15.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 306/19


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1991

tal-4 ta' Lulju 2016

dwar il-miżuri SA.41614 — 2015/C (ex SA.33584 — 2013/C (ex 2011/NN)) implimentati min-Netherlands favur il-klabb tal-futbol professjonali FC Den Bosch f''s-Hertogenbosch

(notifikata bid-dokument C(2016) 4089)

(Il-verżjoni Netherlandiża biss hija awtentika)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

Il-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat (1),

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fl-2011, il-Kummissjoni ġiet infurmata minn ċittadin u minn rapporti fl-istampa li n-Netherlands implimentat miżura ta' għajnuna għall-klabb tal-futbol professjonali FC Den Bosch f''s-Hertogenbosch. Fl-2010 u fl-2011, il-Kummissjoni ġiet infurmata miċ-ċittadini wkoll dwar il-miżuri favur klabbs tal-futbol professjonali oħra fin-Netherlands, jiġifieri Willem II f'Tilburg, MVV f'Maastricht, PSV f'Eindhoven u NEC f'Nijmegen. Fuq talba tal-Kummissjoni, in-Netherlands ipprovdiet informazzjoni dwar il-miżuri fir-rigward ta' FC Den Bosch b'ittra tal-1 ta' Settembru 2011.

(2)

B'ittra tas-6 ta' Marzu 2013, il-Kummissjoni infurmat lin-Netherlands li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat fir-rigward tal-miżuri favur Willem II, NEC, MVV, PSV u FC Den Bosch.

(3)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura (minn hawn 'il quddiem: “id-deċiżjoni tal-ftuħ”) ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri inkwistjoni.

(4)

In-Netherlands issottomettiet osservazzjonijiet fil-qafas tal-proċedura rigward il-miżuri favur FC Den Bosch b'ittri tal-31 ta' Mejju 2013 u s-7 ta' Novembru 2013, u f'laqgħa tat-13 ta' Ottubru 2014. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment mingħand il-partijiet interessati rigward il-miżuri favur FC Den Bosch.

(5)

Wara d-deċiżjoni tal-ftuħ, u bi qbil man-Netherlands, l-investigazzjonijiet għall-klabbs differenti twettqu b'mod separat. L-investigazzjoni rigward FC Den Bosch ġiet irreġistrata taħt in-numru tal-każ SA.41614.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA

2.1.   Benefiċjarju, objettiv u baġit

(6)

Il-federazzjoni tal-futbol nazzjonali Koninklijke Nederlandse Voetbal Bond (minn hawn 'il quddiem: il-“KNVB”) hija l-organizzazzjoni umbrella għall-kompetizzjoni tal-futbol professjonali u amatorjali. Il-futbol professjonali fin-Netherlands huwa organizzat f'sistema ta' żewġ saffi. Fl-istaġun 2014/2015, din is-sistema kienet tinvolvi 38 klabb, li minnhom 18 kienu fl-ogħla lig (eredivisie) u 20 fil-lig inferjuri (eerste divisie).

(7)

FC Den Bosch ilu jilgħab fil-lig inferjuri mill-2004/2005, meta kien lagħab għall-aħħar darba fl-ogħla lig Netherlandiż. Il-klabb qatt ma lagħab f'turnew Ewropew. Skont l-informazzjoni sottomessa min-Netherlands, FC Den Bosch huwa intrapriża żgħira; fl-istaġun 2011/2012 kellu 31 impjegat. Il-fatturat u t-total tal-karta tal-bilanċ tiegħu baqa' madwar EUR 3 miljun fis-sentejn li huma. Għalhekk huwa intrapriża żgħira (3). L-istejdjum li qed juża FC Den Bosch huwa proprjetà tal-muniċipalità ta' 's-Hertogenbosch “il-muniċipalità”), li tirċievi kirja għall-użu mill-klabb.

(8)

Fl-2010, il-muniċipalità saret konxja li FC Den Bosch kien qed iħabbat wiċċu ma' diffikultajiet finanzjarji ħorox, li kienu qed jipperikolaw il-kontinwazzjoni tal-liċenzja tiegħu biex jilgħab futbol professjonali, u saħansitra anke l-eżistenza tiegħu. Fit-30 ta' Ġunju 2010, FC Den Bosch kellu ekwità proprja negattiva ta' EUR 4,6 miljun; sena wara dan tela' għal EUR 5,4 miljun. Kif tixhed kumpanija tal-kontabbiltà indipendenti, dan kellu telf dejjem jikber (EUR 0,168 miljun f'Ġunju 2009, EUR 0,612 miljun f'Ġunju 2010 u EUR 0,744 miljun f'Ġunju 2011), fatturat dejjem jonqos (minn EUR 3,736 miljun għal EUR 2,771 miljun mill-2009 għall-2011) u dejn dejjem jiżdied. Wieħed mill-kredituri tal-klabb kienet il-muniċipalità, li kellha pretensjoni subordinata ta' EUR 1,65 miljun.

(9)

Fil-ħarifa tal-2010, ġiet imnedija inizjattiva mill-partitarji, kumpaniji u sponsers biex jimpedixxu l-falliment ta' FC Den Bosch. Din l-inizjattiva wasslet għal pjan ta' ristrutturar biex titjieb is-sitwazzjoni finanzjarja ta' FC Den Bosch u biex dan jinbidel fi klabb tal-futbol professjonali vijabbli bi struttura legali ġdida, li ssir proprjetà tal-partitarji tiegħu. F'Ġunju 2011, il-muniċipalità u l-kredituri l-oħra tal-klabb qablu fuq inizjattiva konġunta biex jibdlu s-self tagħhom f'ishma tal-klabb. Bħala parti mir-ristrutturar, fit-30 ta' Ġunju 2011 FC Den Bosch, li kellu l-istatus legali ta' assoċjazzjoni (Vereniging), ġie ttrasformat fil-kumpanija b'responsabbiltà limitata (naamloze vennootschap) FC Den Bosch N.V.

(10)

Intlaħaq qbil li l-pretensjoni tal-muniċipalità tiġi ttrasformata f'parteċipazzjoni azzjonarja ta' 60 % tal-ishma tal-kumpanija ġdida b'responsabbiltà limitata FC Den Bosch N.V. L-40 % tal-ishma tal-klabb li jkun għad baqa' jiġu akkwistati mill-kredituri l-kbar l-oħra tal-klabb li bidlu d-dejn mal-ekwità, iżda bi proporzjon ta' dejn u ishma aktar baxx mill-muniċipalità. Kredituri aktar żgħar irrinunzjaw partijiet mill-pretensjonijiet tagħhom. Wara dan il-qbil fost il-kredituri, il-muniċipalità ttrasferiet il-pretensjoni tagħha għall-ekwità li tirriżulta mis-selfa tagħha ta' EUR 1,65 miljun għal EUR 1 lill-fondazzjoni Stichting Met Heel Mijn Hart. Il-fondazzjoni ġiet imwaqqfa minn klabbs tal-partitarji u partitarji individwali ta' FC Den Bosch u mhi qed tfittex li timpenja ruħha fl-ebda attività kummerċjali.

(11)

Il-muniċipalità qablet ukoll li tħallas is-somma ta' EUR 1,4 miljun lil FC Den Bosh li jħalli l-faċilitajiet tat-taħriġ (4), li kienu jinsabu fuq art proprjetà tal-muniċipalità.

