifiċi li l-politika agrikola komuni qiegħda timmira li tikseb permezz tal-iskemi għall-iskejjel. Tali approċċ jippermetti li l-Istati Membri jimmassimizzaw l-impatt tad-distribuzzjoni fil-kuntest ta' baġit fiss u jżidu l-effiċjenza tal-ġestjoni. Madankollu, sabiex jitqiesu d-differenzi bejn il-frott u l-ħaxix, inklużi l-banana u l-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, jiġifieri “frott u ħaxix għall-iskejjel” u “ħalib għall-iskejjel” kif definiti f'dan ir-Regolament, u l-ktajjen tal-provvista tagħhom, ċerti elementi, bħall-pakketti baġitarji rispettivi, għandhom jibqgħu separati. Fid-dawl tal-esperjenza miksuba bl-iskemi attwali, il-parteċipazzjoni fl-iskema għall-iskejjel għandha tibqa' fuq bażi volontarja għall-Istati Membri. Filwaqt li jitqiesu x-xejriet differenti ta' konsum madwar l-Istati Membri, għandu jkun possibbli li l-Istati Membri u r-reġjuni parteċipanti jagħżlu, fil-kuntest tal-istrateġiji tagħhom, liema mill-prodotti eliġibbli għall-provvista lit-tfal fi stabbilimenti edukattivi jixtiequ jiddistribbiwixxu. L-Istati Membri jistgħu wkoll jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' miżuri mmirati sabiex jiġi indirizzat il-konsum dejjem jonqos tal-ħalib fil-grupp fil-mira.

(4)

Ġiet identifikata xejra ta' konsum dejjem jonqos ta', b'mod partikolari, frott u ħaxix frisk u ħalib tax-xorb. Għalhekk, huwa xieraq li d-distribuzzjoni taħt l-iskemi għall-iskejjel tiġi ffokata fuq dawk il-prodotti bħala prijorità. Dan jgħin ukoll biex jonqos il-piż organizzattiv fuq l-iskejjel u biex jżid l-impatt tad-distribuzzjoni fil-kuntest ta' baġit limitat u jkun konformi mal-prattika attwali, peress li dawk il-prodotti huma l-prodotti distribwiti l-aktar ta' spiss. Madankollu, sabiex jiġu segwiti r-rakkomandazzjonijiet nutrizzjonali dwar l-assorbiment tal-kalċju u biex jiġi promoss il-konsum ta' prodotti speċifiċi jew biex tingħata risposta għall-ħtiġijiet nutrizzjonali partikolari tat-tfal fit-territorju tagħhom, u minħabba ż-żieda fil-problemi assoċjati mal-intolleranza għal-lattożju fil-ħalib, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu, sakemm huma jkunu diġà jiddistribwixxu ħalib tax-xorb jew il-verżjonijiet mingħajr lattożju tiegħu, li jiddistribwixxu prodotti oħra tal-ħalib, bħall-jogurt u l-ġobon, li għandhom effetti pożittivi fuq is-saħħa tat-tfal. L-Istati Membri għandhom ukoll ikunu jistgħu jiddistribwixxu prodotti ta' frott u ħaxix ipproċessati, sakemm huma jkunu diġà jiddistribwixxu frott u ħaxix frisk. Barra minn hekk, għandhom isiru sforzi biex tiġi żgurata d-distribuzzjoni tal-prodotti lokali u reġjonali. Fil-każijiet fejn l-Istati Membri jikkunsidraw li jkun neċessarju għall-ksib tal-objettivi tal-iskema għall-iskejjel u tal-għanijiet iddikjarati fl-istrateġiji tagħhom, huma għandhom ikunu jistgħu jissuplementaw id-distribuzzjoni tal-prodotti msemmija hawn fuq b'ċerti prodotti oħra tal-ħalib u xarbiet abbażi tal-ħalib. Dawk il-prodotti kollha għandhom ikunu kompletament eliġibbli għal għajnuna mill-Unjoni. Madankollu, fil-każ ta' prodotti mhux agrikoli, il-komponent tal-ħalib biss għandu jkun eliġibbli. Sabiex jittieħed kont tal-iżviluppi xjentifiċi u biex jiġi żgurat li l-prodotti distribwiti jilħqu l-objettivi tal-iskema għall-iskejjel, is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni sabiex tiġi ssupplementata l-lista ta' sustanzi li jsaħħu t-togħma li huma esklużi li tinsab f'dan ir-Regolament msemmija fl-ewwel subparagrafu u biex jiġu definiti l-livelli massimi ta' zokkor miżjud, melħ miżjud u xaħam miżjud fi prodotti pproċessati.

