16.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 342/45


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2271

tal-15 ta' Diċembru 2016

dwar l-ekwivalenza ta' boroż tal-istrumenti finanzjarji u boroż tal-komoditajiet fil-Ġappun skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2a tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jistabbilixxi rekwiżiti tal-ikklerjar u tal-immaniġġar bilaterali tar-riskju għal kuntratti derivattivi ta' barra l-Borża (“OTC”) kif ukoll rekwiżiti ta' rappurtar għal tali kuntratti. Il-punt (7) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jiddefinixxi d-derivattivi OTC bħala kuntratti tad-derivattivi li l-eżekuzzjoni tagħhom ma sseħħx f'suq regolat skont it-tifsira tal-punt (14) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jew f'suq ta' pajjiż terz ikkunsidrat bħala ekwivalenti għal suq regolat f'konformità mal-Artikolu 2a tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Għalhekk, kull kuntratt tad-derivattivi li l-eżekuzzjoni tiegħu sseħħ f'suq ta' pajjiż terz mhux meqjus bħala ekwivalenti għal suq regolat huwa kklassifikat bħala OTC għall-finijiet tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(2)

Skont l-Artikolu 2a tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, suq ta' pajjiż terz jitqies bħala ekwivalenti għal suq regolat jekk jikkonforma ma' rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fit-Titolu III tad-Direttiva 2004/39/KE u li huwa soġġett għal superviżjoni u infurzar effettivi f'dak il-pajjiż terz fuq bażi kontinwa.

(3)

Sabiex suq ta' pajjiż terz jitqies bħala ekwivalenti għal suq regolat skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/39/KE, l-eżitu sostantiv tar-rekwiżiti legalment vinkolanti u l-arranġamenti superviżorji u ta' infurzar applikabbli għandu jkun ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-Unjoni rigward l-objettivi regolatorji li jiksbu. L-għan ta' din il-valutazzjoni tal-ekwivalenza huwa għalhekk li jiġi vverifikat li r-rekwiżiti legalment vinkolanti li japplikaw għal boroż tal-istrumenti finanzjarji (financial instruments exchanges — FIEs) u l-boroż tal-komoditajiet fil-Ġappun, huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fit-Titolu III tad-Direttiva 2004/39/KE, u li dawk is-swieq huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa. Is-swieq li huma awtorizzati bħala FIEs jew boroż tal-komoditajiet fid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom għalhekk jiġu identifikati bħala swieq meqjusa ekwivalenti għal suq regolat skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/39/KE.

(4)

Il-qafas legali tal-Ġappun għall-FIEs u għall-boroż tal-prodotti bażiċi jikkonsisti fl-Att dwar l-Istrumenti Finanzjarji u l-Boroż 2006 (FIEA), li jistabbilixxi l-qafas regolatorju għall-FIEs, u l-Att dwar id-Derivattivi tal-Komoditajiet 2009 (CDA), li jistipula l-qafas regolatorju u superviżorju għall-boroż tal-komoditajiet. Kuntratti tad-derivattivi b'komodità bħala sottostanti huma elenkati fuq borża tal-komoditajiet u derivattivi bbażati fuq strumenti finanzjarji huma elenkati fuq l-FIEs. Ir-regoli għal FIEs huma żviluppati aktar fl-Ordni għall-Infurzar tal-Att dwar l-Istrumenti Finanzjarji u l-Boroż u l-Ordinanza tal-Uffiċċju tal-Kabinett dwar l-Istrumenti Finanzjarji filwaqt li r-regoli għall-boroż tal-komoditajiet huma elaborati aktar fid-dettall fl-Ordni għall-Infurzar tal-Att dwar id-Derivattivi tal-Komoditajiet u l-Ordinanza għall-Infurzar tal-Att dwar id-Derivattivi tal-Komoditajiet. Barra minn hekk, kemm il-borża tal-komoditajiet, kif ukoll l-FIEs għandhom setgħa awtoregolatorja relattivament wiesgħa fir-rigward ta' ċerti rekwiżiti. Is-setgħa awtoregolatorja tal-FIE tinkludi, b'mod partikolari, ir-regoli tan-negozju relatati mal-elenkar u t-tneħħija mil-listi ta' strumenti finanzjarji, l-arranġamenti tan-negozjar u r-rekwiżiti tas-sħubija. Ir-regoli operazzjonali jridu jintbagħtu lill-Prim Ministru tal-Ġappun għall-approvazzjoni (l-Artikolu 81 tal-FIEA). Din is-setgħa awtoregolatorja tal-borża tal-komoditajiet hija eżerċitata permezz tal-Kumitati Awtoregolatorju jew id-Dipartiment Awtoregolatorju tagħha. Ir-regoli tas-suq tal-borża tal-komoditajiet jistabbilixxu r-regoli tan-negozjar u r-rekwiżiti ta' sħubija, li kollha jridu jiġu sottomessi lill-Ministeru tal-Agrikoltura, il-Forestrija u s-Sajd (Ministry of Agriculture, Forestry and Fishery — MAFF) u l-Ministeru tal-Ekonomija, il-Kummerċ u l-Industrija (Ministry of Economy, Trade and Industry — METI) għall-approvazzjoni. Ir-regoli awtoregolatorji huma legalment vinkolanti fuq il-boroż.