2.2.   Raġunijiet biex jingħata bidu għall-proċedura

(12)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, safejn għandu x'jaqsam mal-miżuri favur FC Den Bosch, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li l-muniċipalità kienet ipprovdiet vantaġġ selettiv lil FC Den Bosch bl-użu ta' riżorsi tal-Istat u b'hekk ipprovdiet għajnuna lill-klabb tal-futbol.

(13)

Fir-rigward tad-deċiżjoni li tbigħ il-pretensjoni ta' EUR 1,65 miljun għal EUR 1 lil partitarji organizzati, il-Kummissjoni sabet li n-Netherlands ma setgħetx issostni li l-muniċipalità aġixxiet bħalma kieku kien jaġixxi kreditur privat f'pożizzjoni simili. Il-Kummissjoni nnutat li kredituri kbar oħra ttrasformaw il-pretensjonijiet tagħhom f'parteċipazzjonijiet azzjonarji fl-istruttura legali l-ġdida, filwaqt li l-muniċipalità biegħet il-pretensjonijiet tagħha u ma kisbet xejn minn dan il-bejgħ. Fir-rigward tal-akkwist tal-blokk tat-taħriġ u taż-żgħażagħ għal EUR 1,4 miljun, il-Kummissjoni nnutat li dan il-prezz kien stmat minn espert estern bħala l-valur ta' sostituzzjoni għall-blokk. Hija ddubitat li l-valur ta' sostituzzjoni ta' bini huwa l-istess bħall-prezz tas-suq tiegħu.

(14)

Il-Kummissjoni adottat ukoll il-pożizzjoni li l-miżuri ta' għajnuna lill-klabbs tal-futbol professjonali aktarx ifixklu l-kompetizzjoni u jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(15)

Fir-rigward tal-kompatibbiltà ta' għajnuna possibbli lil FC Den Bosch, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tal-ftuħ innutat li fiż-żmien li fih ingħatat l-għajnuna, il-klabb tal-futbol kien qed iħabbat wiċċu ma' diffikultajiet finanzjarji. Sabiex tivvaluta l-kompatibbiltà tal-għajnuna mal-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tad-ditti f'diffikultà (5) (minn hawn 'il quddiem: “il-Linji gwida”), il-Kummissjoni talbet informazzjoni dwar il-konformità mar-rekwiżiti kollha stipulati fil-Linji gwida.

(16)

Il-Kummissjoni b'mod partikolari ma kinitx kapaċi tivverifika jekk il-kundizzjonijiet fil-punti 34 sa 37 tal-Linji gwida dwar in-natura u l-implimentazzjoni ta' pjan ta' ristrutturar ġewx irrispettati. Barra minn hekk kien meħtieġ li jintwera li l-għajnuna kienet limitata għall-minimu neċessarju, li l-benefiċjarju nnifsu jkun ħallas kontribuzzjoni proprja adegwata għar-ristrutturar tiegħu u li l-prinċipju “darba waħda, l-aħħar darba” ġie rispettat.

3.   KUMMENTI MIN-NETHERLANDS

3.1.   Preżenza tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat

(17)

In-Netherlands ma qablitx mas-sejba preliminari tal-Kummissjoni li l-miżuri fir-rigward ta' FC Den Bosch jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Fil-fehma tan-Netherlands, il-muniċipalità, li kellha pretensjoni subordinata fuq kumpanija f'xifer il-falliment, aġixxiet f'konformità mal-prinċipju tal-kreditur f'ekonomija tas-suq billi rrinunzjat il-pretensjoni tagħha fl-2011.

(18)

Skont in-Netherlands, fil-każ tal-falliment ta' FC Den Bosch, il-muniċipalità mingħajr dubju ma kienet tirkupra xejn mill-pretensjoni subordinata tagħha. Fl-ittra tagħha tas-7 ta' Novembru 2013, in-Netherlands invokat ukoll id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-kumpanija Belġjana Sonaca (6), fejn sabet li bidla ta' selfa pubblika f'ekwità ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Li kieku FC Den Bosch ma kienx kapaċi jirrimedja għas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu f'Ġunju 2011, kien jitlef il-liċenzja tiegħu biex jilgħab futbol professjonali skont ir-regoli tal-KNVB. Fir-rigward tal-akkwist tal-faċilitajiet tat-taħriġ, in-Netherlands sostniet li dan l-akkwist seħħ bil-valur stabbilit minn għarfien espert estern, li kopra wkoll l-ispiża ta' sostituzzjoni ta' FC Den Bosch. In-Netherlands issostni li aġixxiet f'konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-bejgħ tal-art (7) (minn hawn 'il quddiem: “il-Komunikazzjoni dwar il-bejgħ tal-art”).

(19)

Min-naħa l-oħra, in-Netherlands sostniet li anke jekk kellu jitqies li l-miżuri taw vantaġġ selettiv lil FC Den Bosch, dawn ma kinux ifixklu l-kompetizzjoni jew jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. In-Netherlands tenfasizza l-pożizzjoni dgħajfa ta' FC Den Bosch fil-futbol professjonali nazzjonali, li tagħmel il-parteċipazzjoni f'kompetizzjonijiet fil-livell Ewropew xi ħaġa diffiċli biex isseħħ. Hija tqis ukoll li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi li l-għajnuna lil FC Den Bosch tfixkel il-kompetizzjoni jew taffettwa l-kummerċ fi kwalunkwe suq imsemmi fid-deċiżjoni tal-ftuħ.

(20)

Bħala argument sussidjarju, in-Netherlands sostniet li jekk il-miżuri kellhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, dawn kienu jkunu kompatibbli mal-Linji gwida, u b'hekk mas-suq intern.

(21)

Fl-2010, FC Den Bosch kien qed iħabbat wiċċu ma' sitwazzjoni finanzjarja diffiċli. Fl-2011, kellu ekwità proprja negattiva bi djun ta' EUR 5,97 miljun u djun ta' EUR 7 miljun, b'fatturat ta' madwar EUR 3 miljun. Il-kredituri u d-djun tal-klabb jidhru fit-Tabella 1.

Tabella 1

Il-kredituri u d-djun ta' FC Den Bosch

Kredituri

Ammonti ta' self

Il-muniċipalità (il-bilanċ tas-self mogħti fl-2000)

EUR 1,65 miljun

[…] (*)

EUR 1,092 miljun

[…]

EUR 1,865 miljun

[…]

EUR 0,73 miljun

[…]

EUR 0,235 miljun

Kreditur privat

EUR 0,3 miljun

[…]

EUR 0,1 miljun

(22)

Il-KNVB indikat li jekk sat-30 ta' Ġunju 2011 l-ekwità proprja xorta waħda tibqa' waħda negattiva, il-klabb jitlef il-liċenzja tal-futbol professjonali tiegħu. Dan ifisser li l-klabb jiġi relagat għal status amatorjali.

(23)

Għalhekk, f'Ġunju 2011 FC Den Bosch u l-KNVB fasslu pjan ta' ristrutturar. Skont il-pjan, il-klabb inbidel f'kumpanija b'responsabbiltà limitata (NV). Id-djun (mhux garantiti) tad-diversi kredituri kbar ġie ttrasformat f'ishma tal-klabb kif stipulat fit-Tabella 2.

