12.4.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 96/3 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/556
tal-11 ta' April 2016
li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011 tat-12 ta' April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fit-12 ta' April 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 359/2011. |
(2) |
Abbażi ta' rieżami tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK (2), il-Kunsill iddeċieda li l-miżuri restrittivi stabbiliti fiha għandhom jiġġeddu sat-13 ta' April 2017. |
(3) |
Il-Kunsill ikkonkluda wkoll li l-entrati li jikkonċernaw ċerti persuni inklużi fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011 għandhom jiġu aġġornati. |
(4) |
Barra minn hekk, ma baqax raġunijiet għalfejn żewġ persuni jinżammu fuq il-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011, u għalhekk l-entrati li jikkonċernawhom għandhom jitħassru. |
(5) |
L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011 huwa emendat kif stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fil-Lussemburgu, il-11 ta' April 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
M.H.P. VAN DAM
(1) ĠU L 100, 14.4.2011, p. 1.
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK tat-12 ta' April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (ĠU L 100, 14.4.2011, p. 51).
ANNESS
(1)
L-entrati għall-persuni li ġejjin għandhom jitħassru mil-lista li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011:
5. |
HAMEDANI Hossein |
71. |
SHARIFI Malek Ajdar |
(2)
L-entrati għall-persuni li ġejjin kif jinsabu fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011 huma sostitwiti bl-entrati li ġejjin:Persuni
|
Isem |
Informazzjoni ta' identifikazzjoni |
Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
1. |
AHMADI- MOQADDAM Esmail |
Post tat-twelid: Tehran (Iran) – Data tat-twelid: 1961 |
Konsulent Għoli għall-Affarijiet ta' Sigurtà mal-Kap tal-Persunal Ġenerali tal-Forzi Armati. Eks Kap tal-Pulizija Nazzjonali tal-Iran sa kmieni fl-2015. Il-forzi taħt il-kmand tiegħu wettqu attakki brutali fuq protesti paċifiċi, u attakk vjolenti mal-lejl fuq id-dormitorji tal-Università ta' Tehran fil-15 ta' Ġunju 2009. |
|
2. |
ALLAHKARAM Hossein |
Post tat-twelid: Najafabad (Iran) – Data tat-Twelid: 1945 |
Kap tal-Ansar-e Hezbollah u Kurunell fl-IRGC. Huwa kofundatur tal-Ansar-e Hezbollah. Taħt it-tmexxija tiegħu, din il-forza paramilitari kienet responsabbli għal vjolenza estrema waqt repressjoni kontra studenti u universitajiet fl-1999, l-2002 u l-2009. |
|
4. |
FAZLI Ali |
|
Viċi Kmandant tal-Basij, eks Kap tal-Korp Seyyed al-Shohada tal-IRGC, Provinċja ta' Tehran (sa Frar 2010). Il-Korp Seyyed al-Shohada huwa inkarigat mis-sigurtà fil-provinċja ta' Tehran u kellu rwol prinċipali taħt ir-responsabbiltà tiegħu fir-repressjoni brutali ta' dimostranti fl-2009. |
|
8. |
MOTLAGH Bahram Hosseini |
|
Kap tal-Kmand tal-Armata u tal-Kulleġġ tal-Persunal Ġenerali (DAFOOS). Eks Kap tal-Korp Seyyed al-Shohada tal-IRGC, Provinċja ta' Tehran. Taħt ir-responsabbiltà tiegħu, il-Korp Seyyed al-Shohada kellu rwol prinċipali fl-organizzazzjoni tar-repressjoni tal-protesti. |
|
10. |
RADAN Ahmad-Reza |
Post tat-twelid: Isfahan (Iran) – Data tat-twelid: 1963 |
