20.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Frar 2016

dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol

(2016/C 67/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292, flimkien mal-Artikolu 148(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-rata tal-qgħad fl-Unjoni żdiedet għal livell storikament għoli wara l-kriżi finanzjarja u ekonomika tal-2008-2009. Attwalment ir-rata qed tonqos, iżda l-qgħad fit-tul għadu għoli ħafna. Il-qgħad fit-tul jaffettwa kull Stat Membru b’mod differenti, partikolarment billi l-impatt tal-kriżi kien irregolari u l-qagħda makroekonomika, l-istruttura ekonomika u l-funzjonament tas-suq tax-xogħol ivarjaw minn Stat Membru għall-ieħor.

(2)

Wara snin ta’ tkabbir imrażżan u livell baxx ta’ ħolqien ta’ impjiegi, fl-2014 il-qgħad fit-tul, definit mill-Eurostat bħala n-numru ta’ nies bla xogħol u li ilhom attivament ifittxu x-xogħol għal tal-anqas sena, affettwa iktar minn 12-il miljun ħaddiem, jew 5 % tal-popolazzjoni attiva tal-Unjoni, li 62 % minnhom kienu ilhom mingħajr impjieg għal tal-anqas sentejn wara xulxin.

(3)

Il-qgħad fit-tul qiegħed jaffettwa lill-persuni kkonċernati, inaqqas il-potenzjal għat-tkabbir tal-ekonomiji tal-Unjoni, iżid ir-riskju tal-esklużjoni soċjali, tal-faqar u tal-inugwaljanza, u jżid l-ispejjeż tas-servizzi soċjali u tal-finanzi pubbliċi. Il-qgħad fit-tul iwassal għal telf ta’ dħul, diminuzzjoni tal-ħiliet, inċidenza ogħla ta’ problemi tas-saħħa u żieda tal-faqar fil-familji.

(4)

Il-persuni b’livell baxx ta’ ħiliet jew ta’ kwalifiki, il-persuni minn pajjiżi terzi, il-persuni b’diżabbiltà u l-minoranzi żvantaġġati bħar-Rom huma fost dawk li huma l-iżjed vulnerabbli għal qgħad fit-tul. L-impjieg preċedenti ta’ persuna għandu rwol importanti wkoll, peress li f’xi pajjiżi l-aspetti settorjali u ċikliċi huma essenzjali biex tiġi spjegata l-persistenza tal-qgħad fit-tul.

(5)

Kull sena, kważi wieħed minn kull ħamsa tal-persuni fl-Unjoni li ilhom qiegħda jaqtgħu qalbhom u jaqgħu f’inattività bħala riżultat ta’ sforzi bla suċċess ta’ tfittix ta’ impjieg. Peress li l-ostakoli għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol huma varji u spiss jakkumulaw, l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol teħtieġ approċċ imfassal apposta u individwalizzat u l-forniment ta’ servizz koordinat.

(6)

In-numru ta’ persuni li ilhom qiegħda hu nofs in-numru totali ta’ persuni qiegħda fl-Unjoni iżda jirrappreżentaw anqas minn wieħed minn kull ħamsa tal-parteċipanti f’miżuri attivi tas-suq tax-xogħol. B’mod korrispondenti, proporzjon baxx tal-persuni li ilhom qiegħda (medja ta’ 24 %) huma koperti mill-benefiċċji tal-qgħad.

(7)

L-investiment fil-kapital uman għandu jitjieb u jsir aktar effiċjenti, bl-għan li aktar persuni jiksbu ħiliet u kompetenzi tajba u rilevanti, jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ħiliet u tiġi stabbilita l-bażi għal transizzjoni bla xkiel mit-tagħlim għax-xogħol u għall-impjegabbiltà kontinwa. It-titjib tal-prestazzjoni u tar-rilevanza tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ ser jgħin biex jitnaqqas in-numru ta’ persuni qiegħda ġodda. Għal dan il-għan, il-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandha tintlaħaq f’konformità mas-Semestru Ewropew, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Mejju 2009 dwar Qafas Strateġiku għall-Kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u fit-Taħriġ (ET 2020) (1) u r-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (2).