Tabella 2

Proporzjonijiet ta' bdil ta' dejn u ekwità

Kreditur

Self

Ishma/perċentwal

EUR/sehem

Il-muniċipalità/fondazzjoni Stichting Met Heel Mijn Hart

EUR 1,65 miljun

61 900 /54,3

26,7

[…]

EUR 1,092 miljun

20 492 /18

53,3

[…]

EUR 1,865 miljun

27 925 /24,5

11 000 minnhom huma ishma preferenzjali

66,8

[…]

EUR 0,73 miljun

3 583 /3,1

203,7

(24)

Iż-0.1 % ta' ishma li kien għad baqa' ġew distribwiti lil membri superjuri tal-klabb tal-futbol. Dan juri li l-muniċipalità nnegozjat biex tirċievi 54 % tal-ishma tal-klabb għal sehem ta' 38 % fid-djun tal-klabb.

(25)

Barra minn hekk, selfa kummerċjali ta' EUR 100 000 kienet appoġġata minn garanzija minn parti terza, filwaqt li partijiet privati oħra pprovdew EUR 300 000 f'kapital frisk. Selfa fuq terminu qasir ta' EUR 250 000 ġiet ittrasformata f'selfa fuq terminu twil. Id-djun lill-kumpanija li topera l-istejdjum muniċipali BIM għall-kiri tal-istejdjum huma assigurati minn dritt tal-BIM li taħtaf l-introjtu tad-drittijiet tat-trażmissjoni tat-TV.

(26)

Il-muniċipalità qieset is-selfa tagħha ta' EUR 1,65 miljun bħala waħda li mhix rikoverabbli. Fil-baġit tal-2010 tal-muniċipalità is-selfa kienet diġà ġiet immarkata bħala mhux rikoverabbli minħabba li FC Den Bosch ma baqax jagħmel pagamenti fuqha. F'Ġunju 2011, il-muniċipalità talbet lill-kumpanija tal-kontabilità Ernst & Young, li fi Frar u f'Marzu 2011 kienet analizzat is-sitwazzjoni finanzjarja ta' FC Den Bosch, biex tivvaluta r-rekuperabilità tas-selfa lil FC Den Bosch. Hi sabet li fis-snin li ġejjin, wieħed ma setax b'mod raġonevoli jistenna pagament mill-ġdid tas-selfa jew tal-pagamenti tal-interess, anke jekk il-klabb jiġi ristrutturat minħabba r-rinunzja tad-djun fuq terminu twil mill-kredituri akbar tiegħu. Din is-sejba tagħmel sens ukoll jekk wieħed iqis li l-klabb ma għandu l-ebda proprjetà immobbli proprja jew makkinarju li jistgħu jinbiegħu jew jiġu likwidati għar-ripagament tad-djun.

(27)

Il-muniċipalità, fil-kuntest tal-ftehim bejn il-kredituri, iddeċidiet li tittrasferixxi l-pretensjoni tagħha għal 54 % tal-ishma għal EUR 1 lill-fondazzjoni “Met Heel Mijn Hart”. B'dan, il-fondazzjoni saret azzjonista tal-klabb - minflok il-muniċipalità li ma esprimiet l-ebda interess li tkun involuta fl-amministrazzjoni tal-klabb - bl-istess mod bħall-kredituri l-kbar l-oħra, u kif ġie miftiehem magħhom u l-muniċipalità fil-ftehim ta' ristrutturar. Il-fondazzjoni se tbigħ abbażi ta' dawn l-ishma, ċertifikati għal EUR 100.

(28)

Meta mqabbel mal-kredituri l-oħra, l-interess akbar partikolari tal-muniċipalità li tevita l-likwidazzjoni tal-klabb jew ir-relegazzjoni tiegħu għal status amatorjali kien li titlef, għall-anqas għal ftit żmien, l-utent prinċipali u l-pagatur tat-tariffa tal-kiri tal-istejdjum tagħha. F'dak ir-rigward kien fl-interess ekonomiku tal-muniċipalità li l-klabb ikompli jilgħab futbol professjonali.

(29)

Fir-rigward tal-art taħt il-kumpless tat-taħriġ, żona ta' 36 000 m2, l-informazzjoni sottomessa min-Netherlands turi li l-art kienet diġà proprjetà tal-muniċipalità. Din kienet qed tintuża minn FC Den Bosch, li kien bena l-kumpless tal-isport bil-bini u l-grawnds tal-isport minn butu fis-sena 2000 u wettaq xi bidliet fih fl-2006 u l-2007. Ma kien hemm l-ebda fond lokatizju twil (erfpacht) (8) bejn il-muniċipalità u FC Den Bosch. Il-muniċipalità f'din il-proprjetà tista' twettaq il-bini ta' djar u appartamenti. Għalhekk, fi kwalunkwe każ kellha interess li l-klabb iħalli l-bini u ħatfet l-opportunità li tfaċċat bil-ħtiġijiet ta' likwidità tal-klabb. B'hekk kellha l-ħsieb li tikkumpensa l-klabb għat-tbattil tal-post bħal fil-każ ta' esproprjazzjoni mhux ikkontestata tal-bini u talbet biex issir valutazzjoni tal-bini u l-installazzjonijiet fuq il-post abbażi tal-liġi Netherlandiża dwar l-esproprjazzjonijiet għal tali każ.

(30)

Dan il-prezz għall-akkwist kien ġie ddeterminat minn valutazzjoni tal-kumpless tal-isport minn espert tat-tassazzjoni tal-art rikonoxxut u indipendenti. Il-valutazzjoni kienet ibbażata fuq il-valur ta' sostituzzjoni aġġustat, li huwa deskritt bħala l-ammont neċessarju għall-ksib ta' oġġetti tal-istess valur f'termini ta' tip, kwalità, stat u età. Dan l-ammont għalhekk mhuwiex biss il-valur tal-kumpless tal-isport fid-daqs partikolari tiegħu. Huwa aġġustat skont l-istat tekniku u l-età tiegħu. Tali valutazzjoni hija imposta mill-paragrafu 3 tal-Artikolu 40b tal-liġi dwar l-esproprjazzjoni Netherlandiża (Onteigeningswet) għall-każijiet ta' esproprjazzjoni konsenswali, li skont in-Netherlands kienet applikabbli għal din is-sitwazzjoni. Għalhekk, in-Netherlands tqis li l-Kummissjoni ma kinitx korretta meta qieset li r-rapport ta' valutazzjoni kien jirreferi biss għall-valur ta' sostituzzjoni bħala l-bażi għall-valutazzjoni. Fil-prattika tal-valutazzjoni Netherlandiża, oġġetti li mhumiex konvenzjonali, bħal knejjes, monumenti, jew kumplessi tal-isport, huma vvalutati bil-valur ta' sostituzzjoni aġġustat, deskritt bħala l-prezz li xerrej indipendenti jkun lest li jħallas fil-każ ta' esproprjazzjoni jew rilokazzjoni tas-sid attwali.

(31)

Fir-rigward tal-osservazzjoni tal-Kummissjoni li l-valur iddeterminat mill-valutazzjoni kien ogħla mill-valur kontabilistiku fil-kontijiet ta' FC Den Bosch, in-Netherlands issostni li l-l-valur kontabilistiku ta' biċċa art normalment ma jirriflettix il-valur tas-suq attwali tagħha. Dan jiġi ddeterminat minn diversi fatturi oħra barra mill-valur tiegħu fi tranżazzjoni kummerċjali, bħall-prezz tal-akkwist storiku jew id-deprezzament.

