17.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 222/52


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1385

tal-1 ta' Ottubru 2014

dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.27408 (C 24/10 (ex NN 37/10, ex CP 19/09) implimentata mill-awtoritajiet ta' Castilla-La Mancha għat-tnedija tat-televiżjoni diġitali terrestri f'żoni remoti u inqas urbanizzati ta' Castilla-La Mancha

(notifikata bid-dokument C(2014) 6846)

(It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 108(2) tiegħu,

wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

wara li talbet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet ikkwotati hawn fuq, u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fl-14 ta' Jannar 2009, il-Kummissjoni rċeviet ilment minn Radiodifusión Digital SL (minn hawn 'il quddiem, “Radiodifusión”) u fit-18 ta' Mejju 2009 rċeviet ilment ieħor minn SES Astra S.A. (minn hawn 'il quddiem, “Astra”). Iż-żewġ ilmenti kienu jittrattaw skema ta' għajnuna mill-Istat li kienu adottaw l-awtoritajiet Spanjoli fir-rigward tal-bidla minn sistema televiżiva analoga għal waħda diġitali f'żoni remoti u inqas urbanizzati ta' Spanja. L-iskema kkontestata għandha l-oriġini tagħha fil-Liġi 10/2005, tal-14 ta' Ġunju, dwar Miżuri Urġenti għall-Promozzjoni tat-Televiżjoni Diġitali Terrestri, il-Liberalizzazzjoni tat-Televiżjoni bil-Kejbil u l-Appoġġ għall-Pluraliżmu (1). Leġiżlazzjoni ulterjuri li ġiet adottata fir-rigward tal-proċess ta' tranżizzjoni għat-televiżjoni diġitali terrestri tinkludi, inter alia: id-Digriet Irjali 944/2005, tad-29 ta' Lulju 2005, li japprova l-Pjan Tekniku Nazzjonali għat-Televiżjoni Diġitali Terrestri (minn hawn 'il quddiem, il-“Pjan Tekniku Nazzjonali”) (2); id-Digriet Irjali 945/2005 tad-29 ta' Lulju 2005 li japprova r-Regolamenti Ġenerali għall-forniment tas-servizz tat-televiżjoni diġitali terrestri; l-Ordni ITC/2476/2005, tad-29 ta' Lulju, li tapprova r-Regolament tekniku u għall-forniment tas-servizz tat-televiżjoni diġitali terrestri; u kif ukoll id-Digriet Irjali 920/2006, tat-28 ta' Lulju, li japprova r-Regolamenti Ġenerali għall-forniment tas-servizz ta' xandir bir-radju u t-televiżjoni bil-kejbil.

(2)

Dawn il-miżuri jaffettwaw it-territorju kollu ta' Spanja. Madankollu, il-Kummissjoni bdiet żewġ proċeduri separati, waħda għal Spanja kollha apparti l-Komunità ta' Castilla-La Mancha u oħra speċifikament għall-Komunità ta' Castilla-La Mancha. Għalkemm il-miżura ta' għajnuna hija l-istess fiż-żewġ każijiet u toħloq l-istess problemi, Castilla-La Mancha tippreżenta xi kwistjonijiet speċifiċi li għandhom sinifikat żgħir (jew m'għandhomx sinifikat) għall-każ ġenerali. B'mod partikolari, l-ilment ta' Radiodifusión jirreferi biss għall-każ ta' Castilla-La Mancha, peress li l-gvern reġjonali ta' Castilla-La Mancha applika l-iskema ta' għajnuna b'mod differenti meta mqabbla mal-mudell segwit f'reġjuni oħra u, fil-każ ta' Castilla-La Mancha, kien neċessarju li ssir evalwazzjoni ddettaljata ta' studju ekonomiku.

(3)

Fiż-żewġ każijiet, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta' investigazzjoni formali fid-29 ta' Settembru 2010, fejn allegat li l-iskema ta' għajnuna mill-Istat tiddiskrimina bejn l-operaturi tal-pjattaforma. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ta' investigazzjoni formali (minn hawn 'il quddiem, “id-Deċiżjoni tal-ftuħ”) ġiet ippubblikata fil-11 ta' Diċembru 2010, f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3). Waslu kummenti minn tliet partijiet interessati: minn Radiodifusión, fil-11 ta' Jannar 2011, u minn Abertis u SES Astra S.A. (iktar 'il quddiem: “Astra”), fl-4 ta' Frar 2011.

(4)

Fid-19 ta' Jannar u d-9 ta' Frar 2011, il-kummenti ġew sottomessi lil Spanja, li ngħatat l-opportunità li tagħti l-opinjoni tagħha f'dan ir-rigward. Fit-18 ta' Frar 2011 u t-8 ta' Marzu 2011, ir-Rappreżentazzjoni Permanenti tar-Renju ta' Spanja ppreżentat l-osservazzjonijiet tal-Junta de Comunidades de Castilla-La Mancha (minn hawn il quddiem, “JCCM”) lill-kummenti minn partijiet terzi. Fis-27 ta' Mejju 2011 u d-9 ta' Awwissu 2012, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għall-informazzjoni lil Spanja, li rrispondiet (il-JCCM) fl-10 ta' Ġunju 2011 u fl-10 ta' Settembru 2012, rispettivament. Fl-20 ta' Awwissu 2011, il-Kummissjoni bagħtet talba għall-informazzjoni lil Radiodifusión, li rrispondiet fid-29 ta' Settembru 2011. Fl-14 ta' Ottubru 2011, il-15 ta' Novembru 2011 u s-6 ta' Diċembru 2012, il-JCCM ippreżenta informazzjoni addizzjonali fuq inizjattiva tiegħu stess. Barra minn hekk, fit-18 ta' Mejju 2011 il-Kummissjoni organizzat laqgħa mal-awtoritajiet Spanjoli u tal-JCCM.

(5)

Fil-15 ta' Mejju 2013, il-JCCM ipprovda informazzjoni dwar l-organizzazzjoni ta' sejħa għall-offerti maħsuba għall-għajnuna biex tappoġġa l-operazzjoni u l-manutenzjoni; fl-20 ta' Diċembru 2013 ipprovda informazzjoni dwar il-proċeduri ta' sanzjoni għaddejjin fi Spanja kontra Radiodifusión u l-kumpanija prinċipali tagħha INGEST u kummenti fuq id-diskussjonijiet li għaddejjin bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Spanjoli fuq il-każ tal-għajnuna mill-Istat SA.28599. Fis-6 ta' Ġunju 2014, il-JCCM ippreżenta kummenti biex juri li l-azzjonijiet tiegħu kienu konsistenti mal-“prinċipju tal-operatur fl-ekonomija tas-suq” u li rrispettaw ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku fl-UE. Barra minn hekk, kien hemm diversi skambji ta' riżultati tar-riċerka bejn il-Kummissjoni u l-JCCM.

(6)

Fl-20 ta' Ġunju 2013, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni finali negattiva dwar l-għajnuna mill-Istat SA.28599 għat-tnedija tat-televiżjoni diġitali terrestri f'żoni remoti u anqas żviluppati (ħlief f'Castilla-La Mancha) (4).

2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA

2.1.   IL-KUNTEST

2.1.1.   L-ilmentaturi

(7)

Radiodifusión huwa operatur lokali tat-telekomunikazzjoni u tal-pjattaforma tat-televiżjoni terrestri, irreġistrat fir-Reġistru tal-Operaturi tal-Comisión del Mercado de las Telecomunicaciones (minn hawn 'il quddiem, is-“CMT”) għall-ġestjoni ta' netwerk pubbliku tat-telekomunikazzjonijiet u għall-forniment ta' servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, b'mod partikolari l-għoti ta' servizzi ta' xandir bir-radju u t-televiżjoni.

(8)

Radiodifusión irrapporta li l-iskemi ta' finanzjament f'Castilla-La Mancha kienu maħsuba għal operaturi tal-pjattaforma li diġà kienu joperaw netwerk b'kopertura nazzjonali. B'dan il-mod, in-netwerks alternattivi kollha (jiġifieri, l-operaturi tan-netwerks lokali) ġew esklużi. Skont Radiodifusión, l-iskema kkontestata fixklet il-kompetizzjoni reali fil-livell lokali u l-kompetizzjoni potenzjali fil-livell reġjonali u nazzjonali.

(9)

Radiodifusión sostna wkoll li ħafna mill-fondi investiti mill-Komunità ta' Castilla-La Mancha ma kinux użati biex itejbu ċ-ċentri tax-xandir analogi diġà eżistenti imma biex jinbnew oħrajn ġodda. Radiodifusión appoġġat din l-allegazzjoni billi qabblet il-lista tal-muniċipalitajiet li rċevew fondi mal-lista ta' dawk il-kunsilli li kellhom ċentru tax-xandir analogu. Madwar 80 % tal-kunsilli benefiċjarji ma kellhomx ċentru tax-xandir analogu qabel ma ġiet implimentata l-iskema. Radiodifusión enfasizza wkoll li s-sempliċi diġitalizzazzjoni tan-netwerk terrestri ma kienx jeħtieġ kostruzzjoni massiva ta' ċentri addizzjonali. Għalhekk, l-ammont ta' fondi għat-titjib tagħhom kien għoli b'mod sproporzjonat.

