12.4.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 96/20 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/559
tal-11 ta' April 2016
li jawtorizza ftehimiet u deċiżjonijiet dwar l-ippjanar tal-produzzjoni fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 222 tiegħu,
Billi:
(1) |
Is-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib qed jesperjenza perjodu mtawwal ta' żbilanċ serju fis-suq. Il-prezzijiet tal-ħalib mal-ħruġ mill-azjenda agrikola ilhom taħt pressjoni għal dawn l-aħħar 18-il xahar, minħabba żbilanċ bejn iż-żieda fil-produzzjoni u t-tnaqqis fir-ritmu fit-tkabbir tad-domanda fis-suq dinji. Fl-2015 il-konsenji tal-ħalib fl-Unjoni żdiedu b'aktar minn tliet miljun u nofs tunnellata, filwaqt li d-domanda għall-importazzjoni fis-suq dinji ma żdiditx. Din iż-żieda hija mibnija fuq żieda saħansitra ikbar fil-konsenji tal-ħalib fl-2014, filwaqt li x-xejra fit-tul fid-domanda tal-importazzjoni hija stmata li tinvolvi l-ekwivalenti ta' miljun u nofs tunnellata ħalib aktar bħala medja għal kull sena. Il-marġini fil-livell tal-azjenda agrikola jinsabu marsusin bejn it-tnaqqis tad-dħul tal-ħalib u ż-żieda fl-ispejjeż, b'mod partikolari dawk marbuta mal-manutenzjoni tad-djun. Minħabba n-natura fit-tul tal-investimenti f'merħliet li jipproduċu l-ħalib huwa partikolarment diffiċli għall-bdiewa biex jibdlu malajr għal negozji alternattivi f'ċirkostanzi avversi. |
(2) |
Il-Kummissjoni diġà ħadet għadd ta' miżuri eċċezzjonali biex tindirizza s-sitwazzjoni abbażi tal-Artikolu 219 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) Nru 949/2014 (2), (UE) Nru 950/2014 (3), (UE) Nru 1263/2014 (4), (UE) Nru 1336/2014 (5), (UE) Nru 1370/2014 (6), (UE) 2015/1549 (7), (UE) 2015/1852 (8) u (UE) 2015/1853 (9). |
(3) |
It-trab tal-ħalib xkumat ilu jinxtara b'xiri sfurzat b'intervent pubbliku minn Lulju 2015. |
(4) |
L-għajnuna għall-ħżin privat tal-butir, tat-trab tal-ħalib xkumat u tal-ġobon ngħatat mill-introduzzjoni tal-projbizzjoni Russa fuq l-importazzjonijiet f'Awwissu 2014. |
(5) |
Minkejja l-effettività ta' dawk il-miżuri, is-sitwazzjoni qed tkompli sejra għall-agħar minħabba l-fatt li l-għeluq tas-suq Russu u d-domanda baxxa miċ-Ċina laqtu s-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib fi żmien fejn laħqu saru investimenti fil-produzzjoni fid-dawl tal-iskadenza tal-kwota tal-ħalib fil-31 ta' Marzu 2015 u ta' prospetti pożittivi fis-suq dinji. Abbażi tal-analiżi tas-suq disponibbli, fis-sentejn li ġejjin mhux mistenni li jkun hemm xi tnaqqis sinifikanti fil-volumi tal-produzzjoni. |
(6) |
Sabiex is-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib jiġi mgħejjun biex jinstab bilanċ ġdid fis-sitwazzjoni serja prevalenti tas-suq u jakkumpanja l-aġġustamenti meħtieġa wara l-iskadenza tal-kwota tal-ħalib, huwa xieraq li jitħallew isiru ftehimiet volontarji u deċiżjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, tal-assoċjazzjonijiet u tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti tagħhom biex jippjanaw il-produzzjoni fuq bażi temporanja għal perjodu ta' sitt xhur. |
(7) |
Tali ftehimiet u deċiżjonijiet dwar l-ippjanar tal-produzzjoni għandhom jiġu awtorizzati temporanjament għal sitt xhur, fl-istess żmien tar-rebbiegħa u tas-sajf, meta l-istaġun tal-produzzjoni jkun fl-aqwa tiegħu fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib u għalhekk għandu jkollhom l-aktar impatt sinifikanti. |
(8) |
F'konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 222(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, awtorizzazzjoni għandha tingħata bil-kundizzjoni li din ma tfixkilx il-funzjonament tas-suq intern u li l-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ikunu strettament immirati sabiex jistabbilizzaw is-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib. Dik il-kundizzjoni speċifika teskludi ftehimiet u deċiżjonijiet li b'mod dirett jew indirett iwasslu għal tqassim tas-swieq, għal diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità jew għal iffissar tal-prezzijiet. |
(9) |
L-awtorizzazzjoni prevista f'dan ir-Regolament għandha tkopri t-territorju tal-Unjoni peress li l-iżbilanċ serju fis-suq huwa komuni għall-Unjoni kollha. |
(10) |
Sabiex l-Istati Membri jkunu f'pożizzjoni li jivvalutaw jekk il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ifixklux il-funzjonament tas-suq intern u jekk humiex strettament immirati biex jistabbilizzaw is-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw informazzjoni dwar il-ftehimiet konklużi, id-deċiżjonijiet meħuda u dwar il-volum tal-produzzjoni kopert minnhom. |
(11) |
Minħabba l-iżbilanċ serju fis-suq u bi tħejjija għall-eqqel tal-istaġun, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu. |
(12) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 152(3)(b)(i) u 209(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti tagħhom fis-settur tal-ħalib u prodotti tal-ħalib huma hawnhekk awtorizzati li jikkonkludu ftehimiet konġunti volontarji u jieħdu deċiżjonijiet komuni dwar l-ippjanar tal-volum tal-ħalib li għandu jiġi prodott matul il-perjodu ta' sitt xhur li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ftehimiet u d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ma jfixklux il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u jkunu strettament immirati lejn l-istabbilizzazzjoni tas-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib.