(32)

Il-klabb kompla l-attivitajiet ta' taħriġ tiegħu xi mkien ieħor, fl-istejdjum u f'kumpless tat-taħriġ tal-futbol ieħor fil-belt li kien għad kellu kapaċità addizzjonali. In-Netherlands sostniet li l-prezz tal-kumpless tat-taħriġ kien iddeterminat mingħajr ma tqiesu l-ħtiġijiet finanzjarji possibbli ta' FC Den Bosch. Parti mill-ammont li rċieva talli ħalla l-kumpless tat-taħriġ tiegħu, il-klabb użah biex jakkomoda l-faċilitajiet tat-taħriġ alternattivi. Dan l-introjtu intuża wkoll biex jitħallas id-dejn tal-kera tal-istejdjum lill-BIM.

3.2.   Kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat

(33)

Min-naħa l-oħra, in-Netherlands sostniet li anke jekk il-miżura kellha tikkostitwixxi għajnuna, din kienet tkun kompatibbli mas-suq intern. Fir-rigward tar-ristrutturar ta' FC Den Bosch, in-Netherlands iddeskriviet is-sitwazzjoni finanzjarja tal-klabb kif stipulat fil-premessa 8.

(34)

Kull klabb tal-futbol professjonali Netherlandiż jeħtieġ liċenzja mill-KNVB, li jirċievi biss jekk jikkonforma ma' diversi obbligi. Wieħed mill-obbligi taħt is-sistema jikkonċerna s-saħħa finanzjarja tal-klabb. Jekk il-klabb ma jissodisfax l-obbligu, il-KNVB tista' tirtira l-liċenzja. Jekk jitwaqqaf klabb suċċessur, dan ma jitħalliex jidħol fil-ligs tal-futbol professjonali direttament, iżda jkollu jibda mit-tieni l-ogħla lig amatorjali. Bid-diffikultajiet tiegħu, id-Den Bosch irriskja li jitlef il-liċenzja tiegħu biex jipparteċipa f'kompetizzjonijiet professjonali.

(35)

In-Netherlands issuġġeriet li fid-dawl ta' dawn id-diffikultajiet id-deċiżjoni tal-muniċipalità li tirrinunzja selfa u li tikkumpensa lil FC Den Bosch għat-tbattil tal-kumpless tat-taħriġ użat minnu kienet subordinata għal numru ta' kundizzjonijiet stipulati fil-pjan ta' ristrutturar li ntlaħaq qbil bejn il-muniċipalità, il-kredituri l-oħra u FC Den Bosch.

(36)

Il-pjan ta' ristrutturar ġab miegħu struttura legali ġdida għal FC Den Bosch. Dan ġie ttrasformat minn klabb għal kumpanija b'responsabbiltà limitata (naamloze vennootschap (NV)), tnaqqis fin-numru tal-persunal u fil-grupp tal-plejers. Huwa ppreveda li n-numru ta' plejers b'kuntratt jitnaqqas għall-minimu impost mill-KNVB ta' 16. FC Den Bosch mhux se jixtri plejers fuq is-suq tat-trasferiment iżda se jikkuntratta biss plejers trasferibbli mingħajr ħlas. Dan wassal għal tnaqqis tal-ispiża tal-persunal u l-plejers ta' 17 %.

(37)

Kif stipulat fil-premessa 22, il-kredituri ta' FC Den Bosch b'kollox irrinunzjaw EUR 5,337 miljun fi djun għall-ekwità. Barra minn hekk, il-muniċipalità kkumpensat lill-klabb talli ħalla l-kumpless tat-taħriġ li kien uża sa dak iż-żmien b'ammont ta' EUR 1,4 miljun. B'dawn il-miżuri l-ekwità negattiva tal-klabb inbidlet f'ekwità moderatament pożittiva ta' EUR 0,63 miljun li ppermettiet it-trasformazzjoni tiegħu f'kumpanija b'responsabbiltà limitata.

(38)

Il-pjan kien maħsub biex iwassal għal pożizzjoni finanzjarja stabbli fuq perjodu ta' 3 snin. Huwa ppreveda telf dejjem jonqos fis-sena finanzjarja 2011/2012 u l-2012/2013 u profitt żgħir ta' EUR 0,1 miljun għas-sena finanzjarja 2013/2014. Dan ma jagħtix lok lil FC Den Bosch biex jikseb plejers tat-trasferiment. Fil-fatt, fis-sena tal-kontabilità 2011/2012, FC Den Bosch kien kapaċi jagħmel profitt ta' EUR 0,103 miljun, anke minħabba kuntratti ta' sponsorizzazzjoni aqwa milli previsti.

4.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURI

4.1.   Preżenza tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat

(39)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, l-għajnuna mill-Istat hija għajnuna li tingħata lil Stat Membru jew permezz tar-riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma, li tfixkel jew tipperikola li tfixkel jew thedded il-kompetizzjoni billi tipprovdi vantaġġ ekonomiku lil ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti beni sakemm taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat huma kumulattivi u b'hekk, biex miżura tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat, il-kundizzjonijiet kollha jridu jiġu ssodisfati.

(40)

Abbażi tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni se tivvaluta d-deċiżjoni tal-muniċipalità tal-21 ta' Ġunju 2011 li tirrinunzja pretensjoni subordinata ta' EUR 1,65 miljun fuq FC Den Bosch u li tikkumpensa lil FC Den Bosch b'EUR 1,4 miljun talli ħalla l-faċilitajiet tat-taħriġ tiegħu. Il-Kummissjoni tinnota li ż-żewġ azzjonijiet ġew ippreżentati flimkien u ġew deċiżi fl-istess laqgħa tal-kunsill muniċipali u li huma marbuta mill-qrib mil-lat tal-għan tagħhom u s-sitwazzjoni ta' FC Den Bosch f'dak iż-żmien.

(41)

Konsegwentement, dawn iż-żewġ miżuri għandhom jiġu vvalutati flimkien (9). F'dan il-każ, madanakollu, mill-valutazzjoni li ssegwi jidher ċar li ż-żewġ miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat meta jitqiesu b'mod separat. Inevitabbilment dan jimplika li l-miżuri jikkostitwixxu wkoll għajnuna mill-Istat meta jiġu vvalutati flimkien bħala miżura unika.

4.1.1.   L-użu tar-riżorsi tal-Istat

(42)

Iż-żewġ miżuri ġew deċiżi mill-muniċipalità u dawn għandhom konsegwenzi finanzjarji għal din il-muniċipalità li jammontaw għal EUR 3,1 miljun. B'hekk jinvolvu l-użu tar-riżorsi tal-Istat u jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istat. It-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat jista' jieħu ħafna xejriet, bħal għotjiet diretti, self, garanziji, investiment dirett fil-kapital tal-intrapriżi u benefiċċji in natura. Ir-rinunzja tal-pretensjonijiet tal-Istat tikkostitwixxi wkoll trasferiment tar-riżorsi tal-Istat.

