19.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 103/5


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/592

tal-1 ta' Marzu 2016

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-obbligu tal-ikklerjar

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) ġiet innotifikata bil-klassijiet ta' derivattivi ta' kreditu barra l-borża (OTC) li kontroparti ċentrali (CCPs) ġiet awtorizzata tikklerja. Għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, l-ESMA evalwat il-kriterji li huma essenzjali sabiex jiġu suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar, inkluż il-livell ta' standardizzazzjoni, il-volum u l-likwidità, u d-disponibilità tal-informazzjoni dwar il-prezz. Bl-objettiv ġenerali li jitnaqqas ir-riskju sistemiku, l-ESMA stabbilixxiet il-klassijiet ta' derivattivi ta' kreditu OTC li għandhom jiġu suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar skont il-proċedura stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(2)

Il-perjodu ta' maturità huwa l-karatteristika komuni u essenzjali għad-derivattivi ta' kreditu OTC. Dan ikun jikkorrispondi għal data fissa li fiha jiskadi l-kuntratt tad-derivattivi ta' kreditu. Dan il-fattur għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġu definiti l-klassijiet ta' derivattivi ta' kreditu OTC li għandhom ikunu suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar.

(3)

Kontropartijiet differenti għandhom bżonn perjodi differenti ta' żmien sabiex jistabbilixxu l-arranġamenti neċessarji għall-ikklerjar ta' derivattivi ta' kreditu OTC li jkunu suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar. Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm implimentazzjoni ordnata u f'ħinha ta' dan l-obbligu, il-kontropartijiet għandhom jiġu kklasifikati f'kategoriji li fihom kontropartijiet li jkollhom karatteristiċi suffiċjentement simili jkunu suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar mill-istess data.

(4)

L-ewwel kategorija għandha tinkludi kemm kontropartijiet finanzjarji kif ukoll mhux finanzjarji li, fid-data li fiha jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, ikunu membri tal-ikklerjar ta' mill-anqas waħda mis-CCPs relevanti u li għall-anqas waħda mill-klassijiet ta' derivattivi ta' kreditu OTC suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar, peress li dawk il-kontropartijiet diġà jkollhom esperjenza bl-ikklerjar volontarju u jkunu diġà stabbilew il-konnessjonijiet ma' dawk is-CCPs biex jikklerjaw mill-anqas waħda minn dawk il-klassijiet. Kontropartijiet mhux finanzjarji li jkunu membri tal-ikklerjar għandhom ukoll jiġu inklużi f'din l-ewwel kategorija peress li l-esperjenza u l-preparazzjoni tagħhom dwar l-ikklerjar ċentrali tista' titqabbel ma' dik tal-kontropartijiet finanzjarji inklużi fiha.

(5)

It-tieni u t-tielet kategorija għandhom jinkludu kontropartijiet finanzjarji li mhumiex inklużi fl-ewwel kategorija, miġburin skont il-livelli tagħhom ta' kapaċità ġuridika u operattiva rigward id-derivattivi OTC. Il-livell ta' attività f'derivattivi OTC għandu jservi ta' bażi sabiex jiġi ddifferenzjat il-grad ta' kapaċità ġuridika u operattiva tal-kontropartijiet finanzjarji, u limitu stabbilit kwantitattivi għandu għaldaqstant jiġi stabbilit biex issir distinzjoni bejn it-tieni u t-tielet kategorija abbażi tal-ammont nozzjonali aggregat medju fi tmiem ix-xahar ta' derivattivi kklerjati mhux ċentrali. Dan il-limitu għandu jiġi stabbilit f'livell xieraq sabiex jiġu ddifferenzjati l-parteċipanti iżgħar fis-suq, filwaqt li xorta jinżamm livell sinifikanti ta' riskju taħt it-tieni kategorija. Il-limitu stabbilit għandu wkoll ikun allinjat mal-limitu maqbul f'livell internazzjonali għar-rekwiżiti ta' marġini għal derivattivi mhux ikklerjati ċentralment sabiex titjieb il-konverġenza regolatorja u jiġu limitati l-ispejjeż ta' konformità għall-kontropartijiet. Bħal fil-każ ta' dawn l-istandards internazzjonali, filwaqt li l-limitu stabbilit japplika b'mod ġenerali fil-livell ta' grupp meta wieħed iqis ir-riskji potenzjali kondiviżi fi ħdan il-grupp, fil-każ ta' fondi ta' investiment il-limitu stabbilit għandu jiġi applikat b'mod separat għal kull fond peress li l-obbligazzjonijiet ta' fond mhumiex normalment affettwati mill-obbligazzjonijiet ta' fondi oħra jew mill-maniġer tal-investiment tagħhom. Għalhekk il-livell sabbilit għandu jiġi applikat b'mod separat għal kull fond sakemm, fil-każ ta' insolvenza jew falliment tal-fond, kull fond ta' investiment ikun jikkostitwixxi ġabra ta' assi kompletament segregata u ristretta li ma tkunx kollateralizzata, garantita jew appoġġjata minn fondi oħra ta' investiment jew mill-maniġer tal-investiment innifsu.

