22.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 107/1


REGOLAMENT (UE) 2016/589 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta' April 2016

dwar netwerk Ewropew ta' servizzi tal-impjiegi (EURES), aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta' mobilità u integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol u li jemenda Regolamenti (UE) Nru 492/2011 u (UE) Nru 1296/2013

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 46 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-moviment liberu tal-ħaddiema huwa libertà fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni u wieħed mill-pilastri tas-suq intern, stipulat fl-Artikolu 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-implimentazzjoni tiegħu hija żviluppata iktar permezz tad-dritt tal-Unjoni bil-għan li jkun garantit eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom.

(2)

Il-moviment liberu tal-ħaddiema huwa wieħed mill-elementi ewlenin fl-iżvilupp ta' suq tax-xogħol tal-Unjoni iktar integrat, inkluż fir-reġjuni transkonfinali, li jippermetti iktar mobilità lill-ħaddiema, biex b'hekk tiżdied id-diversità u jikkontribwixxi għall-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni ta' persuni esklużi mis-suq tax-xogħol madwar l-Unjoni kollha. Huwa jikkontribwixxi wkoll għas-sejbien tal-ħiliet adatti għal postijiet tax-xogħol battala u sabiex jingħelbu l-ostakli fis-suq tax-xogħol.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) stabbilixxa mekkaniżmi għall-approvazzjoni u għall-iskambju tal-informazzjoni, u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/733/UE (5) stipulat dispożizzjonijiet dwar il-funzjonament ta' netwerk għas-servizzi Ewropej tax-xogħol (netwerk tal-EURES) f'konformità ma' dak ir-Regolament. Jeħtieġ li dak il-qafas regolatorju jiġi rivedut sabiex jirrifletti xejriet ġodda fil-mobilità, titjib fir-rekwiżiti għal mobilità fuq bażi ġusta, bidliet fit-teknoloġija għall-kondiviżjoni ta' data dwar il-postijiet tax-xogħol battala, l-użu ta' diversi mezzi ta' reklutaġġ minn ħaddiema u impjegaturi u r-rwol dejjem ikbar ta' intermedjarji oħrajn tas-suq tax-xogħol flimkien mas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (“PES”) fil-forniment ta' servizzi ta' reklutaġġ.

(4)

Sabiex il-ħaddiema li jgawdu mid-dritt li jaħdmu fi Stat Membru ieħor ikunu megħjuna jeżerċitaw dak id-dritt b'mod effettiv, l-assistenza skont dan ir-Regolament hija miftuħa għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li għandhom dritt li jibdew attività bħala ħaddiema u għall-membri tal-familji tagħhom skont l-Artikolu 45 TFUE. L-Istati Membri għandhom jagħtu l-istess aċċess lil kwalunkwe ċittadin ta' pajjiż terz li, skont id-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali, li jibbenefika minn trattament indaqs bħaċ-ċittadini proprji tagħhom f'dak il-qasam. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-aċċess ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għas-swieq nazzjonali tax-xogħol kif stabbiliti fil-liġi rilevanti tal-Unjoni u dik nazzjonali.

(5)

L-interdipendenza dejjem tikber fost is-swieq tax-xogħol teħtieġ kooperazzjoni msaħħa bejn is-servizzi tal-impjiegi, inkluż f'dawk ir-reġjuni transkonfinali, biex ikun hemm libertà tal-moviment tal-ħaddiema kollha permezz ta' mobilità volontarjatal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni fuq bażi ġusta li tkun kemm konformi mal-liġi u l-prassi tal-Unjoni u dawk nazzjonali u skont il-punt (a) tal-Artikolu 46 TFUE. Għandu għalhekk jiġi stabbilit qafas għall-kooperazzjoni dwar il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-Unjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Dak il-qafas għandu jiġbor flimkien postijiet tax-xogħol battala minn madwar l-Unjoni u l-possibilità ta' applikazzjoni għal dawk il-postijiet tax-xogħol battala, jistabbilixxi arranġamenti għall-forniment ta' servizzi ta' appoġġ relatati lill-ħaddiema u lil impjegaturi u jipprovdi approċċ komuni biex tiġi skambjata l-informazzjoni neċessarja biex din il-kooperazzjoni tiġi ffaċilitata.

(6)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-Qorti tal-Ġustizzja) ikkunsidrat li l-kunċett ta' “ħaddiem” fl-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens tal-Unjoni u jiġi definit f'konformità ma' kriterji oġġettivi li jiddistingwu r-relazzjoni ta' impjieg b'referenza għad-drittijiet u għad-dmirijiet tal-persuni kkonċernati. Sabiex persuna tiġi trattata bħala ħaddiem, hi għandha teżerċita attività ġenwina u effettiva, bl-esklużjoni ta' attivitajiet fuq skala żgħira wisq biex jitqiesu purament marġinali u anċillari. Il-karatteristika essenzjali ta' relazzjoni ta' impjieg tqieset li hi li, għal ċertu perijodu ta' żmien, persuna twettaq servizzi għal persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, li għalihom tirċievi remunerazzjoni. (6). Il-kunċett ta' “ħaddiem” ġie kkunsidrat li jinkludi, f'ċerti ċirkustanzi, persuni li jkunu qed jagħmlu apprendistat (7) jew traineeship (8).

(7)

Il-Qorti tal-Ġustizzja saħqet b'mod konsistenti li l-libertà tal-moviment għall-ħaddiema hija waħda mis-sisien tal-Unjoni u, konsegwentement, li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu dik il-libertà għandhom jingħataw interpretazzjoni wiesgħa (9). Il-Qorti tal-Ġustizzja saħqet li l-libertà tal-moviment tal-ħaddiema li tinsab fl-Artikolu 45 TFUE timplika wkoll ċerti drittijiet għal ċittadini ta' Stati Membri li jimirħu fi ħdan l-Unjoni għall-finijiet ta' tfittxija ta' impjieg (10). Il-kunċett ta' “ħaddiem” għandu għalhekk, għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, jinftiehem li jkopri persuni li qed ifittxu xogħol, irrispettivament minn jekk humiex attwalment f'relazzjoni ta' impjieg.

(8)

Bil-għan li tiġi ffaċilitata l-mobilità tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, il-Kunsill Ewropew talab fil-Patt għal Tkabbir u Impjiegi, li tiġi esplorata l-possibbiltà ta' estensjoni tan-netwerk tal-EURES għal apprendistati u traineeships. L-apprendistati u t-traineeships għandhom jiġu koperti taħt dan ir-Regolament dment li l-applikanti magħżula huma soġġetti għal relazzjoni ta' impjieg. Għandu jkun possibbli li l-Istati Membri jeskludu mill-approvazzjoni ċerti kategoriji ta' apprendistati u traineeships sabiex jiġu ggarantiti l-koerenza u l-funzjonament tas-sistemi edukattivi tagħhom u biex jittieħed kont tal-ħtieġa li jfasslu l-miżuri tagħhom ta' politika attiva fis-suq tax-xogħol abbażi tal-ħtiġijiet tal-ħaddiema fil-mira ta' dawk il-miżuri. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2014 dwar Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships (11) għandha tkun ikkunsidrata għall-finijiet tat-titjib tal-kwalità tat-traineeships, b'mod partikolari fir-rigward tal-kontenut tat-tagħlim u t-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, bil-għan li tiġi ffaċilitata t-transizzjoni mill-edukazzjoni, il-qgħad jew l-inattività għax-xogħol. F'konformità ma' dik ir-Rakkomandazzjoni, id-drittijiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-trainees skont il-liġi applikabbli tal-Unjoni u dik nazzjonali għandhom jiġu rispettati.

(9)

L-informazzjoni dwar offerti għal apprendistati u traineeships li tinsab f'dan ir-Regolament tista' tiġi kkomplementata minn għodod u servizzi bbażati fuq l-internet żviluppati mill-Kummissjoni jew atturi oħra, b'hekk jippermettu lill-impjegaturi jaqsmu direttament mal-ħaddiema opportunitajiet ta' apprendistati u traineeships madwar l-Unjoni.

(10)

Sa mit-tnedija tiegħu fl-1994, il-EURES kien netwerk ta' kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-PES li jipprovdi informazzjoni, pariri u reklutaġġ jew kollokament f'impjieg għall-benefiċċju ta' ħaddiema u ta' impjegaturi, kif ukoll kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni li jixtieq jibbenefika mill-prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema, permezz tan-netwerk uman tiegħu u permezz ta' għodod ta' servizzi online disponibbli fuq il-“Portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol” (portal tal-EURES). Hemm bżonn ta' applikazzjoni aktar koerenti tal-approvazzjoni, is-servizzi ta' appoġġ u l-iskambju tal-informazzjoni dwar il-mobilità tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-Unjoni. In-netwerk tal-EURES għaldaqstant għandu jerġa' jiġi stabbilit u riorganizzat bħala parti mill-qafas regolatorju rivedut sabiex jissaħħaħ iktar. Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-organizzazzjonijiet differenti li jieħdu sehem fin-netwerk tal-EURES għandhom jiġu ddeterminati.

(11)

Il-kompożizzjoni tan-netwerk tal-EURES għandha tkun flessibbli biżżejjed sabiex dan jaġġusta għall-iżviluppi dejjem jinbidlu fis-suq għas-servizzi tar-reklutaġġ. Il-punti emerġenti ta' punti li joffru servizzi tal-impjiegi jindika l-bżonn ta' sforz miftiehem mill-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex iwessgħu n-netwerk tal-EURES bħala l-għodda ewlenija tal-Unjoni li tipprovdi servizzi ta' reklutaġġ madwar l-Unjoni. Sħubija usa' tan-netwerk tal-EURES għandha benefiċċji soċjali, ekonomiċi u finanzjarji u tista' tikkontribwixxi wkoll biex jiġu ġġenerati forom innovattivi ta' tagħlim u kooperazzjoni, inkluż fuq standards tal-kwalità għal postijiet tax-xogħol battala u servizzi ta' appoġġ, fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali u fil-livell transkonfinali.

(12)

It-twessigħ tas-sħubija fin-Netwerk tal-EURES ittejjeb l-effiċjenza fil-forniment tas-servizzi billi tiffaċilita s-sħubijiet u ssaħħaħ il-komplementarjetà u l-kwalità u żżid is-sehem mis-suq tan-netwerk tal-EURES, peress li l-parteċipanti ġodda jqiegħdu għad-dispożizzjoni postijiet tax-xogħol battala, applikazzjonijiet għax-xogħol u curricula vitae (CVs) u joffru servizzi ta' appoġġ lil ħaddiema u lil impjegaturi.

(13)

Għandu jkun possibli għal kwalunkwe organizzazzjoni, inklużi organizzazzjonijiet pubbliċi, privati jew servizzi tal-impjieg tat-tielet settur, li tintrabat li tissodisfa l-kriterji kollha u l-firxa kollha ta' kompiti stabbiliti f'dan ir-Regolament biex tissieħeb bħala membru tal-EURES.

(14)

Ċerti organizzazzjonijiet ma jkunux jistgħu jwettqu firxa sħiħa ta' kompiti mitluba mill-Membri tal-EURES taħt dan ir-Regolament, iżda għandhom jagħtu kontribut potenzjali importanti ta' tali organizzazzjonijiet lin-netwerk tal-EURES. Huwa għalhekk xieraq li tingħatalhom l-opportunità li jsiru Imsieħba tal-EURES fuq bażi eċċezzjonali. Eċċezzjoni bħal din jeħtieġ tingħata biss meta tiġi ġġustifikata u tista' tiġi ġustifikata għal raġunijiet minħabba d-daqs żgħir tal-applikant, ir-riżorsi finanzjarji limitati minħabba li normalment ma tipprovdix il-firxa sħiħa ta' kompiti meħtieġa jew minħabba li hi organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ.

(15)

Kooperazzjoni transnazzjonali u transkonfinali u appoġġ għal Membri u Imsieħba tal-EURES li joperaw fl-Istati Membri jiġu ffaċilitati permezz ta' struttura fil-livell tal-Unjoni (“l-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni”). L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni jeħtieġ li jipprovdi informazzjoni komuni, għodod u gwida, attivitajiet ta' taħriġ żviluppati flimkien mal-Istati Membri, u funzjoni ta' helpdesk. L-attivitajiet ta' taħriġ u l-funzjoni tal-helpdesk għandhom b'mod partikolari jassistu lill-persunal li jopera fl-organizzazzjonijiet li jieħdu sehem fin-netwerk tal-EURES li huwa espert f'attivitajiet ta' tlaqqigħ, kollokament u reklutaġġ ta' impjiegi, kif ukoll informazzjoni, gwida u assistenza għall-ħaddiema, għall-impjegaturi u għall-organizzazzjonijiet interessati fi kwistjonijiet ta' mobilità transnazzjonali u transkonfinali u li huma f'kuntatt dirett ma' dawn il-gruppi fil-mira għal dak il-għan. L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu wkoll ikun responsabbli għat-tħaddim u l-iżvilupp tal-portal tal-EURES u pjattaforma komuni tal-IT. Bħala gwida fil-ħidma tiegħu, għandhom jiġu żviluppati programmi ta' ħidma pluriennali f'konsultazzjoni mal-Istati Membri.

(16)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni biex: jiġi żgurat it-trasferiment ta' data disponibbli għall-portal tal-EURES u biex jingħata appoġġ u assistenza ġenerali lill-Membri u Imsieħba kollha tal-EURES fit-territorju tagħhom, inkluż dwar kif jiġu indirizzati l-ilmenti u problemi dwar postijiet tax-xogħol battala, fejn xieraq f'kooperazzjoni ma' awtoritajiet pubbliċi oħra rilevanti bħall-ispettorati tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jappoġġaw kooperazzjoni mal-kontropartijiet tagħhom fi Stati Membri oħrajn, inkluż fil-livell transkonfinali, u mal-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni. L-NCOs jeħtieġ li jkollhom ukoll il-kompitu li jivverifikaw kwistjonijiet relatati mal-konformità fir-rigward ta' standards għall-kwalità intrinsika u teknika tad-data u tal-protezzjoni tad-data. Sabiex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni u l-NCOs jiġu megħjuna jippromwovu l-konformità ma' dawk l-istandards mill-Membri u Imsieħba kollha tal-EURES fit-territorju tagħhom, l-NCOs għandhom jiżguraw trasferiment ikkoordinat tad-data lill-portal tal-EURES permezz ta' mezz ikkoordinat uniku, fejn xieraq bl-użu ta' pjattaformi tal-IT nazzjonali eżistenti. Sabiex jingħata servizz ta' kwalità f'waqtu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-NCOs tagħhom ikollhom biżżejjed persunal imħarreġ u riżorsi oħrajn meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom kif stipulati f'dan ir-Regolament.