4.1.2.   Vantaġġ selettiv għal FC Den Bosch

(43)

Kull meta s-sitwazzjoni finanzjarja ta' intrapriża tittejjeb minħabba l-intervent tal-Istat ikun hemm vantaġġ. Sabiex dan jiġi vvalutat, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-intrapriża li ssegwi l-miżura għandha tiġi mqabbla mas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha f'każ li l-miżura ma tkunx ġiet introdotta. Bla dubju li s-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli ta' FC Den Bosch tjiebet sew permezz tal-miżuri li qed jiġu investigati.

(44)

Vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, huwa kwalunkwe benefiċċju ekonomiku li intrapriża ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet tas-suq normali (10),, jiġifieri fl-assenza ta' intervent tal-Istat li mhux iggwidat minn prinċipji kummerċjali.

(45)

In-Netherlands issostni li t-titjib tas-sitwazzjoni finanzjarja ta' FC Den Bosch huwa riżultat tat-tranżazzjonijiet ta' konformità tas-suq u b'hekk ma seħħx mingħajr ebda raġuni. Skont in-Netherlands, il-muniċipalità aġixxiet f'konformità mal- prinċipju tal-investitur f'ekonomija tas-suq (minn hawn 'il quddiem: l-“MEIP”).

4.1.2.1.   Ir-rinunzja tal-pretensjoni subordinata

(46)

Kif stipulat hawn fuq, id-deċiżjoni li tiġi rrinunzjata l-pretensjoni subordinata ta' EUR 1,65 miljun tinvolvi bidla ta' dejn ma' ekwità, segwita minn trasferiment ta' pretensjoni li tirriżulta għall-ekwità għal EUR 1.

(47)

Għalhekk l-ewwel jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk kreditur privat kienx jibdel id-djun mal-ekwità, bl-istess mod bħalma għamlet il-muniċipalità. Fil-każ ta' intrapriża li tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-falliment, il-kreditur privat għandu żewġ opzjonijiet. Jew li jipproċedi bil-likwidazzjoni tal-intrapriża bil-għan li tal-anqas jirkupra parti mis-selfa tiegħu, jew inkella jista' jibdel is-selfa f'ishma biex jippermetti lill-intrapriża tkompli topera, bil-għan li ssir profittabbli għal darb'oħra, biex b'hekk l-ishma tagħha jiżdiedu fil-valur. Li kieku l-kredituri privati aġixxew bl-istess mod bħall-muniċipalità, u għal parti sinifikanti tad-djun ta' FC Den Bosch, wieħed seta' jassumi li l-imġiba tal-muniċipalità ssegwi l-MEIP.

(48)

Ir-rispett tal-MEIP jista' jiġi stabbilit meta tranżazzjoni titwettaq skont l-istess termini u kundizzjonijiet (u għalhekk bl-istess livell ta' riskju u gwadanji) u fl-istess ħin minn korpi pubbliċi u operaturi pubbliċi li qegħdin f'sitwazzjoni komparabbli (tranżazzjoni “pari passu”). F'dan il-każ jista' jiġi inferit li tali tranżazzjoni hija konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq (11). Huwa wkoll ta' importanza jekk l-intervent tal-operaturi privati għandux impatt ekonomiku reali u mhuwiex sempliċiment simboliku jew marġinali (12) u jekk il-punt tal-bidu tal-entitajiet pubbliċi u l-operaturi privati involuti huwiex komparabbli fir-rigward tat-tranżazzjoni. Min-naħa l-oħra, jekk il-korpi pubbliċi u l-operaturi privati li jinsabu f'sitwazzjoni simili jieħdu sehem fl-istess tranżazzjoni fl-istess ħin iżda taħt termini jew kundizzjonijiet differenti, dan normalment jindika li l-intervent tal-korp pubbliku mhuwiex konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq.

(49)

Fil-każ taħt kunsiderazzjoni, il-punt tal-bidu tal-entitajiet pubbliċi u l-operaturi privati involuti kien komparabbli fir-rigward tat-tranżazzjoni. Il-kredituri kollha involuti fit-tranżazzjoni kellhom self mhux żgurat u mhux rikoverabbli. L-involviment tas-settur privat kien ukoll wieħed sinifikanti. Madanakollu, l-operaturi l-oħra mhumiex operaturi tas-suq sempliċi, kif diġà ġie indikat; jidher li kollha kemm huma huma marbuta b'xi mod jew ieħor mal-klabb. B'hekk ma jistax jiġi preżunt li aġixxew bil-ħsieb li jagħmlu profitt; il-partitarji pereżempju mhumiex operaturi tas-suq razzjonali li qed ifittxu li jagħmlu profitt.

(50)

Huwa ċar ukoll li t-tranżazzjoni seħħet taħt termini jew kundizzjonijiet differenti. Il-muniċipalità talbet aktar mill-kredituri l-oħra għar-rinunzja tad-dejn. Kif jidher fit-Tabella 2, b'sehem għal kull EUR 26,7 hija rċeviet relattivament aktar ishma mill-kredituri kummerċjali jew mingħajr skop ta' qligħ kollha l-oħra. Barra minn hekk, ir-ristrutturar tad-dejn ippermetta lil FC Den Bosch iħallas l-arretrati tal-kera tal-istejdjum lill-BIM: il-kumpanija li topera l-istejdjum li hija proprjetà tal-muniċipalità. Min-naħa l-oħra, il-kreditur […] irċieva ishma preferenzjali li jistgħu jagħtuh prijorità biex jirċievi dividendi possibbli aktar tard. Dan ifisser li mhuwiex eskluż li tal-anqas attur privat wieħed kiseb kundizzjonijiet aħjar mill-muniċipalità. L-evidenza ma tippermettix il-konklużjoni li l-muniċipalità aġixxiet pari passu mal-operaturi tal-ekonomija tas-suq meta qablet mal-bidla.

(51)

Mhuwiex ukoll probabbli li investitur privat kien jaqbel li jbigħ is-selfa mhux rikoverabbli tiegħu li tinbidel f'ekwità għall-prezz ta' EUR 1 lil fondazzjoni li tippjana li tbigħ ċertifikati għal dawn l-ishma għal EUR 100 għal kull sehem. Billi ma żammitx l-ishma, il-muniċipalità ħelset lilha nnifisha mill-uniku raġuni kummerċjali għal bidla ta' dejn ma' ekwità, it-tama jew l-aspettazzjoni, żgħira kemm hi żgħira li tara l-ishma jiksbu valur. Hija tat lil parti terza l-opportunità li tiġbor il-fondi billi tbigħ iċ-ċertifikati tal-ishma minflok li tagħmel dan hi stess jew li tal-anqas teħtieġ li jkollha sehem fl-introjtu tal-bejgħ (13). F'dak il-każ l-Istat żamm l-ishma tiegħu u kien ikun raġonevoli li jistenna profitt fil-futur.

(52)

Għalhekk, ir-rinunzja tad-dejn subordinat ma tistax tiġi marbuta mal-imġiba ta' operatur tas-suq razzjonali u tat vantaġġ lil FC Den Bosch li kieku ma kienx ikun jista' jikseb b'termini tas-suq.

