19.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 128/4


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/774

tat-18 ta' Mejju 2016

li temenda l-Anness II tad-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2000 dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(2)(b) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 2000/53/KE jipprojbixxi l-użu taċ-ċomb, tal-merkurju, tal-kadmju jew tal-kromju eżavalenti f'materjali u f'komponenti tal-vetturi mqiegħda fis-suq wara l-1 ta' Lulju 2003.

(2)

L-Anness II tad-Direttiva 2000/53/KE jelenka materjali u komponenti tal-vetturi li huma eżenti mill-projbizzjoni pprovduta fl-Artikolu 4(2)(a) tagħha. L-eżenzjonijiet 8(e), 8(f), 8(g), 8(h), 8(j) u 10 (d) tal-Anness II għandhom jiġu riveduti fl-2014.

(3)

Valutazzjoni tal-progress tekniku u xjentifiku wriet li l-użu taċ-ċomb fl-applikazzjonijiet koperti mill-eżenzjonijiet 8(h), 8(j) u 10 (d) m'għandux jiġi mtawwal għaliex l-użu taċ-ċomb f'dawn l-applikazzjonijiet issa jista' jiġi evitat.

(4)

Valutazzjoni tal-progress tekniku u xjentifiku wriet ukoll li l-użu taċ-ċomb fl-applikazzjonijiet koperti mill-eżenzjonijiet 8(e), 8(f) u 8(g) għadu ma jistax jiġi evitat peress li għadhom ma sarux disponibbli alternattivi oħra. Madankollu, peress li teżisti informazzjoni dwar alternattivi oħra għaċ-ċomb f'dawn l-applikazzjonijiet fil-futur, huwa xieraq li tiġi introdotta data għall-eżami mill-ġdid sabiex jiġi stabbilit jekk l-użu taċ-ċomb f'dawn l-applikazzjonijiet jistax jitwaqqaf.

(5)

Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness II tad-Direttiva 2000/53/KE huwa sostitwit mit-test fl-Anness ta' din id-Direttiva

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard minn sitt xhur mill-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-liġijiet, regolament u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom jgħaddu t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandhom ikun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Mejju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34.

(2)  ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.


ANNESS

“ANNESS II

Il-materjali u l-komponenti eżenti mill-Artikolu 4(2)(a)

Materjali u komponenti

L-ambitu u d-data tal-iskadenza tal-eżenzjoni

Li għandu jkollu tikketta jew ikun magħmul identifikabbli skont l-Artikolu 4(2)(b)(iv)

Iċ-ċomb bħala element ta' lligar

1(a).

Azzar maħsub biex jinħadem bil-makkinarju u komponenti tal-azzar iggalvanizzati b'immersjoni taħraq (batch hot dip) li fih mhux aktar minn 0,35 % tal-piż f'ċomb

 

 

1(b).

Folja ta' azzar galvanizzat kontinwament li fiha mhux aktar minn 0,35 % tal-piż f'ċomb

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Jannar 2016 u l-ispare parts għal dawn il-vetturi

 

2(a).

Aluminju maħsub biex jinħadem bil-makkinarju, b'kontenut ta' ċomb ta' mhux aktar minn 2 % tal-piż

Bħala spare parts għall-vetturi mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta' Lulju 2005

 

2(b).

Aluminju b'kontenut ta' ċomb ta' mhux aktar minn 1,5 % tal-piż

Bħala spare parts għall-vetturi mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta' Lulju 2008

 

2(c).

Aluminju b'kontenut ta' ċomb ta' mhux aktar minn 0,4 % tal-piż

 (1)

 

(3)

Liga tar-ram b'kontenut ta' ċomb ta' mhux aktar minn 4 % tal-piż

 (1)

 

4(a).

Ċilindri ta' ġewwa u ta' barra tal-bearings

Bħala spare parts għall-vetturi mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta' Lulju 2008

 

4(b).

Ċilindri ta' ġewwa u ta' barra tal-bearings fil-magni, trażmissjonijiet u kumpressuri tal-arja kkundizzjonata

Bħala spare parts għall-vetturi mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta' Lulju 2011

 

Iċ-ċomb u l-komposti taċ-ċomb fil-komponenti

(5)

Batteriji

 (1)

X

(6)

Mezzi għat-taffija tal-vibrazzjonijiet

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Jannar 2016 u l-ispare parts għal dawn il-vetturi

X

7(a).

Aġenti għall-ivvulkanizzar u stabilizzaturi għall-elastomeri f'pajpijiet tal-brejkijiet, pajpijiet tal-fjuwil, pajpijiet tal-ventilazzjoni tal-arja, partijiet tal-elastomeri jew tal-metall fix-xażi, u l-mountings tal-magna

Bħala spare parts għall-vetturi mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta' Lulju 2005

 

7(b).

