1.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 268/82


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1754

tad-29 ta' Settembru 2016

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 78(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Abbażi tal-Artikolu 78(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Kunsill adotta żewġ Deċiżjonijiet li jistabbilixxu miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja. Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 (2), 40 000 applikant għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu rilokati mill-Italja u l-Greċja lejn l-Istati Membri l-oħra. Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 (3), 120 000 applikant għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu rilokati mill-Italja u l-Greċja lejn l-Istati Membri l-oħra.

(2)

Skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1601, mis-26 ta' Settembru 2016, 54 000 applikant għandhom jiġu rilokati mill-Italja u l-Greċja lejn it-territorju ta' Stati Membri oħra, sakemm, skont l-Artikolu 4(3) ta' dik id-Deċiżjoni, sa dik id-data l-Kummissjoni tkun għamlet proposta biex tallokahom lil Stat Membru benefiċjarju partikolari li qed jiffaċċja sitwazzjoni ta' emerġenza kkaratterizzata minn influss mhux mistenni ta' persuni.

(3)

L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tanalizza b'mod kostanti s-sitwazzjoni rigward l-influssi massivi ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fi Stati Membri. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta, kif ikun adatt, proposti biex din id-Deċiżjoni tiġi emendata biex jittieħed kont tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fuq il-post u tal-impatt tagħha fuq il-mekkaniżmu ta' rilokazzjoni, kif ukoll tal-evoluzzjoni tal-pressjoni fuq l-Istati Membri, b'mod partikolari l-Istati Membri l-aktar esposti.

(4)

Bil-għan li tintemm il-migrazzjoni irregolari mit-Turkija lejn l-UE, fit-18 ta' Marzu 2016 (4), l-UE u t-Turkija qablu dwar għadd ta' punti ta' azzjoni, inkluż li jirrisistemaw, għal kull Sirjan riammess fit-Turkija mill-gżejjer Griegi, Sirjan ieħor mit-Turkija fl-Istati Membri, fil-qafas tal-impenji eżistenti. Ir-risistemazzjoni skont dak il-mekkaniżmu għall-ewwel ser issir billi jiġu rispettati l-impenji meħuda mill-Istati Membri fil-konklużjonijiet tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill fl-20 ta' Lulju 2015. Kwalunkwe ħtieġa ulterjuri għal risistemazzjoni għandha ssir permezz ta' arranġament volontarju simili sa limitu ta' 54 000 persuna addizzjonali billi jkun permess li kwalunkwe impenn ta' risistemazzjoni meħud fil-qafas ta' dak l-arranġament jiġi kkumpensat mill-postijiet mhux allokati skont id-Deċiżjoni (UE) 2015/1601.

(5)

Huwa mistenni li r-risistemazzjoni, l-ammissjoni umanitarja jew forom oħra ta' ammissjoni legali mit-Turkija skont skemi nazzjonali u multilaterali jtaffu l-pressjoni migratorja fuq l-Istati Membri li huma benefiċjarji tar-rilokazzjoni skont id-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 billi jipprovdu mezz legali u sikur biex wieħed jidħol fl-Unjoni u billi jiskoraġġixxu d-dħul irregolari. Għalhekk, l-isforzi ta' solidarjetà tal-Istati Membri li jikkonsistu mill-ammissjoni volontarja fit-territorju tagħhom ta' ċittadini Sirjani li jinsabu fit-Turkija li għandhom bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali għandhom jitqiesu fir-rigward tal-54 000 applikant għall- protezzjoni internazzjonali msemmija hawn fuq. In-numru ta' persuni li jiġu ammessi minn Stat Membru b'dan il-mod mit-Turkija għandu jitnaqqas min-numru ta' persuni li għandhom jiġu rilokati f'dak l-Istat Membru skont id-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 fir-rigward ta' dawk l-54 000 applikant.

(6)

Il-mekkaniżmi għall-ammissjoni jistgħu jinkludu r-risistemazzjoni, l-ammissjoni umanitarja jew mezzi legali oħra għall-ammissjoni ta' ċittadini Sirjani li jinsabu fit-Turkija li għandhom bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali, bħal programmi ta' viża umanitarja, trasferiment umanitarju, programmi ta' riunifikazzjoni mal-familja, proġetti ta' sponsorizzazzjoni privat, programmi ta' boroż ta' studju, skemi ta' mobbiltà tax-xogħol u oħrajn.

(7)

L-impenji li l-Istati Membri ħadu bħala parti mill-iskema ta' risistemazzjoni li kien hemm qbil dwarhom fil-Konklużjonijiet tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2015 m'għandhomx jiġu affettwati minn din id-Deċiżjoni u m'għandhomx jgħoddu biex jintlaħqu l-obbligi skont id-Deċiżjoni (UE) 2015/1601. Għalhekk, Stat Membru li jagħżel li jilħaq l-obbligi tiegħu skont id-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 permezz tal-ammissjoni ta' Sirjani preżenti fit-Turkija permezz tar-risistemazzjoni, m'għandux ikun jista' jikkunsidra dak l-isforz bħala parti mill-impenn tiegħu skont l-iskema ta' risistemazzjoni tal-20 ta' Lulju 2015.

(8)

Sabiex jiġi żgurat monitoraġġ tajjeb tas-sitwazzjoni, ladarba Stat Membru jagħmel din l-għażla, għandu kull xahar jirrapporta lill-Kummissjoni dwar is-Sirjani li jinsabu fit-Turkija li ġew ammessi fit-territorju tiegħu skont l-għażla prevista f'din l-emenda li tispeċifika taħt liema skema, nazzjonali jew multilaterali, il-persuna ġiet ammessa u l-forma ta' ammissjoni legali.

(9)

Minħabba li l-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(10)

Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(11)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u t-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, ir-Renju Unit mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(12)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u t-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 u 4a ta' dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(13)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u t-TFUE, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(14)

Fid-dawl tal-urġenza tas-sitwazzjoni, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1601, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Fir-rigward tar-rilokazzjoni tal-applikanti msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jissodisfaw l-obbligi tagħhom bl-ammissjoni fit-territorju tagħhom ta' ċittadini Sirjani li jinsabu fit-Turkija skont l-iskemi ta' ammissjoni legali nazzjonali jew multilaterali għal persuni li għandhom bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali, minbarra l-iskema ta' risistemazzjoni li kienet is-suġġett tal-Konklużjonijiet tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2015. In-numru ta' persuni ammessi b'dan il-mod minn Stat Membru għandu jwassal għal tnaqqis korrispondenti tal-obbligu tal-Istat Membru rispettiv.

L-Artikolu 10 għandu japplika mutatis mutandis għal kull ammissjoni legali bħal din li twassal għal tnaqqis tal-obbligu ta' rilokazzjoni.

L-Istati Membri li jagħżlu li jużaw l-għażla prevista f'dan il-paragrafu, għandhom jirrapportaw kull xahar lill-Kummissjoni dwar in-numru ta' persuni legalment ammessi għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, fejn jiġi indikat it-tip ta' skema li taħtha saret l-ammissjoni u l-forma ta' ammissjoni legali użata.”.

Artikolu 2

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sas-26 ta' Settembru 2017.

3.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-persuni kollha li, għall-finijiet tal-paragrafu 3a tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1601, ġew ammessi fl-Istati Membri mit-territorju tat-Turkija mill-1 ta' Mejju 2016.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Settembru 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

P. ŽIGA


(1)  Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 tal-14 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja (ĠU L 239, 15.9.2015, p. 146).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 80).

(4)  Id-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta' Marzu 2016.