19.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 282/43


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1846

tal-4 ta' Lulju 2016

dwar il-miżura SA.41187 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Ungerija dwar il-kontribuzzjoni għas-saħħa mill-impriżi tal-industrija tat-tabakk

(notifikata bid-dokument C(2016) 4049)

(It-test Ungeriż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet ikkwotati hawn fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

F'Marzu 2015, il-Kummissjoni saret taf b'kontribuzzjoni ġdida għas-saħħa imposta mill-Ungerija fuq l-impriżi tal-industrija tat-tabakk. Bl-ittra tat-13 ta' April 2015, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lill-Ungerija dwar din il-miżura, li biha infurmat ukoll lill-awtoritajiet Ungeriżi li kienet sejra tqis il-ħruġ ta' deċiżjoni ta' twissija ta' sospensjoni skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (2).

(2)

Bl-ittra tat-12 ta' Mejju 2015, l-Ungerija wieġbet għal din it-talba għal informazzjoni. Madankollu, l-Ungerija ma pprovdiet l-ebda kumment dwar il-possibbiltà li l-Kummissjoni toħroġ twissija ta' sospensjoni.

(3)

Fil-15 ta' Lulju 2015, il-Kummissjoni għarrfet lill-Ungerija li kienet iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem: “it-Trattat”) fir-rigward tal-kontribuzzjoni għas-saħħa imposta fuq l-impriżi tal-industrija tat-tabakk (id-“Deċiżjoni ta' Ftuħ”). Il-Kummissjoni ordnat ukoll is-sospensjoni immedjata tal-miżura fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

(4)

Id-Deċiżjoni ta' Ftuħ ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3). B'din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura.

(5)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn żewġ partijiet interessati. Fl-20 ta' Ottubru 2015, il-Kummissjoni għaddiet dawn il-kummenti lill-Ungerija, li ngħatat l-opportunità li twieġeb. L-Ungerija ma weġbitx għal dawn il-kummenti.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA

(6)

Fis-16 ta' Diċembru 2014, il-Parlament Ungeriż adotta l-Att XCIV tal-2014 dwar il-kontribuzzjoni għas-saħħa għas-sena 2015 tal-impriżi tal-industrija tat-tabakk (“l-Att”), L-Att jimponi taxxa, li ssir referenza għaliha bħala “kontribuzzjoni għas-saħħa”, li hija imposta fuq il-fatturat annwali li jiġi mill-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti tat-tabakk fl-Ungerija u japplika flimkien ma' taxxi kummerċjali eżistenti fl-Ungerija, b'mod partikolari, it-taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji. It-taxxa hija imposta fuq l-operaturi tal-imħażen awtorizzati, l-importaturi jew kummerċjanti rreġistrati tal-prodotti tat-tabakk. L-għan iddikjarat tal-Att huwa li jinġabru fondi għall-finanzjament tas-sistema tas-saħħa sabiex tiżdied il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa.

(7)

It-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa hija dovuta fuq il-fatturat annwali ġġenerat fis-sena ta' qabel is-sena fiskali miksub mill-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti tat-tabakk fl-Ungerija, bil-kundizzjoni li l-fatturat minn dawn l-attivitajiet ikun tal-inqas 50 % tat-total tal-fatturat annwali ġġenerat mill-impriża. L-ebda tnaqqis tal-ispejjeż ma huwa pprvodut, apparti l-ispejjeż ta' ċerti investimenti fis-sena fiskali. It-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa hija progressiva fin-natura tagħha. Il-kontribuzzjoni applikabbli tiddependi fuq il-fatturat annwali tal-kontribwent kif ġej:

Għall-parti tal-fatturat taħt it-HUF 30 biljun: 0,2 % b'minimu ta' HUF 30 miljun

Għall-parti tal-fatturat bejn it-HUF 30 biljun u s-60 biljun: 2,5 %

Għall-parti tal-fatturat li jaqbeż is-HUF 60 biljun: 4,5 %

(8)

Skont it-Taqsima 6(6) tal-Att, l-obbligu tat-taxxa li jirriżulta mit-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa jista' jitnaqqas sa 80 % tal-kontribuzzjoni pagabbli jekk il-kumpanija tagħmel investimenti li jkunu konformi mad-definizzjoni stabbilita fil-punt (7) tal-Artikolu 3(4) tal-Att C tal-2000 dwar il-Kontabilità (4). It-tnaqqis huwa ugwali għad-differenza pożittiva bejn 30 % tal-ammont li kien meqjus bħala investiment fis-sena fiskali u l-ammont tas-sussidju tal-Istat jew tal-UE użat għall-implimentazzjoni tal-proġett ta' investiment.

(9)

L-Att jipprevedi li dikjarazzjoni tat-taxxa għandha tiġi sottomessa sat-30 ta' Ġunju 2015 u li t-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa għandha titħallas fi żmien 30 ġurnata wara din l-iskadenza.

(10)

L-Att daħal fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2015 u, fil-verżjoni inizjali tiegħu, kellu japplika fuq bażi temporanja sal-31 ta' Diċembru 2015. Fl-24 ta' Ġunju 2015, ġiet ippubblikata emenda għall-Att fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Ungerija, li għamlet it-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa permanenti.

3.   IL-PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI

3.1.   Raġunijiet għall-bidu ta' proċedura ta' investigazzjoni formali

(11)

Il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta' investigazzjoni formali peress li laħqet il-konklużjoni preliminari li l-istruttura progressiva tal-kontribuzzjoni għas-saħħa (ir-rati u l-kategoriji tal-fatturat) u d-dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis tal-obbligu tat-taxxa bil-kundizzjoni li jsiru ċerti investimenti (minn hawn 'il quddiem imsejħin kollettivament bħala: “il-miżuri kkontestati”) ikkostitwixxew għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli.

(12)

Il-Kummissjoni kienet tal-opinjoni li r-rati progressivi tat-taxxa stabbiliti mill-Att jagħmlu differenza bejn l-impriżi bbażati fuq il-fatturat tagħhom u jagħtu vantaġġ selettiv lill-impriżi b'fatturat baxx u b'hekk lill-impriżi iżgħar. Il-Kummissjoni ma kinitx konvinta li l-impriżi b'fatturat aktar sinifikanti huma kapaċi jinfluwenzaw is-suq tal-prodotti u jiġġeneraw aktar effetti negattivi fuq is-saħħa relatati mat-tipjip sal-punt li l-applikazzjoni tar-rati progressivi tat-taxxa tkun iġġustifikata, kif argumentaw l-awtoritajiet Ungeriżi.

