23.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 46/8


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/248

tas-17 ta' Diċembru 2015

li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista u għad-distribuzzjoni ta' frott u ħxejjex, frott u ħxejjex ipproċessati u prodotti tal-banana fil-qafas tal-iskema tal-frott u tal-ħxejjex għall-iskejjel, u li jiffissa l-allokazzjoni indikattiva għal dik l-għajnuna

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 25 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (2), u b'mod partikolari l-Artikoli 62(2)(a) sa (d) u 64(7)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta' Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (3), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ħa post ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (4) u jistabbilixxi regoli ġodda dwar l-iskema tal-frott u tal-ħxejjex għall-iskejjel (“l-Iskema”). Jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati u ta' implimentazzjoni f'dak ir-rigward. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-Iskema fil-qafas legali l-ġdid, għandhom jiġu adottati ċerti regoli permezz ta' tali atti. Dawk l-atti għandhom jieħdu post ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 288/2009 (5), li tħassar bir-Regolament Delegat (UE) 2016/247 (6).

(2)

F'konformità mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri li jkunu jixtiequ jipparteċipaw fl-Iskema għandhom ifasslu strateġija minn qabel għall-implimentazzjoni tagħha. Sabiex tkun tista' tiġi evalwata l-implimentazzjoni tal-Iskema, għandhom jiġu definiti l-elementi tal-istrateġija.

(3)

Fl-interess ta' ġestjoni soda tal-amministrazzjoni u tal-baġit, l-Istati Membri li jimplimentaw l-Iskema għandhom japplikaw għall-għajnuna tal-Unjoni fuq bażi annwali u għandu jiġi definit il-kontenut ta' tali applikazzjoni.

(4)

Għandhom jiġu ddetermianti l-kontenut u l-frekwenza tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna ppreżentati mill-applikanti għall-għajnuna, kif ukoll ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet. Barra minn hekk, jeħtieġ li tiġi speċifikata l-evidenza meħtieġa għas-sostenn tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna. Għandhom jiġu stabbiliti wkoll il-penali li jridu jiġu applikati mill-awtorità kompetenti meta applikazzjoni għall-għajnuna tiġi ppreżentata tard.

(5)

Il-kundizzjonijiet għall-ħlas tal-għajnuna għandhom jiġu ċċarati aktar sabiex titqies id-distinzjoni bejn l-għajnuna għall-provvista u għad-distribuzzjoni tal-prodotti u tal-għajnuna għat-twettiq ta' monitoraġġ, evalwazzjoni, reklamar u miżuri ta' akkumpanjament. Għandu jkun speċifikat il-kontenut tal-evidenza ddokumentata meħtieġa għas-sostenn ta' kull applikazzjoni għall-ħlas tal-għajnuna.

(6)

Sabiex tiġi vvalutata l-effettività tal-Iskema, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-riżultati u bis-sejbiet tal-monitoraġġ u tal-evalwazzjoni tagħhom tal-Iskema. Għal raġunijiet ta' ċarezza, jixraq li tiġi ffissata data għan-notifika tar-rapport ta' evalwazzjoni u tar-riżultati tal-eżerċizzju ta' monitoraġġ lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dawk id-dokumenti.

(7)

Sabiex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, għandhom jiġu adottati miżuri ta' kontroll adegwati għall-ġlieda kontra l-irregolaritajiet u l-frodi. Dawn il-miżuri ta' kontroll għandhom jinvolvu verifika amministrattiva sħiħa ssupplementata b'verifiki fuq il-post. Il-kamp ta' applikazzjoni, il-kontenut, l-iskeda taż-żmien u r-rappurtar ta' tali miżuri ta' kontroll għandhom jiġu speċifikati biex jiżguraw approċċ ġust u uniformi bejn l-Istati Membri, filwaqt li jqisu l-implimentazzjoni differenti tagħhom tal-Iskema.

(8)

L-ammonti mħallsa b'mod mhux dovut għandhom jiġu rkuprati skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 (7).