Artikolu 3
L-ambitu ġeografiku ta' din l-awtorizzazzjoni huwa t-territorju tal-Unjoni.
Artikolu 4
1. Hekk kif il-ftehimiet jew id-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 jiġu konklużi jew meħuda, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali kkonċernati għandhom jikkomunikaw dawk il-ftehimiet jew deċiżjonijiet lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li għandu l-ogħla proporzjon tal-volum stmat tal-produzzjoni tal-ħalib kopert minn dawk il-ftehimiet jew deċiżjonijiet, billi jindikaw dan li ġej:
(a) |
il-volum tal-produzzjoni stmat kopert; |
(b) |
il-perjodu ta' żmien għall-implimentazzjoni mistenni. |
2. Sa mhux aktar tard minn 25 jum wara t-tmiem il-perjodu ta' sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 1, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet interprofessjonali kkonċernati għandhom jikkomunikaw il-volum tal-produzzjoni attwalment kopert mill-ftehimiet jew mid-deċiżjonijiet lill-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.
3. F'konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (10) l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dan li ġej:
(a) |
sa mhux aktar tard minn ħamest ijiem wara tmiem kull xahar, il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ikkomunikati lilhom f'konformità mal-paragrafu 1 matul dak il-perjodu; |
(b) |
sa mhux aktar tard minn 30 jum wara tmiem il-perjodu ta' sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 1, ħarsa ġenerali lejn il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet implimentati matul dak il-perjodu. |
Artikolu 5
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta' April 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 949/2014 tal-4 ta' Settembru 2014 li jistabbilixxi miżuri temporanji eċċezzjonali għas-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib fil-forma ta' estensjoni tal-perjodu tal-intervent pubbliku għall-butir u t-trab tal-ħalib xkumat fl-2014 (ĠU L 265, 5.9.2014, p. 21).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 950/2014 tal-4 ta' Settembru 2014 li jiftaħ skema temporanja eċċezzjonali ta' għajnuna għall-ħżin privat ta' ċerti ġobnijiet u jiffissa bil-quddiem l-ammont ta' għajnuna (ĠU L 265, 5.9.2014, p. 22).
(4) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1263/2014 tas-26 ta' Novembru 2014 li jistipula għajnuna temporanja eċċezzjonali lill-produtturi tal-ħalib fl-Estonja, fil-Latvja u fil-Litwanja (ĠU L 341, 27.11.2014, p. 3).
(5) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1336/2014 tas-16 ta' Diċembru 2014 li jistabbilixxi miżuri temporanji eċċezzjonali għas-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib fil-forma ta' avvanzar tal-perjodu ta' intervent pubbliku għall-butir u għat-trab tal-ħalib xkumat għall-2015 (ĠU L 360, 17.12.2014, p. 13).
(6) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1370/2014 tad-19 ta' Diċembru 2014 li jistipula għajnuna temporanja eċċezzjonali lill-produtturi tal-ħalib fil-Finlandja (ĠU L 366, 20.12.2014, p. 18).
(7) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1549 tas-17 ta' Settembru 2015 li jistabbilixxi miżuri temporanji eċċezzjonali għas-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib fil-forma tal-estensjoni tal-perjodu ta' intervent pubbliku għall-butir u għat-trab tal-ħalib xkumat għall-2015 u l-avvanzar tal-perjodu ta' intervent pubbliku għall-butir u t-trab tal-ħalib xkumat fl-2016 (ĠU L 242, 18.9.2015, p. 28).
(8) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1852 tal-15 ta' Ottubru 2015 li jiftaħ skema temporanja eċċezzjonali ta' għajnuna għall-ħżin privat ta' ċerti ġobnijiet u li jiffissa bil-quddiem l-ammont ta' għajnuna (ĠU L 271, 16.10.2015, p. 15).
(9) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1853 tal-15 ta' Ottubru 2015 li jipprevedi għajnuna temporanja eċċezzjonali lill-bdiewa fis-setturi tal-bhejjem (ĠU L 271, 16.10.2015, p. 25).
(10) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta' Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3).