(13)

Il-Kummissjoni kienet tal-opinjoni wkoll li l-possibbiltà li jitnaqqas l-obbligu tat-taxxa ta' kontribwent bil-kundizzjoni li jsiru investimenti tagħti vantaġġ selettiv lill-impriżi li jkunu għamlu investimenti bħal dawn. Il-Kummissjoni osservat ukoll li l-possibbiltà li jitnaqqas l-obbligu tat-taxxa fil-każ ta' investiment, li għandu l-għan li jżid il-kapaċità tal-produzzjoni u tal-kummerċ tal-impriża, dehret li kienet inkonsistenti mal-objettiv iddikjarat tat-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa, jiġifieri li jinħolqu fondi għas-sistema tas-saħħa u li tiżdied il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa minħabba l-fatt li t-tipjip għandu rwol prominenti fl-iżvilupp ta' diversi mard u jikkontribwixxi b'mod sinifikanti f'aktar spejjeż tas-saħħa.

(14)

Għalhekk, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li l-miżuri kkontestati dehru li la kienu ġġustifikati mill-għamla jew mill-iskema ġenerali tas-sistema tat-taxxa u lanqas ma kienu kompatabbli mas-suq intern.

3.2.   Kummenti mingħand il-partijiet interessati

(15)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand żewġ partijiet interessati li laqgħu d-Deċiżjoni ta' Ftuħ u qablu mal-valutazzjoni preliminari tal-għajnuna mill-Istat tal-Kummissjoni. Huma wrew it-tħassib tagħhom dwar l-emendi possibbli għall-Att u dwar kull miżura oħra simili li tista' tiġi adottata mill-awtoritajiet Ungeriżi.

(16)

Waħda mill-partijiet interessati enfasizzat li t-tnaqqis tal-obbligu tat-taxxa fil-każ ta' ċerti investimenti għandu japplika esklussivament għall-investimenti fl-Ungerija, minħabba li, skont ir-regolamenti tat-taxxa tas-sisa tal-Ungerija, huwa meħtieġ li kumpanija tkun inkorporata u jkollha s-sede tagħha fl-Ungerija sabiex din il-kumpanija tkun liċenzjata biex tbigħ jew tipproduċi t-tabakk fl-Ungerija. Għalhekk, l-investimenti li tqiesu għall-finijiet tal-Att huma dawk l-investimenti li saru fl-Ungerija jew minn kumpaniji Ungeriżi li huma proprjetà tal-Ungeriżi stess jew minn sussidjarji residenti fl-Ungerija ta' multinazzjonali barranin.

3.3.   Il-pożizzjoni tal-awtoritajiet Ungeriżi

(17)

L-awtoritajiet Ungeriżi ma jaqblux mas-sejbiet tal-Kummissjoni li l-miżuri kkontestati jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Essenzjalment, huma jargumentaw li l-miżuri mhumiex selettivi. Fir-rigward tal-progressività tar-rati tat-taxxa, l-awtoritajiet Ungeriżi jsostnu li fil-każ ta' piżijiet pubbliċi, il-qafas ta' referenza huwa speċifikat mill-bażi tat-taxxa u mir-rata tat-taxxa (inkluż sistema ta' rati tat-taxxa progressivi) b'mod konġunt u li l-kumpaniji fl-istess sitwazzjoni fattwali huma dawk li l-fatturat tagħhom huwa l-istess. F'dan is-sens, taħt is-sistema progressiva ta' rati, li tapplika kategoriji tat-taxxa, l-entitajiet bl-istess bażi tat-taxxa ta' projezzjoni huma soġġetti għall-istess rata u l-ammont ikkalkolat tat-taxxa huwa identiku wkoll. Għalhekk, skont l-awtoritajiet Ungeriżi, is-sistema progressiva tar-rati tat-taxxa ma toħloqx differenzazzjoni peress li l-kumpaniji fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali huma soġġetti għall-istess rata tat-taxxa, u b'hekk mhijiex selettiva.

(18)

Fir-rigward tat-tnaqqis tal-obbligu tat-taxxa fil-każ ta' investiment, l-awtoritajiet Ungeriżi jargumentaw li l-Att ma jagħmilx distinzjoni skont it-tip jew il-valur tal-investiment u ma ssir l-ebda distinzjoni bejn l-operaturi li jwettqu l-investiment. L-impriżi li jimplimentaw l-istess valur tal-investiment jinsabu fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali. Huma jenfasizzaw li t-tnaqqis ma japplikax esklussivament għall-investimenti li jitwettqu fl-Ungerija u li l-valur tal-investimenti kollha jista' jitqies għall-kalkolu. L-awtoritajiet Ungeriżi jinnutaw ukoll li l-kalkolu tal-valur tal-investiment huwa soġġett għad-definizzjoni tal-investiment u għall-kalkolu tal-valur tal-investiment skont l-Att dwar il-Kontabilità li jmur lil hinn mill-ambitu tal-Att dwar il-kontribuzzjoni għas-saħħa tal-impriżi tal-industrija tat-tabakk.

3.4.   Kummenti mill-Ungerija dwar il-kummenti tal-partijiet interessati

(19)

L-Ungerija ma weġbitx għall-kummenti mill-partijiet interessati, li ntbagħtulha b'ittra fl-20 ta' Ottubru 2015.

4.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

4.1.   Il-preżenza tal-għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE

(20)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, “Ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.”

(21)

Għalhekk, il-klassifikazzjoni ta' miżura bħala għajnuna skont it-tifsira ta' din id-dispożizzjoni teħtieġ li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: (i) il-miżura trid tkun imputabbli għall-Istat u ffinanzjata mir-riżorsi tal-Istat; (ii) trid tagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tagħha; (iii) dan il-vantaġġ irid ikun selettiv; u (iv) il-miżura trid tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

4.1.1.   Riżorsi tal-Istat u imputabilità lill-Istat

(22)

Sabiex tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, miżura trid tkun iffinanzjata permezz ta' riżorsi tal-Istat u tkun imputabbli għal Stat Membru.

(23)

Peress li l-miżuri kkontestati jirriżultaw minn Att tal-Parlament Ungeriż, huma kjarament imputabbli għall-Istat Ungeriż.

(24)

Fir-rigward tal-finanzjament tal-miżura mir-riżorsi tal-Istat, fejn ir-riżultat ta' miżura jkun li l-Istat jitlef dħul li inkella jkollu jiġbor mingħand impriża f'ċirkustanzi normali, din il-kundizzjoni hija ssodisfata wkoll (5). F'dan il-każ, l-Istat Ungeriż jirrinunzja riżorsi li inkella kien jiġbor mingħand impriżi b'livell ta' fatturat aktar baxx (u b'hekk impriżi iżgħar), li kieku kienu soġġetti għall-istess kontribuzzjoni tas-saħħa bħall-impriżi b'livell ogħla ta' fatturat (u b'hekk impriżi ikbar).