(9)

F'konformità mal-Artikolu 23(10) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 il-pubbliku għandu jkun konxju biżżejjed dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Iskema. Minbarra d-dispożizzjonijiet rigward il-kartellun stipulati fir-Regolament Delegat (UE) 2016/247 jixraq li jiġu stabbiliti regoli dwar ir-reklamar tal-Iskema u dwar l-użu tal-emblema tal-Unjoni. Jixraq ukoll li jiġi permess l-użu tranżizzjonali tal-kartelluni użati bħalissa u ta' għodod oħra ta' reklamar għal perjodu ta' żmien limitat.

(10)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni u definizzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 u (UE) Nru 1370/2013 rigward l-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista u għad-distribuzzjoni ta' frott u ħxejjex, frott u ħxejjex ipproċessati u prodotti tal-banana (“il-prodotti”) għat-tfal u għal ċerti spejjeż relatati fil-qafas tal-iskema tal-frott u tal-ħxejjex għall-iskejjel kif imsemmi fl-Artikolu 23 tar- Regolament (UE) Nru 1308/2013 (“l-Iskema”).

2.   Għall-finijiet tal-Iskema, “sena skolastika” tfisser perjodu li jibda mill-1 ta' Awwissu sal-31 ta' Lulju tas-sena ta' wara.

Artikolu 2

Strateġija tal-Istati Membri

1.   L-istrateġija ta' Stat Membru kif imsemmi fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u fl-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/247 għandha tinkludi mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

il-livell ġeografiku u amministrattiv li fih se tiġi implimentata l-Iskema;

(b)

it-tul ta' żmien tal-istrateġija;

(c)

jekk disponibbli, informazzjoni dwar il-livell tal-konsum tal-prodotti kkonċernati;

(d)

l-għanijiet operattivi tagħha fi ħdan l-Iskema u l-miri li jridu jinkisbu;

(e)

jekk skema għall-iskejjel nazzjonali eżistenti qed tiġi estiża jew qed issir aktar effettiva permezz tal-użu ta' fondi tal-Unjoni, l-arranġamenti li ddaħħlu fis-seħħ biex jiġi żgurat il-valur miżjud tal-Iskema;

(f)

il-baġit stmat jew il-perċentwali tal-baġit għall-elementi ewlenin tal-Iskema;

(g)

il-grupp fil-mira;

(h)

il-lista ta' prodotti li se jiġu pprovduti fi ħdan l-Iskema;

(i)

l-għanijiet u l-kontenut tal-miżuri ta' akkumpanjament;

(j)

deskrizzjoni ta' kif il-partijiet ikkonċernati rilevanti se jkunu involuti;

(k)

informazzjoni dwar l-arranġamenti għad-distribuzzjoni ta' prodotti u proċeduri ta' għażla tal-fornituri;

(l)

l-arranġamenti implimentati għar-reklamar tal-għoti ta' għajnuna tal-Unjoni, inkluż fejn l-istrateġija tippermetti l-konsum tal-ikliet regolari tal-iskola fl-istess ħin mal-prodotti ffinanzjati fi ħdan l-Iskema;

(m)

l-istrutturi u l-formoli stabbiliti għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni tal-Iskema skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/247 u għall-verifiki stipulati fl-Artikoli 7 u 8 ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-istrateġiji tal-Istati Membri.

Artikolu 3

Applikazzjoni għall-għajnuna ppreżentata mill-Istati Membri

L-Istati Membri għandhom jippreżentaw l-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mas-sena skolastika li jmiss sal-31 ta' Jannar ta' kull sena. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandu jkun fihom l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-allokazzjoni indikattiva ta' għajnuna stabbilita fl-Anness;

(b)

l-ammont mitlub jekk ma jkunx hemm rieda li jintuża l-ammont kollu tal-allokazzjoni indikattiva;

(c)

ir-rieda li tintuża aktar mill-allokazzjoni indikattiva u l-ammont addizzjonali massimu mitlub jekk tkun disponibbli allokazzjoni addizzjonali;

(d)

l-ammont totali mitlub.