(8)

Bil-ħsieb li tiġi żviluppata strateġija koordinata għall-impjieg, il-Linji Gwida tal-2015 għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (3) jsejħu biex il-qgħad fit-tul u strutturali jitnaqqas b’mod sinifikanti permezz ta’ strateġiji komprensivi u reċiprokament rinfurzanti li jinkludu appoġġ attiv individwalizzat għal ritorn fis-suq tax-xogħol.

(9)

Filwaqt li l-Istati Membri jibqgħu kompetenti biex jagħżlu l-miżuri tas-suq tax-xogħol l-aktar addattati għas-sitwazzjoni individwali tagħhom, il-linji gwida jsejħu lill-Istati Membri biex jippromwovu l-impjegabbiltà billi jinvestu fil-kapital uman permezz ta’ sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ li jkunu effettivi u effiċjenti u li jżidu l-livell tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol. Il-linji gwida jsejħu wkoll speċifikament lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu sistemi ta’ tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol bħal sistemi ta’ dual learning u biex jaġġornaw it-taħriġ professjonali. B’mod aktar ġenerali, il-linji gwida jirrikjedu mill-Istati Membri li jieħdu kont tal-prinċipji tal-flessigurtà u li jsaħħu l-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol billi jżidu l-effettività, il-mira, il-komunikazzjoni, il-kopertura u l-interazzjoni tagħhom b’appoġġ tad-dħul u l-forniment tas-servizz soċjali.

(10)

L-azzjonijiet proposti f’din ir-Rakkomandazzjoni għandhom ikunu kompletament kompatibbli mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li nħarġu fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, u l-implimentazzjoni tagħhom għandha sseħħ f’konformità sħiħa mar-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(11)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2008/867/KE tat-3 ta’ Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (4) tiddettalja strateġija komprensiva, integrata għall-inklużjoni attiva ta’ dawk li huma esklużi mis-suq tax-xogħol li tikkombina l-appoġġ ta’ dħul adegwat, swieq tax-xogħol inklużivi u aċċess għal servizzi ta’ kwalità. Hija għandha l-għan li tiffaċilita l-integrazzjoni f’impjieg sostenibbli u ta’ kwalità ta’ dawk li jistgħu jaħdmu u li tipprovdilhom riżorsi li jkunu suffiċjenti għal għajxien b’dinjità.

(12)

Il-Fond Soċjali Ewropew huwa l-istrument finanzjarju prinċipali tal-Unjoni biex jiġi indirizzat il-qgħad fit-tul. Għall-perijodu 2014-2020, l-Istati Membri allokaw finanzjament sostanzjali għall-appoġġ tal-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol. Fondi oħra, bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u bħall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, jistgħu wkoll jikkumplimentaw il-miżuri finanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew f’konformità mal-allokazzjonijiet għall-prijoritajiet rilevanti ta’ investiment għall-perijodu 2014-2020, jiġifieri bl-appoġġ għall-ħolqien tal-impjiegi, bil-modernizzazzjoni ta’ servizzi pubbliċi għall-impjiegi u bl-edukazzjoni vokazzjonali, it-taħriġ għall-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja. F’dan il-qafas, id-diskussjonijiet rilevanti futuri għandhom jikkunsidraw kif tista’ tissaħħaħ aktar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol.

(13)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (5) ssejjaħ għal azzjoni biex l-individwi tingħatalhom l-opportunità li juru x’tgħallmu barra mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali.

(14)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14-15 ta’ Marzu 2013 enfasizzaw li l-sfida soċjali l-aktar importanti hija li jiġi indirizzat il-qgħad u li huwa kruċjali li jitnaqqas il-qgħad fit-tul u li tkun żgurata l-parteċipazzjoni totali tal-ħaddiema akbar fl-età.

