4.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 119/132


DIRETTIVA (UE) 2016/681 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-27 ta' April 2016

dwar l-użu ta' data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u kriminalità serja

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (d) tal-Artikolu 82(1) u l-punt (a) tal-Artikolu 87(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Fis-6 ta' Novembru 2007 l-Kummissjoni adottat proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar l-użu tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi. Madankollu, mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, il-proposta tal-Kummissjoni, li kienet għadha mhux adottata mill-Kunsill sa dik id-data, skadiet.

(2)

Il-“Programm ta' Stokkolma — Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini” (3) jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta proposta għall-użu tad-data tal-PNR għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u kriminalità serja.

(3)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-21 ta' Settembru 2010“Dwar l-approċċ globali għat-trasferiment ta' data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) lejn pajjiżi terzi”, il-Kummissjoni indikat numru ta' elementi ewlenin ta' politika tal-Unjoni f'dan il-qasam.

(4)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE (4) tirregola t-trasferiment ta' informazzjoni antiċipata dwar il-passiġġieri (API) mit-trasportaturi bl-ajru lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bil-għan li jtejbu l-kontrolli fuq il-fruntieri u għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali.

(5)

L-objettivi ta' din id-Direttiva huma, fost affarijiet oħra, li tiġi żgurata s-sigurtà, li jiġu protetti l-ħajja u s-sikurezza tal-persuni, u li jinħoloq qafas legali għall-protezzjoni tad-data tal-PNR fir-rigward tal-ipproċessar tagħha mill-awtoritajiet kompetenti.

(6)

L-użu effettiv tad-data tal-PNR, pereżempju billi d-data tal-PNR tiġi mqabbla ma' diversi databases dwar persuni u oġġetti mfittxija, huwa meħtieġ għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u kriminalità serja u b'hekk tissaħħaħ is-sigurtà interna, biex jinġabru provi u, fejn rilevanti, biex jinstabu assoċjati ta' kriminali u jinqabdu netwerks kriminali.

(7)

Il-valutazzjoni tad-data tal-PNR tippermetti li jiġu identifikati persuni, li ma kinux suspettati li jistgħu jkunu involuti f'reati terroristiċi jew kriminalità serja qabel tali valutazzjoni, u li għandhom ikunu soġġetti għal aktar eżami mill-awtoritajiet kompetenti. Bl-użu tad-data tal-PNR huwa possibbli li tiġi indirizzata t-theddida ta' reati terroristiċi u ta' kriminalità serja minn perspettiva li hi differenti minn dik tal-ipproċessar ta' kategoriji oħra ta' data personali. Madankollu, biex jiġi żgurat li l-ipproċessar tad-data tal-PNR jibqa' limitat għal dak li hu neċessarju, il-ħolqien u l-applikazzjoni tal-kriterji tal-valutazzjoni għandhom jiġu limitati għal reati terroristiċi u l-kriminalità serja li għalihom ikun rilevanti li jintużaw ċerti kriterji. Barra minn hekk, il-kriterji ta' valutazzjoni għandhom jiġu definiti b'mod li jżomm għal minimu n-numru ta' persuni innoċenti li jiġu identifikati b'mod żbaljat mis-sistema.

(8)

It-trasportaturi bl-ajru diġà jiġbru u jipproċessaw data tal-PNR tal-passiġġieri tagħhom għall-finijiet kummerċjali tagħhom. Din id-Direttiva ma għandha timponi l-ebda obbligu fuq it-trasportaturi bl-ajru biex jiġbru jew iżommu data addizzjonali mill-passiġġieri jew xi obbligu fuq il-passiġġieri sabiex jipprovdu xi data addizzjonali ma' dik li diġà qed tkun ipprovduta lit-trasportaturi bl-ajru.

(9)

Xi trasportaturi bl-ajru jżommu d-data tal-API li huma jiġbru bħala parti mid-data tal-PNR, filwaqt li oħrajn ma jagħmlux dan. L-użu tad-data tal-PNR flimkien mad-data tal-API huwa valur miżjud fl-assistenza lill-Istati Membri sabiex jivverifikaw l-identità ta' individwu, u b'hekk isaħħu l-valur tal-infurzar tal-liġi ta' dak ir-riżultat u jnaqqsu r-riskju li jwettqu kontrolli u investigazzjonijiet fuq persuni innoċenti. Għalhekk huwa importanti li jkun żgurat li meta t-trasportaturi bl-ajru jiġbru d-data tal-API, huma jibagħtuha irrispettivament minn jekk iżommux id-data tal-API b'mezzi tekniċi li huma differenti minn dawk għal data tal-PNR oħra.

(10)

Għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u kriminalità serja, huwa essenzjali li l-Istati Membri kollha jintroduċu dispożizzjonijiet li jistabbilixxu obbligi fuq it-trasportaturi bl-ajru li joperaw titjiriet barra l-UE biex jittrasferixxu d-data tal-PNR li huma jiġbru, inkluż data tal-API. L-Istati Membri għandu jkollhom ukoll il-possibilità li jestendu dan l-obbligu fuq it-trasportaturi bl-ajru li joperaw titjiriet ġewwa l-UE. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2004/82/KE.

(11)

L-ipproċessar tad-data personali għandu jkun proporzjonali mal-għanijiet speċifiċi tas-sigurtà segwiti minn din id-Direttiva.

(12)

Id-definizzjoni ta' reati terroristiċi applikata f'din id-Direttiva għandha tkun l-istess bħal fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI (5). Id-definizzjoni ta' kriminalità serja għandha tinkludi l-kategoriji ta' reati elenkati fl-Anness II għal din id-Direttiva.

(13)

Id-data tal-PNR għandha tiġi ttrasferita lil unità nominata waħda ta' Informazzjoni dwar il-Passiġġieri (PIU) fl-Istat Membru rilevanti, sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza u jitnaqqsu l-ispejjeż għat-trasportaturi bl-ajru. Il-PIU jista' jkollha fergħat differenti fi Stat Membru wieħed u l-Istati Membri jistgħu wkoll jistabbilixxu PIU wieħed b'mod konġunt. L-Istati Membri għandhom jagħmlu skambji ta' informazzjoni bejniethom permezz tan-netwerks rilevanti għall-iskambju ta' informazzjoni biex jiffaċilitaw il-kondiviżjoni ta' informazzjoni u jiżguraw l-interoperabbiltà.

(14)

L-Istati Membri għandhom iġarrbu l-ispejjeż tal-użu, iż-żamma u l-iskambju tad-data tal-PNR.

(15)

Lista tad-data tal-PNR li għandha tinkiseb minn PIU għandha titfassal bil-fini li tirrifletti r-rekwiżiti leġittimi tal-awtoritajiet pubbliċi għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi jew kriminalità serja, b'hekk tittejjeb s-sigurtà interna ġewwa l-Unjoni kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari l-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali. Għal dak l-għan, għandhom jiġu applikati standards għoljin f'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”), il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta' Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali (“il-Konvenzjoni Nru 108”), u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (il-“KEDB”). Tali lista ma għandhiex tkun ibbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, sħubija fi trade union, is-saħħa, il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali tal-persuna. Id-data tal-PNR għandha tinkludi biss dettalji dwar il-prenotazzjonijiet u l-itinerarji tal-ivvjaġġar tal-passiġġieri li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw il-passiġġieri tal-ajru li jirrappreżentaw theddida għas-sigurtà interna.

(16)

Attwalment hemm żewġ metodi possibbli disponibbli għat-trasferiment ta' data: il-metodu “pull”, fejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jeħtieġu d-data tal-PNR jistgħu jaċċessaw is-sistema ta' prenotazzjoni tat-trasportatur bl-ajru u joħorġu (“pull”) kopja tad-data tal-PNR meħtieġa, u l-metodu “push”, fejn it-trasportaturi bl-ajru jittrasferixxu (“push”) id-data tal-PNR meħtieġa lill-awtorità li titlobha, u b'hekk jippermetti li t-trasportaturi bl-ajru jżommu kontroll fuq liema data tiġi pprovduta. Il-metodu “push” huwa kkunsidrat li joffri livell ogħla ta' protezzjoni tad-data u għandu jkun obbligatorju għat-trasportaturi bl-ajru kollha.

