12.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 217/53


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1374

tas-27 ta' Lulju 2016

dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea ġiet imwaqqfa fuq sett komuni ta' valuri imnaqqxa fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jinkludu r-rispett għall-istat tad-dritt. Il-Kummissjoni, lil hinn mill-kompitu tagħha li tiżgura r-rispett tad-dritt tal-UE, hija wkoll responsabbli, flimkien mal-Parlament Ewropew, l-Istati Membri u l-Kunsill, li tiggarantixxi l-valuri komuni tal-Unjoni.

(2)

Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni, filwaqt li tqis ir-responsabilitajiet tagħha taħt it-Trattati, fil-11 ta' Marzu 2014 adottat il-Komunikazzjoni “Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt (1). Dan il-Qafas tal-Istat tad-Dritt jistabbilixxi kif il-Kummissjoni se tirreaġixxi jekk jitfaċċaw indikazzjonijiet ċari ta' theddida għall-istat tad-dritt fi Stat Membru tal-Unjoni u jispjega l-prinċipji li jinvolvi l-istat tad-dritt.

(3)

Il-Qafas tal-Istat tad-Dritt jipprovdi gwida għal djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat biex jipprevjenu l-eskalazzjoni ta' theddid sistemiku għall-istat tad-dritt.

(4)

L-iskop ta' dan id-djalogu huwa li jippermetti lill-Kummissjoni ssib soluzzjoni mal-Istat Membru kkonċernat sabiex jipprevjenu li jseħħ theddid sistemiku għall-istat tad-dritt li tista' tiżviluppa f'“riskju ċar ta' ksur serju” li jista' potenzjalment jiskatta l-użu tal-“Proċedura tal-Artikolu 7 tat-TUE”. Fejn ikun hemm indikazzjonijiet ċari ta' theddida sistemika għall-istat tad-dritt fi Stat Membru, il-Kummissjoni tista' tagħti bidu għal djalogu mal-Istat Membru taħt il-Qafas tal-Istat tad-Dritt.

(5)

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll dokumenti mħejjija mill-Kunsill tal-Ewropa, li jibnu b'mod partikolari fuq l-esperjenza tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tal-Liġi (“il-Kummissjoni ta' Venezja”), tipprovdi lista mhux eżawrjenti ta' dawn il-prinċipji u għalhekk tiddefinixxi t-tifsira ewlenija tal-istat tad-dritt bħala valur komuni tal-Unjoni skont l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Dawn il-prinċipji jinkludu l-legalità, li tfisser proċess trasparenti, responsabbli, demokratiku u pluralista għall-promulgazzjoni tal-liġijiet; ċertezza tad-dritt; projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi; qrati indipendenti u imparzjali; stħarriġ ġudizzjarju indipendenti u effettiv, li jinkludi r-rispett għad-drittijiet fundamentali; u ugwaljanza quddiem il-liġi (2). Minbarra li jsostnu dawk il-prinċipji u l-valuri, l-istituzzjonijiet tal-Istat għandhom ukoll id-dmir ta' kooperazzjoni leali.

(6)

Il-Qafas għandu jintuża f'sitwazzjonijiet fejn l-awtoritajiet ta' Stat Membru jkunu qed jieħdu miżuri jew qed jittolleraw sitwazzjonijiet li x'aktarx jaffettwaw b'mod sistematiku u negattiv l-integrità, l-istabbiltà jew il-funzjonament xieraq tal-istituzzjonijiet u tal-mekkaniżmi ta' salvagwardja stabbiliti fuq livell nazzjonali biex l-istat tad-dritt jiġi protett (3). L-għan huwa li jiġi indirizzat it-theddid għall-istat tad-dritt ta' natura sistemika (4). L-ordni politika, istituzzjonali u/jew ġuridika ta' Stat Membru bħala tali, l-istruttura kostituzzjonali, is-separazzjoni tas-setgħat, l-indipendenza jew l-imparzjalità tal-ġudikatura tiegħu, jew is-sistema ta' stħarriġ ġudizzjarju tiegħu inkluża l-ġustizzja kostituzzjonali fejn teżisti, iridu jiġu mhedda (5). Il-Qafas għandu jibda jintuża f'sitwazzjoni meta s-“salvagwardji tal-istat tad-dritt” nazzjonali ma jkunux jidhru li jistgħu jindirizzaw dan it-theddid b'mod effettiv.

(7)

Il-Qafas tal-Istat tad-Dritt fih tliet stadji. Fl-ewwel stadju (“valutazzjoni tal-Kummissjoni”) il-Kummissjoni tiġbor u teżamina l-informazzjoni kollha rilevanti u tivvaluta jekk hemmx indikazzjonijiet ċari ta' theddida sistemika għall-istat tad-dritt. Jekk, bħala riżultat ta' din il-valutazzjoni preliminari, il-Kummissjoni temmen li hemm theddida sistemika għall-istat tad-dritt, tibda djalogu mal-Istat Membru kkonċernat, billi tibgħat “opinjoni dwar l-istat tad-dritt” fejn tissostanzja t-tħassib tagħha u tagħti lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà li jwieġeb. L-opinjoni tista' tkun ir-riżultat ta' skambju ta' korrispondenza u laqgħat mal-awtoritajiet rilevanti u tkun segwita b'aktar skambji. Fit-tieni stadju (“Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni”), jekk il-kwistjoni ma tkunx ġiet solvuta b'mod sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' toħroġ “rakkomandazzjoni tal-istat tad-dritt” indirizzata lill-Istat Membru. F'tali każ, il-Kummissjoni tindika r-raġunijiet għat-tħassib tagħha u tirrakkomanda li l-Istat Membru jsolvi l-problemi identifikati f'limitu ta' żmien fiss u tinforma lill-Kummissjoni bil-passi meħuda għal dan il-għan. Fit-tielet stadju (“Segwitu għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni”), il-Kummissjoni tissorvelja s-segwitu mogħti mill-Istat Membru lir-rakkomandazzjoni. Il-proċess sħiħ huwa bbażat fuq djalogu kontinwu bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Jekk ma jkunx hemm segwitu sodisfaċenti fil-limitu ta' żmien stabbilit, tista' tintuża l-alternattiva tal-“Proċedura tal-Artikolu 7 tat-TUE”; il-proċedura tista' tiġi skattata minn proposta motivata minn terz tal-Istati Membri, mill-Parlament Ewropew jew mill-Kummissjoni.

(8)

F'Novembru 2015, il-Kummissjoni saret taf b'tilwima kontinwa fil-Polonja li tikkonċerna b'mod partikolari l-kompożizzjoni tat-Tribunal Kostituzzjonali, kif ukoll it-tqassir tal-mandati tal-President u l-Viċi President attwali tiegħu. It-Tribunal Kostituzzjonali ta' żewġ sentenzi dwar din il-kwistjoni, fit-3 u d-9 ta' Diċembru 2015.

(9)

Fit-22 ta' Diċembru 2015, is-Sejm adotta liġi li temenda l-liġi dwar it-Tribunal Kostituzzjonali, li tikkonċerna l-funzjonament tat-Tribunal kif ukoll l-indipendenza tal-imħallfin tiegħu (6).

(10)

F'ittra tat-23 ta' Diċembru 2015 lill-Gvern Pollakk (7), il-Kummissjoni talbet li tkun informata dwar is-sitwazzjoni kostituzzjonali fil-Polonja, inklużi l-passi previsti mill-awtoritajiet Pollakki fir-rigward taż-żewġ sentenzi tat-Tribunal Kostituzzjonali msemmija hawn fuq. Fir-rigward tal-emendi li jinsabu fil-liġi adottata fit-22 ta' Diċembru 2015 dwar it-Tribunal Kostituzzjonali, il-Kummissjoni ddikjarat li tistenna li din il-liġi ma tiġix adottata finalment jew għall-anqas ma titqiegħedx fis-seħħ sa ma l-kwistjonijiet kollha fir-rigward tal-impatt ta' din il-liġi dwar l-indipendenza u l-funzjonament tat-Tribunal Kostituzzjonali jkunu ġew ivvalutati b'mod sħiħ u xieraq. Il-Kummissjoni rrakkomandat ukoll li l-awtoritajiet Pollakki jaħdmu mill-qrib mal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa.

(11)

Fit-23 ta' Diċembru 2015, il-Gvern Pollakk talab għall-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar il-liġi adottata fit-22 ta' Diċembru 2015. Madankollu, il-Parlament Pollakk ma stenniex din l-opinjoni qabel ma ħa aktar passi u l-Liġi ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali u daħlet fis-seħħ fit-28 ta' Diċembru 2015.

(12)

Fit-30 ta' Diċembru 2015, il-Kummissjoni kitbet lill-Gvern Pollakk (8) sabiex tfittex aktar informazzjoni dwar ir-riformi proposti għall-governanza tax-Xandara tal-Istat Pubbliċi tal-Polonja. Fil-31 ta' Diċembru 2015, is-Senat Pollakk adotta l-“liġi tal-midja ż-żgħira” dwar il-bordijiet tat-tmexxija u superviżorji tax-xandar pubbliku tat-televixin u x-xandar pubbliku tar-radju Pollakki. Fis-7 ta' Jannar 2016, il-Kummissjoni rċeviet risposta mill-Gvern Pollakk (9) dwar l-ittra dwar il-liġi tal-midja fejn ċaħdet kwalunkwe impatt negattiv fuq il-pluraliżmu tal-midja. Fil-11 ta' Jannar, il-Kummissjoni rċeviet risposta mill-Gvern Pollakk dwar ir-riforma tat-Tribunal Kostituzzjonali (10). Dawn ir-risposti ma neħħewx it-tħassib eżistenti.

(13)

Fit-13 ta' Jannar 2016, il-Kulleġġ tal-Kummissarji kellhom l-ewwel dibattitu ta' orjentazzjoni sabiex jivvaluta s-sitwazzjoni fil-Polonja. Il-Kummissjoni ddeċidiet li teżamina s-sitwazzjoni taħt il-Qafas tal-Istat tad-Dritt u tat mandat lill-Ewwel Viċi President Timmermans biex jidħol fi djalogu mal-istituzzjonijiet tar-Repubblika tal-Polonja sabiex jiġu ċċarati l-kwistjonijiet preżenti u jiġu identifikati soluzzjonijiet possibbli. Fl-istess jum, il-Kummissjoni kitbet lill-Gvern Pollakk (11) biex tinforma lill-Gvern li hija kienet qed teżamina s-sitwazzjoni taħt il-Qafas tal-Istat tad-Dritt u li xtaqet tidħol fi djalogu mal-istituzzjonijiet tar-Repubblika tal-Polonja sabiex jiġu ċċarati l-kwistjonijiet preżenti u jiġu identifikati soluzzjonijiet possibbli. Fid-19 ta' Jannar 2016 il-Kummissjoni kitbet lill-Gvern Pollakk (12) biex toffri li tikkontribwixxi għarfien espert u tiddiskuti kwistjonijiet relatati mal-liġi l-ġdida tal-midja.

(14)

Fid-19 ta' Jannar 2016, il-Gvern Pollakk kiteb lill-Kummissjoni (13) biex jistabbilixxi l-fehmiet tiegħu dwar il-kwistjoni li tikkonċerna l-ħatra tal-imħallfin, b'referenza b'mod partikolari għal użanza kostituzzjonali relatata mal-ħatra tal-imħallfin. Il-Gvern Pollakk stabbilixxa għadd ta' effetti pożittivi meqjusa li jirriżultaw mill-emenda għall-Att dwar it-Tribunal Kostituzzjonali.

(15)

Fl-istess jum il-Parlament Ewropew organizza dibattitu plenarju dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja.

(16)

Fl-1 ta' Frar 2016, il-Kummissjoni kitbet lill-Gvern Pollakk (14) fejn irrimarkat li s-sentenzi tat-Tribunal Kostituzzjonali dwar il-ħatra tal-imħallfin kienu għadhom ma ġewx implimentati. L-ittra enfasizzat ukoll il-ħtieġa li tiġi eżaminata aktar l-emenda għall-Att dwar it-Tribunal Kostituzzjonali, b'mod partikulari l-“effett kombinat” tat-tibdiliet varji li saru, filwaqt li talbet spjegazzjonijiet aktar dettaljati. L-ittra talbet ukoll informazzjoni dwar liġijiet oħrajn li kienu ġew adottati reċentement, b'mod partikolari l-Att dwar is-Servizz Ċivili ġdid, l-Att li jemenda l-liġi dwar il-Pulizija u ċerti liġijiet oħrajn, kif ukoll il-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, u dwar ir-riformi leġiżlattivi li kienu qed jitqiesu, b'mod partikolari riformi ulterjuri tal-leġiżlazzjoni tal-midja.

