31.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 80/28


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/462

tat-30 ta' Marzu 2016

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 324/2008 li jistabbilixxi proċeduri riveduti għal spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà marittima

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 725/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar it-titjib fis-sigurtà fuq il-bastimenti u fil-portijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tissorvelja l-applikazzjoni mill-Istati Membri tar-Regolament (KE) Nru 725/2004 u tad-Direttiva 2005/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni għandha twettaq spezzjonijiet. L-organizzazzjoni ta' spezzjonijiet taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni hija meħtieġa sabiex tiġi vverifikata l-effettività tas-sistemi nazzjonali ta' kontroll tal-kwalità kif ukoll tal-miżuri, tal-proċeduri u tal-istrutturi fil-livell nazzjonali marbuta mas-sigurtà marittima.

(2)

Fit-twettiq l-ispezzjonijiet, il-Kummissjoni hija assistita mill-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Fit-twettiq tal-ispezzjonijiet fil-kuntest taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), il-Kummissjoni titlob l-għajnuna tal-ispetturi nazzjonali elenkati mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) skont id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 116/2008 (4).

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 324/2008 (5) jistabbilixxi regoli ta' proċedura biex fl-ispezzjonijiet tagħha fil-qasam tas-sigurtà marittima, il-Kummissjoni taħdem b'mod trasparenti, effettiv, armonizzat u konsistenti.

(4)

Fid-dawl tal-esperjenza miksuba mill-2008, huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 324/2008 jitwettqu b'mod konsistenti skont proċedura stabbilita, li tinkludi metodoloġija standard. Il-miżuri biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-eżerċizzju tal-poteri tal-Kummissjoni għandhom jkunu effiċjenti u trasparenti.

(5)

Id-definizzjonijiet tat-termini użati fil-kuntest tat-twettiq tal-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni għandhom jiġu żviluppati aktar. Ir-reviżjonijiet ma jestendux il-kamp ta' applikazzjoni tal-ispezzjonijiet lil hinn mill-kompetenza eżistenti.

(6)

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu f'kooperazzjoni flimkien matul it-tħejjija u t-twettiq tal-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni.

(7)

Il-Kummissjoni għandu jkollha l-possibbiltà li fit-tims tagħha tal-ispezzjoni tinkludi spetturi nazzjonali kwalifikati li l-Istati Membri jagħmlu għad-dispożizzjoni tagħha u li jkunu jissodisfaw il-kriterji meħtieġa ta' kwalifika u ta' taħriġ.

(8)

Biex l-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni jimxu skont proċedura trasparenti u effiċjenti, id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu ċari u żviluppati aktar, partikularment fil-każ ta' spezzjoni ta' bastiment li titwettaq f'port ta' Stat Membru differenti minn dak tal-port tal-imbarkazzjoni. Il-kwistjoni tal-ispezzjoni ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE f'post barra mill-Unjoni Ewropea għandha tiġi ċċarata biex jiġu ttrattati l-limitazzjonijiet loġistiċi speċifiċi ta' dawn l-ispezzjonijiet.

(9)

L-informazzjoni sensittiva iżda mhux ikklassifikata relatata ma' spezzjoni għandha tiġi ttrattata b'miżuri ta' sigurtà stretti sabiex tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità tagħha u ma tiġix żvelata.

(10)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 324/2008 għandu jiġi emendat skont kif inhu xieraq.

(11)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 725/2004,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi fir-Regolament (KE) Nru 324/2008

Ir-Regolament (KE) Nru 324/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 1 u 2 jinbdlu b'dan li ġej:

“1.

‘Spezzjoni mill-Kummissjoni’ tfisser eżaminazzjoni minn spetturi tal-Kummissjoni tas-sistemi ta' kontroll tal-kwalità, tal-miżuri, tal-proċeduri u tal-istrutturi nazzjonali tas-sigurtà marittima tal-Istati Membri, biex tiġi ddeterminata l-konformità tagħhom mar-Regolament (KE) Nru 725/2004 u l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/65/KE. Din tista' tinkludi spezzjonijiet tal-portijiet, tal-faċilitajiet tal-port, il-bastimenti tal-awtoritajiet kompetent għas-sigurtà marittima jew tal-kumpaniji, kif definiti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 725/2004. Din tista' tinkludi wkoll spezzjonijiet ta' organizzazzjonijiet ta' sigurtà rikonoxxuti, kif definiti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 725/2004 u fl-Anness IV tad-Direttiva 2005/65/KE relattiva għall-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tas-sigurtà,

2.