(17)

Il-Kummissjoni tappoġġa l-linji gwida tal-Organizzazzjoni għall-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) dwar il-PNR. Għaldaqstant dawk il-linji gwida għandhom ikunu l-bażi għall-adozzjoni tal-formati aċċettati tad-data għat-trasferimenti tad-data tal-PNR mit-trasportaturi bl-ajru lill-Istati Membri. Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' formati aċċettati tad-data, u ta' protokolli rilevanti applikabbli għat-trasferiment tad-data mit-trasportaturi bl-ajru, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(18)

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jippermettu lit-trasportaturi bl-ajru jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jipprevedu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi, inklużi dawk finanzjarji kontra dawk it-trasportaturi bl-ajru li jonqsu li jissodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tat-trasferiment tad-data tal-PNR.

(19)

Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli biex jivvaluta t-theddid potenzjali relatat ma' reati terroristiċi u kriminalità serja.

(20)

Filwaqt li jiġu kkunsidrati bis-sħiħ id-dritt tal-protezzjoni tad-data personali u d-dritt għan-nondiskriminazzjoni, ma għandha tittieħed l-ebda deċiżjoni li tipproduċi effett legali negattiv fuq persuna jew li taffettwa lil dik il-persuna b'mod sinifikanti biss minħabba l-ipproċessar awtomatizzat tad-data tal-PNR. Barra minn hekk, fir-rigward tal-Artikoli 8 u 21 tal-Karta, l-ebda deċiżjoni bħal din ma għandha tiddiskrimina fuq xi bażi bħas-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, is-sħubija ta' minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali tal-persuna. Il-Kummissjoni għandha wkoll tieħu kont ta' dawk il-prinċipji meta tirrevedi l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(21)

Ir-riżultat tal-ipproċessar ta' data tal-PNR fl-ebda ċirkostanza ma għandu jintuża mill-Istati Membri bħala raġuni biex jevitaw l-obbligi internazzjonali tagħhom skont il-Konvenzjoni tat-28 ta' Lulju 1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tagħha tal-31 ta' Jannar 1967, u lanqas ma għandu jintuża biex jiċħad mezzi legali sikuri u effettivi lill-persuni li jfittxu asil fit-territorju tal-Unjoni biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal protezzjoni internazzjonali.

(22)

Filwaqt li jiġi kkunsidrati bis-sħiħ il-prinċipji indikati fil-każistika reċenti rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għandha tiżgura li jiġu rispettati b'mod sħiħ id-drittijiet fundamentali, -id-dritt għall-privatezza u l-prinċipju tal-proporzjonalità. Għandha wkoll ġenwinament tilħaq l-objettivi tan-neċessità u l-proporzjonalità sabiex jinkisbu l-interessi ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni u l-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn fil-ġlieda kontra r-reati tat-terroriżmu u l-kriminalità serja. L-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għandha tkun ġustifikata kif xieraq u s-salvagwardji meħtieġa għandhom jiġu stabbiliti biex tkun żgurata l-legalità ta' kwalunkwe ħżin, analiżi, trasferiment jew użu tad-data tal-PNR.

(23)

L-Istati Membri għandhom jiskambjaw id-data tal-PNR li huma jirċievu ma xulxin u mal-Europol, fejn dan jitqies meħtieġ għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi jew kriminalità serja. Il-PIUs għandhom, fejn adatt, jibagħtu r-riżultat tal-ipproċessar tad-data tal-PNR mingħajr dewmien lill-PIUs ta' Stati Membri oħra għal aktar investigazzjoni. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal strumenti oħra tal-Unjoni dwar l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-pulizija u awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet ġudizzjarji, inklużi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI (7) u d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI (8). Dan l-iskambju tad-data tal-PNR għandu jiġi rregolat mir-regoli dwar il-kooperazzjoni mal-pulizija u dik ġudizzjarja u ma għandux jipperikola l-livell għoli ta' protezzjoni tal-privatezza u ta' data personali meħtieġa mill-Karta, il-Konvenzjoni Nru 108 u l-KEDB.

(24)

Għandu jiġi ggarantit skambju sigur ta' informazzjoni dwar id-data tal-PNR bejn l-Istati Membri permezz ta' kwalunkwe mezz eżistenti għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, u b'mod partikolari mal-Europol permezz tal-Applikazzjoni ta' Netwerk Sikur għall-Iskambju ta' Informazzjoni (SIENA) tal-Europol.

(25)

Il-perijodu li matulu għandha tinżamm id-data tal-PNR għandu jkun twil kemm hu neċessarju u proporzjonat għall-iskopijiet tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u kriminalità serja. Minħabba n-natura tad-data u l-użu tagħha, huwa meħtieġ li d-data tal-PNR tinżamm għal perijodu twil biżżejjed biex titwettaq analiżi tax-xejriet u għall-użu fl-investigazzjonijiet. Sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell ta' protezzjoni tad-data, wara l-perijodu inizjali ta' żamma d-data tal-PNR għandha tiġi depersonalizzata billi elementi tad-data jiġu mistura. Sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell ta' protezzjoni tad-data, l-aċċess għad-data tal-PNR kollha, li tippermetti l-identifikazzjoni diretta tas-suġġett tad-data, għandu jingħata biss taħt kondizzjonijiet stretti u limitati ħafna wara dak il-perijodu ta' żamma inizjali.

(26)

Fejn data tal-PNR speċifika tkun ġiet ittrasferita lil awtorità kompetenti u tintuża fil-kuntest ta' investigazzjonijiet jew prosekuzzjonijiet kriminali speċifiċi, iż-żamma ta' tali data mill-awtorità kompetenti għandha tiġi rregolata mil-liġi nazzjonali, irrispettivament mill-perijodi ta' żamma tad-data stabbiliti f'din id-Direttiva.

(27)

L-ipproċessar fil-livell tad-data tal-PNR f'kull Stat Membru mill-PIU u mill-awtoritajiet kompetenti għandu jkun soġġett għal standard ta' protezzjoni tad-data personali skont il-liġi nazzjonali b'mod konformi mad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (9), u r-rekwiżiti speċifiċi għall-protezzjoni tad-data stabbiliti f'din id-Direttiva. Referenzi għad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal-leġiżlazzjoni attwalment fis-seħħ kif ukoll għal leġiżlazzjoni li ser tissostitwixxiha.

(28)

Waqt li jiġi kkunsidrat id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, id-drittijiet ta's-suġġetti tad-data li jikkonċernaw l-ipproċessar tad-data tal-PNR tagħhom, bħad-drittijiet ta' aċċess, ta' rettifika, ta' tħassir u ta' restrizzjoni tad-data tal-PNR, u d-drittijiet għall-kumpens u riżarċiment ġudizzjarju, għandhom ikunu konformi kemm mad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI kif ukoll mal-livell ta' protezzjoni għoli pprovdut mill-Karta u mill-KEDB.

(29)

Waqt li jikkunsidraw id-dritt li l-passiġġieri jiġu informati bl-ipproċessar tad-data personali tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-passiġġieri jiġu pprovduti b'informazzjoni preċiża li hi faċilment aċċessibbli u li tista' tinftiehem faċilment dwar il-ġbir ta' data tal-PNR, it-trasferiment tagħha lill-PIU u d-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-data.

(30)

Din id-Direttiva hi mingħajr preġudizzju għal liġi nazzjonali u tal-Unjoni dwar il-prinċipju tal-aċċess pubbliku għal dokumenti uffiċjali.

(31)

It-trasferiment tad-data tal-PNR minn Stati Membri lejn pajjiżi terzi għandu jkun permess biss każ b'każ u b'konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet stipulati mill-Istati Membri skont id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI. Biex tkun żgurata l-protezzjoni tad-data personali, tali trasferimenti għandhom ikunu soġġetti għal rekwiżiti addizzjonali dwar l-iskop tat-trasferiment. Huma għandhom ukoll ikunu soġġett għall-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità u l-livell għoli ta' protezzjoni pprovdut mill-Karta u mill-KEDB.

(32)

L-awtorità nazzjonali ta' sorveljanza li ġiet stabbilita bl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI għandha tkun responsabbli wkoll biex tissorvelja u tagħti pariri dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skont din id-Direttiva.