Inkarigat miċ-Ċentru għall-Istudji Strateġiċi tal-Forza tal-Infurzar tal-Liġi Iranjana, entità marbuta mal-Pulizija Nazzjonali. Eks Kap taċ-Ċentru għall-Istudji Strateġiċi tal-Pulizija, eks Viċi Kap tal-Pulizija Nazzjonali tal-Iran sa Ġunju 2014. Bħala Viċi Kap tal-Pulizija Nazzjonali mill-2008, Radan kien responsabbli għal swat, qtil u arresti u detenzjonijiet arbitrarji ta' dimostranti, imwettqa mill-forzi tal-pulizija. |
12.4.2011 |
14. |
SHARIATI Seyeed Hassan |
|
Konsulent u Membru tat-28 Taqsima tal-Qorti Suprema. Eks Kap tal-Ġudikatura ta' Mashhad sa Settembru 2014. Proċessi taħt is-superviżjoni tiegħu tmexxew b'mod sommarju u f'sessjonijiet magħluqa, mingħajr konformità mad-drittijiet bażiċi tal-akkużati, u kienu bbażati fuq stqarrijiet li ġew akkwistati bl-użu ta' pressjoni u tortura. Peress li nħarġu sentenzi ta' eżekuzzjoni bil-massa, inħarġu pieni kapitali mingħajr osservanza tajba ta' proċeduri ta' smigħ ġust. |
12.4.2011 |
16. |
HADDAD Hassan (psewdonimu Hassan ZAREH DEHNAVI) |
|
Viċi Uffiċjal tas-Sikurezza tal-Qorti Rivoluzzjonarja ta' Tehran. Eks Imħallef, Qorti Rivoluzzjonarja ta' Tehran, fergħa 26. Kien inkarigat mill-każijiet ta' detenzjoni relatati mal-kriżijiet ta' wara l-elezzjoni u hedded lill-familji tad-detenuti regolarment biex isikkithom. Kien strumentali fil-ħruġ ta' ordnijiet ta' detenzjoni liċ-Ċentru ta' Detenzjoni ta' Kahrizak. F'Novembru 2014, ir-rwol tiegħu fl-imwiet ta' detenuti ġiet rikonoxxuta uffiċjalment mill-awtoritajiet Iranjani. |
12.4.2011 |
17. |
SOLTANI Hodjatoleslam Seyed Mohammad |
|
Kap tal-Organizzazzjoni għall-propaganda Iżlamika fil-provinċja ta' Khorasan-Razavi. Eks Imħallef, Qorti Rivoluzzjonarja ta' Mashhad. Proċessi taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu tmexxew b'mod sommarju u f'sessjonijiet magħluqa, mingħajr konformità mad-drittijiet bażiċi tal-akkużati. Peress li nħarġu sentenzi ta' eżekuzzjoni bil-massa, inħarġu pieni kapitali mingħajr osservanza tajba ta' proċeduri ta' smigħ ġust. |
|
23. |
PIR-ABASSI Abbas |
|
Eks Imħallef, Qorti Rivoluzzjonarja ta' Tehran, fergħa 26. X'aktarx li bħalissa jinsab fi proċess ta' riassenjazzjoni għal funzjoni oħra. Kien inkarigat minn każijiet ta' wara l-elezzjoni, ħareġ sentenzi ta' priġunerija fit-tul matul proċessi inġusti kontra attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u diversi sentenzi kapitali lil dimostranti. |
12.4.2011 |
24. |
MORTAZAVI Amir |
|
Viċi Kap tal-Unità għall-Affarijiet Soċjali u l-Prevenzjoni tal-Kriminalità fil-ġudikatura fil-provinċja ta' Khorasan-Razavi. Eks Viċi Prosekutur ta' Mashhad. Proċessi taħt il-prosekuzzjoni tiegħu tmexxew b'mod sommarju u f'sessjonijiet magħluqa, mingħajr konformità mad-drittijiet bażiċi tal-akkużati. Peress li nħarġu sentenzi ta' eżekuzzjoni bil-massa, inħarġu pieni kapitali mingħajr osservanza tajba ta' proċeduri ta' smigħ ġust. |
|
26. |
SHARIFI Malek Adjar |
|
Imħallef fil-Qorti Suprema. Eks Kap tal-Ġudikatura tal-Lvant tal-Ażerbajġan. Kien responsabbli għall-proċess ta' Sakineh Mohammadi-Ashtiani. |
|
34. |
AKBARSHAHI Ali-Reza |
|