4.1.2.2.   L-akkwist tal-kumpless tat-taħriġ

(53)

Fir-rigward tal-kumpless tat-taħriġ, in-Netherlands issostni li l-kumpens ta' EUR 1,4 miljun ġie kkalkulat f'konformità mal-Komunikazzjoni tal-bejgħ tal-art u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kumpens tal-ispiża tas-sostituzzjoni, u b'hekk ma pprovdiex vantaġġ lil FC Den Bosch. Skont dik il-Komunikazzjoni, il-bejgħ tal-art u l-bini minn awtorità pubblika ma jikkostitwixxix għajnuna, l-ewwel meta l-awtorità pubblika taċċetta l-ogħla jew l-unika offerta wara l-proċedura tal-offerti mingħajr kundizzjoni, u t-tieni meta fl-assenza ta' tali proċedura tal-offerti il-prezz tal-bejgħ jiġi stabbilit tal-anqas għall-valur stabbilit minn valutazzjoni tal-espert indipendenti.

(54)

Il-gwida pprovduta mill-Komunikazzjoni tal-bejgħ tal-art, kif iddikjarat fl-introduzzjoni tagħha, “tikkonċerna biss il-bejgħ ta' art u bini li diġà kienu proprjetà tal-pubbliku. Din ma tikkonċernax l-akkwist pubbliku tal-art u l-bini jew is-self jew il-kiri tal-art u l-bini mill-awtoritajiet pubbliċi. Tali tranżazzjonijiet jistgħu jinkludu wkoll elementi ta' għajnuna tal-Istat.”

(55)

Fi kwalunkwe każ, il-mekkaniżmi stipulati fil-Komunikazzjoni dwar il-bejgħ tal-art huma biss għodod għall-istabbiliment dwar jekk l-Istat aġixxiex bħala investitur f'ekonomija tas-suq u għalhekk huma eżempji speċifiċi għall-applikazzjoni tat-test tal-MEIP għat-tranżazzjonijiet tal-art bejn entitajiet pubbliċi u privati (14). Għalhekk mhuwiex rilevanti jekk il-valutazzjoni tal-evalwazzjoni u l-akkwist tal-art issirx skont il-Komunikazzjoni tal-bejgħ tal-art jew mingħajr referenza għaliha.

(56)

Fil-każ tal-kumpless tal-isport li FC Den Bosch illibera, il-valutazzjoni tal-art, eżerċitata minn espert indipendenti kienet ibbażata fuq il-valur ta' sostituzzjoni aġġustat. Skont l-ispjegazzjonijiet tan-Netherlands, dan huwa l-valur li l-Istat ikollu jħallas fil-każ tar-rilokazzjoni tas-sid, abbażi tar-regoli legali għall-evalwazzjoni tal-proprjetà soġġetta għal eżerċizzju ta' esproprjazzjoni mhux ikkontestat. Dan mhuwiex konvinċenti. Il-bini u l-installazzjonijiet tal-kumpless, li nbnew minn FC Den Bosch, kienu diġà proprjetà tal-muniċipalità. FC Den Bosch użahom mingħajr fond lokatizju fit-tul. Il-valutazzjoni għalhekk ma kellhiex isseħħ abbażi ta' xenarju fejn FC Den Bosch kien ikun is-sid tal-bini. Barra minn hekk, il-valur ta' sostituzzjoni aġġustat jista' jvarja sew mill-valur tas-suq ta' ass.

(57)

Jidher ukoll li l-muniċipalità ma kellhiex pjanijiet speċifiċi għal dik l-art fil-mument tat-tranżazzjoni. Jidher b'mod ċar li t-tranżazzjoni kienet parti mill-miżuri ta' ristrutturar deċiżi mill-muniċipalità u kellha l-għan prinċipali evidenti li tipprovdi lil FC Den Bosch b'likwidità. Mhuwiex probabbli li l-muniċipalità kienet tidħol f'dan l-eżerċizzju f'dak il-punt fiż-żmien mingħajr dak l-objettiv. Wieħed jista' jsostni li bl-għibien tal-klabb tal-futbol fil-każ ta' falliment il-kumpless tal-isport ikun liberat mingħajr ebda indennizz.

(58)

Għalhekk jista' jiġi ddubitat li operatur tas-suq ieħor seta' kkonvinċa lill-muniċipalità biex tiżborżja EUR 1,4 miljun biex tillibera l-proprjetà li għaliha dan l-operatur lanqas biss kellu fond lokatizju fit-tul. Fi kwalunkwe każ l-ammont kien ikun ħafna aktar baxx.

4.1.2.3.   Konklużjoni dwar l-eżistenza ta' vantaġġ selettiv

(59)

Għalhekk il-miżuri jagħtu vantaġġ selettiv lil FC Den Bosch fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

4.1.3.   Effett fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni

(60)

In-Netherlands iddubitat mill-impatt tal-għajnuna possibbli fuq is-suq intern għall-klabbs li ma jilagħbux futbol fil-livell Ewropew. Madanakollu, il-klabbs tal-futbol professjonali jitqiesu bħala impriżi u huma soġġetti għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Il-futbol professjonali joffri impjieg bi qligħ u jipprovdi servizzi għar-remunerazzjoni. Huwa żviluppa livell għoli ta' professjonaliżmu u b'hekk żied l-impatt ekonomiku tiegħu (15).

(61)

Għalkemm FC Den Bosch ma jipparteċipax f'kompetizzjonijiet tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali, bħala klabb tal-futbol huwa jagħmel użu minn attivitajiet ekonomiċi f'diversi swieq oħra, bħas-suq għat-trasferimenti għall-plejers professjonali, ir-reklamar, l-isponsorizzazzjoni, il-merchandising jew il-kopertura tal-midja. L-għajnuna lil klabb tal-futbol professjonali ssaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu f'kull wieħed minn dawk is-swieq, li l-biċċa l-kbira tagħhom ikopru diversi Stati Membri. Għaldaqstant, jekk ir-riżorsi tal-Istat jintużaw biex jipprovdu vantaġġ selettiv lil klabb tal-futbol professjonali, irrispettivament mil-lig li jilgħab fih, tali għajnuna aktarx ikollha l-potenzjal li tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat (16).

4.2.   Valutazzjoni skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat

(62)

Il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk il-miżura ta' għajnuna favur FC Den Bosch tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq intern. L-ebda waħda mid-derogi msemmija fl-Artikolu 107(2) tat-Trattat ma tapplika għall-miżura ta' għajnuna inkwistjoni. Fir-rigward tad-derogi previsti fl-Artikolu 107(3) tat-Trattat, il-Kummissjoni tinnota li l-ebda wieħed mir-reġjuni tan-Netherlands ma jaqa' taħt id-deroga fl-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat. Il-miżura ta' għajnuna inkwistjoni la tippromwovi proġett importanti ta' interess Ewropew komuni, u lanqas ma sservi ta' rimedju għal disturb serju fl-ekonomija tan-Netherlands fis-sens tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat. Barra minn hekk, ma jistax jingħad li l-miżura ta' għajnuna tippromwovi l-konservazzjoni tal-kultura jew il-patrimonju fis-sens tal-Artikolu 107(3)(d) tat-Trattat.

4.2.1.   Linji gwida applikabbli

(63)

Fir-rigward tad-deroga fl-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat favur l-għajnuna biex ikun iffaċilitat l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet ekonomiċi, tali għajnuna tista' tkun kompatibbli fejn ma taffettwax b'mod negattiv il-kundizzjonijiet kummerċjali sa ċertu punt b'kuntrarju għall-interess komuni.