(17)

Fid-29 ta' Frar 2016, il-Gvern Pollakk kiteb lill-Kummissjoni (15) fejn ipprovda aktar kjarifiki dwar il-mandat tal-President tat-Tribunal Kostituzzjonali. L-ittra ċċarat li s-sentenza tat-Tribunal tad-9 ta' Diċembru 2015 tiddikjara li d-dispożizzjonijiet interim tal-liġi li temenda li pprevediet it-tmiem tal-mandat tal-President kienu ġew klassifikati bħala antikostituzzjonali u li tilfu l-effett legali tagħhom. B'riżultat ta' dan, il-President attwali tat-Tribunal se jkompli jeżerċita l-mandat tiegħu skont id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi preċedenti sa ma l-mandat tiegħu jiskadi fid-19 ta' Diċembru 2016. L-ittra indikat ukoll li l-mandat tal-President li jmiss se jkun ta' tliet snin. Barra minn hekk, l-ittra talbet kjarifiki dwar dak li l-Kummissjoni fissret billi nsistiet li s-sentenzi vinkolanti u finali tat-Tribunal Kostituzzjonali kienu għadhom ma ġewx implimentati kif ukoll il-kjarifiki għaliex skont il-Kummissjoni r-riżoluzzjonijiet li jaħtru tliet imħallfin tat-Tribunal Kostituzzjonali fit-2 ta' Diċembru 2015 imorru kontra s-sentenza sussegwenti tat-Tribunal.

(18)

Fit-3 ta' Marzu 2016, il-Kummissjoni kitbet lill-Gvern Pollakk (16), biex tipprovdi kjarifiki dwar il-kwistjoni tal-ħatra tal-imħallfin kif mitlub mill-Gvern Pollakk fl-ittra tad-29 ta' Frar 2016. Fir-rigward tal-emenda għall-Att dwar it-Tribunal Kostituzzjonali fl-ittra kien hemm imniżżel li skont valutazzjoni preliminari, ċerti emendi, kemm fuq livell individwali kif ukoll meħuda flimkien, kienu jagħmlu l-kundizzjonijiet li taħthom it-Tribunal Kostituzzjonali seta' jirrevedi l-kostituzzjonalità tal-liġijiet li jkunu għadhom kif għaddew aktar diffiċli u talbet aktar spjegazzjonijiet dettaljati dwar dan. L-ittra talbet ukoll informazzjoni dwar liġijiet oħrajn li reċentament kienu ġew adottati u aktar riformi leġiżlattivi li kienu qed jiġu previsti.

(19)

Fid-9 ta' Marzu 2016, it-Tribunal Kostituzzjonali ddeċida li l-liġi adottata fit-22 ta' Diċembru 2015 ma kinitx kostituzzjonali. Din is-sentenza s'issa għadha ma ġietx ippubblikata mill-Gvern fil-Ġurnal Uffiċjali, bir-riżultat li ma għandhiex effett legali.

(20)

Fil-11 ta' Marzu 2016, il-Kummissjoni ta' Venezja adottat l-opinjoni tagħha “dwar emendi għall-Att dwar it-Tribunal Kostituzzjonali tal-25 ta' Ġunju 2015” (17). Fir-rigward tal-ħatra tal-imħallfin, l-opinjoni talbet lill-Parlament Pollakk biex isib soluzzjoni fuq il-bażi tar-regola tal-istat tad-dritt, filwaqt li jirrispetta s-sentenzi tat-Tribunal. Hi qieset ukoll, fost l-oħrajn, li kworum ta' attendenza għolja, ir-rekwiżit ta' maġġoranza ta' żewġ terzi għall-adozzjoni ta' sentenzi u regola stretta li tagħmilha impossibbli li jiġu ttrattati każijiet urġenti, speċjalment fl-effett ikkombinat tagħhom, kienu jagħmlu t-Tribunal ineffettiv. Fl-aħħar nett, qieset li r-rifjut tal-pubblikazzjoni tas-sentenza tad-9 ta' Marzu 2016 se japprofondixxi aktar il-kriżi kostituzzjonali fil-Polonja.

(21)

Fil-21 ta' Marzu 2016, il-Gvern Pollakk kiteb lill-Kummissjoni fejn stieden lill-Ewwel Viċi President Timmermans għal laqgħa fil-Polonja biex jiġi vvalutat id-djalogu li sar s'issa bejn il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni u biex jiġi ddeterminat kif dan għandu jitkompla b'mod imparzjali, ibbażat fuq l-evidenza u kooperattiv.

(22)

Fil-31 ta' Marzu 2016, il-Gvern Pollakk informa lill-Kummissjoni b'informazzjoni reċenti u valutazzjonijiet legali fir-rigward tat-tilwim dwar it-Tribunal Kostituzzjonali fil-Polonja. Fil-5 ta' April 2016, saru laqgħat f'Varsavja bejn l-Ewwel Viċi President Timmermans u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Polonja, il-Ministru tal-Ġustizzja, id-Deputat Prim Ministru, kif ukoll il-President u l-Viċi President tat-Tribunal Kostituzzjonali. Wara dawn il-laqgħat, saru wkoll diversi laqgħat bejn il-Gvern Pollakk, irrappreżentat mill-Ministeru tal-Ġustizzja, u l-Kummissjoni.

(23)

Wara s-sentenza tad-9 ta' Marzu 2016, it-Tribunal Kostituzzjonali reġa' beda l-aġġudikazzjoni tal-każijiet. Il-Gvern Pollakk ma pparteċipax f'dawn il-proċeduri u s-sentenzi mogħtija mit-Tribunal Kostituzzjonali mid-9 ta' Marzu 2016 s'issa għadhom ma ġewx ippubblikati mill-Gvern fil-Ġurnal Uffiċjali (18).

(24)

Fit-13 ta' April 2016, il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja, fost l-oħrajn biex iħeġġeġ lill-Gvern Pollakk jirrispetta, jippubblika u jimplimenta b'mod sħiħ mingħajr aktar dewmien is-sentenza tat-Tribunal Kostituzzjonali tad-9 ta' Marzu 2016 u biex jiġu implimentati s-sentenzi tat-3 u d-9 ta' Diċembru 2015, u jitlob lill-Gvern Pollakk sabiex jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja.

(25)

Fl-20 ta' April 2016, saret laqgħa bejn il-Kummissjoni u r-rappreżentanti tan-Netwerk tal-Presidenti tal-Qrati Ġudizzjarji Supremi tal-UE u tal-Konferenza tal-Qrati Kostituzzjonali Ewropej biex jiddiskutu s-sitwazzjoni fil-Polonja.

(26)

Fis-26 ta' April 2016, l-Assemblea Ġenerali tal-Qorti Suprema tal-Polonja adottat riżoluzzjoni li tikkonferma li s-sentenzi tat-Tribunal Kostituzzjonali huma validi, anke jekk il-Gvern Pollakk jirrifjuta li jippubblikahom fil-Ġurnal Uffiċjali.

(27)

Fid-29 ta' April 2016, grupp ta' membri tas-Sejm ippreżenta lis-Sejm proposta leġiżlattiva għall-Att dwar it-Tribunal Kostituzzjonali ġdid bil-għan li jissostitwixxi l-Att attwali. Il-proposta kien fiha bosta dispożizzjonijiet li kienu diġà ġew ikkritikati mill-Kummissjoni ta' Venezja fl-opinjoni tagħha tal-11 ta' Marzu 2016 u ġew iddikjarati mhux kostituzzjonali mit-Tribunal fid-deċiżjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2016. Din kienet tinkludi r-rekwiżit ta' maġġoranza ta' żewġ terzi għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta' reviżjoni kostituzzjonali “astratta” tal-liġijiet li jkunu għadhom kemm ġew adottati. Matul April ġie ffurmat grupp ta' esperti fis-Sejm biex jgħin fil-preparazzjoni ta' liġi ġdida dwar it-Tribunal Kostituzzjonali.

(28)

Fl-24 ta' Mejju 2016, l-Ewwel Viċi President Timmermans kellu laqgħat f'Varsavja mal-Prim Ministru tal-Polonja, mal-President u l-Viċi-President tat-Tribunal Kostituzzjonali, mal-Ombudsman, mas-Sindku tal-Belt ta' Varsavja u mal-membri tal-partiti tal-oppożizzjoni fis-Sejm. Fis-26 ta' Mejju 2016, l-Ewwel Viċi President Timmermans kellu laqgħa fi Brussell mal-Viċi Prim Ministru tal-Polonja. Sussegwentement, saru aktar skambji u laqgħat bejn il-Kummissjoni u l-gvern Pollakk.

(29)

Madankollu, minkejja n-natura dettaljata u kostruttiva tal-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-Gvern Pollakk, huma ma rnexxilhomx isolvu t-tħassib tal-Kummissjoni. Fl-1 ta' Ġunju 2016, il-Kummissjoni adottat Opinjoni dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja. Wara d-djalogu li kien ilu għaddej mal-awtoritajiet Pollakki mit-13 ta' Jannar, il-Kummissjoni qieset li kien neċessarju li tifformalizza l-valutazzjoni tagħha tas-sitwazzjoni attwali f'dik l-Opinjoni. L-Opinjoni stabbiliet it-tħassib tal-Kummissjoni u serviet biex tiffoka fuq id-djalogu kontinwu mal-awtoritajiet Pollakki lejn is-sejbien ta' soluzzjoni.

(30)

Fl-24 ta' Ġunju 2016, il-Gvern Pollakk kiteb lill-Kummissjoni biex jirrikonoxxi l-wasla tal-Opinjoni dwar l-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni fl-1 ta' Ġunju (19). L-ittra infurmat lill-Kummissjoni dwar l-istat attwali tal-ħidma Parlamentari fil-Polonja inkluż dwar Liġi ġdida dwar it-Tribunal Kostituzzjonali, u esprimet il-konvinzjoni li l-ħidma mwettqa fil-Parlament kien il-mod it-tajjeb biex tinstab soluzzjoni kostruttiva. Sussegwentement, id-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Gvern Pollakk kompla.

(31)

Fit-22 ta' Lulju 2016, is-Sejm adotta liġi ġdida dwar it-Tribunal Kostituzzjonali li tissostitwixxi l-Liġi dwar it-Tribunal Kostituzzjonali tal-25 ta' Ġunju 2015. L-ewwel qari sar fl-10 ta' Ġunju 2016, it-tieni qari beda fil-5 ta' Lulju 2016 u t-tielet qari ġie konkluż fis-7 ta' Lulju. Is-Senat adotta l-emendi fil-21 ta' Lulju 2016. Is-Sejm adotta l-liġi kif emendata mis-Senat fit-22 ta' Lulju 2016. Qabel ma l-liġi tkun tista' tidħol fis-seħħ għandha tiġi ffirmata mill-President tar-Repubblika u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali. Il-Kummissjoni pprovdiet kummenti u ddiskutiet il-kontenut tal-abbozz tal-liġi mal-awtoritajiet Pollakki fi stadji varji tal-proċess leġiżlattiv.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

Il-Polonja għandha tqis kif xieraq l-analiżi tal-Kummissjoni deskritta hawn taħt u tieħu l-miżuri li jidhru fit-Taqsima 6 ta' din ir-Rakkomandazzjoni sabiex il-problemi identifikati jiġu solvuti fil-limitu ta' żmien stabbilit.

1.   IL-KAMP TA' APPLIKAZZJONI TAR-RAKKOMANDAZZJONI

2.

