4.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 297/1


DIRETTIVA (UE) 2016/1919 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta' Ottubru 2016

dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 82(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta' att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tiġi żgurata l-effikaċja tad-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat kif previst fid-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) billi titqiegħed l-assistenza ta' avukat imħallas mill-Istati Membri għad-dispożizzjoni ta' persuni ssuspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali u ta' persuni rijkesti li huma soġġetti għal proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew skont id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI (4) (persuni rikjesti).

(2)

Permezz tal-istabbiliment ta' regoli minimi komuni dwar id-dritt għal għajnuna legali għal persuni ssuspettati jew akkużati u persuni rikjesti, din id-Direttiva għandha l-għan li ssaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta' xulxin, u b'hekk ittejjeb ir-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonjiet f'materji kriminali.

(3)

It-tielet paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), l-Artikolu 6(3)(c) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u l-Artikolu 14(3)(d) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) jinkorporaw id-dritt għalgħajnuna legali fi proċedimenti kriminali skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dawk id-dispożizzjonijiet. Il-Karta għandha l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati, u l-Istati Membri huma partijiet għall-KEDB u l-ICCPR. Madankollu, l-esperjenza wriet li dan waħdu mhux dejjem jipprovdi livell suffiċjenti ta' fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta' Stati Membri oħra.

(4)

Fit-30 ta' Novembru 2009, il-Kunsill adotta Riżoluzzjoni dwar Pjan Direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta' persuni ssuspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (5) (“il-Pjan Direzzjonali”). Permezz ta' approċċ gradwali, il-Pjan Direzzjonali jappella għall-adozzjoni ta' miżuri rigward id-dritt għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni (miżura A), id-dritt għall-informazzjoni dwar id-drittijiet u l-informazzjoni dwar l-akkużi (miżura B), id-dritt għall-parir legali u l-għajnuna legali (miżura C), id-dritt li persuna tikkomunika mal-qraba, ma' min iħaddem u mal-awtoritajiet konsulari (miżura D), u garanziji speċjali għal persuni ssuspettati jew akkużati li jkunu vulnerabbli (miżura E).

(5)

Fil-11 ta' Diċembru 2009, il-Kunsill Ewropew laqa' l-Pjan Direzzjonali u inkludih bħala parti mill-Programm ta' Stokkolma — Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini (6) (punt 2.4). Il-Kunsill Ewropew enfasizza l-karattru mhux eżawrjenti tal-Pjan Direzzjonali billi stieden lill-Kummissjoni teżamina elementi ulterjuri ta' drittijiet proċedurali minimi għall-persuni ssuspettati u akkużati, u tivvaluta jekk hemmx bżonn jiġu indirizzati kwistjonijiet oħra, pereżempju l-preżunzjoni ta' innoċenza, sabiex tiġi promossa kooperazzjoni aħjar f'dak il-qasam.

(6)

Ħames miżuri dwar id-drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali ġew adottati s'issa skont il-Pjan Direzzjonali, speċifikament id-Direttivi 2010/64/UE (7), 2012/13/UE (8), 2013/48/UE, (UE) 2016/343 (9) u (UE) 2016/800 (10) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(7)

Din id-Direttiva hija relatata mat-tieni parti tal-miżura C tal-Pjan Direzzjonali, fir-rigward tal-għajnuna legali.

(8)

L-għajnuna legali għandha tkopri l-ispejjeż tad-difiża ta' persuni ssuspettati jew akkużati u persuni rikjesti. Meta jagħtu l-għajnuna legali, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jirrikjedu li persuni ssuspettati jew akkużati jew persuni rikjesti jħallsu parti minn dawk l-ispejjeż huma stess, skont ir-riżorsi finanzjarji tagħhom.

(9)

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/800, din id-Direttiva m'għandhiex tapplika fejn persuni ssuspettati jew akkużati, jew persuni rikjesti jkunu rrinunzjaw għad-dritt tagħhom ta' aċċess għal avukat skont rispettivament, l-Artikolu 9 jew l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2013/48/UE, u ma jkunux irrevokaw tali rinunzja, jew fejn l-Istati Membri jkunu applikaw id-derogi temporanji skont l-Artikolu 3(5) jew (6) tad-Direttiva 2013/48/UE, għat-tul ta' żmien ta' tali deroga.

