23.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 352/60


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/2382

tal-21 ta' Diċembru 2016

li tistabbilixxi Kulleġġ Ewropew ta' Sigurtà u ta' Difiża (KESD) u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/189/PESK

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-18 ta' Lulju 2005, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/575/PESK li tistabbilixxi Kulleġġ Ewropew għas-Sigurtà u d-Difiża (“KESD”) (1). Dik l-Azzjoni Konġunta ġiet sostitwita bl-Azzjoni Konġunta 2008/550/PESK (2). Min-naħa tagħha, dik l-Azzjoni Konġunta tħassret mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/189/PESK (3).

(2)

F'Novembru 2008, il-Kunsill adotta l-Inizjattiva Ewropea għall-Iskambju ta' Uffiċjali Żgħażagħ, immudellata fuq Erasmus (4) u qabel li grupp ta' ħidma ta' implimentazzjoni jiltaqa' fi ħdan il-qafas tal-Bord Akkademiku Eżekuttiv tal-KESD.

(3)

Fil-15 ta' Lulju 2016, il-Kumitat ta' Tmexxija tal-KESD qabel dwar rakkomandazzjonijiet dwar il-perspettivi futuri tal-KESD.

(4)

L-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni fi ħdan il-qafas tal-KESD għandhom jitwettqu fil-qasam tal-PSDK/PESK inkluż fl-oqsma ta' stabbilizzazzjoni tal-konflitti, riżoluzzjoni tal-konflitti u l-kondizzjonijiet neċessarji għall-iżvilupp sostenibbli.

(5)

Filwaqt li jkun adatt li l-persunal tal-KESD ikun jikkonsisti prinċipalment minn persunal issekondat, jista' jkun neċessarju li l-pożizzjoni ta' assistent amministrattiv u finanzjarju timtela minn membru tal-persunal ikkuntrattat.

(6)

Bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (5), is-SEAE għandu jipprovdi lill-KESD l-appoġġ li qabel kien jingħata mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU I

STABBILIMENT, MISSJONI, OBJETTIVI U KOMPITI

Artikolu 1

Stabbiliment

B'dan qed jiġi stabbilit Kulleġġ Ewropew ta' Sigurtà u ta' Difiża (“KESD”).

Artikolu 2

Missjoni

Il-KESD għandu jipprovdi taħriġ u edukazzjoni fil-qasam tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) tal-Unjoni fil-kuntest usa' tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) f'livell Ewropew sabiex ikun hemm żvilupp u promozzjoni ta' viżjoni komuni tal-PSDK u l-PESK fost il-persunal ċivili u militari, u biex tiġi identifikata u mxerrda l-aħjar prattika fir-rigward ta' diversi kwistjonijiet tal-PSDK u l-PESK permezz tal-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tiegħu (“attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD”).

Artikolu 3

Objettivi

Il-KESD għandu jkollu l-objettivi li ġejjin:

(a)

it-tisħiħ ulterjuri tal-kultura Ewropea komuni rigward is-sigurtà u d-difiża fl-Unjoni u l-promozzjoni tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 21(1) TUE barra l-Unjoni;

(b)

il-promozzjoni ta' fehim aħjar tal-PSDK bħala parti essenzjali tal-PESK;

(c)

il-forniment lill-istanzi tal-Unjoni ta' persunal kompetenti li jkun kapaċi jaħdem b'mod effiċjenti fil-materji kollha tal-PSDK u tal-PESK;

(d)

il-forniment lill-amministrazzjonijiet u l-persunal tal-Istati Membri ta' persunal kompetenti li jkun familjari mal-politika, l-istituzzjonijiet u l-proċeduri tal-Unjoni fil-qasam tal-PSDK u tal-PESK;

(e)

il-forniment lill-persunal tal-Missjonijiet u l-Operazzjonijiet tal-PSDK ta' viżjoni komuni dwar il-prinċipji ta' funzjonament tal-Missjonijiet u l-Operazzjonijiet tal-PSDK u ta' sens ta' identità Ewropea komuni;

(f)

il-forniment ta' taħriġ u edukazzjoni li jirrispondu għall-bżonnijiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-Missjonijiet u l-Operazzjonijiet tal-PSDK;

(g)

l-appoġġ għas-sħubijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-PSDK u tal-PESK, b'mod partikolari sħubijiet ma' dawk il-pajjiżi li jipparteċipaw fil-missjonijiet tal-PSDK;

(h)

l-appoġġ għall-immaniġġar ċivili tal-kriżijiet inkluż fil-qasam tal-prevenzjoni ta' konflitti, u l-istabbiliment jew il-manteniment tal-kondizzjonijiet għall-iżvilupp sostenibbli;

(i)

il-promozzjoni tal-Inizjattiva Ewropea għall-Iskambju ta' Uffiċjali Żgħażagħ:

(j)

l-għajnuna għall-promozzjoni ta' relazzjonijiet u kuntatti professjonali fost il-parteċipanti fl-oqsma tat-taħriġ u tal-edukazzjoni;

Fejn adatt, għandha tingħata attenzjoni biex tiġi żgurata l-konsistenza ma' attivitajiet oħra tal-Unjoni.

Artikolu 4

Kompiti tal-KESD

1.   Il-kompiti ewlenin tal-KESD għandhom ikunu, f'konformità mal-missjoni u l-objettivi tiegħu, l-organizzazzjoni u t-tmexxija ta' attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD fil-qasam tal-PSDK u tal-PESK.