Din ir-rakkomandazzjoni tistabbilixxi t-tħassib tal-Kummissjoni fir-rigward tal-istat tad-dritt fil-Polonja u tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet Pollakki dwar kif għandu jiġi indirizzat dan it-tħassib. Dan it-tħassib jikkonċerna l-kwistjonijiet li ġejjin:

(1)

il-ħatra tal-imħallfin tat-Tribunal Kostituzzjonali u n-nuqqas ta' implimentazzjoni tas-sentenzi tat-Tribunal Kostituzzjonali tat-3 u d-9 ta' Diċembru 2015 dwar dawn il-kwistjonijiet;

(2)

in-nuqqas ta' pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali u tal-implimentazzjoni tas-sentenza tad-9 ta' Marzu 2016 u tas-sentenzi mogħtija mit-Tribunal Kostituzzjonali mid-9 ta' Marzu 2016;

(3)

Il-funzjonament effettiv tat-Tribunal Kostituzzjonali u l-effettività tar-reviżjoni kostituzzjonali ta' leġiżlazzjoni ġdida, b'mod partikolari fid-dawl tal-liġi dwar it-Tribunal Kostituzzjonali adottata mis-Sejm fit-22 ta' Lulju 2016.

2.   ĦATRA TAL-IMĦALLFIN TAT-TRIBUNAL KOSTITUZZJONALI

3.

Qabel l-elezzjonijiet ġenerali għas-Sejm tal-25 ta' Ottubru 2015, fit-8 ta' Ottubru, il-leġiżlatura li kienet waslet fi tmiemha innominat ħames persuni biex “jinħatru” bħala mħallfin tat-Tribunal Kostituzzjonali mill-President tar-Repubblika. Tliet imħallfin jieħdu siġġu li jkun tbattal matul il-mandat tal-leġiżlatura li tkun waslet fi tmiemha, filwaqt li li tnejn jieħdu siġġu li jkun tbattal matul il-mandat tal-leġiżlatura li jmiss li bdiet fit-12 ta' Novembru 2015.

4.

Fid-19 ta' Novembru 2015, is-Sejm, permezz ta' proċedura aċċellerata, emenda l-Liġi dwar it-Tribunal Kostituzzjonali, billi introduċa l-possibbiltà li jiġu annullati n-nomini ġudizzjarji mogħtija mil-leġiżlatura preċedenti u li jiġu nnominati ħames imħallfin ġodda. Fil-25 ta' Novembru 2015, is-Sejm għadda mozzjoni li annullat il-ħames nominazzjonijiet mill-leġiżlatura preċedenti u fit-2 ta' Diċembru nnomina ħames imħallfin ġodda.

5.

It-Tribunal Kostituzzjonali ġie invokat dwar id-deċiżjonijiet kemm tal-leġiżlatura preċedenti kif ukoll il-leġiżlatura li jmiss. Konsegwentement, it-Tribunal ta żewġ sentenzi, waħda fit-3 u oħra fid-9 ta' Diċembru 2015.

6.

Fis-sentenza tiegħu tat-3 ta' Diċembru (20), il-Tribunal Kostituzzjonali, fost l-oħrajn, iddeċieda li l-leġiżlatura preċedenti tas-Sejm kienet intitolata li tinnomina tliet imħallfin biex jissostitwixxu l-imħallfin li l-mandat tagħhom skada fis-6 ta' Novembru 2015. Fl-istess ħin, it-Tribunal iċċara li s-Sejm ma kienx intitolat li jaħtar liż-żewġ imħallfin biex jissostitwixxu lil dawk li l-mandat tagħhom skada f'Diċembru. Is-sentenza speċifikament semmiet ukoll l-obbligu għall-President tar-Repubblika biex minnufih jieħdu l-ġurament minn imħallef elett mis-Sejm.

7.

Fid-9 ta' Diċembru (21), it-Tribunal Kostituzzjonali fost l-oħrajn invalida l-bażi ġuridika għan-nomini mill-leġiżlatura l-ġdida tas-Sejm tat-tliet imħallfin għall-postijiet vakanti li saru disponibbli fis-6 ta' Novembru 2015 li għalihom il-leġiżlatura preċedenti kienet diġà legalment innominat l-imħallfin.

8.

Minkejja dawn is-sentenzi, it-tliet imħallfin innominati mill-leġiżlatura preċedenti għadhom ma bdewx jaħdmu bħala mħallfin fit-Tribunal Kostituzzjonali u l-ġurament tagħhom għadu ma tteħidx mill-President tar-Repubblika. Għall-kuntrarju ta' dan, il-ġurament tat-tliet imħallfin innominati mil-leġiżlatura l-ġdida mingħajr bażi ġuridika valida ttieħed mill-President tar-Repubblika.

9.

Iż-żewġ imħallfin eletti mill-leġiżlatura l-ġdida li jissostitwixxu ż-żewġ imħallfin li l-mandat tagħhom kien wasal fi tmiemu f'Diċembru 2015 sadanittant bdew jaħdmu bħala mħallfin fit-Tribunal Kostituzzjonali.

10.

Fit-28 ta' April 2016, il-President tar-Repubblika ħa l-ġurament ta' mħallef ġdid fil-Tribunal Kostituzzjonali, innominat mis-Sejm biex jimla post vakanti maħluq aktar kmieni dak ix-xahar biex jissostitwixxi imħallef li l-mandat tiegħu fit-Tribunal Kostituzzjonali kien intemm.

11.

Fit-22 ta' Lulju 2016, is-Sejm adotta Liġi ġdida dwar it-Tribunal Kostituzzjonali. L-Artikolu 90 ta' din il-Liġi jiddikjara li “B'effett mid-dħul fis-seħħ ta' dan l-Att, il-President tat-Tribunal għandu jinkludi, f'panels li jiddeċiedu l-każijiet, u jassenja każijiet lil, l-imħallfin tat-Tribunal li ħadu l-ġurament quddiem il-President tar-Repubblika iżda, li sad-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan l-Att, kienu għadhom ma bdewx jaqdu dmirijiethom bħala mħallfin.” L-Artikolu 6(7) tal-Liġi l-ġdida jistipula li “Wara li jkunu ħadu l-ġurament, l-imħallfin għandhom jippreżentaw ruħhom fit-Tribunal sabiex jibdew jaqdu d-dmirijiet tagħhom, u l-President tat-Tribunal għandu jassenjalhom każijiet u joħloq kundizzjonijiet li jippermettulhom iwettqu d-dmirijiet tagħhom”.

12.

Il-Kummissjoni tqis li s-sentenzi vinkolanti u finali tat-Tribunal Kostituzzjonali tat-3 u d-9 Diċembru 2015 għadhom ma ġewx implimentati safejn hija kkonċernata l-ħatra tal-imħallfin. Dawn is-sentenzi jitolbu li l-istituzzjonijiet tal-Istat tal-Polonja jikkooperaw b'mod leali sabiex, b'mod konformi mal-istat tad-dritt, jiġi żgurat li t-tliet imħallfin li jkunu ġew innominati mil-leġiżlatura preċedenti tas-Sejm jistgħu jibdew jaqdu dmirijiethom bħala mħallfin fit-Tribunal Kostituzzjonali, u li t-tliet imħallfin innominati mil-leġiżlatura l-ġdida mingħajr bażi ġuridika valida ma jibdewx jaħdmu bħala mħallfin. Il-fatt li dawn is-sentenzi ma ġewx implimentati jqajjem tħassib serju fir-rigward tal-istat tad-dritt, billi l-konformità mas-sentenzi tal-qorti finali hija rekwiżit essenzjali inerenti fl-istat tad-dritt.

13.

F'waħda mill-ittri tiegħu, il-Gvern Pollakk irrefera għall-eżistenza ta' użanza kostituzzjonali fil-Polonja dwar il-ħatra ta' mħallfin li tiġġustifika l-pożizzjoni meħuda mil-leġiżlatura ġdida tas-Sejm. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota, hekk kif għamlet il-Kummissjoni ta' Venezja (22), li huwa t-Tribunal Kostituzzjonali li għandu jinterpreta u japplika l-liġi u l-użanza kostituzzjonali nazzjonali, u li t-Tribunal Kostituzzjonali ma rreferiex għal tali użanza fis-sentenzi tiegħu. Is-sentenza tat-3 ta' Diċembru li vvalidat il-bażi ġuridika għan-nomini tat-tliet imħallfin mis-Sejm preċedenti għall-postijiet li saru vakanti fis-6 ta' Novembru ma tistax tiġi invalidata billi tintuża użanza suppost kostituzzjonali li t-Tribunal ma jkunx irrikonoxxa.

14.

Barra minn jekk, li jiġi limitat l-impatt ta' dawn is-sentenzi għal sempliċiment obbligu għall-Gvern biex jippubblikahom, kif sostnut mill-awtoritajiet Pollakki, jiċħad kwalunkwe effett legali u operazzjonali tas-sentenzi tat-3 u d-9 ta' Diċembru. B'mod partikolari, huwa jikkontesta l-obbligu tal-President tar-Repubblika li jieħu l-ġurament tal-imħallfin inkwistjoni, li jkun ġie kkonfermat mit-Tribunal Kostituzzjonali.

15.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li anke l-Kummissjoni ta' Venezja tqis li soluzzjoni għall-kunflitt attwali fuq il-kompożizzjoni tat-Tribunal Kostituzzjonali “trid tkun ibbażata fuq l-obbligu li s-sentenzi tat-Tribunal Kostituzzjonali jiġu rispettati u implimentati bis-sħiħ” u “b'hekk tistieden l-korpi kollha tal-Istat u b'mod partikolari is-Sejm biex jirrispettaw b'mod sħiħ u jimplimentaw is-sentenzi” (23).

16.

Fl-aħħar nett, f'dak li jikkonċerna l-liġi adottata fit-22 ta' Lulju 2016 dwar it-Tribunal Kostituzzjonali, il-Kummissjoni tosserva li din il-liġi mhijiex kompatibbli mas-sentenzi tat-3 u d-9 ta' Diċembru. L-Artikolu 90 u l-Artikolu 6(7) jeħtieġu l-President tat-Tribunal Kostituzzjonali jassenja każijiet lill-imħallfin kollha li jkunu ħadu l-ġurament quddiem il-President tar-Repubblika, iżda li jkunux għadhom bdew il-kariga tagħhom bħala mħallfin. Din id-dispożizzjoni tidher immirata lejn is-sitwazzjoni tat-tliet imħallfin li kienu nnominati illegalment mil-leġiżlatura l-ġdida tas-Sejm f'Diċembru 2015. Dan jippermetti lil dawn l-imħallfin jibdew jaqdu l-funzjoni tagħhom ta' mħallfin filwaqt li jużaw il-postijiet vakanti li għalihom il-leġiżlatura preċedenti tas-Sejm kienet diġà nnominat legalment tliet imħallfin. Dawn id-dispożizzjonijiet huma għalhekk kuntrarji għas-sentenzi tat-Tribunal Kostituzzjonali tat-3 u d-9 Diċembru 2015 u l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja.

17.

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet Pollakki għandhom jirrispettaw u jimplimentaw bis-sħiħ is-sentenzi tat-Tribunal Kostituzzjonali tat-3 u d-9 ta' Diċembru 2015. Dawn is-sentenzi jeħtieġu li l-istituzzjonijiet tal-Istat jikkooperaw b'mod leali sabiex jiġi żgurat, b'mod konformi mal-istat tad-dritt, li t-tliet imħallfin li ġew innominati mill-leġiżlatura preċedenti jistgħu jibdew jaqdu l-funzjoni tagħhom ta' mħallfin fit-Tribunal Kostituzzjonali, u li t-tliet imħallfin innominati mil-leġiżlatura l-ġdida mingħajr bażi ġuridika valida ma jeħdux il-kariga ta' mħallef mingħajr ma jkunu eletti b'mod validu. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi adottata fit-22 ta' Lulju, 2016 dwar it-Tribunal Kostituzzjonali imorru kontra s-sentenzi tat-Tribunal Kostituzzjonali tat-3 u d-9 Diċembru 2015 u l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja u jqajmu tħassib serju fir-rigward tal-istat tad-dritt.

3.   IN-NUQQAS TA' PUBBLIKAZZJONI U IMPLIMENTAZZJONI TAS-SENTENZA TAT-TRIBUNAL KOSTITUZZJONALI TAD-9 TA' MARZU 2016 U TAS-SENTENZI MOGĦTIJA MID-9 TA' MARZU 2016

18.

