6.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 3/48


DIRETTIVA TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/11

tal-5 ta' Jannar 2016

li temenda l-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE dwar il-kummerċjalizzazzjoni taż-żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-kummerċjalizzazzjoni taż-żerriegħa ta' pjanti taż-żejt u tal-fibra (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 24 tagħha,

Billi:

(1)

Il-punt (2)(b) tat-Taqsima I tal-Anness II tad-Direttiva 2002/57/KE jistabbilixxi l-purità minima varjetali taż-żerriegħa tal-pjanti ibridi tal-kolza Żvediża.

(2)

L-istandard tal-purità attwali ta' 90 % li huwa applikabbli għal varjetajiet ibridi kemm tal-kolza tar-rebbiegħa u kemm tal-kolza tax-xitwa m'għadux jirrifletti l-karatteristiċi tekniċi speċjali u lanqas il-limitazzjonijiet tal-produzzjoni taż-żerriegħa tal-kolza tar-rebbiegħa.

(3)

Il-kundizzjonijiet għall-produzzjoni taż-żerriegħa previsti fid-Direttiva 2002/57/KE huma bbażati fuq standards aċċettati fuq livell internazzjonali għall-Iskemi taż-Żerriegħa stabbiliti mill-OECD (Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi).

(4)

L-istandard tal-purità varjetali għaż-żerriegħa tal-kolza tar-rebbiegħa għandu jiġi adattat għall-istandard stabbilit mill-OECD.

(5)

Għalhekk, l-Anness II tad-Direttiva 2002/57/KE għandu jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi tal-Anness II tad-Direttiva 2002/57/KE

Fit-Taqsima I tal-Anness II tad-Direttiva 2002/57/KE, il-punt (2)(b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

Il-purezza varjetali minima taż-żerriegħa għandha tkun:

żerriegħa bażika, komponent femminili: 99,0 %;

żerriegħa bażika, komponent maskili: 99,9 %;

żerriegħa ċċertifikata ta' varjetajiet tal-kolza tax-xitwa Żvediżi: 90,0 %;

żerriegħa ċċertifikata ta' varjetajiet tal-kolza tar-rebbiegħa Żvediżi: 85,0 %.”

Arikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Jannar 2017.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn refrenza bħal din waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Arikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Arikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Jannar 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 193, 20.7.2002, p. 74.