(15)

Il-qgħad fit-tul ġie identifikat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill bħala ostakolu maġġuri għat-tkabbir.

(16)

Għandhom jiġu żviluppati sforzi intensifikati għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol għal dawk li ntlaqtu l-aktar severament mill-qgħad fit-tul b’kont meħud tal-prattiki nazzjonali. Dan għandu jmur id f’id ma’ titjib fir-reġistrazzjoni mas-servizzi għall-impjiegi u ma’ aġenziji kompetenti oħra biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ kopertura tal-miżuri ta’ appoġġ. Pajjiżi b’għadd kbir ta’ persuni reġistrati li ilhom qiegħda jistgħu jipprijoritizzaw fl-isforzi tagħhom lil dawk li huma diġà reġistrati.

(17)

Approċċ preventiv ikun favorevoli f’termini ta’ effiċjenza u effikaċja. Il-miżuri ta’ prevenzjoni u attivazzjoni prinċipalment li jiffukaw fuq il-bidu tal-perijodu tal-qgħad għandhom jissaħħu u, fejn meħtieġ, ikkumplimentati. Jeħtieġ li tittieħed azzjoni speċifika għall-persuni reġistrati li ilhom qiegħda mhux aktar tard minn meta jilħqu 18-il xhar ta’ qgħad peress li dan hu meta l-mekkaniżmi u s-servizzi ta’ appoġġ għal dan il-grupp partikolari jinbidlu f’għadd kbir ta’ Stati Membri.

(18)

Jinħtieġu approċċi individwalizzati għall-appoġġ tal-persuni li ilhom qiegħda li jindirizzaw l-ostakoli li jwasslu għal qgħad persistenti, li jaġġornaw u jikkumplimentaw il-valutazzjoni inizjali li twettqet mar-reġistrazzjoni. Dan jiggwida lill-persuni li ilhom qiegħda lejn servizzi ta’ appoġġ suffiċjentement imfassla għall-ħtiġijiet individwali, bħall-konsulenza dwar dejn, riabilitazzjoni, servizzi ta’ appoġġ soċjali, servizzi tal-kura, integrazzjoni ta’ migranti, akkomodazzjoni u appoġġ għat-trasport, immirati biex jiġu indirizzati l-ostakoli għax-xogħol u jagħtu setgħat lil dawk il-persuni biex jilħqu għanijiet ċari li jwasslu għal impjieg.

(19)

L-involviment ta’ min iħaddem fl-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda hija essenzjali u għandha tkun appoġġata permezz ta’ forniment ta’ servizzi dedikati mis-servizzi għall-impjiegi, akkumpanjati minn inċentivi finanzjarji mmirati sew u l-involviment ta’ msieħba soċjali. Impenn aktar qawwi ta’ min iħaddem, ikkumplementati minn miżuri li jirrinforzaw il-ħolqien tal-impjiegi fl-ekonomija, jista’ jkompli jżid l-effettività tal-miżuri ta’ integrazzjoni.

(20)

Inizjattivi reċenti ta’ politika bħar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (6) isejħu għal ħidma fi sħubija bħala metodu ġdid għall-implimentazzjoni tal-politika soċjali u tal-impjieg. L-għoti kkoordinat ta’ servizzi huwa kruċjali, b’mod partikolari fl-Istati Membri fejn ir-responsabbiltajiet għall-appoġġ tal-persuni li ilhom qiegħda huma kondiviżi bejn is-servizzi pubbliċi għall-impjiegi, l-aġenziji tas-sigurtà soċjali u l-gvern lokali.