Fit-22 ta' Diċembru 2015, wara proċedura aċċellerata, is-Sejm emenda l-Liġi dwar it-Tribunal Kostituzzjonali (24). L-emendi huma stabbiliti f'aktar dettall hawn taħt fit-Taqsima 4.1. Fis-sentenza tiegħu tad-9 ta' Marzu 2016, it-Tribunal Kostituzzjonali ddikjara mhux kostituzzjonali l-liġi adottata fit-22 ta' Diċembru 2015 fl-intier tagħha kif ukoll id-dispożizzjonijiet speċifiċi tagħha. S'issal-awtoritajiet Pollakki naqsu milli jippubblikaw is-sentenza fil-Ġurnal Uffiċjali. Il-Gvern Pollakk jikkontesta l-legalità tas-sentenza, hekk kif it-Tribunal Kostituzzjonali ma applikax il-proċedura prevista mil-liġi adottata fit-22 ta' Diċembru 2015. L-istess pożizzjoni ittieħdet mill-Gvern fir-rigward tas-sentenzi mogħtija mit-Tribunal wara d-9 ta' Marzu 2016.

19.

Il-Kummissjoni tqis li s-sentenza tad-9 ta' Marzu 2016 hija vinkolanti u trid tiġi rrispettata. It-Tribunal Kostituzzjonali kien korrett meta ma applikax il-proċedura prevista mil-liġi adottata fit-22 ta' Diċembru 2015. F'dak ir-rigward il-Kummissjoni taqbel mal-Kummissjoni ta' Venezja, li dwar dan il-punt tiddikjara li “sempliċi att leġislattiv, li jhedded li jiddiżattiva l-kontroll kostituzzjonali, għandu wkoll jiġi evalwat għall-kostituzzjonalità qabel ma jkun jista' jiġi applikat mill-Qorti. […] L-idea stess tas-supremazija tal-Kostituzzjoni timplika li din il-liġi, li allegatament tipperikola l-ġustizzja kostituzzjonali, għandha tkun ikkontrollata — u jekk ikun hemm bżonn, annullata — mit-Tribunal Kostituzzjonali qabel ma tidħol fis-seħħ” (25). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li peress li l-liġi adottata fit-22 ta' Diċembru 2015 kienet teħtieġ kworum ta' 13-il imħallef għal sentenza mill-formazzjoni plenarja u billi t-Tribunal Kostituzzjonali kien magħmul minn 12-il imħallef biss, ma setgħetx tirrevedi l-kostituzzjonalità tal-emendi tat-22 ta' Diċembru 2015 kif mitlub mill-Ewwel President tal-Qorti Suprema, l-Ombudsman u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura. Dan kien ikun kuntrarju għall-Kostituzzjoni Pollakka li tat il-kompitu lit-Tribunal Kostituzzjonali r-rwol li jiżgura reviżjoni kostituzzjonali. Bl-istess mod, it-Tribunal ma setax jiddeċiedi dwar il-kostituzzjonalità tar-rekwiżit ta' maġġoranza kkwalifikat filwaqt li jivvota skont ir-rekwiżit stess tal-kostituzzjonalità ta' dik li kien qed jeżamina.

20.

Ir-rifjut tal-Gvern li jippubblika s-sentenza tat-Tribunal Kostituzzjonali tad-9 ta' Marzu 2016 iqajjem tħassib serju fir-rigward tal-istat tad-dritt, billi l-konformità mas-sentenzi finali hija rekwiżit essenzjali inerenti fl-istat tad-dritt. B'mod partikolari, fejn il-pubblikazzjoni ta' sentenza hija prerekwiżit biex din issir effettiva u fejn tali pubblikazzjoni taqa' taħt l-awtorità tal-Istat minbarra l-qorti li tkun qatgħet is-sentenza, kontroll ex post mill-awtorità tal-Istat rigward il-legalità tas-sentenza huwa inkompatibbli mal-istat tad-dritt. Ir-rifjut li tiġi ppubblikata s-sentenza jiċħad l-effett legali u operazzjonali awtomatiku ta' sentenza vinkolanti u finali, u jikser il-prinċipji ta' legalità u s-separazzjoni tas-setgħat.

21.

Ir-rifjut li tiġi ppubblikata s-sentenza tad-9 ta' Marzu joħloq livell ta' inċertezza u kontroversja li jaffettwa b'mod negattiv mhux biss din is-sentenza, iżda is-sentenzi kollha sussegwenti u futuri tat-Tribunal. Peress li dawn is-sentenzi, wara s-sentenza tad-9 ta' Marzu 2016, jingħataw skont ir-regoli applikabbli qabel it-22 ta' Diċembru 2015, ir-riskju ta' kontroversja kontinwa dwar kull sentenza futura se jimmina l-iffunzjonar xieraq tal-ġustizzja kostituzzjonali fil-Polonja. Dan ir-riskju huwa diġà realtà billi t-Tribunal s'issa ta 20 sentenza sa mid-deċiżjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2016, u l-ebda waħda minn dawn id-deċiżjonijiet ma ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

22.

Il-Kummissjoni tosserva li l-liġi l-ġdida adottata fit-22 ta' Lulju 2016 dwar it-Tribunal Kostituzzjonali ma tneħħix it-tħassib imsemmi hawn fuq. L-Artikolu 80(4) tal-Liġi jeħtieġ “applikazzjoni” għall-pubblikazzjoni tas-sentenzi mill-President tat-Tribunal Kostituzzjonali lill-Prim Ministru. Dan jidher li jindika li l-pubblikazzjoni tas-sentenzi tkun dipendenti fuq deċiżjoni tal-Prim Ministru. Għal din ir-raġuni tqajjem tħassib sinifikanti fir-rigward tal-indipendenza tat-Tribunal.

23.

Barra minn hekk, l-Artikolu 89 jistipula li “Fi żmien 30 jum mid-dħul fis-seħħ ta' [dan] l-Att, is-sentenzi tat-Tribunal mogħtija qabel l-20 ta' Lulju 2016 b'mod li jmur kontra l-Att dwar it-Tribunal Kostituzzjonali tal-25 ta' Ġunju 2015 għandhom jiġu ppubblikati minbarra d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw atti normattivi li ġew irrevokati”. Din id-dispożizzjoni tagħti lok għal tħassib billi l-pubblikazzjoni tas-sentenzi m'għandhiex tiddependi fuq id-deċiżjoni tal-leġislatur. Barra minn hekk, l-indikazzjoni li s-sentenzi ngħataw illegalment tmur kontra l-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat billi mhuwiex f'idejn is-Sejm li jiddetermina l-kompatibbiltà mal-Kostituzzjoni. Barra minn hekk, id-dispożizzjoni mhix kompatibbli mas-sentenza tad-9 ta' Marzu 2016 u l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja.

24.

Bħala konklużjoni, il-fatt li l-Gvern Pollakk s'issa rrifjuta li jippubblika s-sentenza tad-9 ta' Marzu 2016 tat-Tribunal Kostituzzjonali, kif ukoll is-sentenzi sussegwenti kollha fil-Ġurnal Uffiċjali joħloq inċertezza dwar il-bażi ġuridika li fuqha t-Tribunal irid jaġixxi u dwar l-effetti ġuridiċi tas-sentenzi tiegħu. Din l-inċertezza ddgħajjef l-effettività ta' reviżjoni kostituzzjonali u tqajjem tħassib serju fir-rigward tal-istat tad-dritt. Il-liġi adottata fit-22 ta' Lulju 2016 ma tneħħix dan it-tħassib.

4.   IR-REVIŻJONI TAL-LIĠI DWAR IT-TRIBUNAL KOSTITUZZJONALI U L-EFFETTIVITÀ TAR-REVIŻJONI KOSTITUZZJONALI TAL-LEĠIŻLAZZJONI L-ĠDIDA

25.

Il-Kummissjoni tinnota li fit-22 ta' Lulju 2016, is-Sejm adotta liġi ġdida dwar il-funzjonament tat-Tribunal Kostituzzjonali li tħassar il-Liġi dwar it-Tribunal Kostituzzjonali tal-25 ta' Ġunju 2015. Din il-liġi ssegwi l-liġi adottata fit-22 ta' Diċembru 2015 li t-Tribunal Kostituzzjonali ddikjaraha bħala mhux kostituzzjonali. Għalhekk, irid jiġi vvalutat jekk din il-liġi hijiex kompatibbli mal-istat tad-dritt, filwaqt li jitqies l-impatt tagħha dwar l-effettività tar-reviżjoni kostituzzjonali, inkluż tal-atti adottati reċentement u għalhekk tikkostitwixxi azzjoni xierqa biex jiġi rimedjat it-tħassib tal-istat tad-dritt identifikat fl-Opinjoni dwar l-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju. Il-leġiżlazzjoni kkonċernata u l-impatt tagħha huma meqjusa f'aktar dettall hawn taħt, filwaqt li jitqies l-effett tad-dispożizzjonijiet kemm fuq livell individwali kif ukoll fuq livell kollettiv, kif ukoll il-ġurisprudenza preċedenti tat-Tribunal Kostituzzjonali u l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja.

4.1.   Emenda tat-22 ta' Diċembru 2015 tal-Liġi dwar it-Tribunal Kostituzzjonali.

26.

Fit-22 ta' Diċembru 2015, wara proċedura aċċellerata, is-Sejm emenda l-Liġi dwar it-Tribunal Kostituzzjonali (26). L-emendi fost l-oħrajn żiedu l-kworum ta' attendenza tal-imħallfin għas-smigħ tal-każijiet (27), laqqgħu l-maġġoranzi meħtieġa fit-Tribunal Kostituzzjonali biex ma jadottawx deċiżjonijiet mill-formazzjoni plenarja (28), talbu għall-immaniġġjar ta' każijiet f'ordni kronoloġika (29) u pprovdew dewmien minimu għas-seduti ta' smigħ (30). Ċerti emendi (31) żiedu l-involviment ta' istituzzjonijiet oħra tal-Istat fi proċedimenti dixxiplinari li jikkonċernaw l-imħallfin tat-Tribunal.

27.

Fis-sentenza tiegħu tad-9 ta' Marzu 2016, it-Tribunal Kostituzzjonali ddikjara mhux kostituzzjonali l-liġi adottata fit-22 ta' Diċembru 2015 fl-intier tagħha kif ukoll id-dispożizzjonijiet speċifiċi tagħha, b'mod partikolari dawk imsemmija hawn fuq. S'issal-awtoritajiet Pollakki naqsu milli jippubblikaw is-sentenza fil-Ġurnal Uffiċjali (ara t-Taqsima 3 hawn fuq).

28.

Kif stipulat diġà fl-opinjoni tagħha tal-1 ta' Ġunju 2016, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-effett tal-emendi dwar il-kworum ta' attendenza, il-maġġoranza tal-voti, l-immaniġġjar ta' każijiet fl-ordni kronoloġika u d-dewmien minimu għas-seduti, b'mod partikolari l-effett ikkombinat tagħhom, dgħajjef l-effettività tat-Tribunal Kostituzzjonali bħala garanti tal-Kostituzzjoni. Din il-konklużjoni hija kondiviża mill-Kummissjoni ta' Venezja. Peress li dawn is-sejbiet huma rilevanti għall-valutazzjoni tal-liġi adottata fit-22 ta' Lulju 2016, il-konklużjonijiet ewlenin huma mfakkra hawn taħt.

4.1.1.   Kworum ta' attendenza

29.

L-Artikolu 44(3) emendat kien jiddikjara li “L-aġġudikatura mill-formazzjoni plenarja għandha teħtieġ il-parteċipazzjoni ta' mill-anqas 13-il imħallef tal-Qorti” (32). Skont l-Artikolu 44(1) emendat it-Tribunal Kostituzzjonali għandu jiddeċiedi skont il-formazzjoni plenarja, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor bil-liġi. Dan kien japplika b'mod partikolari għal dawk li huma deskritti bħala “każijiet astratti” ta' reviżjoni kostituzzjonali tal-liġijiet li ġew adottati reċentament. L-Artikolu 44(1) emendat jipprovdi wkoll għall-eċċezzjonijiet, b'mod partikolari għal ilmenti individwali jew każijiet sottomessi minn qrati ordinarji. Il-verżjoni preċedenti tal-Liġi kienet teħtieġ, għal deċiżjoni mill-formazzjoni plenarja, il-preżenza ta' mill-anqas disa' imħallfin (l-Artikolu 44(3), il-punt 3 tal-Liġi qabel l-emenda).

