15.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 306/13


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1989

tal-11 ta' Novembru 2016

li tikkostitwixxi rakkomandazzjoni għall-estensjoni ta' kontroll temporanju fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali li jqiegħdu l-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen f'riskju

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

F'konformità mal-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, fit-12 ta' Mejju 2016 il-Kunsill adotta Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni li tikkostitwixxi Rakkomandazzjoni għal kontroll temporanju fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali li jqiegħdu l-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen f'riskju.

(2)

Il-Kunsill irrakkomanda lil ħames Stati ta' Schengen (l-Awstrija, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Iżvezja u n-Norveġja) sabiex iżommu kontrolli proporzjonali temporanji fil-fruntieri għal massimu ta' sitt xhur mid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni, biex jindirizzaw it-theddida serja għall-ordni pubblika jew għas-sigurtà interna li tqum f'dawn l-Istati permezz tal-ikkombinar ta' nuqqasijiet f'kontroll fil-fruntiera esterna fil-Greċja u l-movimenti sekondarji ta' migranti irregolari li deħlin mill-Greċja u li beħsiebhom jiċċaqilqu lejn Stati ta' Schengen oħra.

(3)

Fit-28 ta' Settembru 2016, il-Kummissjoni ħarġet it-Rapport tagħha dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni. Hija kkonkludiet li l-kontrolli fil-fruntieri interni mwettqa mill-Awstrija, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Iżvezja u n-Norveġja kienu proporzjonali u f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Il-Kummissjoni kkonkludiet ulterjorment li, abbażi tal-informazzjoni disponibbli u r-rapporti riċevuti mill-Istati kkonċernati, hija ma rat ebda bżonn li tipproponi emendi għad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni fiż-żmien ta' rapportar.

(4)

Fit-18 u l-21 ta' Ottubru 2016, l-Istati ta' Schengen ikkonċernati rraportaw għat-tieni darba lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. L-informazzjoni pprovduta ssegwi xejra simili għad-data pprovduta għall-ewwel rapport (tnaqqis fin-numru ta' persuni li jiġu miċħuda dħul, kif ukoll fin-numru ta' applikazzjonijiet ta' asil riċevuti) u għalhekk turi stabbilizzazzjoni progressiv tas-sitwazzjoni.

(5)

Madankollu, minkejja tnaqqis qawwi fin-numru ta' wasliet ta' migranti irregolari u applikanti għall-asil fl-Unjoni Ewropea, numru importanti ta' migranti irregolari jibqa' xorta waħda fil-Greċja kif ukoll fl-Istati Membri l-aktar affettwati mill-movimenti sekondarji ta' migranti irregolari li joriġinaw mill-Greċja. Abbażi tax-xejriet osservati fil-passat, huwa ġġustifikat li jkun mistenni li dawn il-persuni jistgħu jridu jiċċaqilqu irregolarment lejn Stati Membri oħra meta l-kontrolli fil-fruntiera, li jipprekludu l-moviment sekondarju tagħhom, jiġu mneħħija.

(6)

In-numru akkumulat ta' applikazzjonijiet għall-asil riċevuti sa mill-bidu tal-kriżi migratorja u l-applikazzjonijiet li għadhom deħlin għamel pressjoni sinifikanti fuq l-amministrazzjonijiet u s-servizzi nazzjonali kollha tal-UE u speċifikament fl-Istati ta' Schengen ikkonċernati bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni.

(7)

Il-kontrolli fil-fruntieri interni ma jistgħux jiġu meqjusa f'iżolament minn fatturi importanti oħra. Fil-Komunikazzjoni tagħha “Lura lejn Schengen — Pjan Direzzjonali” (2), il-Kummissjoni identifikat id-diversi politiki li għandhom jiġu implimentati għal Żona Schengen li tiffunzjona bis-sħiħ.

(8)

Il-Pjan Direzzjonali inkluda notevolment l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (3) li daħal fis-seħħ fis-6 ta' Ottubru 2016, f'perjodu ta' żmien ta' disa' xhur mill-preżentazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni, u wera l-impenn tal-atturi kollha involuti. Huwa mistenni li l-gruppi ta' reazzjoni rapida, li jkopru kemm ir-riżorsi umani u t-tagħmir tekniku, u l-gruppi ta' ritorn rapidu ser ikunu stabbiliti u operazzjonali sas-7 ta' Diċembru 2016 u sas-7 ta' Jannar 2017 rispettivament.