(5)

Hemm bżonn ta' miżuri edukattivi ta' akkumpanjament li jappoġġaw id-distribuzzjoni, sabiex l-iskema għall-iskejjel tkun effettiva fl-ilħuq tal-objettivi fuq żmien qasir u twil tagħha li żżid il-konsum ta' prodotti agrikoli magħżula u ssawwar dieti aktar tajbin għas-saħħa. Minħabba l-importanza tagħhom, tali miżuri għandhom jappoġġaw id-distribuzzjoni ta' frott u ħaxix għall-iskejjel u ta' ħalib għall-iskejjel. Bħala miżuri edukattivi ta' akkumpanjament, huma jirrappreżentaw għodda essenzjali biex jqarrbu lit-tfal mill-ġdid lejn l-agrikoltura u l-firxa ta' prodotti agrikoli tal-Unjoni, b'mod partikolari dawk prodotti fir-reġjun tagħhom, bl-għajnuna, pereżempju, ta' esperti fin-nutrizzjoni u bdiewa. Sabiex jintlaħqu l-objettivi li qiegħda ssegwi l-iskema għall-iskejjel, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jinkludu fil-miżuri tagħhom firxa usa' ta' prodotti agrikoli kif ukoll speċjalitajiet lokali, reġjonali jew nazzjonali oħra, bħal għasel, żebbuġ tal-mejda u żejt taż-żebbuġa.

(6)

Sabiex jiġu promossi drawwiet ta' dieta tajba għas-saħħa, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-involviment xieraq tal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom responsabbli għas-saħħa u n-nutrizzjoni fit-tfassil ta' lista tal-prodotti li għandhom jiġu fornuti, jew l-awtorizzazzjoni xierqa minn dawk l-awtoritajiet ta' dik il-lista, f'konformità mal-proċeduri nazzjonali.

(7)

Sabiex jiġi żgurat l-użu effiċjenti u mmirat tal-fondi tal-Unjoni u biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-iskema għall-iskejjel, is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-identifikazzjoni ta' spejjeż u miżuri li huma eliġibbli għall-għajnuna mill-Unjoni.

(8)

L-għajnuna mill-Unjoni għandha tiġi allokata b'mod separat għall-frott u l-ħaxix għall-iskejjel u għall-ħalib għall-iskejjel f'konformità mal-approċċ volontarju għad-distribuzzjoni. Dik l-għajnuna għandha tiġi allokata lil kull Stat Membru b'kont meħud tal-għadd ta' tfal li għandhom bejn sitta u għaxar snin f'dak l-Itat Membru u l-livell ta' żvilupp tar-reġjuni f'dak l-Itat Membru, sabiex jiġi żgurat li tiġi allokata aktar għajnuna lil reġjuni anqas żviluppati, lill-gżejjer minuri tal-Eġew u lir-reġjuni ultraperiferiċi fid-dawl tad-diversifikazzjoni agrikola limitata tagħhom u l-impossibbiltà frekwenti li jinstabu ċerti prodotti fir-reġjun ikkonċernat, li tirriżulta fi spejjeż ogħla ta' trasport u ħżin. Barra minn hekk, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu l-iskala tal-iskemi attwali tagħhom għall-ħalib għall-iskejjel, u bil-għan li Stati Membri oħra jiġu inkuraġġiti sabiex jibdew id-distribuzzjoni tal-ħalib, huwa xieraq li jiġu kkombinati dawk il-kriterji mal-użu storiku tal-għajnuna mill-Unjoni għall-provvista lit-tfal ta' ħalib u prodotti tal-ħalib, bl-eċċezzjoni tal-Kroazja, li għaliha għandu jiġi ddeterminat ammont speċifiku.

(9)

Fl-interess ta' amministrazzjoni u ġestjoni tal-baġit tajbin, l-Istati Membri li jixtiequ jieħdu sehem fid-distribuzzjoni tal-prodotti eliġibbli għandhom jippreżentaw kull sena talbiet għal għajnuna mill-Unjoni.

(10)

Strateġija nazzjonali jew reġjonali għandha tkun kundizzjoni għall-parteċipazzjoni ta' Stat Membru fl-iskema għall-iskejjel. Kull Stat Membru li jixtieq jipparteċipa għandu jippreżenta strateġija f'forma ta' dokument li tkopri perijodu ta' sitt snin u li tistabbilixxi l-prijoritajiet tagħha. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jaġġornaw l-istrateġiji tagħhom b'mod regolari, b'mod partikolari fid-dawl tal-evalwazzjonijiet u r-reviżjonijiet tal-prijoritajiet jew il-miri u tas-suċċess tal-iskemi tagħhom. Barra minn hekk, l-istrateġiji jistgħu jinkludu elementi speċifiċi relatati mal-implimentazzjoni tal-iskema għall-iskejjel li ser jippermettu lill-Istati Membri jiksbu effiċjenzi fil-ġestjoni, inter alia, tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna.