30.

Il-Kummissjoni qieset li l-kworum ta' attendenza ta' 13 minn 15-il imħallef għall-formazzjoni plenarja (li tittratta r-reviżjoni kostituzzjonali “astratta” tal-liġijiet li għadhom kif ġew adottati) jirrappreżenta restrizzjoni serja fuq il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tat-Tribunal Kostituzzjonali, bir-riskju li dan jiġi mblukkat. Il-Kummissjoni nnutat, kif ikkonfermat mill-Kummissjoni ta' Venezja, li kworum ta' attendenza ta' 13 minn 15-il imħallef huwa eċċezzjonalment għoli meta mqabbel mar-rekwiżiti fi Stati Membri oħra. Huwa tabilħaqq kompletament plawżibbli li għal diversi raġunijiet, tali kworum ta' attendenza jista' xi drabi ma jintlaħaqx, li mbagħad iħalli t-Tribunal, għall-anqas b'mod temporanju, mingħajr il-kapaċità li jaġġudika. Fil-fatt, sitwazzjoni bħal din tkun preżenti fiċ-ċirkustanzi attwali, billi f'dan l-istadju t-Tribunal għandu biss 12-il imħallef.

4.1.2.   Maġġoranza tal-voti

31.

Skont l-Artikolu 99(1) emendat, is-sentenzi tat-Tribunal Kostituzzjonali f'seduta ta' formazzjoni plenarja (għal “każijiet astratti”) kienu jeħtieġu l-maġġoranza ta' żewġ terzi tal-imħallfin fis-seduta. Bil-ħsieb ta' kworum ta' attendenza (għoli) ġdid (ara hawn fuq) dan kien ifisser li sentenza kellha tiġi approvata minn mill-anqas disa' mħallfin jekk it-Tribunal Kostituzzjonali iddeċieda bħala formazzjoni plenarja (33). Huwa biss jekk Tribunal iddeċieda f'kumitat ta' seba' jew tliet imħallfin (ilmenti individwali u talbiet preliminari minn qrati ordinarji), kienet tkun meħtieġa maġġoranza sempliċi tal-voti. Il-verżjoni preċedenti tal-Liġi kienet teħtieġ, għal deċiżjoni mill-formazzjoni plenarja, maġġoranza sempliċi tal-voti (l-Artikolu 99(1) tal-Liġi qabel l-emenda).

32.

Minbarra ż-żieda fil-kworum ta' attendenza, maġġoranza ta' żewġ terzi għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet (għal reviżjoni kostituzzjonali “astratta” tal-liġijiet li għadhom kif ġew adottati) aggravat b'mod sinifikanti r-restrizzjonijiet dwar il-proċess deċiżjonali tat-Tribunal Kostituzzjonali. Il-Kummissjoni nnutat, kif ikkonfermat ukoll mill-Kummissjoni ta' Venezja, li fil-maġġoranza tas-sistemi legali Ewropej, hija meħtieġa biss maġġoranza sempliċi tal-voti. Fi kwalunkwe każ, it-Tribunal Kostituzzjonali sab li l-Kostituzzjoni Pollakka kienet teħtieġ votazzjoni b'maġġoranza sempliċi, u li r-rekwiżit ta' maġġoranza kkwalifikata għalhekk ma kienx kostituzzjonali.

4.1.3.   Immaniġġjar tal-każijiet f'ordni kronoloġika

33.

Skont l-Artikolu 80(2) emendat (34), id-dati għas-seduti jew proċedimenti bil-bibien magħluqin, fejn kellhom jiġu kkunsidrati l-applikazzjonijiet fi proċedimenti ta' reviżjoni kostituzzjonali astratti, “għandhom jiġu stabbiliti bl-ordni li biha l-każijiet jiġu sottomessi lill-Qorti”. Ma kien hemm ebda eċċezzjoni prevista għal din ir-regola u skont l-emenda din ir-regola tapplika għall-każijiet kollha pendenti li għalihom għadha ma ġietx iffissata data għas-seduta ta' smigħ (35). Il-verżjoni preċedenti tal-Liġi ma kinitx tinkludi tali regola.

34.

Ir-“regola tas-sekwenza” skont liema t-Tribunal Kostituzzjonali kellu jisma' każijiet fis-sekwenza li fih ġew irreġistrati affettwat b'mod negattiv il-kapaċità tiegħu li jieħu deċiżjonijiet malajr dwar il-kostituzzjonalità ta' liġijiet ġodda, b'mod partikolari fid-dawl tal-għadd ta' każijiet pendenti. L-impossibbiltà li titqies in-natura ta' każ (l-aktar meta jkun jinvolvi kwistjonijiet ta' drittijiet fundamentali), l-importanza tiegħu u l-kuntest li fih jiġi ppreżentat, setgħu jwaqqfu t-Tribunal Kostituzzjonali milli jilħaq ir-rekwiżiti għal tul raġjonevoli ta' proċedimenti kif minqux fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Kif innutat ukoll mill-Kummissjoni ta' Venezja, ir-regola tas-sekwenzar tista' wkoll tiskoraġġixxi t-tqegħid ta' mistoqsijiet għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, b'mod partikolari jekk tkun meħtieġa seduta ta' smigħ wara li tkun waslet id-deċiżjoni preliminari.

4.1.4.   Dewmien minimu tas-seduti ta' smigħ

35.

Skont l-Artikolu 87(2) emendat (36), “is-seduta ta' smigħ ma tistax issir aktar kmieni minn wara tliet xhur mill-jum li fih in-notifika fid-data tas-seduta ta' smigħ tkun ingħatat lill-parteċipanti tal-proċedimenti, u għal każijiet aġġudikati b'formazzjoni plenarja — wara sitt xhur”. Il-verżjoni preċedenti tal-Liġi ddikjarat li s-seduta ta' smigħ ma tistax ssir aktar kmieni minn wara 14-il jum mid-data tal-wasla tan-notifika tad-data tagħha lill-parteċipanti tal-proċedimenti.

36.

Fl-aħħar nett, din il-kwistjoni kellha titqies flimkien mar-rekwiżit dwar l-iskedar tal-każijiet. B'mod partikolari d-dewmien minimu għas-seduti ta' smigħ (il-parteċipanti tal-proċedimenti jridu jiġu nnotifikati dwar seduta ta' smigħ quddiem it-Tribunal Kostituzzjonali mill-anqas tliet xhur — u f'każi importanti sitta — qabel id-data tas-seduta ta' smigħ) rriskja li jmajna l-proċedimenti. Kif stipulat hawn fuq, in-nuqqas ta' dispożizzjoni ġenerali li tippermetti lit-Tribunal Kostituzzjonali inaqqas dawn l-iskadenzi f'każijiet urġenti huwa inkompatibbli mar-rekwiżiti għal tul raġonevoli ta' proċedimenti skont l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

4.1.5.   Proċedimenti dixxiplinari

37.

Skont l-Artikolu 28a emendat (37), “proċedimenti dixxiplinari jistgħu jiġu introdotti wkoll wara applikazzjoni mill-President tar-Repubblika tal-Polonja jew il-Ministru tal-Ġustizzja mhux aktar tard minn tliet ġimgħat wara d-data tal-wasla tal-applikazzjoni, sakemm il-President tal-Qorti jiddeċiedi li l-applikazzjoni hija bla bażi.” Barra minn hekk, skont l-Artikolu 31a(1) emendat tal-Liġi (38)“f'każijiet partikolarment gravi, l-Assemblea Ġenerali għandha titlob lis-Sejm biex ineħħi mill-kariga l-imħallef tal-Qorti.” Tali azzjoni tal-Assemblea Ġenerali setgħet ġiet mibdija permezz ta' applikazzjoni mill-President tar-Repubblika jew il-Ministru tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 31a (2) emendat, għalkemm it-Tribunal Kostituzzjonali baqa' liberu li jiddeċiedi. Id-deċiżjoni finali kienet tittieħed mis-Sejm. Skont il-verżjoni preċedenti tal-Liġi, il-fergħa Eżekuttiva ma setgħetx tiftaħ proċedimenti dixxiplinari u s-Sejm ma ngħatax is-setgħa li jneħħi mill-kariga imħallef tal-Qorti. It-Tribunal Kostituzzjonali nnifsu għandu s-setgħa li jneħħi mill-kariga mħallef tat-Tribunal.

38.

Il-Kummissjoni nnutat bi tħassib il-fatt li ċerti emendi żiedu l-involviment ta' istituzzjonijiet oħra tal-Istat fi proċedimenti dixxiplinari li jikkonċernaw l-imħallfin tat-Tribunal. B'mod partikolari, il-President tar-Repubblika jew il-Ministru tal-Ġustizzja ngħataw is-setgħa li jibdew proċedimenti dixxiplinari kontra mħallef tat-Tribunal Kostituzzjonali (39) u, f'każijiet partikolarment gravi, is-Sejm ingħata s-setgħa li jieħu d-deċiżjoni finali dwar it-tkeċċija ta' mħallef wara talba f'dan is-sens mit-Tribunal Kostituzzjonali (40).

39.

Il-Kummissjoni qieset li l-fatt li entità politika tiddeċiedi dwar (u għalhekk tista' tirrifjuta li timponi) sanzjoni dixxiplinarja kif propost mit-Tribunal Kostituzzjonali jista' joħloq problema rigward l-indipendenza tal-ġudikatura, kif il-Parlament (bħala korp politiku) jista' jkun mistenni li jiddeċiedi fuq il-bażi ta' kunsiderazzjonijiet politiċi. Bl-istess mod, ma kienx ċar għaliex istituzzjonijiet politiċi bħall-President tar-Repubblika u l-Ministru tal-Ġustizzja għandu jkollhom is-setgħa li jagħtu bidu għal proċedimenti dixxiplinari. Anke jekk tali proċedimenti jeħtieġu approvazzjoni mit-Tribunal jew il-President tiegħu, diġà l-fatt li huma setgħu ngħataw bidu mill-istituzzjonijiet politiċi seta' kellu impatt fuq l-indipendenza tat-Tribunal. Dan qajjem tħassib dwar is-separazzjoni tas-setgħat u l-indipendenza tat-Tribunal Kostituzzjonali billi l-proposta tat-Tribunal li jkeċċi mħallef tista' tiġi miċħuda mis-Sejm.

4.2.   Il-liġi adottata fit-22 ta' Lulju 2016 dwar it-Tribunal Kostituzzjonali

40.

Minbarra d-dispożizzjonijiet dwar il-ħatra ta' mħallfin tat-Tribunal u l-pubblikazzjoni tas-sentenzi tiegħu (ara t-Taqsimiet 2 u 3), il-liġi adottata fit-22 ta' Lulju 2016 tinkludi dispożizzjonijiet oħrajn dwar il-funzjonament tat-Tribunal. Il-liġi hija ispirata mil-Liġi dwar it-Tribunal Kostituzzjonali tal-1 ta' Awwissu 1997, iżda żżid dispożizzjonijiet ġodda fost l-oħrajn dwar il-kworum ta' attendenza ta' mħallfin għall-każijiet ta' smigħ, il-maġġoranzi meħtieġa fit-Tribunal Kostituzzjonali biex jadotta deċiżjonijiet mill-formazzjoni plenarja, l-immaniġġjar ta' każijiet f'ordni kronoloġika, id-dewmien minimu għas-seduti ta' smigħ, ir-rwol tal-Prosekutur Pubbliku Ġenerali, il-posponiment tad-deliberazzjonijiet, id-dispożizzjonijiet tranżitorji għall-każijiet pendenti u l-vacatio legis.

41.

Il-Kummissjoni tqis li anke jekk jista' jiġi nnutat ċertu titjib meta mqabbel mal-Att ta' emenda adottat fit-22 ta' Diċembru 2015, u ċertu tħassib ġie indirizzat kif stipulat hawn taħt, jibqa' xi tħassib li tqajjem diġà dwar il-liġi adottata fit-22 ta' Diċembru 2015 u ġew introdotti għadd ta' dispożizzjonijiet ġodda li jqajmu tħassib. Kollox ma' kollox, l-effetti ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi adottata fit-22 ta' Lulju 2016, meħuda separatament jew flimkien, iqajmu tħassib dwar l-effettività ta' reviżjoni kostituzzjonali u l-istat tad-dritt.