Aġenti għall-ivvulkanizzar u stabilizzaturi għall-elastomeri f'pajpijiet tal-brejkijiet, pajpijiet tal-fjuwil, pajpijiet tal-ventilazzjoni tal-arja, partijiet tal-elastomeru jew tal-metall fix-xażi, u l-mountings tal-magna b'kontenut ta' ċomb ta' mhux aktar minn 0,5 % tal-piż

Bħala spare parts għall-vetturi mqiegħda fis-suq qabel il-1 ta' Lulju 2006

 

7(c).

Aġenti tal-irbit għall-elastomeri f'applikazzjonijiet tat-trażmissjoni b'kontenut ta' ċomb ta' mhux aktar minn 0,5 % tal-piż

Bħala spare parts għall-vetturi mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta' Lulju 2009

 

8(a).

Iċ-ċomb fl-istann biex jorbot il-komponenti elettriċi u elettroniċi mal-pjanċi taċ-ċirkwiti elettroniċi u ċ-ċomb fil-finituri tat-terminali tal-komponenti apparti mill-capacitors tal-elettrolit tal-aluminju, fuq il-pinnijiet tal-komponenti u fuq il-pjanċi taċ-ċirkwiti elettroniċi

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Jannar 2016 u l-ispare parts għal dawn il-vetturi

X (3)

8(b).

Iċ-ċomb fl-istann fl-applikazzjonijiet elettriċi apparti mill-issaldjar fuq il-pjanċi taċ-ċirkwiti elettroniċi jew fuq il-ħġieġ

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Jannar 2011 u l-ispare parts għal dawn il-vetturi

X (3)

8(c).

Iċ-ċomb fil-finituri tat-terminali tal-capacitors elettrolitiċi tal-aluminju

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Jannar 2013 u l-ispare parts għal dawn il-vetturi

X (3)

8(d).

Iċ-ċomb użat fl-issaldjar fuq il-ħġieġ fis-sensors tal-fluss tal-massa tal-arja

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Jannar 2015 u l-ispare parts għal dawn il-vetturi

X (3)

8(e).

Iċ-ċomb fi stann tat-tip li jiddewweb f'temperaturi għoljin (jiġifieri l-ligi b'bażi ta' ċomb li jkun fihom 85 % jew aktar tal-piż f'ċomb)

 (2)

X (3)

8(f)(a)

Iċ-ċomb f'sistemi ta' konnessjoni tat-tip 'compliant pin'

Vetturi approvati għat-tip qabel l-1 ta' Jannar 2017 u spare parts għal dawn il-vetturi

X (3)

8(f)(b).

Ċomb fis-sistemi ta' konnetturi tat-tip 'compliant pin' apparti minnn f'dawk il-punti fejn jitqabbdu l-konnetturi tal-faxxa tal-

 (2)

X (3)

8(g).

Iċ-ċomb fl-istann li jikkompleta konnessjoni elettrika vijabbli bejn id-damma tas-semikonduttur u carrier ġewwa ċirkwit integrat ta' pakketti flip chip

 (2)

X (3)

8(h).

Ċomb fl-istann biex jorbot apparat għat-tixrid tas-sħana ma' heat sink) fl-assemblaġġi tas-semikondutturi tal-provvista tal-elettriku b'ċippa b'erja ta' projezzjoni ta' mhux inqas minn 1 cm2 u b'densità tal-kurrent nominali tal-inqas ta' 1 A/mm2 tal-erja taċ-ċippa tas-silikon

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Jannar 2016 u spare parts għal dawn il-vetturi

X (3)

8(i).

Ċomb fi stann għall-applikazzjonijiet tal-igglejżjar bl-elettriku fuq il-ħġieġ bl-eċċezzjoni tal-issaldjar fl-igglejżjar laminat

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Jannar 2016 u spare parts għal dawn il-vetturi

X (3)

8(j).

Ċomb fi stann għall-issaldjar tal-ħġieġ laminat

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Jannar 2020 u spare parts għal dawn il-vetturi

X (3)

(9)

Valve seats

Bħala spare parts għal tipi ta' magni żviluppati qabel l-1 ta' Lulju 2003

 

10(a).

Komponenti elettriċi u elettroniċi li fihom ċomb fi ħġieg jew ċeramika, f'komposti matriċi tal-ħġieġ jew taċ-ċeramika, f'materjal tal-ħġieg u taċ-ċeramika, jew f'komposti matriċi tal-ħġieġ u taċ-ċeramika.

Din l-eżenzjoni ma tkoprix l-użu taċ-ċomb fi:

ħġieġ fil-bozoz u glejż tal-ispark plugs,

materjali dielettriċi taċ-ċeramika ta' komponenti elenkati taħt 10(b), 10(c) u 10(d).

 

X (4) (għal komponenti għajr il-piezo fil-magni)

10(b).