(11)

Sabiex tiġi promossa s-sensibilizzazzjoni dwar l-iskema għall-iskejjel u tittejjeb il-viżibbiltà tal-għajnuna mill-Unjoni, is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-obbligu tal-Istati Membri li jippubbliċizzaw b'mod ċar l-appoġġ tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-iskema, inkluż fir-rigward tal-għodda ta' pubbliċità u, jekk ikun adatt, l-identifikatur komuni jew l-elementi grafiċi.

(12)

Sabiex tiġi żgurata l-viżibbiltà tal-iskema għall-iskejjel, l-Istati Membri għandhom jispjegaw fl-istrateġija tagħhom kif ser jiżguraw il-valur miżjud tal-iskemi tagħhom, b'mod partikolari meta l-prodotti ffinanzjati taħt l-iskema tal-Unjoni jiġu kkunsmati fl-istess ħin bħal ikliet oħra fornuti lit-tfal f'istituzzjoni edukattiva. Sabiex jiġi żgurat li jinkiseb l-iskop edukattiv tal-iskema tal-Unjoni u li dan ikun effettiv, is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tar-regoli li jikkonċernaw id-distribuzzjoni tal-prodotti ffinanzjati taħt l-iskema tal-Unjoni fir-rigward tal-provvista ta' ikliet oħra fi stabbilimenti edukattivi u l-preparazzjoni tagħhom.

(13)

Sabiex tiġi vverifikata l-effettività tal-iskema għall-iskejjel fl-Istati Membri, għandu jiġi pprovdut finanzjament mill-Unjoni għal inizjattivi li jimmonitorjaw u jevalwaw ir-riżultati miksuba, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għall-bidliet fil-konsum li jseħħu fuq perijodu ta' żmien medju.

(14)

Il-prinċipju ta' kofinanzjament għad-distribuzzjoni tal-frott u l-ħaxix għall-iskejjel għandu jiġi abolit

(15)

Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa d-diviżjoni tal-kompetenzi reġjonali jew lokali fi ħdan l-Istati Membri.

(16)

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan. Sabiex jittieħed kont tal-perjodiċità tas-sena skolastika, ir-regoli l-ġodda għandhom jibdew japplikaw mill-1 ta' Awwissu 2017,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

It-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tat-Titolu I tal-Parti II hija sostitwita b'dan li ġej:

“Taqsima 1

Għajnuna għall-provvista ta' frott u ħaxix u ta' ħalib u prodotti tal-ħalib fi stabbilimenti edukattivi

Artikolu 22

Grupp fil-mira

L-iskema ta' appoġġ li għandha l-għan li ttejjeb id-distribuzzjoni ta' prodotti agrikoli u d-drawwiet alimentari tat-tfal hija mmirata lejn tfal li jattendu regolarment stabbilimenti tat-trabi jew pre-primarji jew stabbilimenti edukattivi fil-livell primarju jew sekondarju li huma amministrati jew rikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

Artikolu 23

Għajnuna għall-provvista ta' frott u ħaxix għall-iskejjel u ta' ħalib għall-iskejjel, miżuri edukattivi ta' akkumpanjament u spejjeż relatati

1.   Għandha tingħata għajnuna mill-Unjoni fir-rigward tat-tfal fl-istabbilimenti edukattivi msemmija fl-Artikolu 22:

(a)

għall-provvista u d-distribuzzjoni tal-prodotti eliġibbli msemmija fil-paragrafi 3, 4 u 5 ta' dan l-Artikolu;

(b)

għall-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament; u

(c)

għall-kopertura ta' ċerti spejjeż relatati marbuta mat-tagħmir, il-pubbliċità, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, u, sa fejn dawk l-ispejjeż mhumiex koperti mill-punt (a) ta' dan is-subparagrafu, il-loġistika u d-distribuzzjoni.