4.2.1.   Kworum ta' attendenza

42.

L-Artikolu 26(2) jiddikjara li “L-eżami ta' każ mit-Tribunal sħiħ għandha teħtieġ il-parteċipazzjoni ta' mill-anqas 11-il imħallef tat-Tribunal”. Barra minn hekk, l-Artikolu 26(1)(g) jistipula li “It-Tribunal għandu jiddeċiedi (…) fit-Tribunal sħiħ dwar (…) il-każijiet li fihom tliet imħallfin tat-Tribunal jissottomettu applikazzjoni f'dan is-sens fi żmien 14-il jum minn meta jirċievi kopji ta' ilment kostituzzjonali jew ta' applikazzjoni jew domanda ġuridika msemmija fl-Artikolu 38(1)”.

43.

L-Artikolu 26(2) iżid l-għadd ta' mħallfin meħtieġa biex jipparteċipaw fil-formazzjoni plenarja minn disgħa (taħt l-Att tal-1997 dwar it-Tribunal Kostituzzjonali u l-Liġi tal-25 ta' Ġunju 2015 qabel ma ġiet emendata fit-22 ta' Diċembru 2015) għal 11. Dan jirrappreżenta restrizzjoni fuq il-proċess deċiżjonali tat-Tribunal Kostituzzjonali. In-numru tnaqqas meta mqabbel mat-13 li kien meħtieġ bl-Att ta' emenda tat-22 ta' Diċembru 2015. Madankollu, b'mod partikolari billi t-Tribunal Kostituzzjonali bħalissa għandu biss 12-il imħallef biex jimmaniġġjaw l-każijiet, jista' jagħti l-każ li xi drabi l-kworum ta' attendenza ma jkunx jista' jintlaħaq, li mbagħad iħalli t-Tribunal għall-anqas temporanjament, mingħajr ma jkun jista jaġġudika.

44.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 26(1)(g) it-Tribunal jaġġudika bħala formazzjoni plenarja, fost l-oħrajn, fil-każijiet fejn it-tliet imħallfin iressqu applikazzjoni għalih. Dawn l-imħallfin m'għandhomx għalfejn ikunu mħallfin maħtura f'kamra tal-imħallfin f'każ partikolari. Il-Liġi ma tistipulax li l-applikazzjoni tagħhom jeħtieġ li tkun iġġustifikata jew li tissodisfa xi kundizzjonijiet partikolari. Dispożizzjoni bħal din tippermetti li għadd mhux prevedibbli ta' każijiet jitqiesu minn formazzjoni plenarja u tista' tfixkel il-funzjonament effiċjenti tat-Tribunal u konsegwentement l-effettività tar-reviżjoni kostituzzjonali.

4.2.2.   Maġġoranza tal-voti

45.

L-Artikolu 69 jistipula li: “Id-deċiżjonijiet għandhom jiġu adottati b'maġġoranza sempliċi tal-voti.” Dan huwa titjib meta mqabbel mal-Att ta' emenda tat-22 ta' Diċembru 2015 sa fejn dan ma jibqax ikun fih ir-rekwiżit mhux kostituzzjonali ta' maġġoranza ta' żewġ terzi għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet u għalhekk jindirizza dan it-tħassib li qabel kien tqajjem mill-Kummissjoni.

4.2.3.   Immaniġġjar tal-każijiet f'ordni kronoloġika

46.

L-Artikolu 38(3) jistipula li “Id-dati tas-seduti ta' smigħ li fihom l-applikazzjonijiet jiġu eżaminati għandhom jiġu stabbiliti bi qbil mal-ordni f'liema każijiet jaslu fit-Tribunal.” L-Artikolu 38(4) jelenka għadd limitat ta' każijiet li fihom l-ordni li fiha l-applikazzjoni tasal m'għandiex tkun rilevanti. L-Artikolu 38(5) jistipula li “Il-President tat-Tribunal jista' jistabbilixxi data għas-seduta ta' smigħ billi jwarrab il-kundizzjoni prevista mill-paragrafu 3 [hawn fuq] f'każijiet fejn dan ikun iġġustifikat mill-ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadin, is-sigurtà tal-istat jew l-ordni kostituzzjonali. Fuq applikazzjoni minn 5 imħallfin, il-President tat-Tribunal jista' jerġa' jikkunsidra d-deċiżjoni tiegħu li jiffissa d-data għas-seduta ta' smigħ.”

47.

Ir-“regola tas-sekwenza” skont liema t-Tribunal għandu jisma' każijiet li fihom l-applikazzjonijiet jitqiesu fis-sekwenza li fiha jkunu ġew irreġistrati ġiet introdotta fl-Att ta' emenda tat-22 ta' Diċembru 2015 u diġà ġie deċiż mit-Tribunal li hija inkonsistenti, fost l-oħrajn, mal-Kostituzzjoni, fuq il-bażi li d-dispożizzjoni msemmija xxekkel l-indipendenza tal-ġudikatura u s-separazzjoni tagħha minn fergħat oħra tal-gvern.

48.

Skont l-Artikolu 38(3), ir-regola tas-sekwenzar tapplika għal “applikazzjonijiet” u m'għandhiex x'taqsam mal-“ilmenti kostituzzjonali”. Ank jekk ir-regola tas-sekwenzar tapplika biss għal applikazzjonijiet, din se taffettwa l-kapaċità tat-Tribunal li jieħdu deċiżjonijiet malajr dwar il-kostituzzjonalità tal-liġijiet fuq talba tal-atturi istituzzjonali.

49.

L-Artikolu 38(5) jipprevedi possibbiltà li l-President tat-Tribunal Kostituzzjonali jidderoga mir-regola tas-sekwenzar. Madankollu, din il-possibbiltà hija limitata għal każijiet speċifiċi u tista' twassal għal dewmien, meta jitqies li ħames imħallfin jistgħu jressqu applikazzjoni biex terġa' tiġi kkunsidrata d-deċiżjoni tal-President tat-Tribunal Kostituzzjonali biex jiffissa d-data għas-seduta ta' smigħ. Barra minn hekk, mhuwiex ċar jekk il-kundizzjonijiet ikunux jippermettu lill-President tat-Tribunal li jitbiegħed mir-regola tas-sekwenzar fil-każijiet kollha li jeħtieġu deċiżjoni urġenti.

50.

Għalhekk, anke jekk il-liġi adottata fit-22 ta' Lulju 2016 tikkostitwixxi vantaġġ fuq il-liġi adottata fit-22 ta' Diċembru 2015, l-impatt tar-regola tas-sekwenzar dwar l-effettività tat-Tribunal xorta jista' jagħti lok għal ċertu tħassib.

4.2.4.   Dewmien minimu tas-seduti ta' smigħ

51.

L-Artikolu 61(1) jistipula li “Is-seduta ta' smigħ ma tistax issir aktar kmieni minn 30 jum wara li tkun ġiet innotifikata d-data tas-seduta ta' smigħ.” L-Artikolu 61(3) jistipula li “Fil-każijiet li jikkonċernaw domandi ġuridiċi, l-ilmenti kostituzzjonali u t-tilwim dwar il-ġurisdizzjoni bejn l-awtoritajiet kostituzzjonali ċentrali tal-istat, il-President tat-Tribunal jista' jordna li l-limitu ta' żmien stabbilit fil-paragrafu 1 jonqos bin-nofs, sakemm l-ilmentatur, il-qorti li tirreferi għal domanda ġuridika jew l-applikant konċernat jesprimi l-oppożizzjoni fi żmien sebat ijiem min-notifika tal-ordni tal-President tat-Tribunal”. Il-fatt li l-President tat-Tribunal jista' jordna li jitnaqqas bin-nofs il-perjodu ta' 30 jum huwa titjib meta mqabbel mal-liġi adottata fit-22 ta' Diċembru 2015, anke jekk l-ilmentatur, il-qorti li tirreferi għal domanda ġuridika jew l-applikant jista' joġġezzjona għat-tqassir tal-perjodu.

4.2.5.   Proċedimenti dixxiplinari

52.

Il-liġi adottata fit-22 ta' Lulju 2016 ma tistipulax l-involviment ta' istituzzjonijiet oħrajn tal-Istat fi proċedimenti dixxiplinari li jikkonċernaw l-imħallfin tat-Tribunal. Dan huwa titjib meta mqabbel mal-liġi adottata fit-22 ta' Diċembru 2015 u għalhekk din il-kwistjoni m'għadhiex tqajjem tħassib.

4.2.6.   Possibbiltà ta' Prosekutur Pubbliku Ġenerali sabiex jipprevjeni l-eżami tal-każijiet

53.

L-Artikolu 61(6) jistipula li “L-assenza mis-seduta ta' smigħ tal-Prosekutur Pubbliku Ġenerali, li ġie proprjament notifikat b'dan, jew ir-rappreżentant tiegħu m'għandiex timpedixxi l-eżami tal-każ sakemm l-obbligu ta' parteċipazzjoni fis-seduta ta' smigħ jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Att.” L-Artikolu 30(5) jistipula li “Il-Prosekutur Pubbliku Ġenerali jew id-deputat tiegħu għandu jipparteċipa fil-każijiet eżaminati mit-Tribunal permezz ta' formazzjoni plenarja”.

54.

Fil-prattika, il-kombinazzjoni tal-Artikoli 61(6) u 30(5) tidher li tagħti possibbiltà lill-Prosekutur Pubbliku Ġenerali, li huwa wkoll il-Ministru tal-Ġustizzja, li jtawwal jew saħansitra jipprevjeni l-eżami ta' ċerti każijiet, inklużi każijiet ittrattati mill-formazzjoni plenarja, billi jiddeċiedi li ma jiħux sehem fis-seduta ta' smigħ. Dan jippermetti l-interferenza bla bżonn fil-funzjonament tat-Tribunal u jikser l-indipendenza tal-ġudikatura u l-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat.

4.2.7.   Posponiment tad-deliberazzjoni

55.

L-Artikolu 68(5) jistipula li “Matul id-deliberazzjonijiet tat-Tribunal sħiħ, mill-anqas erba' mħallfin jistgħu joġġezzjonaw għall-konklużjoni proposta jekk iqisu li l-kwistjoni hija partikolarment importanti minħabba raġunijiet organizzattivi tal-Istat jew raġunijiet ta' ordni pubbliku u li ma jaqblux mat-tenur tal-konklużjoni.” L-Artikolu 68(6) jistipula li “Fil-każ ta' oġġezzjoni skont il-paragrafu 5, id-deliberazzjonijiet għandhom jiġu posposti għal tliet xhur u, fil-deliberazzjonijiet sussegwenti fl-aħħar ta' dak il-perjodu, l-imħallfin li jkunu għamlu l-oġġezzjoni għandhom jippreżentaw il-konklużjoni konġunta proposta tagħhom.” L-Artikolu 68(7) jistipula li “Jekk, matul id-deliberazzjonijiet ġodda msemmija fil-paragrafu 6, għall-anqas erba' mħallfin joġġezzjonaw mill-ġdid, id-deliberazzjonijiet għandhom jiġu posposti bi tliet xhur. Fit-tmiem ta' dak il-perjodu, għandhom isiru deliberazzjonijiet u votazzjonijiet ġodda.”

56.

Għall-każijiet eżaminati minn formazzjoni plenarja, li jista' jimplika għadd kbir ta' każijiet (ara hawn fuq) il-liġi adottata fit-22 ta' Lulju 2016 tippermetti lil mill-anqas erba' mħallfin tat-Tribunal iqajmu oġġezzjoni għal abbozz ta' determinazzjoni. Dan jista' jwassal għall-posponiment tad-deliberazzjonijiet fuq bażi ta' mill-anqas tliet xhur u f'xi każijiet għal sitt xhur wara l-mument li fih it-Tribunal jilħaq l-istadju ta' deliberazzjoni. Il-Liġi ma tipprovdix għal eċċezzjoni biex tittratta każijiet urġenti aktar malajr.

57.