(21)

Imfassal biex jirrifletti s-sitwazzjoni individwali ta’ persuna li ilha qiegħda, ftehim ta’ integrazzjoni f’impjieg għandu jiddettalja pakkett ta’ miżuri individwalizzati disponibbli fil-livell nazzjonali (bħal dawk dwar is-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni, it-taħriġ u servizzi ta’ appoġġ soċjali) imfassla biex jagħtu appoġġ u setgħat lil persuna li ilha qiegħda biex tegħleb ostakoli speċifiċi għall-impjieg. Tali ftehimiet għandhom jiddefinixxu għanijiet, skedi ta’ żmien, l-obbligi tal-persuna li ilha qiegħda u l-offerta tal-fornitur jew fornituri tas-servizz, u għandhom jindikaw il-miżuri disponibbli ta’ integrazzjoni.

(22)

Jeħtieġ li l-azzjonijiet proposti f’din ir-Rakkomandazzjoni jieħdu kont tad-diversità tal-Istati Membri u l-punti differenti ta’ tluq tagħhom fir-rigward tal-qagħda makroekonomika, il-livell tal-qgħad fit-tul kif ukoll ir-rati ta’ fluttwazzjoni tiegħu, l-istabbiliment istituzzjonali, id-differenzi reġjonali u l-kapaċità tad-diversi atturi fis-suq tax-xogħol. Dawk l-azzjonijiet għandhom jikkumplimentaw u jirrinfurzaw l-approċċ ta’ politika attwalment implimentat minn bosta Stati Membri, b’mod partikolari bl-introduzzjoni ta’ komponenti flessibbli bħall-approċċ individwalizzat u l-forniment ta’ servizzi koordinati, u bl-involviment ta’ min iħaddem.

(23)

Din ir-Rakkomandazzjoni debitament tosserva, tirrinforza u ssaħħaħ id-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari kif stabbiliti fl-Artikolu 29 u fl-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

B’DAN JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:

Jappoġġaw ir-reġistrazzjoni ta’ dawk li jfittxu x-xogħol u jappoġġaw orjentazzjoni tal-miżuri ta’ integrazzjoni li tkun aktar qrib is-suq tax-xogħol, fost oħrajn permezz ta’ rabta aktar mill-qrib ma’ min iħaddem.

Jipprovdu valutazzjonijiet individwali lill-persuni reġistrati li ilhom qiegħda.

Jagħmlu offerta speċifika ta’ ftehim ta’ integrazzjoni f’impjieg mhux aktar tard minn meta persuna li ilha qiegħda tkun laħqet 18-il xahar qiegħda. Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, “ftehim ta’ integrazzjoni f’impjieg” ifisser ftehim bil-miktub bejn persuna reġistrata li ilha qiegħda u punt ta’ kuntatt uniku, bl-objettiv li tiġi ffaċilitata t-transizzjoni ta’ dik il-persuna għall-impjieg fis-suq tax-xogħol.

Għal dak l-għan:

Reġistrazzjoni

(1)

Jinkoraġġixxu r-reġistrazzjoni ta’ dawk li jfittxu x-xogħol ma’ servizz għall-impjiegi, b’mod partikolari permezz ta’ titjib fl-għoti ta’ informazzjoni dwar l-appoġġ disponibbli.

Valutazzjoni u approċċ individwali

Is-servizzi għall-impjiegi, flimkien ma’ msieħba oħra li jappoġġaw l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, jipprovdu gwida personalizzata lil dawk konċernati.

(2)

Jiżguraw li l-persuni reġistrati li ilhom qiegħda jiġu offerti valutazzjonijiet individwali dettaljati u gwida mhux iktar tard minn meta jkunu ilhom qiegħda 18-il xahar. Il-valutazzjoni għandha tkopri l-prospetti tagħhom li jiġu impjegati, l-ostakoli għall-impjieg u l-isforzi preċedenti ta’ tfittix ta’ impjieg.