L-ammonti msemmija f'dan l-Artikolu għandhom jiġu espressi f'EUR.

Artikolu 4

Applikazzjoni għall-għajnuna ppreżentata mill-applikanti għall-għajnuna

1.   L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar il-forma, il-kontenut u l-frekwenza tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna skont l-istrateġija tagħhom u r-regoli stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 7.

2.   L-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-provvista u mad-distribuzzjoni ta' prodotti għandhom jinkludu mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-kwantitajiet ta' prodotti distribwiti;

(b)

l-isem u l-indirizz jew in-numru tal-identifikazzjoni tal-istabbilimenti edukattivi jew tal-awtoritajiet tal-edukazzjoni li lilhom ġew distribwiti dawn il-kwantitajiet;

(c)

in-numru ta' tfal li jattendu regolarment l-istabbilimenti edukattivi rispettivi intitolati li jirċievu l-prodotti koperti mill-Iskema matul il-perjodu kopert mill-applikazzjoni għall-għajnuna.

3.   L-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-provvista u mad-distribuzzjoni ta' prodotti għandhom ikopru perjodu ta' mhux aktar minn ħames xhur.

4.   L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom jiġu ppreżentati fi żmien tliet xhur minn tmiem il-perjodu li jkopru.

5.   L-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mar-rapport ta' evalwazzjoni stipulat fl-Artikolu 6(2) għandhom jiġu ppreżentati fi żmien xahar mid-data li fiha ġie ppreżentat dak ir-rapport kif imsemmi f'dak il-paragrafu.

6.   Jekk il-limitu taż-żmien imsemmi fil-paragrafi 4 u 5 jinqabeż b'anqas minn 60 jum, l-għajnuna għandha titħallas iżda għandha titnaqqas kif ġej:

(a)

b'5 % jekk il-limitu ta' żmien jinqabeż b'perjodu bejn jum u 30 jum;

(b)

b'10 % jekk il-limitu ta' żmien jinqabeż b'perjodu bejn 31 u 60 jum;

Ladarba l-limitu ta' żmien jinqabeż b'aktar minn 60 jum, l-għajnuna għandha tkompli titnaqqas b'1 % għal kull jum addizzjonali, ikkalkulat fuq il-bilanċ li jifdal.

7.   L-ammonti mitluba fl-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom ikunu sostnuti minn evidenza ddokumentata li turi l-prezz tal-prodotti, tal-materjal jew tas-servizzi mogħtija flimkien ma' rċevuta jew prova ta' ħlas jew ekwivalenti. L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati b'sostenn għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna.

Fil-każ ta' applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati ma' monitoraġġ, evalwazzjoni, reklamar u miżuri ta' akkumpanjament, l-evidenza ddokumentata għandha tinkludi t-tqassim finanzjarju skont l-attività u d-dettalji tal-ispejjeż relatati.

Artikolu 5

Ħlas tal-għajnuna

1.   L-għajnuna relatata mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti għandha titħallas biss:

(a)

jekk tiġi ppreżentata rċevuta għall-kwantitajiet effettivament ipprovduti u ddistribwiti; jew

(b)

fuq il-bażi tar-rapport ta' spezzjoni magħmul mill-awtorità kompetenti qabel il-ħlas finali tal-għajnuna, li jistabbilixxi li r-rekwiżiti tal-ħlas ikunu ntlaħqu; jew

(c)

jekk l-Istat Membru jawtorizza hekk, ġaladarba tiġi ppreżentata prova alternattiva li l-kwantitajiet ipprovduti u ddistribwiti għall-finijiet tal-Iskema jkunu tħallsu.

2.   L-għajnuna relatata mal-monitoraġġ, mal-evalwazzjoni, mar-reklamar u mal-miżuri ta' akkumpanjament għandha titħallas biss mal-kunsinna tal-materjal jew tas-servizzi kkonċernati u malli tiġi ppreżentata l-evidenza ddokumentata relatata kif mitlub mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

3.   L-awtorità kompetenti għandha tħallas l-għajnuna fi żmien tliet xhur mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna.