(10)

Skont dak li ntqal hawn fuq, Radiodifusión iddeduċa li l-għan reali tas-sussidji ma kienx sempliċiment id-diġitalizzazzjoni tan-netwerk eżistenti iżda pjuttost li jinbena netwerk aħjar u iktar wiesa' li jippermetti lill-operaturi stabbiliti (prinċipalment TelecomCLM u Abertis) jikkompetu b'mod aktar attiv fis-suq tas-servizzi għat-trażmissjoni tax-xandara lokali u tat-televiżjoni mobbli. F'dawn iċ-ċirkustanzi, Radiodifusión ikkunsidra li mhux iġġustifikat li ma kienx sar proċess miftuħ u trasparenti għall-għoti tas-sussidji, peress li kwalunkwe operatur tan-netwerk seta' bena ċentri ġodda. Għaldaqstant, Radiodifusión jindika wkoll l-eżistenza ta' distorsjoni tas-suq għall-operaturi tan-netwerks.

(11)

It-tieni ilmentatur huwa l-operatur ta' pjattaforma satellitari SES Astra. Stabbilit fl-1985, kien l-ewwel operatur satellitari privat fl-Ewropa. Astra joffri portafoll komprensiv ta' xandir u soluzzjonijiet broadband għall-klijenti fl-Ewropa u barra mill-Ewropa. Dan ixandar u jittrażmetti programmi tat-televiżjoni u tar-radju direttament f'miljuni ta' djar, filwaqt li jipprovdi aċċess għall-Internet u servizzi ta' netwerk lil utenti pubbliċi u privati.

(12)

Astra jallega li l-miżura tikser il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika, minħabba li tappoġġa biss it-trażmissjoni terrestri għad-diġitalizzazzjoni. Biex juri li l-pjattaforma satellitari tista' tkun alternattiva reali, Astra jirreferi, b'mod partikolari, għall-każ ta' Cantabria. F'Jannar tal-2008, il-Gvern reġjonali ta' din il-komunità awtonoma organizza sejħa għall-offeri għall-estensjoni tal-kopertura tat-televiżjoni diġitali fit-territorju kollu ta' Cantabria u għażel lil Astra sabiex jipprovdi stazzjonijiet mingħajr ħlas (free-to-air) permezz tal-pjattaforma tiegħu. Madankollu, f'Novembru tal-2008, dak il-kuntratt ġie tterminat mill-gvern reġjonali. Skont Astra, l-awtoritajiet itterminaw il-kuntratt biss ladarba ġew informati li l-Gvern ċentrali kien sejjer jiffinanzja t-titjib tan-netwerk terrestri b'xandir analogu. Fil-fatt, f'ittra mibgħuta mill-awtoritajiet ta' Cantabria datata s-7 ta' Novembru 2008 spjega li r-raġuni għat-terminazzjoni tal-kuntratt kienet li, sadanittant, il-gvern ċentrali kien ħa deċiżjonijiet relatati mal-estensjoni tal-kopertura tat-televiżjoni diġitali għal Spanja kollha kemm hi (5). B'hekk, skont l-ilmentatur, il-każ ta' Cantabria juri, l-ewwel nett, li Astra jista' jikkompeti f'dak is-suq u, it-tieni, li d-deċiżjonijiet tal-gvern ċentrali rendew din il-kompetizzjoni f'waħda impossibbli.

2.1.2.   Is-settur

(13)

Il-każ jikkonċerna s-settur tax-xandir. Dan huwa settur li fih huma involuti ħafna operaturi fil-livelli differenti tal-katina ta' prodotti u servizzi tax-xandir.

(14)

Ix-xandara huma l-edituri ta' stazzjonijiet tat-televiżjoni li jixtru jew jipproduċu kontenut televiżiv intern u jiġbru kollox fi stazzjonijiet. L-istazzjonijiet imbagħad jiġu pprovduti lill-pubbliku permezz ta' diversi pjattaformi (pereżempju; satellita, DTT, kejbil, IPTV). Fi Spanja, is-servizzi tax-xandir tqiesu mil-leġiżlatur bħala servizz pubbliku u għalhekk qegħdin jiġu pprovduti kemm mix-xandara tal-Istat (RTVE) kif ukoll minn xandara privati b'konċessjonijiet mill-Istat (6). Dawn l-istazzjonijiet hekk imsejħa mingħajr ħlas jiġu pprovduti bla ħlas lit-telespettaturi. Sabiex jiġi żgurat li l-popolazzjoni tkun tista' tgawdi b'mod effettiv minn dan is-servizz pubbliku, il-liġi tagħti obbligi ta' kopertura minima kemm lill-missjoni fdata lix-xandar pubbliku kif ukoll lill-operaturi privati li għandhom il-konċessjonijiet. Konsegwentement, ix-xandara pubbliċi għandhom l-obbligu li jkopru mill-inqas 98 % tal-popolazzjoni Spanjola, filwaqt li x-xandara privati għandhom ikopru mill-inqas 96 % tal-popolazzjoni. Fi Spanja, ix-xandara nazzjonali ma għandhomx netwerk ta' xandir nazzjonali. Għaldaqstant, huma jidħlu fi ftehimiet mal-operaturi tal-pjattaforma sabiex jittrażmettu l-kontenut tagħhom u sabiex jissodisfaw l-obbligi tal-kopertura tagħhom.

(15)

Il-fornituri tat-tagħmir ta' telekomunikazzjoni huma l-manifatturi jew l-installaturi tat-tagħmir u l-infrastrutturi meħtieġa sabiex jibnu l-pjattaformi differenti.

(16)

L-operaturi tal-pjattaformi (jew l-operaturi tan-netwerks) huma l-entitajiet privati jew l-entitajiet ikkontrollati pubblikament li joperaw l-infrastruttura meħtieġa sabiex jittrasportaw u jxandru s-sinjal tal-istazzjonijiet tax-xandir. Fil-bidu nett tal-industrija tat-televiżjoni, l-unika pjattaforma li kienet disponibbli kienet il-pjattaforma terrestri b'xandir analogu. Meta t-teknoloġija żviluppat, bdew jitfaċċaw aktar pjattaformi fis-suq, jiġifieri l-pjattaforma satellitari, il-pjattaforma tal-kejbil u, l-aħħar waħda li waslet, l-IPTV (7), li tisfrutta l-konnessjoni broadband biex tittrażmetti s-sinjal tat-televiżjoni.

(17)

Fix-xandir terrestri, is-sinjal tat-televiżjoni jintbagħat minn studjo tat-televiżjoni lejn ċentru ta' trażmissjoni (“head-end”), li ġeneralment ikun jappartjeni għal u mħaddem minn operatur ta' netwerk. Is-sinjal imbagħad jiġi ttrasportat u distribwit minn ċentru ta' trażmissjoni (“head-end”) lejn iċ-ċentri tax-xandir immexxija minn operatur tan-netwerk (pereżempju; torri). Xi kultant dan it-trasport isir bis-satellita. Fl-aħħar nett, is-sinjal jiġi mxandar miċ-ċentri tax-xandir lejn id-djar. Għad-diġitalizzazzjoni tan-netwerk terrestri analogu, jeħtieġ li jinbidlu t-trażmettituri fuq l-art. Madankollu, billi s-sinjal diġitali jkopri medda aktar baxxa minn sinjal analogu u, għaldaqstant, it-teknoloġija l-ġdida teħtieġ netwerk aktar kapillari, f'xi każijiet, l-estensjoni tal-kopertura tkun teħtieġ ukoll il-bini ta' ċentri ta' trażmissjoni ġodda. It-telespettatur irid jkun mgħammar b'decoder, li jista' jkun diġà inkorporat fis-sett tat-televiżjoni.

(18)

Fix-xandir bis-satellita, is-sinjal jintbagħat lejn ċentru ta' trażmissjoni (“head-end”) u mbagħad jiġi ttrasportat lejn satellita, li xxandru fid-djar. Alternattivament, is-sinjal jista' jintbagħat direttament minn studjo tat-televiżjoni lejn is-satellita, dejjem jekk l-istudjo televiżiv ikollu t-tagħmir adegwat. It-telespettatur irid ikun mgħammar b'dixx tas-satellita u decoder. Sabiex tiżdied il-kopertura satellitari f'reġjun, fid-dar tal-klijent għandu jiġi installat it-tagħmir ta' fuq l-art. B'hekk, f'termini ta' kopertura ġeografika, il-pjattaforma tas-satellita tista' tilħaq kważi 100 % tat-territorju Spanjol, filwaqt li l-pjattaforma terrestri tkopri madwar 98 %.

2.1.3.   Sfond

(19)

Il-miżura investigata għandha tiġi eżaminata fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni tax-xandir li għaddew minnha jew li għaddejjin minnha bħalissal-pjattaformi terrestri, satellitari u tal-kejbil. Meta mqabbel max-xandir analogu, ix-xandir diġitalizzat għandu kapaċità ta' trażmissjoni akbar grazzi għal użu aktar effikaċi tal-ispettru tal-frekwenza tar-radju. Dan huwa speċjalment rilevanti għax-xandir terrestri, fejn l-ispettru tal-frekwenza disponibbli huwa limitat u, għalhekk, dan jikkompeti mat-telekomunikazzjoni mobbli minħabba li l-broadband hija skarsa. Min-naħa l-oħra, it-trażmissjoni bis-satellita għandha l-vantaġġ li topera f'medda ta' frekwenza kompletament differenti, fejn ma hemmx skarsezza ta' frekwenzi.