(10)

Fejn persuna li ma kinitx inizjalment persuna ssuspettata jew akkużata, bħal xhud, issir persuna ssuspettata jew akkużata, dik il-persuna għandu jkollha dritt li ma tinkriminax lilha nnifisha u d-dritt li tibqa' siekta, skont il-liġi tal-Unjoni u l-KEDB, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Qorti tal-Ġustizzja) u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB). Għaldaqstant din id-Direttiva tagħmel referenza espliċita għas-sitwazzjoni prattika fejn tali persuna ssir persuna ssuspettata jew akkużata matul l-interrogazzjoni mill-pulizija jew minn awtorità oħra ta' infurzar tal-liġi fl-ambitu ta' proċedimenti kriminali. Fejn, matul tali interrogazzjoni, persuna li ma tkunx persuna ssuspettata jew akkużata ssir persuna ssuspettata jew akkużata, l-interrogazzjoni għandha tiġi sospiża minnufih. Madankollu, għandu jkun possibbli li titkompla l-interrogazzjoni fejn il-persuna kkonċernata tkun ġiet infurmata li saret persuna ssuspettata jew akkużata u dik il-persuna tkun tista' teżerċita kompletament id-drittijiet previsti f'din id-Direttiva.

(11)

F'xi Stati Membri awtorità li ma tkunx qorti li jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet kriminali jkollha l-kompetenza li timponi sanzjonijiet għajr iċ-ċaħda tal-libertà fir-rigward ta' reati relattivament minuri. Dan jista' jkun il-każ, pereżempju, fir-rigward ta' reati tat-traffiku li jitwettqu fuq skala kbira u li jista' jkun li jiġu stabbiliti b'segwitu għal kontroll tat-traffiku. F'tali sitwazzjonijiet, ma jkunx raġonevoli li l-awtoritajiet kompetenti jiġu rikjesti jiżguraw id-drittijiet kollha previsti f'din id-Direttiva. Fejn il-liġi ta' Stat Membru tipprevedi l-impożizzjoni ta' sanzjoni minn tali awtorità fir-rigward ta' reati minuri u jkun hemm dritt ta' appell jew il-possibilità li l-każ jiġi rinvijat b'xi mod ieħor quddiem qorti li jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet kriminali, din id-Direttiva għandha għaldaqstant tapplika biss għall-proċedimenti li jinġiebu quddiem dik il-qorti b'segwitu għal tali appell jew rinviju.

(12)

F'xi Stati Membri, ċerti reati minuri, b'mod partikolari reati minuri tat-traffiku, reati minuri fir-rigward ta' regolamenti muniċipali ġenerali u reati minuri kontra l-ordni pubbliku, jitqiesu bħala reati kriminali. F'tali sitwazzjonijiet, ma jkunx raġonevoli li l-awtoritajiet kompetenti jiġu rikjesti jiżguraw id-drittijiet kollha previsti taħt din id-Direttiva. Fejn il-liġi ta' Stat Membru tipprevedi li fir-rigward ta' reati minuri ma tistax tiġi imposta ċ-ċaħda tal-libertà bħala sanzjoni, din id-Direttiva għandha għaldaqstant tapplika biss għall-proċedimenti quddiem qorti li jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet kriminali.

(13)

L-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għal reati minuri hija soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f'din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jkunu jistgħu japplikaw test tal-mezzi, test tal-mertu, jew it-tnejn li huma sabiex jiddeterminaw jekk l-għajnuna legali għandhiex tingħata. Sakemm dan jikkonforma mad-dritt għal proċess ġust, jista' jitqies li t-test tal-mertu ma ġiex sodisfatt fir-rigward ta' ċerti reati minuri.

(14)

Il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva fir-rigward ta' ċerti reati minuri ma għandux jaffettwa l-obbligi tal-Istati Membri taħt il-KEDB li jiżguraw id-dritt għal proċess ġust, inkluż il-ksib ta' assistenza ta' avukat.