4.1.2.   Vantaġġ

(25)

Skont il-ġurisprudenza tal-Qrati tal-Unjoni, il-kunċett ta' għajnuna ma jkoprix biss il-benefiċċji pożittivi, iżda anki miżuri li, f'forom varji, jimmitigaw it-tariffi li normalment ikunu inklużi fil-baġit ta' impriża (6). Vantaġġ jista' jingħata permezz ta' tipi differenti ta' tnaqqis fil-piż tat-taxxa ta' kumpanija u, b'mod partikolari, permezz ta' tnaqqis fir-rata tat-taxxa applikabbli, il-bażi taxxabbli jew fl-ammont tat-taxxa dovuta (7). Għad li miżura ta' tnaqqis tat-taxxa ma tinvolvix trasferiment pożittiv ta' riżorsi mill-Istat, twassal għal vantaġġ għaliex tqiegħed lill-impriżi li tapplika għalihom f'pożizzjoni finanzjarja iktar favorevoli minn kontribwenti oħrajn u tirriżulta f'telf fid-dħul għall-Istat (8).

(26)

L-Att jistabbilixxi rati progressivi ta' tassazzjoni li japplikaw għall-fatturat annwali li jiġi mill-produzzjoni u l-kummerċ ta' prodotti tat-tabakk fl-Ungerija skont il-kategoriji li fihom jaqa' fatturat ta' impriża. In-natura progressiva ta' dawn ir-rati għandha l-effett li żżid il-perċentwal tat-taxxa imposta fuq il-fatturat ta' impriża b'mod progressiv skont in-numru ta' kategoriji li fihom jaqa' dak il-fatturat. Dan għandu r-riżultat li l-impriżi b'fatturat baxx (impriżi iżgħar) jiġu ntaxxati b'rata medja sostanzjalment inqas minn impriżi b'fatturat għoli (impriżi ikbar). Il-fatt li huma ntaxxati b'din ir-rata medja sostanzjalment inqas jimmitiga t-tariffi li jridu jġarrbu l-impriżi b'fatturat baxx meta mqabblin mal-impriżi b'fatturat għoli u, għalhekk, dan jikkostitwixxi vantaġġ għall-benefiċċju ta' impriżi iżgħar meta mqabblin mal-impriżi ikbar għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(27)

Bl-istess mod, il-possibbiltà ta' tnaqqis tal-obbligu tat-taxxa ta' impriża skont l-Att sa 80 % fil-każ ta' investimenti mwettqa fis-sena fiskali, tikkostitwixxi vantaġġ għall-impriżi li jkunu għamlu investimenti bħal dawn, minħabba li tnaqqas il-bażi tat-taxxa tagħhom u b'hekk il-piż tat-taxxa tagħhom meta mqabbla ma' dawk l-impriżi li ma jistgħux jibbenefikaw minn dan it-tnaqqis.

4.1.3.   Selettività

(28)

Miżura hija selettiva jekk tiffavorixxi lil ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Għal skemi fiskali, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li s-selettività tal-miżura għandha, fil-prinċipju, tiġi vvalutata permezz ta' analiżi maqsuma fi tliet stadji (9). L-ewwel jiġi identifikat ir-reġim tat-taxxa komuni jew normali applikabbli fl-Istat Membru: “is-sistema ta' referenza”. It-tieni, għandu jiġi stabbilit jekk miżura partikolari tikkostitwixxix deroga minn dik is-sistema peress li tiddistingwi bejn operaturi ekonomiċi li, fid-dawl tal-objettivi intrinsiċi għas-sistema, ikunu f'sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli. Jekk il-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix deroga mis-sistema ta' referenza, din ma tkunx selettiva. Jekk iva (u għalhekk tkun selettiva prima facie), irid ikun stabbilit, fit-tielet stadju tal-analiżi, jekk il-miżura derogatorja hijiex iġġustifikata min-natura jew l-iskema ġenerali tas-sistema tat-taxxa (ta' referenza) (10). Jekk miżura selettiva prima facie tkun iġġustifikata mill-għamla jew mill-iskema ġenerali tas-sistema, mhijiex sejra titqies li hija selettiva u, b'hekk, sejra taqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

4.1.3.1.   Sistema ta' referenza

(29)

F'dan il-każ, is-sistema ta' referenza hija l-applikazzjoni ta' kontribuzzjoni għas-saħħa speċjali fuq l-impriżi fir-rigward tal-fatturat li jiksbu mill-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti tat-tabakk fl-Ungerija. Il-Kummissjoni ma tqisx li l-istruttura tar-rata progressiva tal-kontribuzzjoni għas-saħħa tista' tifforma parti minn dik is-sistema ta' referenza.

(30)

Kif speċifikat il-Qorti tal-Ġustizzja (11), mhux dejjem biżżejjed li l-analiżi tas-selettività tiġi limitata għal jekk il-miżura jkollhiex deroga mis-sistema ta' referenza kif definita mill-Istat Membru. Hemm bżonn li jiġi evalwat ukoll jekk il-limiti ta' dik is-sistema tfasslux mill-Istat Membru b'mod konsistenti jew, inkella, tfasslux b'mod arbitrarju jew bi preġudizzju ċar, b'tali mod li jiffavorixxu lil ċerti impriżi fuq oħrajn. Inkella, minflok ma jistabbilixxi regoli ġenerali li japplikaw għall-impriżi kollha li minnhom issir deroga għal ċerti impriżi, l-Istat Membru jista' jikseb l-istess riżultat, filwaqt li jevita r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, billi jaġġusta u jgħaqqad ir-regoli tiegħu b'tali mod li l-applikazzjoni tagħhom tirriżulta f'piż differenti għal impriżi differenti (12). Huwa partikolarment importanti li jitfakkar li, f'dak ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat b'konsistenza li l-Artikolu 107(1) tat-Trattat ma jagħmilx distinzjoni bejn miżuri ta' intervent mill-Istat b'referenza għall-kawżi tagħhom jew l-iskopijiet tagħhom, iżda jiddefinixxihom b'rabta mal-effetti tagħhom u, b'hekk, b'mod indipendenti mit-tekniki użati (13).