(20)

Il-bidla mit-televiżjoni analoga għat-televiżjoni diġitali tillibera ammont sinifikanti ta' spettru tar-radju ta' kwalità għolja f'dak li huwa magħruf bħala “d-dividend diġitali”, li għandu jkun mingħajr ħlas għat-tnedija ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika. Dan id-dividend diġitali u, b'mod partikolari, il-frekwenza ta' 790-862 MHz (“il-medda 800 MHz”), jistgħu jagħtu spinta lill-industrija tal-komunikazzjoni elettronika, filwaqt li jkollu impatt kbir fuq il-kompetittività u t-tkabbir u jipprovdi firxa wiesgħa ta' benefiċċji soċjali u kulturali (8).

(21)

Id-“dividend diġitali” jista' jinkiseb jew permezz ta' bidla minn pjattaforma terrestri għal waħda differenti, jew inkella permezz ta' bidla mix-xandir analogu għax-xandir diġitali terrestri. Barra minn hekk, tista' tiġi prevista soluzzjoni mħallta li tikkombina pjattaformi differenti (9).

(22)

Madankollu, fil-każ tax-xandir terrestri, l-iskarsezza tal-frekwenzi tibqa' toħloq problemi anki wara d-diġitalizzazzjoni. Ftit wara li saret il-bidla mit-televiżjoni analoga għat-televiżjoni diġitali f'April 2010, il-Gvern Spanjol kellu jirriloka lix-xandara mill-medda 800 MHz għal medda ta' frekwenza iktar baxxa (10). Ir-rilokazzjoni tal-multiplexes DTT assenjati lix-xandara wasslet għal spejjeż addizzjonali u għal għajnuna addizzjonali mill-Istat, kwistjoni li qiegħda teżamina bħalissal-Kummissjoni fi proċedura ta' investigazzjoni formali (11).

(23)

Fir-rigward tax-xandir televiżiv, it-trażmissjoni diġitali terrestri se tkompli ssegwi pjattaforma ta' distribuzzjoni importanti f'futur previdibbli iżda huwa probabbli li t-teknoloġija broadband, bħan-netwerks broadband tal-ġenerazzjoni li jmiss (NGA, l-akronimu bl-Ingliż) x'aktarx li ssir it-teknoloġija ewlenija tat-trażmissjoni. Madankollu, għalissa, il-kopertura ġeografika ta' tali netwerks NGA fi Spanja mhix universali.

(24)

Fi Spanja llum hemm erba' pjattaformi tax-xandir: DTT — teknoloġija diġitali terrestri (DVB-T), satellita (DVB-S), kejbil (DVB-C) u IPTV. Id-DTT hija l-pjattaforma ewlenija għall-istazzjonijiet Spanjoli privati u pubbliċi mingħajr ħlas (12). L-operatur prinċipali tan-netwerk terrestri huwa Abertis. Abertis jikkontrolla wkoll l-operatur tas-satellita Hispasat. Hemm ukoll għadd ta' operaturi tat-telekomunikazzjoni lokali li jġorru sinjali tad-DTT, li ġeneralment ikunu konnessi man-netwerk nazzjonali ta' Abertis. F'Castilla-La Mancha, l-operatur reġjonali prinċipali huwa TelecomCLM (13). Fir-rigward tal-istazzjonijiet televiżivi bi ħlas, dawn jixxandru primarjament bis-satellita, bil-kejbil u bl-IPTV. Astra u Hispasat huma l-operaturi satellitari ewlenin.

(25)

Sabiex taqleb mit-televiżjoni analoga għat-televiżjoni diġitali, bejn l-2005 u l-2008, Spanja adottat serje ta' miżuri regolatorji li kienu jikkonċernaw in-netwerk terrestri, kif deskritt fit-taqsima 2.2. L-awtoritajiet Spanjoli jaqsmu t-territorju Spanjol fi tliet żoni distinti:

i.

Żona I — li tinkludi l-maġġoranza vasta tal-popolazzjoni Spanjola, fejn l-ispejjeż tal-bidla nġarru mix-xandara — 96 % tat-territorju għax-xandara privati u 98 % għax-xandara pubbliċi. Minħabba li x-xandara ħallsu l-ispejjeż tal-bidla, fiż-Żona I ma ngħatawx għajnuniet.

ii.

Żona II — iż-żoni remoti u inqas urbanizzati li jkopru 2,5 % tal-popolazzjoni u li fl-imgħoddi kienu jirċievu stazzjonijiet pubbliċi u privati permezz tat-televiżjoni terrestri b'xandir analogu. Madankollu, billi l-bidla għat-teknoloġija diġitali tirrikjedi li jiġu mtejba ċ-ċentri ta' trażmissjoni eżistenti u jinbnew oħrajn ġodda, kien hemm bżonn ta' investimenti sinifikanti fin-netwerk terrestri. Ix-xandara privati ma kellhomx interess kummerċjali suffiċjenti fil-provvista tas-servizz fiż-Żona II u rrifjutaw li jġorru l-ispejjeż tad-diġitalizzazzjoni. Għaldaqstant, l-awtoritajiet Spanjoli stabbilixxew l-iskema ta' għajnuna mill-Istat, li qiegħda tiġi investigata bħalissa għat-tijib taċ-ċentri ta' trażmissjoni eżistenti u l-bini ta' ċentri diġitali oħrajn ġodda. Dan il-proċess kien komunement magħruf bħala “l-estensjoni tal-kopertura tad-DTT” (jiġifieri, l-estensjoni tal-kopertura tad-DTT 'il fuq minn dik li kienet obbligatorja għax-xandara kummerċjali).

iii.

Żona III — iż-żona fejn minħabba t-topografija mhuwiex possibbli li s-servizz tat-televiżjoni jiġi pprovdut permezz tal-pjattaforma terrestri u, għalhekk, minflok jiġi pprovdut bis-satellita. It-trażmissjoni tas-sinjali tat-televiżjoni mingħajr ħlas fiż-Żona III tiġi pprovduta minn Hispasat. Il-fatt li s-servizz tat-televiżjoni huwa pprovdut permezz tas-satellita jinvolvi spejjeż għall-konsumaturi, li jkollhom jakkwistaw id-dixxijiet tas-satellita u decoders.

2.2.   DESKRIZZJONI TAL-GĦAJNUNA

2.2.1.   Miżura ġenerali

(26)

L-iskema li qiegħda tiġi investigata hija bbażata fuq sistema kumplessa ta' dispożizzjonijiet legali implimentati mill-awtoritajiet ċentrali Spanjoli mill-2005. Abbażi ta' dawn id-dispożizzjonijiet, l-għajnuna mill-Istat għat-tnedija tad-DTT fiż-Żona II ingħatat fis-snin 2008-2009 mill-Komunitajiet Awtonomi u mill-kunsilli. Dawn tal-aħħar bagħtu lir-riċevituri fondi mill-baġit ċentrali u mill-baġits rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, mill-2009 'l hawn bdiet tingħata għajnuna kontinwa mill-Komunitajiet Awtonomi għall-manutenzjoni u t-tħaddim tan-netwerks fiż-Żona II.

(27)

Ir-regolamentazzjoni tat-tranżizzjoni għat-teknoloġija tat-televiżjoni diġitali bdiet meta ġiet adottata l-Liġi 10/2005 tal-14 ta' Ġunju 2005. Hija ssemmi l-ħtieġa tal-promozzjoni ta' tranżizzjoni mit-teknoloġija analoga għat-teknoloġija diġitali terrestri u talbet biex il-gvern jieħu l-miżuri xierqa sabiex jiżgura din it-tranżizzjoni.

(28)

Wara dan il-mandat, il-Kunsill tal-Ministri approva l-Pjan Tekniku Nazzjonali permezz tad-Digriet Irjali 944/2005, li ffissa d-data tad-diżattivazzjoni tax-xandir analogu fi Spanja għat-3 ta' April 2010 (14).

(29)

Fir-rigward taż-Żoni II u III, it-tnax-il dspożizzjoni addizzjonali tal-Pjan Tekniku Nazzjonali kienet diġà pprevediet il-possibbiltà li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jestendu l-kopertura fil-medda ta' bejn 96 % u 100 % tal-popolazzjoni. F'dan ir-rigward, il-Pjan Tekniku jirreferi espliċitament għat-televiżjoni diġitali terrestri (DTT) u jistabbilixxi sitt kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet lokali jistgħu jwettqu tali estensjoni ta' kopertura. Il-kondizzjoni (e) titlob li l-installazzjoni lokali tkun konformi mal-Pjan Tekniku għat-televiżjoni diġitali terrestri.

(30)

Sussegwentement, fis-7 ta' Settembru 2007, il-Kunsill tal-Ministri approva l-Pjan Nazzjonali tat-Tranżizzjoni għat-Televiżjoni Diġitali Terrestri (minn hawn 'il quddiem “il-Pjan ta' Tranżizzjoni”) (15), li jimplimenta l-Pjan Tekniku. Il-Pjan ta' Tranżizzjoni qasam it-territorju Spanjol f'disgħin proġett ta' tranżizzjoni teknika (16) u stabbilixxa skadenza għad-diżattivazzjoni tax-xandir analogu għal kull wieħed minn dawn il-proġetti.

