8.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/70


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1111

tas-6 ta' Lulju 2016

dwar il-monitoraġġ tan-nikil fl-ikel

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

In-nikil huwa metall li jokkorri b'mod mifrux fil-wiċċ tad-dinja. In-nikil huwa preżenti fl-ikel u fl-ilma tax-xorb minħabba attività naturali u antropoġenika.

(2)

L-Awtorità Ellenika tal-Ikel talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“EFSA”) biex tevalwa r-riskju għas-saħħa umana mill-preżenza tan-nikil fl-ikel, b'mod partikolari fil-ħxejjex.

(3)

Il-Panel Xjentifiku tal-EFSA dwar il-Kontaminati fil-Katina tal-Ikel (il-Panel CONTAM) ddeċieda li jestendi l-valutazzjoni tar-riskju għall-ilma tax-xorb u adotta l-Opinjoni Xjentifika dwar ir-riskji għas-saħħa pubblika relatati mal-preżenza tan-nikil fl-ikel u fl-ilma tax-xorb (1). Din l-opinjoni identifikat it-tossiċità riproduttiva u tal-iżvilupp bħala l-effett kritiku għall-karatterizzazzjoni tar-riskju tal-esponiment orali kroniku għan-nikil. Ir-reazzjonijiet ta' infjammazzjoni tal-ekżema u meta r-reazzjonijiet allerġiċi jsiru agħar ġew identifikati bħala l-effett kritiku mill-esponiment orali akut għan-nikil ta' umani li huma sensittivi għan-nikil.

(4)

Id-dejta relatata mal-okkorrenza tan-nikil fl-ikel u fl-ilma tax-xorb inġabret minn 15-il pajjiż Ewropew differenti. Madankollu, minħabba l-fatt li 80 % tad-dejta kollha miġbura nġabret fi Stat Membru wieħed, se jkun meħtieġ sett tad-dejta iktar mifrux għall-verifika tal-okkorrenza tan-nikil fl-ikel madwar l-Unjoni.

(5)

Għal ċerti gruppi tal-ikel li huma kkunsidrati bħala l-kontributuri ewlenin għall-esponiment dijetetiku fl-Opinjoni Xjentifika tal-EFSA, kienet disponibbli dejta limitata tal-okkorrenza biss. Minħabba l-possibbiltà ta' miżuri ta' ġestjoni tar-riskju fil-futur, ikun siewi li jkun hemm fehim aħjar tal-kontenut tan-nikil fil-komoditajiet tal-ikel li jappartjenu għal dawn il-gruppi tal-ikel,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

L-Istati Membri għandhom, bl-involviment attiv tal-operaturi tal-kummerċ tal-ikel u partijiet interessati oħrajn, iwettqu monitoraġġ tal-preżenza tan-nikil fl-ikel matul l-2016, l-2017 u l-2018. Il-monitoraġġ għandu jiffoka fuq iċ-ċereali, il-prodotti bbażati fuq iċ-ċereali, il-formula (tal-ikel) tat-trabi, il-ħalib tat-trab għat-trabi (minn erba' xhur 'il fuq), l-ikel ibbażat fuq iċ-ċereali pproċessat għat-trabi u t-tfal żgħar, l-ikel tat-trabi, l-ikel għal skopijiet mediċi speċjali intenzjonati speċifikament għat-trabi u t-tfal żgħar, is-supplimenti tal-ikel, il-legumi, il-lewż u ż-żrieragħ taż-żejt, il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, ix-xorb alkoħoliku u mhux alkoħoliku, iz-zokkor u l-ħelu (inkluż il-kawkaw u ċ-ċikkulata), il-frott, il-ħxejjex u l-prodotti veġetali (inkluż il-faqqiegħ), il-weraq nexfin tat-te, partijiet nexfin ta' pjanti oħrajn użati għall-infużjonijiet erbali u l-molluski bivalvi.

2.

Il-proċeduri tat-teħid ta' kampjuni għandhom jitwettqu f'konformità mad-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 (2) sabiex ikun żgurat li l-kampjuni huma rappreżentattivi tal-lott tal-kampjun.

3.

Il-kampjuni għandhom jiġu analizzati skont kif jiġu kummerċjalizzati. L-analiżi tan-nikil totali għandha titwettaq f'konformità mal-istandard EN 13804:2013, “Foodstuffs — Determination of elements and their chemical species — General considerations and specific requirements”, preferibbilment billi jsir użu ta' metodu analitiku bbażat fuq l-ispettrometrija tal-assorbiment atomiku permezz ta' fjamma FAAS jew l-ispettrometrija tal-assorbiment atomiku bl-użu ta' forn tal-grafit (GFAAS), l-ispettrometrija tal-emissjoni ottika bi plażma akkoppjata induttivament (ICP-OES) jew l-ispettrometrija ta' massa (ICP-MS).

4.

L-Istati Membri, l-operaturi tal-kummerċ tal-ikel u partijiet interessati oħrajn għandhom jipprovdu lill-EFSA id-dejta ta' monitoraġġ espressa abbażi tal-piż sħiħ bl-informazzjoni u fil-format ta' rapportar elettroniku kif stipulat mill-EFSA għall-ġabra f'bażi tad-dejta waħda sal-1 ta' Ottubru tal-2016, l-2017 u l-2018. Id-dejta tal-okkorrenza disponibbli mis-snin preċedenti li għadha ma ġietx fornuta għandha tiġi trażmessa skont l-istess modalitajiet malajr kemm jista' jkun.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Lulju 2016.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  EFSA CONTAM Panel (EFSA Panel on Contaminants in the Food Chain), 2015. Scientific Opinion on the risks to public health related to the presence of nickel in food and drinking water. EFSA Journal 2015;13(2):4002, 202 pp. doi:10.2903/j.efsa.2015.4002

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 tat-28 ta' Marzu 2007 li jistabbilixxi l-metodi ta' teħid ta' kampjuni u ta' analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta' mikroelementi u ta' kontaminanti tal-ipproċessar fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 88, 29.3.2007, p. 29).