(17)

Il-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali fin-netwerk tal-EURES tikkontribwixxi, b'mod partikolari, għall-analiżi tal-ostakli għall-mobilità kif ukoll għall-promozzjoni ta' mobilità volontarja tal-ħaddiema fuq bażi ġusta fl-Unjoni, inkluż fir-reġjuni transkonfinali. Ir-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali fil-livell tal-Unjoni għandhom għalhekk ikunu jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Grupp ta' Koordinazzjoni stabbiliti taħt dan ir-Regolament u għandu jkollhom djalogu regolari mal-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni, filwaqt li l-organizzazzjonijiet nazzjonali ta' impjegaturi u trade unions għandhom ikunu involuti f'kooperazzjoni man-netwerk tal-EURES iffaċilitat mill- NCOs permezz ta' djalogu regolari mal-imsieħba soċjali f'konformità mal-liġi u l-prassi nazzjonali. L-imsieħba soċjali għandhom ikunu jistgħu japplikaw biex isiru Membru jew Imsieħeb tal-EURES malli jissodisfaw l-obbligi rilevanti taħt dan ir-Regolament.

(18)

Minħabba l-istatus speċjali tagħhom, il-PES għandhom jinħatru mill-Istati Membri bħala Membri tal-EURES, mingħajr ma jkollhom jgħaddu minn proċedura ta' ammissjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-PES jikkonformaw mal-kriterji minimi komuni stabbiliti fl-Anness I (il-kriterji minimi komuni) u l-obbligi skont dan ir-Regolament. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jiddelegaw lill-PES tagħhom, kompiti jew attivitajiet ġenerali marbutin mal-organizzazzjoni tax-xogħol skont dan ir-Regolament, inkluż l-iżvilupp u t-tħaddim tas-sistemi nazzjonali għall-ammissjoni ta' Membri u Msieħba tal-EURES. Sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament, kull PES għandu jkollu biżżejjed kapaċità, assistenza teknika u riżorsi finanzjarji u umani.

(19)

F'konformità mal-kompetenza tagħhom rigward l-organizzazzjoni tas-swieq tax-xogħol, l-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-ammissjoni ta' organizzazzjonijiet bħala Membri u Msieħba tal-EURES, fit-territorju tagħhom. Din l-ammissjoni għandha tkun soġġetta għal kriterji minimi komuni u sett limitat ta' regoli bażiċi dwar il-proċess ta' ammissjoni biex ikunu żgurati trasparenza u opportunitajiet indaqs fis-sħubija man-netwerk tal-EURES, filwaqt li tagħti lok għall-flessibilità neċessarja biex jiġu kkunsidrati l-mudelli nazzjonali u l-forom ta' kooperazzjoni differenti bejn il-PES u atturi oħrajn fis-suq tax-xogħol fl-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jirrevokaw ammissjoni f'każ li xi organizzazzjoni ma tibqax tissodisfa l-kriterji applikabbli -jew rekwiżiti li abbażi tagħhom ġiet ammessa.

(20)

L-għan tal-istabbiliment tal-kriterji minimi komuni biex organizzazzjoni ssir Membru jew Imsieħeb tal-EURES huwa li tiġi żgurata l-konformità mal-istandards minimi tal-kwalità. L-applikazzjonijiet għall-ammissjoni għandhom għalhekk jiġu vvalutati tal-inqas fuq il-kriterji minimi komuni.

(21)

Wieħed mill-objettivi tan-netwerk tal-EURES huwa li jappoġġa mobilità ġusta u volontarja tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni u għalhekk il-kriterji minimi komuni għall-ammissjoni ta' organizzazzjonijiet biex jissieħbu man-netwerk tal-EURES għandhom jinkludu wkoll ir-rekwiżit li dawk l-organizzazzjonijiet jieħdu l-impenn li jirrispettaw b'mod sħiħ l-istandards u r-rekwiżiti legali applikabbli dwar ix-xogħol, inkluż il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni. L-Istati Membri għandhom għalhekk ikunu jistgħu jirrifjutaw jew jirrevokaw l-ammissjoni ta' organizzazzjonijiet li jkunu qed jiksru l-istandards jew ir-rekwiżiti legali dwar ix-xogħol, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. F'każ ta' rifjut ta' ammissjoni jew revoka abbażi ta' nonkonformità ma' dawk l-istandards jew ir-rekwiżiti, l-NCO rilevanti għandu jinforma lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni, li għandu mbagħad jibgħat din l-informazzjoni lill-NCOs l-oħrajn. L-NCOs jistgħu jieħdu azzjoni adatta rigward l-operazzjoni tal-organizzazzjonijiet fit-territorju tagħhom f'konformità mal-liġi u l-prassi nazzjonali tagħhom.

(22)

L-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet ammessi fin-netwerk tal-EURES għandhom jiġu mmonitorjati mill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-organizzazzjonijiet japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament b'mod korrett. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri adatti biex jiżguraw konformità ottimali. Il-monitoraġġ għandu jkun primarjament ibbażat fuq id-data pprovduta minn dawk l-organizzazzjonijiet lill-NCOs f'konformità ma' dan ir-Regolament, iżda jista' jinvolvi wkoll, fejn adatt, miżuri ta' kontroll u ta' awditjar, bħal kontrolli każwali. Dan għandu jinkludi l-monitoraġġ tal-konformità mar-rekwiżiti applikabbli dwar l-aċċessibbiltà.

(23)

Għandu jiġi stabbilit Grupp ta' Koordinazzjoni li jkollu rwol ta' koordinazzjoni fir-rigward tal-attivitajiet u l-funzjonament tan-netwerk tal-EURES. Għandu jservi bħala pjattaforma għall-iskambju ta' informazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prassi, b'mod partikolari rigward l-iżvilupp u t-tqassim fi ħdan in-netwerk tal-EURES ta' informazzjoni u gwida adatti għall-ħaddiema, inklużi l-ħaddiema tal-fruntiera, u l-impjegaturi. Dan għandu jiġi kkonsultat ukoll fil-proċess ta' tħejjija ta' mudelli, standards u formati tekniċi kif ukoll fir-rigward tad-definizzjoni ta' speċifikazzjonijiet dettaljati uniformi għall-ġbir u l-analiżi tad-data. L-imsieħba soċjali għandhom ikunu jistgħu jattendu diskussjonijiet tal-Grupp ta' Koordinazzjoni, b'mod partikolari, dwar l-ippjanar strateġiku, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tas-servizzi u l-attivitajiet kif imsemmija f'dan ir-Regolament. Sabiex ikun hemm sinerġiji bejn il-ħidma tan-netwerk tal-EURES u n-Netwerk tal-PES stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 573/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), il-Grupp ta' Koordinazzjoni għandu jikkoopera mal-Bord tan-Netwerk tal-PES.Tali kooperazzjoni tista' tinkludi l-kondiviżjoni tal-aħjar prassi u li l-Bord jinżamm infurmat bl-attivitajiet attwali u ppjanati tan-netwerk tal-EURES.

(24)

Il-marka tas-servizz tal-EURES, kif ukoll il-logo li jikkaratterizzaha hija rreġistrata bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea. Huwa biss l-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni li jeħtieġ ikollu l-awtorità li jagħti permess lil partijiet terzi biex jużaw il-logo tal-EURES f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 (13). L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jgħarraf lill-organizzazzjonijiet ikkonċernati kif xieraq.

(25)

Sabiex jikkomunika informazzjoni affidabbli u aġġornata lil ħaddiema u impjegaturi rigward l-aspetti differenti tal-mobilità tal-ħaddiema u l-ħarsien soċjali fi ħdan l-Unjoni, in-Netwerk tal-EURES għandu jikkoopera ma' korpi, servizzi u netwerks oħrajn tal-Unjoni li jiffaċilitaw il-mobilità u li jgħarrfu liċ-ċittadini tal-Unjoni dwar id-drittijiet tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni, bħan-netwerk Ewropew għall-korpi tal-ugwaljanza (Equinet), il-Portal “L-Ewropa Tiegħek”, il-Portal “Żgħażagħ Ewropej” u SOLVIT, l-organizzazzjonijiet li jaħdmu favur il-kooperazzjoni transkonfinali; u l-organizzazzjonijiet responsabbli għar-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali u l-korpi responsabbli għall-promozzjoni, l-analiżi, il-monitoraġġ u l-appoġġ tat-trattament indaqs tal-ħaddiema, maħturin skont id-Direttiva 2014/54/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14). Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm sinerġiji, in-netwerk tal-EURES għandu jikkoopera wkoll ma' korpi rilevanti li jittrattaw il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali.

(26)

L-eżerċizzju tad-dritt tal-libertà ta' moviment għall-ħaddiema jiġi ffaċilitat bl-istabbiliment tal-mezzi ta' appoġġ approvazzjoni biex is-suq tax-xogħol ikun kompletament aċċessibbli kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-impjegaturi. Għaldaqstant, fil-livell tal-Unjoni għandha tkompli tiġi żviluppata pjattaforma komuni tal-IT u din għandha titmexxa mill-Kummissjoni. Il-garanzija ta' dak id-dritt tfisser l-għoti tas-setgħa lill-ħaddiema sabiex ikunu jistgħu jiksbu aċċess għal opportunitajiet ta' impjieg madwar l-Unjoni.

(27)

Għall-użu diġitali, l-applikazzjonijiet għax-xogħol u d-data tas-CVs jistgħu jiġu espressi bħala profili ta' persuni li qed ifittxu xogħol.

(28)

Il-pjattaforma komuni tal-IT li tlaqqa' flimkien il-postijiet tax-xogħol battala u l-possibilità ta' applikazzjoni għal dawk il-postijiet tax-xogħol battala, filwaqt li tippermetti li l-ħaddiema u l-impjegaturi qabblu d-data b'mod awtomatiku skont diversi kriterji u livelli, għandha tiffaċilita l-kisba ta' bilanċ fis-swieq tax-xogħol tal-Unjoni, biex b'hekk tikkontribwixxi biex jiżdiedu l-impjiegi fi ħdan l-Unjoni.

(29)

Sabiex tiġi promossa libertà tal-moviment għall-ħaddiema, il-postijiet tax-xogħol battala kollha disponibbli pubblikament permezz tal-PES u Membri tal-EURES oħra jew, fejn rilevanti, l-Imsieħba tal-EURES, għandhom jiġu ppubblikati fil-portal tal-EURES. Madankollu, f'ċirkustanzi speċifiċi u bl-objettiv li jiġi żgurat li l-portal tal-EURES ikun fih biss informazzjoni rilevanti għal mobilità fl-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jitħallew jipprovdu lill-impjegaturi l-possibbiltà li ma jippubblikawx post tax-xogħol battal fuq il-portal tal-EURES wara li ssir valutazzjoni oġġettiva minn impjegatur dwar ir-rekwiżiti relatati mal-impjieg inkwistjoni, jiġifieri ħiliet u kompetenzi speċifiċi meħtieġa sabiex id-dmirijiet tal-impjieg jitwettqu b'mod adegwat, li abbażi tagħhom, impjegatur jiġġustifika r-raġuni għalfejn ma jkunx ippubblika l-post tax-xogħol battal għal dawk ir-raġunijiet biss.

(30)

Il-ħaddiema għandhom ikunu jistgħu, fi kwalunkwe waqt, jirtiraw il-kunsens tagħhom u jitolbu t-tħassir jew l-emenda ta' kwalunkwe data disponibbli, jew kollha kemm hi. Il-ħaddiema għandhom ikunu jistgħu jagħżlu minn numru ta' għażliet biex jillimitaw l-aċċess għad-data tagħhom jew għal ċerti attributi.

(31)

L-organizzazzjonijiet li jagħmlu l-informazzjoni disponibbli skont il-liġi tal-Istati Membri u l-istandards stabbiliti minnhom għandhom ir-responsabbiltà legali li jiżguraw il-kwalità intrinsika u teknika tal-informazzjoni li tkun disponibbli għall-pjattaforma komuni tal-IT, b'mod partikolari fir-rigward tad-data dwar il-postijiet tax-xogħol battala. L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jiffaċilita l-kooperazzjoni, bil-għan li jinstab kwalunkwe frodi jew abbuż marbut mal-iskambju ta' informazzjoni fil-livell tal-Unjoni. Il-partijiet kollha involuti għandhom jiżguraw il-provvista ta' data ta' kwalità.

(32)

Biex il-membri tal-persunal tal-Membri u l-Imsieħba tal-EURES, bħal dawk li jittrattaw il-każijiet, ikunu jistgħu jwettqu attivitajiet ta' tfittix u tqabbil b'mod rapidu u adegwat, huwa importanti li ma jkun hemm ebda ostaklu tekniku f'dawk l-organizzazzjonijiet li jipprevjeni l-użu tad-data pubblikament disponibbli mill-portal tal-EURES, biex tali data tkun tista' tiġi proċessata bħala parti mis-servizzi offruti ta' reklutaġġ u kollokament.

(33)

Il-Kummissjoni qed tiżviluppa klassifikazzjoni Ewropea għal Ħiliet/Kompetenzi, Kwalifiki u Professjonijiet (“il-klassifikazzjoni Ewropea”). Il-klassifikazzjoni Ewropea hi terminoloġija standard għal professjonijiet, ħiliet, kompetenzi u kwalifiki li għandha l-għan li tiffaċilita l-applikazzjonijiet għax-xogħol online fi ħdan l-Unjoni. Huwa xieraq li tiġi żviluppata kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri rigward l-interoperabbiltà u t-tlaqqigħ awtomatizzat ta' postijiet battala ma' applikazzjonijiet għal impjieg u CVs (“tlaqqigħ awtomatizzat”), inkluż fil-livell transkonfinali, permezz ta' pjattaforma komuni tal-IT. Tali kooperazzjoni għandha tinkludi mmappjar tal-lista ta' ħiliet/kompetenzi u professjonijiet mill-klassifikazzjoni Ewropea mas-sistemi nazzjonali ta' klassifikazzjoni u viċi versa. L-Istati Membri għandhom jinżammu infurmati dwar l-iżvilupp tal-għodda għall-Klassifikazzjoni Ewropea.