(9)

Element ieħor mhux identifikat fil-Pjan Direzzjonali “Lura lejn Schengen” hija l-implimentazzjoni b'suċċess tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija. Filwaqt li l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni, kif stabbilita fit-tielet rapport ta' progress (4), tkompli tagħti r-riżultati, huwa importanti li jitkompla li jiġi żgurat li d-Dikjarazzjoni tiffunzjona fuq bażi sostenibbli. Barra minn dan, jibqa' bżonn kontinwu għall-kooperazzjoni miftehma fil-laqgħa tal-Mexxejja tal-Balkani tal-Punent.

(10)

Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li minkejja l-progress kontinwu u importanti fl-oqsma identifikati mill-Pjan Direzzjonali “Lura lejn Schengen” u stabbilizzazzjoni progressiva tas-sitwazzjoni, dawn l-azzjonijiet xorta jridu jiġu implimentati fis-sħiħ u r-riżultati korrispettivi jiġu kkonfermati.

(11)

Iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jikkostitwixxu theddida serja għall-ordni pubbliku u s-sigurtà interna u li jpoġġu f'riskju l-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen kollha għalhekk għadhom hemm.

(12)

Minħabba s-sitwazzjoni fraġli attwali fil-Greċja u r-residwu ta' pressjoni li għad hemm fl-Istati Membri l-aktar affettwati bil-movimenti sekondarji ta' migranti irregolari li ġejjin mill-Greċja, jidher għalhekk iġġustifikat li titħalla estensjoni proporzjonali tal-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni mill-Istati ta' Schengen li attwalment qegħdin iwettqu dawn il-kontrolli bħala miżura aħħarija f'rispons għal theddida serja għall-ordni pubblika jew għas-sigurtà interna, b'mod partikolari l-Awstrija, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Iżvezja u l-Istat assoċjat tan-Norveġja, f'konformità mal-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen.

(13)

Abbażi tal-indikaturi fattwali disponibbli f'dan l-istadju, jeħtieġ li din l-estensjoni ma teċċedix tliet xhur mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni.

(14)

L-Istati Membri li jiddeċiedu li jwettqu kontroll fil-fruntieri interni wara din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni jeħtieġu li jinnotifikaw lill-Istati Membri l-oħra, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni kif xieraq.

(15)

Qabel ma jagħżlu t-tali kontrolli, l-Istati Membri kkonċernati jeħtieġu li jeżaminaw jekk miżuri alternattivi oħra għal kontroll fil-fruntieri jistgħux jintużaw effettivament biex tiġi rrimedjata t-theddida identifikata. L-Istati Membri kkonċernati jeħtieġu jinformaw bl-eżitu ta' din ir-riflessjoni u r-raġunijiet għaliex għażlu l-kontrolli fil-fruntieri fin-notifiki tagħhom.

(16)

Kif ddikjarat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-migrazzjoni tal-20 ta' Ottubru 2016, il-proċess ta' “lura lejn Schengen” jinkludi l-aġġustament tal-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni biex jiġu riflessi l-bżonnijiet attwali. Il-kontrolli taħt din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni jeħtieġu jiġu mwettqa biss sal-limitu meħtieġ, b'mod ristrett fl-intensifikar tagħhom għal minimu assolut meħtieġ. Pereżempju, meta matul perjodu partikolari jkun hemm fluss insinifikanti, il-kontrolli f'xi sezzjonijiet tal-fruntieri jistgħu għalhekk lanqas ikunu meħtieġa. Sabiex jiġi prekluż kemm jista' ikun il-qsim tal-fruntieri interni rilevanti għall-pubbliku inġenerali, biss il-kontrolli mmirati, il-kontrolli ta' analiżi tar-riskju u dawk bbażati fuq l-intelliġenza jistgħu jkollhom lok. Barra minn dan, il-bżonn ta' dawn il-kontrolli fis-sezzjonijiet tal-fruntieri rilevanti jeħtieġ li jiġi eżaminat u evalwat mill-ġdid b'mod regolari f'kooperazzjoni mal-Istati Membri kollha affettwati bl-għan li dawn il-kontrolli jiġu mnaqqsa.