L-impatt ta' dawn id-dispożizzjonijiet dwar l-effettività tar-reviżjoni kostituzzjonali huwa kwistjoni ta' tħassib fir-rigward tal-istat tad-dritt, billi dan jipprevjeni lit-Tribunal Kostituzzjonali milli jassigura b'mod sħiħ reviżjoni kostituzzjonali effettiva, u jagħti rimedju ġudizzjarju effettiv u f'waqtu fil-każijiet kollha.

4.2.8.   Dispożizzjonijiet tranżitorji għall-każijiet pendenti

58.

L-Artikolu 83(1) jipprovdi li: “Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Att għandhom japplikaw għal każijiet li nbdew iżda ma tlestewx qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan l-Att.” Skont l-Artikolu 83(2) “It-Tribunal irid jikkonkludi l-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ ta' dan l-Att. It-terminu ta' sena m'għandux japplika għall-każijiet speċifikati fl-Artikolu 84.” L-Artikolu 84(1) jiddikjara: “Fil-każ ta' applikazzjonijiet imressqa mill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 191(1), is-subparagrafi 1 sa 5, tal-Kostituzzjoni pendenti qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan l-Att, it-Tribunal għandu (…) jissospendi l-proċedimenti għal sitt xhur u jitlob lill-applikanti jissupplimentaw l-applikazzjonijiet tagħhom skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 33(2) sa (5).” L-Artikolu 84(2) jistipula: “Jekk l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tiġi ssupplimentata skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 33(2) sa (5), it-Tribunal għandu jordna t-tkomplija tal-proċedimenti sospiżi mal-iskadenza tat-terminu msemmija fil-paragrafu 1. Inkella l-proċedimenti għandhom jitwaqqfu.”

59.

L-Artikolu 85(1) jiddikjara: “Jekk id-data ta' seduta ta' smigħ tkun ġiet stabbilita qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan l-Att, is-seduta ta' smigħ għandha tiġi posposta u l-kumitat kompetenti għandu jiġi aġġustat għal dan l-Att.” L-Artikolu 85(2) jipprovdi li: “Għandha tiġi ffissata data ġdida għas-seduta ta' smigħ. Is-seduta ta' smigħ għandha ssir f'konformità ma' dan l-Att.” L-Artikolu 86 jistipula li: “Jekk id-data tal-pubblikazzjoni ta' deċiżjoni tkun ġiet stabbilita qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan l-Att, is-seduta ta' smigħ għandha tiġi posposta u l-kumitat kompetenti u r-rekwiżiti li għandhom x'jaqsmu mad-deċiżjoni għandhom jiġu aġġustati għal dan l-Att.”

60.

Min-naħa waħda, l-Artikolu 83(2) jiffissa skadenza ta' sena mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Att biex jiġu ttrattati każijiet pendenti. Madankollu, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 84 jistipula, b'deroga għall-Artikolu 83(2), li l-applikazzjonijiet pendenti (jiġifieri applikazzjoni minn atturi istituzzjonali għar-reviżjoni kostituzzjonali tal-leġiżlazzjoni) għandhom jiġu ffriżati għal perjodu ta' sitt xhur. It-Tribunal jitlob lill-applikanti biex jissupplimentaw l-applikazzjonijiet tagħhom sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti proċedurali ġodda, u jkunu jistgħu jerġgħu jibdew il-ħidma tagħhom dwar dawn l-applikazzjonijiet biss wara li dan il-perjodu ta' sitt xhur ikun skada (anke jekk l-applikanti jkunu ssupplimentaw l-applikazzjoni tagħhom qabel). Il-Liġi ma tistipulax eċċezzjoni biex tittratta każijiet urġenti aktar malajr.

61.

L-Artikolu 85 u 86 jikkonsistu minn interferenza leġiżlattiva ma' każijiet pendenti, b'mod partikolari dawk li diġà huma fi stadju avvanzat, u jistgħu jfixklu l-funzjonament tat-Tribunal.

62.

Dawn id-dispożizzjonijiet tranżitorji meħuda flimkien iqajmu tħassib importanti għaliex imajnaw il-ħidma tat-Tribunal fuq l-applikazzjonijiet b'mod sinifikanti u jipprevjenu t-Tribunal milli jiżgura kompletament reviżjoni kostituzzjonali effettiva. Dan huwa partikolarment rilevanti fil-kuntest tal-atti leġiżlattivi sensittivi ġodda kollha kif imsemmi fl-opinjoni tal-Kummissjoni (ara hawn taħt fit-Taqsima 4.3).

4.2.9.   Vacatio legis

63.

L-Artikolu 92 tal-liġi adottata fit-22 ta' Lulju 2016 jistipula li “Dan l-Att għandu jidħol fis-seħħ 14-il jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu.” Sakemm ma jsirx rikors għal reviżjoni kostituzzjonali preventiva tal-Att, il-perjodu ta' vacatio legis ta' 14-il jum huwa qasir wisq għal reviżjoni kostituzzjonali effettiva tal-Liġi. Għal raġunijiet ta' ċertezza legali, huwa importanti li jiġi pprovdut biżżejjed żmien biex it-Tribunal Kostituzzjonali jkun jista' jirrevedi l-kostituzzjonalità tal-liġi qabel id-dħul fis-seħħ tagħha.

64.

F'dan ir-rigward qed jiġi mfakkar li fl-Opinjoni tagħha tal-11 ta' Marzu 2016, il-Kummissjoni ta' Venezja enfasizzat li t-Tribunal Kostituzzjonali għandu jkollu l-possibbiltà li jirrevedi statut ordinarju li jirregola l-funzjonament tat-Tribunal qabel ma l-istatut jidħol fis-seħħ.

4.3.   Il-konsegwenzi tan-nuqqas ta' effettività ta' reviżjoni Kostituzzjonali fuq leġiżlazzjoni ġdida

65.

Għadd ta' atti leġiżlattivi ġodda partikolarment sensittivi ġew adottati mis-Sejm, ħafna drabi permezz ta' proċeduri leġiżlattivi aċċellerati, bħal, b'mod partikolari, liġi tal-midja (41), Att ġdid dwar is-Servizz Pubbliku (42), liġi li temenda l-liġi dwar il-Pulizija u ċerti liġijiet oħrajn (43) u liġijiet dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (44), u liġi ġdida dwar l-Ombudsman u li temenda ċerti liġijiet oħrajn (45). Il-Kummissjoni talbet lill-Gvern Pollakk dwar is-sitwazzjoni attwali u l-kontenut ta' dawn ir-riformi leġiżlattivi fl-ittri tagħha tal-1 ta' Frar 2016 u t-3 ta' Marzu 2016, iżda s'issa din l-informazzjoni għadha ma ġietx ipprovduta. Barra minn hekk, is-Sejm adotta għadd ta' abbozzi ta' atti leġiżlattivi sensittivi oħrajn, bħal-liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Midja (46) u liġi ġdida kontra t-terroriżmu (47).

66.

Il-Kummissjoni tqis li sakemm it-Tribunal Kostituzzjonali ma jkunx jista' jiżgura bis-sħiħ reviżjoni kostituzzjonali effettiva, mhu se jkun hemm l-ebda skrutinju effettiv tal-konformità mal-Kostituzzjoni, inklużi d-drittijiet fundamentali, ta' atti leġiżlattivi bħal dawk imsemmija hawn fuq.

67.

Il-Kummissjoni pereżempju tinnota li l-leġiżlazzjoni l-ġdida (b'mod partikolari l-leġiżlazzjoni dwar il-midja (48)) tqajjem tħassib dwar il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja. B'mod aktar speċifiku, il-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-midja timmodifika r-regoli għall-ħatra tal-Bordijiet tat-Tmexxija u ta' Superviżjoni tax-xandara tas-servizz pubbliku, billi tqegħedhom taħt il-kontroll tal-Gvern (il-Ministru tat-Teżor), minflok korp indipendenti. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida tistipula wkoll it-tkeċċija immedjata tal-Bordijiet tat-Tmexxija u ta' Superviżjoni eżistenti. F'dan ir-rigward il-Kummissjoni tiddubita, b'mod partikolari dwar il-possibbiltajiet ta' rimedju ġudizzjarju għall-persuni affettwati mil-liġi.

68.

Leġiżlazzjoni bħall-Att il-ġdid dwar is-Servizz Ċivili (49) hija għal daqstant importanti mill-perspettiva tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali. F'dan ir-rigward il-Kummissjoni talbet lill-Gvern Pollakk dwar il-possibbiltajiet ta' rimedju ġudizzjarju għall-persuni affettwati mil-liġi fl-ittri tagħha tal-1 ta' Frar u t-3 ta' Marzu 2016 (50). Il-Gvern Pollakk s'issa ma weġibx lill-Kummissjoni dwar dan il-punt.

69.

Il-liġi li temenda l-liġi dwar il-Pulizija u ċerti liġijiet oħrajn (51) tista' wkoll tqajjem mistoqsijiet relatati mal-konformità tagħha mad-drittijiet fundamentali, inkluża l-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta. Fit-28 u d-29 ta' April 2016, delegazzjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja żaret Varsavja biex tiddiskuti l-emendi għal-Liġi dwar il-Pulizija u ċerti liġijiet oħrajn, u ppreżentat opinjoni fis-sessjoni tagħha tal-10 u l-11 ta' Ġunju 2016 (52). L-opinjoni, fost l-oħrajn, tiddikjara li s-salvagwardji proċedurali u l-kundizzjonijiet materjali stabbiliti fil-Liġi għadhom mhux biżżejjed biex jipprevjenu l-użu eċċessiv tagħha u l-interferenza mhux iġġustifikata fil-privatezza tal-individwi.

70.

Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni l-ġdida kontra t-terroriżmu tista' tqajjem mistoqsijiet relatati mal-konformità tagħha mad-drittijiet fundamentali (53) u hija s-suġġett ta' reviżjoni kostituzzjonali.

71.

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tqis li sakemm it-Tribunal Kostituzzjonali ma jkunx jista' jiżgura bis-sħiħ reviżjoni kostituzzjonali effettiva, mhu se jkun hemm l-ebda skrutinju effettiv tal-konformità ta' atti leġiżlattivi mad-drittijiet fundamentali. Dan iqajjem tħassib serju fir-rigward tal-istat tad-dritt, b'mod partikolari billi dan l-aħħar is-Sejm adotta għadd ta' atti leġiżlattivi ġodda partikolarment sensittivi li għalihom għandha tkun disponibbli reviżjoni kostituzzjonali. Dan it-tħassib jiżdied aktar bil-fatt li, kif stabbilit hawn fuq, il-liġi adottata fit-22 ta' Lulju 2016 tipprevedi li għadd ta' każijiet pendenti jiġu posposti.

5.   IS-SEJBIEN TA' THEDDIDA SISTEMIKA GĦALL-ISTAT TAD-DRITT

72.

Għar-raġunijiet stabbiliti hawn fuq il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li hemm sitwazzjoni ta' theddida sistemika għall-istat tad-dritt fil-Polonja. Il-fatt li t-Tribunal Kostituzzjonali ma jistax jiżgura bis-sħiħ reviżjoni kostituzzjonali effettiva jaffettwa ħażin l-integrità, l-istabbiltà u l-funzjonament xieraq tiegħu, li hija waħda mis-salvagwardji essenzjali tal-istat tad-dritt fil-Polonja. Fejn tkun ġiet stabbilita sistema tal-ġustizzja kostituzzjonali, l-effettività tagħha hija komponent ewlieni tal-istat tad-dritt

73.

Ir-rispett għall-istat tad-dritt mhuwiex biss prerekwiżit għall-protezzjoni tal-valuri fundamentali kollha elenkati fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Huwa wkoll prerekwiżit għas-sostenn tad-drittijiet u l-obbligi li joħorġu mit-Trattati u mil-liġi internazzjonali, u għall-istabbiliment ta' fiduċja reċiproka taċ-ċittadini, in-negozji u l-awtoritajiet nazzjonali fis-sistemi legali tal-Istati Membri l-oħrajn.