(33)

Din id-Direttiva ma taffettwax il-possibbiltà li l-Istati Membri jipprevedu, taħt il-liġi nazzjonali tagħhom, sistema ta' ġbir u pproċessar ta' data tal-PNR mill-operaturi ekonomiċi li mhumiex trasportaturi bl-ajru, bħall-aġenziji tal-ivvjaġġar u operaturi turistiċi li jipprovdu servizzi relatati mal-ivvjaġġar — inkluża l-prenotazzjoni ta' titjiriet — li għalihom huma jiġbru u jipproċessaw data tal-PNR, jew mill-fornituri tat-trasport minbarra dawk speċifikati f'din id-Direttiva, sakemm tali liġi nazzjonali tkun konformi mal-liġi tal-Unjoni.

(34)

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-regoli attwali tal-Unjoni dwar il-mod li bih jitwettqu l-kontrolli fuq il-fruntieri jew għar-regoli tal-Unjoni li jirregolaw id-dħul u l-ħruġ mit-territorju tal-Unjoni.

(35)

B'riżultat tad-differenzi legali u tekniċi bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-ipproċessar tad-data personali, inkluża d-data tal-PNR, it-trasportaturi bl-ajru huma u ser ikunu affaċċjati b'rekwiżiti differenti dwar it-tipi ta' informazzjoni li għandhom jiġu trażmessi u l-kondizzjonijiet li taħthom hija trid tiġi pprovduta lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Dawk id-differenzi jistgħu jkunu ta' preġudizzju għall-kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi jew kriminalità serja. Għalhekk huwa neċessarju li fil-livell tal-Unjoni jiġi stabbilit qafas legali komuni għat-trasferiment u l-ipproċessar ta' data tal-PNR.

(36)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji tal-Karta, b'mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, id-dritt għall-privatezza u d-dritt għal nondiskriminazzjoni kif protetti mill-Artikoli 8, 7 u 21 tagħha, għandha għalhekk tiġi implimentata b'dan il-mod. Din id-Direttiva hija kompatibbli mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data u d-dispożizzjonijiet tagħha huma konformi mad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI. Barra minn hekk, biex tkun konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità, fir-rigward ta' kwistjonijiet speċifiċi din id-Direttiva tipprevedi regoli dwar il-protezzjoni tad-data aktar stretti mid-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI.

(37)

Il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva huwa limitat kemm jista' jkun, minħabba: li tipprevedi ż-żamma tad-data tal-PNR fil-PIUs għal perijodu ta' mhux aktar minn ħames snin, li warajh din id-data għandha titħassar, hija tipprevedi li d-data tiġi depersonalizzata billi jiġu mistura elementi tad-data wara perijodu inizjali ta' sitt xhur; u tipprojbixxi l-ġbir u l-użu ta' data sensittiva. Sabiex jiġu żgurati effiċjenza u livell għoli ta' protezzjoni tad-data, l-Istati Membri huma meħtieġa li jiżguraw li awtorità nazzjonali ta' sorveljanza indipendenti u, b'mod partikolari, uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jkunu responsabbli biex jagħtu pariri u jagħmlu monitoraġġ dwar il-mod li bih tiġi pproċessata d-data tal-PNR. L-ipproċessar kollu tad-data tal-PNR għandu jiġi rreġistrat jew iddokumentat għall-finijiet tal-verifika tal-legalità tiegħu, l-awtomonitoraġġ u sabiex tiġi żgurata integrità xierqa tad-data u tiżgura l-ipproċessar. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li lill-passiġġieri tingħatalhom informazzjoni ċara u preċiża dwar il-ġbir tad-data tal-PNR u dwar id-drittijiet tagħhom.

(38)

Peress li l-objettivi ta' din id-Direttiva — jiġifieri t-trasferiment tad-data tal-PNR mit-trasportaturi bl-ajru u l-ipproċessar ta' dik id-data għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u delitti kriminalità serja — ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(39)

F'konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dawk l-Istati Membri nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(40)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhux marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(41)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u ta opinjoni fil-25 ta' Marzu 2011,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tipprevedi:

(a)

it-trasferiment mit-trasportaturi bl-ajru tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) ta' passiġġieri ta' titjiriet barra l-UE lejn,

(b)

l-ipproċessar tad-data msemmija fil-punt (a), inkluż il-ġbir, l-użu u ż-żamma tagħha mill-Istati Membri u l-iskambju tagħha bejn l-Istati Membri.

2.   Id-data tal-PNR miġbura f'konformità ma' din id-Direttiva tista' tiġi pproċessata biss għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u kriminalità serja, kif previst fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 6(2).

Artikolu 2

Applikazzjoni ta' din id-Direttiva għal titjiriet ġewwa l-UE

1.   Jekk Stat Membru jiddeċiedi li japplika din id-Direttiva għal titjiriet ġewwa l-UE, huwa għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-miktub. Stat Membru jista' jagħti jew jirrevoka tali notifika fi kwalunkwe mument. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dik in-notifika u kwalunkwe revoka tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Fejn tingħata notifika msemmija fil-paragrafu 1, id-dispożizzjonijiet kollha ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw għal titjiriet ġewwa l-UE daqslikieku kienu titjiriet barra l-UE u għal data tal-PNR minn titjiriet ġewwa l-UE daqslikieku kienu data tal-PNR minn titjiriet barra l-UE.

3.   Stat Membru jista' jiddeċiedi li japplika din id-Direttiva għal titjiriet magħżulin biss ġewwa l-UE. Meta jieħu tali deċiżjoni, l-Istat Membru għandu jagħżel it-titjiriet li huwa jqis neċessarji biex ifittex li jilħaq l-objettivi ta' din id-Direttiva. L-Istat Membru jista' jiddeċiedi li jbiddel l-għażla ta' titjiriet ġewwa l-UE fi kwalunkwe ħin.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“trasportatur bl-ajru” tfisser impriża tat-trasport bl-ajru b'liċenzja tal-operat valida jew ekwivalenti li tippermettilha li twettaq ġarr ta' passiġġieri bl-ajru;

(2)

“titjira barra l-UE” tfisser kull titjira skedata jew mhux skedata minn trasportatur bl-ajru li jtir minn pajjiż terz u ppjanata li tinżel fit-territorju ta' Stat Membru jew li jtir mit-territorju ta' Stat Membru u ppjanata li tinżel f'pajjiż terz, li tinkludi fiż-żewġ każijiet titjiriet b'waqfa fit-territorju ta' Stati Membri jew pajjiżi terzi;

(3)

“titjira ġewwa l-UE” tfisser kull titjira skedata jew mhux skedata minn trasportatur bl-ajru li jtir mit-territorju ta' Stat Membru u ppjanata li tinżel fit-territorju ta' Stat Membru wieħed ieħor jew aktar, mingħajr waqfa fit-territorju ta' pajjiż terz;

(4)

“passiġġier” tfisser kwalunkwe persuna, inklużi passiġġieri fi trasferiment jew fi tranżitu u esklużi membri tal-ekwipaġġ, li tinġarr jew li għandha tinġarr fuq inġenji tal-ajru bil-kunsens tat-trasportatur bl-ajru, u tali kunsens jintwera permezz tar-reġistrazzjoni ta' dik il-persuna fil-lista tal-passiġġieri;

(5)

“reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri” jew “PNR” tfisser reġistru tar-rekwiżiti tal-ivvjaġġar ta' kull passiġġier li jinkludi informazzjoni meħtieġa biex tippermetti li l-prenotazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu pproċessati u kkontrollati mit-trasportaturi bl-ajru tal-prenotazzjoni u tal-parteċipazzjoni għal kull vjaġġ ipprenotat minn jew f'isem persuna, kemm jekk inkluża fuq sistema ta' prenotazzjoni, sistemi tal-kontroll tat-tluq, użati biex jiġu kkontrollati passiġġieri fuq titjiriet, jew sistemi ekwivalenti li jipprovdu l-istess funzjonalitajiet;

(6)

“sistemi ta' prenotazzjoni” tfisser is-sistema interna tat-trasportatur bl-ajru, fejn tinġabar id-data tal-PNR għall-ġestjoni tal-prenotazzjonijiet;

(7)

“metodu push” tfisser il-metodu fejn it-trasportaturi bl-ajru jittrasferixxu d-data tal-PNR elenkata fl-Anness I fid-database tal-awtorità li tkun qed titlobha;

(8)

“reati terroristiċi” tfisser ir-reati taħt il-liġi nazzjonali msemmija fl-Artikoli 1 sa 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI;

(9)

“kriminalità serja” tfisser ir-reati elenkati fl-Anness II, li huma punibbli b'piena ta' kustodja jew ordni ta' detenzjoni għal perijodu ta' mill-inqas tliet snin taħt il-liġi nazzjonali ta' Stat Membru;

(10)

“depersonalizzar billi jiġu mistura elementi tad-data” tfisser li dawk l-elementi tad-data li jistgħu jservu biex jidentifikaw direttament is-suġġett tad-data jiġu mistura għall-utent.