Direttur Ġenerali tal-Kwartieri Ġenerali għall-Kontroll tad-Drogi tal-Iran (magħrufa wkoll bħala l-Kwartieri Ġenerali tal-Anti-Narkotiċi). Eks Kmandant tal-Pulizija ta' Tehran. Taħt it-tmexxija tiegħu, il-forza tal-pulizija kienet responsabbli għall-użu ta' forza ekstraġudizzjarja fuq persuni suspettati waqt l-arrest u d-detenzjoni ta' qabel il-proċess. Il-pulizija ta' Tehran kienet implikata wkoll fi tfittxijiet f'dormitorji universitarji f'Tehran f'Ġunju 2009, meta skont kummissjoni Majlis Iranjana, aktar minn 100 student indarbu mill-pulizija u l-Basij. |
10.10.2011 |
40. |
HABIBI Mohammad Reza |
|
Eks Viċi Prosekutur ta' Isfahan. X'aktarx li bħalissa jinsab fi proċess ta' riassenjazzjoni għal funzjoni oħra. Kompliċi fi proċedimenti li jċaħħdu l-imputati minn proċess ġust — bħal Abdollah Fathi li ngħata l-mewt f'Mejju 2011 wara li d-dritt li jinstema' u kwistjonijiet ta' saħħa mentali tiegħu ġew injorati minn Habibi matul il-proċess tiegħu f'Marzu 2010. Huwa għalhekk kompliċi fi ksur serju tad-dritt għal proċess dovut, u kkontribwixxa għal użu eċċessiv u dejjem jiżdied tal-piena tal-mewt u għal żieda qawwija fl-eżekuzzjonijiet sa mill-bidu tal-2011. |
10.10.2011 |
43. |
JAVANI Yadollah |
Post tat-twelid: Isfahan – Data tat-Twelid: 1956 |
Konsulent tar-rappreżentant tal-Mexxej Suprem fl-IRGC. Jitkellem regolarment fil-midja bħala rappreżentant tal-fergħa riġida tar-reġim. Kien wieħed mill-ewwel uffiċjali għolja li talbu għall-arrest ta' Moussavi, Karroubi u Khatami. Appoġġa ripetutament l-użu ta' vjolenza u tattiki ħorox ta' interrogazzjoni kontra dimostranti wara l-elezzjoni (iġġustifika stqarrijiet irrekordjati fuq it-televiżjoni), inkluż ordnijiet ta' maltrattament ekstraġudizzjarju ta' dissidenti permezz ta' pubblikazzjonijiet iċċirkolati lill-IRGC u l-Basij. |
10.10.2011 |
50. |
OMIDI Mehrdad |
|
Kap tas-Servizzi tal-Intelligence fi ħdan il-Pulizija Iranjana. Eks Kap tat-Taqsima Kriminalità bil-Kompjuter tal-Pulizija Iranjana. Responsabbli għal eluf ta' investigazzjonijiet u akkużi ta' riformisti u avversarji politiċi bl-użu tal-Internet. Għaldaqstant huwa responsabbli għal ksur gravi ta' drittijiet tal-bniedem bir-repressjoni ta' persuni li jitkellmu biex jiddefendu d-drittijiet leġittimi tagħhom, inkluża l-libertà tal-espressjoni. |
10.10.2011 |
59. |
BAKHTIARI Seyyed Morteza |
Post tat-twelid: Mashad (Iran) – Data tat-Twelid: 1952 |
Uffiċjal tat-Tribunal Klerikali Speċjali. Eks Ministru għall-Ġustizzja mill-2009 sal-2013. Matul il-mandat tiegħu bħala Ministru għall-Ġustizzja, il-kondizzjonijiet fil-ħabsijiet fl-Iran waqgħu sew taħt l-istandards internazzjonali aċċettati, u kien hemm trattament ħażin estensiv ta' priġunieri. Barra minn hekk, kellu rwol ewlieni fit-theddid u l-intimidazzjoni tad-dijaspora Iranjana billi ħabbar l-istabbiliment ta' qorti speċjali biex tittratta speċifikament Iranjani li jgħixu barra l-pajjiż. Issorvelja wkoll żieda qawwija fin-numru ta' eżekuzzjonijiet fl-Iran, inklużi eżekuzzjonijiet sigrieti mhux imħabbra mill-gvern, u eżekuzzjonijiet għal reati marbuta mad-drogi. |
10.10.2011 |
61. |
MOSLEHI Heydar (Magħruf ukoll bħala: MOSLEHI Heidar; MOSLEHI Haidar) |
Post tat-twelid: Isfahan (Iran) – Data tat-Twelid: 1956 |