(15)

Sakemm dan ikun kompatibbli mad-dritt għal proċess ġust, is-sitwazzjonijiet li ġejjin ma jikkostitwixxux ċaħda tal-libertà fi ħdan it-tifsira ta' din id-Direttiva: l-identifikazzjoni tal-persuna ssuspettata jew akkużata; id-determinazzjoni ta' jekk għandhiex tinbeda investigazzjoni; il-verifika tal-pussess ta' armi jew kwistjonijiet simili oħra ta' sikurezza; it-twettiq ta' atti investigattivi jew atti ta' ġbir ta' provi apparti dawk speċifikament imsemmija f'din id-Direttiva, bħal tfittxijiet fuq il-persuna, eżamijiet fiżiċi, testijiet tad-demm, testijiet għall-alkoħol jew testijiet simili, jew it-teħid ta' ritratti jew tal-marki tas-swaba; it-tressiq tal-persuna ssuspettata jew akkużata quddiem awtorità kompetenti skont il-liġi nazzjonali.

(16)

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jagħtu għajnuna legali f'sitwazzjonijiet li ma jkunux koperti minn din id-Direttiva, pereżempju meta jitwettqu atti investigattivi jew atti ta' ġbir ta' provi apparti dawk speċifikament imsemmija f'din id-Direttiva.

(17)

Skont l-Artikolu 6(3)(c) tal-KEDB, il-persuni ssuspettati jew akkużati li ma jkollhomx biżżejjed riżorsi biex iħallsu għall-assistenza ta' avukat għandu jkollhom id-dritt għal għajnuna legali meta l-interessi tal-ġustizzja jirrikjedu dan. Din ir-regola minima tippermetti li l-Istati Membri japplikaw test tal-mezzi, test tal-mertu jew it-tnejn li huma. L-applikazzjoni ta' dawk it-testijiet m'għandhiex tintroduċi limiti għal, jew derogi minn, id-drittijiet jew il-garanziji proċedurali li huma żgurati mill-Karta u l-KEDB, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-QEDB.

(18)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu arranġamenti prattiċi fir-rigward tal-għoti ta' għajnuna legali. Tali arranġamenti jistgħu jistabbilixxu li l-għajnuna legali tingħata b'segwitu għal talba minn persuna ssuspettata, persuna akkużata jew persuna rikjesta. Minħabba, b'mod partikolari, il-ħtiġijiet ta' persuni vulnerabbli, tali talba m'għandhiex, madankollu, tkun kundizzjoni sostantiva għall-għoti tal-għajnuna legali.

(19)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu għajnuna legali mingħajr dewmien żejjed u sa mhux aktar tard mill-interrogazzjoni tal-persuna kkonċernata mill-pulizija, minn awtorità oħra ta' infurzar tal-liġi jew minn awtorità ġudizzjarja, jew qabel l-atti investigattivi jew l-atti ta' ġbir ta' provi speċifiċi msemmija f'din id-Direttiva jitwettqu. Jekk l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux jistgħu jagħmlu dan, huma għandhom mill-inqas jagħtu għajnuna legali urġenti jew proviżorja qabel ma jseħħ tali interrogatorju jew qabel tali atti investigattivi jew atti ta' ġbir ta' provi jitwettqu.

(20)

Fid-dawl tal-ispeċifiċità tal-proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva li jirrigwardaw biss persuni rikjesti għandha tqis din l-ispeċifiċità u m'għandha bl-ebda mod tippreġudika l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' din id-Direttiva.

(21)

Il-persuni rikjesti għandu jkollhom id-dritt għall-għajnuna legali fl-Istat Membru ta' eżekuzzjoni. Barra minn hekk, persuna rikjesta li tkun soġġetta għal proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew sabiex titmexxa prosekuzzjoni kriminali u li teżerċita d-dritt tagħha li tqabbad avukat fl-Istat Membru li jkun ħareġ il-mandat skont id-Direttiva 2013/48/UE għandu jkollha d-dritt għal għajnuna legali f'dak l-Istat Membru għall-finijiet ta' tali proċedimenti fl-Istat Membru ta' eżekuzzjoni, sa fejn l-għajnuna legali tkun meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja, kif stipulat fl-Artikolu 47 tal-Karta. Dan ikun il-każ fejn l-avukat fl-Istat Membru ta' eżekuzzjoni ma jkunx jista' jwettaq il-kompiti tiegħu fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta' mandat ta' arrest Ewropew b'mod effikaċi u effiċjenti mingħajr l-assistenza ta' avukat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat. Kwalunkwe deċiżjoni fir-rigward tal-għoti ta' għajnuna legali fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat għandha tittieħed minn awtorità li tkun kompetenti biex tieħu tali deċiżjonijiet f'dak l-Istat Membru, abbażi ta' kriterji stabbiliti minn dak l-Istat Membru meta jimplimenta din id-Direttiva.