Artikolu 6

Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.   Il-monitoraġġ kif imsemmi fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/247 għandu jissejjes fuq id-dejta li toriġina mill-obbligi ta' ġestjoni u ta' kontroll, inklużi dawk stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5 ta' dan ir-Regolament.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati tal-eżerċizzju ta' monitoraġġ sat-30 ta' Novembru wara t-tmiem tas-sena skolastika kkonċernata.

2.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport ta' evalwazzjoni, li jkun fih ir-riżultati tal-evalwazzjoni stipulati fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/247 għall-perjodu preċedenti ta' implimentazzjoni ta' ħames snin skolastiċi sal-1 ta' Marzu tas-sena ta' wara li jintemm dak il-perjodu.

L-ewwel rapport ta' evalwazzjoni għandu jiġi ppreżentat fl-1 ta' Marzu 2017 jew qabel.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-riżultati tal-eżerċizzju ta' monitoraġġ u r-rapporti ta' evalwazzjoni tal-Istati Membri.

Artikolu 7

Verifiki amministrattivi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jikkonformaw ma' dan ir-Regolament. Dawk il-miżuri għandhom jinkludu verifika amministrattiva tal-applikazzjonijiet kollha għall-għajnuna.

2.   Il-verifiki amministrattivi mwettqa fir-rigward tal-għajnuna mogħtija għall-provvista u għad-distribuzzjoni tal-prodotti għandhom jinkludu r-rieżami tad-dokumenti ta' sostenn, kif iddefinit mill-Istati Membri, relatati mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti.

Il-verifiki amministrattivi mwettqa fir-rigward tal-għajnuna mogħtija għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, ir-reklamar u l-miżuri ta' akkumpanjament għandhom jinkludu l-verifika tal-għoti tal-materjal u tas-servizzi u l-veraċità tan-nefqa ddikjarata.

3.   F'każ ta' għajnuna marbuta mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti u mal-miżuri ta' akkumpanjament, il-verifiki amministrattivi għandhom ikunu ssupplimentati b'verifiki fuq il-post f'konformità mal-Artikolu 8.

Artikolu 8

Verifiki fuq il-post

1.   F'każ ta' għajnuna marbuta mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti, il-verifiki fuq il-post għandhom jitwettqu u għandhom jinkludu b'mod partikolari l-verifika ta' dan li ġej:

(a)

ir-reġistri msemmija fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/247, inklużi r-reġistri finanzjarji bħall-fatturi tax-xiri u tal-bejgħ, in-noti ta' kunsinna jew l-estratti bankarji;

(b)

l-użu tal-prodotti f'konformità ma' dan ir-Regolament.

2.   Il-verifiki fuq il-post għandhom jitwettqu fir-rigward ta' kull sena skolastika. Dawn għandhom ikopru l-attivitajiet imwettqa matul it-tnax-il xahar ta' qabel.

Il-verifiki fuq il-post jistgħu jsiru matul l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' akkumpanjament.

3.   L-għadd totali ta' verifiki fuq il-post għandhom ikopru mill-inqas 5 % tal-għajnuna ddistribwita fil-livell nazzjonali u mill-anqas 5 % tal-applikanti kollha għall-għajnuna li jittrattaw il-provvista u d-distribuzzjoni tal-prodotti u l-miżuri ta' akkumpanjament.

Meta l-għadd tal-applikanti għall-għajnuna fi Stat Membru jkun anqas minn mija, il-verifiki fuq il-post għandhom jitwettqu fil-postijiet ta' mhux anqas minn ħames applikanti.

Meta l-għadd tal-applikanti għall-għajnuna fi Stat Membru jkun anqas minn ħamsa, il-verifiki fuq il-post għandhom jitwettqu fil-bini tal-applikanti kollha.