KAPITOLU II

Responsabbiltajiet tal-istati membri

Artikolu 4

Unità tal-informazzjoni dwar il-passiġġieri

1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi jew jinnomina awtorità kompetenti għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u ta' kriminalità serja u jew fergħa ta' din l-awtorità, biex taġixxi bħala l-unità tal-informazzjoni dwar il-passiġġieri (“PIU”) tiegħu.

2.   Il-PIU għandha tkun responsabbli għal:

(a)

il-ġbir tad-data tal-PNR minn trasportaturi bl-ajru, ħżin u l-ipproċessar ta' dik id-data u t-trażmissjoni ta' dik id-data jew tar-riżultat tal-ipproċessar tagħhom, lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 7;

(b)

l-iskambju kemm tad-data tal-PNR kif ukoll tar-riżultat tal-ipproċessar ta' dik id-data mal-PIUs ta' Stati Membri oħrajn u mal-Europol skont l-Artikoli 9 u 10.

3.   Il-membri tal-persunal ta' PIU jistgħu jiġu sekondati minn awtoritajiet kompetenti. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-PIUs b'riżorsi adegwati sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom.

4.   Żewġ Stati Membri jew aktar (l-Istati Membri parteċipanti) jistgħu jistabbilixxu jew jinnominaw awtorità waħda biex isservi bħala l-PIU tagħhom. Tali PIU għandha tiġi stabbilita f'wieħed mill-Istati Membri parteċipanti u għandha tiġi kkunsidrata bħala l-PIU nazzjonali tal-Istati Membri kollha parteċipanti. L-Istati Membri parteċipanti għandhom jaqblu b'mod komuni dwar ir-regoli dettaljati għall-operat tal-PIU u għandhom josservaw ir-rekwiżiti stabbiliti f'din id-Direttiva.

5.   Fi żmien xahar mill-istabbiliment tal-PIU tiegħu, kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b'dan, u jista' jimmodifika n-notifika tiegħu fi kwalunkwe ħin. Il-Kummissjoni għandha tippubblika n-notifika u kull modifika tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Uffiċjal tal-protezzjoni tad-data fil-PIU

1.   Il-PIU għandha taħtar uffiċjal tal-protezzjoni tad-data responsabbli għall-monitoraġġ tal-ipproċessar ta' data tal-PNR u għall-implimentazzjoni ta' salvagwardji rilevanti.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-uffiċjali tal-protezzjoni tad-data l-mezzi biex iwettqu d-dmirijiet u l-kompiti tagħhom, b'mod effikaċi u indipendenti, b'konformità ma' dan l-Artikolu.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li suġġett tad-data jkollu d-dritt li jikkuntattja lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, bħala punt ta' kuntatt uniku, dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-ipproċessar tad-data tal-PNR ta' dak is-suġġett tad-data.

Artikolu 6

Ipproċessar tad-data tal-PNR

1.   Id-data tal-PNR trasferita mit-trasportaturi bl-ajru għandha tinġabar mill-PIU tal-Istat Membru rilevanti kif previst fl-Artikolu 8. Fejn id-data tal-PNR trasferita mit-trasportaturi bl-ajru tinkludi data minbarra dik elenkata fl-Anness I, il-PIU għandha tħassar tali data immedjatament u permanentement malli tasal.

2.   Il-PIU għandha tipproċessa d-data tal-PNR biss għall-finijiet li ġejjin:

(a)

it-twettiq ta' valutazzjoni tal-passiġġieri qabel il-wasla skedata tagħhom fl-Istat Membru jew it-tluq mill-Istat Membru biex jiġu identifikati persuni li jeħtieġu analiżi ulterjuri mill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 7, u, fejn rilevanti, mill-Europol, b'konformità mal-Artikolu 10, fid-dawl tal-fatt li tali persuni jistgħu jkunu involuti f'reat terroristiku jew kriminalità serja;

(b)

tweġiba, każ b'każ, għal talba debitament motivata bbażata fuq raġunijiet suffiċjenti mill-awtoritajiet kompetenti biex tipprovdi u tipproċessa data tal-PNR f'każijiet speċifiċi għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi jew kriminalità serja, u biex tipprovdi r-riżultati ta' dan l-ipproċessar lill-awtoritajiet kompetenti jew, fejn adatt, lill-Europol; u

(c)

l-analizzar tad-data tal-PNR bil-għan li jiġu aġġornati jew jiġu stabbiliti kriterji ġodda biex jintużaw fil-valutazzjonijiet imwettqa taħt il-punt (b) tal-paragrafu 3 sabiex tiġi identifikata kwalunkwe persuna li tista' tkun involuta f'reat terroristiku jew kriminalità serja.

3.   Fit-twettiq tal-valutazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2, il-PIU tista':

(a)

tqabbel id-data tal-PNR ma' databases rilevanti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u kriminalità serja, inklużi databases dwar persuni jew oġġetti mfittxija jew soġġetti għal allert, f'konformità mar-regoli tal-Unjoni, internazzjonali u dawk nazzjonali applikabbli għal tali databases; jew

(b)

tipproċessa d-data tal-PNR skont kriterji stabbiliti minn qabel.

4.   Kwalunkwe valutazzjoni ta' passiġġieri qabel il-wasla skedata tagħhom fl-Istat Membru jew it-tluq mill-Istat Membru, imwettqa taħt il-punt (b) tal-paragrafu 3skont kriterji stabbiliti minn qabel, għandha titwettaq b'mod nondiskriminatorju. Dawk il-kriterji stabbiliti minn qabel għandhom ikunu mmirati, proporzjonati u speċifiċi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-kriterji jiġu stabbiliti u jiġu rieżaminati b'mod regolari mill-PIU f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 7. Il-kriterji fl-ebda ċirkostanza ma għandhom jiġu bbażati fuq l-oriġini ta' razza jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, ir-reliġjon jew it-twemmin filosofiku, is-sħubija fi trade union, is-saħħa, il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta' persuna.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe riżultat pożittiv li jirriżulta minn ipproċessar awtomatizzat ta' data tal-PNR imwettqa skont il-punt (a) tal-paragrafu 2 jiġi rivedut individwalment b'mezzi mhux awtomatizzati biex ikun verifikat jekk l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 7 għandhiex bżonn tieħu azzjoni taħt il-liġi nazzjonali.

6.   Il-PIU ta' Stat Membru għandha tibgħat id-data tal-PNR tal-persuni identifikati skont il-punt (a) tal-paragrafu 2 jew ir-riżultat tal-ipproċessar ta' dik id-data għal aktar analiżi lill-awtoritajiet kompetenti msemmijin fl-Artikolu 7 tal-istess Stat Membru. Dawn it-trasferimenti għandhom isiru biss każ b'każ u, fl-eventwalità ta' pproċessar awtomatizzat ta' data tal-PNR, wara li jsir rieżami individwali b'mezzi mhux awtomatizzati.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jkollu aċċess għad-data kollha pproċessata mill-PIU. Jekk l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jqis li l-ipproċessar ta' kwalunkwe data ma kienx legali, l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jista' jirreferi l-kwistjoni lill-awtorità nazzjonali ta' sorveljanza.

8.   Il-ħżin, l-ipproċessar u l-analiżi tad-data tal-PNR għandhom isiru b'mod esklużiv f'post jew postijiet siguri fit-territorju tal-Istati Membri.

9.   Il-konsegwenzi tal-valutazzjonijiet tal-passiġġieri msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu ma għandhomx jipperikolaw id-dritt ta' dħul ta' persuni li jgawdu d-dritt tal-Unjoni ta' moviment liberu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat kif stabbilit fid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Barra minn hekk, fejn valutazzjonijiet jitwettqu fir-rigward ta' titjiriet ġewwa l-UE bejn l-Istati Membri li għalihom japplika r-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), il-konsegwenzi ta' tali valutazzjonijiet għandhom jikkonformaw ma' dak ir-Regolament.