(22)

Biex jiżguraw aċċess effettiv għas-servizzi ta' avukat minn persuni rikjesti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni rikjesti jkollhom dritt għall-għajnuna legali sakemm jiġu konsenjati jew sakemm id-deċiżjoni biex ma jiġux konsenjati ssir finali.

(23)

Meta jkunu qed jimplimentaw din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw rispett għad-dritt fundamentali għall-għajnuna legali kif previst mill-Karta u mill-KEDB. Meta jagħmlu dan, għandhom jirrispettaw il-Prinċipji u l-Linji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Aċċess għall-Għajnuna Legali fis-Sistemi tal-Ġustizzja Kriminali.

(24)

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar il-preżenza obbligatorja ta' avukat, awtorità kompetenti għandha tiddeċiedi, mingħajr dewmien żejjed, jekk għandhiex tingħata għajnuna legali jew le. L-awtorità kompetenti għandha tkun awtorità indipendenti li hija kompetenti biex tieħu d-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta' għajnuna legali, jew qorti, inklużi dawk komposti minn imħallef wieħed. F'sitwazzjonijiet urġenti, l-involviment temporanju tal-pulizija u l-prosekuzzjoni għandu madankollu jkun ukoll possibbli sa fejn dan ikun meħtieġ biex l-għajnuna legali tingħata f'waqtha.

(25)

Fejn tkun ingħatat għajnuna legali lil persuna ssuspettata, persuna akkużata jew persuna rikjesta, mod wieħed kif tiġi żgurata l-effikaċja u l-kwalità tagħha hu billi tiġi ffaċilitata l-kontinwità fir-rappreżentanza legali tagħha. F'dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-kontinwità tar-rappreżentanza legali matul il-proċedimenti kriminali kollha, kif ukoll — fejn ikun rilevanti — fl-ambitu tal-proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew.

(26)

Għandu jiġi pprovdut taħriġ adegwat lill-persunal involut fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-għajnuna legali fil-proċedimenti kriminali u fil-proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew. Mingħajr preġudizzju għall-indipendenza ġudizzjarja u d-differenzi fl-organizzazzjoni tal-ġudikatura madwar l-Istati Membri, l-Istati Membri għandhom jitolbu li dawk responsabbli għat-taħriġ tal-imħallfin jipprovdu tali taħriġ lill-qrati u l-imħallfin li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta' għajnuna legali.

(27)

Il-prinċipju tal-effikaċja tal-liġi tal-Unjoni jirrikjedi li l-Istati Membri jimplimentaw rimedji adegwati u effikaċi fil-każ li jkun hemm ksur ta' dritt mogħti lil individwi skont il-liġi tal-Unjoni. Għandu jkun hemm rimedju effikaċi disponibbli fejn id-dritt għal għajnuna legali jkun imminat jew l-għoti ta' għajnuna legali jiddewwem jew jiġi miċħud kompletament jew parzjalment.

(28)

Sabiex tiġi sorveljata u evalwata l-effikaċja ta' din id-Direttiva, hemm bżonn li tinġabar id-data rilevanti mid-data disponibbli fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva. Din id-data tinkludi, fejn ikun possibbli, l-għadd ta' talbiet għal għajnuna legali fi proċedimenti kriminali, kif ukoll fil-proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew fejn l-Istat Membru kkonċernat jaġixxi bħala l-Istat Membru ta' eżekuzzjoni jew dak li joħroġ il-mandat, l-għadd tal-każijiet meta tkun ingħatat l-għajnuna legali, u l-għadd ta' każijiet fejn tkun ġiet miċħuda talba għal għajnuna legali. Għandha tinġabar ukoll data dwar l-ispejjeż għall-għoti ta' għajnuna legali lill-persuni ssuspettati jew akkużati u lill-persuni rikjesti sa fejn ikun possibbli.