Meta l-applikant, li ma jkunx stabbiliment edukattiv, japplika għall-għajnuna marbuta mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti, il-verifika fuq il-post imwettqa fil-bini ta' dak l-applikant għandha tkun issupplimentata minn verifiki fuq il-post fil-bini ta' mill-inqas żewġ stabbilimenti edukattivi jew ta' mill-inqas 1 % tal-istabbilimenti edukattivi rreġistrati mill-applikant f'konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/247, skont liema minnhom ikun l-akbar.

Meta l-applikant japplika għall-għajnuna marbuta mal-miżuri ta' akkumpanjament, il-verifiki fuq il-post fil-bini tal-applikant jistgħu jiġu sostitwiti, abbażi ta' analiżi tar-riskju, minn verifiki fuq il-post fil-postijiet fejn jitwettqu l-miżuri ta' akkumpanjament. Fuq il-bażi ta' analiżi tar-riskju, l-Istati Membri għandhom jiffissaw il-livell ta' tali verifiki fuq il-post.

4.   Fuq il-bażi ta' analiżi tar-riskju, l-awtorità kompetenti għandha tagħżel dawk l-applikanti li għandhom jiġu soġġetti għal verifiki fuq il-post.

Għal dan l-għan, l-awtorità kompetenti għandha b'mod partikolari tqis dan li ġej:

(a)

iż-żoni ġeografiċi differenti;

(b)

in-natura rikorrenti tal-iżbalji u s-sejbiet tal-verifiki li jkunu twettqu fis-snin ta' qabel;

(c)

l-ammont ta' għajnuna involuta;

(d)

it-tip ta' applikanti;

(e)

it-tip ta' miżura ta' akkumpanjament, jekk ikun hemm.

5.   Sakemm l-iskop tal-verifiki ma jiġix ippreġudikat, jista' jingħata avviż bil-quddiem, limitat b'mod strett għall-perjodu taż-żmien minimu neċessarju.

6.   L-awtorità kompetenti ta' kontroll għandha tfassal rapport ta' kontroll dwar kull verifika fuq il-post. Ir-rapport għandu jiddeskrivi preċiżament il-prodotti differenti kkontrollati.

Ir-rapport ta' kontroll għandu jitqassam fil-partijiet li ġejjin:

(a)

parti ġenerali li jkun fiha l-informazzjoni li ġejja, jekk dan ikun rilevanti:

(i)

l-istrateġija tal-Iskema li tapplika, il-perjodu kopert, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna vverifikati, il-kwantitajiet tal-prodotti, l-istabbilimenti edukattivi li jkunu qed jipparteċipaw, stima bbażata fuq id-dejta disponibbli dwar l-għadd ta' tfal li għalihom tħallset l-għajnuna u l-ammont finanzjarju involut;

(ii)

il-persuni responsabbli preżenti;

(b)

parti li tiddeskrivi, b'mod separat, il-verifiki mwettqa, u li jkun fiha, b'mod partikolari, l-informazzjoni li ġejja:

(i)

id-dokumenti li ġew ivverifikati;

(ii)

in-natura u l-ammont ta' verifiki li jkunu twettqu;

(iii)

ir-rimarki u s-sejbiet.

7.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, sat-30 ta' Novembru wara t-tmiem tas-sena skolastika, bil-verifiki fuq il-post imwettqa u s-sejbiet relatati.

Artikolu 9

Rkupru ta' pagamenti indebiti

Għall-irkupru ta' ammonti mħallsa b'mod indebitu, għandu japplika, mutatis mutandis, l-Artikolu 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014.

Artikolu 10

Reklamar tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Iskema

1.   Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li ma jużawx il-kartellun imsemmi fl-Artikolu 10 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/247, fl-istrateġija tagħhom għandhom jispjegaw b'mod ċar kif se jgħarrfu lill-pubbliku dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-iskema għall-iskejjel tagħhom.