2.   L-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD għandhom jinkludu:

(a)

korsijiet ta' livell bażiku u avvanzat li jippromwovu fehim ġeneriku tal-PSDK u tal-PESK;

(b)

korsijiet li jiżviluppaw it-tmexxija;

(c)

korsijiet li jappoġġaw direttament il-Missjonijiet u l-Operazzjonijiet tal-PSDK, inkluż taħriġ u edukazzjoni ta' qabel l-iskjerament u matul il-missjonijiet jew l-operazzjonijiet;

(d)

korsijiet li jappoġġaw is-sħubiji tal-UE u l-pajjiżi li jieħdu sehem f'Missjonijiet u Operazzjonijiet tal-PSDK;

(e)

moduli li jappoġġaw taħriġ u edukazzjoni ċivili u militari fil-qasam tal-PSDK u tal-PESK;

(f)

korsijiet, seminars, programmi u konferenza dwar il-PSDK u l-PESK għal udjenzi speċjalizzati jew b'enfasi speċifika.

(g)

moduli komuni organizzati taħt l-Inizjattiva Ewropea għall-Iskambju ta' Uffiċjali Żgħażagħ, ispirata mill-programm Erasmus.

Għalkemm formalment mhumiex attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD, il-KESD għandu jappoġġa u jippromwovi wkoll is-semestri Ewropej u lawrji tal-Masters konġunti bl-użu ta' moduli komuni msemmija fl-ewwel subparagrafu.

Għandhom jinbdew attivitajiet oħrajn ta' taħriġ u edukazzjoni, kif deċiż mill-Kumitat ta' Tmexxija msemmi fl-Artikolu 9 (“il-Kumitat ta' Tmexxija”).

3.   Minbarra l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-KESD għandu, b'mod partikolari:

(a)

jappoġġa r-relazzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti bejn l-istituti msemmija fl-Artikolu 5(1) involuti fin-netwerk imsemmi f'dak il-paragrafu (“in-netwerk”);

(b)

imexxi u jiżviluppa aktar sistema ta' Tagħlim elettroniku biex tappoġġa l-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-PSDK u tal-PESK, jew, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, biex tintuża bħala attività ta' taħriġ u edukazzjoni awtonoma;

(c)

jiżviluppa u jipproduċi materjal ta' taħriġ u edukazzjoni fil-qasam tal-PSDK u tal-PESK abbażi wkoll ta' materjal rilevanti li diġà jeżisti;

(d)

jappoġġa Assoċjazzjoni tal-Alumni bejn parteċipanti preċedenti fit-taħriġ;

(e)

jappoġġa programmi ta' skambju fil-qasam tal-PSDK u tal-PESK bejn l-istituti ta' taħriġ u edukazzjoni tal-Istati Membri;

(f)

jaġixxi bħala amministratur ta' kompartiment tal-modulu Schoolmaster tal-proġett Goalkeeper u jikkontribwixxi għall-Programm ta' Taħriġ annwali tal-Unjoni fil-PSDK permezz ta' dan il-modulu;

(g)

jipprovdi appoġġ għall-immaniġġar ta' taħriġ u edukazzjoni fil-qasam tal-prevenzjoni tal-konflitti, l-immaniġġar ċivili ta' kriżijiet, l-istabbiliment jew il-manteniment tal-kondizzjonijiet għall-iżvilupp sostenibbli u l-inizjattivi tar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà, kif ukoll il-promozzjoni taċ-ċibersigurtà u sensibilizzazzjoni dwar it-theddid ibridu;

(h)

jorganizza u jmexxi konferenza annwali tan-netwerk li tlaqqa' flimkien l-esperti fit-taħriġ u l-edukazzjoni ċivili u militari fil-PSDK mill-istituti ta' taħriġ u edukazzjoni u tal-ministeri tal-Istati Membri, u l-atturi rilevanti esterni rilevanti ta' taħriġ u edukazzjoni u;

(i)

iżomm relazzjonijiet ma' atturi rilevanti fil-qasam tal-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà, fil-qasam tal-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni, u ma' Organizzazzjonijiet Internazzjonali rilevanti.

KAPITOLU II

ORGANIZZAZZJONI

Artikolu 5

Netwerk

1.   Il-KESD għandu jkun organizzat bħala netwerk li jġib flimkien l-istituti, il-kulleġġi, l-akkademji, l-universitajiet, l-istituzzjonijiet u atturi oħra li jittrattaw kwistjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża fl-Unjoni, ċivili u militari, kif identifikati mill-Istati Membri, kif ukoll l-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji fuq is-Sigurtà (EUISS).

Il-KESD għandu jistabbilixxi rabtiet mill-qrib mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, b'mod partikolari

(a)

mal-Aġenzija tal-UE għal taħriġ fl-infurzar tal-liġi (“CEPOL”),

(b)

mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (“Frontex”),

(c)

mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (“EDA”),

(d)

maċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (“EU SatCen”), u

(e)

u mal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (“Europol”).

2.   Fejn ikun adatt, organizzazzjonijiet internazzjonali, intergovernattivi, governattivi u nongovernattivi jistgħu jiksbu l-istatus ta' “sieħeb assoċjat tan-netwerk” (“ANP”), li l-arranġamenti dettaljati tagħhom ser jiġu maqbula mill-Kumitat ta' Tmexxija.

3.   Il-KESD għandu jaħdem taħt ir-responsabbiltà ġenerali tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (“RGħ”).