Artikolu 7

Awtoritajiet kompetenti

1.   Kull Stat Membru għandu jadotta lista tal-awtoritajiet kompetenti intitolati li jitolbu jew jirċievu data tal-PNR jew ir-riżultat tal-ipproċessar ta' dik id-data tal-PNR mill-PIU sabiex jeżaminaw aktar dik l-informazzjoni jew biex jieħdu azzjoni xierqa bil-fini tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi jew kriminalità serja.

2.   L-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu awtoritajiet kompetenti għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi jew kriminalità serja.

3.   Għall-fini tal-Artikolu 9(3), kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-lista tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu sal-25 ta' Mejju 2017, u jista' jimmodifika n-notifika tiegħu fi kwalunkwe ħin. Il-Kummissjoni għandha tippubblika n-notifika u kull modifika tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4.   Id-data tal-PNR u r-riżultat tal-ipproċessar ta' dik id-data tal-PNR riċevuti mill-PIU jistgħu jiġu pproċessati aktar mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biss għall-finijiet speċifiċi tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi jew kriminalità serja.

5.   Il-paragrafu 4 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-infurzar tal-liġi nazzjonali jew poteri ġudizzjarji ta' meta reati oħra, jew indikazzjonijiet tagħhom, jiġu skoperti matul l-andament ta' azzjoni tal-infurzar wara dan l-ipproċessar.

6.   L-awtoritajiet kompetenti ma għadhom jieħdu l-ebda deċiżjoni li tipproduċi effett legali negattiv fuq persuna jew li taffettwah b'mod sinifikattiv sempliċiment minħabba l-ipproċessar awtomatizzat tad-data tal-PNR. Tali deċiżjonijiet ma għandhomx jittieħdu abbażi tar-razza jew l-oriġini etnika, l-opinjonijiet politiċi, ir-reliġjon jew twemmin filosofiku, is-sħubija fi trade union, is-saħħa, il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta' persuna.

Artikolu 8

Obbligi fuq it-trasportaturi bl-ajru rigward it-trasferimenti tad-data

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li t-trasportaturi bl-ajru jittrasferixxu, permezz tal-“metodu push”, id-data tal-PNR elenkat fl-Anness I, sa fejn huma jkunu diġà ġabru tali data fl-attivitajiet normali tagħhom, għad-database tal-PIU tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ser tinżel it-titjira jew li mit-territorju tiegħu ser titlaq it-titjira. Meta t-titjira għandha l-kodiċi kondiviż bejn trasportatur bl-ajru wieħed jew aktar, l-obbligu għat-trasferiment tad-data tal-PNR tal-passiġġieri kollha fuq it-titjira għandu jkun fuq it-trasportatur bl-ajru li jopera t-titjira. Meta titjira barra l-UE jkollha waqfa waħda jew aktar f'ajruporti ta' Stati Membri, it-trasportaturi bl-ajru għandhom jittrasferixxu d-data tal-PNR tal-passiġġieri kollha lill-PIU tal-Istati Membri kollha kkonċernati. Dan japplika wkoll meta titjira ġewwa l-UE jkollha waqfa waħda jew aktar fl-ajruporti ta' Stati Membri differenti, iżda fir-rigward biss tal-Istati Membri li qed jiġbru d-data tal-PNR minn titjiriet ġewwa l-UE.

2.   Fl-eventwalità li t-trasportaturi bl-ajru jkunu ġabru xi data rigward informazzjoni antiċipata dwar il-passiġġieri (API) elenkata taħt il-punt 18 tal-Anness I iżda ma jżommux dik id-data bl-istess mezzi tekniċi bħal dawk għal data tal-PNR, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li t-trasportaturi bl-ajru jittrasferixxu, permezz tal-“metodu push”, wkoll dik id-data lill-PIU tal-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1. Fl-eventwalità ta' tali trasferiment, id-dispożizzjonijiet kollha ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw fir-rigward ta' dik id-data tal-API.

3.   It-trasportaturi bl-ajru għandhom jittrasferixxu d-data tal-PNR b'mezzi elettroniċi bl-użu ta' protokolli komuni u formati aċċettati tad-data li jkunu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 17(2) jew, fil-każ ta' ħsara teknika, bi kwalunkwe mezz xieraq ieħor li jiżgura livell xieraq ta' sigurtà tad-data:

(a)

24 sa 48 siegħa qabel il-ħin skedat għat-tluq tat-titjira; u

(b)

minnufih wara l-għeluq tat-titjira, jiġifieri hekk kif il-passiġġieri jkunu telgħu fuq l-inġenju tal-ajru lest għat-tluq u ma jkunx għadu possibbli li passiġġieri jitilgħu abbord jew jinżlu.

4.   L-Istati Membri għandhom jippermettu t-trasportaturi bl-ajru jillimitaw it-trasferiment imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 3 għall-aġġornamenti tat-trasferimenti imsemmija fil-punt (a) ta' dak il-paragrafu.

5.   Meta l-aċċess għad-data tal-PNR ikun meħtieġ għar-rispons għal theddida speċifika u reali marbuta ma' reati terroristiċi jew kriminalità serja, it-trasportaturi bl-ajru għandhom, każ b'każ, jittrasferixxu d-data tal-PNR f'ħinijiet oħra barra dawk imsemmijin fil-paragrafu 3, fuq talba ta' PIU skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 9

Skambju ta' informazzjoni bejn Stati Membri

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fir-rigward ta' persuni identifikati minn PIUf'konformità mal-Artikolu 6(2), id-data tal-PNR rilevanti u meħtieġa kollha jew ir-riżultat ta' pproċessar ta' dik id-data jiġi trażmess minn dik il-PIU lill-PIUs korrispondenti tal-Istati Membri l-oħra. Il-PIUtal-Istati Membri riċeventi għandhom jibagħtu, f'konformità mal-Artikolu 6(6), l-informazzjoni riċevuta lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom.

2.   Il-PIU ta' Stat Membru għandu jkollha d-dritt li titlob, jekk meħtieġ, li l-PIU ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor tipprovdilha d-data tal-PNR miżmuma fid-database ta' din tal-aħħar u li tkun għadha ma ġietx depersonalizzata billi jiġu mistura l-elementi tad-data skont l-Artikolu 12(2), kif ukoll, jekk meħtieġ, ir-riżultat ta' kwalunkwe pproċessar ta' dik id-data, jekk ikun diġà twettaq skont il-punt (a) tal-Artikolu 6(2). Tali talba għandha tkun debitament motivata. Hija tista' tkun ibbażata fuq kwalunkwe element tad-data waħda jew kumbinazzjoni ta' tali elementi tad-data, kif meqjusa meħtieġa mill-PIU li qed tagħmel it-talba għal każ speċifiku għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi jew kriminalità serja. Il-PIUs għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba hekk kif ikun prattikabbli. Fl-eventwalità li d-data mitluba tkun ġiet depersonalizzata billi jkunu ġew mistura l-elementi tad-data skont l-Artikolu 12(2), il-PIU għandha tipprovdi d-data sħiħa tal-PNR biss meta temmen raġonevolment li dan huwa neċessarju għall-fini msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 6(2) u meta tkun awtorizzata tagħmel hekk minn awtorità kompetenti msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 12(3).

3.   L-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jitolbu direttament lill-PIU ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor biex tipprovdilhom data tal-PNR miżmuma fid-database ta' din tal-aħħar biss meta jkun neċessarju f'każijiet ta' emerġenza u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2. It-talbiet mill-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu motivati. Kopja tat-talba dejjem għandha tintbagħat lill-PIU tal-Istat Membru li jagħmel it-talba. Fil-każijiet l-oħra kollha l-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħaddu t-talbiet tagħhom mill-PIU tal-Istat Membru tagħhom stess.

4.   Eċċezzjonalment, meta jkun meħtieġ aċċess għad-data tal-PNR bħala rispons għal theddida speċifika u reali marbuta ma' reati terroristiċi jew kriminalità serja, il-PIU ta' Stat Membru għandu ikollha d-dritt li titlob lill-PIU ta' Stat Membru ieħor biex tikseb data tal-PNR f'konformità mal-Artikolu 8(5) u tipprovdiha lill-PIU li tagħmel it-talba.

5.   L-iskambju ta' informazzjoni taħt dan l-Artikolu jista' jsir bl-użu ta' kwalunkwe mezz eżistenti għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Il-lingwaġġ użat għat-talba u l-iskambju ta' informazzjoni għandu jkun wieħed applikabbli għall-mezz użat. Meta jagħtu n-notifiki tagħhom f'konformità mal-Artikolu 4(5), l-Istati Membri għandhom jinfurmaw ukoll lill-Kummissjoni bid-dettalji tal-punti ta' kuntatt li lilhom jistgħu jintbagħtu t-talbiet f'każijiet ta' emerġenza. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika tali dettalji lill-Istati Membri.