Il-Kunsill għandu, f'konformità mal-Artikolu 43(3) TFUE, jistabbilixxi limiti għall-proporzjon tal-għajnuna mill-Istat li tkopri l-miżuri u spejjeż imsemmija fil-punt (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

2.   Għall-finijiet ta' din it-Taqsima:

(a)

‘frott u ħaxix għall-iskejjel’ tfisser il-prodotti msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 3 u fil-punt (a) tal-paragrafu 4;

(b)

‘ħalib għall-iskejjel’ tfisser il-prodotti msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 3 u fil-punt (b) tal-paragrafu 4, kif ukoll il-prodotti msemmija fl-Anness V.

3.   L-Istati Membri li jixtiequ jieħdu sehem fl-iskema ta' għajnuna stabbilita skont il-paragrafu 1 (“l-iskema għall-iskejjel”) u li jitolbu l-għajnuna mill-Unjoni korrispondenti, għandhom, filwaqt li jieħdu kont taċ-ċirkostanzi nazzjonali, jagħtu prijorità lid-distribuzzjoni tal-prodotti ta' wieħed mill-gruppi li ġejjin jew tat-tnejn li huma:

(a)

frott u ħaxix u prodotti friski tas-settur tal-banana;

(b)

ħalib tax-xorb u l-verżjonijiet mingħajr lattożju tiegħu.

4.   Minkejja l-paragrafu 3, sabiex jiġi promoss il-konsum ta' prodotti speċifiċi u/jew biex tingħata risposta għall-ħtiġijiet nutrizzjonali partikolari tat-tfal fit-territorju tagħhom, l-Istat Membri jistgħu jipprevedu d-distribuzzjoni ta' prodotti ta' wieħed mill-gruppi li ġejjin jew tat-tnejn li huma:

(a)

prodotti ta' frott u ħaxix ipproċessati, minbarra l-prodotti previsti fil-punt (a) tal-paragrafu 3;

(b)

ġobon, baqta, jogurt u prodotti oħra tal-ħalib iffermentati jew aċidifikati mingħajr ħwawar, frott, ġewż jew kawkaw miżjuda, flimkien mal-prodotti msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 3.

5.   F'każijiet meta l-Istati Membri jikkunsidraw li jkun neċessarju għall-kisba tal-objettivi tal-iskema għall-iskejjel u tal-għanijiet iddikjarati fl-istrateġiji tagħhom msemmija fil-paragrafu 8, huma jistgħu jissuplementaw id-distribuzzjoni tal-prodotti msemmija fil-paragrafi 3 u 4 bil-prodotti elenkati fl-Anness V.

F'każijiet bħal dawn, l-għajnuna mill-Unjoni għandha titħallas biss għall-komponent tal-ħalib tal-prodott distribwit. Dak il-komponent tal-ħalib ma għandux ikun anqas minn 90 % skont il-piż għall-prodotti tal-Kategorija I tal-Anness V u 75 % skont il-piż għall-prodotti tal-Kategorija II tal-Anness V.

Il-livell tal-għajnuna mill-Unjoni għall-komponent tal-ħalib għandu jiġi ffissat mill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 43(3) TFUE.

6.   Il-prodotti distribwiti skont l-iskema għall-iskejjel ma għandux ikun fihom xi wieħed minn dan li ġej:

(a)

zokkor miżjud;

(b)

melħ miżjud;

(c)

xaħam miżjud;

(d)

sustanzi miżjuda li jżidu l-ħlewwa; jew

(e)

sustanzi artifiċjali miżjuda li jsaħħu t-togħma minn E 620 sa E 650 kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

Minkella l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, kwalunkwe Stat Membru jista', wara li jkun kiseb l-awtorizzazzjoni adatta mill-awtoritajiet nazzjonali tiegħu responsabbli għas-saħħa u n-nutrizzjoni f'konformità mal-proċeduri nazzjonali tiegħu, jiddeċiedi li l-prodotti eliġibbli msemmija fil-paragrafi 4 u 5 jista' jkun fihom kwantitajiet limitati ta' zokkor miżjud, melħ miżjud u/jew xaħam miżjud.

7.   Minbarra l-prodotti msemmija fil-paragrafi 3, 4 u 5 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu l-inklużjoni ta' prodotti agrikoli oħra fil-qafas tal-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament, b'mod partikolari dawk elenkati fil-punti (g) u (v) tal-Artikolu 1(2).