(34)

Id-data żviluppata mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) tista' sservi bħala input għall-klassifikazzjoni Ewropea, fir-rigward tal-kwalifiki. L-aħjar prassi u esperjenzi miksuba taħt il-QEK jistgħu jikkontribwixxu għal aktar żvilupp fir-relazzjoni bejn is-settijiet ta' data taħt il-QEK u l-klassifikazzjoni Ewropea.

(35)

L-istabbiliment ta' inventarju għall-immappjar tal-klassifikazzjonijiet nazzjonali mal-lista ta' ħiliet/kompetenzi u professjonijiet tal-klassifikazzjoni Ewropea jew, alternattivament, is-sostituzzjoni tal-klassifikazzjonijiet nazzjonali bil-klassifikazzjoni Ewropea tista' tiġġenera spejjeż għall-Istati Membri. Dawn l-ispejjeż ivarjaw bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi appoġġ tekniku u, fejn possibbli, finanzjarju skont ir-regoli applikabbli għall-istrumenti ta' finanzjament disponibbli rilevanti, bħar-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

(36)

Il-Membri tal-EURES u, fejn rilevanti, l-Imsieħba tal-EURES għandhom jiżguraw aċċess għas-servizzi ta' appoġġ għal kull ħaddiem u impjegaturi li jfittxu l-assistenza tagħhom. Għandu jiġi stabbilit approċċ komuni rigward dawk is-servizzi u għandu kemm jista' jkun jiġi żgurat safejn hu possibbli l-prinċipju ta' trattament indaqs tal-ħaddiema u ta' impjegaturi li jkunu qegħdin ifittxu assistenza rigward il- mobilità tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, indipendentement minn fejn jinsabu fl-Unjoni. Il- prinċipji u regoli għandhom għaldaqstant jiġu stabbilit rigward id-disponibbiltà ta' servizzi ta' appoġġ fit-territorju tal-Istati Membri individwali.

(37)

Meta jingħataw servizzi skont dan ir-Regolament, sitwazzjonijiet komparabbli ma għandhomx jiġu trattati b'mod differenti u sitwazzjonijiet differenti ma għandhomx jiġu trattati bl-istess mod dment li dan it-trattament ma jiġix ġustifikat b'mod oġġettiv. Ma għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità, sess, oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f'dak li jirrigwarda l-għoti ta' dawn is-servizzi.

(38)

Għażla usa' u iktar komprensiva ta' assistenza dwar l-opportunitajiet ta' mobilità tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni tkun ta' benefiċċju għall-ħaddiema. Is-servizzi ta' appoġġ ser jgħinu biex jonqos ix-xkiel li jiffaċċjaw il-ħaddiema fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni u biex jisfruttaw b'mod iktar effiċjenti l-opportunitajiet ta' impjieg kollha, biex b'hekk jiġi żgurat titjib fil-prospetti u l-mogħdijiet ta' impjieg individwali għall-ħaddiema, inklużi ta' dawk fi gruppi vulnerabbli. Il-ħaddiema kollha interessati għandu għalhekk ikollhom aċċess għal informazzjoni ġenerali dwar l-opportunitajiet ta' impjieg u dwar il-kundizzjonijiet ta' għajxien u xogħol fi Stat Membru ieħor kif ukoll għal assistenza bażika fit-tfassil ta' CVs. Abbażi ta' talba motivata min-naħa tagħhom, il-ħaddiema interessati għandhom ikunu jistgħu jirċievu assistenza aktar personalizzata, b'kont meħud tal-prassi nazzjonali. Aktar assistenza għat-tfittix ta' xogħol u servizzi addizzjonali oħra jistgħu jinkludu servizzi bħall-għażla ta' postijiet tax-xogħol battala xierqa, assistenza fit-tfassil ta' applikazzjonijiet għax-xogħol u CVs u l-kisba ta' kjarifiki dwar postijiet tax-xogħol battala speċifiċi fi Stati Membri oħrajn.

(39)

Is-servizzi ta' appoġġ għandhom ukoll jiffaċilitaw is-sejba ta' kandidat xieraq fi Stat Membru ieħor għal dawk fost impjegaturi li huma interessati fir-reklutaġġ minn ġewwa l-Unjoni. L-impjegaturi interessati kollha għandhom ikunu jistgħu jiksbu informazzjoni dwar regoli u fatturi speċifiċi marbutin mar-reklutaġġ minn Stat Membru ieħor kif ukoll assistenza bażika fit-tfassil ta' avviżi ta' postijiet tax-xogħol battala. Fejn jitqies li x'aktarx jingħata impjieg, l-impjegaturi interessati għandhom ikunu jistgħu jirċievu assistenza aktar personalizzata, b'kont meħud tal-prassi nazzjonali. Aktar assistenza tista' tinkludi l-preselezzjoni ta' kandidati, l-iffaċilitar ta' kuntatti diretti bejn l-impjegaturi u l-kandidati bl-użu ta' għodod online jew avvenimenti speċifiċi bħal fieri tax-xogħol u appoġġ amministrattiv matul il-proċess ta' reklutaġġ, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs).

(40)

Meta l-ħaddiema u l-impjegaturi jingħataw informazzjoni bażika dwar il-portal tal-EURES u n-netwerk tal-EURES, il-Membri tal-EURES u, fejn rilevanti, l-Imsieħba tal-EURES għandhom jistabbilixxu aċċess effettiv għas-servizzi ta' appoġġ skont dan ir-Regolament, mhux biss billi jiġi żgurat li tali servizzi jkunu disponibbli fuq talba espliċita ta' ħaddiem jew impjegatur individwali, iżda wkoll, fejn xieraq, billi, fl-okkażjoni tal-ewwel kuntatt tagħhom, tingħata fuq inizjattiva proprja informazzjoni dwar il-EURES lill-ħaddiema u lill-impjegaturi (integrazzjoni tal-EURES), u billi tingħata assistenza b'mod proattiv f'dan il-qasam tul il-proċess kollu ta' reklutaġġ.

(41)

Fehim profond tad-domanda għax-xogħol f'termini ta' professjonijiet, setturi u ħtiġijiet ta' impjegaturi jkun ta' vantaġġ għad-dritt ta' moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni. Għaldaqstant is-servizzi ta' appoġġ għandhom jinkludu assistenza ta' kwalità tajba għal impjegaturi, b'mod partikolari l-SMEs. Relazzjonijiet tax-xogħol mill-qrib bejn is-servizzi tal-impjiegi u impjegaturi huma intiżi biex iżidu l-ammont ta' postijiet tax-xogħol battala, itejbu t-tlaqqigħ ta' impjiegi ma' kandidati xierqa kif ukoll l-intelliġenza tas-suq tax-xogħol b'mod ġenerali.

(42)

Is-servizzi ta' appoġġ għall-ħaddiema huma marbutin mal-eżerċizzju tal-libertà fundamentali tal-moviment tagħhom bħala ħaddiema skont il-dritt tal-Unjoni u għandhom ikunu mingħajr ħlas. Madankollu, is-servizzi ta' appoġġ għal impjegaturi jistgħu jkunu soġġetti għal tariffa, f'konformità ma' liġijiet u prassi nazzjonali.

(43)

Biex l-organizzazzjonijiet li japplikaw għall-ammissjoni u li jkollhom l-għan li jipprovdu informazzjoni u assistenza permezz ta' mezzi online jkunu jistgħu jipparteċipaw fin-netwerk tal-EURES, għandu jkun possibbli għalihom li jipprovdu s-servizzi ta' appoġġ imsemmija f'dan ir-Regolament bħala servizzi elettroniċi. Meta jiġi kkunsidrat li l-litteriżmu diġitali jvarja bejn l-Istati Membri b'mod konsiderevoli, il-PES għandhom għall-anqas ikunu anke jistgħu jipprovdu servizzi ta' appoġġ permezz ta' mezzi offline fejn meħtieġ. L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjonijiet xierqa sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-informazzjoni u l-appoġġ online ipprovduti minn Membri u Msieħba tal-EURES. Dawn jistgħu jafdaw lill-NCOs tagħhom bil-kompitu li jżommu monitoraġġ tal-informazzjoni u l-appoġġ online.

(44)

Għandha tingħata attenzjoni partikolari biex tiġi ffaċilitata l-mobilità fir-reġjuni transkonfinali u biex jiġu pprovduti servizzi għal ħaddiema tal-fruntiera li huma soġġetti għal prassi u sistemi legali nazzjonali differenti u li jiltaqgħu ma' ostakli amministrattivi, legali jew fiskali speċifiċi relatati mal-mobilità. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jistabbilixxu strutturi speċifiċi ta' appoġġ, bħas-sħubiji transkonfinali, biex jiffaċilitaw dik it-tip ta' mobilità. Dawn l-istrutturi għandhom, fi ħdan il-qafas tan-netwerk tal-EURES, jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi għal informazzjoni u gwida għall-ħaddiema tal-fruntiera kif ukoll servizzi ta' kollokament u reklutaġġ u l-kooperazzjoni kkoordinata bejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti.

(45)

Huwa importanti li l-Membri u l-Imsiebħa tal-EURES ikunu jistgħu jikkooperaw fl-għoti ta' servizzi speċifiċi għal ħaddiema tal-fruntiera ma' organizzazzjonijiet barra n-network tal-EURES mingħajr ma jingħataw drittijiet jew jiġu imposti obbligi skont dan ir-Regolament fuq tali organizzazzjonijiet.

(46)

Il-miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jipprovdu assistenza fit-tfittxija tal-impjiegi f'kull Stat Membru għandhom ukoll ikunu aċċessibbli għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu qed ifittxu opportunitajiet ta' impjieg fi Stati Membri oħrajn. Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-kompetenzi ta' Stati Membri individwali li jistabbilixxu regoli proċedurali u li japplikaw kundizzjonijiet tad-dħul ġenerali biex jiġi żgurat użu xieraq tar-riżorsi pubbliċi disponibbli. Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa r-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) u ma għandux jikkostitwixxi obbligu għall-Istati Membri li jesportaw miżuri attivi fis-suq tax-xogħol lejn it-territorju ta' Stat Membru ieħor jekk iċ-ċittadin ikun diġà qiegħed jgħix hemmhekk.

(47)

It-trasparenza tas-swieq tax-xogħol u l-kapaċitajiet adegwati ta' tlaqqigħ, inkluż it-tlaqqigħ tal-ħiliet u l-kwalifiki mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, huma prekondizzjonijiet importanti għall-mobilità tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni. Bilanċ aħjar bejn il-provvista u d-domanda ta' ħaddiema, permezz ta' tlaqqigħ mtejjeb ta' ħiliet u impjiegi jista' jinkiseb permezz ta' sistema effiċjenti fil-livell tal-Unjoni għall-iskambju ta' informazzjoni dwar il-provvista u d-domanda ta' ħaddiema fil-livell nazzjonali, reġjonali u settorjali. Tali sistema għandha tiġi stabbilita bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u din għandha tintuża bħala bażi sabiex l-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni prattika fi ħdan in-netwerk tal-EURES. Dak l-iskambju ta' informazzjoni għandu jqis il-flussi u x-xejriet tal-mobilità tal-ħaddiema fl-Unjoni ssorveljati mill-Kummissjoni u l-Istati Membri.

(48)

Għandu jiġi stabbilit ċiklu ta' programmazzjoni b'appoġġ għall-koordinazzjoni tal-azzjoni dwar il-mobilità fi ħdan l-Unjoni. Il-programmazzjoni tal-programmi ta' ħidma nazzjonali tal-Istati Membri għandha tqis id-data dwar il-flussi u x-xejriet tal-mobilità, l-analiżi tad-data dwar in-nuqqas u l-eċċess eżistenti u previsti ta' ħaddiema, u l-esperjenzi u l-prassi ta' reklutaġġ taħt in-netwerk tal-EURES. Il-programmazzjoni għandha tkun magħmula minn analiżi tar-riżorsi u l-għodod eżistenti li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-organizzazzjonijiet fl-Istat Membru biex tiġi ffaċilitata l-mobilità tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni.

(49)

Il-kondiviżjoni tal-abbozz ta' programmi ta' ħidma nazzjonali fiċ-ċiklu ta' programmazzjoni fost l-Istati Membri għandu jippermetti li l-NCOs, flimkien mal-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni, jallokaw ir-riżorsi tan-netwerk tal-EURES f'azzjonijiet u proġetti xierqa, u b'hekk imexxu l-iżvilupp tan-netwerk tal-EURES bħala għodda aktar orjentata lejn ir-riżultati li tirreaġixxi għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema u tal-impjegaturi skont id-dinamika tas-swieq tax-xogħol. Dan jista' jkun appoġġat mill-kondiviżjoni tal-aħjar prassi fil-livelltal-Unjoni, inkluż permezz tar-rapporti dwar l-attività tal-EURES.

(50)

Sabiex tinkiseb informazzjoni adegwata biex tiġi vvalutata l-prestazzjoni tan-netwerk tal-EURES, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi d-data minima li għandha tinġabar fl-Istati Membri. Sabiex in-netwerk tal-EURES jiġi ssorveljat fil-livell tal-Unjoni, data kwantitattiva u kwalitattiva komparabbli għandha tinġabar fil-livell nazzjonali mill-Istati Membri. Dan ir-Regolament għaldaqstant jipprovdi qafas proċedurali għall-istabbiliment ta' speċifikazzjonijiet dettaljati uniformi għall-ġbir u l-analiżi tad-data. Dawk l-ispeċifikazzjonijiet għandhom jgħinu fl-evalwazzjoni tal-progress li sar meta mqabbel mal-objettivi stabbiliti għan-netwerk tal-EURES skont dan ir-Regolament u jibnu fuq prassi eżistenti fi ħdan il-PES. Fir-rigward tal-fatt li, fin-nuqqas ta' obbligi ta' rapportar għall-ħaddiema u għall-impjegaturi, jista' jkun diffiċli li jinkisbu riżultati diretti dwar ir-reklutaġġ u l-kollokament, l-organizzazzjonijiet li jieħdu sehem fin-netwerk tal-EURES għandhom jagħmlu użu minn informazzjoni oħra disponibbli, bħall-għadd ta' postijiet tax-xogħol battala li ġew ittrattati u li mtlew, fejn din tista' sservi ta' indikazzjoni plawsibbli għal dawk ir-riżultati. Dawk li jittrattaw il-każijiet f'dawk l-organizzazzjonijiet għandhom jirrapportaw regolarment dwar il-kuntatti tagħhom u l-każijiet trattati minnhom, sabiex tiġi żgurata bażi stabbli u affidabbli għall-ġbir ta' data.