Artikolu 10

Kondizzjonijiet għall-aċċess għal data tal-PNR mill-Europol

1.   Il-Europol għandu jkun intitolat li jitlob data tal-PNR jew ir-riżultat tal-ipproċessar ta' dik id-data mill-PIUs ta' Stati Membri fil-limiti tal-kompetenzi tiegħu u għat-twettiq tal-kompiti tiegħu.

2.   Il-Europol jista' jippreżenta, każ b'każ, talba elettronika u debitament motivata lill-PIU ta' kwalunkwe Stat Membru permezz tal-Unità Nazzjonali tal-Europol għat-trażmissjoni ta' data tal-PNR speċifika jew ir-riżultat tal-ipproċessar ta' dik id-data. Il-Europol jista' jippreżenta tali talba meta dan ikun strettament meħtieġ biex tappoġġa u ssaħħaħ azzjoni mill-Istati Membri biex tipprevjeni, tiskopri jew tinvestiga każ speċifiku ta' reat terroristiku jew kriminalità serja sa fejn tali reat jew kriminalità taqa' fil-kompetenza tal-Europol skont id-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI. Dik it-talba għandha tistabbilixxi raġunijiet raġonevoli li abbażi tagħhom il-Europol għandu jikkunsidra li t-trażmissjoni tad-data tal-PNR jew ir-riżultat tal-ipproċessar tad-data tal-PNR jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għall-prevenzjoni, l-iskoperta jew l-investigazzjoni tar-reat kriminali kkonċernat.

3.   Il-Europol għandu jinforma lill-uffiċjal għall-protezzjoni tad-data maħtur f'konformità mal-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI dwar kull skambju ta' informazzjoni skont dan l-Artikolu.

4.   L-iskambju ta' informazzjoni taħt dan l-Artikolu għandu jseħħ permezz ta' SIENA u f'konformità mad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI. Il-lingwaġġ użat għat-talba u l-iskambju ta' informazzjoni għandu jkun dak applikabbli għas-SIENA.

Artikolu 11

Trasferiment ta' data lil pajjiżi terzi

1.   Stat Membru jista' jittrasferixxi data tal-PNR u r-riżultat tal-ipproċessar ta' tali data li huma maħżuna mill-PIU f'konformità mal-Artikolu 12 lil pajjiż terz, każ b'każ biss u jekk:

(a)

jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI;

(b)

it-trasferiment huwa meħtieġ għall-finijiet ta' din id-Direttiva msemmija fl-Artikolu 1(2);

(c)

it-tielet pajjiż jaqbel li jittrasferixxi d-data lil pajjiż terz ieħor fil-każ biss li huwa strettament meħtieġ għall-finijiet ta' din id-Direttiva msemmija fl-Artikolu 1(2) u biss bl-awtorizzazzjoni espressa ta' dak l-Istat Membru; u

(d)

l-istess il-kondizzjonijiet bħal dawk stipulati fl-Artikolu 9(2) ikunu ssodisfati.

2.   Minkejja l-Artikolu 13(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI, trasferimenti ta' data tal-PNR mingħajr kunsens minn qabel tal-Istat Membru li mingħandu tkun inkisbet id-data għandhom ikunu permessi f'ċirkostanzi eċċezzjonali biss jekk:

(a)

tali trasferimenti jkunu essenzjali bħala rispons għal theddida speċifika u reali marbuta ma' reati terroristiċi jew kriminalità serja fi Stat Membru jew pajjiż terz, u

(b)

il-kunsens minn qabel ma jkunx jista' jinkiseb f'ħin debitu.

L-awtorità responsabbli għall-għoti tal-kunsens għandha tiġi informata minnufih u t-trasferiment għandu jkun debitament reġistrat u soġġett għall-verifika ex post.

3.   L-Istati Membri ma għandhomx jittrasferixxu data tal-PNR lill-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi ħlief taħt kondizzjonijiet konsistenti ma' din id-Direttiva u biss wara li jiġi żgurat li l-użu li r-riċevituri bi ħsiebhom jagħmlu mid-data tal-PNR ikun konsistenti ma' dawk il-kondizzjonijiet u s-salvagwardji.

4.   L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-PIU tal-Istat Membru li jkun ittrasferixxa d-data tal-PNR għandu jiġi informat kull darba li l-Istat Membru jittrasferixxi data tal-PNR skont dan l-Artikolu.

Artikolu 12

Perijodu ta' żamma tad-data u depersonalizzazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data tal-PNR ipprovduta mit-trasportaturi bl-ajru lill-PIU tinżamm f'bażi tad-data fil-PIU għal perijodu ta' ħames snin wara t-trażmissjoni tagħha lill-PIU tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu t-titjira tkun ser tinżel jew li minnu tkun ser titlaq.

2.   Wara l-iskadenza ta' perijodu ta' sitt xhur wara t-trasferiment tad-data tal-PNR kif imsemmi fil-paragrafu 1, id-data tal-PNR kollha għandha tiġi depersonalizzata billi jiġu mistura l-elementi tad-data li ġejjin li jistgħu jservu biex jidentifikaw direttament il-passiġġier li miegħu hija relatata d-data tal-PNR:

(a)

isem/ismijiet, inklużi l-ismijiet ta' passiġġieri oħra fuq il-PNR u l-għadd ta' vjaġġaturi fuq il-PNR li jivvjaġġaw flimkien;

(b)

indirizz u informazzjoni dwar il-kuntatt;

(c)

il-forom kollha ta' informazzjoni dwar il-ħlas, inkluż l-indirizz tal-ħruġ tal-kontijiet, sa fejn ikun fihom xi informazzjoni li tista' sservi biex jiġi identifikat direttament il-passiġġier li għalih jirreferi l-PNR jew kwalunkwe persuna oħra;

(d)

informazzjoni dwar dawk li jivvjaġġaw ta' spiss;

(e)

kummenti ġenerali sa fejn huma jkun fihom xi informazzjoni li tista' sservi biex jiġi identifikat direttament il-passiġġier li għalih huwa relatat l-PNR; u

(f)

kwalunkwe data tal-API li tkun ġiet miġbura.

3.   Mal-iskadenza tal-perijodu ta' sitt xhur imsemmi fil-paragrafu 2, l-iżvelar tad-data sħiħa tal-PNR għandu jkun permess biss fejn:

(a)

jitwemmen raġonevolment li dan huwa meħtieġ għall-finijiet imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 6(2) u

(b)

ikun approvat minn:

(i)

awtorità ġudizzjarja; jew

(ii)

awtorità nazzjonali kompetenti oħra skont il-liġi nazzjonali biex tivverifika jekk il-kondizzjonijiet għall-iżvelar humiex issodisfati, soġġett għall-kondizzjoni li l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-PIU jiġi informat u li ssir analiżi ex post minn dak l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data tal-PNR titħassar b'mod permanenti mal-iskadenza tal-perijodu msemmi fil-paragrafu 1. Dan l-obbligu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal każijiet fejn data speċifika tal-PNR ġiet trasferita lil awtorità kompetenti u intużat fil-kuntest ta' każijiet speċifiċi għall-finijiet ta' prevenzjoni, skoperta, investigazzjoni jew prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi jew kriminalità serja, f'liema każ iż-żamma ta' tali data mill-awtorità kompetenti għandha tiġi regolata mil-liġi nazzjonali.

5.   Ir-riżultat tal-ipproċessar imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 6(2) għandu jinżamm mill-PIU biss sakemm ikun meħtieġ biex jiġu informati l-awtoritajiet kompetenti u biex jiġu informati Stati Membri oħra b'riżultat pożittiv skont l-Artikolu 9(1). Fejn ir-riżultat ta' pproċessar awtomatizzat, wara analiżi individwali minn mezzi mhux awtomatizzati kif imsemmija fl-Artikolu 6(5), ikun ġie ppruvat li huwa negattiv, jista', madankollu, jinħażen sabiex jiġu evitati riżultati pożittivi “foloz” futuri sakemm id-data sottostanti ma tkunx tħassret taħt il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 13

Protezzjoni tad-data personali

1.   Kull Stat Membru għandu jipprevedi li, fir-rigward tal-ipproċessar kollu tad-data personali skont din id-Direttiva, kull passiġġier għandu jkollu l-istess dritt għall-protezzjoni tad-data personali tiegħu, drittijiet ta' aċċess, ta' rettifika, ta' tħassir u ta' restrizzjoni u drittijiet għall-kumpens u riżarċiment ġudizzjarju kif stipulat fil-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali u fl-implimentazzjoni tal-Artikoli 17, 18, 19 u 20 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI. Dawk l-Artikoli għandhom għalhekk japplikaw.