8.   Bħala kundizzjoni għall-parteċipazzjoni tiegħu fl-iskema għall-iskejjel, Stat Membru għandu jfassal, qabel il-parteċipazzjoni tiegħu fl-iskema għall-iskejjel, u mbagħad kull sitt snin, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, strateġija għall-implimentazzjoni tal-iskema. L-istrateġija tista' tiġi emendata mill-awtorità responsabbli għat-tfassil tagħha fil-livell nazzjonali jew reġjonali, b'mod partikolari fid-dawl tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni u tar-riżultati miksuba. L-istrateġija għandha tal-anqas tidentifika l-ħtiġijiet li għandhom jiġu ssodisfati, il-klassifikazzjoni tal-ħtiġijiet f'termini ta' prijoritajiet, il-grupp fil-mira, ir-riżultati li mistennija jintlaħqu u, jekk disponibbli, il-miri kwantifikati li għandhom jinkisbu fir-rigward tas-sitwazzjoni inizjali, u tistabbilixxi l-istrumenti u l-azzjonijiet l-aktar xierqa biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

L-istrateġija tista' tinkludi elementi speċifiċi relatati mal-implimentazzjoni tal-iskema għall-iskejjel, inklużi dawk maħsuba biex jissimplifikaw il-ġestjoni tagħha.

9.   L-Istati Membri għadhom jiddeterminaw fl-istrateġiji tagħhom il-lista tal-prodotti kollhali għandhom jiġu pprovduti fil-qafas tal-iskema għall-iskejjel permezz tad-distribuzzjoni regolari jew inkella fil-qafas ta' miżuri edukattivi ta' akkumpanjament. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6, huma għandhom jiżguraw ukoll l-involviment xieraq tal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom responsabbli għas-saħħa u n-nutrizzjoni fit-tfassil ta' dik il-lista, jew l-awtorizzazzjoni xierqa minn dawk l-awtoritajiet ta' dik il-lista, f'konformità mal-proċeduri nazzjonali.

10.   Sabiex l-iskema għall-iskejjel tkun effettiva, l-Istati Membri għandhom jipprevedu wkoll miżuri edukattivi ta' akkumpanjament, li jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, miżuri u attivitajiet li jkollhom l-għan li jqarrbu lit-tfal mill-ġdid lejn l-agrikoltura permezz ta' attivitajiet, bħal żjarat f'azjendi agrikoli, u d-distribuzzjoni ta' firxa usa' ta' prodotti agrikoli kif imsemmija fil-paragrafu 7. Dawk il-miżuri jistgħu wkoll jitfasslu biex jedukaw it-tfal dwar kwistjonijiet relatati, bħal drawwiet ta' dieta tajba għas-saħħa, ktajjen alimentari lokali, il-biedja organika, il-produzzjoni sostenibbli u l-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel.

11.   L-Istati Membri għandhom jagħżlu l-prodotti li għandhom jiġu inkorporati fid-distribuzzjoni jew li għandhom jiġu inklużi fil-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament abbażi ta' kriterji oġġettivi li għandhom jinkludu kriterju wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin: kunsiderazzjonijiet tas-saħħa u dawk ambjentali, l-istaġjonalità, il-varjetà u d-disponibbiltà ta' prodotti lokali jew reġjonali, filwaqt li jagħtu prijorità sa fejn huwa prattikabbli għall-prodotti li joriġinaw fl-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu jinkoraġġixxu b'mod partikolari xiri lokali jew reġjonali, prodotti organiċi, ktajjen tal-provvista qosra jew benefiċċji ambjentali u, jekk xieraq, prodotti rikonoxxuti taħt l-iskemi ta' kwalità stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li, fl-istrateġiji tagħhom, jagħtu prijorità lil konsiderazzjonijiet ta' sostenibbiltà u ta' kummerċ ġust.

Artikolu 23a

Dispożizzjonijiet finanzjarji

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, l-għajnuna taħt l-iskema għall-iskejjel allokata għad-distribuzzjoni tal-prodotti, il-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament u l-ispejjeż relatati msemmija fl-Artikolu 23(1) ma għandhiex taqbeż il-EUR 250 miljun għal kull sena skolastika.

F'dak il-limitu globali, l-għajnuna ma għandhiex taqbeż:

(a)

għall-frott u l-ħaxix għall-iskejjel: EUR 150 miljun għal kull sena skolastika;

(b)

għall-ħalib għall-iskejjel: EUR 100 miljun għal kull sena skolastika.

2.   L-għajnuna msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi allokata lil kull Stat Membru, filwaqt li jitqies dan li ġej:

(a)

l-għadd ta' tfal bejn sitta u għaxar snin fl-Istat Membru kkonċernat;

(b)

il-livell ta' żvilupp tar-reġjuni fl-Istat Membru kkonċernat sabiex jiġi żgurat li aktar għajnuna tigi allokata lir-reġjuni anqas żviluppati t u lill-gżejjer minuri tal-Eġew fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 229/2013; u

(c)

għall-ħalib għall-iskejjel, minbarra l-kriterji msemmija fil-punti (a) u (b), l-użu storiku tal-għajnuna mill-Unjoni għall-provvista ta' ħalib u prodotti tal-ħalib lit-tfal.