Artikolu 6

Ir-rwol tal-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji fuq is-Sigurtà

1.   Bħala parti min-netwerk tal-KESD, l-EUISS jikkoopera mal-KESD billi jagħmel disponibbli l-kompetenza esperta u l-kapaċitajiet ta' ġbir ta' għarfien tiegħu għall-attivitajiet ta' taħriġ tal-KESD, inkluż permezz ta' pubblikazzjonijiet tal-EUISS, fil-limiti tal-kapaċitajiet tiegħu stess.

2.   B'mod partikolari, l-EUISS jipprovdi l-lectures mogħtija mill-analisti tal-EUISS u jikkontribwixxi għall-iżvilupp ulterjuri tal-kontenut tat-Tagħlim elettroniku tal-KESD.

3.   L-EUISS jappoġġa wkoll l-Assoċjazzjoni tal-Alumni tal-KESD.

Artikolu 7

Kapaċità Legali

1.   Il-KESD għandu jkollu l-kapaċità legali meħtieġa sabiex:

(a)

iwettaq il-kompiti tiegħu u jilħaq l-objettivi tiegħu;

(b)

jidħol fil-kuntratti u l-arranġamenti amministrattivi neċessarji għall-funzjonament tiegħu, inkluż li jimplimenta l-issekondar ta' persunal, u jirrekluta persunal kuntrattwali; jakkwista tagħmir, partikolarment tagħmir għat-tagħlim;

(c)

ikollu kontijiet bankarji; u

(d)

jkun parti fi proċedimenti legali.

2.   Kwalunkwe responsabbiltà li tista' tirriżulta minn kuntratti konklużi mill-KESD għandha tkun koperta mill-fondi disponibbli għalih bis-saħħa tal-Artikoli 16 u 17.

Artikolu 8

Struttura

L-istruttura li ġejja għandha tiġi stabbilita taħt il-KESD:

(a)

il-Kumitat ta' Tmexxija b'responsabbiltà għall-koordinazzjoni u d-direzzjoni ġenerali tal-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD;

(b)

il-Bord Akkademiku Eżekuttiv (“il-Bord”) b'responsabbiltà li jiżgura l-kwalità u l-koerenza tal-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD;

(c)

il-Kap tal-KESD (“il-Kap”), rappreżentant legali uniku tal-KESD, b'responsabbiltà għall-immaniġġar finanzjarju u amministrattiv tal-KESD, kif ukoll li jagħti pariri lill-Kumitat u l-Bord fl-organizzazzjoni u l-immaniġġar tal-attivitajiet tal-KESD;

(d)

is-Segretarjat tal-KESD (“is-Segretarjat”) biex jassisti lill-Kap fit-twettiq tal-kompiti tiegħu u b'mod partikolari biex jassisti lill-Bord jiżgura l-kwalità u l-koerenza ġenerali tal-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD.

Artikolu 9

Kumitat ta' Tmexxija

1.   Il-Kumitat ta' Tmexxija, magħmul minn rappreżentant wieħed maħtur minn kull Stat Membru, għandu jkun il-korp li jieħu d-deċiżjonijiet tal-KESD. Kull membru tal-Kumitat jista' jkun irrappreżentat jew akkumpanjat minn membru supplenti.

2.   Il-membri tal-Kumitat ta' Tmexxija jistgħu jkunu akkumpanjati minn esperti għal-laqgħat tal-Kumitat.

3.   Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tar-RGħ li jkollu esperjenza adatta. Huwa għandu jiltaqa' mill-inqas erba' darbiet f'sena.

4.   Rappreżentanti mill-pajjiżi aderenti mal-Unjoni jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Kumitat ta' Tmexxija bħala osservaturi attivi.

5.   Il-Kap, persunal ieħor tal-KESD, il-President tal-Bord u meta jkun adatt il-Presidenti tal-konfigurazzjonijiet differenti tiegħu, kif ukoll rappreżentant tal-Kummissjoni u Istituzzjonijiet oħra tal-UE, inkluż is-SEAE, għandhom jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Kumitat ta' Tmexxija mingħajr dritt li jivvotaw.

6.   Il-kompiti tal-Kumitat ta' Tmexxija għandhom ikunu li:

(a)

japprova u jagħmel rieżami regolari tal-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD li jirriflettu r-rekwiżiti maqbula ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD;

(b)

japprova l-programm akkademiku annwali tal-KESD;

(c)

jagħżel u jipprijoritizza l-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni li għandhom isiru taħt il-KESD, b'kont meħud tar-riżorsi disponibbli għall-KESD u rekwiżiti għal taħriġ u edukazzjoni identifikati;

(d)

jagħżel l-Istat Membru jew l-Istati Membri li jospitaw l-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD u l-istituti li jmexxuhom;

(e)

jiddeċiedi dwar il-ftuħ ta' attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni speċifiċi tal-KESD għal parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi fil-qafas politiku ġenerali stabbilit mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà;

(f)

jadotta l-kurrikula għall-attivitajiet kollha ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD;

(g)

jieħu nota tar-rapporti ta' evalwazzjoni tal-korsijiet;

(h)

jieħu nota tar-rapport annwali ġenerali dwar l-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD u jadotta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, li għandhom jintbagħtu lill-korpi rilevanti tal-Kunsill;

(i)

jipprovdi gwida ġenerali għall-ħidma tal-Bord;

(j)

jaħtar il-Presidenti tal-Bord Akkademiku Eżekuttiv u l-konfigurazzjonijiet differenti tiegħu;

(k)

jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji fir-rigward tal-funzjonament tal-KESD sa fejn dawn ma jkunux attribwiti lil korpi oħra;

(l)

japprova l-baġit annwali u kwalunkwe baġit emendatorju, fuq proposti mill-Kap;

(m)

japprova l-kontijiet annwali u jagħti kwittanza lill-Kap;

(n)

japprova regoli addizzjonali applikabbli għan-nefqa mmaniġġata mill-KESD;

(o)

japprova kwalunkwe ftehim ta' finanzjament u arranġamenti tekniċi mal-Kummissjoni, is-SEAE, Aġenzija tal-Unjoni jew Stat Membru dwar l-iffinanzjar jew l-implimentazzjoni tan-nefqa tal-KESD;

(p)

jikkontribwixxi għall-proċess tal-għażla tal-Kap kif definit fl-Artikolu 11(3).