‘spettur tal-Kummissjoni’ tfisser persuna li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 7, impjegata mill-Kummissjoni, jew impjegata mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, jew tkun spettur nazzjonali, mibgħut mill-Kummissjoni biex jipparteċipa fl-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni, elenkat mill-Istati Membri jew mill-Istati Membri tal-EFTA.”,

(b)

il-punt 11 jinbidel b'dan li ġej:

“11.

‘port’ tfisser iż-żona ġewwa l-fruntieri ddefiniti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2005/65/KE, u nnotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 12 tagħha;”,

(c)

jiżdiedu l-punti 12, 13, 14, 15, 16 u 17 li ġejjin:

“12.

‘miżura korrettiva provviżorja’ tfisser miżura temporanja jew firxa ta' miżuri bil-għan li jillimitaw sal-livell massimu prattikabbli l-impatt ta' nuqqas maġġuri ta' konformità jew nuqqas ta' konformità identifikat waqt it-twettiq tal-ispezzjoni qabel ma tkun tista' ssir il-korrezzjoni sħiħa;

13.

‘informazzjoni klassifikata’ tfisser informazzjoni identifikata jew identifikabbli miksuba matul it-twettiq tal-attivitajiet tal-ispezzjoni li jekk tiġi żvelata taf twassal għal ksur tas-sigurtà, ikklassifikata skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 (*) jew skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti tal-Istati Membri;

14.

‘informazzjoni sensittiva iżda mhux ikklassifikata’ tfisser materjal relatat mal-ispezzjoni jew informazzjoni miksuba matul it-twettiq tal-attivitajiet ta' spezzjoni, li jekk tiġi żvelata taf twassal għal ksur tas-sigurtà u li tista' tinqasam abbażi tal-ħtieġa ta' tagħrif;

15.

‘mhux ikkonfermata’ tfisser sejba li ssir waqt spezzjoni mill-Kummissjoni, li li tindika li ir-Regolament (KE) Nru 725/2004 jew id-Diretiva 2005/65/KE ma ġietx sodisfata iżda mhix issostanzjata b'evidenza oġġettiva;

16.

‘Kumitat’ tfisser il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 725/2004;

17.

‘rappreżentant ta' Stat tal-bandiera’ tfisser membru tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li l-bastiment ikun itajjar il-bandiera tiegħu jew, jekk ikun innominat minn dak l-Istat Membru, ikun rappreżentant ta' organizzazzjoni ta' sigurtà rikonoxxuta.

(*)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).”"

(2)

L-Artikolu 3 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 3

Il-kooperazzjoni tal-Istati Membri

1.   Mingħajr ħsara għar-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni fit-twettiq tal-ispezzjonijiet tagħha. Għandu jkun hemm din il-kooperazzjoni matul il-fażijiet ta' tħejjija, ta' sorveljanza u ta' rrappurtar.

2.   L-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li n-notifika ta' spezzjoni:

(a)

tinżamm taħt miżuri stretti ta' sigurtà biex jiġi ggarantit li ma tiġix żvelata sabiex ma jiġix kompromess il-proċess ta' spezzjoni; kif ukoll

(b)

tiġi kkomunikata lill-partijiet rilevanti abbażi tal-ħtieġa ta' għarfien.”;

(3)

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li, meta jintalab, l-ispetturi tal-Kummissjoni jkollhom aċċess f'waqtu għad-dokumentazzjoni tas-sigurtà rilevanti meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet tal-ispezzjoni, u b'mod partikolari li:

(a)

il-programm nazzjonali għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 725/2004 msemmi fl-Artikolu 9(3) ta' dak ir-Regolament;

(b)

l-aġġornamenti l-aktar riċenti tad-dejta pprovduti mill-punt ta' kuntatt u r-rapporti tal-monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 725/2004;

(c)

l-eżitu tal-monitoraġġ mill-Istati Membri tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' sigurtà tal-portijiet;