L-allokazzjonijiet għall-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li aktar għajnuna tigi allokata lir-reġjuni ultraperiferiċi elenkati fl-Artikolu 349 TFUE sabiex jittieħed kont tas-sitwazzjoni speċifika ta' dawk ir-reġjuni rigward il-provenjenza ta' prodotti u biex tiġi promossa tali provenjenza bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi li jinsabu fi prossimità ġeografika għal xulxin.

L-allokazzjonijiet għall-ħalib għall-iskejjel li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-kriterji stipulati f'dan il-paragrafu għandhom jiżguraw li l-Istati Membri kollha jkunu intitolati li jirċievu tal-anqas ammont minimu ta' għajnuna mill-Unjoni għal kull tifel u tifla fil-grupp ta' età msemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu. Dak l-ammont ma għandux ikun anqas mill-użu medju ta' għajnuna mill-Unjoni għal kull tifel u tifla madwar l-Istati Membri kollha fil-qafas tal-iskema tal-ħalib għall-iskejjel li applikat qabell-1 ta' Awwissu 2017.

Miżuri dwar l-iffissar ta' allokazzjonijiet indikattivi u definittivi u dwar ir-riallokazzjoni tal-għajnuna mill-Unjoni għall-frott u ħaxix għall-iskejjel u għall-ħalib għall-iskejjel għandhom jittieħdu mill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 43(3) TFUE.

3.   L-Istati Membri li jixtiequ jipparteċipaw fl-iskema għall-iskejjel għandhom jippresentaw kull sena t-talba tagħhom għall-għajnuna mill-Unjoni, filwaqt li jispeċifikaw l-ammont mitlub għall-frott u l-ħaxix għall-iskejjel, u l-ammont mitlub għall-ħalib għall-iskejjel li huma jixtiequ jiddistribwixxu.

4.   Mingħajr ma jinqabeż il-limitu globali ta' EUR 250 miljun stipulat fil-paragrafu 1, kwalunkwe Stat Membru jista' jittrasferixxi darba kull sena skolastika sa 20 % tal-allokazzjoni indikattiva waħda jew l-oħra tiegħu.

Dak il-perċentwal jista' jiżdied sa 25 % għall-Istati Membri li għandhom reġjuni ultraperiferiċi elenkati fl-Artikolu 349 TFUE u f'każijiet oħra ġustifikati kif dovut, bħal meta Stat Membru jeħtieġ jindirizza sitwazzjoni tas-suq speċifika fis-settur kopert mill-iskema għall-iskejjel, it-tħassib partikolari tiegħu rigward konsum baxx ta' wieħed miż-żewġ -gruppi ta' prodotti, jew bidliet soċjetali oħra.

It-trasferimenti jistgħu jsiru:

(a)

qabel ma jiġu ffissati allokazzjonijiet definittivi għas-sena skolastika ta' wara, bejn l-allokazzjonijiet indikattivi tal-Istati Membri; jew

(b)

wara l-bidu ta' sena skolastika, bejn l-allokazzjonijiet definittivi tal-Istat Membru, meta tali allokazzjonijiet ikunu ġew stabbiliti għall-Istat Membru inkwistjoni.

It-trasferimenti msemmija fil-punt (a) tat-tielet subparagrafu ma jistgħux isiru mill-allokazzjoni indikattiva għall-grupp ta' prodotti li għalihom l-Istat Membru kkonċernat jitlob ammont li jaqbeż l-allokazzjoni indikattiva tiegħu. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-ammont ta' kwalunkwe trasferiment bejn allokazzjonijiet indikattivi

5.   L-iskema għall-iskejjel għandha tkun preġudizzju għal kwalunkwe skema nazzjonali separata għall-iskejjel li hija kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni. L-għajnuna mill-Unjoni prevista fl-Artikolu 23 tista' tintuża biex testendi l-ambitu jew l-effettività ta' kwalunkwe skema nazzjonali għall-iskejjel eżistenti jew kwalunkwe skema ta' distribuzzjoni fl-iskejjel li tipprovdi frott u ħaxix għall-iskejjel u ħalib għall-iskejjel iżda hija ma għandhiex tissostitwixxi l-finanzjament għal dawk l-iskemi nazzjonali eżistenti, ħlief għad-distribuzzjoni b'xejn ta' ikliet lil tfal fi stabbilimenti edukattivi. Jekk Stat Membru jiddeċiedi li jestendi l-ambitu ta' skema nazzjonali għall-iskejjel eżistenti jew li jagħmilha aktar effettiva billi jitlob għajnuna mill-Unjoni, huwa għandu jindika fl-istrateġija msemmija fl-Artikolu 23(8) kif dan ser jinkiseb.