(29)

Din id-Direttiva għandha tapplika għal persuni ssuspettati, persuni akkużati u persuni rikjesti irrispettivament mill-istatus legali, miċ-ċittadinanza jew min-nazzjonalità tagħhom. L-Istati Membri għandhom jirrispettaw u jiggarantixxu d-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva, mingħajr ebda diskriminazzjoni abbażi ta' kwalunkwe motivazzjoni bħar-razza, il-kulur, is-sess, l-orjentazzjoni sesswali, il-lingwa, ir-reliġjon, l-opinjoni politika jew ta' tip ieħor, in-nazzjonalità, l-oriġini etnika jew soċjali, il-proprjetà, id-diżabilità jew it-twelid. Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali rikonoxxuti mill-Karta u mill-KEDB, inklużi l-projbizzjoni tat-tortura u ta' trattament inuman jew degradanti, id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà, ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-integrità tal-persuna, id-drittijiet tat-tfal, l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabbiltà, id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal proċess imparzjali, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għad-difiża. Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata f'konformita' ma' dawk id-drittijiet u prinċipji.

(30)

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jestendu d-drittijiet stipulati f'din id-Direttiva bil-għan li jipprovdu livell ogħla ta' protezzjoni. Tali livell ogħla ta' protezzjoni ma għandux jikkostitwixxi ostakolu għar-rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi ġudizzjarji li dawk ir-regoli minimi huma mfassla biex jiffaċilitaw. Il-livell ta' protezzjoni provdut mill-Istati Membri qatt ma għandu jkun inqas mill-istandards previsti mill-Karta jew mill-KEDB, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-QEDB.

(31)

Ladarba l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-iffissar ta' regoli minimi komuni dwar id-dritt ta' għajnuna legali għall-persuni ssuspettati jew akkużati u persuni rikjesti, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jista', minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, din tista' tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinkiseb dak l-għan.

(32)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, dawk l-Istati Membri mhumiex jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhumiex marbutin minnha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

(33)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u għalhekk mhijiex marbuta minnha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar id-dritt għal għajnuna legali għal:

(a)

persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali; u

(b)

persuni li jkunu soġġetti għal proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew skont id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI (persuni rikjesti).

2.   Din id-Direttiva tikkomplementa d-Direttivi 2013/48/UE u (UE) 2016/800. Xejn f'din id-Direttiva ma għandu jiġi interpretat bħala limitazzjoni tad-drittijiet previsti f'dawk id-Direttivi.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tapplika għall-persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali li jkollhom dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat skont id-Direttiva 2013/48/UE u li:

(a)

jiġu mċaħħda mil-libertà;

(b)

jkunu meħtieġa li jiġu assistiti minn avukat skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali; jew

(c)

jkunu meħtieġa jew permessi li jattendu għal att investigattiv jew att ta' ġbir ta' provi, inkluż bħala minimu dawn li ġejjin:

(i)

l-identifikazzjoni ta' persuni speċifiċi minn fost oħrajn;

(ii)

konfrontazzjonijiet;

(iii)

rikostruzzjonijiet tax-xena ta' reat.

2.   Din id-Direttiva tapplika wkoll, fil-mument tal-arrest fl-Istat Membru ta' eżekuzzjoni, għall-persuni rikjesti, li jkollhom dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat fis-sens tad-Direttiva 2013/48/UE.

3.   Din id-Direttiva tapplika wkoll, bl-istess kundizzjonijiet kif previst fil-paragrafu 1, għall-persuni li ma kinux inizjalment persuni ssuspettati jew akkużati iżda li jsiru persuni ssuspettati jew akkużati matul l-interrogazzjoni mill-pulizija jew awtorità oħra ta' infurzar tal-liġi.

4.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt għal proċess ġust, fir-rigward ta' reati minuri:

(a)

fejn il-liġi ta' Stat Membru tipprevedi l-impożizzjoni ta' sanzjoni minn awtorità li ma tkunx qorti li jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet kriminali, u quddiem jew lil tali qorti jkun jista' jsir appell kontra l-impożizzjoni ta' tali sanzjoni jew ir-rinviju tagħha; jew

(b)

fejn iċ-ċaħda tal-libertà ma tkunx tista' tiġi imposta bħala sanzjoni,

din id-Direttiva tapplika biss għall-proċedimenti quddiem qorti li jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet kriminali.