(31)

Filwaqt li l-applikazzjoni ta' taxxa fissa imposta fuq il-fatturat annwali li jiġi mill-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti tat-tabakk fl-Ungerija hija mezz xieraq biex jinġabru l-fondi għall-finanzjament tas-sistema tas-saħħa, l-istruttura tat-taxxa progressiva introdotta mill-Att tidher li hija mfassla apposta mill-Ungerija sabiex tiffavorixxi ċerti impriżi minn oħrajn. Skont l-istruttura tat-taxxa progressiva introdotta taħt l-Att, l-impriżi soġġetti għat-taxxa huma soġġetti għal rati tat-taxxa differenti li jiżdiedu b'mod progressiv għal 4,5 % skont il-kategoriji li fihom jaqa' l-fatturat tagħhom. Għaldaqstant, rata ta' taxxa medja differenti tapplika għal dawk l-impriżi soġġetti għall-kontribuzzjoni tas-saħħa skont il-livell tal-fatturat tagħhom (jekk taqbeż il-limiti stabbiliti mill-Att).

(32)

Minħabba li kull kumpanija hija ntaxxata b'rata differenti, mhuwiex possibbli għall-Kummissjoni li tidentifika rata ta' referenza waħda fil-kontribuzzjoni għas-saħħa. L-Ungerija la ppreżentat xi rata speċifikata bħala r-rata ta' referenza jew ir-rata “normali”, la spjegat għaliex rata ogħla tkun iġġustifikata minn ċirkustanzi eċċezzjonali għal impriżi b'livell għoli ta' fatturat, u lanqas ma spjegat għaliex għandhom japplikaw rati inqas għal impriżi b'livelli baxxi ta' fatturati.

(33)

Għaldaqstant, l-effett tal-istruttura tar-rata progressiva introdotta mill-Att huwa li impriżi differenti jħallsu livelli differenti ta' taxxa (espressi bħala sehem mill-fatturat annwali kumplessiv tagħhom) skont id-daqs tagħhom u, peress li l-ammont ta' fatturat li tagħmel impriża huwa korrelatat sa ċertu punt mad-daqs ta' dik l-impriża. Madankollu, l-objettiv iddikjarat tal-kontribuzzjoni għas-saħħa huwa li jinġabru fondi għas-sistema tal-kura tas-saħħa u li tiżdied il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa fl-Ungerija fid-dawl tal-fatt li t-tipjip għandu rwol prominenti fl-iżvilupp ta' diversi mard u jikkontribwixxi b'mod sinfikanti f'aktar spejjeż tas-saħħa. Il-Kummissjoni tqis li l-istruttura tar-rata progressiva tal-kontribuzzjoni għas-saħħa ma tirriflettix ir-relazzjoni bejn il-ġenerazzjoni ta' effetti negattivi dwar is-saħħa min-negozjanti u mill-produtturi tal-prodotti tat-tabakk u l-fatturat tagħhom.

(34)

Fid-dawl ta' dak l-objettiv, il-Kummissjoni tqis li l-operaturi kollha soġġetti għall-kontribuzzjoni għas-saħħa huma f'sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli, irrispettivament mil-livell ta' fatturat tagħhom, u l-Ungerija ma pprovdiet l-ebda ġustifikazzjoni konvinċenti dwar id-diskriminazzjoni bejn dawk it-tipi ta' impriżi f'dak li għandu x'jaqsam mal-imposta fuq il-kontribuzzjoni tas-saħħa. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għall-premessi minn (42) sa (48) ta' hawn taħt. Għalhekk, l-Ungerija deliberatament fasslet il-kontribuzzjoni għas-saħħa b'tali mod li tiffavorixxi b'mod arbitrarju ċerti impriżi, jiġifieri dawk b'livell ta' fatturat aktar baxx (u b'hekk impriżi iżgħar), u tpoġġi impriżi oħrajn fi żvantaġġ jiġifieri l-impriżi ikbar (14).

(35)

Għalhekk, is-sistema ta' referenza hija deliberatament selettiva b'tali mod li mhijiex iġġustifikata fid-dawl tal-objettiv tal-kontribuzzjoni għas-saħħa, jiġifieri li jinġabru fondi għas-sistema tas-saħħa Ungeriża. Għaldaqstant, is-sistema ta' referenza xierqa f'dan il-każ hija l-impożizzjoni ta' kontribuzzjoni għas-saħħa fuq l-impriżi li joperaw fl-Ungerija fuq il-bażi tal-fatturat tagħhom, bla ma l-istruttura tar-rata progressiva tkun parti minn dik is-sistema.

4.1.3.2.   Deroga mis-sistema ta' referenza

(36)

Bħala t-tieni stadju, hemm bżonn li jiġi stabbilit jekk il-miżura tidderogax mis-sistema ta' referenza favur ċerti impriżi li huma f'sitwazzjoni fattwali u legali simili fid-dawl tal-objettiv intrinsiku tas-sistema ta' referenza.

(37)

Kif spjegat fil-premessa 31, l-objettiv intrinsiku tat-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa huwa li tiġi ffinanzjata s-sistema tal-kura tas-saħħa u li tiżdied il-kwalità tas-servizzi tal-kura tas-saħħa fl-Ungerija. Kif spjegat f'aktar dettall fil-premessa 34, l-operaturi kollha involuti fil-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti tat-tabakk għandhom jitqiesu li huma f'sitwazzjoni legali u fattwali kumparabbli fid-dawl ta' dak l-objettiv, irrispettivament mid-daqs u mil-livell tal-fatturat tagħhom.

(38)

Għalhekk, il-progressività tal-istruttura tar-rata tal-kontribuzzjoni għas-saħħa toħloq differenza fost l-impriżi li jkomplu l-attività tal-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti tat-tabakk fl-Ungerija fuq il-bażi tad-daqs tagħhom.

(39)

Tabilħaqq, minħabba n-natura progressiva tar-rati stabbiliti mill-Att, l-impriżi b'fatturat li jaqa' fil-kategoriji l-aktar baxxi huma soġġetti għal tassazzjoni sostanzjalment aktar baxxa mill-impriżi b'fatturat li jaqa' f'kategoriji ogħla. Dan jirriżulta fl-impriżi b'fatturat baxx ikunu soġġetti kemm għal rati tat-taxxa marġinali sostanzjalment aktar baxxi kif ukoll għal rati tat-taxxa medji sostanzjalment aktar baxxi meta mqabblin ma' impriżi b'livelli ta' fatturat għoljin, u għalhekk għal tassazzjoni sostanzjalment baxxa għall-istess attivitajiet. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-istruttura tar-rata progressiva introdotta mill-Att tagħti deroga mis-sistema ta' referenza li tikkonsisti fl-impożizzjoni ta' kontribuzzjoni għas-saħħa fuq l-operaturi kollha involuti fil-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti tat-tabakk fl-Ungerija favur l-impriżi b'fatturat aktar baxx.