(6)

Ċerti fondi ta' investiment alternattivi (“AIFs”) ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta' kontropartijiet finanzjarji skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 għalkemm għandhom grad ta' kapaċità operattiva rigward il-kuntratti tad-derivattivi OTC li huwa simili għal dak tal-AIFs li jaqgħu taħt din id-definizzjoni. Għalhekk l-AIFs li jiġu kklassifikati bħala kontropartijiet mhux finanzjarji għandhom jiġu inklużi fl-istess kategoriji ta' kontropartijiet bħall-AIFs ikklassifikati bħala kontropartijiet finanzjarji.

(7)

Ir-raba' kategorija għandha tinkludi kontropartijiet mhux finanzjarji mhux inklużi fil-kategoriji l-oħra, meta jitqiesu li l-esperjenza u l-kapaċità tagħhom b'derivattivi OTC u fl-ikklerjar ċentrali huma aktar limitati minn dawk tal-kategoriji ta' kontropartijiet l-oħra.

(8)

Id-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar għall-kontropartijiet tal-ewwel kategorija għandu jitqies fiha l-fatt li huma jista' ma jkollhomx il-konnessjonijiet meħtieġa preeżistenti mas-CCPs għall-klassijiet kollha li jkunu suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar. Barra minn dan, il-kontropartijiet f'din il-kategorija jikkostitwixxu l-punt ta' aċċess għall-ikklerjar għall-kontropartijiet li ma humiex membri tal-ikklerjar, u huwa mistenni li l-ikkljerjar tal-klijenti u l-ikklerjar indirett tal-klijenti jiżdied b'mod sostanzjali bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tal-obbligu tal-ikklerjar. Fl-aħħarnett, din l-ewwel kategorija ta' kontropartijiet tifforma parti sinifikanti mill-volum ta' derivattivi ta' kreditu OTC li diġà huma kklerjati, u l-volum tat-tranżazzjonijiet li għandhom jiġu kklerjati se jiżdied b'mod sinifikanti wara d-data li fiha l-obbligu tal-ikklerjar stabbilit b'dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ. Għalhekk, għandu jiġi stabbilit perjodu ta' żmien raġjonevoli ta' sitt xhur għall-kontropartijiet tal-ewwel kategorija sabiex iħejju għall-ikklerjar ta' klassijiet addizzjonali, sabiex ilaħħqu maż-żieda fl-ikklerjar tal-klijenti u fl-ikklerjar tal-klijenti indirett u jadattaw ruħhom għal żieda fil-volumi ta' tranżazzjonijiet li għandhom jiġu kklerjati. Barra minn hekk, id-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar għall-kontropartijiet tal-ewwel kategorija għandu jitqies fiha wkoll jekk aktar minn CCP waħda tkunx diġà ikklerjat l-istess klassi ta' derivattivi OTC sa dak iż-żmien li jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament. B'mod partikolari, għadd importanti ta' kontropartijiet li jkunu qed ifittxu li jistabbilixxu arranġamenti ta' kklerjar mal-istess CCP fl-istess ħin ikollhom bżonn ta' aktar żmien milli meta l-kontropartijiet ikollhom l-għażla ta' diversi CCPs sabiex jistabbilixxu l-arranġamenti tal-ikklerjar tagħhom. Għalhekk, għandu jingħata perjodu addizzjonali ta' tliet xhur sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ordnata tal-obbligu tal-ikklerjar.