7.   Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu japprova r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

8.   Ħlief fil-każ previst fl-Artikolu 2(6) tar-regoli finanzjarji applikabbli għan-nefqa ffinanzjata mill-KESD u l-iffinanzjar tiegħu, il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, kif definit fl-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 10

Il-Bord Akkademiku Eżekuttiv

1.   Il-Bord għandu jkun magħmul minn rappreżentanti għoljin minn dawk l-istituti ċivili u militari u atturi oħra identifikati mill-Istati Membri biex jappoġġaw it-tmexxija tal-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD u tad-Direttur tal-EUISS jew ir-rappreżentant tad-Direttur.

2.   Il-President tal-Bord għandu jinħatar mill-Kumitat ta' Tmexxija minn fost il-membri tal-Bord.

3.   Ir-Rappreżentanti tal-Kummissjoni u tas-SEAE għandhom jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Bord.

4.   Ir-rappreżentanti għoljin tas-sħab assoċjati tan-netwerk għandhom jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Bord bħala osservaturi attivi.

5.   Esperti akkademiċi u uffiċjali għoljin minn istituzzjonijiet tal-Unjoni u dawk nazzjonali jistgħu jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Bord bħala osservaturi. Meta jkun xieraq u skont il-każ, l-esperti akkademiċi u l-uffiċjali għoljin li huma rappreżentanti ta' istituti li mhumiex membri tan-netwerk jistgħu jiġu mistiedna jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Bord.

6.   Il-kompiti tal-Bord għandhom ikunu li:

(a)

jipprovdi pariri u rakkomandazzjonijiet akkademiċi lill-Kumitat ta' Tmexxija;

(b)

jimplimenta, permezz tan-netwerk, il-programm akkademiku annwali miftiehem;

(c)

jissorvelja s-sistema tat-Tagħlim elettroniku;

(d)

jiżviluppa kurrikula għall-attivitajiet kollha ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD;

(e)

jiżgura koordinazzjoni ġenerali tal-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD fost l-istituti kollha;

(f)

jirrevedi l-istandards tal-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni mwettqa fis-sena akkademika ta' qabel;

(g)

iressaq proposti lill-Kumitat ta' Tmexxija rigward attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni fis-sena akkademika li jkun imiss;

(h)

jiżgura evalwazzjoni sistematika tal-attivitajiet kollha ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD u japprova r-rapporti ta' evalwazzjoni tal-korsijiet;

(i)

jikkontribwixxi għall-abbozz tar-rapport annwali ġenerali dwar l-attivitajiet tal-KESD;

(j)

jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Ewropea għall-Iskambju ta' Uffiċjali Żgħażagħ, ispirata mill-programm Erasmus.

7.   Biex jaqdi l-kompiti tiegħu, il-Bord jista' jiltaqa' f'konfigurazzjonijiet differenti ffokati fuq proġetti. Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jiġu jaqbel dwar dawk il-konfigurazzjonijiet u l-Bord għandu jfassal ir-regoli u l-arranġamenti li jirregolaw il-ħolqien u l-funzjonament ta' dawk il-konfigurazzjonijiet. Kull konfigurazzjoni tagħti rapport dwar l-attivitajiet tagħha lill-Bord ġenerali mill-inqas darba fis-sena, u wara dan il-mandat tagħha jista' jiġi estiż.

8.   Membru tas-Segretarjat tal-KESD jappoġġa u jassisti lill-Bord u kull waħda mill-konfigurazzjonijiet tiegħu. Dan il-membru jattendi l-laqgħat mingħajr id-dritt tal-vot. Jekk ma jkunx jista' jiġi identifikat kandidat ieħor, hu jista' fl-istess ħin, jippresiedi l-laqgħat.

9.   Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Bord u ta' kull waħda mill-konfigurazzjonijiet tiegħu għandhom jiġu adottati mill-Kumitat ta' Tmexxija.

Artikolu 11

Il-Kap

1.   Il-Kap għandu:

(a)

ikun responsabbli mill-attivitajiet tal-KESD;

(b)

ikun rappreżentant legali uniku tal-KESD;

(c)

ikun responsabbli mill-immaniġġjar finanzjarju u amministrattiv tal-KESD;

(d)

jagħti pariri lill-Kumitat ta' Tmexxija u lill-Bord u jappoġġa l-ħidma tagħhom; u

(e)

jaġixxi bħala r-rappreżentant tal-KESD għall-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni fin-netwerk u barra minnu.

2.   Il-kandidati għall-pożizzjoni ta' Kap għandhom ikunu persuni b'kompetenza esperta u esperjenza stabbiliti u rikonoxxuti fit-taħriġ u l-edukazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jinnominaw kandidati għall-pożizzjoni ta' Kap. Il-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tas-SEAE jistgħu japplikaw għal din il-pożizzjoni, f'konformità mar-regoli applikabbli.