(17)

Fl-aħħar ta' kull xahar ta' implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni, rapport komplut dwar ir-riżultati tal-kontrolli mwettqa jeħtieġ li jintbagħat lill-Kummissjoni, flimkien ma' valutazzjoni tal-bżonn kontinwu tagħhom fejn applikabbli. Dan ir-rapport jeħtieġ jinkludi n-numru totali ta' persuni kkontrollati, in-numru totali ta' rifjuti ta' dħul wara l-kontrolli, in-numru totali ta' deċiżjonijiet ta' ritorn maħruġa wara l-kontrolli u n-numru totali ta' applikazzjonijiet għall-asil riċevuti fil-fruntieri interni fejn il-kontrolli jkunu saru.

(18)

Il-Kunsill jieħu nota li l-Kummissjoni ddikjarat li hija ser tissorvelja mill-qrib l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni,

B'DAN JIRRAKKOMANDA LI:

1.

L-Awstrija, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Iżvezja u n-Norveġja jestendu l-kontrolli proporzjonali u temporanji fil-fruntieri għal perjodu massimu ta' tliet xhur, li jibda mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni, fil-fruntieri interni li ġejjin:

L-Awstrija fil-fruntiera fuq l-art bejn l-Awstrija u l-Ungerija u fil-fruntiera fuq l-art bejn l-Awstrija u s-Slovenja;

Il-Ġermanja fil-fruntiera fuq l-art bejn il-Ġermanja u l-Awstrija;

Id-Danimarka fil-portijiet Daniżi b'konnessjonijiet bil-lanċa lejn il-Ġermanja u fil-fruntiera fuq l-art bejn id-Danimarka u l-Ġermanja;

L-Iżvezja fil-portijiet Żvediżi fir-Reġjun tal-Pulizija tan-Nofsinhar u tal-Punent u fuq il-pont Öresund;

In-Norveġja fil-portijiet Norveġiżi b'konnessjonijiet bil-lanċa lejn id-Danimarka, il-Ġermanja u l-Iżvezja.

2.

Qabel jiġu estiżi dawn il-kontrolli, l-Istati Membri kkonċernati jeħtieġu jagħmlu skambju ta' fehmiet mal-Istat(i) Membru/i rilevanti bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-kontrolli fil-fruntieri interni jsiru biss fejn huwa meqjus neċessarju u proporzjonat. Barra minn dan, l-Istati Membri kkonċernati jeħtieġu li jiżguraw li l-kontrolli fil-fruntieri interni huma mwettqa biss bħala miżura aħħarija meta miżuri alternattivi oħra ma jistgħux jiksbu l-istess effett, u biss f'dawk il-partijiet tal-fruntiera interna fejn huwa meqjus neċessarju u proporzjonat, f'konformità mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen. L-Istati Membri kkonċernati jeħtieġu li jinnotifikaw lill-Istati Membri l-oħra, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni kif xieraq.

3.

Il-kontroll fil-fruntiera jeħtieġ jibqa' immirat, ikun ibbażat fuq analiżi tar-riskju u intelliġenza u jkun limitat fl-iskop, fil-frekwenza, fil-post u fil-ħin, għal dak li huwa strettament meħtieġ għall-indirizzar tat-theddid serju u s-salvagwardja tal-ordni pubbliku u s-sigurtà interna. L-Istat Membru li jwettaq kontrolli fil-fruntieri interni skont din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni jeħtieġ li jirrevedi regolarment il-ħtieġa, il-frekwenza, il-post u l-ħin tal-kontrolli, jaġġusta l-intensifikar tal-kontrolli għal-livell tat-theddida indirizzata, filwaqt li jneħħihom b'mod progressiv kull fejn xieraq, u jirrapporta lill-Kummissjoni kull xahar.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Novembru 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

P. ŽIGA


(1)  ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1.

(2)  COM(2016) 120 final.

(3)  ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1.

(4)  It-Tielet Rapport dwar il-Progress imwettaq fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija (COM(2016) 634).