(9)

Id-data li fiha l-obbligu tal-ikklerjar jidħol fis-seħħ għall-kontropartijiet tat-tieni u tat-tielet kategorija għandu jitqies fiha l-fatt li l-biċċa l-kbira tagħhom ikollhom aċċess għal CCP billi jsiru klijent jew klijent indirett ta' membru tal-ikklerjar. Jista' jkun hemm bżonn ta' bejn 12 u 18-il xahar għal dan il-proċess, skont il-kapaċità ġuridika u operattiva tal-kontropartijiet u l-livell ta' tħejjija tagħhom rigward l-istabbiliment ta' arranġamenti ma' membri tal-ikklerjar li jkunu meħtieġa għall-ikklerjar tal-kuntratti. Barra minn hekk, id-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar għall-kontropartijiet tat-tieni u tat-tielet kategorija għandu jitqies fiha wkoll jekk aktar minn CCP waħda tkunx diġà ikklerjat l-istess klassi ta' derivattivi OTC sa dak iż-żmien li jifħol fis-seħħ dan ir-Regolament. B'mod partikolari, għadd importanti ta' kontropartijiet li jkunu qed ifittxu li jistabbilixxu arranġamenti ta' kklerjar mal-istess CCP fl-istess ħin ikollhom bżonn ta' aktar żmien milli meta l-kontropartijiet ikollhom l-għażla ta' diversi CCPs sabiex jistabbilixxu l-arranġamenti tal-ikklerjar tagħhom. Għalhekk, għandu jingħata perjodu addizzjonali ta' tliet xhur sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ordnata tal-obbligu tal-ikklerjar.

(10)

Id-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar għall-kontropartijiet tar-raba' kategorija għandu jitqies fiha l-kapaċità ġuridika u operattiva tagħhom, u l-esperjenza aktar limitata tagħhom b'derivattivi OTC u fl-ikklerjar ċentrali minn kategoriji oħra ta' kontropartijiet.

(11)

Fil-każ ta' kuntratti ta' derivattivi OTC konklużi bejn kontroparti stabbilita f'pajjiż terz u kontroparti oħra stabbilita fl-Unjoni li tkun tappartjeni għall-istess grupp u li jkunu inklużi fl-istess konsolidazzjoni fuq bażi sħiħa u li jkunu suġġetti għal evalwazzjoni ta' riskju ċentralizzata xierqa, proċeduri ta' kejl u ta' kontroll, għandha tingħata data diferita għall-applikazzjoni tal-obbligu tal-ikkljerjar. L-applikazzjoni diferita għandha tiżgura li dawk il-kuntratti ma jkunux suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar għal perjodu limitat ta' żmien fin-nuqqas ta' atti implimentattivi skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li jkopri l-kuntratti ta' derivattivi OTC stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament u li għandhom x'jaqsmu mal-ġuriżdizzjoni fejn tkun stabbilita l-kontroparti mhux tal-Unjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu fil-pożizzjoni li jivverifikaw minn qabel li l-kontropartijiet li jikkonkludu dawk il-kuntratti jkunu jappartjenu għall-istess grupp u jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħra ta' tranżazzjonijiet intragrupp skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(12)

Għall-kuntrarju ta' derivattivi OTC li l-kontropartijiet tagħhom ikunu kontropartijiet mhux finanzjarji, meta l-kontropartijiet għal kuntratti ta' derivattivi OTC ikunu kontropartijiet finanzjarji, ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jirrekjedi l-applikazzjoni tal-obbligu tal-ikklerjar għal kuntratti konklużi wara n-notifika lill-ESMA li ssegwi l-awtorizzazzjoni ta' CCP għall-ikklerjar ta' ċerta klassi ta' derivattivi OTC, iżda qabel id-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar, sakemm dan ikun ġustifikat mill-maturità residwa tat-tali kuntratti fid-data li fiha l-obbligu jidħol fis-seħħ. L-applikazjoni tal-obbligu tal-ikklerjar għal dawk il-kuntratti għandha ssegwi l-objettiv li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi u koerenti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Għandha sservi biex tinkiseb l-istabilità finanzjarja u t-tnaqqis ta' riskju sistemiku, kif ukoll biex jiġi żgurat li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi għall-parteċipanti kollha fis-suq meta tiġi dikjarata klassi ta' kuntratti ta' derivattivi OTC suġġett għall-obbligu ta' kklerjar. Il-maturità residwa minima għandha għalhekk tiġi ffissata fil-livell li jiżgura l-kisba ta' dawk l-objettivi.