3.   Il-proċess ta' preselezzjoni għandu jiġi organizzat taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Il-bord ta' preselezzjoni għandu jikkonsisti minn tliet rappreżentanti tas-SEAE. Dan għandu jkun presedut mill-President tal-Kumitat ta' Tmexxija. Abbażi tar-riżultati tal-preselezzjoni, ir-RGħ għandu jipprovdi lill-Kumitat ta' Tmexxija rakkomandazzjoni b'lista ristretta ta' mill-inqas tliet kandidati, imfassla skont l-ordni tal-preferenza tal-bord ta' preselezzjoni. Mill-inqas nofs il-kandidati fil-lista ristretta għandhom jiġu mill-Istati Membri. Il-kandidati jippreżentaw il-viżjoni tagħhom għall-KESD lill-Kumitat ta' Tmexxija, u wara dan l-Istati Membri jiġu mistiedna jikklassifikaw lill-kandidati b'vot sigriet, bil-miktub. Il-Kap għandu jinħatar mir-RGħ bħala membru tal-persunal tas-SEAE.

4.   Il-kompiti tal-Kap għandhom b'mod partikolari jkunu li:

(a)

jieħu kull pass meħtieġ, inkluż l-adozzjoni ta' struzzjonijiet amministrattivi interni u l-pubblikazzjoni ta' avviżi, biex jiżgura li l-attivitajiet tal-KESD jiffunzjonaw b'mod effettiv;

(b)

ifassal l-abbozz preliminari tar-rapport annwali tal-KESD u l-abbozz preliminari tal-programm ta' ħidma tiegħu li għandhom jiġu ppreżentati lill-Kumitat ta' Tmexxija abbażi tal-proposti ppreżentati mill-Bord;

(c)

jikkoordina l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma tal-KESD;

(d)

iżomm kuntatti mal-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri;

(e)

iżomm kuntatti mal-atturi rilevanti esterni ta' taħriġ u edukazzjoni fil-qasam tal-PESK u tal-PSDK;

(f)

jikkonkludi fejn ikun meħtieġ arranġamenti tekniċi dwar attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD mal-awtoritajiet u l-atturi rilevanti ta' taħriġ u edukazzjoni fil-qasam tal-PESK u tal-PSDK;

(g)

iwettaq kull kompitu ieħor assenjat lilu mill-Kumitat ta' Tmexxija.

5.   Il-Kap għandu jkun responsabbli għall-immaniġġjar finanzjarju u amministrattiv tal-KESD, u b'mod partikolari għandu:

(a)

ifassal u jippreżenta lill-Kumitat ta' Tmexxija kull abbozz tal-baġit;

(b)

jadotta l-baġits wara li jiġu approvati mill-Kumitat ta' Tmexxija;

(c)

ikun l-uffiċjal li jawtorizza l-baġit tal-KESD;

(d)

jiftaħ kont bankarju wieħed jew aktar f'isem il-KESD;

(e)

jinnegozja, jippreżenta lill-Kumitat ta' Tmexxija u jikkonkludi kwalunkwe ftehim ta' finanzjament u/jew arranġament tekniku mal-Kummissjoni, is-SEAE jew Stat Membru dwar il-finanzjament u/jew l-implimentazzjoni tan-nefqa tal-KESD;

(f)

jagħżel il-persunal tas-Segretarjat, bl-għajnuna ta' bord tas-selezzjoni;

(g)

jinnegozja u jiffirma f'isem il-KESD kull Skambju ta' Ittri għall-issekondar ta' persunal tas-Segretarjat lill-KESD;

(h)

jinnegozja u jiffirma f'isem il-KESD kull kuntratt ta' impjieg għal persunal imħallas mill-baġit tal-KESD;

(i)

b'mod ġenerali, jirrappreżenta lill-KESD għall-finijiet ta' kull att legali b'implikazzjonijiet finanzjarji;

(j)

jippreżenta lill-Kumitat ta' Tmexxija l-kontijiet annwali tal-KESD.

6.   Il-Kap għandu jagħti rendikont tal-attivitajiet tiegħu lill-Kumitat ta' Tmexxija.

Artikolu 12

Is-Segretarjat tal-KESD

1.   Is-Segretarjat għandu jassisti lill-Kap fil-qadi tad-dmirijietu tal-Kap;

2.   Is-Segretarjat għandu jipprovdi appoġġ lill-Kumitat ta' Tmexxija, lill-Bord inkluż il-konfigurazzjonijiet tiegħu u lil istituzzjonijiet għall-immaniġġjar, il-koordinazzjoni u l-organizzazzjoni tal-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD;

3.   Is-Segretarjat għandu jappoġġa u jassisti l-Bord biex jiżgura l-kwalità u l-koerenza ġenerali tal-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD u biex jiżgura li jibqgħu konformi ma' żviluppi fil-politika tal-Unjoni. B'mod partikolari, għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-passi kollha fil-forniment ta' attività ta' taħriġ u edukazzjoni, mill-iżvilupp tal-kurrikulu u l-kontenut sal-approċċ metodoloġiku, għandhom jirriflettu l-ogħla standards possibbli;

4.   Kull istitut li jifforma parti min-netwerk tal-KESD għandu jinnomina punt ta' kuntatt mas-Segretarjat biex jittratta l-kwistjonijiet organizzattivi u amministrattivi konnessi mal-organizzazzjoni tal-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD;

5.   Is-Segretarjat għandu jikkoopera mill-qrib mal-Kummissjoni u mas-SEAE.

Artikolu 13

Persunal tal-KESD

1.   Il-persunal tal-KESD għandu jkun magħmul minn:

(a)

persunal issekondat lill-KESD mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, is-SEAE u aġenziji tal-Unjoni;

(b)

esperti nazzjonali ssekondati lill-KESD mill-Istati Membri;

(c)

persunal ikkuntrattat meta l-ebda espert nazzjonali ma jkun ġie identifikat għall-pożizzjoni ta' assistent amministrattiv u finanzjarju u wara l-approvazzjoni tal-Kumitat ta' Tmexxija.

