16.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 70/16


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/372

tal-15 ta' Marzu 2016

li jiċħad li jawtorizza indikazzjoni dwar is-saħħa magħmula fuq l-ikel u li tirreferi għat-tnaqqis tar-riskju ta' mard

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel huma pprojbiti sakemm dawn ma jkunux awtorizzati mill-Kummissjoni f'konformità ma' dak ir-Regolament u inklużi f'lista ta' indikazzjonijiet permessi.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jipprovdi wkoll li l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa jistgħu jiġu sottomessi mill-operaturi tan-negozji tal-ikel lill-awtorità kompetenti nazzjonali ta' Stat Membru. L-awtorità kompetenti nazzjonali għandha tibgħat l-applikazzjonijiet li jkunu validi lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Awtorità”.

(3)

Wara li tirċievi applikazzjoni, l-Awtorità għandha tinforma bla dewmien lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar dan, u għandha tagħti l-opinjoni tagħha fir-rigward tal-indikazzjoni dwar is-saħħa konċernata.

(4)

Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa filwaqt li tqis l-opinjoni mogħtija mill-Awtorità.

(5)

Wara applikazzjoni minn Lycotec Ltd, sottomessa skont l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-Awtorità ntalbet tagħti opinjoni fir-rigward ta' indikazzjoni dwar is-saħħa marbuta mal-likopena L-tug u t-tnaqqis tal-kolesterol tal-lipoproteina ta' densità baxxa tad-demm (LDL) (Mistoqsija Nru EFSA-Q-2014-00590 (2)). L-indikazzjoni proposta mill-applikant kienet tgħid dan li ġej: “L-tug lycopene has been shown to lower/reduce blood cholesterol. High cholesterol is a risk factor in the development of coronary heart disease”.

(6)

Fis-26 ta' Frar 2015, il-Kummissjoni u l-Istati Membri rċevew l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità, li kkonkludiet li abbażi tad-dejta mressqa, ma ġietx stabbilita rabta ta' kawża u effett bejn il-konsum tal-likopena L-tug u t-tnaqqis tal-konċentrazzjonijiet tal-kolesterol LDL tad-demm. Għaldaqstant, billi l-indikazzjoni ma tikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, din ma għandhiex tiġi awtorizzata.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-indikazzjoni dwar is-saħħa elenkata fl-Anness ta' dan ir-Regolament ma għandhiex tiġi inkluża fil-lista tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet permessi kif previst fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Marzu 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.

(2)  EFSA Journal 2015;13(2):4025.


ANNESS

Indikazzjoni dwar is-saħħa miċħuda

Applikazzjoni — Dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006

Nutrijent, sustanza, prodott tal-ikel jew kategorija tal-ikel

Indikazzjoni

Referenza għall-opinjoni tal-EFSA

L-Artikolu 14(1)(a) — indikazzjoni dwar is-saħħa li tirreferi għal tnaqqis ta' riskju ta' mard.

Likopena L-tug

Intwera li l-likopena L-tug tbaxxi/tnaqqas il-kolesterol fid-demm. Il-kolesterol għoli huwa fattur ta' riskju fl-iżvilupp tal-mard koronarju tal-qalb.

Q-2014-00590