(51)

Fejn il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament jinvolvu l-ipproċessar ta' data personali, dawn għandhom jitwettqu f'konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta' data personali, b'mod partikolari d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), kif ukoll il-miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali relatati magħhom. F'dak il-kuntest, għandha tingħata attenzjoni partikolari lil kwistjonijiet li jikkonċernaw iż-żamma ta' data personali.

(52)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f'konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u ta opinjoni fit-3 ta' April 2014. (19)

(53)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u jħares il-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif imsemmi fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

(54)

Peress li l-objettiv ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jistabbilixxi qafas komuni għal kooperazzjoni bejn l-Istati Membri biex ilaqqa' l-postijiet tax-xogħol battala mal-possibilità ta' applikazzjoni għal dawk il-postijiet tax-xogħol battala u biex jiffaċilita l-kisba ta' bilanċ bejn il-provvista u d-domanda fis-suq tal-impjiegi, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mil l-Istati Membri iżda iktarx jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv.

(55)

Sabiex ikunu modifikati l-oqsma tal-attivitajiet tal-EURES li għalihom jeħtieġ li tinġabar data mill-Istati Membri jew li jiżdiedu oqsma oħra fl-attivitajiet tal-EURES imwettqa fil-livell nazzjonali fi ħdan il-qafas ta' dan ir-Regolament għal dawk l-oqsma li għalihom il-ġbir tad-data hu meħtieġ biex jitqiesu l-ħtiġijiet li jfiġġu fis-suq tax-xogħol, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa mal-esperti matul il-ħidma preparatorja tagħha, inklużi l-esperti tal-Istati Membri. Meta tkun qed tħejji u tfassal atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, fil-ħin u xierqa ta' dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(56)

Il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni sabiex tiżgura kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-istandards u l-formati tekniċi applikabbli għall-approvazzjoni u t-tlaqqigħ awtomatizzat, il-mudelli u l-proċeduri għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati uniformi għall-ġbir u l-analiżi tad-data, u sabiex tadotta l-lista ta' ħiliet/kompetenzi u professjonijiet tal-klassifikazzjoni Ewropea. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20).

(57)

Għall-fini li tiġi stabbilita l-kompożizzjoni tan-netwerk tal-EURES għal perijodu ta' transizzjoni u li tiġi żgurata l-kontinwità operattiva man-netwerk tal-EURES kif stabbilit fil-qafas tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, l-organizzazzjonijiet identifikati bħala Msieħba tal-EURES jew bħal Imsieħba Assoċjati tal-EURES skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/733/UE fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għandhom jitħallew jibqgħu Membri jew Imsieħba tal-EURES għal perijodu ta' transizzjoni. Fejn tali organizzazzjonijiet jixtiequ jibqgħu fin-netwerk tal-EURES wara li jkun skada l-perijodu ta' transizzjoni, ladarba tiġi stabbilita sistema applikabbli għall-ammissjoni ta' Membri u Imsieħba tal-EURES skont dan ir-Regolament, huma għandhom jagħmlu applikazzjoni f'dan is-sens.

(58)

Ir-Regolamenti (UE) Nru 492/2011 u (UE) Nru 1296/2013 għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tal-libertà ta' moviment tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 45 TFUE, billi jistabbilixxi prinċipji u regoli dwar:

(a)

l-organizzazzjoni tan-network tal-EURES bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri;

(b)

il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar il-kondiviżjoni ta' data disponibbli rilevanti dwar il-postijiet tax-xogħol battala, l-applikazzjonijiet għax-xogħol u s-CVs;

(c)

l-azzjonijiet tal-Istati Membri u bejniethom biex jinkiseb bilanċ bejn il-provvista u d-domanda fis-suq tax-xogħol, bil-għan li jinkiseb livell għoli ta' impjiegi ta' kwalità;

(d)

il-funzjonament ta' network tal-EURES, inkluża kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali u l-involviment ta' atturi oħra;

(e)

servizzi ta' appoġġ fil-mobilità relatati mal-funzjonament tan-netwerk tal-EURES li għandhom ikunu pprovduti lill-ħaddiema u lill-impjegaturi, kif ukoll tiġi promossa il-mobilità fuq bażi ġusta;

(f)

il-promozzjoni tan-netwerk tal-EURES fil-livell tal-Unjoni permezz ta' miżuri ta' komunikazzjoni effettiva meħuda mill-Kummissjoni u l-Istati Membri.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-Istati Membri u għaċ-ċittadini tal-Unjoni mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“servizzi pubbliċi tal-impjiegi” jew “PES” tfisser l-organizzazzjonijiet tal-Istati Membri, bħala parti mill-ministeri, il-korpi pubbliċi jew il-korporazzjonijiet rilevanti li jaqgħu taħt id-dritt pubbliku, li huma responsabbli għall-implimentazzjoni ta' politiki attivi fis-suq tax-xogħol u li jipprovdu servizzi tal-impjiegi ta' kwalità fl-interess pubbliku;

(2)

“servizzi tal-impjieg” tfisser entità ġuridika, li topera b'mod legali fi Stat Membru, li tipprovdi servizzi għall-ħaddiema li qed ifittxu impjieg impjieg u għall-impjegaturi li jixtiequ jirreklutaw il-ħaddiema;

(3)

“post tax-xogħol battal” tfisser offerta ta' impjieg, li tagħti lok lill-applikant jidħol f'relazzjoni ta' impjieg li permezz tagħha dak l-applikant jikkwalifika bħala ħaddiem għall-finijiet tal-Artikolu 45 TFUE;

(4)

“approvazzjoni” tfisser l-iskambju ta' informazzjoni u l-ipproċessar ta' postijiet tax-xogħol battala, applikazzjonijiet għax-xogħol u CVs;

(5)

“pjattaforma komuni tal-IT” tfisser infrastruttura tal-IT u pjattaformi relatati stabbiliti fil-livell tal-Unjoni għall-fini tat-trasparenza u l-approvazzjoni f'konformità ma' dan ir-Regolament;

(6)

“ħaddiem tal-fruntiera” tfisser kwalunkwe ħaddiem li jwettaq attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru u li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor li normalment il-ħaddiem jirritorna fih kuljum jew tal-inqas darba fil-ġimgħa;

(7)

“sħubija transkonfinali tal-EURES” tfisser raggruppament ta' Membri jew Imsieħba tal-EURES u, fejn rilevanti, partijiet ikkonċernati oħra barra min-netwerk tal-EURES, bil-ħsieb ta' kooperazzjoni fit-tul fi strutturi reġjonali stabbiliti fir-reġjuni transkonfinali bejn is-servizzi tal-impjiegi fil-livell reġjonali, lokali u, fejn xieraq, nazzjonali; l-Imsieħba soċjali; u, fejn rilevanti partijiet ikkonċernati oħra ta' mill-inqas żewġ Stati Membri jew Stat Membru u pajjiż ieħor parteċipanti fl-istrumenti tal-Unjoni maħsuba biex jappoġġaw in-netwerk tal-EURES.

Artikolu 4

Aċċessibbiltà

1.   Is-servizzi mogħtija skont dan ir-Regolament għandhom ikunu disponibbli għall-ħaddiema u lill-impjegaturi kollha madwar l-Unjoni u għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta' trattament indaqs.

2.   Għandha tiġi żgurata l-aċċessibbiltà min-naħa ta' persuni b'diżabiltajiet għall-informazzjoni pprovduta fuq il-portal EURES u għas-servizzi ta' appoġġ disponibbli fil-livell nazzjonali. Il-Kummissjoni u l-Membri u l-Imsieħba tal-EURES għandhom jiddeterminaw il-mezzi biex jiżguraw dan, fir-rigward tal-obbligi rispettivi tagħhom.

KAPITOLU II

STABBILIMENT MILL-ĠDID TAN-NETWERK TAL-EURES

Artikolu 5

Stabbiliment mill-ġdid tan-netwerk tal-EURES

1.   In-netwerk tal-EURES huwa b'dan stabbilit mill-ġdid.

2.   Dan ir-Regolament jissostitwixxi l-qafas regolatorju dwar il-EURES kif stabbilit fil-Kapitolu II tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/733/UE adottata abbażi tal-Artikolu 38 ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 6

Objettivi tan-netwerk tal-EURES

In-netwerk tal-EURES għandu, fi ħdan l-oqsma tal-attivitajiet tiegħu, jikkontribwixxi għall-objettivi li ġejjin:

(a)

il-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 45 TFUE u mir-Regolament (UE) Nru 492/2011;

(b)

l-implimentazzjoni tal-istrateġija koordinata għall-impjiegi u, b'mod partikolari għall-promozzjoni ta' forza tax-xogħol bi kwalifiki għoljin, imħarrġa u li tadatta kif imsemmija fl-Artikolu 145 TFUE;

(c)

it-titjib tal- funzjonament, il-koeżjoni u l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol fl-Unjoni, inkluż fil-livell transkonfinali;

(d)

il-promozzjoni ta' mobilità ġeografika u professjonali volontarja fl-Unjoni, inkluż fir-reġjuni transkonfinali, fuq bażi ġusta u f'konformità mal-liġi u l-prassi tal-Unjoni u dawk nazzjonali;

(e)

l-appoġġ għal transizzjonijiet lejn is-suq tax-xogħol, biex b'hekk jiġu promossi l-objettivi soċjali u tal-impjiegi msemmija fl-Artikolu 3 TUE.

Artikolu 7

Kompożizzjoni tan-netwerk tal-Eures

1.   In-netwerk tal-EURES għandu jinkludi l-kategoriji ta' organizzazzjonijiet li ġejjin:

(a)

“Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni” li għandu jiġi stabbilit fi ħdan il-Kummissjoni u, li għandu jkun responsabbli biex jassisti lin-netwerk tal-EURES fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu;

(b)

“Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni” (NCOs) responsabbli għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fl-Istat Membru rispettiv, li għandhom jiġu deżinjati mill-Istati Membri u li jistgħu jkunu l-PES tagħhom;

(c)

il-Membri tal-EURES jiġifieri:

(i)

il-PES maħtura mill-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 10; u

(ii)

l-organizzazzjonijiet ammessi f'konformità mal-Artikolu 11, jew għal perijodu ta' transizzjoni, skont l-Artikolu 40, biex jipprovdu fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, inkluż fuq bażi transkonfinali, appoġġ fl-approvazzjoni u servizzi ta' appoġġ lill-ħaddiema u lill-impjegaturi;

(d)

L-Imsieħba tal-EURES, li huma organizzazzjonijiet ammessi f'konformità mal-Artikolu 11, u b'mod partikolari mal-paragrafi 2 u 4 tiegħu, jew għal perijodu ta' transizzjoni, f'konformità mal-Artikolu 40, biex jipprovdu fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, inkluż fuq bażi transkonfinali, appoġġ fl-approvazzjoni jew servizzi ta' appoġġ lill-ħaddiema u lill-impjegaturi.

2.   Organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali jistgħu jsiru parti min-netwerk tal-EURES bħala Membri jew Imsieħba tal-EURES f'konformità mal-Artikolu 11.

Artikolu 8

Responsabbiltajiet tal-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni

1.   L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jassisti lin-Netwerk tal-EURES fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu, b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp u t-twettiq tal-attivitajiet li ġejjin, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-NCOs:

(a)

it-tiswir ta' qafas koerenti u l-forniment ta' attivitajiet ta' appoġġ orizzontali għall-benefiċċju tan-netwerk tal-EURES, inklużi:

(i)

it-tħaddim u l-iżvilupp tal-portal tal-EURES' u servizzi relatati tal-IT, inklużi sistemi u proċeduri għall-iskambju ta' postijiet tax-xogħol battala, applikazzjonijiet għax-xogħol, CVs, u dokumenti ta' appoġġ u informazzjoni oħra, f'kooperazzjoni ma' informazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni u servizzi ta' konsulenza, jew netwerks u inizjattivi;

(ii)

attivitajiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni dwar in-netwerk tal-EURES;

(iii)

programm ta' taħriġ komuni u żvilupp professjonali kontinwu għall-persunal tal-Membri u l-Imsieħba tal-EURES u tal-NCOs, li jiżguraw il-kompetenza esperta meħtieġa;

(iv)

funzjoni ta' helpdesk li tappoġġa l-persunal tal-Membri u l-Imsieħba tal-EURES u NCOs, b'mod partikolari l-persunal f'kuntatt dirett mal-ħaddiema u l-impjegaturi;

(v)

il-faċilitazzjoni ta' netwerking, l-iskambju tal-aħjar prassi u t-tagħlim reċiproku fi ħdan in-netwerk tal-EURES;

(b)

l-analiżi tal-mobilità ġeografika u professjonali, b'kont meħud tas-sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri;

(c)

l-iżvilupp ta' struttura xierqa għall-kooperazzjoni u l-approvazzjoni fi ħdan l-Unjoni għal apprendistati u traineeships, f'konformità ma' dan ir-Regolament.

2.   L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jkun immaniġġjat mill-Kummissjoni. L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jistabbilixxi djalogu regolari mar-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali fil-livell tal-Unjoni.

3.   L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jfassal il-programmi ta' ħidma pluriennali tiegħu, f'konsultazzjoni mal-Grupp ta' Koordinazzjoni imsemmi fl-Artikolu 14.

Artikolu 9

Responsabbiltajiet tal-NCOs

1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru l-NCOs f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 7(1). L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni b'dawk il-ħatriet.