Fi kwalunkwe każ, din id-Direttiva tapplika meta tittieħed deċiżjoni dwar id-detenzjoni, u matul id-detenzjoni, fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti sal-konklużjoni tal-proċedimenti.

Artikolu 3

Definizzjoni

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, “għajnuna legali” tfisser il-finanzjament minn Stat Membru tal-assistenza minn avukat, biex ikun possibbli l-eżerċitar tad-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat.

Artikolu 4

Għajnuna legali fi proċedimenti kriminali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ssuspettati u akkużati li ma jkollhomx biżżejjed riżorsi biex iħallsu għall-assistenza ta' avukat ikollhom id-dritt għal għajnuna legali fejn l-interessi tal-ġustizzja jirrikjedu dan.

2.   L-Istati Membri jistgħu japplikaw test tal-mezzi, test tal-mertu, jew it-tnejn li huma sabiex jiddeterminaw jekk l-għajnuna legali għandhiex tingħata skont il-paragrafu 1.

3.   Fejn Stat Membru japplika test tal-mezzi, huwa għandu jqis il-fatturi rilevanti u oġġettivi kollha, bħad-dħul, il-kapital u s-sitwazzjoni tal-familja tal-persuna kkonċernata, kif ukoll l-ispejjeż tal-assistenza minn avukat, u l-istandard tal-għajxien f'dak l-Istat Membru, sabiex jiġi determinat jekk, f'konformita' mal-kriterji applikabbli f'dak l-Istat Membru, persuna ssuspettata jew akkużata għandhiex biżżejjed riżorsi biex tħallas għall-assistenza minn avukat.

4.   Fejn Stat Membru japplika test tal-mertu, huwa għandu jqis il-gravità tar-reat kriminali, il-kumplessità tal-każ u s-severità tas-sanzjoni li tista' tiġi imposta, sabiex jiġi determinat jekk l-interessi tal-ġustizzja jirrikjedux l-għoti ta' għajnuna legali. Fi kwalunkwe każ, għandu jitqies li t-test tal-mertu jkun ġie sodisfatt fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

fejn titressaq persuna ssuspettata jew akkużata quddiem qorti jew imħallef kompetenti sabiex tittieħed deċiżjoni dwar id-detenzjoni fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva; u

(b)

matul id-detenzjoni.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għajnuna legali tingħata mingħajr dewmien żejjed, u sa mhux aktar tard minn qabel l-interrogazzjoni mill-pulizija, minn awtorità oħra ta' infurzar tal-liġi jew minn awtorità ġudizzjarja, jew qabel li l-atti investigattivi jew l-atti ta' ġbir ta' provi previsti fl-Artikolu 2(1)(c) jitwettqu.

6.   L-għajnuna legali għandha tingħata għall-finijiet biss tal-proċedimenti kriminali fejn il-persuna kkonċernata tkun issuspettata jew akkużata b'reat kriminali.

Artikolu 5

L-għajnuna legali fil-proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew

1.   L-Istat Membru ta' eżekuzzjoni għandu jiżgura li l-persuni rikjesti jkollhom dritt għal għajnuna legali malli jiġu arrestati b'mandat ta' arrest Ewropew sal-mument tal-konsenja tagħhom, jew sa meta ssir finali d-deċiżjoni li l-konsenja ma ssirx.

2.   L-Istat Membru li joħroġ il-mandat għandu jiżgura li l-persuni rikjesti li jkunu soġġetti għall-proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew sabiex titmexxa prosekuzzjoni kriminali u li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jqabbdu avukat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat biex jassisti lill-avukat fl-Istat Membru ta' eżekuzzjoni skont l-Artikolu 10(4) u (5) tad-Direttiva 2013/48/UE jkollhom id-dritt għal għajnuna legali fl-Istat Membru li joħorġ il-mandat għall-finijiet ta' tali proċedimenti fl-Istat Membru ta' eżekuzzjoni, sa fejn l-għajnuna legali tkun meħtieġa sabiex jiġi żgurat l-aċċess effettiv għall-ġustizzja.