2.   Kull Stat Membru għandu jipprevedi li d-dispożizzjonijiet adottati taħt il-liġi nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-Artikoli 21 u 22 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI dwar il-kunfidenzjalità tal-ipproċessar u s-sigurtà tad-data għandhom japplikaw għall-ipproċessar kollu tad-data personali skont din id-Direttiva.

3.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-applikabbiltà tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) għall-ipproċessar ta' data personali minn trasportaturi bl-ajru, b'mod partikolari l-obbligi tagħhom li jieħdu miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jipproteġu s-sigurtà u l-kunfidenzjalità ta' data personali.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-ipproċessar ta' data tal-PNR li tiżvela r-razza jew l-oriġini etnika, l-opinjonijiet politiċi, ir-reliġjon jew twemmin filosofiku, is-sħubija ma' trade union, is-saħħa, il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta' persuna. F'każ li data tal-PNR li tiżvela tali informazzjoni tasal għand il-PIU, din għandha titħassar minnufih.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-PIUs iżommu dokumentazzjoni relatati mas-sistemi u l-proċeduri kollha ta' pproċessar taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Dik id-dokumentazzjoni għandu jkun fiha mill-anqas:

(a)

l-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-organizzazzjoni u l-persunal fil-PIU inkarigati bl-ipproċessar tad-data tal-PNR u l-livelli differenti ta' awtorizzazzjoni għall-aċċess;

(b)

it-talbiet magħmula mill-awtoritajiet kompetenti u l-PIU ta' Stati Membri oħra;

(c)

it-talbiet għal u t-trasferimenti kollha ta' data tal-PNR lil pajjiż terz.

Il-PIU għandha tagħmel id-dokumentazzjoni kollha disponibbli, fuq talba, lill-awtorità nazzjonali ta' sorveljanza.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-PIU żżomm reġistrazzjonijiet tal-anqas tal-operazzjonijiet ta' pproċessar li ġejjin: il-ġbir, il-konsultazzjoni, l-iżvelar u t-tħassir. Ir-reġistrazzjonijiet ta' konsultazzjoni u ta' żvelar għandhom juru, b'mod partikolari, il-fini, id-data u l-ħin ta' tali operazzjonijiet u, sa fejn possibbli, l-identità tal-persuna li tkun ikkonsultat jew żvelat id-data tal-PNR u l-identità tar-riċevituri ta' dik id-data. Ir-reġistrazzjonijiet għandhom jintużaw biss għall-finijiet ta' verifika, tal-awtomonitoraġġ, biex jiġu żgurati l-integrità tad-data u s-sigurtà tad-data u għall-awditjar. Il-PIU għandha tagħmel ir-reġistrazzjonijiet disponibbli, fuq talba, lill-awtorità nazzjonali ta' sorveljanza.

Dawk ir-reġistrazzjonijiet għandhom jinżammu għal perijodu ta' ħames snin.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-PIU tagħhom timplimenta l-miżuri u l-proċeduri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiġi żgurat livell għoli ta' sigurtà adatt għar-riskji rappreżentati mill-ipproċessar u n-natura tad-data tal-PNR.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn ksur tad-data personali probabbilment jirriżulta f'riskju għoli għall-protezzjoni tad-data personali jew jaffettwa negattivament il-privatezza tas-suġġett tad-data, il-PIU għandha tikkomunika mingħajr dewmien żejjed dak il-ksur lis-suġġett tad-data u lill-awtorità nazzjonali ta' sorveljanza.

Artikolu 14

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta' dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati.

B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jistipulaw regoli dwar penali, inkluż penali finanzjarji, kontra t-trasportaturi bl-ajru li ma jibagħtux id-data kif previst fl-Artikolu 8 jew li ma jagħmlux dan fil-format meħtieġ.

Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 15

Awtorità nazzjonali ta' sorveljanza

1.   Kull Stat Membru għandu jipprevedi li l-awtorità nazzjonali ta' sorveljanza msemmija fl-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI għandha tkun responsabbli għan-notifika u l-monitoraġġ tal-applikazzjoni fit-territorju tiegħu tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skont din id-Direttiva. L-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI għandu japplika.

2.   Dawk l-awtoritajiet tas-sorveljanza nazzjonali għandhom iwettqu l-attivitajiet taħt il-paragrafu 1 bil-ħsieb li jipproteġu d-drittijiet fundamentali fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali.

3.   Kull awtorità nazzjonali ta' sorveljanza għandha:

(a)

tittratta lmenti mressqa minn kwalunkwe suġġett tad-data, tinvestiga l-kwistjoni u tinforma lis-suġġetti tad-data dwar il-progress u l-eżitu tal-ilmenti tagħhom f'perijodu ta' żmien raġonevoli;

(b)

tivverifika l-legalità tal-ipproċessar tad-data, twettaq investigazzjonijiet, spezzjoni u awditjar f'konformità mal-liġi nazzjonali, jew fuq l-inizzjattiva tagħha inkella fuq il-bażi ta' lment imsemmi fil-punt (a).

4.   Kull awtorità nazzjonali ta' sorveljanza għandha, fuq talba, tagħti parir lil kwalunkwe suġġett tad-data dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet stipulati fid-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva.

KAPITOLU III

Miżuri ta' implimentazzjoni

Artikolu 16

Protokolli komuni u formati aċċettati tad-data

1.   It-trasferimenti kollha ta' data tal-PNR mit-trasportaturi bl-ajru lill-PIUs għall-finijiet ta' din id-Direttiva għandhom isiru b'mezzi elettroniċi li jipprovdu garanziji suffiċjenti fir-rigward tal-miżuri tekniċi ta' sigurtà u l-miżuri organizzattivi li jirregolaw l-ipproċessar li għandu jitwettaq. Fil-każ ta' ħsara teknika, id-data tal-PNR tista' tiġi trasferita permezz ta' kwalunkwe mezz adatt ieħor sakemm jinżamm l-istess livell ta' sigurtà u jkun hemm f'konformità sħiħa mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

2.   Sena wara d-data meta l-Kummissjoni tadotta protokolli komuni u formati aċċettati tad-data f'konformità mal-paragrafu 3, it-trasferimenti kollha ta' data tal-PNR mit-trasportaturi bl-ajru lill-PIUs għall-finijiet ta' din id-Direttiva għandhom isiru b'mod elettroniku bl-użu ta' metodi sikuri li jkunu konformi ma' dawk il-protokolli komuni. Tali protokolli għandhom ikunu komuni għat-trasferimenti kollha biex tiġi żgurata s-sigurtà tad-data tal-PNR matul it-trasferiment. Id-data tal-PNR għandha tiġi trasferita f'format aċċettat tad-data biex tiġi żgurata l-leġġibbiltà tagħhom mill-partijiet kollha involuti. It-trasportaturi bl-ajru kollha għandhom jiġu obbligati li jagħżlu u jidentifikaw lill-PIU l-protokoll komuni u l-format tad-data li biħsiebhom jużaw għat-trasferimenti tagħhom.

3.   Il-lista tal-protokolli komuni u l-formati aċċettati tad-data għandhom jitfasslu u, jekk ikun meħtieġ, aġġustati mill-Kummissjoni permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 17(2).

4.   Sakemm il-protokolli komuni u l-formati aċċettati tad-data msemmija fil-paragrafi 2 u 3 mhumiex disponibbli, għandu japplika l-paragrafu 1.

5.   Fi żmien sena mid-data tal-adozzjoni tal-protokolli komuni u l-formati aċċettati tad-data msemmija fil-paragrafu 2, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-miżuri tekniċi meħtieġa jiġu adottati biex ikunu jistgħu jintużaw dawk il-protokolli komuni u l-formati tad-data.