2.   Kull NCO għandu jkun responsabbli għal:

(a)

l-organizzazzjoni tal-ħidma relatata man-netwerk tal-EURES fl-Istat Membru, inkluż l-iżgurar ta' trasferiment ikkoordinat ta' informazzjoni fil-portal tal-EURES dwar il-postijiet tax-xogħol battala, l-applikazzjonijiet għax-xogħol u CVs f'konformità mal-Artikolu 17 b'mezz uniku kkoordinat;

(b)

il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar l-approvazzjoni fi ħdan il-qafas stabbilit fil-Kapitolu III;

(c)

l-għoti lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni ta' kwalunkwe informazzjoni disponibbli dwar id-diskrepanzi bejn in-numru ta' postijiet tax-xogħol battala notifikati u n-numru totali ta' postijiet tax-xogħol battala fil-livell nazzjonali;

(d)

il-koordinazzjoni ta' azzjonijiet fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat u flimkien ma' Stati Membri oħrajn f'konformità mal-Kapitolu V.

3.   Kull NCO għandu jorganizza l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali tal-attivitajiet ta' appoġġ orizzontali pprovduti mill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 8, fejn adatt f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni u NCOs oħrajn. Dawk l-attivitajiet ta' appoġġ orizzontali għandhom jinkludu b'mod partikolari:

(a)

għall-fini ta' pubblikazzjoni, b'mod partikolari fuq il-portal tal-EURES, il-ġbir u l-validazzjoni ta' informazzjoni aġġornata dwar il-Membri u l-Imsieħba tal-EURES li joperaw mit-territorju nazzjonali tal-NCO, l-attivitajiet tagħhom u l-kamp ta' applikazzjoni tas-servizzi ta' appoġġ li jipprovdu lill-ħaddiema u l-impjegaturi;

(b)

il-forniment ta' attivitajiet ta' qabel it-taħriġ relatati mal-attività tal-EURES u, l-għażla ta' persunal biex jieħu sehem fil-programm ta' taħriġ komuni u f'attivitajiet ta' tagħlim reċiproku;

(c)

il-ġbir u l-analiżi ta' data relatata mal-Artikoli 31 u 32.

4.   Għall-fini ta' pubblikazzjoni, b'mod partikolari fuq il-portal tal-EURES, fl-interess tal-ħaddiema u tal-impjegaturi, kull NCO għandu jagħmel disponibbli, jaġġorna b'mod regolari u jqassam fil-ħin informazzjoni u gwida disponibbli fil-livell nazzjonali marbuta mas-sitwazzjoni fl-Istat Membru dwar:

(a)

il-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, inkluża informazzjoni ġenerali dwar is-sigurtà soċjali u l-ħlasijiet tat-taxxa;

(b)

il-proċeduri amministrattivi rilevanti rigward l-impjiegi, u r-regoli applikabbli għall-ħaddiema meta jibdew l-impjieg tagħhom;

(c)

il-qafas regolatorju nazzjonali tiegħu għall-apprendistati u t-traineeships u r-regoli u l-istrumenti eżistenti tal-Unjoni;

(d)

mingħajr preġudizzju għall-punt (b) tal-Artikolu 17(2), aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;

(e)

is-sitwazzjoni tal-ħaddiema tal-fruntiera b'mod partikolari f'reġjuni transkonfinali;

(f)

assistenza wara r-reklutaġġ b'mod ġenerali u informazzjoni dwar fejn tista' tinkiseb tali assistenza fin-netwerk u, jekk tali informazzjoni hija disponibbli, barra minn netwerk tal-EURES.

Fejn adatt, l-NCOs jistgħu jagħmlu disponibbli u jqassmu l-informazzjoni f'kooperazzjoni ma' servizzi u netwerks oħrajn ta' informazzjoni u konsulenza u korpi xierqa fil-livell nazzjonali, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/54/UE.

5.   L-NCOs għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar il-mekkaniżmi u l-istandards imsemmijin fl-Artikolu 17(5) kif ukoll dwar standards rigward is-sigurtà tad-data u l-protezzjoni tad-data li huma rilevanti għall-pjattaforma komuni tal-IT. Huma għandhom jikkooperaw ma' xulxin u mal-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni, b'mod partikolari rigward ilmenti u postijiet tax-xogħol battala li ma jitqisux li jikkonformaw ma' dawk l-istandards skont il-liġi nazzjonali.

6.   Kull NCO għandu jipprovdi appoġġ ġenerali lill-Membri u l-Imsieħba tal-EURES rigward kollaborazzjoni mal-kontropartijiet tagħhom tal-EURES fi Stati Membri oħrajn, inkluż pariri lill-Membri u l-Imsieħba tal-EURES dwar kif jiġu trattati l-ilmenti relatati mal-postijiet tax-xogħol battala u r-reklutaġġ tal-EURES, kif ukoll dwar kooperazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi rilevanti. Jekk l-informazzjoni tkun għad-dispożizzjoni tal-NCO, l-eżitu tal-proċeduri ta' lmenti għandu jintbagħat lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni.

7.   L-NCO għandu jippromwovi l-kollaborazzjoni ma' partijiet ikkonċernati bħall-imsieħba soċjali, servizzi ta' gwida fil-karriera, istituzzjonijiet ta' taħriġ vokazzjonali u ta' edukazzjoni għolja, kmamar tal-kummerċ, servizzi soċjali u organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw gruppi vulnerabbli fis-suq tax-xogħol u organizzazzjonijiet involuti f'apprendistati u skemi ta' traineeships.

Artikolu 10

Ħatra tal-PES bħala Membri tal-EURES

1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru l-PES rilevanti għall-attivitajiet fin-netwerk tal-EURES bħala Membri tal-EURES. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni b'dawk il-ħatriet. Bis-saħħa tal-ħatra tagħhom, dawk il-PES għandhom jibbenefikaw minn status speċjali fi ħdan in-netwerk tal-EURES.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fir-rwol tagħhom bħala Membri tal-EURES, il-PES jissodisfaw l-obbligi kollha stabbiliti f'dan ir-Regolament u tal-inqas jissodisfaw il-kriterji minimi komuni elenkati fl-Anness I.

3.   PES jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom bħala Membri tal-EURES permezz ta' organizzazzjonijiet li jaġixxu fir-responsabbiltà tal-PES, fuq il-bażi ta' delega, esternalizzazzjoni jew ftehimiet speċifiċi.

Artikolu 11

Ammissjoni bħala Membri tal-EURES (li mhumiex PES) u Msieħba tal-EURES

1.   Kull Stat Membru għandu, mingħajr dewmien żejjed iżda tal-anqas sa 13 ta' Mejju 2018, ikollu stabbilita sistema li ddaħħal organizzazzjonijiet biex isiru Membri u Msieħba tal-EURES, biex jissorvelja l-attivitajiet tagħhom u l-konformità tagħhom mal-liġi applikabbli meta jiġi applikat dan ir-Regolament u, fejn meħtieġ, biex iħassar l-ammissjoni tagħhom. Dik is-sistema għandha tkun trasparenti u proporzjonata, għandha tirrispetta l-prinċipji ta' trattament indaqs għall-organizzazzjonijiet li japplikaw u l-proċess dovut tal-liġi u għandha tipprovdi rimedji suffiċjenti biex tiżgura protezzjoni legali effettiva.

2.   Għall-finijiet tas-sistema msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-rekwiżiti u l-kriterji biex jiġu ammessi l-Membri u l-Imsieħba tal-EURES. Dawk ir-rekwiżiti u l-kriterji tal-inqas għandhom jinkludu l-kriterji minimi komuni stipulati fl-Anness I. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu rekwiżiti jew kriterji addizzjonali li jkunu neċessarji għall-fini tal-applikazzjoni korretta tar-regoli applikabbli għall-attivitajiet tas-servizzi tal-impjiegi u l-immaniġġjar effettiv ta' politiki dwar is-suq tax-xogħol fit-territorju tagħhom.

3.   Organizzazzjonijiet li joperaw b'mod legali fi Stat Membru jistgħu japplikaw biex isiru Membri tal-EURES, soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u għas-sistema stabbilita msemmija fil-paragrafu 1. Organizzazzjoni li tapplika biex issir Membru tal-EURES għandha, fl-applikazzjoni tagħha, timpenja ruħha li tissodisfa l-obbligi kollha indirizzati lill-Membri skont dan ir-Regolament, inkluż li twettaq il-kompiti kollha msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 12(2).

4.   Organizzazzjoni li topera b'mod legali fi Stat Membru tista' tapplika biex issir Imsieħba tal-EURES, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u għas-sistema msemmija fil-paragrafu 1, dment li tiġġustifika kif dovut li hija tista' twettaq mhux iktar minn żewġ kompiti elenkati fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 12(2), fuq raġunijiet ta' skala, riżorsi finanzjarji, in-natura tas-servizzi normalment ipprovduti mill-organizzazzjoni jew l-istruttura organizzattiva, inkluż li tkun organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ. Organizzazzjoni li tapplika biex issir Imsieħba tal-EURES għandha, fl-applikazzjoni tagħha, timpenja ruħha li tissodisfa r-rekwiżiti li l-Imsieħba tal-EURES huma soġġetti taħt dan ir-Regolament u tal-anqas wieħed mill-kompiti msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 12(2).

5.   L-Istati Membri għandhom jammessaw organizzazzjonijiet li japplikaw biex isiru Membri jew Imsieħba tal-EURES, jekk huma jissodisfaw il-kriterji u r-rekwiżiti applikabbli msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4.

6.   L-NCOs għandhom jinformaw lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni bis-sistemi msemmija fil-paragrafu 1, inklużi kriterji u rekwiżiti addizzjonali kif imsemmi fil-paragrafu 2, tal-Membri u l-Imsieħba tal-EURES ammessi skont dik is-sistema u bi kwalunkwe rifjut minħabba nuqqas ta' konformità mal-punt 1 tat-Taqsima 1 tal-Anness I. L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jgħaddi dik l-informazzjoni lill-NCOs l-oħrajn.

7.   L-Istati Membri għandhom jirrevokaw l-ammissjoni tal-Membri u l-Imsieħba tal-EURES, jekk huma ma jibqgħux jissodisfaw il-kriterji jew ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4. L-NCOs għandhom jinformaw lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni b'tali revoka u r-raġunijiet għaliha. L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jgħaddi din l-informazzjoni lill-NCOs l-oħrajn.

8.   Il-Kummissjoni, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tista' tadotta mudell għad-deskrizzjoni tas-sistema nazzjonali u l-proċeduri għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar is-sistemi msemmija fil-paragrafu 1. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 37(2).

Artikolu 12

Responsabbiltajiet tal-Membri u l-Imsieħba tal-EURES

1.   Il-Membri u l-Imsieħba tal-EURES għandhom jikkontribwixxu għan-Netwerk tal-EURES rigward il-kompiti li għalihom ikunu nħatru f'konformità mal-Artikolu 10 jew li għalihom ikunu ġew ammessi f'konformità mal-Artikolu 11(3) u (4), jew, għal perijodu ta' transizzjoni, f'konformità mal-Artikolu 40, u għandhom jissodisfaw l-obbligi l-oħrajn tagħhom skont dan ir-Regolament.

2.   Il-Membri tal-EURES għandhom jieħdu sehem fin-netwerk tal-EURES, inkluż billi jissodisfaw il-kompiti kollha, u l-Imsieħba tal-EURES għandhom jipparteċipaw fin-netwerk tal-EURES, inkluż billi jissodisfaw tal-inqas wieħed mill-kompiti li ġejjin:

(a)

li jikkontribwixxu għall-postijiet tax-xogħol battala f'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 17(1);

(b)

li jikkontribwixxu għall-applikazzjonijiet għax-xogħol u s-CVs f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 17(1);

(c)

li jipprovdu servizzi ta' appoġġ għall-ħaddiema u l-impjegaturi f'konformità mal-Artikoli 23 u 24, l-Artikolu 25(1), l-Artikolu 26 u, fejn rilevanti, l-Artikolu 27.

3.   Il-Membri tal-EURES u, fejn applikabbli, l-Imsieħba tal-EURES għandhom jipprovdu, għall-finijiet tal-portal tal-EURES, il-postijiet tax-xogħol battala kollha disponibbli pubblikament magħhom kif ukoll l-applikazzjonijiet għax-xogħol u s-CVs kollha fejn il-ħaddiem ikun ta l-kunsens tiegħu biex l-informazzjoni tkun disponibbli wkoll għall-portal tal-EURES f'konformità mal-Artikolu 17(3). It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 17(2) għandhom japplikaw għal postijiet tax-xogħol battala disponibbli pubblikament permezz tal-Membri tal-EURES u, fejn applikabbli, mal-imsieħba tal-EURES.

4.   Il-Membri u l-Imsieħba tal-EURES għandhom jaħtru punt ta' kuntatt wieħed jew iktar, bħal uffiċċji ta' kollokament u reklutaġġ, ċentri ta' assistenza bit-telefown u għodod self-service f'konformità mal-kriterji nazzjonali, fejn ħaddiema u impjegaturi jistgħu jingħataw appoġġ fl-approvazzjoni, l-aċċess għas-servizzi ta' appoġġ, jew it-tnejn, f'konformità ma' dan ir-Regolament. Il-punti ta' kuntatt jistgħu jkunu bbażati wkoll fuq programmi ta' skambju tal-persunal, id-distakk tal-uffiċjali ta' kollegament jew jinvolvu aġenziji ta' kollokament komuni.

5.   Il-Membri tal-EURES u, fejn rilevanti, l-Imsiebħa tal-EURES, għandhom jiżguraw li l-punti ta' kuntatt li huma għażlu jindikaw biċ-ċar l-ambitu tas-servizzi ta' appoġġ ipprovduti lill-ħaddiema u l-impjegaturi.

6.   F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, l-Istati Membri jistgħu, permezz tal-NCO tagħhom, jirrikjedu lill-Membri u l-Imsiebħa tal-EURES biex jikkontribwixxu għal:

(a)

il-ġbir ta' informazzjoni u gwida li għandha tiġi ppubblikata fuq il-portal tal-EURES imsemmija fl-Artikolu 9(4);

(b)

l-iskambju ta' informazzjoni kif imsemmi fl-Artikoli 30;

(c)

iċ-ċiklu ta' programmazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 31;

(d)

il-ġbir ta' data kif imsemmi fl-Artikolu 32.