(d)

il-valutazzjonijiet tas-sigurtà tal-bastiment, tal-port u tal-faċilità tal-port rilevanti, u l-pjanijiet tas-sigurtà tal-bastiment, il-port u l-faċilità tal-port rilevanti, ir-rekords tad-drills u tal-eżerċizzji ta' taħriġ għall-bastiment, il-port u l-faċilità tal-port waqt li l-Kummissjoni tkun qiegħda twettaq l-ispezzjonijiet;

(e)

in-notifiki mill-Istati Membri tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 725/2004 meħuda wara l-valutazzjoni obbligatorja tar-riskji għas-sigurtà;

(f)

kwalunkwe linja gwida, istruzzjoni jew proċedura maħruġa mill-Istat Membru għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 725/2004 u d-Direttiva 2005/65/KE.”;

(4)

L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Bi ftehim mal-Kummissjoni, sa fejn ikun prattiku, l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli spetturi nazzjonali li kapaċi jieħdu sehem fl-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni, inklużi fil-fażijiet relatati ta' tħejjija u ta' rappurtar.”,

(b)

il-paragrafu 5 jinbidel b'dan li ġej:

“5.   It-talbiet biex l-ispetturi nazzjonali jipparteċipaw fl-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni għandhom jiġu kkomunikati fi żmien xieraq, normalment mill-anqas xahrejn qabel ma tkun se titwettaq l-ispezzjoni.”;

(5)

L-Artikolu 6 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 6

Assistenza teknika mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fl-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni

Fir-rigward tal-għoti ta' assistenza teknika lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni esperti tekniċi biex jipparteċipaw fi spezzjonijiet mill-Kummissjoni, inklużi fil-fażijiet relatati ta' tħejjija u rappurtar.”

(6)

L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

għarfien operazzjonali tajjeb tat-teknoloġiji u t-tekniki tas-sigurtà,”,

(ii)

il-punt (d) jinbidel b'dan li ġej:

“(d)

għarfien operazzjonali tal-operazzjonijiet soġġetti għal eżami;”,

(iii)

jiżdiedu l-punti (e) u (f) li ġejjin:

“(e)

kuxjenza dwar ir-rekwiżiti tas-saħħa, is-sigurtà u tas-sigurtà biex wieħed jaħdem f'ambjent marittimu;

(f)

għarfien tar-rekwiżiti legali prinċipali applikabbli fil-qasam tas-sigurtà marittima.”,

(b)

fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“Sabiex jikkwalifikaw għall-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni, l-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom jispiċċaw b'suċċess taħriġ biex iwettqu dawn l-ispezzjonijiet. Perjodikament, l-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom jitħarrġu mill-inqas kull ħames snin, sabiex jaġġornaw l-għarfien tagħhom.”,

(c)

jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4.   Jekk matul spezzjoni preċedenti, l-imġiba jew il-prestazzjoni ta' spettur ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, dak l-ispettur ma għandux jiġi nnominat aktar għall-kompiti ta' spezzjoni mill-Kummissjoni.”;

(7)

L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tavża lill-punt ta' kuntatt tal-Istat Membru li tkun se ssir l-ispezzjoni fit-territorju tiegħu tal-anqas sitt ġimgħat qabel.

Flimkien mal-avviż formali tal-ispezzjoni, lill-punt ta' kuntatt il-Kummissjoni tista' tikkomunikalu kwestjonarju ta' qabel l-ispezzjoni biex jimtela' mill-awtorità kompetenti, flimkien ma' talba għal kwalunkwe dokumentazzjoni rilevanti. Il-kwestjonarju mimli u kwalunkwe dokumentazzjoni mitluba għandhom jingħataw lill-Kummissjoni tal-anqas ġimagħtejn qabel ma tkun skedata li tibda l-ispezzjoni.