(40)

Bl-istess mod, il-possibbiltà li jitnaqqas l-obbligu tat-taxxa ta' impriża skont l-Att sa 80 % fil-każ ta' investiment tagħmel differenza bejn impriżi li jkunu għamlu investimenti u impriżi li ma jkunux għamlu investimenti. Madankollu, fid-dawl tal-objettiv intrinsiku tat-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa identifikat hawn fuq, l-impriżi li jkunu għamlu investimenti u l-impriżi li ma jkunux għamlu investimenti jkunu f'sitwazzjoni fattwali u legali kumparabbli, peress li l-fatt li impriża tagħmel investimenti ma jagħmel xejn għat-tnaqqis tal-esternalitajiet negattivi kkawżati mit-tipjip. Għall-kuntrarju, il-possibbiltà ta' tnaqqis ta' obbligu tat-taxxa ta' impriża fil-każ ta' investimenti, li għandu l-għan li jżid il-kapaċità tal-produzzjoni u tal-kummerċ tal-impriża, jidher li huwa inkonsistenti mal-objettiv intrinsiku tat-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet tal-Att li jipprovdu għat-tnaqqis tal-obbligu tat-taxxa fil-każ ta' investiment jagħmlu differenza bejn l-impriżi li huma f'sitwazzjoni fattwali u legali kumparabbli fid-dawl tal-objettiv intrinsiku tal-kontribuzzjoni għas-saħħa u b'hekk toħloq deroga mis-sistema ta' referenza.

(41)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri huma selettivi prima facie.

4.1.3.3.   Ġustifikazzjoni

(42)

Miżura li tagħti deroga mis-sistema ta' referenza mhijiex selettiva jekk tkun iġġustifikata min-natura jew mill-iskema ġenerali ta' dik is-sistema. Dan huwa l-każ fejn hija r-riżultat ta' mekkaniżmi inerenti neċessarji għall-funzjonament u l-effettività tas-sistema (15). Huwa l-Istat Membru li għandu jipprovdi tali ġustifikazzjoni. Għal dan il-għan, l-objettivi tal-politika esterna — bħall-objettivi tal-politika reġjonali, ambjentali jew industrijali — ma jistgħux jintużaw bħala raġuni mill-Istati Membri sabiex jiġġustifikaw it-trattament differenzjat tal-impriżi skont ċertu reġim.

(43)

L-awtoritajiet Ungeriżi argumentaw li l-kontribuzzjoni għas-saħħa hija dovuta fuq il-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti li jikkawżaw riskju għas-saħħa u mhijiex marbuta mal-profitt tal-operaturi ekonomiċi, filwaqt li r-rata tat-taxxa hija aġġustata għall-kapaċità ta' tagħbija tal-entitajiet taxxabbli. Skont l-awtoritajiet Ungeriżi, l-abbiltà li jħallsu u l-livell tar-riskju ġġenerat mill-impriżi huma riflessi mis-sehem tas-suq tagħhom u mit-tmexxija tas-suq u b'hekk, mir-rwol tagħhom orjentat lejn il-prezzijiet aktar milli mill-profittabilità tagħhom. Il-profitt, bħala l-bażi tal-kontribuzzjoni, huwa l-inqas fattur adattat għall-espressjoni tad-dannu għas-saħħa ġġenerat mis-suġġetti tal-kontribuzzjoni permezz tal-attività tagħhom. Barra minn hekk, meta mqabblin ma' impriżi b'fatturat baxx, l-impriżi b'fatturat u sehem tas-suq aktar sinifikanti huma aktar kapaċi jinfluwenzaw is-suq ta' prodott milli d-differenza bejn il-livelli tal-fatturat tagħhom. Għalhekk, fid-dawl tal-objettiv tal-kontribuzzjoni, dan jinvolvi wkoll li operatur ekonomiku li jakkwista fatturat ogħla fis-suq tal-prodotti tat-tabakk jiġġenera wkoll ħafna aktar effetti negattivi fuq is-saħħa relatati mat-tipjip.

(44)

F'dan il-każ, minħabba ż-żidiet relattivi sostanzjali tar-rata tat-taxxa progressiva, il-Kummissjoni ma tqisx li l-abbiltà li jsir il-ħlas tista' sservi bħala prinċipju ta' gwida għat-tassazzjoni bbażata fuq il-fatturat. Għall-kuntrarju tat-taxxi bbażati fuq il-profitt (16), taxxa bbażata fuq il-fatturat ma tqisx l-ispejjeż imġarrba fil-ġenerazzjoni tal-fatturat. Għalhekk, fin-nuqqas ta' evidenza speċifika li turi l-kontra, jidher dubjuż li s-sempliċi ammont tal-fatturat iġġenerat bħala tali — irrispettivament mill-ispejjeż imġarrba — jirrifletti l-abbiltà li l-impriża kapaċi tħallas. Barra minn hekk, il-Kummissjoni mhijiex konvinta li, meta mqabblin ma' impriżi b'fatturat aktar baxx, l-impriżi b'fatturat aktar sinifikanti huma kapaċi jinfluwenzaw is-suq tal-prodotti u awtomatikament jiġġeneraw aktar effetti negattivi fuq is-saħħa relatati mat-tipjip sal-punt li l-applikazzjoni tar-rati tat-taxxa progressivi tiġi ġġustifikata fir-rigward tal-fatturat, kif adottat taħt l-Att.

(45)

Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li, anke jekk l-abbiltà li jsir il-ħlas u l-effetti negattivi fuq is-saħħa jistgħu jitqiesu bħala prinċipji inerenti tal-fatturat ibbażat fuq il-kontribuzzjoni għas-saħħa, dan jiġġustifika biss rata tat-taxxa lineari, kemm-il darba jintwera li l-abbiltà li jsir il-ħlas u l-ġenerazzjoni tal-effetti negattivi fuq is-saħħa jiżdiedu b'mod progressiv b'żieda fil-fatturat. Il-Kummissjoni tqis li r-rati progressivi għat-taxxi fuq il-fatturat jistgħu jkunu ġġustifikati biss jekk l-objettiv speċifiku segwit minn taxxa tabilħaqq ikun jeħtieġ rati progressivi, jiġifieri, pereżempju, jekk jintwera li l-esternalitajiet maħluqa minn attività li t-taxxa hija mistennija li tindirizza jiżdiedu wkoll b'mod progressiv. Il-mudell tal-progressività jeħtieġ li jiġi ġġustifikat ukoll. B'mod partikolari, jeħtieġ li jiġi spjegat għaliex fatturat ogħla minn HUF 60 biljun għandu 22 darba l-effett fuq is-saħħa ta' fatturat inqas minn HUF 30 biljun. L-ebda ġustifikazzjoni bħal din ma ngħatat mill-Ungerija.