(13)

Qabel ma jidħlu fis-seħħ standards tekniċi regolatorji adottati skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, il-kontropartijiet ma jistgħux jipprevedu jekk kuntratti ta' derivattivi OTC li jikkonkludu jkunux suġġetti għall-obbligu ta' kklerjar fid-data li fiha jidħol fis-seħħ dak l-obbligu. Din l-inċertezza għandha impatt sinifikanti fuq il-kapaċità tal-parteċipanti fis-suq li jiffissaw b'mod preċiż prezz għall-kuntratti ta' derivattivi OTC li huma jidħlu fihom peress li kuntratti kklerjati b'mod ċentrali huma suġġetti għal reġim kollaterali differenti minn kuntratti kklerjati mhux ċentralment. L-impożizzjoni ta' kuntratti ta' derivattivi OTC ikklerjati b'mod antiċipat konklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, irrispettivament mill-maturità residwa fid-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar, tista' tillimita l-abbiltà tal-kontropartijiet li jiħħeġġjaw b'mod xieraq ir-riskji tas-suq tagħhom u jew ikollha impatt fuq il-funzjonament tas-suq u l-istabbilità finanzjarja, jew ma tħallihomx jeżerċitaw l-attivitajiet tas-soltu tagħhom billi jiħħeġġjaw b'mezzi xierqa oħra.

(14)

Barra minn dan, il-kuntratti ta' derivattivi OTC konklużi wara li dan ir-Regolament ikun daħal fis-seħħ u qabel ma jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar ma għandhomx ikun suġġett għall-obbligu tal-ikklerjar sakemm il-kontropartijiet ta' dawn il-kuntratti ikunu jistgħu jistabbilixxu l-kategorija li jidħlu fiha u s-CCP disponibbli għall-ikklerjar ta' dawn il-kuntratti, jekk ikunux suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar għal kuntratt partikolari, inklużi t-tranżazzjonijiet intergrupp tagħhom, u qabel ma jkunu jistgħu jimplimentaw l-arranġamenti meħtieġa sabiex jikkonkludu dawn il-kuntratti filwaqt li jittieħed inkonsiderazzjoni l-obbligu tal-ikklerjar. Għalhekk, sabiex jinżamm il-funzjonament ordnat u l-istabbilità tas-suq, kif ukoll kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn il-kontropartijiet, ikun xieraq li jiġi kkunsidrat li dawn il-kuntratti ma għandhomx ikunu suġġett għall-obbligu tal-ikklerjar, irrispettivament mill-maturitajiet residwi tagħhom.

(15)

Il-kuntratti dwar derivattivi OTC konklużi wara notifika lill-ESMA li ssegwi l-awtorizzazzjoni ta' CCP li tiġi kklerjata ċerta klassi ta' derivattivi OTC, iżda qabel id-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar ma għandhomx ikunu suġġett għall-obbligu tal-ikkjerjar meta ma jkunux relevanti b'mod sinifikanti għar-riskju sistemiku jew meta l-issuġġettar ta' dawn il-kuntratti għall-obbligu tal-ikklerjar jista' għaldaqsant jipperikola l-applikazzjoni uniformi u koerenti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Ir-riskju ta' kreditu tal-kontroparti assoċjat mal-kuntratti dwar derivattivi ta' kreditu OTC b'maturitajiet aktar twal jibqa' fis-suq għal perjodu itwal minn dak assoċjat mad-derivattivi ta' kreditu OTC b'maturitajiet residwi baxxi. L-impożizzjoni ta' obbligu tal-ikklerjar fuq kuntratti b'maturijtajiet residwi qosra jkun jimplika piż fuq il-kontropartijiet li jkun sproporzjonat għal-livell ta' riskju mitigat. Barra minn dan, derivattivi ta' kreditu OTC b'maturitajiet residwi baxxi jirrappreżentaw porzjon relattivament baxx mis-suq totali u għalhekk porzjon relattivament żgħir mir-riskju sistemiku totali assoċjat ma' dan is-suq. Il-maturitajiet residwi minimi għandhom għalhekk jiġu ffissati f'livell li jiżgura li l-kuntratti ma' maturitajiet li jifdal ta' mhux aktar minn ftit xhur ma jkunux suġġett għall-obbligu tal-ikklerjar.