Il-perjodu ta' avviż formali previst fl-ewwel subparagrafu jista' jitnaqqas għal mhux inqas minn ġimagħtejn, u dan kemm-il darba l-Kummissjoni taġixxi b'reazzjoni għal avveniment eċċezzjonali li jista' jkollu impatt sinifikanti fuq il-livell ġenerali tas-sigurtà marittima fl-Unjoni Ewropea u dejjem jekk il-Kummissjoni tkun ikkonsultat il-punt ta' kuntatt ikkonċernat qabel ma tagħti l-avviż formali. F'dak il-każ it-tieni subparagrafu ma japplikax.”,

(b)

il-paragrafu 5 jinbidel b'dan li ġej:

“5.   Fejn l-Istat tal-bandiera hu Stat Membru, il-Kummissjoni għandha, kemm jista' jkun malajr, tinforma lill-punt ta' kuntatt tal-Istat Membri li l-bastiment jista' jiġi spezzjonat meta jkun fil-faċilità tal-port. Jekk spezzjoni tkun biex tkopri l-bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru differenti minn dak tal-awtorità li tkun qed tiġi spezzjonata, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-punt ta' kuntatt tal-Istat tal-bandiera sabiex ikunu jistgħu jsiru l-arranġamenti prattiċi meħtieġa biex issir l-ispezzjoni abbord dak il-bastiment.”,

(c)

il-paragrafu 9 jinbidel b'dan li ġej:

“9.   Meta l-Kummissjoni tattendi spezzjoni jew verifika nazzjonali ta' bastiment f'post barra mill-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha tagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-punt ta' kuntatt sabiex issegwi l-ispezzjonijiet jew il-verifiki mar-rappreżentant tal-bandiera.”;

(8)

L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 jinbidlu b'dan li ġej:

“1.   Għandha tintuża metodoloġija standard sabiex jiġi mmonitorjat kif l-Istati Membri jkunu qegħdin japplikaw ir-rekwiżiti tas-sigurtà marittima kif stipulati fir-Regolament (KE) Nru 725/2004 u fid-Direttiva 2005/65/KE.

2.   L-ispetturi tal-Kummissjoni, waqt li jwettqu l-attività tal-ispezzjonijiet, għandhom ikunu l-ħin kollu akkumpanjati minn rappreżentant tal-awtorità kompetenti rilevanti. Dak ir-rappreżentant ma għandux jippreġudika l-effiċjenza jew l-effikaċja tal-ispezzjoni.

L-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu b'mod li jfixkel mill-inqas l-operazzjonijiet kummerċjali. Sabiex jinkiseb dan, kull meta jkun il-każ u bi qbil minn qabel bejn l-Istat tal-bandiera u l-kaptan tal-bastiment, spezzjoni ta' bastiment li tkun bdiet fil-port tista' titkompla wara li l-bastiment iħalli l-port.

Jekk bastiment li jkun soġġett għal spezzjoni ikun qed jaqdi servizzi internazzjonali skedati bejn żewġ Stati Membri jew aktar, l-ispezzjoni tista' wkoll tkun relatata mal-operazzjonijiet tal-imbarkazzjoni u tal-iżbark tal-passiġġieri u tal-vetturi fuq kull naħa tal-vjaġġ. F'dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tavża lill-punt ta' kuntatt tal-port tal-Istat Membru bil-wasla f'konformità mal-Artikolu 8(1).”,

(b)

il-paragrafu 6 jinbidel b'dan li ġej:

“6.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11, meta possibbli u skont il-każ, l-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom jagħtu ġabra fil-qosor informali u bil-fomm ta' dak li jkun irriżultalhom fuq il-post.

Il-punt ta' kuntatt rilevanti għandu jiġi infurmat mill-ewwel dwar kull nuqqas maġġuri ta' konformità mar-Regolament (KE) Nru 725/2004 jew mad-Deċiżjoni 2005/65/KE identifikat minn spezzjoni mill-Kummissjoni, qabel ma jitlesta r-rapport ta' spezzjoni skont l-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament.

Madankollu, f'każijiet fejn spettur tal-Kummissjoni li jkun qed iwettaq l-ispezzjoni ta' bastiment isib nuqqas maġġuri ta' konformità li jeħtieġ azzjoni skont l-Artikolu 16, il-kap tat-tim għandu jgħarraf b'dan minnufih lill-punt ta' kuntatt tal-Istat Membru bil-miktub”.

(c)

jiżdied il-paragrafu 7 li ġej:

“7.   L-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom iwettqu l-ispezzjonijiet b'mod effiċjenti u effikaċi, u jagħtu l-importanza dovuta lis-sikurezza u lis-sigurtà.”;

(9)

Fl-Artikolu 11, il-paragrafi 4 u 5 jinbidlu b'dan li ġej:

“4.   Meta tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 725/2004 u tad-Direttiva 2005/65/KE skont dan ir-Regolament, is-sejbiet għandhom jiġu kklassifikati f'waħda mill-kategoriji li ġejjin:

(a)

konformi;

(b)

konformi, iżda jeħtieġ titjib;

(c)

nuqqas ta' konformità;

(d)

nuqqas maġġuri ta' konformità;

(e)

mhux ikkonfermat.