Artikolu 13

Responsabbiltajiet konġunti

F'konformità mar-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, l-organizzazzjonijiet kollha li jieħdu sehem fin-netwerk tal-EURES għandhom, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' xulxin, ifittxu li jippromwovu b'mod attiv l-opportunitajiet li l-mobilità tal-forza tax-xogħol toffri fi ħdan l-Unjoni u jfittxu li jsaħħu l-modi u l-mezzi sabiex il-ħaddiema u l-impjegaturi jgawdu minn mobilità fuq bażi ġusta u jaħtfu dawk l-opportunitajiet fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali, inkluż fuq bażi transkonfinali.

Artikolu 14

Grupp ta' Koordinazzjoni

1.   Il-Grupp ta' Koordinazzjoni għandu jkun magħmul minn rappreżentanti fil-livell xieraq tal-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni u tal-NCOs.

2.   Il-Grupp ta' Koordinazzjoni għandu jappoġġa l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament billi jiskambja informazzjoni u jiżviluppa gwida. B'mod partikolari, huwa għandu jagħti parir lill-Kummissjoni dwar il-mudelli msemmija fl-Artikolu 11(8) u l-Artikolu 31(5), l-abbozz ta' standards u formati tekniċi msemmija fl-Artikolu 17(8) u l-Artikolu 19(6), u l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati uniformi għall-ġbir u l-analiżi tad-data msemmija fl-Artikolu 32(3).

3.   Il-Grupp ta' Koordinazzjoni jista', fost l-oħrajn, jorganizza skambji tal-aħjar prassi li jikkonċernaw is-sistemi nazzjonali ta' ammissjoni msemmija fl-Artikolu 11(1) u s-servizzi ta' appoġġ imsemmija fl-Artikoli 23 sa 27.

4.   L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jorganizza x-xogħol tal-Grupp ta' Koordinazzjoni u jippresjedi l-laqgħat tiegħu. Huwa għandu jżomm lil korpi jew netwerks rilevanti oħrajn infurmati bil-ħidma tal-Grupp ta' Koordinazzjoni.

Ir-rappreżentanti tal-imsiebħa soċjali fil-livell tal-Unjoni għandu jkollhom id-dritt li jattendu l-laqgħat tal-Grupp ta' Koordinazzjoni.

5.   Il-Grupp ta' Koordinazzjoni għandu jikkoopera mal-Bord tan-Netwerk tal-PES, b'mod partikolari, jinfurmah dwar l-attivitajiet tan-netwerk tal-EURES u l-iskambju tal-aħjar prassi.

Artikolu 15

Identità komuni u trade mark

1.   L-isem “EURES” għandu jintuża b'mod esklussiv għal attivitajiet fi ħdan in-netwerk tal-EURES skont dan ir-Regolament. Għandu jintwera permezz ta' logo standard, l-użu tiegħu li hu determinat permezz ta' skema ta' disinn grafiku, adottata mill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni.

2.   Il-marka tas-servizz tal-EURES u l-logo, għandhom jintużaw mill-organizzazzjonijiet kollha li jieħdu sehem fin-netwerk tal-EURES imsemmijin fl-Artikolu 7 fl-attivitajiet kollha tagħhom relatati man-netwerk tal-EURES biex tkun żgurata identità viżwali komuni.

3.   L-organizzazzjonijiet li jieħdu sehem fin-netwerk tal-EURES għandhom jiżguraw li l-informazzjoni u l-materjal promozzjonali li jipprovdu jkunu koerenti mal-attivitajiet ta' komunikazzjoni ġenerali, l-istandards ta' kwalità komuni tan-netwerk tal-EURES u l-informazzjoni li ġejja mill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni.

4.   L-organizzazzjonijiet li jieħdu sehem fin-Netwerk tal-EURES għandhom jinfurmaw lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni mingħajr dewmien dwar kwalunkwe abbuż mill-marka tas-servizz jew logo tal-EURES, li jsir minn parti terza jew pajjiż terz li huma jsiru jafu bih.

Artikolu 16

Kooperazzjoni u miżuri oħra

1.   L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn in-netwerk tal-EURES u servizzi u netwerks oħrajn tal-Unjoni li jipprovdu informazzjoni u konsultazzjoni.

2.   L-NCO għandhom jikkooperaw mas-servizzi u n-netwerks imsemmija fil-paragrafu 1 fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jinkisbu s-sinerġiji u jiġi evitat l-irduppjar, u, fejn xieraq, għandhom jinvolvu l-Membri u l-Imsiebħa tal-EURES.

3.   L-NCOs għandhom jiffaċilitaw il-kooperazzjoni tan-netwerk tal-EURES mal-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali, billi jiġi żgurat li jkun hemm djalogu regolari mal-imsiebħa soċjali, f'konformità mal-liġi u l-prassi nazzjonali.

4.   L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu kooperazzjoni mill-qrib, fil-livell transkonfinali, bejn atturi reġjonali, lokali, u, fejn rilevanti, nazzjonali, bħal fil-prattiki u s-servizzi mogħtija fil-qafas tas-sħubijiet transkonfinali EURES.

5.   L-Istati Membri għandhom ifittxu li jiżviluppaw soluzzjonijiet one stop shop għall-komunikazzjoni, inkluż komunikazzjoni online, ma' ħaddiema u impjegaturi dwar l-oqsma komuni tal-attività tal-EURES u s-servizzi u n-netwerks msemmija fil-paragrafu 1.

6.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw mal-Kummissjoni kull possibbiltà biex tingħata prijorità liċ-ċittadini tal-Unjoni meta jimtlew postijiet tax-xogħol battala sabiex jinkiseb bilanċ bejn il-provvista ta' ħaddiema u d-domanda għall-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa għal dak il-għan.

KAPITOLU III

PJATTAFORMA KOMUNI TAL-IT

Artikolu 17

Organizzazzjoni tal-pjattaforma komuni tal-IT

1.   Biex il-postijiet tax-xogħol battala jitlaqqgħu mal-applikazzjonijiet għax-xogħol, kull Stat Membru għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-portal tal-EURES:

(a)

il-postijiet tax-xogħol battala kollha li huma disponibbli pubblikament permezz tal-PES kif ukoll dawk ipprovduti minn Membri tal-EURES u, fejn rilevanti, l-imsiebħa tal-EURES f'konformità mal-Artikolu 12(3);

(b)

l-applikazzjonijiet għax-xogħol u s-CVs kollha disponibbli permezz tal-PES kif ukoll dawk ipprovduti mill-Membri tal-EURES l-oħra u, fejn rilevanti, l-Imsiebħa tal-EURES, f'konformità mal-Artikolu 12(3), dment li l-ħaddiema kkonċernati jkunu taw il-kunsens biex l-informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni fil-portal tal-EURES skont it-termini definiti fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

Fir-rigward tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu mekkaniżmu li jippermetti lill-impjegaturi li jagħżlu li ma jippubblikawx post battal fuq il-portal tal-EURES jekk it-talba tkun debitament ġustifikata abbażi tar-rekwiżiti tal-ħiliet u l-kompetenzi relatati mal-impjieg.

2.   Meta jqiegħdu għad-dispożizzjoni data dwar postijiet tax-xogħol battala fil-portal tal-EURES, l-Istati Membri jistgħu jeskludu:

(a)

il-postijiet tax-xogħol battala li minħabba n-natura tagħhom jew ir-regoli nazzjonali, huma miftuħa biss għaċ-ċittadini ta' pajjiż speċifiku;

(b)

postijiet tax-xogħol battala relatati ma' kategoriji ta' apprendistati u traineeships li, peress li jkun fihom aspett ta' tagħlim, huma parti mis-sistemi edukattivi nazzjonali jew li huma ffinanzjati b'mod pubbliku, bħala parti mill-politiki attivi tal-Istat Membru favur is-suq tax-xogħol;

(c)

postijiet tax-xogħol battala oħra, bħala parti mill-politiki attivi ta' Stat Membru favur is-suq tax-xogħol.

3.   Il-kunsens tal-ħaddiema msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandu jkun espliċitu, mhux ambigwu, mogħti liberalment, speċifiku u informat. Il-ħaddiema, jistgħu fi kwalunwe waqt, jirtiraw il-kunsens tagħhom u jitolbu t-tħassir jew l-emenda ta' kwalunkwe data, jew kollha kemm hi, li tqiegħdet għad-dispożizzjoni. Il-ħaddiema jistgħu jagħżlu minn numru ta' għażliet biex jillimitaw l-aċċess għad-data tagħhom jew għal ċerti attributi.

4.   Rigward il-ħaddiema li jkun minorenni, il-kunsens għandu jiġi provdut flimkien ma' dak tal-ġenituri jew tal-kustodji tagħhom.

5.   L-Istati Membri għandhom ikunu implimentaw il-mekkaniżmi u l-istandards adatti meħtieġa biex tiġi żgurata l-kwalità intrinsika u teknika tad-data dwar il-postijiet tax-xogħol battala, l-applikazzjonijiet għax-xogħol u s-CVs.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sorsi tad-data jkunu jistgħu jiġu ttraċċati għall-fini tal-monitoraġġ tal-kwalità ta' dik id-data.

7.   Biex ikun jista' jsir tlaqqigħ bejn il-postijiet tax-xogħol battala u l-applikazzjonijiet għax-xogħol u s-CVs, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tiġi pprovduta skont sistema uniformi u b'mod trasparenti.

8.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, l-istandards u l-formati tekniċi neċessarji li għandhom il-għan li jwasslu għas-sistema uniformi msemmija fil-paragrafu 7. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom ikunu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 37(3).

Artikolu 18

Aċċess fil-livell nazzjonali għall-pjattaforma komuni tal-IT

1.   Il-Membri u l-Imsieħba tal-EURES għandhom jiżguraw li l-portal tal-EURES ikun viżibbli b'mod ċar u li fih ikun faċli li titwettaq tfittxija permezz tal-portali kollha amministrati minnhom li jintużaw għat-tfittxija ta' xogħol, kemm jekk fuq livell ċentrali, reġjonali jew inkella lokali, u li dawk il-portali jkunu konnessi mal-portal tal-EURES.

2.   Il-PES għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet li jaġixxu taħt ir-responsabbiltà tagħhom ikollhom link viżibbli b'mod ċar mal-portal tal-EURES fuq kwalunkwe portal tal-web amministrat minnhom.

3.   Il-Membri u l-Imsieħba tal-EURES għandhom jiżguraw li l-postijiet tax-xogħol battala, l-applikazzjonijiet għax-xogħol u s-CVs kollha disponibbli fuq il-portal tal-EURES ikunu aċċessibbli faċilment għall-persunal tagħhom involut fin-netwerl tal-EURES.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trasferiment ta' informazzjoni dwar postijiet tax-xogħol battala, applikazzjonijiet għax-xogħol u CVs msemmi fl-Artikolu 9(2)(a) isir b'mezz ikkoordinat uniku.

Artikolu 19

Tlaqqigħ awtomatizzat permezz tal-pjattaforma komuni tal-IT

1.   L-Istati Membri għandhom jikkooperaw ma' xulxin u mal-Kummissjoni rigward l-interoperabilità bejn sistemi nazzjonali u l-klassifikazzjoni Ewropea żviluppata mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Istati Membri infurmati dwar l-iżvilupp tal-klassifikazzjoni Ewropea.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta u taġġorna, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, il-lista ta' ħiliet, kompetenzi u professjonijiet tal-klassifikazzjoni Ewropea. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom ikunu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 37(3). Fejn il-kumitat ma jagħtix opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Għall-fini tat-tlaqqigħ awtomatizzat permezz tal-pjattaforma komuni tal-IT, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi, mingħajr dewmien mhux dovut iżda mhux aktar tard minn tliet snin wara l-adozzjoni tal-lista msemmija fil-paragrafu 2, inventarju inizjali biex ifassal mappa tal-klassifikazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u settorjali tiegħu ma' u minn dik il-lista, u, wara l-introduzzjoni tal-użu tal-inventarju fuq il-bażi ta' applikazzjoni li ssir mill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni, jaġġorna b'mod regolari l-inventarju biex iżommu aġġornat mal-evoluzzjoni tas-servizzi ta' reklutaġġ.

4.   L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jissostitwixxu l-klassifikazzjonijiet nazzjonali tagħhom bil-klassifikazzjoni Ewropea, kif titlesta, jew iżommu s-sistemi ta' klassifikazzjoni nazzjonali interoperabbli tagħhom.

5.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi appoġġ tekniku u, fejn possibbli, finanzjarju lill-Istati Membri meta jistabbilixxu l-inventarju skont il-paragrafu 3 u lill-Istati Membri li jagħżlu li jissostitwixxu l-klassifikazzjonijiet nazzjonali bil-klassifikazzjoni Ewropea.

6.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, l-istandards u l-formati tekniċi neċessarji għall-operazzjoni tat-tlaqqigħ awtomatizzat permezz tal-pjattaforma komuni tal-IT bl-użu tal-klassifikazzjoni Ewropea u l-interoperabilità bejn sistemi nazzjonali u l-klassifikazzjoni Ewropea. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom ikunu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 37(3).

Artikolu 20

Mekkaniżmu ta' aċċess faċilitat għal ħaddiema u impjegaturi

1.   Il-Membri u l-Imsiebħa tal-EURES għandhom, fuq talba, jassistu lill-ħaddiema u lill-impjegaturi li jużaw is-servizzi tagħhom, b'rabta mar-reġistrazzjoni tagħhom fuq il-portal tal-EURES. Dik l-assistenza għandha tkun mingħajr ħlas.

2.   Il-Membri u l-Imsieħba tal-EURES għandhom jiżguraw li l-ħaddiema u l-impjegaturi li jużaw is-servizzi tagħhom ikollhom aċċess għall-informazzjoni ġenerali dwar kif, meta u fejn jistgħu jaġġornaw, jirrevedu u jirtiraw id-data kkonċernata.

KAPITOLU IV

SERVIZZI TA' APPOĠĠ

Artikolu 21

Prinċipji

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħaddiema u l-impjegaturi jista' jkollhom aċċess, mingħajr dewmien mhux dovut, kemm online jew offline, għal servizzi ta' appoġġ fil-livell nazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jappoġġaw l-iżvilupp ta' approċċ koordinat fil-livell nazzjonali lejn is-servizzi ta' appoġġ.