(16)

Il-kontropartijiet fit-tielet kategorija jġorru sehem relattivament limitat tar-riskju sistemiku ġenerali u għandhom grad aktar baxx ta' kapaċità ġuridika u operattiva f'dak li għandu x'jaqsam mad-derivattivi OTC, milli mill-kontropartijiet tal-ewwel u tat-tieni kategorija. Elementi essenzjali tal-kuntratti dwar derivattivi OTC, inkluż l-ipprezzar ta' derivattivi ta' kreditu OTC suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar u konklużi qabel ma dan l-obbligu jkun daħal fis-seħħ, se jkollhom jiġu adattati f'perjodi ta' żmien qosra sabiex jinkorporaw l-ikkerjar li ma jseħħx qabel ma jkunu għaddew diversi xhur wara li jkun konkluż il-kuntratt. Dan il-proċess ta' ikklerjar antiċipat jinvolvi adattazzjonijiet importanti għall-mudell tal-ipprezzar kif ukoll emendi għad-dokumentazzjoni ta' dawn il-kuntratti ta' derivattivi OTC. Il-kontropartijiet fit-tielet kategorija għandhom abilità limitata ħafna li jinkorporaw ikklerjar antiċipat fil-kuntratti tad-derivattivi OTC tagħhom. Għalhekk, l-impożizzjoni tal-ikklerjar ta' kuntratti ta' derivattivi OTC konklużi qabel ma jkun daħal fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar għal dawk il-kontropartijiet jista' jillimita l-ħila tagħhom li jiħħeġġjaw ir-riskji tagħhom b'mod adegwat u jew ikollhom impatt fuq il-funzjonament u l-istabilità tas-suq, jew inkella ma jħallihomx jeżerċitaw l-attivitajiet normali tagħhom jekk ma jkunux jistgħu jibqgħu jiħħeġġjaw. Għalhekk, il-kuntratti ta' derivattivi OTC konklużi minn kontropartijiet fit-tielet kategorija qabel id-data li fiha l-obbligu tal-ikklerjar jidħol fis-seħħ ma għandhomx ikunu suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar.

(17)

Barra minn hekk, il-kuntratti ta' derivattivi OTC konklużi bejn il-kontropartijiet li jappartjenu għall-istess grupp jistgħu jiġu eżentati mill-ikklerjar, dment li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, sabiex ma tkunx limitata l-effiċjenza tal-proċessi tal-ġestjoni tar-riskju intragrupp u b'hekk tiġi mminata l-kisba tal-għan ġenerali tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Għalhekk, it-tranżazzjonijiet intragrupp li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet u li jkunu konklużi qabel id-data li fiha l-obbligu tal-ikklerjar jidħol fis-seħħ għal dawn it-tranżazzjonijiet ma għandhomx ikunu suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar.

(18)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati mill-ESMA lill-Kummissjoni.

(19)

L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa msejjes dan ir-Regolament, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji relatati potenzjali, talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u kkonsultat lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Klassijiet ta' derivattivi OTC suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar

Il-klassijiet ta' derivattivi barra l-Borża (over the counter, OTC) msemmija fl-Anness ikunu suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar.

Artikolu 2

Kategoriji ta' kontropartijiet

1.   Għall-finijiet tal-Artikoli 3 u 4, il-kontropartijiet suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar għandhom jinqasmu fil-kategoriji li ġejjin:

(a)

Il-Kategorija 1, li tinkludi l-kontropartijiet li, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament ikunu membri tal-ikklerjar, skont it-tifsira tal-Artikolu 2(14) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, għal mill-anqas klassi waħda ta' derivattivi OTC msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament, ta' mill-anqas waħda mis-CCPs awtorizzati jew rikonoxxuti, qabel din id-data, li jikklerjaw tal-anqas waħda minn dawn il-klassijiet;

(b)