(46)

Il-Kummissjoni mhijiex konvinta li d-dannu għas-saħħa kkawżat mill-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti tat-tabakk jiżdied b'mod progressiv bil-fatturat iġġenerat u skont iż-żidiet fir-rata tat-taxxa applikabbli taħt il-miżura. Barra minn hekk, il-kundizzjoni li l-fatturat li jiġi mill-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti tat-tabakk ikun mill-inqas sa 50 % tat-total tal-fatturat annwali ġġenerat mill-impriża li għandu jkun soġġett għall-kontribuzzjoni tas-saħħa tidher ukoll li tikkontradixxi l-ġustifikazzjoni tal-progressività tat-taxxa abbażi tal-effetti tal-prodotti tat-tabakk fuq is-saħħa. Fid-dawl tal-objettiv tat-taxxa, dan ir-rekwiżit ifisser li l-prodotti tat-tabakk li jitqiegħdu fis-suq minn kumpaniji li l-fatturat tagħhom miksub mill-produzzjoni ta' u mill-kummerċ tal-prodotti tat-tabakk jammonta għal inqas minn 50 % ma jkollhomx effetti negattivi fuq is-saħħa bħall-prodotti li jitqiegħdu fis-suq minn kumpaniji bi proporzjon ogħla tal-prodotti tat-tabakk fil-fatturat tagħhom. Għalhekk, dan ir-rekwiżit jidher li huwa inkonsistenti mal-allegat objettiv tal-miżura.

(47)

Fir-rigward tat-tnaqqis tal-obbligu tat-taxxa fil-każ ta' investimenti, dan ma jistax jiġi ġġustifikat skont in-natura u lanqas skont l-iskema ġenerali tas-sistema tat-taxxa. Il-Kummissjoni tqis il-possibbiltà li tnaqqas l-obbligu tat-taxxa sa 80 % fil-każ ta' investiment li jkun inkonsistenti mal-objettiv intrinsiku tat-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa. L-objettiv tat-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa huwa li jinħolqu fondi għas-sistema tas-saħħa u li tiżdied il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa minħabba l-fatt li t-tipjip għandu rwol ewlieni fl-iżvilupp ta' diversi mard u jikkontribwixxi b'mod sinifikanti f'aktar spejjeż relatati mas-saħħa. Għalhekk, il-Kummissjoni ssib li l-possibbiltà li jitnaqqas l-obbligu tat-taxxa fil-każ ta' investiment, bil-għan li żżid il-kapaċità tal-produzzjoni u tal-kummerċ tal-impriża, hija inkonsistenti ma' dak l-objettiv, peress li, kif diġà ddikjarat fil-premessa (40), tali investimenti jżidu aktar malajr il-kapaċità tal-produzzjoni u tal-kummerċ tal-impriża u b'hekk l-esternalitajiet negattivi li t-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa tfittex li tindirizza. Barra minn hekk, kontribuzzjoni bbażata fuq it-tassazzjoni tal-fatturat ma għandhiex tqis kwalunkwe spiża.

(48)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tqisx li l-miżuri għandhom jiġu ġġustifikati mill-għamla u mill-iskema ġenerali tas-sistema tat-taxxa. Għalhekk, il-miżuri għandhom jitqiesu li jagħtu vantaġġ selettiv lill-impriżi tat-tabakk b'livell ta' fatturat aktar baxx (u b'hekk impriżi iżgħar) u lill-impriżi li jkunu għamlu investimenti eliġibbli għal tnaqqis tal-obbligu tat-taxxa tagħhom skont it-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa.

4.1.4.   It-tfixkil tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ intern tal-Unjoni

(49)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, miżura trid tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni u jkollha effett fuq il-kummerċ intern tal-Unjoni sabiex tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Il-miżuri japplikaw għall-impriżi kollha li l-fatturat tagħhom jiġi mill-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti tat-tabakk fl-Ungerija. L-industrija tat-tabakk Ungeriża hija miftuħa għall-kompetizzjoni u hija kkaratterizzata mill-preżenza ta' operaturi minn Stati Membri oħrajn kif ukoll minn operaturi internazzjonali, sabiex kwalunkwe għajnuna favur ċerti operaturi tal-industrija tista' taffettwa l-kummerċ intern tal-Unjoni. Sal-punt li l-miżuri jeħilsu lill-impriżi b'livelli ta' fatturat aktar baxxi u lill-impriżi milli jagħmlu investimenti eliġibbli minn obbligu tat-taxxa li kien ikollhom iħallsu, li kieku kienu soġġetti għall-istess kontribuzzjoni għas-saħħa bħall-impriżi b'livell għoli ta' fatturat u l-impriżi li ma jagħmlux investimenti, l-għajnuna mogħtija taħt dawn il-miżuri tikkostitwixxi għajnuna operattiva jiġifieri teħles lill-impriżi minn ħlas li normalment ikollhom iħallsu fil-ġestjoni jew fl-attivitajiet tagħhom ta' kuljum. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b'mod konsistenti li l-għajnuna operattiva tfixkel il-kompetizzjoni (17), għalhekk kwalunkwe għajnuna mogħtija lil dawk l-impriżi għandha titqies li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi ssaħħaħ il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom fis-suq tat-tabakk Ungeriż. Għaldaqstant, il-miżuri jfixklu jew jheddu li jfixklu l-kompetizzjoni u jkollhom effett fuq il-kummerċ intern tal-Unjoni.

4.1.5.   Konklużjoni

(50)

Peress li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat huma ssodisfati, il-Kummissjoni tqis li t-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa fuq l-impriżi tal-industrija tat-tabakk li tistabbilixxi struttura tat-taxxa progressiva għall-impriżi tat-tabakk u t-tnaqqis tal-obbligu tat-taxxa bil-kundizzjoni li jsiru ċerti investimenti tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira ta' dik id-dispożizzjoni.

