3.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 329/105


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2124

tat-30 ta' Novembru 2016

dwar l-armonizzazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni u tal-kundizzjonijiet tal-liċenzji ġenerali ta' trasferiment għal riċevituri ċċertifikati kif imsemmi fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2016) 7728)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), l-Istati Membri huma obbligati li jippubblikaw minn tal-inqas erba' liċenzji ġenerali ta' trasferiment.

(2)

Il-liċenzji ġenerali ta' trasferiment huma element ewlieni tas-sistema ta' liċenzjar issimplifikata li ddaħħlet bid-Direttiva 2009/43/KE.

(3)

Id-differenzi fil-kamp ta' applikazzjoni tal-liċenzji ġenerali ta' trasferiment ippubblikati minn Stati Membri f'termini ta' prodotti relatati mad-difiża koperti u l-kundizzjonijiet diverġenti applikati għat-trasferimenti ta' dawn il-prodotti jistgħu jfixklu l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/43/KE u l-kisba tal-għan tagħha ta' simplifikazzjoni. L-armonizzazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni u tal-kundizzjonijiet għat-trasferimenti skont il-liċenzji ġenerali ta' trasferiment ippubblikati minn Stati Membri hija importanti biex tiżgura l-attraenza u l-użu ta' dawk il-liċenzji.

(4)

Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2009/43/KE issuġġerew li l-armonizzazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni u tal-kundizzjonijiet għal trasferimenti b'liċenzji ġenerali ta' trasferiment ippubblikati mill-Istati Membri tista' tinkiseb bl-adozzjoni ta' Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni.

(5)

Il-linji gwida ppreżentati f'din ir-Rakkomandazzjoni huma r-riżultat ta' negozjati mal-Istati Membri dwar l-armonizzazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni u tal-kundizzjonijiet għal trasferimenti taħt liċenzja ġenerali ta' trasferiment għal riċevituri li jkunu ġew iċċertifikati skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/43/KE (“GTL-CR”).

(6)

Din ir-rakkomandazzjoni hija meqjusa bħala bażi għal GTL-CR tal-Istati Membri. Il-prodotti relatati mad-difiża elenkati taħt il-punt 1.1 ta' din ir-Rakkomandazzjoni huma lista minima u mhux eżawrjenti ta' prodotti li għalihom l-Istati Membri jippermettu t-trasferiment taħt il-GTL-CR tagħhom. Dan ifisser li l-GTL-CR ippubblikata minn Stat Membru tista' tippermetti wkoll it-trasferiment ta' prodotti relatati mad-difiża inklużi fl-Anness tad-Direttiva 2009/43/KE li mhumiex elenkati f'din ir-Rakkomandazzjoni.

(7)

L-Istati Membri jfakkru li huma marbuta b'impenji taħt il-liġi Ewropea, bħal Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (2), kif ukoll l-impenji internazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-esportazzjoni.

(8)

Din ir-Rakkomandazzjoni tapplika għal-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea kif imniżżel fl-Anness tad-Direttiva 2009/43/KE. Din ir-Rakkomandazzjoni ser tiġi aġġornata meta jkun meħtieġ sabiex tirrifletti aġġornamenti futuri tal-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.   LIĊENZJI ĠENERALI TA' TRASFERIMENT GĦAL RIĊEVITURI ĊĊERTIFIKATI SKONT L-ARTIKOLU 9(2) TAD-DIRETTIVA 2009/43/KE

1.1.   Prodotti relatati mad-difiża eliġibbli għal trasferiment taħt liċenzja ġenerali ta' trasferiment għal riċevituri ċċertifikati skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/43/KE

Dawn il-kategoriji LM bis-subpunti li ġejjin huma subsett tal-lista ta' prodotti relatati mad-difiża mniżżlin fl-Anness tad-Direttiva 2009/43/KE. Il-liċenzja ġenerali ta' trasferiment għal riċevituri ċċertifikati f'konformità mal-Artikolu 9 ta' dik id-Direttiva (“GTL-CR”) għandha, bħala minimu, tippermetti t-trasferiment ta' prodotti relatati mad-difiża speċifikati permezz tal-kategoriji LM hawn taħt. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jinkludu aktar kategoriji LM ta' prodotti relatati mad-difiża li jikkorrispondu fil-GTL-CR tagħhom.

Il-lista tal-kategoriji LM li għandhom jiġu koperti bħala minimu:

LM 6. Il-prodotti kollha huma inklużi, ħlief:

Vetturi kompluti:

Xażi u turretti

Tagħmir u komponenti esklużi minn kategoriji oħra fl-istess liċenzja ġenerali ta' trasferiment.

LM 9. Il-prodotti kollha, ħlief:

Bastimenti u sottomarini kompluti

Apparat ta' kxif ta' taħt l-ilma u l-komponenti tagħhom imfassla apposta

Sistemi ta' Propulsjoni Indipendenti mill-Arja ddisinjati apposta għal sottomarini u u l-komponenti tagħhom imfassla apposta

Bwieq sħaħ

Kontromiżuri

Tagħmir u komponenti esklużi minn kategoriji oħra fl-istess liċenzja ġenerali ta' trasferiment.