2.   Il-KESD jista' jirċievi interns u akkademiċi mistiedna.

3.   L-għadd ta' persunal tal-KESD għandu jkun deċiż mill-Kumitat ta' Tmexxija flimkien mal-baġit għas-sena li jkun imiss u għandu jkollu rabta ċara mal-għadd ta' attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD u kompiti oħra kif definiti fl-Artikolu 4.

4.   Id-Deċiżjoni tar-RGħ (6) Sigurtà li tistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-esperti nazzjonali ssekondati lis-SEAE għandha tapplika mutatis mutandis għall-esperti nazzjonali ssekondati lill-KESD mill-Istati Membri. Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni jibqgħu applikabbli għall-persunal issekondat lill-KESD mill-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, inkluż għall-persunal ikkuntrattat imħallas mill-baġit tal-KESD.

5.   Il-Kumitat ta' Tmexxija, fuq proposta mir-RGħ, għandu jiddefinixxi sa fejn neċessarju l-kondizzjonijiet applikabbli għall-interns u l-akkademiċi mistiedna.

6.   Il-persunal tal-KESD ma jistax jikkonkludi kuntratti jew jidħol fi kwalunkwe tip ta' obbligu finanzjarju f'isem il-KESD mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel bil-miktub tal-Kap.

KAPITOLU III

FINANZJAMENT

Artikolu 14

Kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni

1.   Kull Stat Membru, istituzzjoni tal-Unjoni, aġenzija u istitut tal-Unjoni, u s-SEAE għandu jġarrab l-ispejjeż kollha marbutin mal-parteċipazzjoni tiegħu fil-KESD, inklużi salarji, allowances, infiq tal-ivvjaġġar u sussistenza u spejjeż marbutin mal-appoġġ organizzattiv u amministrattiv tal-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD.

2.   Kull parteċipant fl-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD għandu jġarrab l-ispejjeż kollha marbutin mal-parteċipazzjoni tiegħu.

Artikolu 15

Appoġġ mis-SEAE

1.   Is-SEAE għandu jġarrab l-ispejjeż li jirriżultaw meta jospita lill-Kap u lis-Segretarjat tal-KESD fil-bini tiegħu, inkluż l-ispejjeż tat-teknoloġija tal-informazzjoni, l-issekondar tal-Kap u l-issekondar ta' membru tal-persunal assistent wieħed lis-Segretarjat tal-KESD.

2.   Is-SEAE għandu jipprovdi lill-KESD bl-appoġġ amministrattiv meħtieġ għar-reklutaġġ u l-immaniġġjar tal-persunal tiegħu u biex jimplimenta l-baġit tiegħu.

Artikolu 16

Kontribuzzjoni mill-Baġit tal-Unjoni

1.   Il-KESD għandu jirċievi kontribuzzjoni annwali jew pluriennali mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Dik il-kontribuzzjoni tista' tkopri, b'mod partikolari, l-ispejjeż ta' appoġġ għall-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni u l-ispejjeż tal-esperti nazzjonali ssekondati mill-Istati Membri lill-KESD u sa membru wieħed tal-persunal ikkuntrattat.

2.   L-ammont ta' referenza finanzjarja allokat biex ikopri n-nefqa relatata mal-KESD għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 ta' Diċembru 2017 għandu jkun ta' EUR 700 000. L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-perijodi sussegwenti għandu jiġi deċiż mill-Kunsill, wara rakkomandazzjoni mill-Kumitat ta' Tmexxija.

3.   Wara d-deċiżjoni mill-Kunsill imsemmija fil-paragrafu 2, għandu jiġi nnegozjat mill-Kap ftehim ta' finanzjament mal-Kummissjoni.

Artikolu 17

Kontribuzzjonijiet volontarji

1.   Għall-fini tal-finanzjament ta' attivitajiet speċifiċi, il-KESD jista' jirċievi u jamministra kontribuzzjonijiet volontarji mill-Istati Membri u istituti jew donaturi oħra. Tali kontribuzzjonijiet għandhom jiġu assenjati speċifikament mill-KESD.

2.   Arranġamenti tekniċi għall-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu nnegozjati mill-Kap.

Artikolu 18

Implimentazzjoni ta' proġetti

1.   Il-KESD jista' japplika għal proġetti ta' riċerka u proġetti oħrajn fil-qasam tal-PESK. Il-KESD jista' jaġixxi bħala koordinatur jew membru tal-proġetti. Il-Kap jista' jkun affiljat mal-“bord konsultattiv” ta' tali proġett. Hu jista' jiddelega dan il-kompitu lil wieħed mill-Presidenti tal-konfigurazzjonijiet tal-EAB jew lil membru tas-Segretarjat tal-KESD.