(5)

Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għal boroż awtorizzati fil-Ġappun jagħtu riżultati ekwivalenti għal dawk ir-rekwiżiti stabbiliti fit-Titolu III tad-Direttiva 2004/39/KE fl-oqsma li ġejjin: il-proċess tal-awtorizzazzjoni, ir-rekwiżiti tad-definizzjonijiet, l-aċċess għall-borża, ir-rekwiżiti organizzazzjonali, ir-rekwiżiti tal-maniġment superjuri, l-ammissjoni ta' strumenti finanzjarji għan-negozjar, is-suspensjoni u t-tneħħija ta' strumenti min-negozjar, il-monitoraġġ tal-konformità u l-aċċess għall-arranġamenti tal-ikklirjar u tas-saldu.

(6)

Skont id-Direttiva 2004/39/KE, ir-rekwiżiti tat-trasparenza ta' qabel u ta' wara n-negozjar japplikaw biss għall-ishma ammessi għall-kummerċ fi swieq regolati. Minkejja li l-ishma jistgħu jiġu ammessi għan-negozjar f'FIEs, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-valutazzjoni ta' dawn ir-rekwiżiti madankollu mhijiex rilevanti għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni peress li l-għan tagħha huwa li tivverifika l-ekwivalenza tar-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għal swieq ta' pajjiżi terzi fir-rigward ta' kuntratti tad-derivattivi li huma eżegwiti f'dawk is-swieq.

(7)

Għalhekk għandu jiġi konkluż li r-rekwiżiti legalment vinkolanti għal FIEs u l-boroż tal-komoditajiet fil-Ġappun iwasslu għal riżultati ekwivalenti għal dawk tar-rekwiżiti stabbiliti fit-Titolu III tad-Direttiva 2004/39/KE.

(8)