LM 10. Il-prodotti kollha, ħlief:

Inġenju tal-ajru komplut

UAVs kompluti u komponenti ddisinjati apposta jew modifikati għall-UAVs

Oqsfa tal-inġenji tal-ajru tal-ġlied u tal-ħelikopters tal-ġlied

Magni tal-inġenji tal-ajru tal-ġlied

Tagħmir u komponenti esklużi minn kategoriji oħra fl-istess liċenzja ġenerali ta' trasferiment.

LM 11. Subpunt (a). Dawn il-merkanziji biss:

Tagħmir ta' gwida u ta' navigazzjoni, ħlief is-sistemi ta' MANPADS jew kif iddefinit mill-MTCR I

Sistemi awtomatizzati ta' kmand u kontroll.

LM 13. Subpunti (c) u (d).

LM 15. Subpunti (b), (c) u (d).

LM 16. Il-prodotti kollha, ħlief:

Prodotti relatati mal-MANPADS

Kwalunkwe punt relatat ma' prodotti li l-esportazzjoni tagħhom mhix permessa fl-istess liċenzja ġenerali ta' trasferiment

LM 17. Subpunti (a), (b), (d), (e), (j), (k), (l), (m), (n), (o) u (p). Il-prodotti kollha, ħlief:

Subpunt (n): Mudelli ta' ttestjar huma esklużi jekk ikunu ddisinjati speċifikament għall-iżvilupp ta' prodotti speċifikati minn LM4, 6, 9 jew 10 kif ukoll komponenti ddisinjati apposta għal dawn il-mudelli tat-test.

LM 21. Subpunt (a). Il-prodotti li ġejjin biss u jekk ikunu awtorizzati minn kategoriji oħra f'din il-liċenzja ġenerali ta' trasferiment biss:

(a)

“Software” ddisinjat apposta jew immodifikat għal kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

1.

It-tħaddim jew il-manutenzjoni ta' tagħmir stabbilit fl-Anness tad-Direttiva 2009/43/KE;

(b)

“Software” speċifiku, minbarra s-software speċifikat minn ML21.a., kif ġej:

1.

“Software” ddisinjat apposta għal użu militari u maħsub apposta għall-immudellar, l-istimulazzjoni u l-evalwazzjoni tas-sistemi tal-armi militari;

4.

“Software” ddisinjat apposta għall-użu militari u ddisinjat apposta għal Kmand, Komunikazzjonijiet, Kontroll u Intelligence (C3I) jew applikazzjonijiet ta' Kmand, Komunikazzjonijiet, Kontroll, Kompjuter u Intelligence (C4I);

LM 22. Subpunt (a). It-teknoloġiji kollha għajr dawk meħtieġa għall-iżvilupp u l-produzzjoni u jekk ikunu awtorizzati minn kategoriji oħra fl-istess liċenzja ġenerali ta' trasferiment biss.

1.2.   Kundizzjonijiet li għandhom ikunu inkorporati fil-Liċenzja Ġenerali ta' Trasferiment għal riċevituri ċertifikati

Din il-lista ta' kundizzjonijiet mhijiex eżawrjenti. Madankollu, kundizzjonijiet oħra miżjuda minn Stat Membru f'GTL-CR m'għandhomx jikkontradixxu jew jimminaw il-kundizzjonijiet elenkati hawn taħt.

Validità ġeografika: Iż-Żona Ekonomika Ewropea (l-UE 28 u l-Iżlanda u n-Norveġja (3)).

Trasferimenti mill-ġdid fi ħdan iż-ŻEE huma permessi mingħajr kontrolli ex-ante; jista jkun meħtieġ biss rappurtar ex-post.

L-esportazzjoni mill-ġdid: L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw il-ħelsien minn kwalunkwe limitazzjonijiet tal-esportazzjoni f'waħda jew aktar mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

għal komponenti integrati skont l-għan tal-Artikolu 4(8) tad-Direttiva 2009/43/KE;

Filkaż li l-utent aħħari jinsab f'wieħed minn dawn il-pajjiżi: L-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, New Zealand, l-Iżvizzera, il-Liechtenstein u l-Istati Uniti tal-Amerka.

Fiż-żewġ każijiet ta' riesportazzjoni, l-awtorità nazzjonali kompetenti mill-Istat Membru tal-oriġini tista' titlob lill-fornitur għal dikjarazzjoni ta' użu li għandu jipprovdi l-benefiċjarju ċċertifikat skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/43/KE.

Għall-fini ta' verifika ex-post taħt il-GTL-CR, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri jirrappurtaw dwar l-użu tal-GTL-CR skont ir-rekwiżiti minimi ta' rappurtar kif speċifikat fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2009/43/KE.

2.   SEGWITU

L-Istati Membri huma mistiedna jagħtu effett lil din ir-Rakkomandazzjoni sa mhux aktar tard mill-[1 ta' Lulju 2017]

L-Istati Membri huma mħeġġa biex jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe miżura meħuda biex tagħti effett lil din ir-Rakkomandazzjoni.

3.   DESTINATARJI

Din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Novembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Elżbieta BIEŃKOWSKA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Id-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta' prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità (ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1).

(2)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 111/2013 tal-14 ta' Ġunju 2013 li temenda l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE (ĠU L 318, 28.11.2013, p. 12), li nkorporat id-Direttiva 2009/43/KE fi Ftehim taż-ŻEE inkludiet test ta' adattazzjoni expliċitu: “Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal-Liechtenstein”.