2.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 87/24


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/481

tal-1 ta' April 2016

li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 247 sa 249 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju u japplika mill-1 ta' Mejju 2016. Dak ir-Regolament jissostitwixxi r-Regolament (KEE) Nru 2913/92 b'effett mill-1 ta' Mejju 2016. Huwa jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati sabiex tissupplimenta ċerti elementi mhux essenzjali tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u biex tadotta atti ta' implimentazzjoni li jipprovdu kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tagħha.

(2)

Il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħat delegati tagħha bl-adozzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 (3). Il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha bl-adozzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2447 (4). Dawn iż-żewġ Regolamenti għandhom ukoll japplikaw mill-1 ta' Mejju 2016.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (5) li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 ma jibqax jgħodd mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/2446 u tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 u għandu għaldaqstant jitħassar b'effett minn dik id-data.

(4)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 jitħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika mill-1 ta' Mejju 2016.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' April 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).