6.   Minbarra l-għajnuna mill-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna nazzjonali għall-finanzjament tal-iskema għall-iskejjel.

L-Istati Membri jistgħu jiffinanzjaw dik l-għajnuna permezz ta' imposta fuq is-settur ikkonċernat jew permezz kwalunkwe kontribuzzjoni oħra mis-settur privat.

7.   L-Unjoni tista' tiffinanzja wkoll, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, miżuri ta' informazzjoni, pubbliċità, monitoraġġ u evalwazzjoni relatati mal-iskema għall-iskejjel, inkluż miżuri ta' sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar l-objettivi tal-iskema, u miżuri ta' netwerking relatati li għandhom bħala għan l-iskambju ta' esperjenzi u l-aħjar prattiki sabiex jiġu ffaċilitati l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-iskema.

Il-Kummissjoni tista' tiżviluppa, f'konformità mal-Artikolu 24(4) ta' dan ir-Regolament, identifikatur komuni jew elementi grafiċi biex isaħħaħ il-viżibbiltà tal-iskema għall-iskejjel.

8.   L-Istati Membri li jieħdu sehem fl-iskema għall-iskejjel għandhom jippubbliċizzaw, fil-bini tal-iskola jew postijiet rilevanti oħra, l-involviment tagħhom fl-iskema u l-fatt li din hija ssussidjata mill-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu jużaw kwalunkwe għodda ta' pubbliċità xierqa, li tista' tinkludi posters, siti elettroniċi ddedikati, materjal grafiku informattiv, u kampanji ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-valur miżjud u l-viżibbiltà tal-iskema għall-iskejjel tal-Unjoni fir-rigward tal-provvista ta' ikliet oħra fi stabbilimenti edukattivi.

Artikolu 24

Setgħat delegati

1.   Sabiex jiġu promossi d-drawwiet ta' dieta tajba għas-saħħa tat-tfal u biex jiġi żgurat li l-għajnuna mill-iskema għall-iskejjel tkun mmirata lejn it-tfal fil-grupp fil-mira msemmi fl-Artikolu 22, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 227 li jikkonċernaw regoli dwar:

(a)

il-kriterji addizzjonali relatati mal-eliġibbiltà tal-grupp fil-mira msemmi fl-Artikolu 22;

(b)

l-approvazzjoni u l-għażla tal-applikanti għall-għajnuna mill-Istati Membri;

(c)

it-tfassil tal-istrateġiji nazzjonali jew reġjonali u l-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament.

2.   Sabiex jiġi żgurat l-użu effiċjenti u mmirat tal-fondi tal-Unjoni u biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-iskema għall-iskejjel, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 227 li jikkonċernaw:

(a)

l-identifikazzjoni ta' spejjeż u miżuri li huma eliġibbli għall-għajnuna mill-Unjoni;

(b)

l-obbligu għall-Istati Membri li jimmonitorjaw u jevalwaw l-effettività tal-iskema għall-iskejjel tagħhom.

3.   Sabiex jitqiesu l-iżviluppi xjentifiċi, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 227 sabiex tissupplimenta l-lista ta' sustanzi artifiċjali li jsaħħu t-togħma msemmija fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(6).

Sabiex jiġi żgurat li l-prodotti distribwiti skont l-Artikolu 23(3), (4) u (5) jilħqu l-objettivi tal-iskema għall-iskejjel, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 227 biex jiġu definiti l-livelli massimi għal zokkor miżjud, melħ miżjud u xaħam miżjud li jistgħu jkunu permessi mill-Istati Membri taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(6) u li teknikament huma neċessarji għall-preparazzjoni jew il-manifattura ta' prodotti pproċessati.

4.   Sabiex tiġi promossa s-sensibilizzazzjoni dwar l-iskema għall-iskejjel u tittejjeb il-viżibbiltà tal-għajnuna mill-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 227 li jobbligaw l-Istati Membri li jipparteċipaw fl-iskema għall-iskejjel biex jippubbliċizzaw b'mod ċar il-fatt li huma qegħdin jirċievu appoġġ mill-Unjoni biex jimplimentaw l-iskema, inkluż fir-rigward ta':

(a)

jekk xieraq, l-istabbiliment ta' kriterji speċifiċi dwar il-preżentazzjoni, il-kompożizzjoni, id-daqs u d-disinn tal-identifikatur komuni jew l-elementi grafiċi;.