5.   Ir-rapport għandu jindika fid-dettall is-sejbiet li joħorġu minn dik l-ispezzjoni bħala “nuqqas maġġuri ta' konformità”, “nuqqas ta' konformità”, “konformi, iżda jeħtieġ titjib” u “mhux ikkonfermat” fl-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 725/2004 jew tad-Direttiva 2005/65/KE skont dan ir-Regolament.

Ir-rapport jista' jkun fih rakkomandazzjonijiet għal azzjoni korrettiva.”

(10)

fl-Artikolu 12, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   Meta Stat Membru jipproponi miżuri korrettivi immedjati biex jindirizza nuqqas maġġuri ta' konformità misjub, dan għandu jinnotifika minnufih lill-Kummissjoni dwarhom qabel ma l-Kummissjoni toħroġ rapport ta' spezzjoni. F'każ bħal dan, ir-rapport għandu jsemmi l-għadd ta' azzjonijiet korrettivi li ttieħdu mill-Istat Membru. Jekk jittieħdu biss miżuri provviżorji, l-Istat Membru għandu minnufih jinnotifika b'dan lill-Kummissjoni u għandu jinformaha wkoll dwar l-iskadenza sa meta jridu jiġu implimentati l-azzjonijiet sħaħ u korrettivi finali.”;

(11)

L-Artikoli 14 u 15 jinbidlu b'dan li ġej:

“Artikolu 14

Il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni

F'konformità mar-regoli fis-seħħ li japplikaw, meta jsiru spezzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà marittima, il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa biex tipproteġi l-informazzjoni klassifikata li jkollha aċċess għaliha, jew li tkun ġiet ikkomunikata lilha mill-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri ekwivalenti b'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.

L-informazzjoni sensittiva iżda mhux ikklassifikata tista' tiġi skambjata bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, sakemm dawn jipproteġu din l-informazzjoni skont ir-rekwiżiti applikabbli li jiggarantixxu l-kunfidenzjalità tagħha.

Artikolu 15

Programm ta' spezzjoni tal-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu parir mill-Kumitat dwar il-prioritajiet għall-implimentazzjoni tal-programm ta' spezzjoni tagħha.

2.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' spezzjoni u tikkomunikalu r-riżultati tal-ispezzjonijiet. Il-Kummissjoni għandha taqsam mal-Istati Membri dawk il-prattiki tajba li jkunu ġew osservati waqt l-ispezzjonijiet..

Normalment ir-rapporti tal-ispezzjoni jingħataw lill-Kumitat:

(a)

hekk kif tasal ir-risposta tal-Istat Membru skont l-Artikolu 12(1), u

(b)

meta jingħalaq il-fajl.”;

(12)

fl-Artikolu 16, l-ewwel paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

“Jekk spezzjoni tikxef nuqqas maġġuri ta' konformità mar-Regolament (KE) Nru 725/2004 jew mad-Direttiva 2005/65/KE li jitqies li jkollu impatt sinifikanti fuq il-livell ġenerali tas-sigurtà marittima fl-Unjoni li ma jistax jiġi indirizzat minnufih għall-inqas b'miżuri korrettivi ta' natura provviżorja, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri l-oħra immedjatament wara li tkun avżat lill-Istat Membru kkonċernat b'dan in-nuqqas maġġuri ta' konformità.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Marzu 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 129, 29.4.2004, p. 6.

(2)  Id-Direttiva 2005/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar it-titjib tas-sigurtà fil-portijiet (ĠU L 310, 25.11.2005, p. 28).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenziji Marittima Ewropea tas-Sigurtà (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 116/2008 tas-7 ta' Novembru 2008 li temenda l-Anness XIII (Trasport) tal-Ftehim taż-ŻEE (ĠU L 339, 18.12.2008, p. 106).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 324/2008 tad-9 ta' April 2008 li jistabbilixxi proċeduri riveduti għal spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà marittima (ĠU L 98, 10.4.2008, p. 5).