Iċ-ċomb fil-materjali taċ-ċeramika dielettrika bbażat fuq PZT tal-capacitors li jiffurmaw parti minn ċirkwiti integrati jew semikondutturi diskreti

 

 

10(c).

Ċomb f'materjali taċ-ċeramika dielettrika f'capacitors b'vultaġġ nominali ta' anqas minn 125 V AC jew 250 V DC

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Jannar 2016 u l-ispare parts għal dawn il-vetturi

 

10(d).

Ċomb fil-materjali taċ-ċeramika dielettrika ta' capacitors li jagħmel tajjeb għad-devjazzjonijiet relatati mat-temperatura tas-sensors f'sistemi tas-sonar ultrasoniċi

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Jannar 2017 u spare parts għal dawn il-vetturi

 

11.

Inizjaturi pirotekniċi

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Lulju 2006 u l-ispare parts għal dawn il-vetturi

 

12.

Materjali termoelettriċi li fihom iċ-ċomb u li jintużaw f'applikazzjonijiet elettriċi awtomotivi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 permezz tal-irkupru tas-sħana mill-egżost

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Jannar 2019 u l-ispare parts għal dawn il-vetturi

X

Il-kromju eżavalenti

13(a).

Kisi kontra l-korrużjoni

Bħala spare parts għall-vetturi mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta' Lulju 2007

 

13(b).

Kisi preventiv kontra l-korrużjoni marbut mal-assemblaġġi tal-boltijiet u l-iskorfini għall-applikazzjonijiet tax-xażi

Bħala spare parts għall-vetturi mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta' Lulju 2008

 

14.

Bħala prodott kontra l-korrużjoni fis-sistema tat-tkessiħ tal-azzar bil-karbonju fi friġġijiet tal-assorbiment f'karavans motorizzati sa 0,75 % tal-piż tas-soluzzjoni tat-tkessiħ għajr fejn jista' jiġi pprattikat l-użu ta' teknoloġiji oħra tat-tkessiħ (jiġifieri li jkunu disponibbli fis-suq għall-applikazzjonijiet f'karavans motorizzati) u li ma jwassalx għal impatti negattivi fuq l-ambjent, fuq is-saħħa u/jew fuq is-sikurezza tal-konsumatur

 

X

Merkurju

15(a).

Bozoz ta' skariku elettriku għall-applikazzjonijiet tal-fanali ta' quddiem

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Lulju 2012 u l-ispare parts għal dawn il-vetturi

X

15(b).

Tubi florexxenti użati fil-pannelli tad-displej tal-istrumenti

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Lulju 2012 u l-ispare parts għal dawn il-vetturi

X

Kadmju

16.

Batteriji għall-vetturi elettriċi

Bħala spare parts għall-vetturi mqiegħda fis-suq qabel il-31 ta' Diċembru 2008

 

Noti:

Għandu jiġi ttollerat valur massimu ta' konċentrazzjoni ta' mhux aktar minn 0,1 % tal-piż u f'materjal omoġenu, għaċ-ċomb, għall-kromju eżavalenti u għall-merkurju u ta' mhux aktar minn 0,01 % tal-piż f'materjal omoġenu għall-kadmju.

L-użu mill-ġdid ta' partijiet ta' vetturi li kienu diġà fis-suq fid-data tal-iskadenza tal-eżenzjoni għandu jitħalla mingħajr limitazzjoni billi mhuwiex kopert mill-Artikolu 4(2)(a).

L-ispare parts imqiegħda fis-suq wara l-1 ta' Lulju 2003 li jintużaw għal vetturi mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta' Lulju 2003 għandhom jiġu eżentati mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2)(a) (*).


(1)  Din l-eżenzjoni għandha tiġi riveduta fl-2015.

(2)  Din l-eżenzjoni għandha tiġi riveduta fl-2019.

(3)  Iż-żarmar fil-każ li, f'korrelazzjoni mal-entrata 10(a), jinqabeż limitu medju ta' 60 gramma għal kull vettura. Għall-applikazzjoni ta' din il-klawżola, ma għandhomx jitqiesu apparati elettroniċi mhux installati mill-manifattur fuq il-linja tal-produzzjoni.

(4)  Iż-żarmar jekk, f'korrelazzjoni mal-entrata 8(a) sa 8(j), jinqabeż limitu medju ta' 60 gramma għal kull vettura. Għall-applikazzjoni ta' din il-klawżola, ma għandhomx jitqiesu apparati elettroniċi mhux installati mill-manifattur fuq il-linja tal-produzzjoni.

(*)  Din il-klawżola ma għandhiex tapplika għall-piżijiet għall-ibbilanċjar tar-roti, għall-brushes tal-karbonju għall-muturi elettriċi u għall-firrodi tal-brejkijiet.”