3.   Id-dritt għal għajnuna legali msemmi fil-paragrafi 1 u 2 jista' jiġi soġġett għal test tal-mezzi skont l-Artikolu 4(3), li għandu japplika mutatis mutandis.

Artikolu 6

Deċiżjonijiet rigward l-għoti ta' għajnuna legali

1.   Deċiżjonijiet dwar jekk għandhiex tingħata għajnuna legali jew le u dwar l-assenjar ta' avukati għandhom jittieħdu, mingħajr dewmien żejjed, minn awtorità kompetenti. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li l-awtorità kompetenti tieħu d-deċiżjonijiet tagħha b'mod diliġenti, filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuni ssuspettati jew akkużati u persuni rikjesti jiġu infurmati bil-miktub jekk it-talba tagħhom għall-għajnuna legali tiġi miċħuda totalment jew parzjalment.

Artikolu 7

Il-kwalità tas-servizzi ta' għajnuna legali u t-taħriġ

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri meħtieġa, inkluż fir-rigward tal-finanzjament, biex jiżguraw li:

(a)

ikun hemm sistema effikaċi ta' għajnuna legali li tkun ta' kwalità adegwata; u

(b)

is-servizzi ta' għajnuna legali jkunu ta' kwalità adegwata biex jiggarantixxu l-ekwità tal-proċedimenti, filwaqt li tiġi rispettata kif dovut l-indipendenza tal-professjoni legali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jingħata taħriġ adegwat lill-persunal involut fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-għajnuna legali fi proċedimenti kriminali u fil-proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew.

3.   Filwaqt li jirrispettaw kif dovut l-indipendenza tal-professjoni legali u r-rwol ta' dawk responsabbli għat-taħriġ tal-avukati, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jippromwovu l-għoti ta' taħriġ adegwat għall-avukati li jipprovdu servizzi ta' għajnuna legali.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuni ssuspettati jew akkużati u persuni rikjesti jkollhom id-dritt, fuq talba tagħhom, li l-avukat assenjat lilhom biex jipprovdi servizzi ta' għajnuna legali jiġi sostitwit, fejn iċ-ċirkustanzi speċifiċi jiġġustifikaw dan.

Artikolu 8

Rimedji

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni ssuspettati jew akkużati u persuni rikjesti jkollhom rimedju effettiv taħt il-liġi nazzjonali f'każ ta' ksur ta' drittijiethom taħt din id-Direttiva.

Artikolu 9

Persuni vulnerabbli

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bżonnijiet partikolari ta' persuni ssuspettati jew akkużati u persuni rikjesti vulnerabbli jitqiesu fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

Artikolu 10

L-għoti ta' dejta u rapport

1.   Sal-25 ta' Mejju 2021 u kull tliet snin wara din id-data, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw id-dejta disponibbli lill-Kummissjoni li turi kif ġew implimentati d-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva.

2.   Sal-25 ta' Mejju 2022 u kull tliet snin wara din id-data, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva fir-rigward tad-dritt għal għajnuna legali fi proċedimenti kriminali u fil-proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew.

Artikolu 11

Nonregressjoni

L-ebda dispożizzjoni f'din id-Direttiva ma għandha tiġi interpretata bħala limitazzjoni jew deroga minn kwalunkwe wieħed mid-drittijiet u s-salvagwardji proċedurali żgurati taħt il-Karta, il-KEDB, jew dispożizzjonijiet rilevanti oħra tad-dritt internazzjonali jew tal-liġi ta' kwalunkwe Stat Membru li jipprovdu livell ta' protezzjoni ogħla.

Artikolu 12

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-25 ta' Mejju 2019. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b'dan.

.Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir din ir-referenza għandhom jigu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta' Ottubru 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

I. LESAY


(1)  ĠU C 226, 16.7.2014, p. 63.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 13 ta' Ottubru 2016.

(3)  Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar id-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma' partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU L 294, 6.11.2013, p. 1).

(4)  Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1).

(5)  ĠU C 295, 4.12.2009, p. 1.

(6)  ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

(7)  Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1).

(8)  Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 142, 1.6.2012, p. 1).

(9)  Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta' ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU L 65, 11.3.2016, p. 1).

(10)  Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma ssuspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 1).