(b)

il-kriterji speċifiċi relatati mal-użu ta' għodda ta' pubbliċità.

5.   Sabiex jiġi żgurat il-valur miżjud u l-viżibbiltà tal-iskema għall-iskejjel, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 227 fir-rigward tar-regoli li jikkonċernaw id-distribuzzjoni ta' prodotti fir-rigward tal-provvista ta' ikliet oħra fi stabbilimenti edukattivi.

6.   B'kont meħud tal-ħtieġa li jiġi żgurat li l-għajnuna mill-Unjoni tkun riflessa fil-prezz li bih il-prodotti jitqiegħdu għad-dispożizzjoni taħt l-iskema għall-iskejjel, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 227 li jobbligaw l-Istati Membri biex jispjegaw fl-istrateġiji tagħhom kif dan ser jinkiseb.

Artikolu 25

Setgħat ta' implimentazzjoni skont il-proċedura ta' eżami

Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta l-miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni ta' din it-Taqsima inkluż dawk li jikkonċernaw:

(a)

l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fl-istrateġiji tal-Istati Membri;

(b)

l-applikazzjonijiet għall-għajnuna u l-pagamenti, inkluża s-simplifikazzjoni tal-proċeduri li jirriżultaw mill-qafas komuni għall-iskema għall-iskejjel;

(c)

il-metodi tal-pubbliċità, u l-miżuri ta' netwerking fir-rigward tal-iskema għall-iskejjel;

(d)

is-preżentazzjoni, il-format u l-kontenut tat-talbiet annwali għall-għajnuna, ir-rapporti ta' monitoraġġ u evalwazzjoni mill-Istati Membri li jieħdu sehem fl-iskema għall-iskejjel;

(e)

l-applikazzjoni tal-Artikolu 23a(4), inklużi dwar l-iskadenzi għat-trasferimenti u dwar il-preżentazzjoni, il-format u l-kontenut tan-notifiki ta' trasferiment.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 229(2).

(*)  Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16).”;"

(2)

L-Artikolu 217 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 217

Pagamenti nazzjonali għad-distribuzzjoni ta' prodotti lit-tfal

L-Istati Membri jistgħu jagħmlu pagamenti nazzjonali għall-provvista lit-tfal fi stabbilimenti edukattivi tal-gruppi ta' prodotti eliġibbli msemmija fl-Artikolu 23, għall-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament relatati ma' tali prodotti u għall-ispejjeż relatati msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 23(1).

L-Istati Membri jistgħu jiffinanzjaw dawk il-pagamenti permezz ta' imposta fuq is-settur ikkonċernat jew permezz ta' kwalunkwe kontribuzzjoni oħra mis-settur privat.”;

(3)

Fl-Artikolu 225, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(e)

sal-31 ta' Lulju 2023, dwar l-applikazzjoni tal-kriterji ta' allokazzjoni msemmija fl-Artikolu 23a(2);

(f)

sal-31 ta' Lulju 2023, dwar l-impatt tat-trasferimenti msemmija fl-Artikolu 23a(4) fuq l-effettività tal-iskema għall-iskejjel b'rabta mad-distribuzzjoni ta' frott u ħaxix għall-iskejjel u ħalib għall-iskejjel.”;

(4)

L-Anness V huwa sostitwit b'dan li ġej:

“ANNESS V

PRODOTTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 23(5)

Kategorija I

Prodotti magħmulin minn ħalib iffermentat mingħajr meraq tal-frott, b'togħma naturali

Prodotti magħmulin minn ħalib bil-meraq tal-frott, b'togħma naturali jew mingħajr togħma

Xarbiet abbażi ta' ħalib bil-kawkaw, meraq tal-frott jew b'togħma naturali

Kategorija II

Prodotti tal-ħalib, iffermentat jew mhux iffermentat, bil-frott, b'togħma naturali jew mingħajr togħma”.

Artikolu 2

Emenda tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013

Fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(d)

il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-miżuri relatati mal-mard tal-annimali u t-telf tal-fiduċja tal-konsumaturi kif imsemmi fl-Artikolu 220 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.”

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Awwissu 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Mejju 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

J.A. HENNIS-PLASSCHAERT


(1)  ĠU C 451, 16.12.2014, p. 142.

(2)  ĠU C 415, 20.11.2014, p. 30.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Marzu 2016 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' April 2016.

(4)  Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(5)  Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).