Il-kategoriji 2 tinkludi kontropartijiet li ma jappartjenux għall-Kategorija 1, li jappartjenu għal grupp li l-medja aggregata fi tmiem ix-xahar tiegħu ta' ammont nozzjonali gross pendenti ta' derivattivi kklerjati mhux ċentralment għal Jannar, Frar u Marzu 2016 tkun aktar minn EUR 8 biljun, u li jkunu xi waħda mis-segwenti:

(i)

kontropartijiet finanzjarji;

(ii)

fondi ta' investiment alternattivi kif definiti fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li jkunu kontropartijiet mhux finanzjarji;

(c)

Il-Kategorija 3 li tinkludi kontropartijiet li ma jappartjenux għall-Kategorija 1 jew għall-Kategorija 2 li jkunu xi waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

kontropartijiet finanzjarji;

(ii)

fondi ta' investiment alternattivi kif definiti fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/61/UE li jkunu kontropartijiet mhux finanzjarji.

(d)

Il-Kategorija 4 li tinkludi kontropartijiet mhux finanzjarji li ma jappartjenux għall-Kategorija 1, għall-Kategorija 2 jew għall-Kategorija 3.

2.   Għall-iskop tal-kalkolu tal-medja aggregata fi tmiem ix-xahar tal-ammont nozzjonali pendenti gross tal-grupp, imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1, id-derivattivi kollha tal-grupp ikklerjati mhux ċentralment, inklużi kuntratti forward tal-kambju, swaps u swaps tal-valuti, għandhom ikunu inklużi.

3.   Fejn il-kontropartijiet ikunu fondi alternattivi ta' investiment kif definiti fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/61/UE jew impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli kif definiti fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-limitu stabbilit ta' EUR 8 biljun imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu japplika b'mod individwali fil-livell ta' fond.

Artikolu 3

Id-dati li minnhom jibda l-obbligu tal-ikklerjar

1.   Fir-rigward ta' kuntratti li jappartjenu għal klassi ta' derivattivi OTC msemmija fl-Anness, l-obbligu tal-ikklerjar jidħol fis-seħħ nhar:

(a)

id-9 ta' Frar 2017 għall-kontropartijiet tal-Kategorija 1;

(b)

id-9 ta' Awwissu 2017 għall-kontropartijiet tal-Kategorija 2;

(c)

id-9 ta' Frar 2018 għall-kontropartijiet tal-Kategorija 3;

(d)

id-9 ta' Mejju 2019 għall-kontropartijiet tal-Kategorija 4.

Meta kuntratt jiġi konkluż bejn żewġ kontropartijiet inklużi f'kategoriji differenti ta' kontropartijiet, id-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar ta' dan il-kuntratt tkun id-data tal-aħħar.

2.   B'deroga mill-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1, għar-rigward ta' kuntratti li jappartjenu għal klassi ta' derivattivi OTC msemmija fl-Anness u konklużi bejn kontropartijiet li ma jkunux il-kontropartijiet tal-Kategorija 4 li jkunu parti mill-istess grupp u meta kontroparti waħda tkun stabbilita f'pajjiż terz u l-kontroparti l-oħra tkun stabbilita fl-Unjoni, l-obbligu tal-ikklerjar jidħol fis-seħħ:

(a)

id-9 ta' Mejju 2019 fil-każ li ma tkun ġiet adottata l-ebda deċiżjoni dwar l-ekwivalenza skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għall-iskopijiet tal-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament li jkopri l-kuntratti ta' derivattivi OTC msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament fejn jidħol il-pajjiz terz relevanti; jew

(b)

l-aħħar fost id-dati segwenti fil-każ li tiġi adottata deċiżjoni dwar l-ekwivalenza skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għall-iskopijiet tal-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament li jkopri l-kuntratti ta' derivattivi OTC msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament fejn jidħol il-pajjiz terz relevanti;

(i)

60 ġurnata wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għall-iskopijiet tal-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament li jkopri l-kuntratti ta' derivattivi OTC msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament fejn jidħol il-pajjiz terz relevanti;

(ii)

id-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar skont il-paragrafu 1.