(64)

Għall-valutazzjoni tagħha tal-miżuri ta' għajnuna skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, il-Kummissjoni ħarġet għadd ta' Regolamenti, Oqfsa, Linji gwida u Komunikazzjonijiet dwar il-forom ta' għajnuna u l-għanijiet orizzontali jew tas-settur li għalihom tingħata l-għajnuna. Peress li FC Den Bosch fiż-żmien li ttieħdu l-miżuri kien qed iħabbat wiċċu ma' diffikultajiet finanzjarji u li l-għajnuna ngħatat mill-muniċipalità biex tindirizza dawk id-diffikultajiet, huwa xieraq li jiġi vvalutat jekk il-kriterji stipulati fil-Linji gwida (17) japplikawx u humiex issodisfati.

(65)

F'Lulju 2014, il-Kummissjoni ppubblikat il-Linji gwida l-ġodda tal-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' intrapriżi mhux finanzjarji f'diffikultà (18). Madanakollu, dawn mhumiex applikabbli għal din l-għajnuna mhux notifikata mogħtija fl-2011. Skont il-punt 137 tal-linji l-gwida l-ġodda, dan ikun biss il-każ għal kull għajnuna ta' salvataġġ jew ristrutturar li tingħata mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel jekk parti mill-għajnuna jew l-għajnuna kollha tingħata wara l-pubblikazzjoni ta' dawk il-linji gwida f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont il-punt 138 tal-linji l-gwida l-ġodda, fil-każijiet kollha l-oħra l-Kummissjoni se twettaq l-eżami abbażi tal-linji gwida li kienu japplikaw dak iż-żmien li ngħatat l-għajnuna, u b'hekk, f'dan il-każ, dawk applikabbli qabel l-2014.

4.2.2.   FC Den Bosch bħala kumpanija f'diffikultà

(66)

Skont il-punt 11 tal-Linji gwida, kumpanija tista' titqies f'diffikultà meta s-sinjali tas-soltu ta' ditta li tkun f'diffikultà jkunu preżenti, bħal telf dejjem jiżdied, fatturat jonqos, inventarji tal-istokk dejjem jikbru, kapaċità żejda, fluss tal-flus dejjem jonqos, jew dejn dejjem jiżdied. Kif stipulat fil-premessa 8, uħud minn dawn is-sinjali huma preżenti fil-każ ta' FC Den Bosch. Għalhekk kienet kumpanija f'diffikultà u l-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat se tiġi vvalutata skont il-Linji gwida.

4.2.3.   Irkupru tal-vijabbiltà fuq terminu twil

(67)

Fit-Taqsima 3.2, il-Linji gwida jitolbu li l-għotja tal-għajnuna trid tkun kundizzjonali fuq l-implimentazzjoni tal-pjan ta' ristrutturar. Kif indikat fil-premessa 7, FC Den Bosch jikkwalifika bħala intrapriża żgħira. Skont il-punt 59 tal-Linji gwida, il-Kummissjoni tinnota li n-Netherlands ikkomunikat pjan ta' ristrutturar li jindirizza l-kundizzjonijiet stipulati fil-punti 34 sa 37 tal-Linji gwida.

(68)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li d-deċiżjoni tal-muniċipalità li tirrinunzja s-selfa tagħha lil FC Den Bosch u tħallsu biex jillibera l-kumpless tal-isport tiegħu segwiet analiżi dwar in-natura u l-kawżi tad-diffikultajiet ta' FC Den Bosch. L-għotja kienet subordinata għal numru ta' kundizzjonijiet bil-għan li jirkupraw il-vijabbiltà fuq terminu twil tad-ditta f'perjodu ta' żmien raġonevoli ta' tliet snin u li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-KNVB biex ikompli jagħti l-liċenzja lil FC Den Bosch għal kompetizzjonijiet professjonali. Il-pjan ta' ristrutturar kien jinvolvi maniġment ġdid, tnaqqis fil-persunal u fil-grupp tal-plejers. Dan ikopri l-abbandun ta' kumpless tat-taħriġ kbir. B'hekk FC Den Bosch jipprevedi t-tfaddil fl-attività ewlenija tiegħu. Il-pjan ta' ristrutturar ma jiddependix fuq fatturi esterni li FC Den Bosch jista' jsegwi iżda ma jkollux kompletament taħt il-kontroll tiegħu, bħat-tisjib ta' sponsers ġodda u ż-żieda fin-numru ta' spettaturi. It-titjib kontinwu tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-klabb hija prevista kif ukoll l-operat kontinwu tiegħu bħala klabb tal-futbol professjonali. L-iżvilupp kif stipulat fil-premessa 35 juri li l-pjan kien fil-fatt wieħed realistiku.

4.2.4.   Miżuri ta' kumpens

(69)

Il-Punti 38 sa 42 tal-Linji gwida jitolbu li jittieħdu miżuri ta' kumpens minn benefiċjarju sabiex jitnaqqas l-effett tat-tfixkil tal-għajnuna u l-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet kummerċjali. Madanakollu, din il-kundizzjoni ma tapplikax għal intrapriżi żgħar. Kif stipulat fil-premessa 7, FC Den Bosch huwa intrapriża żgħira.

4.2.5.   Għajnuna limitata għall-inqas livell

(70)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-pjan ta' ristrutturar sa ċertu punt huwa ffinanzjat minn entitajiet privati esterni minbarra t-tfaddil intern li sar, f'konformità mal-punti 43 u 44 tal-Linji gwida. Diversi entitajiet privati qablu li jirrinunzjaw id-djun tagħhom ukoll. Il-kontribuzzjoni globali tal-kredituri u l-muniċipalità għall-finanzjament mill-ġdid ta' FC Den Bosch kienet ta' EUR 6,737 miljun (EUR 5.337 miljun ta' djun irrinunzjati flimkien ma' EUR 1,4 miljun għall-kumpless tat-taħriġ, jekk l-ammont kollu għall-kumpless tat-taħriġ jitqies bħala għajnuna). Il-25 % tal-kontribuzzjoni proprja meħtieġa għall-intrapriżi żgħar tkun ta' massimu ta' EUR 1,685. Entitajiet oħra minbarra l-Istat ikkontribwew EUR 3,687 miljun billi rrinunzjaw id-djun tagħhom (EUR 5,337 miljun bi tnaqqis tas-selfa tal-muniċipalità ta' EUR 1,65 miljun), fosthom intrapriża kummerċjali rrinunzjat EUR 1,865 miljun, li huwa aktar mill-25 % meħtieġ.

(71)

L-ammont tal-għajnuna kien meħtieġ. Skont il-pjan ta' ristrutturar dan kellu jwassal għal telf iżgħar fl-istaġuni tal-2011/2012 u l-2012/2013 u għal riżultati pożittivi moderati aktar tard. Dan ma kienx jippermetti lil FC Den Bosch jixtri plejers ġodda jew jattirahom b'salarji ogħla.

4.2.6.   Monitoraġġ u Rapport annwali

(72)

Il-Punt 49 tal-Linji gwida jitlob lill-Istat Membru jikkomunika dwar l-implimentazzjoni xierqa tal-pjan ta' ristrutturar permezz ta' rapporti dettaljati regolari. Il-Punt 51 jistabbilixxi kundizzjonijiet anqas stretti għall-SMEs, fejn it-trażmissjoni ta' kopji annwali tal-karta tal-bilanċ u r-rapporti tal-introjtu normalment jitqiesu suffiċjenti. In-Netherlands impenjat ruħha li tissottometti dawn ir-rapporti.