4.2.   Il-kompatibilità tal-għajnuna mas-suq intern

(51)

Għajnuna mill-Istat għandha titqies kompatibbli mas-suq intern jekk taqa' fi ħdan waħda mill-kategoriji elenkati fl-Artikolu 107(2) tat-Trattat (18) u tista' titqies kompatibbli mas-suq intern jekk tinstab mill-Kummissjoni bħala waħda li taqa' taħt xi waħda mill-kategoriji elenkati fl-Artikolu 107(3) tat-Trattat (19). Madankollu, huwa l-Istat Membru li jagħti l-għajnuna li għandu l-oneru li jagħti prova li l-għajnuna mill-Istat mogħtija minnu hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107(2) jew 107(3) tat-Trattat (20).

(52)

Il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Ungeriżi ma pprovdewx argumenti rigward għaliex il-miżuri jkunu kompatibbli mas-suq intern u li l-Ungerija ma kkummentatx dwar id-dubji espressi fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżuri. Il-Kummissjoni tqis li ma tapplika l-ebda waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fid-dispożizzjonijiet ta' hawn fuq tat-Trattat, peress li l-miżuri ma jidhrux li huma mmirati sabiex jintlaħaq wieħed mill-objettivi elenkati f'dawk id-dispożizzjonijiet. Għaldaqstant, il-miżuri ma jistgħux jiġu ddikjarati inkompatibbli mas-suq intern.

4.3.   Irkupru tal-għajnuna

(53)

Il-kontribuzzjoni għas-saħħa tal-impriżi tal-industrija tat-tabakk qatt ma ġiet innotifikata jew ġiet iddikjarata kompatibbli mas-suq intern mill-Kummissjoni. Peress li l-istruttura progressiva tal-kontribuzzjoni għas-saħħa u d-dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis tal-obbligu tat-taxxa bil-kundizzjoni li jsiru ċerti investimenti jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għajnuna ġdida skont it-tifsira tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (21) li ddaħħlu fis-seħħ bi ksur tal-obbligu ta' status quo stipulat fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat, dawk il-miżuri jikkostitwixxu wkoll għajnuna illegali skont it-tifsira tal-Artikolu 1(f) tar-Regolament (UE) 2015/1589.

(54)

Il-konsegwenza tas-sejba li l-miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli hija li l-għajnuna trid tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjarji tagħha skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2015/1589.

(55)

Madankollu, bħala riżultat tal-inġunzjoni ta' sospensjoni maħruġa mill-Kumissjoni fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, l-Ungerija kkonfermat li kienet issospendiet l-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni għas-saħħa fuq l-impriżi tat-tabakk.

(56)

Għalhekk, effettivament ma ngħatat l-ebda għajnuna mill-Istat taħt il-miżuri. Għalhekk, ma hemmx bżonn ta' rkupru.

5.   KONKLUŻJONI

(57)

Il-Kummissjoni ssib li t-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa fuq l-impriżi tal-industrija tat-tabakk li tistabbilixxi struttura tat-taxxa progressiva għal-impriżi tat-tabakk u t-tnaqqis tal-obbligu tat-taxxa bil-kundizzjoni li jsiru ċerti investimenti tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u li l-Ungerija implimentat b'mod illegali l-għajnuna inkwistjoni bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

(58)

Din id-Deċiżjoni ma tippreġudikax l-investigazzjonijiet possibbli fil-konformità tal-miżuri mal-libertajiet fundamentali stabbiliti fit-Trattat, b'mod partikolari l-libertà ta' stabbiliment kif iggarantit mill-Artikolu 49 tat-Trattat,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-istruttura ta' rata tat-taxxa progressiva għall-impriżi tat-tabakk u d-dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis tal-obbligu tat-taxxa, bil-kundizzjoni li jsiru ċerti investimenti, introdotti mill-Ungerija permezz tal-Att XCIV tal-2014 dwar il-kontribuzzjoni għas-saħħa tal-impriżi tal-industrija tat-tabakk, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewoprea, li ddaħħlu fis-seħħ mhux skont il-liġi mill-Ungerija bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

Artikolu 2

L-għajnuna individwali mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 ma tikkostitwixxi l-ebda għajnuna jekk, fiż-żmien li tingħata, hija tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti minn Regolament li ġie adottat skont l-Artikolu 2 tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 (22) jew (UE) 2015/1588 (23) skont liema minnhom ikun applikabbli fiż-żmien meta tingħata l-għajnuna.

Artikolu 3

L-għajnuna individwali mogħtija mill-iskema msemmija fl-Artikolu 1 li, fi żmien li tingħata, tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti minn Regolament adottat skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 994/98, revokat u sostitwit mir-Regolament (UE) 2015/1588, jew minn kwalunkwe skema ta' għajnuna oħra approvata hija kompatibbli mas-suq intern, sal-intensitajiet massimi tal-għajnuna applikabbli għal dik it-tip ta' għajnuna.

Artikolu 4

L-Ungerija għandha tikkanċella l-pagamenti pendenti kollha tal-għajnuna taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 b'effett mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

L-Ungerija għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tkun implimentata fi żmien erba' xhur wara d-data ta' notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

1.   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta' din id-Deċiżjoni, l-Ungerija għandha tissottometti deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li tkun diġà ħadet u ppjanat sabiex tirrispetta din id-Deċiżjoni;

2.   L-Ungerija għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali li jkunu ttieħdu sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni. Għandha tissottometti minnufih, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li tkun diġà ħadet u ppjanat sabiex tirrispetta din id-Deċiżjoni.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Lulju 2016.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 277, 21.8.2015, p. 24.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(3)  Cf. In-nota 1 f'qiegħ il-paġna.

(4)  Skont dan l-Att, “investiment” jinkludi x-xiri jew il-ħolqien ta' assi tanġibbli, il-produzzjoni ta' assi tanġibbli mill-intrapriża tal-persuna nnifisha, l-attività mwettqa sabiex jiġi installat jew jintuża l-ass tanġibbli mixtri għall-għan maħsub tiegħu sal-installazzjoni jew l-ewwel użu normali tiegħu (trasport, żdoganar tal-merkanzija, attività intermedjarja, tqegħid tal-pedamenti, installazzjoni u kwalunkwe attività relatata max-xiri tal-ass tanġibbli, inkluż id-disinn, it-tħejjija, l-arranġament, is-self u l-assigurazzjoni); l-investimenti jinkludu wkoll attivitajiet li jirriżultaw fit-titjib ta' ass tanġibbli eżistenti, il-bidla tal-għan tiegħu, il-konverżjoni tiegħu jew iż-żieda diretta taż-żmien tal-utilità jew tal-kapaċità tiegħu, flimkien mal-attivitajiet l-oħrajn elenkati hawn fuq u relatati ma' tali attività.