Din id-deroga tapplika biss meta l-kontropartijiet jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-kontroparti stabbilita f'pajjiż terz tkun jew kontroparti finanzjarja jew kontroparti mhux finanzjarja;

(b)

il-kontroparti stabbilita fl-Unjoni tkun:

(i)

kontroparti finanzjarja, kontroparti mhux finanzjarja, kumpanija azzjonarja finanzjarja, istituzzjoni finanzjarja jew impriża ta' servizzi anċillari suġġetta għal rekwiżiti prudenzjali xierqa u l-kontroparti msemmija fil-punt (a) tkun kontroparti finanzjarja;

(ii)

jew kontroparti finanzjarja jew kontroparti mhux finanzjarja u l-kontroparti msemmija fil-punt (a) tkun kontroparti mhux finanzjarja;

(c)

iż-żewġ kontropartijiet ikunu inklużi fl-istess ambitu ta' konsolidazzjoni fuq bażi sħiħa skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(d)

iż-żewġ kontropartijiet ikunu soġġetti għal proċeduri xierqa u ċentralizzati ta' evalwazzjoni, ta' kejl u ta' kontroll tar-riskju;

(e)

il-kontroparti stabbilita fl-Unjoni tkun innotifikat lill-awtorità kompetenti tagħha bil-miktub li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b), (c) u (d) ntlaħqu u, fi żmien 30 jum tal-kalendarju wara l-wasla tan-notifika, l-awtorità kompetenti tkun ikkonfermat li dawn il-kundizzjonijiet intlaħqu.

Artikolu 4

Il-maturità residwa minima

1.   Għall-kontropartijiet finanzjarji tal-Kategorija 1, il-maturità residwa minima msemmija fil-punt (ii) tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, fid-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar, tkun:

(a)

ħames snin u tliet xhur għall-kuntratti li jkunu daħlu fis-seħħ jew ġew sostitwiti qabel id-9 ta' Ottubru 2016 li jappartjenu għall-klassijiet fit-Tabella li tidher fl-Anness;

(b)

sitt xhur għall-kuntratti li jkunu daħlu fis-seħħ jew ġew sostitwiti nhar jew wara d-9 ta' Ottubru 2016 li jappartjenu għall-klassijiet fit-Tabella tal-Anness.

2.   Għall-kontropartijiet finanzjarji tal-Kategorija 2, il-maturità residwa minima msemmija fil-punt (ii) tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, fid-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar, tkun:

(a)

ħames snin u tliet xhur għall-kuntratti li jkunu daħlu fis-seħħ jew ġew sostitwiti qabel id-9 ta' Ottubru 2016 li jappartjenu għall-klassijiet fit-Tabella li tidher fl-Anness;

(b)

sitt xhur għall-kuntratti li jkunu daħlu fis-seħħ jew ġew sostitwiti nhar jew wara d-9 ta' Ottubru 2016 li jappartjenu għall-klassijiet fit-Tabella li tidher fl-Anness.

3.   Għall-kontropartijiet finanzjarji fil-Kategorija 3, u għat-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament, konklużi bejn kontropartijiet finanzjarji, il-maturità residwa minima msemmija fil-punt (ii) tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, fid-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar, għandha tkun ħames snin u tliet xhur:

4.   Meta kuntratt jiġi konkluż bejn żewġ kontropartijiet finanzjarji li jkunu jappartjenu għal kategoriji differenti jew bejn żewġ kontropartijiet finanzjarji li jkunu involuti fi tranżazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 3(2), il-maturità residwa minima li għandha tittieħed inkonsiderazzjoni għall-iskopijiet ta' dan l-Artikolu għandha tkun l-itwal maturità residwa applikabbli.

Artikolu 5

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Marzu 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(3)  Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

(4)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi tal-investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).


ANNESS

Klassijiet ta' derivattivi OTC ta' inadempjenza ta' kreditu suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar

Klassijiet Ewropej ta' CDS tal-indiċi mhux segmentati

id

Tip

Tip sekondarju

Żona Ġografika

Indiċi ta' Referenza

Saldu Munita

Serje

Il-perjodu ta' maturità

B.1.1

Indiċi tas-CDS

Indiċi mhux segmentati

L-Ewropa

iTraxx Europe Main

EUR

mis-17 'il quddiem

5 snin

B.1.2

Indiċi tas-CDS

Indiċi mhux segmentati

L-Ewropa

iTraxx Europe Crossover

EUR

mis-17 'il quddiem

5 snin