(3)

Jinfurmaw lill-persuni reġistrati li ilhom qiegħda dwar offerti ta’ impjieg u dwar l-appoġġ disponibbli f’setturi differenti tal-ekonomija u, fejn xieraq, f’reġjuni differenti u fi Stati Membri oħra, b’mod partikolari permezz tan-Netwerk tas-Servizzi Ewropej tax-Xogħol (EURES).

Ftehimiet ta’ integrazzjoni f’impjieg

Il-persuni reġistrati li ilhom qiegħda mhux koperti mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ jiġu offruti ftehim ta’ integrazzjoni f’impjieg mhux aktar tard minn meta jkunu ilhom qiegħda 18-il xahar. Dan għandu jinkludi, bħala minimu, offerta ta’ servizz individwali li tkun immirata biex jinstab impjieg u l-identifikazzjoni ta’ punt uniku ta’ kuntatt.

(4)

Jimmiraw il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ persuni reġistrati li ilhom qiegħda permezz ta’ ftehim ta’ integrazzjoni f’impjieg li jikkombina s-servizzi u l-miżuri rilevanti provduti minn organizzazzjonijiet differenti.

(a)

Il-ftehim ta’ integrazzjoni f’impjieg għandu jagħti fid-dettall l-għanijiet, l-iskedi ta’ żmien u l-obbligi espliċiti li għandha tilħaq il-persuna reġistrata li ilha qiegħda, bħat-teħid ta’ passi attivi biex issib impjieg, l-aċċettazzjoni ta’ offerti ta’ impjieg adatt u l-attendenza u l-parteċipazzjoni f’miżuri ta’ edukazzjoni jew taħriġ, ta’ kwalifikazzjoni mill-ġdid jew impjieg.

(b)

Il-ftehim ta’ integrazzjoni f’impjieg għandu wkoll jagħti fid-dettall l-offerta tal-fornitur jew fornituri tas-servizz lill-persuna li ilha qiegħda. Skont id-disponibbiltà fl-Istati Membri u abbażi taċ-ċirkostanzi individwali tal-persuna reġistrata li ilha qiegħda l-ftehim ta’ integrazzjoni f’impjieg ikun jista’ jinkludi: għajnuna fit-tfittix ta’ impjieg u għajnuna waqt l-impjieg; il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali; ir-riabilitazzjoni, konsulenza u gwida; l-edukazzjoni; l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali; l-esperjenza tax-xogħol; l-appoġġ soċjali; l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal; is-servizzi tas-saħħa u l-kura fit-tul; konsulenza dwar dejn; u appoġġ għal dar u trasport.

(c)

Il-ftehim ta’ integrazzjoni f’impjieg għandu jkun monitorjat regolarment fid-dawl tal-bidliet fis-sitwazzjoni individwali tal-persuna reġistrata li ilha qiegħda u, jekk meħtieġ, huwa għandu jiġi adattat biex itejjeb it-transizzjoni ta’ dik il-persuna għall-impjieg.

(5)

Jistabbilixxu l-arranġamenti meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-kontinwità u jiġi identifikat punt uniku ta’ kuntatt li jkun responsabbli għall-appoġġ lil persuni reġistrati li ilhom qiegħda permezz ta’ offerta ta’ servizzi koordinati li jinvolvu l-impjieg u s-servizzi ta’ appoġġ soċjali disponibbli. Dan il-punt ta’ kuntatt jista’ jkun ibbażat fuq qafas ta’ koordinazzjoni interistituzzjonali u/jew jiġu identifikati fi ħdan l-istrutturi eżistenti.

Jiffaċilitaw it-trasmissjoni bla xkiel u sigura tal-informazzjoni rilevanti rigward id-dettalji dwar l-appoġġ li jkunu rċevew dawk il-persuni reġistrati li ilhom qiegħda u qed ifittxu impjieg u l-valutazzjonijiet individwali bejn il-fornituri tas-servizzi rilevanti, f’konformità mal-leġislazzjoni tal-protezzjoni tad-data, biex b’hekk tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizzi.

