1.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 85/3


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/466

tal-31 ta' Marzu 2016

li jimplimenta l-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) 2016/44 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 tat-18 ta' Jannar 2016 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 21(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-18 ta' Jannar 2016 il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2016/44.

(2)

Fis-16 ta' Marzu 2015, il-Kunsill fakkar li soluzzjoni politika biss tista' tipprovdi triq 'il quddiem sostenibbli u tikkontribwixxi għall-paċi u l-istabbiltà fil-Libja u rrefera inter alia għall-importanza li jiġu evitati azzjonijiet li jistgħu jaggravaw id-diviżjonijiet attwali.

(3)

Il-Kunsill jibqa' serjament imħasseb dwar is-sitwazzjoni fil-Libja u b'mod partikolari dwar atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Libja, u li jostakolaw jew jimminaw it-tlestija b'suċċess tat-tranżizzjoni politika tal-Libja, bħal atti li jostakolaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim Politiku Libjan tas-17 ta' Diċembru 2015 u l-formazzjoni ta' Gvern b'Kunsens Nazzjonali, inkluż permezz ta' nuqqasripetut li tittieħed azzjoni minn persuni b'influwenza politika fil-Libja.

(4)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fil-Libja, tliet persuni addizzjonali għandhom jiżdiedu mal-lista ta' persuni soġġetti għal miżuri restrittivi kif stipulat fl-Anness III għar-Regolament (UE) 2016/44.

(5)

Ir-Regolament (UE) 2016/44 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-persuni elenkati fl-Anness għal dan ir-Regolament jiżdiedu mal-lista li tinsab fl-Anness III għar-Regolament (UE) 2016/44.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Marzu 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

A.G. KOENDERS


(1)  ĠU L 12, 19.1.2016, p. 1


ANNESS

“ANNESS III

Lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fl-Artikolu 6(2)

A.   PERSUNI

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

16.

SALEH ISSA GWAIDER, Agila

data tat-twelid 1944 (mhux konfermata)

Agila Saleh ilu l-President tal-Kunsill Libjan tad-Deputati fil-Kamra tar-Rappreżentanti mill-5 ta' Awwissu 2014.

Fis-17 ta' Diċembru 2015 Saleh iddikjara li hu jopponi l-Ftehim Politiku dwar il-Libja ffirmat fis-17 ta' Diċembru 2015.

Bħala l-President tal-Kunsill tad-Deputati, Saleh fixkel u mmina t-transizzjoni politika Libjana, inkluż billi rrifjuta li ssir votazzjoni fil-Kamra tar-Rappreżentanti fit-23 ta' Frar 2016 dwar il-Gvern b'Kunsens Nazzjonali (‘GKN’).

Fit-23 ta' Frar 2016 Saleh iddeċieda li joħloq kumitat li mistenni li jiltaqa' ma' membri oħrajn tal-‘Libyan-Libyan process’ li jopponi l-Ftehim Politiku dwar il-Libja.

 

17.

GHWELL, Khalifa

magħruf ukoll bħala AL GHWELL, Khalifa

AL-GHAWAIL, Khalifa

data tat-twelid 1964

Misratah

Khalifa Ghwell huwa l-hekk imsejjaħ ‘Prim Ministru u Ministru għad-Difiża’ tal-Kungress Nazzjonali Ġenerali (‘KNG’) li mhux rikonoxxut internazzjonalment (magħruf ukoll bħala l-‘Gvern ta' Salvazzjoni Nazzjonali’), u bħala tali huwa responsabbli għall-attivitajiet tagħhom.

Fis-7 ta' Lulju 2015 Khalifa Ghwell wera l-appoġġ tiegħu għall-iSteadfastness Front (Alsomood), forza militari ġdida ta' 7 brigati biex tipprevjeni l-formazzjoni fi Tripli ta' gvern ta' unità, billi attenda ċ-ċerimonja tal-iffirmar li tinawgura l-forza mal-President tal-KNĠ Nuri Abu Sahmain.

Bħala ‘Prim Ministru’ tal-KNĠ, Ghwell kellu rwol ċentrali fit-tfixkil tal-istabbiliment tal-‘GKN’ stabbilit skont il-Ftehim Politiku dwar il-Libja.

Fil-15 ta' Jannar 2016, fil-kapaċità tiegħu ta' ‘Prim Ministru u Ministru għad-Difiża’ tal-KNĠ ta' Tripli, Ghwell ordna l-arrest ta' kwalunkwe membru tat-Tim ta' Sigurtà il-ġdid, maħtur mill-Prim Ministru elett tal-Gvern b'Kunsens Nazzjonali, li jirfes Tripli.

 

18.

ABU SAHMAIN, Nuri

magħruf ukoll bħala BOSAMIN, Nori

BO SAMIN, Nuri

BADI, Salahdin

data tat-twelid 16.5.1956

Zouara/Zuwara Libya

Nuri Abu Sahmain huwa l-hekk imsejjaħ ‘President’ tal-Kungress Nazzjonali Ġenerali (‘KNĠ’) li mhux rikonoxxut internazzjonalment (magħruf ukoll bħala l-‘Gvern ta' Salvazzjoni Nazzjonali’), u bħala tali huwa responsabbli għall-attivitajiet tagħhom.

Bħala President tal-KNĠ, Nuri Abu Sahmain kellu rwol ċentrali fit-tfixkil u l-oppożizzjoni għall-Ftehim Politiku dwar il-Libja u għall-istabbiliment tal-Gvern b'Kunsens Nazzjonali (‘GKN’).

Fil-15 ta' Diċembru 2015 Sahmain appella għall-posponiment tal-Ftehim Politiku dwar il-Libja li kien skedat li jiġi maqbul f'laqgħa fis-17 ta' Diċembru.

Fis-16 ta' Diċembru 2015 Sahmain ħareġ stqarrija li l-KNĠ ma kien awtorizza l-ebda membru tiegħu biex jipparteċipa fil-laqgħa jew biex jiffirma il-Ftehim Politiku dwar il-Libja.

Fl-1 ta' Jannar 2016 Sahmain ċaħad il-Ftehim Politiku dwar il-Libja f'taħditiet mar-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti.”