Il-ħtiġijiet lokali u reġjonali speċifiċi għandhom jitqiesu.

3.   Is-servizzi ta' appoġġ għall-ħaddiema u l-impjegaturi kif imsemmija fl-Artikolu 22, l-Artikolu 25(1), l-Artikolu 26 u, fejn rilevanti, l-Artikolu 27 għandhom ikunu mingħajr ħlas.

Is-servizzi ta' appoġġ għall-ħaddiema kif imsemmija fl-Artikolu 23 għandhom ikunu mingħajr ħlas.

Is-servizzi ta' appoġġ għall-impjegaturi kif imsemmija fl-Artikolu 24 jistgħu jkunu soġġetti għal tariffa.

4.   Kwalunkwe tariffa mitluba għas-servizzi li l-Membri tal-EURES u, fejn rilevanti, l-Imsiebħa tal-EURES, joffru skont dan il-Kapitolu m'għandhiex tkun ogħla minn dik applikabbli għal servizzi komparabbli oħra pprovduti mill-Membri u l-Imsiebħa tal-EURES. Fejn applikabbli, il-Membri u l-Imsiebħa tal-EURES għandhom jinfurmaw lill-ħaddiema u lill-impjegaturi b'kull spiża involuta b'mod ċar u preċiż.

5.   Il-Membri u l-Imsiebħa tal-EURES ikkonċernati għandhom jindikaw b'mod ċar lill-ħaddiema u lill-impjegaturi l-medda ta' servizzi ta' appoġġ li jipprovdu, fejn u kif dawk is-servizzi huma aċċessibbli u l-kundizzjonijiet li fihom huwa pprovdut aċċess, billi jintużaw il-mezzi ta' informazzjoni tagħhom. Dik l-informazzjoni għandha tkun ippubblikata fuq il-Portal tal-EURES.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(2), il-Membri tal-EURES imsemmija fil-punt (c)(ii) tal-Artikolu 7 (1) u l-Imsiebħa tal-EURES jistgħu joffru s-servizzi tagħhom online biss.

Artikolu 22

Aċċess għal informazzjoni bażika

1.   Il-Membri u, fejn rilevanti, l-Imsiebħa tal-EURES għandhom jipprovdu lill-ħaddiema u lill-impjegaturi informazzjoni bażika dwar il-portal tal-EURES inkluża l-bażi tad-data tal-applikazzjonijiet għax-xogħol u tas-CVs, u n-Netwerk tal-EURES, inkluż id-dettalji ta' kuntatt ta' Membri u Msiebħa tal-EURES rilevanti fil-livell nazzjonali, informazzjoni dwar il-mezzi ta' reklutaġġ li huma jużaw (servizzi elettroniċi, servizzi personalizzati, il-post tal-punti ta' kuntatt) u l-links rilevanti fuq l-internet, b'mod li jkunu aċċessibbli faċilment u faċli għall-utent.

Il-Membri tal-EURES u, fejn rilevanti, l-Imsiebħa tal-EURES għandhom, fejn xieraq, jirreferu lill-ħaddiema u lill-impjegaturi lil Membri jew Imsiebħa oħra tal-EURES.

2.   L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jappoġġa l-iżvilupp ta' informazzjoni bażika skont dan l-Artikolu u għandu jassisti lill-Istati Membri fl-iżgurar ta' kopertura lingwistika adegwata, b'kont meħud tat-talbiet tas-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri.

Artikolu 23

Servizzi ta' appoġġ għall-ħaddiema

1.   Il-Membri tal-EURES u, fejn rilevanti l-Imsiebħa tal-EURES għandhom joffru, mingħajr dewmien mhux dovut, lill-ħaddiema li qed ifittxu impjieg l-opportunità li jaċċessaw is-servizzi msemmijin fil-paragrafi 2 u 3.

2.   Fuq talba tal-ħaddiem, il-Membri tal-EURES u, fejn rilevanti, is-Sħab tal-EURES ikkonċernati, għandhom jipprovdu informazzjoni u gwida dwar opportunitajiet individwali ta' impjieg u b'mod partikolari joffru lill-ħaddiem is-servizzi li ġejjin:

(a)

jipprovdu jew jirreferu għal informazzjoni ġenerali dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u għajxien fil-pajjiż destinatarju;

(b)

jagħtu assistenza u gwida biex tinkiseb l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(4);

(c)

fejn adatt, jipprovdu assistenza fit-tfassil tal-applikazzjonijiet għax-xogħol u CVs biex jiżguraw konformità mal-istandards u l-formati tekniċi Ewropej imsemmija fl-Artikolu 17(8) u fl-Artikolu 19(6) u billi jtellgħu tali applikazzjoni għax-xogħol u CVs fuq il-portal tal-EURES;

(d)

fejn adatt, iqisu kollokament possibbli fl-Unjoni bħala parti minn pjan ta' azzjoni individwali jew biex jiġi appoġġat l-abbozzar ta' pjan ta' mobbiltà individwali bħala mezz biex jinstab kollokament fl-Unjoni;

(e)

meta xieraq, jirreferu lill-ħaddiem għand Membru jew Imsieħeb ieħor tal-EURES.

3.   Fuq talba raġonevoli tal-ħaddiem, il-Membri tal-EURES u, fejn rilevanti, l-Imsieħba tal-EURES għandhom jipprovdu aktar għajnuna fit-tfittix ta' impjieg u servizzi addizzjonali oħrajn, b'kont meħud tal-ħtiġijiet tal-ħaddiem.

Artikolu 24

Servizzi ta' appoġġ għall-impjegaturi

1.   Il-Membri tal-EURES u, fejn rilevanti l-Imsieħba tal-EURES għandhom joffru, mingħajr dewmien mhux dovut, lill-impjegaturi, li jkunu interessati fir-reklutaġġ ta' ħaddiema minn Stati Membri oħra, l-opportunità li jaċċessaw is-servizzi msemmijin fil-paragrafi 2 u 3.

2.   Fuq talba ta' impjegatur, il-Membri tal-EURES u, fejn rilevanti, l-Imsieħba tal-EURES ikkonċernati għandhom jipprovdu informazzjoni u gwida dwar opportunitajiet ta' reklutaġġ u b'mod partikolari joffrulhom is-servizzi li ġejjin:

(a)

li jipprovdu informazzjoni dwar regoli speċifiċi marbutin mar-reklutaġġ minn Stat Membru ieħor u dwar fatturi li jistgħu jiffaċilitaw tali reklutaġġ;

(b)

fejn adatt, li jipprovdu informazzjoni dwar u assistenza fil-formulazzjoni ta' rekwiżiti ta' impjieg individwali b'rabta ma' post tax-xogħol battal u biex tiġi żgurata l-konformità tagħha mal-istandards u l-formati tekniċi Ewropej imsemmija fl-Artikoli 17(8) u fl-Artikolu 19(6).

3.   Fejn impjegatur jitlob iktar assistenza u hemm probabilità raġonevoli ta' reklutaġġ fl-Unjoni, il-Membri tal-EURES jew, fejn rilevanti, l-Imsieħba tal-EURES għandhom jipprovdu aktar assistenza u servizzi addizzjonali, b'kont meħud tal-ħtiġijiet tal-impjegatur.

Fejn mitlub, il-Membri tal-EURES jew, fejn rilevanti, l-Imsieħba tal-EURES għandhom jipprovdu gwida individwali dwar il-formulazzjoni ta' rekwiżiti għal postijiet tax-xogħol battala.

Artikolu 25

Assistenza wara r-reklutaġġ

1.   Il-Membri tal-EURES u, fejn rilevanti, l-Imsieħba tal-EURES, fuq talba tal-ħaddiem jew tal-impjegatur għandhom jipprovdu:

(a)

informazzjoni ġenerali dwar l-assistenza wara r-reklutaġġ bħal taħriġ dwar komunikazzjoni interkulturali, korsijiet tal-lingwa u appoġġ fl-integrazzjoni, inkluż informazzjoni ġenerali dwar opportunitajiet ta' impjieg għall-membri tal-familji tal-ħaddiema.

(b)

fejn possibbli, id-dettalji ta' kuntatt tal-organizzazzjonijiet li joffru l-assistenza wara r-reklutaġġ.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21(4), il-Membri u l-Imsieħba tal-EURES li jipprovdu direttament assistenza wara r-reklutaġġ lill-ħaddiema jew lill-impjegaturi jistgħu jagħmlu dan billi jħallsu tariffa.

Artikolu 26

Aċċess iffaċilitat għall-informazzjoni dwar it-taxxa, kwistjonijiet relatati mal-kuntratti tax-xogħol, l-intitolament għall-pensjoni, l-assigurazzjoni medika, is-sigurtà soċjali u l-miżuri attivi favur is-suq tax-xogħol

1.   Fuq talba tal-ħaddiem jew tal-impjegatur, il-Membri tal-EURES u, fejn rilevanti, l-Imsieħba tal-EURES għandhom jirreferu t-talbiet għal informazzjoni speċifika dwar id-drittijiet relatati mas-sigurtà soċjali, miżuri attivi favur is-suq tax-xogħol, taxxa, kwistjonijiet relatati mal-kuntratti tax-xogħol, intitolamenti tal-pensjoni u assigurazzjoni medika lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u, jekk applikabbli, lil korpi xierqa oħrajn fil-livell nazzjonali li jappoġġaw lill-ħaddiema fl-eżerċizzju ta' drittijiethom fil-kuntest tal-libertà tal-moviment, inkluż dawk imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/54/UE.

2.   Għall-fini tal-paragrafu 1, l-NCOs għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti fil-livell nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 27

Servizzi ta' appoġġ f'reġjuni transkonfinali

1.   Fejn, f'reġjuni transkonfinali, il-Membri jew l-Imsieħba tal-EURES jipparteċipaw fi strutturi speċifiċi ta' kooperazzjoni u ta' servizz, bħas-sħubijiet transkonfinali, huma għandhom jipprovdu lill-ħaddiema u l-impjegaturi tal-fruntiera b'informazzjoni marbuta mas-sitwazzjoni speċifika tal-ħaddiema tal-fruntiera u li tkun rilevanti għall-impjegaturi f'tali reġjuni.

2.   Il-kompiti tas-sħubijiet transkonfinali tal-EURES jistgħu jinkludu servizzi ta' kollokament u reklutaġġ, il-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti u t-twettiq ta' attivitajiet rilevanti għall-mobilità transkonfinali, inkluż informazzjoni u gwida lil ħaddiema tal-fruntiera, b'enfasi speċifika fuq servizzi multilingwi.

3.   Organizzazzjonijiet minbarra Membri u l-Imsieħba tal-EURES li jipparteċipaw fl-istrutturi msemmija fil-paragrafu 1 m'għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parti min-netwerk tal-EURES għar-raġuni li huma jipparteċipaw f'dawk l-istrutturi.

4.   Fir-reġjuni transkonfinali msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jaraw li jiżviluppaw soluzzjonijiet ta' one stop shop biex jipprovdu informazzjoni lill-ħaddiema u lill-impjegaturi tal-fruntiera.

Artikolu 28

Aċċess għal miżuri attivi favur is-suq tax-xogħol

Stat Membru ma għandux jillimita l-aċċess għal miżuri attivi nazzjonali favur is-suq tax-xogħol li jipprovdu lill-ħaddiema b'assistenza fit-tiftix ta' impjieg għas-sempliċi raġuni li ħaddiem ikun qed ifittex dik l-assistenza sabiex isib xogħol fit-territorju ta' Stat Membru ieħor.

KAPITOLU V

SKAMBJU TA' INFORMAZZJONI U ĊIKLU TA' PROGRAMMAZZJONI

Artikolu 29

Skambju ta' informazzjoni dwar flussi u xejriet

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iwettqu monitoraġġ u jippublikaw il-flussi u x-xejriet marbutin mal-mobilità tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni abbażi ta' statistika tal-Eurostat u d-data nazzjonali disponibbli.

Artikolu 30

Skambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri

1.   Kull Stat Membru għandu, b'mod partikolari, jiġbor u janalizza informazzjoni disaggregata skont is-sess dwar:

(a)

in-nuqqasijiet u l-eċċess ta' ħaddiema fi swieq tax-xogħol nazzjonali u settorjali, b'attenzjoni speċjali fuq il-gruppi l-aktar vulnerabbli tas-suq tax-xogħol u r-reġjuni l-aktar affettwati mill-qgħad;

(b)

l-attivitajiet tal-EURES fil-livell nazzjonali u, fejn xieraq, fil-livell transkonfinali.

2.   L-NCOs għandhom ikunu responsabbli għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni disponibbli fi ħdan in-netwerk tal-EURES u l-kontribuzzjoni għall-analiżi konġunta.

3.   L-Istati Membri għandhom iwettqu l-programmazzjoni msemmija fl-Artikolu 31, b'kont meħud tal-iskambju ta' informazzjoni u l-analiżi konġunta msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu.

4.   L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jagħmel arranġamenti prattiċi biex jitħaffu l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-NCOs u l-iżvilupp ta' analiżi konġunta.

Artikolu 31

Programmazzjoni

1.   L-NCOs għandhom ifasslu programmi nazzjonali ta' ħidma fuq bażi annwali għall-attivitajiet tan-netwerk tal-EURES fl-Istati Membri tagħhom.

2.   Il-programmi nazzjonali annwali ta' ħidma għandu jispeċifika:

(a)

l-attivitajiet ewlenin li għandhom jitwettqu fi ħdan in-Netwerk tal-EURES, fil-livell nazzjonali b'mod globali, u fejn xieraq, fil-livell transkonfinali;

(b)

ir-riżorsi umani u finanzjarji globali allokati għall-implimentazzjoni tagħhom;

(c)

l-arranġamenti għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet ippjanati, u, fejn meħtieġ, għall-aġġornament tagħhom.

3.   L-NCOs u l-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandhom jingħataw l-opportunità li jirrieżaminaw flimkien l-abbozzi ta' programmi nazzjonali ta' ħidma kollha. Mal-finalizzazzjoni ta' dak ir-rieżami, il-programmi nazzjonali ta' ħidma għandhom jiġu adottati mill-NCOs rispettivi.