Jippermettu disseminazzjoni aħjar tal-informazzjoni rilevanti dwar postijiet tax-xogħol vakanti u opportunitajiet ta’ taħriġ lill-fornituri tas-servizzi involuti u jiżguraw li din l-informazzjoni tilħaq lill-persuni li ilhom qiegħda.

Rabtiet aktar mill-qrib ma’ min iħaddem

(6)

Jinkoraġġixxu u jiżviluppaw sħubiji bejn min iħaddem, l-imsieħba soċjali, is-servizzi għall-impjiegi, l-awtoritajiet tal-gvern, is-servizzi soċjali u dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ biex jiġu pprovduti servizzi li jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet tal-intrapriżi u tal-persuni reġistrati li ilhom qiegħda.

(7)

Jiżviluppaw servizzi għal min iħaddem ta’ skrinjar ta’ postijiet vakanti tax-xogħol vakanti, appoġġ ta’ kollokament, konsulenza u t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol, u appoġġ ta’ wara l-kollokament sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuni reġistrati li ilhom qiegħda.

(8)

Jiffukaw kwalunkwe inċentiv finanzjarju fuq skemi li jappoġġaw l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, bħas-sussidji għar-reklutaġġ u t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni soċjali, biex jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ impjieg għal persuni reġistrati li ilhom qiegħda.

B’DAN JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI U L-KUMMISSJONI:

Valutazzjoni u monitoraġġ

(9)

Jimmonitorjaw fi ħdan il-Kumitat tal-Impjiegi, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, fir-rigward tas-servizzi soċjali u l-forniment ta’ dħul, l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni permezz tas-sorveljanza multilaterali fi ħdan il-qafas tas-Semestru Ewropew u permezz ta’ Qafas għall-Evalwazzjoni Konġunta ta’ indikaturi. Il-monitoraġġ għandu jsegwi dwar kemm persuni reġistrati li ilhom qiegħda reġgħu sabu impjieg, jekk l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol hijiex sostenibbli u l-użu ta’ ftehimiet ta’ integrazzjoni f’impjieg. Jinħtieġ li n-Netwerk Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi jikkontribwixxi għal dan il-monitoraġġ.

(10)

Jinkoraġġixxu l-valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi fir-rigward tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ persuni reġistrati li ilhom qiegħda, il-kondiviżjoni tal-esperjenza u l-iskambju tal-aħjar prassi skont il-proċess ta’ tagħlim komparattiv tan-Netwerk Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, stabbilit skont id-Deċiżjoni Nru 573/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) (7).

(11)

Jikkooperaw biex isir l-aħjar użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, f’konformità mal-prijoritajiet relattivi għall-investiment rilevanti għall-programmi tal-perijodu 2014-2020.

B’DAN JIRRAKKOMANDA LI L-KUMMISSJONI:

(12)

Tappoġġa u tikkoordina inizjattivi volontarji u alleanzi ta’ kumpanniji involuti fl-integrazzjoni sostenibbli tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol.

(13)

Tappoġġa l-proġetti ta’ innovazzjoni soċjali biex il-persuni li ilhom qiegħda jiġu integrati fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari permezz tat-taqsima dwar il-Progress tal-Programm tal-Unjoni għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI).

(14)

Tevalwa, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati konċernati, l-azzjoni meħuda bħala rispons għal din ir-Rakkomandazzjoni u tirrapporta dwar ir-riżultati ta’ dik il-valutazzjoni lill-Kunsill sal-15 ta’ Frar 2019.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Frar 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

M.H.P. VAN DAM


(1)  ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.

(2)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1848 tal-5 ta’ Ottubru 2015 dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri għall-2015 (ĠU L 268, 15.10.2015, p. 28).

(4)  ĠU L 307, 18.11.2008, p. 11.

(5)  ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.

(6)  ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.

(7)  ĠU L 159, 28.5.2014, p. 32.