29.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 115/33


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/669

tat-28 ta' April 2016

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 808/2014 fir-rigward tal-emenda u l-kontenut tal-programmi tal-iżvilupp rurali, il-pubbliċità għal dawn il-programmi, u r-rati tal-konverżjoni għal unitajiet tal-bhejjem

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3), l-Artikoli 12 u 41 u l-Artikolu 66(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014 (2) jistabbilixxi l-għadd massimu ta' emendi fil-programmi tal-iżvilupp rurali li l-Istati Membri jistgħu jressqu lill-Kummissjoni. Meta l-appoġġ ikollu l-għamla ta' strument finanzjarju, għandhom japplikaw regoli speċifiċi ħalli l-Istati Membri jingħataw il-flessibbiltà meħtieġa fl-implimentazzjoni tal-istrument finanzjarju. Għaldaqstant l-għadd massimu ta' emendi fil-programm ma jgħoddx għall-emendi relatati mal-programmazzjoni tal-istrumenti finanzjarji.

(2)

L-Artikolu 9 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014 jistabbilixxi regoli għall-konverżjoni tal-unitajiet, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar ir-rati tal-konverżjoni tad-diversi kategoriji ta' annimali għal unitajiet tal-bhejjem. Għandu jiġi ċċarat li dawn ir-rati tal-konverżjoni ma japplikawx biss għall-impenji tat-trobbija ta' razez lokali fil-periklu li jintilfu għall-biedja iżda għal kull impenn relatat mal-bhejjem skont l-Artikoli 28, 29 u 34 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

(3)

Il-punt 8(2) tal-Parti 1 u l-punt 5(2) tal-Parti 2 tal-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014 jistabbilixxu ċertu regoli dwar id-deskrizzjoni tal-miżuri fil-programmi tal-iżvilupp rurali u l-oqfsa nazzjonali. Meta l-appoġġ ikollu l-għamla ta' strument finanzjarju, għandhom japplikaw regoli speċifiċi ħalli l-Istati Membri jkollhom il-flessibbiltà meħtieġa fl-implimentazzjoni tal-istrument finanzjarju.

(4)

L-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 808/2014 jiddefinixxi r-rati tal-konverżjoni tal-annimali għall-unitajiet tal-bhejjem imsemmija fl-Artikolu 9 jipprovdi li dawk ir-rati tal-konverżjoni jistgħu jiġu miżjuda għall-kategoriji kollha li hemm fit-tabella u jitnaqqsu għal tjur ieħor, filwaqt li titqies l-evidenza xjentifika li trid tiġi spjegata u ġġustifikata kif jixraq fil-programmi tal-iżvilupp rurali. L-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibbiltà li jnaqqsu dawk ir-rati tal-konverżjoni mhux biss għal “tjur tal-irziezet ieħor” iżda għal kull kategorija li hemm fit-tabella meta dan ikun ġustifikat u bbażat fuq l-evidenza xjentifika.

(5)

Il-punt 2.2 tal-Parti 1 tal-Anness III tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014 jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-informazzjoni u l-azzjonijiet pubbliċitarji mill-benefiċjarji waqt l-implimentazzjoni ta' operazzjoni. Il-punt 2.2(b) jipprevedi rekwiżiti differenti skont l-ammont totali ta' appoġġ pubbliku. Għandu jiġi stabbilit livell limitu uniku ta' EUR 50 000 ħalli jkunu żgurati rekwiżiti proporzjonati u armonizzati. Barra minn hekk, sabiex titqies in-natura partikolari ta' dawn il-miżuri relatati maż-żona u mal-annimali u miżuri oħrajn li ma jikkonċernawx l-investimenti, l-Istati Membri għandhom jitħallew jiddeċiedu jekk dawn il-miżuri għandhomx ikunu kkonċernati mill-obbligi ta' informazzjoni.

(6)

Għalhekk ir-Regolament (UE) Nru 808/2014 għandu jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014 jiġi emendat kif ġej:

(1)

Fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2), jiżdied dan il-punt (e) li ġej:

“(e)

f'każ ta' emendi relatati mal-istrumenti finanzjarji li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.”

(2)

L-Artikolu 9 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 9

1.   Meta l-impenji skont l-Artikoli 28, 29 u 34 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 ikunu jirreferu għal unitajiet tal-bhejjem, għandhom japplikaw ir-rati tal-konverżjoni tal-bosta kategoriji tal-annimali għal unitajiet tal-bhejjem kif stabbiliti fl-Anness II.

2.   Meta l-impenji skont l-Artikoli 28, 29 u 34 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jiġu espressi f'unitajiet differenti minn dawk stipulati fl-Anness II ta' dak ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jikkalkulaw il-pagamenti abbażi ta' dawk l-unitajiet l-oħra. F'dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konformità mal-ammonti massimi fis-sena eliġibbli għall-appoġġ tal-FAEŻR kif stipulati f'dak l-Anness.

3.   Ħlief għall-pagamenti għall-impenji tat-trobbija ta' razez lokali f'perikolu li jinqerdu mill-biedja msemmijin fl-Artikolu 28(10)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, il-pagamenti skont l-Artikoli 28, 29 u 34 ta' dak ir-Regolament ma jistgħux jingħataw skont l-unità tal-bhejjem.”

(3)

L-Anness I huwa emendat kif stipulat fl-Anness I ta' dan ir-Regolament;

(4)

L-Anness II jinbidel bit-test tal-Anness II ta' dan ir-Regolament.

