17.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 344/100


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2297

tas-16 ta' Diċembru 2016

li temenda d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/497/KE u 2010/87/UE dwar klawżoli kuntrattwali standard għat-trasferiment ta' dejta personali lil pajjiżi terzi u lil proċessuri stabbiliti fit-tali pajjiżi, skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2016) 8471)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta, (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 26(4) tagħha,

Wara li kkonsultat lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta,

Billi:

(1)

Fis-sentenza tagħha tas-6 ta' Ottubru 2015 fil-Kawża C-362/14 Maximillian Schrems vs Data Protection Commissioner  (2), il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabet li, meta adottat l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2000/520/KE (3), il-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenza mogħtija lilha fl-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE, moqri fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u ddikjarat li l-Artikolu 3 ta' din id-Deċiżjoni bħala invalidu.

(2)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2000/520/KE stabbilixxa kundizzjonijiet restrittivi li taħthom l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li jissospendu l-flussi ta' dejta lejn kumpanija awtoċċertifikata tal-Istati Uniti, minkejja l-konstatazzjoni ta' adegwatezza tal-Kummissjoni.

(3)

Fis-sentenza tagħha Schrems, il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat li l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jibqgħu kompetenti biex jissorveljaw it-trasferiment ta' dejta personali lejn pajjiż terz li kien is-suġġett ta' deċiżjoni ta' adegwatezza tal-Kummissjoni u li l-Kummissjoni m'għandhiex il-kompetenza li tirrestrinġi s-setgħat tagħhom skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE. Skont dan l-Artikolu, dawk l-awtoritajiet għandhom, b'mod partikolari, setgħat ta' investigazzjoni, bħas-setgħa li jiġbru l-informazzjoni kollha neċessarja għat-twettiq tad-dmirijiet superviżorji tagħhom, u setgħat effettivi ta' intervent, bħal dik li tiġi imposta projbizzjoni temporanja jew definittiva fuq l-ipproċessar ta' dejta, u s-setgħa li jibdew proċedimenti legali (4).

(4)

Fl-istess sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE, l-Istati Membri u l-korpi tagħhom iridu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikunu konformi mal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, peress li dawn tal-aħħar fil-prinċipju huma preżunti li huma legali u li għalhekk jipproduċu effetti legali sakemm ma jiġux irtirati, annullati fil-kuntest ta' rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi wara rinviju għal deċiżjoni preliminari jew eċċezzjoni ta' illegalità.

(5)

Mutatis mutandis, deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata skont l-Artikolu 26(4) tad-Direttiva 95/46/KE torbot lill-korpi kollha tal-Istati Membri destinatarji, inkluż l-awtoritajiet superviżorji indipendenti tagħhom, sa fejn din għandha l-effett li tirrikonoxxi li trasferimenti li jsiru fuq bażi ta' klawżoli kuntrattwali standard stabbiliti f'dan ir-rigward joffru protezzjoni biżżejjed kif mitluba skont l-Artikolu 26(2) ta' dik id-Direttiva. Dan ma jwaqqafx lil awtorità nazzjonali superviżorja milli teżerċita s-setgħat tagħha li tissorvelja l-flussi tad-dejta, inkluż is-setgħa li tissospendi jew tipprojbixxi t-trasferiment ta' dejta personali meta tiddetermina li t-trasferiment ikun sar bi ksur tal-liġi tal-UE jew nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta, bħal, pereżempju, meta l-importatur tad-dejta ma jirrispettax il-klawżoli kuntrattwali standard.

(6)

Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/497/KE (5) u 2010/87/UE (6) jinkludu limitazzjoni fuq is-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali li tkun komparabbli mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2000/520/KE, li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat bħala invalida.

(7)

Fid-dawl tas-sentenza Schrems u skont l-Artikolu 266 tat-Trattat, id-dispożizzjonijiet f'dawk id-Deċiżjonijiet li jillimitaw is-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom għalhekk jiġu sostitwiti.

(8)

Sabiex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ effettiv tal-funzjonament tad-deċiżjonijiet dwar il-klawżoli kuntrattwali standard li attwalment jinsabu fis-seħħ, il-Kummissjoni għandha tkun informata mill-Istati Membri dwar l-azzjoni rilevanti meħuda mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali.

(9)

Il-Grupp ta' Ħidma dwar il-Protezzjoni ta' Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar tad-Dejta Personali stabbilit skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE ta opinjoni, li ġiet ikkunsidrata fit-tħejjija ta' din id-Deċiżjoni.

(10)

Il-miżuri pprovduti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 95/46/KE.

(11)

Id-Deċiżjonijiet 2001/497/KE u 2010/87/UE għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2001/497/KE jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 4

Kull meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jeżerċitaw is-setgħat tagħhom skont l-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 95/46/KE li jwassal għas-sospensjoni jew il-projbizzjoni definittiva ta' flussi ta' dejta lejn pajjiżi terzi sabiex jipproteġu individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom, l-Istat Membru kkonċernat għandu, mingħajr dewmien, jinforma lill-Kummissjoni, li għandha tgħaddi l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra.”

Artikolu 2

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2010/87/UE jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 4

Kull meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jeżerċitaw is-setgħat tagħhom skont l-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 95/46/KE li jwasslu għas-sospensjoni jew il-projbizzjoni definittiva ta' flussi ta' dejta lejn pajjiżi terzi sabiex jipproteġu individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom, l-Istati Membri kkonċernati għandhom, mingħajr dewmien, jgħarrfu lill-Kummissjoni li għandha tgħaddi l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra.”

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Věra JOUROVÁ

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)  ECLI:UE:C:2015:650.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/520/KE tas-26 ta' Lulju 2000 skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-Prinċipji ta' Privatezza ta' Port Salv u li tirrigwarda Mistoqsijiet li Jsiru ta' Spiss maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-USA (ĠU L 215, 25.8.2000, p. 7).

(4)  Schrems, paragrafi 40 et seq.,u l-paragrafi minn 101 sa 103.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/497/KE tal-15 ta' Ġunju 2001 dwar klawżoli standard kuntrattwali għat-trasferiment ta' data personali lil pajjiżi terzi, skont id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 181, 4.7.2001, p. 19).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/87/UE tal-5 ta' Frar 2010 dwar klawżoli kuntrattwali standard għat-trasferiment ta' dejta personali għall-proċessuri stabbiliti f'pajjiżi terzi taħt id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 39, 12.2.2010, p. 5).