Konsulent tal-Ġurisprudenza Suprema tal-IRGC. Kap tal-organizzazzjoni għal pubblikazzjonijiet dwar ir-rwol tal-kleru fi gwerra. Eks Ministru tal-Intelligence (2009-2013). Taħt it-tmexxija tiegħu, il-Ministeru għall-Intelligence kompla l-prassi ta' detenzjoni arbitrarja u persekuzzjoni estensiva ta' dimostranti u dissidenti. Il-Ministeru għall-Intelligence jmexxi s-Sala 209 tal-Ħabs ta' Evin, fejn ħafna attivisti qed jinżammu minħabba l-attivitajiet paċifiċi tagħhom ta' oppożizzjoni għall-gvern. Interrogaturi mill-Ministeru għall-Intelligence issoġġettaw lill-priġunieri fis-Sala 209 għal swat u abbużi mentali u sesswali. |
10.10.2011 |
62. |
ZARGHAMI Ezzatollah |
Post tat-twelid: Dezful (Iran) – Data tat-Twelid: 22 ta' Lulju 1959 |
Membru tal-Kunsill Suprem għaċ-Ċiberspazju u tal-Kunsill għar-Rivoluzzjoni Kulturali. Eks Kap tal-Islamic Republic of Iran Broadcasting (IRIB) sa Novembru 2014. Taħt it-tmexxija tiegħu fl-IRIB, kien responsabbli għad-deċiżjonijiet kollha ta' programmazzjoni. L-IRIB xandar konfessjonijiet furzati ta' detenuti u serje ta' “proċessi finta” f'Awwissu 2009 u f'Diċembru 2011. Dawn jikkostitwixxu ksur ċar tad-dispożizzjonijiet internazzjonali dwar proċess legali ġust u d-dritt għal proċess dovut. |
23.3.2012 |
63. |
TAGHIPOUR Reza |
Post tat-twelid: Maragheh (Iran) – Data tat-Twelid: 1957 |
Membru tal-Kunsill Suprem għaċ-Ċiberspazju. Membru tal-Kunsill Muniċipali ta' Tehran. Eks Ministru għall-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (2009-2012). Bħala Ministru għall-Informazzjoni, kien wieħed mill-ogħla uffiċjali inkarigati miċ-ċensura u l-kontroll tal-attivitajiet fuq l-Internet u kif ukoll ta' kull tip ta' komunikazzjoni (b'mod partikolari telefowns ċellulari). Matul l-interrogazzjonijiet ta' detenuti politiċi, l-interrogaturi jużaw id-data, l-emails u l-komunikazzjonijiet personali tad-detenuti. F'diversi okkażjonijiet wara l-elezzjoni presidenzjali tal-2009 u matul id-dimostrazzjonijiet fit-toroq, il-linji tat-telefowns ċellulari u s-servizzi tal-sms ġew imblukkati, il-kanali tat-TV bis-satellita ġew iġġammjati l-Internet ġie sospiż lokalment jew mill-inqas tnaqqsitlu r-rapidità. |
23.3.2012 |
64. |
KAZEMI Toraj |
|
Kap taċ-Ċentru għall-Investigazzjoni tal-Kriminalità Organizzata, deżinjat mill-UE (magħruf ukoll bħala: Uffiċċju taċ-Ċiberkriminalità jew tal-Pulizija Ċibernetika) F'din il-kapaċità, nieda kampanja għar-reklutaġġ ta' hackers tal-gvern sabiex jikkontrolla aħjar l-informazzjoni fuq l-Internet u jattakka siti “perikolużi”. |
23.3.2012 |
69. |
MORTAZAVI Seyyed Solat |
Post tat-twelid: Farsan, Tchar Mahal-o-Bakhtiari (Nofsinhar) — (Iran) – Data tat-twelid: 1967 |
Sindku tat-tieni l-akbar belt tal-Iran, Mashad, fejn regolarment iseħħu eżekuzzjonijiet pubbliċi. Eks Viċi Ministru għall-Intern għall-Affarijiet Politiċi. Kien responsabbli biex imexxi repressjoni ta' persuni li tkellmu biex jiddefendu d-drittijiet leġittimi tagħhom, inkluża l-libertà tal-espressjoni. Aktar tard maħtur bħala Kap tal-Kumitat Elettorali Iranjan għall-elezzjonijiet parlamentari fl-2012 u għall-elezzjonijiet presidenzjali fl-2013. |
23.3.2012 |
73. |
FAHRADI Ali |
|
Prosekutur ta' Karaj. Responsabbli għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż prosekuzzjonijiet fejn tingħata l-piena tal-mewt. Kien hemm għadd kbir ta' eżekuzzjonijiet fir-reġjun ta' Karaj matul il-mandat tiegħu bħala prosekutur li huwa responsabbli għalihom. |
23.3.2012 |