(5)

L-Anness III huwa emendat kif stipulat fl-Anness III ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' April 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014 tas-17 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 18).


ANNESS I

L-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fil-punt 8(2) tal-Parti 1, il-punt (c) jinbidel b'dan li ġej:

“(c)

il-kamp ta' applikazzjoni, il-livell ta' appoġġ, il-benefiċjarji eliġibbli, u meta rilevanti, il-metodoloġija għall-kalkolu tal-ammont jew ir-rata tal-appoġġ maqsuma skont is-submiżura u/jew it-tip ta' operazzjoni meta meħtieġ. Għal kull tip ta' operazzjoni jiġu speċifikati l-ispejjeż eliġibbli, il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà, l-ammonti applikabbli, u r-rati tal-appoġġ u l-prinċipji għall-istabbiliment tal-kriterji tal-għażla. Meta l-appoġġ jingħata għal strument finanzjarju implimentat skont il-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 38(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, issir deskrizzjoni tat-tip ta' strument finanzjarju, il-kategoriji ġenerali tal-benefiċjarji finali, il-kategoriji ġenerali tal-ispejjeż eliġibbli, il-livell massimu ta' appoġġ u l-prinċipji għall-istabbiliment tal-kriterji tal-għażla.”

(2)

Fil-punt 5(2) tal-Parti 2, il-punt (c) jinbidel b'dan li ġej:

“(c)

il-kamp ta' applikazzjoni, il-livell ta' appoġġ, il-benefiċjarji eliġibbli, u meta rilevanti, il-metodoloġija għall-kalkolu tal-ammont jew ir-rata tal-appoġġ maqsuma skont is-submiżura u/jew it-tip ta' operazzjoni meta meħtieġ. Għal kull tip ta' operazzjoni jiġu speċifikati l-ispejjeż eliġibbli, il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà, l-ammonti applikabbli, u r-rati tal-appoġġ u l-prinċipji għall-istabbiliment tal-kriterji tal-għażla. Meta l-appoġġ jingħata għal strument finanzjarju implimentat skont il-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 38(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, issir deskrizzjoni tat-tip ta' strument finanzjarju, il-kategoriji ġenerali tal-benefiċjarji finali, il-kategoriji ġenerali tal-ispejjeż eliġibbli, il-livell massimu ta' appoġġ u l-prinċipji għall-istabbiliment tal-kriterji tal-għażla.”


ANNESS II

“ANNESS II

Ir-rata tal-konverżjoni tal-annimali għal unitajiet tal-bhejjem (“LU”) imsemmija fl-Artikolu 9(1) u (2).

(1)

Barrin, baqar u annimali bovini oħra li jaqbżu s-sentejn, u annimali ekwini li jaqbżu s-sitt xhur

1,0 LU

(2)

Annimali bovini minn sitt xhur sa sentejn

0,6 LU

(3)

Annimali bovini taħt is-sitt xhur

0,4 LU

(4)

Nagħaġ u mogħoż

0,15 LU

(5)

Majjali nisa għat-tgħammir > 50Kg

0,5 LU

(6)

Ħnieżer oħra

0,3 LU

(7)

Tiġieġ għall-bajd

0,014 LU

(8)

Tjur tal-irziezet ieħor

0,03 LU

Għall-kategoriji jew għas-sottokategoriji tal-annimali f'din it-tabella, ir-rati tal-konverżjoni jistgħu jiġu miżjuda jew imnaqqsa b'mod eċċezzjonali, filwaqt li titqies l-evidenza xjentifika li għandha tiġi spjegata u ġġustifikata kif jixraq fil-programmi tal-iżvilupp rurali.

B'mod eċċezzjonali jistgħu jiżdiedu kategoriji oħrajn tal-annimali. Ir-rati tal-konverżjoni għal kategoriji bħal dawn għandhom jiġu stabbiliti meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi partikolari u l-evidenza xjentifika li għandha tiġi spjegata u ġġustifikata kif jixraq fil-programmi tal-iżvilupp rurali.”


ANNESS III

Fil-punt 2.2 tal-Parti 1 tal-Anness III tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

għall-operazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-punt (c), l-appoġġ pubbliku totali li jkun jaqbeż il-EUR 50 000, tal-inqas iqiegħed powster (mhux iżgħar minn A3) jew plakka b'informazzjoni dwar il-proġett, li tenfasizza l-appoġġ finanzjarju mill-Unjoni, u f'post fejn il-pubbliku jkun jista' jaqraha. Madankollu l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li dan ir-rekwiżit ma japplikax għal operazzjonijiet skont il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 21(1) (li jikkonċerna d-dħul mitluf u l-ispejjeż tal-manutenzjoni) u l-Artikoli 28 sa 31, 33, 34 u 40 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, jew jistgħu jiddeċiedu li għal dawk l-operazzjonijiet, dak il-livell limitu għandu jiżdied. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li dan ir-rekwiżit ma għandux japplika għal operazzjonijiet oħra li ma jirriżultawx f'investiment meta, minħabba n-natura tal-operazzjoni ffinanzjata, ma jkunx jista' jiġi identifikat post xieraq għall-powster jew għall-plakka, jew jistgħu jiddeċiedu li għal dawk l-operazzjonijiet, dak il-livell limitu għandu jiżdied. Il-plakka spjegatorja għandha titqiegħed fil-binja tal-gruppi għall-azzjoni lokali ffinanzjati mil-LEADER;”