4.2.7.   Darba waħda, l-aħħar darba

(73)

Skont il-Punti 72 sa 77 tal-Linji gwida, in-Netherlands speċifikat li FC Den Bosch ma rċeviex għajnuna ta' salvataġġ jew ta' ristrutturar fl-10 snin qabel l-għoti ta' din l-għajnuna. Barra minn hekk, impenjat ruħha li ma tagħtix għajnuna ġdida ta' salvataġġ jew ristrutturar lil FC Den Bosch matul perjodu ta' 10 snin.

4.3.   Konklużjoni

(74)

Għalhekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri ta' ristrutturar tad-dejn fir-rigward ta' FC Den Bosch jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Madanakollu, l-għajnuna għar-ristrutturar mogħtija mill-muniċipalità lil FC Den Bosch tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Linji gwida u għalhekk ma taffettwax b'mod negattiv il-kundizzjonijiet kummerċjali sa punt kuntrarju għall-interess komuni. Għalhekk, l-għajnuna hija kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat.

5.   KONKLUŻJONI

(75)

Il-Kummissjoni sabet li n-Netherlands implimentat illegalment l-għajnuna lil FC Den Bosch bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Madanakollu, l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil FC Den Bosch fl-2011 li tammonta għal EUR 1,65 miljun fil-forma ta' rinunzja tad-dejn ta' EUR 1,4 miljun imħallsa b'kunsiderazzjoni tat-tluq mill-kumpless tat-taħriġ tiegħu tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għajnuna għar-ristrutturar fil-Linji gwida u tista' titqies kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat li n-Netherlands implimentat favur il-klabb tal-futbol FC Den Bosch f''s-Hertogenbosch, u li tammonta għal EUR 3,05 miljun, hija kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Netherlands.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Lulju 2016.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża SA.33584 (2013/C) (ex 2011/NN) – l-għajnuna tan-Netherlands għal ċerti klabbs tal-futbol professjonali Netherlandiżi bejn l-2008 u l-2011 – Stedina għas-sottomissjoni ta' kummenti skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 116, 23.4.2013, p. 19).

(2)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 1.

(3)  L-Artikolu 2(2) tal-anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id- definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36) (intrapriża żgħira hija definita bħala intrapriża li timpjega anqas minn 50 persuna u li l-fatturat annwali tagħha ma jaqbiżx l-EUR 10 miljun).

(4)  Tinsab f'Jan Sluyterstraat f''s-Hertogenbosch.

(5)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tad-ditti f'diffikultà (ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2); l-applikazzjoni ta' dawk il-linji gwida ġiet prolungata mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni rigward il-prolongazzjoni tal-applikazzjoni tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' ditti f'diffikultà tal-1 ta' Ottubru 2004 (ĠU C 296, 2.10.2012, p. 3).

(6)  Il-Kawża SA.35131 (2013/N).

(7)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-elementi tal-għajnuna fil-bejgħ tal-art mill-awtoritajiet pubbliċi (ĠU C 209, 10.7.1997, p. 3).

(*)  Informazzjoni kunfidenzjali.

(8)  Skont l-Artikolu 5:85 tal-Kodiċi Ċivili Netherlandiż, erfpacht (fond lokatizju twil) huwa dritt ta' proprjetà limitat li jagħti lill-propjetarju tagħha, “id-detentur ta' fond lokatizju”, id-dritt li jżomm u juża proprjetà immobbli ta' ħaddieħor.

(9)  Il-Kawża T-11/95 BP Chemicalsv il-Kummissjoni EU:T:1998:199, il-paragrafi 170 ff; il-Kawża C-399/10 P u C-401/10 P Bouygues u Bouygues Télécom v il-Kummissjoni u Oħrajn EU:C:2013:175, il-paragrafi 103-104; u l-Każ T-1/12 Franza v il-Kummissjoni EU:T:2015:17, il-paragrafu 37.

(10)  Il-Kawża C-39/94 l-SFEI u Oħrajn, ECLI:EU:C:1996:285, il-punt 60; il-Kawża C-342/96 Spanja v il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:1999:210, il-punt 41.

(11)  F'dak ir-rigward, ara l-Kawża T-296/97 Alitalia v il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2000:289, il-punt 81.

(12)  Pereżempju, fil-każ ta' Citynet Amsterdam, il-Kummissjoni qieset li żewġ operaturi privati li jieħdu terz tal-investimenti tal-ekwità totali f'kumpanija (meta wieħed iqis ukoll l-istruttura ta' parteċipazzjoni azzjonarja b'mod ġenerali u li l-ishma huma suffiċjenti biex jiffurmaw minoranza tal-imblukkar fir-rigward ta' kwalunkwe deċiżjoni strateġika tal-kumpanija) jistgħu jitqiesu bħala ekonomikament sinifikanti (ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/729/KE tal-11 ta' Diċembru 2007 dwar il-każ tal-għajnuna mill-Istat C53/06 (ex N 262/05, ex CP 127/04), investment mill-belt ta' Amsterdam fin-netwerk tat-tip fibre-to-the-home (FttH) (ĠU L 247, 16.9.2008, p. 27), il-premessi 96-100).

(13)  Għalhekk ir-rinunzja tad-dejn mill-muniċipalità ma tistax tiġi mqabbla mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kumpanija Belġjana Sonaca fil-Kawża SA.35131 (2013/N).

(14)  Skont dan it-test, l-ebda għajnuna mill-Istat ma tkun involuta meta f'ċirkostanzi simili investitur privat li jopera f'kundizzjonijiet tas-suq normali f'ekonomija tas-suq seta' ntalab jipprovdi l-miżuri inkwistjoni lill-benefiċjarju.

(15)  Il-Kawża C-325/08 Olympique Lyonnais ECLI:EU:C:2010:143, il-punti 27 u 28; il-Kawża C519/04 P Meca-Medina and Majcen v Commission ECLI:EU:C:2006:492, il-punt 22; il-Kawża C-415/93 Bosman ECLI:EU:C:1995:463, il-punt 73.

(16)  Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni rigward il-Ġermanja tal-20 ta' Marzu 2013 dwar il- Multifunktionsarena der Stadt Erfurt (Il-Kawża SA.35135 (2012/N)), il-punt 12, u Multifunktionsarena der Stadt Jena (Il-Kawża SA.35440 (2012/N)), avviżi fil-qosor f'ĠU C 140, 18.5.2013, p. 1, u tat-2 ta' Ottubru 2013 dwar il- Fußballstadion Chemnitz (Il-Kawża SA.36105 (2013/N)), avviż fil-qosor f'ĠU C 50, 21.2.2014, p. 1, il-punti 12-14; id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni rigward Spanja tat-18 ta' Diċembru 2013 dwar l-għajnuna possibbli mill-Istat lil erba' klabbs tal-futbol professjonali Spanjoli (Il-Kawża SA.29769 (2013/C)), il-punt 28, Real Madrid CF (Il-Kawża SA.33754 (2013/C)), il-punt 20, u għajnuna allegata favur tliet klabbs tal-futbol ta' Valencia (Il-Kawża SA.36387 (2013/C)), il-punt 16, ippubblikat f'ĠU C 69, 7.3.2014, p. 99.

(17)  Ara l-premessa 15 u n-nota f'qiegħ il-paġna 5.

(18)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' impriżi mhux finanzjarji f'diffikultà (ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1).