(31)

Fid-29 ta' Frar 2008, il-Ministeru tal-Industrija, l-Enerġija u t-Turiżmu (minn hawn 'il quddiem “MIEyT”) adotta Deċiżjoni intiża biex ittejjeb l-infrastrutturi tat-telekomunikazzjoni u tistabbilixxi l-kriterji u d-distribuzzjoni tal-finanzjament tal-azzjonijiet maħsuba biex jiżviluppaw is-Soċjetà tal-Informazzjoni skont il-Pjan Avanza għall-2008 (17). Il-baġit approvat minn din id-Deċiżjoni kien jammonta għal EUR 558 miljun u kien allokat parzjalment għall-iżvilupp tal-broadband u parzjalment għad-diġitalizzazzjoni tat-televiżjoni f'żoni remoti u inqas urbanizzati ta' Spanja li jaqgħu barra mill-obbligi statutorji tax-xandara kummerċjali (18). Id-diġitalizzazzjoni f'dawk iż-żoni kienet komunement magħrufa bħala “estensjoni tal-kopertura” u sussegwentement ġiet implimentata permezz ta' serje ta' addenda għall-ftehimiet ta' qafas eżistenti (19) ffirmati mill-MIEyT u mill-Komunitajiet Awtonomi bejn Lulju u Novembru 2008 (“l-Addenda għall-Ftehimiet ta' Qafas 2006”), li ġew ippubblikati fil-Gazzetta Uffiċjali Spanjola separatament għal kull Komunità Awtonoma). Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-kliem ta' dawn il-ftehimiet jirreferi għat-teknoloġija diġitali terrestri bħala t-teknoloġija li għandha tiġi ffinanzjata. Bħala riżultat tal-ftehimiet, il-MIEyT ittrasferixxa l-fondi lill-Komunitajiet Awtonomi, li impenjaw ruħhom li jkopru l-ispejjeż operattivi li jifdal mill-baġits tagħhom. Dawn l-addenda kienu jinkludu wkoll l-obbligu tal-awtoritajiet lokali li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tat-tnax-il dispożizzjoni addizzjonali tal-Pjan Tekniku Nazzjonali.

(32)

B'mod parallel, fis-17 ta' Ottubru 2008, il-Kunsill tal-Ministri qabel li jalloka EUR 8,72 miljuni oħra għall-estensjoni u l-ikkompletar tal-kopertura tad-DTT fi ħdan il-proġetti ta' tranżizzjoni li għandhom jiġu kkompletati matul l-ewwel nofs tal-2009, jiġifieri l-ewwel fażi tal-Pjan ta' Tranżizzjoni. Il-finanzjament ingħata wara l-iffirmar ta' ftehimiet ta' qafas ġodda bejn l-MIEyT u l-Komunitajiet Awtonomi ffirmati f'Diċembru 2008 (“il-Ftehimiet ta' Qafas tal-2008”). Dawn il-ftehimiet jirreferu għall-finanzjament imsemmi qabel ta' EUR 8,72 miljun u kienu intitolati Ftehim ta' Kollaborazzjoni ta' Qafas bejn l-MITyC u l-Komunitajiet Awtonomi ta' […] għall-Iżvilupp tal-Pjan Nazzjonali għat-Tranżizzjoni għad-DTT. Huma jippreskrivu lista ta' attivitajiet li għandhom jiġu ffinanzjati mill-awtoritajiet ċentrali u reġjonali sabiex tinkiseb kopertura tat-televiżjoni diġitali li tkun ugwali għall-kopertura analoga eżistenti. Dawn l-attivitajiet huma relatati mat-tnedija tat-televiżjoni diġitali terrestri.

(33)

Fid-29 ta' Mejju 2009, il-Kunsill tal-Ministri approva l-kriterji għad-distribuzzjoni ta' EUR 52 miljun għall-finanzjament tal-azzjonijiet ta' tranżizzjoni għad-DTT, li huma maħsuba biex jiffinanzjaw l-estensjoni tal-kopertura tal-proġetti taħt il-Fażijiet II u III tal-Pjan ta' Tranżizzjoni (20). Il-ftehim tal-Kunsill tal-Ministri stabbilixxa rabta diretta mal-Pjan ta' Tranżizzjoni minħabba li ddikjara li “sabiex tintlaħaq il-mira stabbilita fil-Pjan Nazzjonali għat-Tranżizzjoni għad-DTT, jiġifieri kopertura tad-DTT simili għal dik tal-kopertura attwali tat-televiżjoni terrestri b'teknoloġija analoga, huwa meħtieġ l-appoġġ finanzjarju tal-awtoritajiet pubbliċi” u mbagħad li “l-implimentazzjoni ta' din il-kooperazzjoni sejra tiġi fformalizzata fil-qafas stabbilit mill-Pjan Nazzjonali għat-Tranżizzjoni għad-DTT”.

(34)

Fl-aħħar nett, bejn Ottubru u Diċembru 2009, l-addenda għall-Ftehimiet ta' Qafas (imsemmija fil-premessa 32), ġew ippubblikati fil-Gazzetta Uffiċjali Spanjola, inkluż il-finanzjament għall-estensjoni tal-kopertura tal-Fażijiet II u III tal-Pjan ta' Tranżizzjoni. Dawn l-addenda jiddefinixxu dak li għandu jinftiehem minn “azzjoni għall-estensjoni tal-kopertura” billi jagħmlu referenza espliċita biss għat-teknoloġija terrestri (għalkemm ma jeskludux formalment teknoloġiji oħrajn) (21).

(35)

Wara l-pubblikazzjoni tal-ftehimiet ta' qafas tal-2008 u tal-addenda msemmija fuq (22), il-gvernijiet tal-Komunitajiet Awtonomi bdew jimplimentaw l-estensjoni. Huma organizzaw is-sejħiet għall-offerti pubbliċi huma stess jew inkella qabbdu impriża pubblika sabiex tieħu ħsieb is-sejħa għall-offerti. Is-sussidji kienu parzjalment maqbula mal-MIEyT u, għalhekk, kienu ffinanzjati mill-baġit ċentrali, jew iffinanzjati parzjalment mill-Komunitajiet Awtonomi nnifishom. F'ċerti każijiet, il-Komunitajiet Awtonomi taw il-mandat lill-kunsilli tal-bliet sabiex iwettqu l-estensjoni.

2.2.2.   Implimentazzjoni tal-miżura tal-għajnuna f'Castilla-La Mancha

(36)

Għall-kuntrarju tal-maġġoranza tal-Komunitajiet Awtonomi l-oħra, l-awtoritajiet ta' Castilla-La Mancha ma organizzaw ebda sejħiet għall-offerti reġjonali għall-estensjoni tal-kopertura tat-televiżjoni diġitali. Apparentement, dan sar minħabba kwistjoni ta' pressjoni ta' żmien, peress li kellhom jiġu mtejba iktar minn 400 ċentru tax-xandir (23). Minflok, il-JCCM segwa proċedura speċifika bil-għan li jagħżel operaturi tat-telekomunikazzjoni sabiex jiġu diġitalizzati ċ-ċentri tax-xandir, stabbilita fid-Digriet 347/2008 tat-2 ta' Diċembru 2008 (minn hawn 'il quddiem, id-“Digriet”).

(37)

Id-Digriet ippreveda l-assenjazzjoni diretta tal-fondi neċessarji għad-diġitalizzazzjoni lis-sidien taċ-ċentri tat-trażmissjoni (analogi) eżistenti. Konsegwentement, ma kienx jeħtieġ proċedura ta' sejħa għall-offerti miftuħa. Il-JCCM kellu jsegwi proċedura speċjali: i) analiżi teknika taċ-ċentri li joffru kopertura analoga, ii) analiżi tal-kopertura diġitali li għandha tiġi segwita, iii) għażla taċ-ċentri tax-xandir li se jiġu diġitalizzati, iv) identifikazzjoni tas-sid taċ-ċentri tat-trażmissjoni, v) proposta mogħtija mill-Gvern reġjonali lid-detentur taċ-ċentri tat-trażmissjoni, u vi) għoti ta' sussidju.

(38)

Id-Digriet ġie applikat konsegwentement. Is-sidien taċ-ċentri tat-trażmissjoni eżistenti ġew ikkuntattjati direttament. Dawn ġew infurmati bir-rekwiżiti biex jibbenefikaw minn finanzjament pubbliku. Għandha ssir distinzjoni bejn tliet sitwazzjonijiet differenti: l-ewwel, fil-maġġoranza tal-każijiet, iċ-ċentri tat-trażmissjoni huma proprjetà tal-kunsilli, li huma responsabbli għat-tħaddim u l-manutenzjoni tagħhom. Wara li rċevew il-finanzjament tal-JCCM, ibbażat fuq offerta teknika u finanzjarja, il-kunsilli xtraw it-tagħmir diġitali għal Abertis jew TelecomCLM u ssottokuntrattaw l-installazzjoni, it-tħaddim u l-manutenzjoni tat-tagħmir lil dawn iż-żewġ impriżi. L-awtoritajiet ikkuntattjaw biss lil dawn iż-żewġ impriżi u huma biss ssottomettew proposti tekniċi biex tintalab l-għajnuna. It-tieni, f'madwar kwart tal-każijiet, iċ-ċentri maġħżulin jappartjenu direttament lil TelecomCLM jew Abertis. F'dawn il-każijiet, iż-żewġ impriżi rċevew l-għajnuna biex itejbu t-tagħmir tagħhom. It-tielet u l-aħħar nett, kellhom jinbnew xi ċentri tat-trażmissjoni ġodda. Għalkemm il-finanzjament tagħhom kien pubbliku, issa huma proprjetà ta' TelecomCLM.

(39)

Il-JCCM daħal f'147 ftehim maż-żewġ operaturi u 475 ftehim ma' kunsilli. Madwar 84 % tal-faċilitajiet koperti minn ftehimiet bħal dawn kienu faċilitajiet DTT u 16 % riċevituri bis-satellita fid-djar. Intużaw riċevituri bis-satellita biex jiżguraw kopertura tal-istazzjonijiet DTT fi bliet żgħar ħafna. Għaldaqstant, il-JCCM iddeċieda li juża l-pjattaforma satellitari ta' Hispasat (24). Fl-aħħar tal-proċess, l-informazzjoni dwar it-titjib taċ-ċentri eżistenti ġiet ippubblikata fit-tabella tal-avviżi tal-kunsilli.