4.   Ir-rappreżentanti tas-sħab soċjali fil-livell tal-Unjoni li jieħdu sehem fil-Grupp ta' Koordinazzjoni għandhom jingħataw l-opportunità li jikkummentaw dwar l-abbozz tal-programmi ta' ħidma nazzjonali.

5.   Permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-mudelli u l-proċeduri neċessarji għall-iskambju ta' informazzjoni dwar il-programmi ta' ħidma nazzjonali fil-livell tal-Unjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom ikunu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 37(2).

Artikolu 32

Ġbir ta' data u analiżi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li hemm proċeduri fis-seħħ għall-ġbir ta' data dwar l-oqsma li ġejjin fl-attività tal-EURES imwettqin fil-livell nazzjonali:

(a)

l-informazzjoni u l-gwida mogħtija min-Netwerk tal-EURES abbażi tal-għadd ta' kuntatti li dawk li jittrattaw il-każijiet, fi ħdan il-Membri u l-Imsieħba tal-EURES, għandhom ma' ħaddiema u ma' impjegaturi;

(b)

il-prestazzjoni fil-qasam tal-impjiegi, inkluż il-kollokament u reklutaġġ li jirriżultaw minn attività tal-EURES, abbażi tal-għadd ta' postijiet tax-xogħol battala, applikazzjonijiet għax-xogħol, CVs ittrattati u pproċessati minn dawk li jittrattaw il-każijiet fi ħdan il-Membri u l-Imsieħba tal-EURES u n-numru ta' ħaddiema reklutati fi Stat Membru ieħor skont dan, kif inhu magħruf minn dawk li jittrattaw il-każijiet jew, fejn disponibbli, abbażi ta' stħarriġ;

(c)

is-sodisfazzjon tal-klijenti bin-netwerk tal-EURES, miksuba fost l-oħrajn permezz tal-użu ta' stħarriġ.

2.   L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jkun responsabbli mill-ġbir ta' data fuq il-portal tal-EURES u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni dwar l-approvazzjoni skont dan ir-Regolament.

3.   Abbażi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u fi ħdan l-oqsma tal-attività tal-EURES speċifikati f'dak il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, speċifikazzjonijiet dettaljati uniformi għall-ġbir u l-analiżi tad-data sabiex jiġi mmonitorjat u evalwat il-funzjonament tan-netwerk tal-EURES. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom ikunu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 37(3).

4.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 36 biex timmodifika l-oqsma speċifikati fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jew iżżid ma' dak il-paragrafu oqsma oħra tal-attività tal-EURES li saru fuq livell nazzjonali fi ħdan il-qafas ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 33

Rapporti dwar l-attività tal-EURES

Filwaqt li tikkunsidra l-informazzjoni miġbura kif imsemmi f'dan il-Kapitolu, il- Kummissjoni għandha, kull sentejn, tippreżenta rapport dwar l-attività tal-EURES lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Sa meta jiġi ppreżentat ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 35, ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dan l-Artikolu għandu jinkludi deskrizzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 34

Protezzjoni ta' data personali

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament għandhom jitwettqu skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta' data personali, b'mod partikolari d-Direttiva 95/46/KE u l-miżuri nazzjonali ta' implimentazzjoni relatati magħha, kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 35

Evalwazzjoni ex-post

Sa 13 ta' Mejju 2021, il- Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport ta' evalwazzjoni ex-post dwar it-tħaddim u l-effetti ta' dan ir-Regolament.

Dak ir-rapport jista' jkun akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi li jemendaw dan ir-Regolament.

Artikolu 36

Eżerċizzju tad-delega

1.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni ssegwi l-prassi abitwali tagħha u twettaq konsultazzjonijiet ma' esperti, inklużi esperti tal-Istati Membri, qabel ma tadotta dawk l-atti delegati.

2.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 32(4) għal perijodu ta' ħames snin minn 12 ta' Mejju 2016. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tkun estiża b'mod taċitu għal perijodi ta' tul ta' żmien identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 32(4) tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 32(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun tqajmet l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jagħlaq dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 37

Proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat “EURES” stabbilit permezz ta' dan ir-Regolament. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament UE Nru 182/2011.

3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament UE Nru 182/2011.

Artikolu 38

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1296/2013

(1)   Ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 huwa emendat kif ġej:

(a)

L-Artikolu 23 hu mħassar.

(b)

Fl-Artikolu 24, il-paragrafu 2 hu sostitwit b'dan li ġej:

(1)“2.   L-assi EURES għandu jkun miftuħ għall-korpi, l-atturi u l-istituzzjonijiet kollha maħtura minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fil-EURES, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*). Dawn il-korpi, l-atturi u l-istituzzjonijiet għandhom jinkludu b'mod partikolari:

(a)

l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali;

(b)

is-servizzi ta' impjieg;

(c)

l-organizzazzjonijiet l-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħra.

(*)  Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' April 2016 dwar netwerk Ewropew ta' servizzi tal-impjiegi (EURES), aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta' mobilità u integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol u li jemenda Regolamenti (UE) Nru 492/2011 u (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 107, 22.4.2016, p. 1).”"

(2)   Referenzi għad-dispożizzjoniji mħassra, kif imsemmija fil-punt (1)(a), għandhom jitqiesu bħala referenzi għall-Artikolu 29 ta' dan ir-Regolament.

(3)   Il-punt (1)(b) ta' dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjonijiet ippreżentati għal finanzjament skont ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 qabel 12 ta' Mejju 2016.

Artikolu 39

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 492/2011

(1)   Ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 huwa emendat kif ġej:

(a)

L-Artikoli 11 u 12, l-Artikolu 13(2), l-Artikoli 14 sa 20 u l-Artikolu 38 huma mħassra.

(b)

L-Artikolu 13(1) huwa mħassar b'effett minn 13 ta' Mejju 2018.

(2)   Referenzi għad-dispożizzjonijiet imħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw f'konformità mat-tabella ta' korrelazzjoni stipulata fl-Anness II.

Artikolu 40

Dispożizzjonijiet ta' transizzjoni

L-organizzazzjonijiet li huma maħtura bħala “Msiebħa tal-EURES” f'konformità mal-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/733/UE jew li jipprovdu servizzi limitati bħala “Msieħba Assoċjati tal-EURES” f'konformità mal-Artikolu 3(d) ta' dik id-Deċiżjoni fi 12 ta' Mejju 2016 jistgħu, b'deroga mill-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament, jieħdu sehem bħala Membri tal-EURES kif stipulat fl-Artikolu 7(1)(c)(ii) ta' dan ir-Regolament jew bħala Msieħba tal-EURES kif stipulat fl-Artikolu 7(1)(d) ta' dan ir-Regolament, sa 13 ta' Mejju 2019, dment li jintrabtu li jissodisfaw l-obbligi rilevanti skont dan ir-Regolament. Meta waħda minn dawn l-organizzazzjonijiet tkun tixtieq tieħu sehem bħala Msieħeb tal-EURES, hija għandha tinnotifika lill-NCOs bil-kompiti li tkun ser twettaq f'konformità mal-Artikolu 11(4) ta' dan ir-Regolament. L-NCO rilevanti għandu jinforma lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni b'dan. Wara l-iskadenza tal-perijodu ta' transizzjoni, dawk l-organizzazzjonijiet konċernati jistgħu, sabiex jibqgħu fin-netwerk tal-EURES, jippreżentaw applikazzjoni għal dak l-għan f'konformità mal-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 41

Dħul fis-seħħ

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-Artikolu 12(3) u l-Artikolu 17(1) sa (7) għandhom japplikaw minn 13 ta' Mejju 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta' April 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

J.A. HENNIS-PLASSCHAERT


(1)  ĠU C 424, 26.11.2014, p. 27.

(2)  ĠU C 271, 19.8.2014, p. 70.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2016.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 141, 27.5.2011, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/733/UE tas-26 ta' Novembru 2012 li timplimenta r-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-approvazzjoni ta' postijiet tax-xogħol battala u applikazzjonijiet għall-impjieg u l-istabbiliment mill-ġdid tal-EURES (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 21).

(6)  Ara b'mod partikolari sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' Lulju 1986, Deborah Lawrie-Blum v Land Baden-Württemberg, C 66/85, ECLI:EU:C:1986:284, paragrafi 16 u 17, tal-21 ta' Ġunju 1988, Steven Malcolm Brown v The Secretary of State for Scotland, C 197/86, ECLI:EU:C:1988: 323, paragrafu 21, u tal-31 ta' Mejju 1989, I. Bettray v Staatssecretaris van Justitie, C-344/87, ECLI:EU:C:1989:226, paragrafi 15 u 16.

(7)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Novembru 2002, Bülent Kurz, né Yüce v Land Baden-Württemberg, C-188/00, ECLI:EU:C:2002:694.

(8)  Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Frar 1992, M. J. E. Bernini v Minister van Onderwijs en Wetenschappe, C-3/90, ECLI:EU:C:1992:89 u tas-17 ta' Marzu 2005, Karl Robert Kranemann v Land Nordrhein-Westfalen, Karl Robert Kranemann v Land Nordrhein-Westfalen, C-109/04, ECLI:EU:C:2005:187.

(9)  Ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' Ġunju 1986, R. H. Kempf vs Staatssecretaris van Justitie, C-139/85, ECLI:EU:C:1986:223, paragrafu 13.

(10)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Frar 1991, The Queen v Immigration Appeal Tribunal, ex parte Gustaff Desiderius Antonissen, C-292/89, ECLI:EU:C:1991:80.

(11)  ĠU C 88, 27.3.2014, p. 1.

(12)  Id-Deċiżjoni Nru 573/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) (ĠU L 159, 28.5.2014, p. 32).

(13)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta' Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU L 78, 24.3.2009, p. 1).

(14)  Id-Direttiva 2014/54/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ĠU L 128, 30.4.2014, p. 8).

(15)  Ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (“EaSI”) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament — Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali, (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 238).

(16)  Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).

(17)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(18)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(19)  ĠU C 222, 12.7.2014, p. 5.

(20)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


ANNESS I

Kriterji minimi komuni

(kif imsemmija fl-Artikoli 10(2) u 11(2))

Taqsima 1   GĦOTI TA' SERVIZZ

1.

L-impenn sabiex ikun hemm fis-seħħ mekkaniżmi u proċeduri adegwati biex jiġi vverifikat u żgurat li l-istandards tax-xogħol u r-rekwiżiti legali applikabbli jiġu rrispettati b'mod sħiħ, b'kont meħud ta' kwalunkwe sistema ta' liċenzjar u skema ta' awtorizzazzjoni għas-servizzi ta' impjieg eżistenti li mhijiex il-PES meta jkunu qed jingħataw is-servizzi, inkluż il-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data u, fejn applikabbli, ir-rekwiżiti u l-istandards dwar il-kwalità tad-data dwar il-postijiet tax-xogħol battala.

2.

Il-ħila u l-kapaċità evidenzjata li jingħataw servizzi marbutin mal-approvazzjoni, servizzi ta' appoġġ, jew it-tnejn, kif imsemmi f'dan ir-Regolament.

3.

Il-ħila li jingħataw servizzi b'mezz jew mezzi li huma aktar faċilment aċċessibbli, tal-inqas b'sit tal-internet/website aċċessibbli tal-organizzazzjoni.

4.

Il-ħila u l-kapaċità li jirreferu lill-ħaddiema u lill-impjegaturi lil Membri u Msieħba tal-EURES u/jew korpi oħrajn b'kompetenza esperta b'rabta mal-moviment liberu tal-ħaddiema.

5.

Il-konferma ta' adeżjoni mal-prinċipju ta' servizzi ta' appoġġ bla ħlas għall-ħaddiema f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(3).

Taqsima 2   PARTEĊIPAZZJONI FIN-NETWERK TAL-EURES

1.

Il-ħila u l-impenn li tiġi żgurata kunsinna fil-ħin u affidabbli tad-data kif imsemmi fl-Artikolu 12(6).

2.

L-impenn ta' konformità mal-istandards u l-formati tekniċi għall-approvazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni skont dan ir-Regolament.

3.

Il-ħila u l-impenn li jingħata kontribut għall-programmazzjoni u r-rapportar lill-NCO kif ukoll li tingħata informazzjoni lill-NCO dwar l-għoti u l-prestazzjoni tas-servizz skont dan ir-Regolament.

4.

L-eżistenza ta' jew l-impenn li tiġi żgurata l-allokazzjoni ta' riżorsi umani adatti għall-kompiti rispettivi li jridu jitwettqu.

5.

L-impenn li jiġu żgurati standards ta' kwalità mill-persunal u r-reġistrazzjoni tal-persunal għall-moduli rilevanti tal-programm ta' taħriġ komuni kif imsemmi fil-punt (a)(iii) tal--Artikolu 8(1).

6.

L-impenn biex t-trade mark tal-EURES jintuża biss għal servizzi u attivitajiet relatati man-netwerk tal-EURES.


ANNESS II

Tabella ta' korrelazzjoni

Regolament (UE) Nru 492/2011

Dan ir-Regolament

Artikolu 11(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 30(1), punt (a)

Artikolu 11(1), it-tieni subpragrafu

Artikolu 9(2), punti (b) u (d), u 9(3) u Artikolu 13

Artikolu 11(2)

Artikoli 9 u 10

Artikolu 12(1)

Artikolu 12(2)

Artikolu 12(3), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 9(4)

Artikolu 12(3), it-tieni subparagrafu

Artikolu 18(1) u (2)

Artikolu 13(1)

Artikolu 12(3) u Artikolu 17(1) sa 17(6)

Artikolu 13(2)

Artikolu 17 (7) sa 17(8)

Artikolu 14(1)

Artikolu 14(2)

Artikolu 14(3)

Artikolu 15(1)

Artikolu 10(1) u 10(2), Artikolu 12(1) sa 12(3) u Artikolu 13

Artikolu 15(2)

Artikolu 9(3), punt (a), u Artikolu10(1)

Artikolu 16

Artikolu 17(1)

Artikolu 30

Artikolu 17(2)

Artikolu 16(6)

Artikolu 17(3)

Artikolu 33

Artikolu 18

Artikolu 7(1), punt (a)

Artikolu 19(1)

Artikolu 8

Artikolu 19(2)

Artikolu 20

Artikolu 8(1), punt (a) (iii) u (v), u Artikolu 9(3), punt (b)

Artikolu 38