(5)  Il-Kawża C-83/98 P Franza vs Ladbroke Racing Ltd u l-Kummissjoni EU:C:2000:248, paragrafi 48 sa 51. Bl-istess mod, miżura li tippermetti li ċerti impriżi jiksbu tnaqqis fit-taxxa jew li jipposponu l-pagamenti tat-taxxa normalment dovuta tista' tkun għajnuna mill-Istat, ara l-Kawżi Magħquda C-78/08 sa C-80/08 Paint Graphos u Oħrajn, paragrafu 46.

(6)  Il-Kawża C-143/99 Adria-Wien Pipeline, EU: C: 2001:598, paragrafu 38.

(7)  Ara l-Kawża C-66/02, l-Italja vs il-Kummissjoni, EU: C: 2005:768, il-paragrafu 78; il-Kawża C-222/04, Cassa di Risparmio di Firenze u Oħrajn, EU: C: 2006:8, il-paragrafu 132; il-Kawża C-522/13, Ministerio de Defensa u Navantia, EU: C: 2014:2262, il-paragrafi 21 u 31. Ara wkoll il-punt 9 tal-avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri relatati ma' tassazzjoni diretta tan-negozju (ĠU C 384, 10.12.1998, p. 3).

(8)  Il-Kawżi Magħquda C-393/04 u C-41/05, Air Liquide Industries Belgium EU: C: 2006:403 u EU: C: 2006:216, il-paragrafu 30 u l-Kawża C-387/92 Banco Exterior de España EU: C: 1994:100, il-paragrafu 14.

(9)  Ara, pereżempju, il-Kawża C-279/08 P il-Kummissjoni vs in-Netherlands (NOx) EU:C:2011:551; il-Kawża C-143/99 Adria-Wien Pipeline EU: C: 2001:598, il-Kawżi Magħquda C-78/08 sa C-80/08, Paint Graphos u oħrajn EU:C:2011;550, il-Kawża C-308/01 GIL Insurance EU:C:2004:252.

(10)  Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri relatati ma' tassazzjoni diretta tan-negozju.

(11)  Il-Kawżi Magħquda C-106/09 P u C-107/09 P Il-Kummissjoni u Spanja vs Il-Gvern ta' Ġibiltà u r-Renju Unit EU:C:2011:732.

(12)  Ibid, paragrafu 92.

(13)  Il-Kawża C-487/06 P British Aggregates vs Il-Kummissjoni EU:C:2008:757, paragrafi 85 u 89 u l-ġurisprudenza ċċitata, u l-Kawża C-279/08 P Il-Kummissjoni vs in-Netherlands (NOx) EU:C:2011:551, paragrafu 51.

(14)  Il-Kawżi Magħquda C-106/09 P u C-107/09 P Il-Kummissjoni u Spanja vs Il-Gvern ta' Ġibiltà u r-Renju Unit EU:C:2011:732. Permezz ta' analoġija, ara wkoll il-Kawża C-385/12 Hervis Sport- és Divatkereskedelmi Kft. EU:C:2014:47, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat: “L-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE jridu jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta' Stat Membru dwar taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ bl-imnut tal-ħwienet, li tobbliga lill-persuni taxxabbli li jikkostitwixxu, fi ħdan grupp ta' kumpanniji, “impriżi marbutin”, fis-sens ta' din il-leġiżlazzjoni, li jgħoddu flimkien id-dħul mill-bejgħ tagħhom sabiex tiġi applikata rata progressiva ħafna, u li sussegwentement jaqsmu l-ammont tat-taxxa hekk miksub bejniethom bi prorata skont id-dħul mill-bejgħ reali tagħhom, meta — u dan huwa fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju — il-persuni taxxabbli li jiffurmaw parti minn grupp ta' kumpanniji u li jaqgħu taħt l-ogħla parti tat-taxxa speċjali huma “marbuta”, fil-parti l-kbira tal-każijiet, ma' kumpanniji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stat Membru ieħor.”

(15)  Ara, pereżempju, il-Kawżi Magħquda C-78/08 sa C-80/08 Paint Graphos u oħrajn EU:C:2011:550, il-paragrafu 69.

(16)  Ara l-avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri relatati ma' tassazzjoni diretta tan-negozju, il-paragrafu 24. Id-dikjarazzjoni dwar l-iskop ridistributtiv li jista' jiġġustifika rata tat-taxxa progressiva hija magħmula biss b'mod espliċitu fir-rigward ta' taxxi fuq profitti jew dħul (nett), u mhux fir-rigward ta' taxxi fuq il-fatturat.

(17)  Il-Kawża C-172/03 Heiser EU:C:2005:130, il-paragrafu 55. Ara wkoll il-Kawża C-494/06 P il-Kummissjoni vs l-Italja u Wam EU:C:2009:272, il-paragrafu 54 u l-ġurisprudenza ċċitata u C-271/13 P Rousse Industry vs il-Kummissjoni EU:C:2014:175, il-paragrafu 44. Il-Kawżi Magħquda C-71/09 P, C-73/09 P u C-76/09 P Comitato 'Venezia vuole vivere' u Oħrajn vs il-Kummissjoni EU:C:2011:368, il-paragrafu 136. Ara wkoll il-Kawża C-156/98 il-Ġermanja vs il-Kummissjoni EU:C:2000:467, il-paragrafu 30, u l-ġurisprudenza ċċitata.

(18)  L-eċċezzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 107(2) tat-TFUE jikkonċernaw: (a) għajnuna ta' bixra soċjali mogħtija lil konsumaturi individwali; (b) għajnuna sabiex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkaġunata minn diżastri naturali jew avvenimenti eċċezzjonali; u (c) għajnuna mogħtija lil ċerti żoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

(19)  L-eċċezzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 107(3) tat-TFUE jikkonċernaw: (a) għajnuna għall-promozzjoni tal-iżvilupp ta' ċerti żoni; (b) għajnuna għal ċerti proġetti importanti ta' interess Ewropew komuni jew sabiex tirrimedja għal disturb serju fl-ekonomija tal-Istat Membru; (c) għajnuna sabiex jiġu żviluppati ċerti attivitajiet jew oqsma ekonomiċi; (d) għajnuna sabiex jiġu promossi l-kultura u l-konservazzjoni tal-wirt storiku; u (e) għajnuna speċifikata minn deċiżjoni tal-Kunsill.

(20)  Kawża T-68/03 Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il-Kummissjoni EU:T:2007:253, paragrafu 34.

(21)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).

(22)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċertu kategoriji ta' għajnuna mill-Istat orizzontali (ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1).

(23)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 tat-13 ta' Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta' għajnuna mill-Istat orizzontali (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 1).