2.   Kontribuzzjonijiet li ġejjin minn dawk il-proġetti għandhom ikunu viżibbli fil-baġit (emendat) tal-KESD, assenjati u użati skont il-kompiti u l-objettivi tal-KESD.

Artikolu 19

Regoli finanzjarji

Ir-Regoli Finanzjarji stipulati fl-Anness għandhom japplikaw għan-nefqa ffinanzjata mill-KESD u għall-finanzjament ta' tali nefqa.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELLANJI

Artikolu 20

Parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD

1.   L-attivitajiet kollha ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD għandhom ikunu miftuħin għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-Istati Membri u l-Istati aderenti kollha. L-istituti li jorganizzaw u jmexxu dawn l-attivitajiet għandhom jiżguraw li dan il-prinċipju japplika mingħajr eċċezzjoni.

2.   L-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD għandhom ikunu wkoll miftuħin, fil-prinċipju, għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mal-Unjoni u, kif xieraq, ta' Stati terzi u Organizzazzjonijiet oħrajn, b'mod partikolari għal dawk l-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2)(d).

3.   Il-parteċipanti għandhom ikunu persunal ċivili/diplomatiku/tal-pulizija/militari li jittratta aspetti fil-qasam tal-PSDK u tal-PESK u esperti li jintbagħtu fuq missjonijiet jew operazzjonijiet tal-PSDK.

Rappreżentanti ta', fost oħrajn, organizzazzjonijiet internazzjonali, organizzazzjonijiet nongovernattivi, istituzzjonijiet akkademiċi u l-mezzi tal-informazzjoni, kif ukoll membri tal-komunità kummerċjali, jistgħu jkunu mistiedna jipparteċipaw fl-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD.

4.   Parteċipant li jkun temm kors tal-KESD għandu jingħata ċertifikat iffirmat mir-RGħ. Il-modalitajiet taċ-ċertifikat għandhom jinżammu taħt rieżami mill-Kumitat ta' Tmexxija. Iċ-ċertifikat għandu jkun rikonoxxut mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

Artikolu 21

Kooperazzjoni

Il-KESD għandu jikkoopera ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u atturi rilevanti oħrajn u juża l-kompetenza esperta tagħhom, bħalma huma l-istituti tat-taħriġ u dawk edukattivi nazzjonali ta' Stati terzi, b'mod partikolari iżda mhux limitat għal dawk imsemmija fl-Artikolu 5(2).

Artikolu 22

Regolamenti tas-sigurtà

Id-dispożizzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (7) għandhom japplikaw għall-KESD.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 23

Kontinwità

Ir-regoli u r-regolamenti adottati għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2013/189/PESK għandhom jibqgħu fis-seħħ għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni sa fejn ikunu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni u sakemm jiġu emendati jew jitħassru.

Artikolu 24

Tħassir

Id-Deċiżjoni 2013/189/PESK qed tiġi b'dan imħassra.

Artikolu 25

Dħul fis-seħħ u skadenza

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2017. Hija għandha tiġi riveduta kif xieraq, u fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn sitt xhur qabel l-iskadenza tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fit-2 ta' Jannar 2021.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

M. LAJČÁK


(1)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/575/PESK tat-18 ta' Lulju 2005 li tistabbilixxi Kulleġġ Ewropew għas-Sigurtà u d-Difiża (KESD) (ĠU L 194, 26.7.2005, p. 15; Edizzjoni Speċjali bil-Malti: ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 249).

(2)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/550/PESK tat-23 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Kulleġġ Ewropew ta' Sigurtà u ta' Difiża (KESD) u li tħassar l-Azzjoni Konġunta 2005/575/PESK (ĠU L 176, 4.7.2008, p. 20).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/189/PESK tat-22 ta' April 2013 li tistabbilixxi Kulleġġ Ewropew ta' Sigurtà u ta' Difiża (KESD) u li tħassar l-Azzjoni Konġunta 2008/550/PESK (ĠU L 112, 24.4.2013, p. 22).

(4)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar IL-KESD, l-2903 laqgħa tal-Kunsill ta' Relazzjonijiet Esterni.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

(6)  Id-Deċiżjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-23 ta' Marzu 2011 li tistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-Esperti Nazzjonali Sekondati lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU C 12, 14.1.2012, p. 8).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).


ANNESS

Regoli finanzjarji applikabbli għan-nefqa ffinanzjata mill-KESD u għall-finanzjament tan-nefqa tal-KESD

Artikolu 1

Prinċipji baġitarji

1.   Il-baġit tal-KESD, imfassal f'euro, huwa l-att li għal kull sena finanzjarja jistipula u jawtorizza d-dħul kollu tal-KESD u n-nefqa kollha ffinanzjata mill-KESD.

2.   Id-dħul u n-nefqa tal-baġit għandhom ikunu f'bilanċ.

3.   Ma jista' jiġi implimentat ebda dħul jew nefqa ffinanzjata mill-KESD ħlief b'allokazzjoni għal intestatura fil-baġit.

Artikolu 2

Adozzjoni tal-baġits

1.   Kull sena l-Kap għandu jfassal abbozz ta' baġit għas-sena finanzjarja li jkun imiss, li tibda fl-1 ta' Jannar u tintemm fil-31 ta' Diċembru tal-istess sena. L-abbozz tal-baġit għandu jinkludi l-approprjazzjonijiet meqjusa meħtieġa biex ikopru n-nefqa li għandha tiġi ffinanzjata mill-KESD matul dak il-perijodu u previżjoni tad-dħul mistenni jkopri dik in-nefqa.