6.   AZZJONI RAKKOMANDATA

74.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-awtoritajiet Pollakki jieħdu azzjoni xierqa biex tiġi indirizzata din it-theddida sistemika għall-istat tad-dritt bħala kwistjoni ta' urġenza. B'mod partikolari l-Kummissjoni tirrakkomanda li l-awtoritajiet Pollakki:

(a)

jimplimentaw bis-sħiħ is-sentenzi tat-Tribunal Kostituzzjonali tat-3 u d-9 ta' Diċembru 2015 li jeżiġu li t-tliet imħallfin li ġew innominati legalment f'Ottubru 2015 mill-leġiżlatura preċedenti jkunu jistgħu jieħdu l-funzjoni tagħhom ta' mħallef fit-Tribunal Kostituzzjonali, u li t-tliet imħallfin innominati mil-leġiżlatura l-ġdida mingħajr bażi ġuridika ma jeħdux il-post ta' mħallef mingħajr ma jiġu eletti b'mod validu;

(b)

jippubblikaw u jimplimentaw bis-sħiħ is-sentenzi tat-Tribunal Kostituzzjonali tad-9 ta' Marzu 2016 u s-sentenzi sussegwenti tiegħu u jiżguraw li l-pubblikazzjoni tas-sentenzi futuri tkun awtomatika u ma tiddependix fuq kull deċiżjoni tas-setgħat leġiżlattivi jew eżekuttivi;

(c)

jiżguraw li kwalunkwe riforma tal-liġi dwar it-Tribunal Kostituzzjonali tirrispetta s-sentenzi tat-Tribunal Kostituzzjonali, inklużi s-sentenzi tat-3 u d-9 ta' Diċembru 2015 u s-sentenza tad-9 ta' Marzu 2016, u jqisu bis-sħiħ l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja; jiżguraw li l-effettività tat-Tribunal Kostituzzjonali bħala garanti tal-Kostituzzjoni ma tiġix ippreġudikata minn rekwiżiti, kemm jekk separatament kif ukoll jekk permezz tal-effett ikkombinat tagħhom, bħal dawk imsemmija hawn fuq dwar il-kworum ta' attendenza, l-immaniġġjar tal-każijiet f'ordni kronoloġika, il-possibbiltà għall-Prosekutur Pubbliku Ġenerali li jipprevjeni l-eżami tal-każijiet, il-posponiment tad-deliberazzjonijiet jew il-miżuri tranżitorji li jaffettwaw il-każijiet pendenti u l-posponiment ta' każijiet;

(d)

jiżguraw li t-Tribunal Kostituzzjonali jkun jista' jirrevedi l-kompatibbiltà tal-liġi l-ġdida adottata fit-22 ta' Lulju 2016 dwar it-Tribunal Kostituzzjonali qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu u jippubblikaw u jimplimentaw b'mod sħiħ is-sentenza tat-Tribunal f'dan ir-rigward;

(e)

ma jiħdux azzjonijiet u ma jagħmlux dikjarazzjonijiet pubbliċi li jistgħu jdgħajfu l-leġittimità u l-effiċjenza tat-Tribunal Kostituzzjonali.

75.

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-kooperazzjoni leali li hija meħtieġa fost l-istituzzjonijiet tal-Istat differenti fi kwistjonijiet relatati mal-istat tad-dritt hija essenzjali sabiex tinstab soluzzjoni fis-sitwazzjoni preżenti. Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll lill-awtoritajiet Pollakki biex ifittxu l-opinjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar il-liġi l-ġdida adottata fit-22 ta' Lulju 2016 dwar it-Tribunal Kostituzzjonali.

76.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Gvern Pollakk isolvi l-problemi identifikati f'din ir-rakkomandazzjoni fi żmien tliet xhur minn meta jirċievi din ir-rakkomandazzjoni, u li jinforma lill-Kummissjoni bil-passi li ttieħdu f'dan ir-rigward.

77.

Fuq il-bażi ta' din ir-rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni tinsab lesta biex tkompli djalogu kostruttiv mal-Gvern Pollakk.

Magħmula fi Brussell, is-27 ta' Lulju 2016.

Għall-Kummissjoni

Frans TIMMERMANS

Viċi President


(1)  COM(2014) 158 final, minn hawn 'il quddiem “il-Komunikazzjoni”.

(2)  Ara COM(2014) 158 final, it-Taqsima 2, l-Anness I.

(3)  Ara l-paragrafu 4.1 tal-Komunikazzjoni.

(4)  Ibid.

(5)  Ibid.

(6)  Liġi adottata fit-22 ta' Diċembru 2015 li temenda l-Liġi tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar it-Tribunal Kostituzzjonali. Il-Liġi ta' emenda ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fit-28 ta' Diċembru, il-punt 2217.

(7)  L-ittra tat-23 ta' Diċembru 2015 mill-Ewwel Viċi President Timmermans lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin is-Sur Waszczykowski u l-Ministru tal-Ġustizzja, is-Sur Ziobro.

(8)  L-ittra tat-30 ta' Diċembru 2015 mill-Ewwel Viċi President Timmermans lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin is-Sur Waszczykowski u l-Ministru tal-Ġustizzja s-Sur Ziobro.

(9)  L-ittra tas-7 ta' Jannar 2016 mis-Segretarju tal-Istat is-Sur Stepkowski lill-Ewwel Viċi President Timmermans.

(10)  L-ittra tal-11 ta' Jannar 2016 mill-Ministru tal-Ġustizzja s-Sur Ziobro lill-Ewwel Viċi President Timmermans.

(11)  L-ittra tat-13 ta' Jannar 2016 mill-Ewwel Viċi President Timmermans lill-Ministru tal-Ġustizzja, is-Sur Ziobro.

(12)  L-ittra tad-19 ta' Jannar 2016 mill-Kummissarju Oettinger lill-Ministru tal-Ġustizzja, is-Sur Ziobro.

(13)  L-ittra tad-19 ta' Jannar 2016 mill-Ministru tal-Ġustizzja s-Sur Ziobro lill-Ewwel Viċi President Timmermans.

(14)  L-ittra tal-1 ta' Frar 2016 mill-Ewwel Viċi President Timmermans lill-Ministru tal-Ġustizzja, is-Sur Ziobro.

(15)  L-ittra tad-29 ta' Frar 2016 mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin is-Sur Waszczykowski lill-Ewwel Viċi President Timmermans.

(16)  L-ittra tat-3 ta' Marzu 2016 mill-Ewwel Viċi President Timmermans lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin, is-Sur Waszczykowski.

(17)  L-opinjoni Nru. 833/2015, CDL-AD(2016)001.

(18)  Mid-9 ta' Marzu 2016 20 sentenza li ngħataw mit-Tribunal Kostituzzjonali ma ġewx ippubblikati.

(19)  L-ittra tal-24 ta' Ġunju 2016 mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin is-Sur Waszczykowski lill-Ewwel Viċi President Timmermans.

(20)  K 34/15.

(21)  K 35/15.

(22)  L-Opinjoni, il-paragrafu 112.

(23)  L-Opinjoni, il-paragrafu 136.

(24)  Il-liġi tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar it-Tribunal Kostituzzjonali, ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali fit-30 ta' Lulju 2015, il-punt 1064, kif emendata. Il-liġi adottata fit-22 ta' Diċembru 2015 ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fit-28 ta' Diċembru; il-punt 2217.

(25)  L-Opinjoni, il-paragrafu 41.

(26)  Il-liġi tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar it-Tribunal Kostituzzjonali, ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali fit-30 ta' Lulju 2015, il-punt 1064, kif emendata. Il-liġi adottata fit-22 ta' Diċembru 2015 ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali fit-28 ta' Diċembru; il-punt 2217.

(27)  Ara l-Artikolu 1(9) ġdid, li jissostitwixxi l-Artikolu 44(1-3).

(28)  Ara l-Artikolu 1(14) ġdid, li jissostitwixxi l-Artikolu 99(1).

(29)  Ara l-Artikolu 1(10) ġdid, li jdaħħal l-Artikolu 80(2) ġdid.

(30)  Ara l-Artikolu 1(12) ġdid, li jissostitwixxi l-Artikolu 87(2).

(31)  Ara l-Artikolu 1(5) ġdid, li jdaħħal l-Artikolu 28a u l-Artikolu 1(7) ġodda, li jdaħħal l-Artikolu 31a ġdid.

(32)  Dan il-kworum ta' attendenza ġdid japplika wkoll għad-deċiżjonijiet tal-Assemblea Ġenerali, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-Liġi, ara l-Artikolu 1(3) ġdid, li jemenda l-Artikolu 10(1).

(33)  Skont l-emenda, l-istess regoli — il-kworum ta' attendenza u maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti — japplikaw ukoll għall-Assemblea Ġenerali tal-Qorti.

(34)  Ara l-Artikolu 1(10) ġdid, li jdaħħal l-Artikolu 80(2) ġdid.

(35)  Ara l-Artikolu 2 ġdid.

(36)  Ara l-Artikolu 1(12) ġdid.

(37)  Ara l-Artikolu 1(5) ġdid.

(38)  Ara l-Artikolu 1(7) ġdid.

(39)  Ara l-Artikolu 1(5) ġdid, li jdaħħal l-Artikolu 28a ġdid.

(40)  Ara l-Artikolu 1(7) ġdid, li jdaħħal l-Artikolu 31a ġdid.

(41)  Il-liġi tat-30 ta' Diċembru 2015 li temenda l-Liġi dwar ix-Xandir, ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali fis-7 ta' Jannar 2016, il-punt 25.

(42)  Il-liġi tat-30 ta' Diċembru 2015 li temenda l-Liġi dwar is-Servizz Pubbliku u ċerti atti oħrajn, ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali fit-8 ta' Jannar 2016, il-punt 34.

(43)  Il-liġi tal-15 ta' Jannar 2016 li temenda l-Liġi dwar il-Pulizija u liġijiet oħrajn, ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali fl-4 ta' Frar 2016, il-punt 147.

(44)  Il-liġi tat-28 ta' Jannar 2016 dwar l-Uffiċju tal-Prosekutur, ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali fil-15 ta' Frar 2016, il-punt 177. Il-liġi tat-28 ta' Jannar 2016 — ir-Regolamenti li jimplimentaw l-Att — il-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur, ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali fil-15 ta' Frar 2016, il-punt 178.

(45)  Il-liġi tat-18 ta' Marzu 2016 dwar l-Ombudsman u ċerti liġijiet ta' emenda oħrajn. Il-liġi ġiet iffirmata mill-President tar-Repubblika fl-4 ta' Mejju 2016.

(46)  Il-liġi tat-22 ta' Ġunju 2016 dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Midja. Il-liġi ġiet iffirmata mill-President tar-Repubblika fis-27 ta' Ġunju 2016.

(47)  Il-liġi tal-10 ta' Ġunju 2016 kontra t-terroriżmu. Il-liġi ġiet iffirmata mill-President tar-Repubblika fit-22 ta' Ġunju 2016. Il-Kummissjoni barra minn hekk hija konxja li liġi ġdida li temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Ġudizzjarju Nazzjonali u ċerti liġijiet oħrajn ġiet ippreżentata fil-5 ta' Mejju 2016 mill-Ministru tal-Ġustizzja għaċ-Ċentru Leġiżlattiv Nazzjonali.

(48)  Il-liġi tat-30 ta' Diċembru 2015 li temenda l-Liġi dwar ix-Xandir, ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali fis-7 ta' Jannar 2016, il-punt 25 u l-liġi tat-22 ta' Ġunju 2016 dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Midja. Il-liġi ġiet iffirmata mill-President tar-Repubblika fis-27 ta' Ġunju 2016.

(49)  Il-liġi tat-30 ta' Diċembru 2015 li temenda l-Liġi dwar is-Servizz Pubbliku u ċerti atti oħrajn, ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali fit-8 ta' Jannar 2016, il-punt 34.

(50)  L-ittra tal-1 ta' Frar 2016 mill-Ewwel Viċi President Timmermans lill-Ministru tal-Ġustizzja, is-Sur Ziobro. L-ittra tat-3 ta' Marzu 2016 mill-Ewwel Viċi President Timmermans lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin, is-Sur Waszczykowski.

(51)  Il-liġi tal-15 ta' Jannar 2016 li temenda l-Liġi dwar il-Pulizija u liġijiet oħrajn, ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali fl-4 ta' Frar 2016, il-punt 147.

(52)  L-Opinjoni Nru 839/2016.

(53)  Il-liġi tal-10 ta' Ġunju 2016 kontra t-terroriżmu. Il-liġi ġiet iffirmata mill-President tar-Repubblika fit-22 ta' Ġunju 2016.