Il-boroż tal-komoditajiet joperaw taħt is-superviżjoni tal-METI u tal-MAFF. Is-CDA tipprovdi qafas għas-setgħat ta' sorveljanza tal-METI u tal-MAFF. B'mod partikolari, il-METI u l-MAFF japprovaw ir-regoli tas-suq, ir-regoli tal-kuntratti ta' senserija, ir-regoli tar-riżoluzzjoni tat-tilwim jew ir-regoli tal-kumitat tas-sorveljanza tat-tranżazzjonijiet tas-suq ta' borża tal-komoditajiet u kull tibdil fihom. Barra minn hekk, sabiex jiżguraw il-kummerċ ġust u l-protezzjoni tal-investitur, l-METI u l-MAFF jistgħu jobbligaw lil borża tal-komoditajiet sabiex tibdel l-artikoli ta' inkorporazzjoni tagħha, regoli oħra tagħha jew il-metodi tan-negozju tagħha jew tieħu miżuri oħra sabiex ittejjeb l-operat tan-negozju tagħha. Jekk borża tal-komoditajiet tonqos milli b'mod xieraq teżerċita s-setgħa awtoregolatorja tagħha u ma tiħux il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura l-kummerċ ġust u l-protezzjoni tal-investitur, l-METI u l-MAFF jistgħu jirtiraw il-liċenzja jew jissospendu kompletament jew parzjalment in-negozju ta' dik il-borża.. L-FIEs huma soġġetti għas-superviżjoni tal-Prim Ministru tal-Ġappun, liema setgħa hija ddelegata lill-Kummissarju tal-Aġenzija tas-Servizzi Finanzjarji tal-Ġappun (Japan Financial Services Agency — JFSA). It-Taqsima 5 tal-Kapitolu V tal-FIEA tistabbilixxi l-miżuri superviżorji disponibbli lill-JFSA. B'mod partikolari, meta l-FIE tikser il-liġijiet u r-regolamenti, il-JFSA tista' tirtira l-liċenzja jew toħroġ ordni ta' sospensjoni totali jew parzjali tan-negozju tal-FIE. Barra minn hekk, il-JFSA tista' tesiġi lill-FIE biex tibdel l-artikoli ta' inkorporazzjoni tagħha, ir-regoli operazzjonali, ir-regoli tal-kuntratti ta' senserija jew kull regola jew prattika tal-kummerċ oħra jew li tieħu miżuri oħra neċessarji għas-superviżjoni. L-artikoli ta' inkorporazzjoni tal-FIE jridu jinkludu sanzjonijiet għal ksur tar-regoli tan-negozju tagħha mill-membri. Jekk l-FIE tonqos milli twettaq b'mod effettiv is-sorveljanza tas-suq, il-JFSA tista' tieħu azzjonijiet ta' infurzar, inklużi l-irtirar tal-liċenzja jew is-sospensjoni tan-negozju.

(9)

T. Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-FIEs u l-boroż tal-komoditajiet huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi fil-Ġappun fuq bażi kontinwa.

(10)

Il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2a tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandhom għalhekk jiġu kkunsidrati bħala ssodisfati fir-rigward ta' FIEs u boroż tal-komoditajiet awtorizzati fil-Ġappun.

(11)

Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq ir-rekwiżiti legalment vinkolanti li jirrigwardaw l-FIEs u l-boroż tal-komoditajiet applikabbli fil-Ġappun meta kienet adottata din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tkompli timmonitorja fuq bażi regolari l-evoluzzjoni tal-arranġamenti legali u superviżorji għal dawn is-swieq u t-twettiq tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ittieħdet din id-Deċiżjoni. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina din id-Deċiżjoni fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(12)

Ir-rieżami regolari tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għall-FIEs u l-boroż tal-komoditajiet fil-Ġappun huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni twettaq rieżami speċifiku fi kwalunkwe ħin, fejn żviluppi rilevanti jagħmluha neċessarja għall-Kummissjoni li tivvaluta mill-ġdid l-ekwivalenza mogħtija b'din id-Deċiżjoni. Valutazzjoni mill-ġdid bħal din tista' twassal għat-tħassir ta' din id-Deċiżjoni.

(13)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, boroż tal-istrumenti finanzjarji u boroż tal-komoditajiet awtorizzati fil-Ġappun u stipulati fl-Anness għandhom jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti għal swieq regolati kif definiti f'punt (14) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

(4)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).


ANNESS

Boroż tal-istrumenti finanzjarji u boroż tal-komoditajiet fil-Ġappun imsemmija fl-Artikolu 1

(a)

Tokyo Stock Exchange, Inc.

(b)

Osaka Exchange, Inc.

(c)

Nagoya Stock Exchange, Inc.

(d)

Fukuoka Stock Exchange

(e)

Sapporo Securities Exchange

(f)

Tokyo Financial Exchange Inc.

(g)

Osaka Dojima Commodity Exchange

(h)

Tokyo Commodity Exchange, Inc.