Artikolu 17

Proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Meta l-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

KAPITOLU IV

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 18

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikun hemm konformità ma' din id-Direttiva sal-25 ta' Mejju 2018. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jiġu akkompanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 19

Analiżi

1.   Fuq il-bażi tal-informazzjoni provduta mill-Istati Membri, inkluża l-informazzjoni statistika msemmija fl-Artikolu 20(2), il-Kummissjoni għandha sal-25 ta' Mejju 2020, twettaq analiżi tal-elementi kollha ta' din id-Direttiva u tissottometti u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

2.   Fit-twettiq tal-analiżi tagħha, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni speċjali lil:

(a)

konformità mal-istandards applikabbli ta' protezzjoni tad-data personali,

(b)

in-neċessità u l-proporzjonalità tal-ġbir u tal-ipproċessar tad-data tal-PNR għal kull wieħed mill-finijiet stabbiliti f'din id-Direttiva,

(c)

it-tul tal-perijodu taż-żamma tad-data,

(d)

l-effettività tal-iskambu ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri, u

(e)

lill-kwalità tal-valutazzjonijiet inkluż fir-rigward tal-informazzjoni statistika miġbura skont l-Artikolu 20.

3.   Ir-rapport imsemmi fil paragrafu 1 għandu jinkludi wkoll analiżi tan-neċessità, il-proporzjonalità, u l-effettività tal-inklużjoni fl-ambitu ta' din id-Direttiva l-ġbir obbligatorju u t-trasferiment ta' data tal-PNR relatati mat-titjiriet kollha ġewwa l-UE jew selezzjoni minnhom. Il-Kummissjoni għandha tieħu b'kont meħud tal-esperjenza miksuba mill-Istati Membri, speċjalment dawk l-Istati Membri li japplikaw din id-Direttiva għat-titjiriet ġewwa l-UE skont l-Artikolu 2. Ir-rapport għandu jikkunsidra ukoll in-neċessità ta' inklużjoni ta' operaturi ekonomiċi li mhumiex trasportaturi bl-ajru fl-ambitu ta' din id-Direttiva.

4.   Jekk adatt, fid-dawl tal-analiżi mwettqa skont dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bil-ħsieb li tiġi emendata din id-Direttiva.

Artikolu 20

Data statistika

1.   Fuq bażi annwali, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni sett ta' informazzjoni statistika dwar id-data tal-PNR provduta lill-PIUs. Din l-istatistika ma għandhiex tinkludi data personali.

2.   L-istatistika għandha bħala minimu tkopri:

(a)

in-numru totali ta' passiġġieri li nġabret u ġiet skambjata d-data tal-PNR tagħhom;

(b)

in-numru ta' passiġġieri identifikati għal aktar skrutinju.

Artikolu 21

Relazzjoni ma' strumenti oħra

1.   L-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali bejniethom dwar l-iskambju tal-informazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti li jkunu fis-seħħ fil-24 ta' Mejju 2016, sa fejndawn il-ftehimiet jew arranġamenti jkunu kompatibbli ma' din id-Direttiva.

2.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-applikabbiltà tad-Direttiva 95/46/KE għall-ipproċessar ta' data personali minn operaturi tal-ajru.

3.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu jew impenn tal-Istati Membri jew tal-Unjoni permezz ta' ftehimiet bilaterali jew multilaterali ma' pajjiżi terzi.

Artikolu 22

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' April 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

J.A. HENNIS-PLASSCHAERT


(1)  ĠU C 218, 23.7.2011, p. 107.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' April 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta' April 2016.

(3)  ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE tad-29 ta' April 2004 dwar l-obbligu ta' trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri (ĠU L 261, 6.8.2004, p. 24).

(5)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal- eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta' April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) (ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37).

(8)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-simplifikazzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 386, 29.12.2006, p. 89).

(9)  Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta' data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali (ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(11)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77)

(12)  Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1).

(13)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).


ANNESS I

Data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri sa fejn miġbura mit-trasportaturi bl-ajru

1.

Lokalizzatur tar-reġistru tal-PNR

2.

Data tal-prenotazzjoni/ħruġ tal-biljett

3.

Data(i) tal-ivvjaġġar ippjanat

4.

Isem(ismijiet)

5.

Indirizz u informazzjoni tal-kuntatt (numru tat-telefon, indirizz tal-posta elettronika)

6.

Il-forom kollha tal-informazzjoni dwar il-ħlas, inkluż l-indirizz fejn jintbagħat il-kont

7.

Itinerarju sħiħ tal-ivvjaġġar għall-PNR speċifika

8.

Informazzjoni dwar dawk li jivvjaġġaw ta' spiss

9.

Aġenzija tal-ivvjaġġar/aġent tal-ivvjaġġar

10.

Status tal-ivvjaġġar tal-passiġġier, inklużi konfermi, status taċ-check-in, informazzjoni dwar in-nuqqas jew il-preżenza

11.

Informazzjoni tal-PNR mifruda/maqsuma

12.

Kummenti ġenerali (inkluża l-informazzjoni kollha disponibbli fuq minuri mhux akkumpanjati taħt it-18-il sena, bħall-isem u s-sess tal-minuri, l-età, l-ilsien (ilsna) mitkellem (mitkellma), l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-kustodja mat-tluq u r-relazzjoni mal-minuri, l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-kustodja mal-wasla u r-relazzjoni mal-minuri, l-aġent tat-tluq u tal-wasla)

13.

Informazzjoni fil-qasam tal-biljetti, inkluż in-numru tal-biljett, id-data tal-ħruġ tal-biljett u biljetti lejn direzzjoni waħda, spazji tal-automated ticket fare quote

14.

Numru tal-post u informazzjoni oħra dwar il-post

15.

Informazzjoni dwar il-kondiviżjoni tal-kodiċi

16.

L-informazzjoni kollha dwar il-bagalji

17.

Numru u ismijiet oħra tal-vjaġġaturi fuq il-PNR

18.

Kwalunkwe data rigward informazzjoni antiċipata dwar il-passiġġieri (API) (inkluż it-tip, numru, pajjiż tal-ħruġ u data tal-iskadenza ta' kwalunkwe dokument ta' identità, ċittadinanza, isem tal-familja, isem mogħti, sess, data tat-twelid, linja tal-ajru, numru tat-titjira, data tat-tluq, data tal-wasla, port tat-tluq, port tal-wasla, ħin tat-tluq u l-ħin tal-wasla)

19.

Il-bidliet storiċi kollha tal-PNR elenkati taħt in-numri 1 sa 18.


ANNESS II

Lista ta' reati msemmijin fil-punt (9) tal-Artikolu 3

1.

parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali,

2.

traffikar tal-bnedmin,

3.

sfruttament sesswali ta' tfal u pedopornografija,

4.

traffikar illeċitu fid-drogi narkotiċi u s-sustanzi psikotropiċi,

5.

traffikar illeċitu ta' armi, munizzjon u splussivi,

6.

korruzzjoni,

7.

frodi, inkluża dik kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni,

8.

ħasil ta' rikavati minn kriminalità u falsifikazzjoni ta' munita, inkluż l-euro,

9.

kriminalità relatata mal-informatika/ċiberkriminalità,

10.

kriminalità ambjentali, inkluż it-traffikar illeċitu ta' speċi ta' annimali fil-periklu li jinqerdu u ta' speċi ta' pjanti u varjetajiet fil-periklu li jinqerdu,

11.

faċilitazzjoni tad-dħul u tar-residenza mhux awtorizzati,

12.

qtil, offiżi fiżiċi gravi fuq il-persuna,

13.

kummerċ illeċitu ta' organi u tessuti tal-bniedem,

14.

ħtif ta' persuni, żamma illegali ta' persuni u teħid ta' ostaġġi,

15.

serq organizzat jew bl-użu ta' armi,

16.

traffikar illeċitu f'beni kulturali, inklużi antikitajiet u opri tal-arti,

17.

falsifikazzjoni u piraterija ta' prodotti,

18.

falsifikazzjoni ta' dokumenti amministrattivi u traffikar ta' dawn,

19.

traffikar illeċitu ta' sustanzi ormonali u promoturi oħra tat-tkabbir,

20.

traffikar illeċitu ta' materjali nukleari jew radjoattivi,

21.

stupru,

22.

kriminalità fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

23.

ħtif illegali ta' inġenji tal-ajru/bastimenti,

24.

sabutaġġ,

25.

traffikar ta' vetturi misruqa,

26.

spjunaġġ industrijali.