2.   L-approprjazzjonijiet għandhom ikunu kklassifikati bħala meħtieġa skont it-tip jew l-iskop f'kapitoli u artikoli. L-abbozz għandu jinkludi kummenti ddettaljati għal kull artikolu.

3.   Id-dħul għandu jikkonsisti mill-kontribuzzjonijiet volontarji tal-Istati Membri jew ta' donaturi oħra kif ukoll il-kontribuzzjoni annwali mill-baġit tal-Unjoni Ewropea.

4.   Il-Kap għandu jippreżenta rapport dettaljat tal-baġit dwar is-sena finanzjarja preċedenti sal-31 ta' Marzu. Hu għandu jipproponi l-abbozz tal-baġit għas-sena finanzjarja ta' wara lill-Kumitat ta' Tmexxija sal-31 ta' Lulju.

5.   Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu japprova l-abbozz ta' baġit sal-31 ta' Ottubru.

6.   F'każ li l-KESD jirċievi kontribuzzjoni pluriennali mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, il-Kumitat ta' Tmexxija għandu japprova l-baġit annwali b'kunsens.

Artikolu 3

Trasferimenti ta' approprjazzjonijiet

Fil-każ ta' ċirkostanzi mhux previsti, trasferimenti ta' approprjazzjonijiet bejn il-linji baġitarji jew intestaturi baġitarji tal-kontribuzzjoni msemmija fl-Artikolu 16, li ma jaqbżux il-25 % ta' dawk il-linji jew intestaturi baġitarji, jistgħu jiġu deċiżi mill-Kap, li jżomm lill-Kumitat ta' Tmexxija infurmat dwar tali trasferimenti. Trasferimenti ta' approprjazzjonijiet bejn il-linji jew intestaturi baġitarji li jaqbżu l-25 % tal-linji jew intestaturi baġitarji għandhom jiġu ppreżentati lill-Kumitat ta' Tmexxija f'baġit emendat għall-approvazzjoni.

Artikolu 4

Riporti ta' approprjazzjonijiet

1.   L-approprjazzjonijiet meħtieġa biex jitħallsu l-obbligi legali li jittieħdu sal-31 ta' Diċembru ta' sena finanzjarja għandhom jiġu riportati għas-sena finanzjarja li jkun imiss.

2.   Approprjazzjonijiet li ġejjin minn kontribuzzjonijiet volontarji għandhom jiġu riportati għas-sena finanzjarja li jkun imiss.

3.   Approprjazzjonijiet li ġejjin minn proġetti għandhom jiġu riportati għas-sena finanzjarja li jkun imiss.

4.   Il-Kap jista' jirriporta approprjazzjonijiet oħra fil-baġit għas-sena finanzjarja li jkun imiss bl-approvazzjoni tal-Kumitat ta' Tmexxija.

5.   Approprjazzjonijiet oħra għandhom jiġu kkanċellati fit-tmiem tas-sena finanzjarja.

Artikolu 5

Implimentazzjoni tal-baġit u mmaniġġjar tal-persunal

Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-baġit tiegħu u l-immaniġġjar tal-persunal tiegħu, il-KESD għandu juża l-istrutturi amministrattivi eżistenti tal-Unjoni, partikolarment is-SEAE, sal-massimu possibbli.

Artikolu 6

Kontijiet bankarji

1.   Kull kont bankarju tal-KESD għandu jinfetaħ f'istituzzjoni finanzjarja tal-ogħla kalibru li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru u għandu jkun kont kurrenti jew bi skadenza qasira f'euro.

2.   Ma jistgħux jinġibdu flus aktar milli jkun hemm depożitati, minn ebda kont bankarju.

Artikolu 7

Pagamenti

Kull pagament minn kont bankarju tal-KESD għandu jeħtieġ il-firma konġunta tal-Kap tal-KESD u ta' membru ieħor tal-persunal tal-KESD.

Artikolu 8

Kontabbiltà

1.   Il-Kap għandu jiżgura li l-kontijiet li juru d-dħul, in-nefqa u l-inventarju tal-assi tal-KESD jinżammu b'mod konformi mal-istandards ta' kontabbiltà aċċettati internazzjonalment għas-settur pubbliku.

2.   Il-Kap għandu jippreżenta lill-Kumitat ta' Tmexxija l-kontijiet annwali għal sena finanzjarja speċifika mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu ta' wara, flimkien mar-rapport dettaljat imsemmi fl-Artikolu 2(4).

3.   Is-servizzi tal-kontabbiltà neċessarji għandhom jiġu esternalizzati.

Artikolu 9

Awditjar

1.   L-awditu tal-kontijiet tal-KESD għandu jsir kull sena.

2.   Is-servizzi tal-awditjar neċessarji jistgħu jiġu esternalizzati.

3.   Ir-rapporti tal-awditjar għandhom ikunu disponibbli għall-Kumitat ta' Tmexxija flimkien mar-rapport dettaljat imsemmi fl-Artikolu 2(4).

Artikolu 10

Kwittanza

1.   Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jiddeċiedi abbażi tar-rapport dettaljat, il-kontijiet annwali u r-rapport tal-awditu annwali jekk jagħtix kwittanza lill-Kap fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-KESD.

2.   Il-Kap għandu jieħu l-passi kollha xierqa biex jissodisfa lill-Kumitat ta' Tmexxija li tista' tingħata kwittanza u biex jagħti segwitu għall-osservazzjonijiet fi kwalunkwe deċiżjoni ta' kwittanza.