(40)

Il-Kummissjoni ġiet infurmata li, b'kollox, madwar EUR 46 miljun ta' fondi pubbliċi kienu ddedikati għat-titjib taċ-ċentri tat-trażmissjoni, li minnhom EUR 32,6 miljuni ġew mgħoddija direttament lill-kunsilli, sidien ta' 355 ċentru tat-trażmissjoni (25). Il-ftehimiet bejn il-JCCM u l-kunsilli jipprovdu li dawn tal-aħħar huma responsabbli għall-kiri tal-operatur magħżul, li huwa responsabbli għall-installazzjoni u s-servizzi ta' manutenzjoni (26). Il-kunsilli għażlu diversi proċeduri tal-għażla. Xi wħud bagħtu ittri direttament lill TelecomCLM u Abertis filwaqt li oħrajn ippubblikaw l-informazzjoni fuq it-tabella tal-avviżi tal-kunsill, u stiednu lill-operaturi jissottomettu l-offerti tekniċi tagħhom.

(41)

Skont il-ftehim, il-JCCM iħallas ix-xiri ta' tagħmir diġitali, l-installazzjoni u t-tħaddim u l-manutenzjoni tiegħu matul l-ewwel sentejn ta' kull wieħed miċ-ċentri tat-trażmissjoni diġitalizzata. Peress li l-ftehim ma kienx jobbliga lill-operatur iħallas it-tħaddim u l-manutenzjoni wara dak iż-żmien, TelecomCLM ittrasferixxa t-tagħmir lill-JCCM (27). Wara dan, il-JCCM kien responsabbli għall-ħlas tat-tħaddim u l-manutenzjoni tat-tagħmir tad-DTT.

(42)

Il-Kummissjoni ġiet infurmata li, mit-total ta' EUR 46 miljun ta' fondi pubbliċi użati, mill-inqas EUR 13,5 miljun ġew trasferiti lil operaturi tal-pjattaforma: EUR 13,2 miljuni lil TelecomCLM, li għandu 138 ċentru tat-trażmissjoni, u madwar EUR 250 000 lil Abertis, li jippossjedi tlieta minnhom. TelecomCLM u Abertis iddiġitalizzaw iċ-ċentri tagħhom bit-tagħmir tagħhom stess. F'xi każijiet, it-tagħmir użat għad-diġitalizzazzjoni tar-repeaters ta' TelecomCLM jappartjeni xorta lill-awtoritajiet pubbliċi. F'dawn il-każijiet, l-operatur ma jkollux iħallas biex juża dan it-tagħmir. Barra minn hekk, l-ammont totali ta'fondi użati fis-snin 2009-2011, fir-rigward ta' tħaddim u manutenzjoni taċ-ċentri diġitalizzati (għajnuna kontinwa) kien mill-inqas EUR 6,5 miljun.

(43)

Madankollu, is-sempliċi modernizzar taċ-ċentri eżistenti ma kienx biżżejjed biex titlesta l-kopertura taż-żona ta' estensjoni. Għaldaqstant, inbnew 20 ċentru ġdid b'fondi pubbliċi. L-awtoritajiet ikkuntattjaw direttament lil TelecomCLM, mingħajr ma organizzaw sejħa għall-offerti miftuħa, biex jitolbuh iwettaq dan il-kompitu. Skont l-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni, ingħataw total ta' EUR 2,26 miljun għall-bini taċ-ċentri l-ġodda, li minnhom madwar EUR 751 000 ingħataw għall-bini ta' sitt ċentri li sussegwentement ġew trasferiti lil TelecomCLM. L-14-il ċentru li fadal għadhom proprjetà tal-kunsilli.

(44)

Finalment, kif affermat fil-premessa 39, meta rriżulta li jkun jiswa wisq biex jintuża ċentru ta' DTT, intużat minflok trażmissjoni bis-satellita. Għal dak il-għan, ġew konklużi 100 ftehim għall-installazzjoni ta' riċevituri tas-satellita fi djar partikolari. Ir-riċevituri tas-satellita jiffurmaw parti min-netwerk ta' trażmissjoni bis-satellita.

(45)

Bħala riżultat tal-proċedura, l-awtoritajiet iffirmaw total ta' 622 ftehim mal-kunsilli u l-operaturi kkonċernati. Skont l-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni, l-ammonti kienu mqassma kif ġej:

(Miljuni ta' EUR)

 

Modernizzar taċ-ċentri tat-trażmissjoni

Ċentri tat-trażmissjoni ġodda

Modernizzar tal-infrastruttura tal-kunsilli (28)

Tħaddim u manutenzjoni (29)

TelecomCLM

13,2

2,26

32,6

Għadu jrid jiġi ddeterminat

Abertis

0,25

Għadu jrid jiġi ddeterminat

Total

13,45

2,26

32,6

Mill-inqas 6,5

2.3.   IR-RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA

(46)

Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni nnotat li l-miżura deskritta kienet tidher li tissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat u, għalhekk, setgħet titqies bħala għajnuna mill-Istat. Il-miżura kkontestata tidher li tinvolvi diskriminazzjoni favur l-operaturi tal-pjattaforma terrestri, bi ksur tal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika (30). Barra minn hekk, il-miżura kkontestata tidher li tiddiskrimina lill-operaturi tal-pjattaforma li jipprovdu servizzi ta' xandir lix-xandara terrestri reġjonali u lokali, li jkun ta' vantaġġ għax-xandara u għall-operaturi ta' pjattaforma nazzjonali.

(47)

Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li l-iskema setgħet iġġenerat distorsjoni potenzjali jew reali tal-kompetizzjoni bejn il-pjattaformi satellitari u bejn il-pjattaformi terrestri. Il-Kummissjoni ma sabet ebda raġuni għala miżuri bħal dawn setgħu jkunu kompatibbli mas-suq intern, peress li deher li ma kienet tapplika ebda eċċezzjoni.

(48)

Għal aktar dettalji fattwali, jekk jogħġbok irreferi għad-Deċiżjoni tal-ftuħ, li għandha titqies bħala parti integrali minn din id-Deċiżjoni.

3.   KUMMENTI MINN SPANJA

3.1.   RIMARKI ĠENERALI

(49)

Fid-difiża tagħhom għad-Deċiżjoni tal-ftuħ, Spanja u l-Komunità Awtonoma ta' Castilla-La Mancha ppreżentaw bosta argumenti. B'mod ġenerali, dawn l-argumenti jaqgħu f'żewġ kategoriji. L-ewwel nett, l-awtoritajiet Spanjoli sostnew li ma ngħata ebda vantaġġ lir-riċevituri tal-għajnuna. It-tieni, kieku kellu jitqies li, minkejja dan, kienet ingħatat għajnuna mill-Istat, xorta kienet tkun kompatibbli (31). Dawn l-argumenti huma miġbura fil-qosor hawn taħt.

3.2.   IN-NUQQAS TA' GĦAJNUNA

3.2.1.   Ebda vantaġġ

(50)

Skont l-awtoritajiet ta' Castilla-La Mancha, il-miżura investigata ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat u ma tikkostitwix vantaġġ għall-impriżi. It-trasferimenti diretti ta' fondi ġejjin minn taħlita ta' fondi mill-Istat Spanjol u l-Komunitajiet Awtonomi lir-riċevituri li jaġixxu fil-kapaċità uffiċjali tagħhom jew bħala awtorità pubblika (32). Is-sussidji kkontestati kienu użati esklussivament għad-diġitalizzazzjoni ta' 141 ċentru ta' trażmissjoni analoga diġà eżistenti u l-bini ta' sitt ċentri ġodda. Id-diġitalizzazzjoni taċ-ċentri tat-trażmissjoni twettqet wara evalwazzjoni dettaljata ta' rapport tekniku ppreżentat mill-operaturi sidien ta' dawn iċ-ċentri. Il-ftehim mas-sidien taċ-ċentri ġie ffirmat biss fuq il-bażi ta' dawn ir-rapporti tekniċi (33). Din il-“proċedura negozjata” għandha tiġi kkunsidrata miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja, meta wieħed iqis li ġiet iddikjarata wkoll fuq it-tabella tal-avviżi tal-kunsilli (ara l-premessa 39).

(51)

L-awtoritajiet nazzjonali jargumentaw li, meta l-operaturi tal-pjattaforma rċevew finanzjament pubbliku, dan il-finanzjament kien biss għat-tħaddim u l-manutenzjoni tat-tagħmir ta' trażmissjoni elettroniku li huwa proprjetà tal-kunsilli. Il-kunsilli aġixxew bħala sempliċi fornituri u installaturi tat-tagħmir tekniku meħtieġ biex jimmodernizzaw u jadattaw dawn iċ-ċentri, iżda mhux bħala operaturi tal-pjattaforma (34). Meta jipprovdu servizzi fiż-Żona II wara l-finanzjament pubbliku, huwa biss għall-provvista tas-sinjal tat-televiżjoni terrestri bħala servizz bażiku u pubbliku.

(52)

Biex iwettqu d-diġitalizzazzjoni tan-netwerks tagħhom, l-475 kunsill ikkummissjonaw rapporti tekniċi li spiss tħejjew mill-operaturi tal-pjattaforma. Lanqas f'dan il-każ ma ngħata vantaġġ ekonomiku lill-operaturi.