2.   Il-miżuri dwar ir-reklamar u l-mezzi ta' komunikazzjoni msemmija fil-punt (b)(ii) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/247 għandhom, sa fejn ikun possibbli, juru l-bandiera Ewropea u jsemmu “l-Iskema tal-Frott u tal-Ħxejjex għall-Iskejjel” tal-Unjoni jew l-akronimu tagħha u s-sostenn finanzjarju tal-Unjoni.

3.   L-għodod u l-materjal edukattiv li jridu jintużaw fil-qafas tal-miżuri ta' akkumpanjament imsemmija fil-punt (b)(iii) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/247 għandhom, sa fejn ikun possibbli, juru l-bandiera Ewropea u jsemmu “l-Iskema tal-Frott u tal-Ħxejjex għall-Iskejjel” tal-Unjoni jew l-akronimu tagħha u s-sostenn finanzjarju tal-Unjoni.

4.   Ir-referenzi għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandhom jirċievu mill-anqas l-istess viżibbiltà bħall-kontribuzzjonijiet minn entitajiet privati jew pubbliċi oħra li jkunu qed jappoġġaw l-iskema għall-iskejjel tal-Istat Membru.

5.   L-Istati Membri jistgħu jkomplu jużaw ħażniet eżistenti ta' kartelluni u għodod oħra ta' reklamar stampat qabel is-26 ta' Frar 2016 skont ir-Regolament (KE) Nru 288/2009.

Artikolu 11

Notifiki

In-notifiki mill-Istati Membri lill-Kummissjoni stipulati f'dan ir-Regolament għandhom isiru skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (8).

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika għal għajnuna għas-sena skolastika 2016/2017 u għas-snin skolastiċi sussegwenti.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(3)  ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12.

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 288/2009 tas-7 ta' April 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-għajnuna Komunitarja għall-forniment ta' frott u ħaxix, frott u ħaxix ipproċessat u prodotti tal-banana lit-tfal fl-istabbilimenti edukattivi, fil-qafas tal-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel (ĠU L 94, 8.4.2009, p. 38).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/247 tas-17 ta' Diċembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista u għad-distribuzzjoni ta' frott u ħxejjex, frott u ħxejjex ipproċessati u prodotti tal-banana fil-qafas tal-iskema tal-frott u tal-ħxejjex għall-iskejjel (ara l-paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 69).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta' Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3).


ANNESS

Allokazzjoni indikattiva tal-għajnuna mill-Unjoni lil kull Stat Membru

Stat Membru

Ir-rata tal-kofinanzjament (f'%)

Tfal bejn is-6 u l-10 snin — numri assoluti

EUR

L-Awstrija

75

406 322

2 239 273

Il-Belġju

75

611 450

3 369 750

Il-Bulgarija

90

316 744

2 094 722

Il-Kroazja

90

205 774

1 360 845

Ċipru

75

44 823

290 000

Ir-Repubblika Ċeka

88

480 495

3 124 660

Id-Danimarka

75

328 182

1 808 638

L-Estonja

90

66 436

439 361

Il-Finlandja

75

290 308

1 599 911

Franza

76

4 051 279

22 500 145

Il-Ġermanja

75

3 575 991

19 707 575

Il-Greċja

81

529 648

3 143 600

L-Ungerija

86

482 160

3 031 022

L-Irlanda

75

319 126

1 758 729

L-Italja

80

2 853 098

16 719 794

Il-Latvja

90

95 861

633 957

Il-Litwanja

90

136 285

901 293

Il-Lussemburgu

75

29 473

290 000

Malta

75

19 511

290 000

In-Netherlands

75

986 118

5 434 576

Il-Polonja

88

1 802 733

11 645 350

Il-Portugall

85

527 379

3 284 967

Ir-Rumanija

89

1 054 185

6 869 985

Is-Slovakkja

89

262 703

1 709 502

Is-Slovenja

83

91 095

554 291

Spanja

75

2 337 457

12 939 604

L-Iżvezja

75

518 322

2 856 514

Ir-Renju Unit

76

3 494 635

19 401 935

UE 28

79

25 917 593

150 000 000