(53)

Skont l-awtoritajiet nazzjonali, iċ-ċentri ta' trażmissjoni diġitalizzati li kienu jappartjenu lil TelecomCLM jew Abertis Telecom kienu jeżistu qabel l-għoti tas-sussidji kkontestati, b'tali mod li dawn is-sussidji ma kinux użati biex jiffinanzjaw l-estensjoni tan-netwerk ta' ebda wieħed miż-żewġ operaturi tan-netwerk involuti fl-estensjoni tal-kopertura DTT fiż-żona II ta' Castilla-La Mancha.

(54)

TelecomCLM u Abertis ingħataw finanzjament pubbliku biex jiddiġitalizzaw 141 ċentru tat-trażmissjoni tagħhom stess. L-awtoritajiet nazzjonali jindikaw li dan kien biss f'żoni fejn l-istess kunsilli ma kinux proprjetarji taċ-ċentri tat-trażmissjoni jew tat-trażmissjoni mill-ġdid adattati għall-estensjoni tal-kopertura DTT. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali jargumentaw li dawn l-investimenti ma tawx vantaġġ kompetittiv lil TelecomCLM u Abertis fis-swieq kontigwi bħal dawk tat-televiżjoni lokali jew is-swieq ta' Digital Video Broadcasting (DV-BH). Id-diġitalizzazzjoni taċ-ċentri ta' TelecomCLM ma ppermettietx li din l-impriża tipprovdi servizzi reġjonali lil xandara u lanqas ma żied il-kapillarità tan-netwerk tagħha biex tipprovdi tipi ġodda ta' servizzi.

(55)

L-operaturi tan-netwerk involuti fil-proċess tad-diġitalizzazzjoni tat-tliet tipi ta' ċentri ta' trażmissjoni fiż-Żona II ma kisbux vantaġġ ekonomiku. Fiċ-ċentri kollha tat-tliet tipi, is-servizzi bħall-provvista, l-installazzjoni u t-tħaddim u l-manutenzjoni tat-tagħmir tad-DTT, ġew ipprovduti mill-operaturi bil-prezz tas-suq.

3.2.2.   Nuqqas ta' diistorsjoni tal-kompetizzjoni u l-kummerċ

(56)

Ma seħħitx distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-kummerċ. Kwalunkwe operatur tat-telekomunikazzjonijiet irreġistrat fir-Reġistru tal-Kummissjoni tas-Suq tat-Telekomunikazzjoni (CMT) jista' jaġixxi bħala subappaltatur tal-kunsilli u, konsegwentement, jitlob sussidji skont id-Digriet 347/2008. Dan japplika wkoll għall-operaturi tas-satellita, kejbil jew televiżjoni u għall-operaturi kollha, indipendentement minn jekk jaġixxux fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali.

(57)

Skont l-awtoritajiet nazzjonali, il-proċess ta' għażla eżaminat kien trasparenti u ġie mwettaq kemm skont il-leġiżlazzjoni Spanjola tal-akkwist pubbliku kif ukoll dik tal-UE. L-awtoritajiet reġjonali ppubblikaw is-sussidji. Il-proċeduri kollha ta' estensjoni tad-DTT ġew ippubblikati fuq it-tabella tal-avviżi tal-kunsilli u ntbagħtu ittri lill-operaturi ewlenin tan-netwerk fir-reġjun, jiġifieri, TelecomCLM u Abertis Telecom.

(58)

Għalhekk, is-sussidji mogħtija lill-kunsilli ma saħħewx il-pożizzjoni kompetittiva ta' tip wieħed ta' operatur tan-netwerk meta mqabbla ma' operaturi kompetituri oħrajn. Il-benefiċjarji ewlenin huma l-kunsilli, filwaqt li l-operaturi tan-netwerk huma sempliċiment fornituri tat-tagħmir tat-trażmissjoni u s-servizzi ta' manutenzjoni għal perjodu massimu ta' sentejn. Radiodifusión qatt ma ġie kkuntattjat għax, dak iż-żmien, ma kien hemm xejn li jindika li kien sid ta' ċentru wieħed ta' xandir fir-reġjun.

(59)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet ta' Castilla-La Mancha jargumentaw li studjaw bir-reqqa s-soluzzjoni tal-pjattaforma satellitari bħala għażla biex tiġi estiża l-kopertura diġitali qabel il-promulgazzjoni tad-Digriet Nru 347/2008. Fi studju intern (35) ġew imqabblin żewġ teknoloġiji għall-estensjoni: DTT u satellita. L-istudju ħa inkunsiderazzjoni l-kriterji għall-għoti ta' sussidji għall-kopertura tas-sinjal diġitali fiż-Żona II. Dan jinkludi r-rekwiżit li t-tranżizzjoni għandha ssir mingħajr spejjeż addizzjonali jew inkonvenjenzi oħra għaċ-ċittadini u għandha tuża l-infrastruttura eżistenti.

(60)

L-istudju wasal għall-konklużjoni li, matul perjodu ta' 10 snin, l-ispejjeż totali marbutin mas-soluzzjoni DTT terrestri kienu bejn wieħed u ieħor bejn EUR 15,2 u 17,3 miljun filwaqt li l-għażla ta' teknoloġija satellitari tiswa aktar minn EUR 47 miljun.

(61)

L-istudju għamel diversi rakkomandazzjonijiet dwar l-aħjar metodi biex issir l-estensjoni tal-kopertura tas-sinjal DTT f'dawk il-lokalitajiet ta' Castilla-La Mancha li mhumiex inklużi fil-pjanijiet li jkopru uffiċjalment lix-xandara reġjonali u nazzjonali. Huwa evalwa wkoll l-implikazzjonijiet kollha ta' soluzzjoni satellitari għall-estensjoni tal-kopertura diġitali. Huwa kkonkluda li t-teknoloġija satellitari tiġġenera investimenti minn tliet darbiet sa sitt darbiet ikbar minn dik terrestri. Din id-differenza fl-ispejjeż ġejja direttament mill-ispejjeż assoċjati mal-kiri ta' tagħmir ta' trażmissjoni satellitari, irrispettivament mill-ispiża tad-decoder satellitari. Konsegwentement, ikun raġonevoli li wieħed jikkonkludi li l-estensjoni tas-servizz universali tad-DTT għall-popolazzjoni ta' Castilla-La Mancha ssir bit-teknoloġija DTT terrestri (36).

(62)

Barra minn hekk, il-Gvern Spanjol ippreżenta studju intern dwar il-fattibbiltà tal-provvista tas-servizz DTT universali permezz ta' DTT jew satellita, imwettaq mill-MIEyT f'Lulju 2007. L-awtoritajiet iqisu li l-istudju jikkunsidra l-ispejjeż realistiċi tal-użu tat-trażmissjoni DTT jew bis-satellita. Iż-żewġ studji huma diskussi aktar fid-dettall fit-Taqsima 5.3.2.2.

(63)

Meta ħa d-deċiżjoni li jwettaq l-estensjoni tal-kopertura DTT fiż-Żona II ta' Castilla-La Mancha, il-JCCM isostni li kkunsidra biss kriterji ta' effiċjenza teknika u ekonomika. Kwalunkwe operatur tan-netwerk — terrestri, satellitari, tal-kejbil, eċċ. — seta' ppreżenta offerta teknika, peress li l-uniku rekwiżit kien li jkun irreġistrat fir-Reġistru tas-CMT (37). Għalhekk, id-deċiżjoni kienet konformi mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika. Dan kien ikkonfermat ukoll bil-fatt li f'każijiet speċifiċi, il-JCCM għażel il-pjattaforma satellitari, żviluppata preċedentement minn Abertis, fuq bażi stretta tal-kriterji tal-analiżi tal-ispejjeż (38).

(64)

Fir-rigward tal-allegata diskriminazzjoni tal-operaturi lokali, il-JCCM jammetti li, skont l-Artikolu 4 tad-Digriet, ix-xandara huma speċifikament esklużi (indipendentement minn jekk hux f'livell nazzjonali, reġjonali jew lokali) bħala riċevituri tas-sussidji (39). Madankollu, id-Digriet ma jeskludi ebda operatur tan-netwerk.

(65)

Madankollu, skont l-awtoritajiet Spanjoli, Radiodifusión seta' pparteċipa fuq bażi ta' kundizzjonijiet ugwali mal-operaturi tan-netwerk l-oħra kollha b'diġitalizzazzjoni ta' wieħed miċ-ċentri ta' trażmissjoni tiegħu li diġà kien jittrasporta s-sinjal tat-televiżjoni analoga pubblika nazzjonali jew reġjonali. Biex jagħmel dan, seta' ffirma ftehim mal-JCCM jew seta' ppreżenta offerti lil kunsill bħala operatur ta' telekomunikazzjonijiet irreġistrat fir-Reġistru tal-Operaturi tas-CMT.

3.2.3.   Kapaċità legali tal-ilmentatur Radiodifusión u l-ksur tiegħu tal-obbligi tal-operaturi tan-netwerk f'Castilla-La Mancha

(66)

Skont il-JCCM, Radiodifusión huwa rreġistrat bħala operatur ta' telekomunikazzjonijiet fir-Reġistru tal-Operaturi tas-CMT biex jipprovdi s-servizzi li ġejjin: “Netwerk terrestri — Appoġġ għas-servizz tax-xandir fuq ir-radju u t-televiżjoni”. Madankollu, huwa jenfasizza li l-fatt li tkun irreġistrat f'dan ir-reġistru mhuwiex biżżejjed biex jiġu ssodisfati l-obbligi bħala operatur tat-telekomunikazzjonijiet f'Castilla-La Mancha stabbiliti taħt il-Liġi Nru 8/2001 ta' Castilla-La Mancha korrispondenti. Huwa speċjalment il-każ fl-obbligu tal-operaturi tar-radju li “jippreżentaw Pjan Territorjali ta' Tnedija ta' Netwerk li jinkludi l-istazzjonijiet fissi diġà eżistenti u l-previżjonijiet ta' stabbiliment u żvilupp tan-netwerk kollu tiegħu (…)”. Sal-lum, il-JCCM, ma jidhirlux li Radiodifusión ippreżenta xi Pjan Territorjali. Barra minn hekk, ma jidhirlux li Radiodifusión jaqsam infrastrutturi ma' xi operatur ieħor. Fl-aħħar nett, il-JCCM isostni li l-allegazzjoni ta' Radiodifusión li għandu kopertura ta' 60 % f'Castilla-La Mancha mhix fondata (40).

(67)

Barra minn hekk, il-JCCM jinnota li hemm impriża tal-grupp bl-istess azzjonisti bħal Radiodifusión, INGEST, Infraestructuras y Gestión 2002, S.L. (minn hawn 'il quddiem, “INGEST”), b'diversi proċeduri pendenti. Fil-każijiet kollha, INGEST hija akkużata b'okkupazzjoni illegali tal-ispettru tar-radju riservat għad-DTT nazzjonali, li l-konvenut juża biex jagħti s-sinjal tat-televiżjonijiet lokali. Barra minn hekk, Radiodifusión mhuwiex awtorizzat biex jerġa' jittrażmetti s-sinjal DTT tar-Radju-Televiżjoni ta' Castilla-La Mancha (“RTV C-LM”).

3.2.4.   Tħaddim u manutenzjoni

(68)

Skont il-JCCM, la TelecomCLM u lanqas Abertis Telecom mhuma riċevituri tal-miżuri kkontestati biex ikopru l-ispejjeż rikorrenti assoċjati mat-tħaddim u l-manutenzjoni taċ-ċentri muniċipali terrestri. L-iskop tal-ftehimiet huwa “li jiffinanzjaw l-infrastruttura meħtieġa biex jikkumplimentaw l-estensjoni u t-trażmissjoni tal-kopertura tas-sinjal ta' entitajiet u kumpaniji awtorizzati biex jipprovdu servizzi televiżivi essenzjali”. Għalhekk, jirċievu finanzjament biss l-akkwist u l-installazzjoni ta' elementi bħal tagħmir tar-radju u antenni jew elementi tal-bini. Fiż-Żona II, l-ispejjeż jitħallsu mill-kunsilli li huma s-sidien ta' dawn iċ-ċentri. L-ispejjeż stmati tat-tħaddim u l-manutenzjoni matul l-ewwel sentejn għal 516-il ċentru b'kollox jammontaw għal EUR 6,5 miljun. Konsegwentement, għall-perjodu 2010–2015 dawn l-ispejjeż jitilgħu sa madwar EUR 15-il miljun għal 516-il ċentru tul ħames snin (fuq medja ta' EUR 29 000 għal kull ċentru).

3.2.5.   Eċċezzjoni fir-rigward tal-argument ta' “Infrastruttura Ġenerali”

(69)

Skont il-JCCM, iċ-ċentri tat-trażmissjoni diġitalizzati, kemm dawk li jappartjenu lill-kunsilli kif ukoll dawk li jappartjenu lill-operaturi tan-netwerk jistgħu jiġu kkunsidrati “infrastruttura ġenerali”, jiġifieri, infrastruttura miftuħa għall-utenti potenzjali kollha fuq termini ugwali u mhux diskriminatorji. Għalhekk, l-infrastruttura diġitalizzata tippermetti r-riċeviment ta' DTT għall-utenti kollha fiż-Żona II ta' Castilla-La Mancha b'mod ugwali meta jwaqqfu t-trażmissjonijiet tat-televiżjoni analoga.

3.2.6.   Eċċezzjoni rigward il-prinċipju tal-investitur f'ekonomija tas-suq

(70)

Il-JCCM jargumenta li t-trasferiment tal-fondi pubbliċi inkwistjoni jikkonforma mal-prinċipju tal-investitur f'ekonomija tas-suq (PIEM) fuq il-bażi ta' analiżi komparattiva tal-prezzijiet tas-suq. Il-pagamenti lil TelecomCLM għal ċerti servizzi saru bi prezzijiet tas-suq.

(71)

Paragun tal-finanzjament reali u l-ħlas li kien ikollu jagħmel investitur privat f'kundizzjonijiet normali biex jikseb l-istess tip ta' servizzi jwassal lil JCCM għall-konklużjoni li l-ftehimiet kienu bbażati fuq kriterji kummerċjali oġġettivi. Konsegwentement, l-operaturi tan-netwerk ma ngħatawx vantaġġ meta mqabbla ma' dak li kieku kien jinkiseb f'kundizzjonijiet normali tas-suq. Għalhekk, huma ma rċevewx vantaġġ selettiv.

3.2.7.   Eżenzjoni fir-rigward tal-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat

(72)

Il-JCCM irrefera għall-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat tal-KE, Huwa jargumenta li din id-dispożizzjoni tista' tiġi applikata fiż-Żona II, li ma ġibditx l-interess kummerċjali tax-xandara u l-operaturi tan-netwerk. Il-kunsilli, billi pprovdew servizzi tad-DTT u esternalizzaw l-akkwist, l-installazzjoni, it-tħaddim u l-manutenzjoni tat-tagħmir tad-DTT, irrimedjaw lakuna fis-suq permezz tat-titjib konsegwenti tal-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-abitanti taż-Żona II u t-titjib ekonomiku ġenerali tal-Komunità ta' Castilla-La Mancha.

3.2.8.   Abertis bħala operatur tan-netwerk

(73)

Il-JCCM ma jaqbilx mal-argument ta' Abertis li m'għandux jitqies bħala operatur tan-netwerk fiż-Żona II. Il-JCCM jinnota li Abertis iffirma ftehimiet mal-JCCM skont id-Digriet 347/2008 għall-estensjoni tal-kopertura DTT fiż-Żona II (41). Barra minn hekk, Abertis u TelecomCLM għandhom jiġu kkunsidrati bħala operaturi tan-netwerk attivi fiż-Żona II għax jeżistu ċentri tat-trażmissjoni uffiċjali tat-televiżjoni analoga tal-RTVE u/jew Tele5 fil-każ ta' Abertis u ċentri tat-trażmissjoni uffiċjali tat-televiżjoni analoga tas-CMT, fil-każ ta' TelecomCLM.

(74)

F'diversi każijiet, it-tagħmir muniċipali diġitalizzat jinsab fiċ-ċentri li huma proprjetà ta' Abertis jew TelecomCLM. F'dawn il-każijiet, it-tagħmir tad-DTT jappartjeni lill-kunsilli korrispondenti. Abertis isostni li, peress li mhuwiex operatur tan-netwerk fiż-Żona II, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala riċevitur dirett tas-sussidji kkontestati peress li “t-tagħmir huwa proprjetà u operat minn TelecomCLM u operaturi oħra lokali” (42). Il-JCCM jemmen li din l-istqarrija hija inkorretta.

4.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

4.1.   KUMMENTI MINN RADIODIFUSIÓN DIGITAL SL

(75)

Fir-risposta tiegħu għad-Deċiżjoni tal-ftuħ tal-Kummissjoni, Radiodifusión jinnota li l-awtoritajiet Spanjoli ma fdawx formalment lir-riċevituri tal-għajnuna b'missjoni ta' interess ekonomiku ġenerali. Barra minn hekk, l-ammont tal-għajnuna għal kull ċentru kien jidher eċċessiv jekk japplika biss għal ċentri eżistenti, kif allegat mill-awtoritajiet Spanjoli. Skont Radiodifusión, l-għajnuna ġiet użata prinċipalment biex jinħolqu ċentri tat-trażmissjoni ġodda fil-Komunità kollha ta' Castilla-La Mancha u biex tinħeba għajnuna illegali

(76)

Radiodifusión jinsisti li l-awtoritajiet ta' Castilla-La Mancha taw l-għajnuna mingħajr sejħa għall-offerti u li t-trasferiment tar-riżorsi kienet selettiva għax eskludiet lill-pjattaformi bbażati fuq teknoloġiji oħrajn, bħall-kejbil jew is-satellita.

(77)

Skont Radiodifusión, TelecomCLM kiseb vantaġġi deċiżivi mill-miżuri kkontestati. Dan ġie magħżul direttament mill-awtoritajiet reġjonali, mingħajr ebda proċedura ta' għażla kompetittiva. Bħala riżultat, seta' jkabbar b'mod sinifikanti l-kopertura ġeografika tan-netwerk tiegħu f'żoni fejn, altrimenti, ħadd ma kien jinvesti. TelecomCLM ibbenefika wkoll minn nuqqas ta' superviżjoni regolatorja peress li ma kien suġġett għal ebda obbligu regolatorju li jipprovdi aċċess għan-netwerk mibnija jew imtejba reċentement. Radiodifusión jindika li d-Digriet Nru 347/2008 ddikjara li l-għan tal-għajnuna mill-Istat huwa l-ħolqien ta' ċentri ġodda ta' trażmissjoni u mhux id-diġitalizzazzjoni ta' dawk eżistenti.

(78)

Skont Radiodifusión, l-għajnuna ssaħħaħ lill-operaturi tradizzjonali fl-uniku settur tas-suq fejn hemm xi marġni għall-kompetizzjoni. B'mod partikolari, Abertis preżumibbilment seta' jirrinforza l-pożizzjoni ta' monopolju tiegħu u effettivament juża l-fondi pubbliċi sabiex jiżviluppa netwerk ġdid aktar dens li jagħtih iċ-ċans jikkompeti fi swieq ġodda.

(79)

Radiodifusión huwa konvint li l-għajnuna mill-Istat li qiegħda tiġi investigata mhijiex proporzjonali. Sabiex tkun konformi mar-rekwiżit tal-proporzjonalità, l-għajnuna għandha tapplika biss għal żoni rurali remoti u tkun ta' benefiċċju għall-operaturi kollha fuq livell ugwali, billi jiġu imposti obbligi effettivi ta' aċċess.

(80)

Fit-tweġiba tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 għal talba għal informazzjoni mill-Kummissjoni, dwar il-kwistjonijiet ta' kapaċità legali mqajma minn Spanja, Radiodifusión iddikjara li l-attività prinċipali tiegħu hija li jipprovdi servizzi lix-xandara awdjoviżivi lokali. Huwa pprovda lista tal-faċilitajiet tiegħu li jopera fi 18-il kunsill ta' Castilla-La Mancha. Skont Radiodifusión, madankollu, l-istess faċilitajiet setgħu jintużaw biex ixerrdu trażmissjonijiet nazzjonali u reġjonali u, għalhekk, setgħu ġew użati kieku tħallew jikkompetu għall-għajnuna.

4.2.   IL-KUMMENTI TA' ASTRA

(81)

Fl-għażla diretta tal-pjattaforma terrestri, Astra jikkunsidra li l-miżura, inkluża l-għajnuna kontinwa għat-tħaddim u l-manutenzjoni, tikser il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika. Astra jenfasizza li t-trażmissjoni bis-satellita kienet tkun irħas mid-DTT fiż-Żona II (43), kif wera b'mod ċar is-suċċess ta' Astra fis-sejħa għall-offerti ta' Cantabria. Minħabba l-ekonomiji ta' skala importanti tagħha, is-soluzzjoni bis-satellita kienet tippermetti saħansitra ffrankar akbar fl-ispejjeż li kieku diversi reġjuni kellhom jikkoordinaw l-għażla tagħhom ta' pjattaforma fiż-Żona II. Anki jekk, għal raġunijiet kostituzzjonali, il-Gvern Spanjol ma kienx f'pożizzjoni li jimponi li jkun hemm sinerġiji interreġjonali bħala kundizzjoni għall-għoti tal-fondi, ir-reġjuni setgħu għamlu dan huma stess. B'dan il-mod biss il-gvernijiet reġjonali setgħu jiżguraw li jkunu għażlu l-aktar soluzzjoni kosteffikaċi għall-kontribwenti tagħhom.

(82)

Meta jiġu mqabbla l-pjattaformi differenti, minbarra l-ispejjeż diretti tal-installazzjoni, skont Astra għandhom jiġu kkunsidrati wkoll effetti pożittivi oħrajn li kien ikollha s-soluzzjoni bis-satellita. Il-proċess ta' tranżizzjoni kien ikun ferm aktar sempliċi u inqas għali. L-udjenza tat-televiżjoni kienet tibbenefika minn perjodu ta' tranżizzjoni “simultanja” li matulu kienet tirċievi stazzjonijiet kemm permezz tas-satellita kif ukoll terrestri. Minħabba l-iskarsezza tal-medda fin-netwerk terrestri u l-ħtieġa li tiġi rilaxxata aktar kapaċità għas-servizzi ta' telekomunikazzjoni fil-futur, fil-każ tan-netwerk terrestri jinqalgħu spejjeż oħra għad-djar u għax-xandara. Il-bidliet futuri tal-medda jeħtieġu li r-residenti taż-Żona II jadattaw l-antenni tagħhom. Ix-xandara għandhom jiffaċċaw aktar spejjeż f'perjodi simultanji oħrajn. Dawn l-ispejjeż ma kinux iseħħu li kieku għażlu t-teknoloġija bis-satellita.

(83)

Astra jinsisti li l-operaturi tan-netwerk ma kisbux vantaġġ permezz tal-miżura. B'mod partikolari, id-diġitalizzazzjoni tan-netwerk tiffavorixxi l-offerta kummerċjali ta' Abertis lix-xandara peress li n-netwerk DTT issa jilħaq kważi 100 % tal-popolazzjoni mingħajr ħlas addizzjonali.

(84)

Fir-rigward tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, Astra jqis li l-pjattaformi satellitari u terrestri jappartjenu għall-istess swieq. Ma hemm ebda distinzjoni stretta bejn televiżjoni bi ħlas u mingħajr ħlas, għall-inqas f'dak li jirrigwarda l-kompetizzjoni tal-pjattaforma. Diġà jeżistu diversi stazzjonijiet bi ħlas li joffru s-sinjal tagħhom permezz tal-pjattaforma DTT, u, apparti wieħed, huma offruti wkoll fit-trażmissjoni bis-satellita.

(85)

Rigward il-vantaġġi potenzjali għall-pjattaformi satellitari, Astra jindirizza partikolarment il-ħtieġa li tiġi żgurata il-kundizzjonalità tal-aċċess u l-kriptazzjoni. Il-ħarsien tal-IPRs ma joħloq ebda problema għax-xandara bis-satellita għal stazzjonijiet mingħajr ħlas. Din it-teknoloġija diġà qed tintuża bħalissa f'ħafna stazzjonijiet bi ħlas fuq il-pjattaforma satellitari. Barra minn hekk, is-soluzzjoni proposta f'Cantabria għall-aċċess kundizzjonali ġiet aċċettata mill-awtoritajiet ta' Cantabria, li setgħu jiddeċiedu liema utenti jagħmlu l-attivazzjoni sabiex jirċievu s-servizz.

4.3.   KUMMENTI MINN ABERTIS

4.3.1.   Eżistenza ta' għajnuna mill-Istat

(86)

Abertis jikkunsidra li l-miżura kkontestata biex testendi l-kopertura fiż-Żona II ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(87)

L-ewwel nett, it-trasferimenti investigati kienu sempliċiment trasferimenti tal-Istat ċentrali maħsuba għall-immodernizzar taċ-ċentri tat-trażmissjoni, li, jew jappartjenu direttament lill-Awtorità Pubblika jew inkella l-Awtorità hija s-sid tad-drittijiet għall-użu. Għalhekk, ma jkun hemm l-ebda trasferiment ta' fondi mill-Istat lil ebda impriża: il-fondi baqgħu fil-amministrazzjoni statali.

(88)

It-tieni, Abertis jenfasizza li l-operaturi tan-netwerk ma bbenefikawx mill-miżuri kkontestati. Abertis ma jistax jiġi kkunsidrat bħala benefiċjarju peress li mhuwiex operatur tan-netwerk fiż-Żona II u ma joperax in-netwerk użat biex jestendi d-DTT f'Castilla-La Mancha. TelecomCLM huwa s-sid u l-operatur, inter alia, tat-tagħmir ikkonċernat.

(89)

It-tielet, fir-rigward tan-newtralità teknoloġika, Abertis jenfasizza li l-miżura kkontestata ma tagħmilx il-kompetizzjoni bejn il-pjattaformi aktar diffiċli peress li ż-żieda marġinali fil-kopertura tad-DTT fiż-Żona II ma għandha l-ebda impatt ekonomiku fuq iż-Żona I. Barra minn hekk, id-diġitalizzazzjoni taż-Żona II ma taffettwax il-prezz li jista' jiġi kopert minn Abertis għas-servizzi ta' trażmissjoni tiegħu. Fil-fatt, il-prezzijiet tiegħu huma rregolati u bbażati fuq il-kapital u l-ispejjeż operattivi tiegħu. Fir-rigward ta' TelecomCLM, il-faċilitajiet saru proprjetà tal-Komunità Awtonoma ta' Castilla-La Mancha. Il-Komunità tikkontrolla wkoll lill-operatur tan-netwerk reġjonali TelecomCLM.

(90)

Ir-raba', il-miżura kkontestata ma jibbenefikawx minnha x-xandara għax ma jiżdiedx id-dħul tagħhom wara d-diġitalizzazzjoni taż-Żona II. Il-fornituri tat-tagħmir tat-telekomunikazzjoni lanqas ma jistgħu jitqiesu bħala riċevituri indiretti tal-miżura, peress li l-istruttura kompetittiva tas-suq għal tagħmir tat-telekomunikazzjoni ma ġietx affettwata jew distorta mis-sempliċi akkwist ta' tagħmir għall-modernizzazzjoni taċ-ċentri ta' trażmissjoni analoga għal teknoloġija diġitali.

(91)

Il-ħames, Abertis iqis li l-miżura kkontestata ma kellha ebda effett sostanzjali fuq il-kompetizzjoni bejn l-operaturi tan-netwerks. Għalkemm Radiodifusión kien ibbenefika mill-miżura, ma setax jikkompeti ma' Abertis fuq livell nazzjonali minħabba li ċ-ċentri operati minn Radiodifusión ma kinux jikkorrispondu għaċ-ċentri meħtieġa għaż-Żona I, bħal fi kwalunkwe ċentru ieħor fiż-Żona II.

(92)

Is-sitt, jekk jiġi meqjus li din tikkostitwixxi għajnuna, skont Abertis, tkun għajnuna eżistenti. It-tnedija tan-netwerks tax-xandir fiż-Żona II bdiet fl-1982, f'settur tax-xandir mhux liberalizzat. Dak iż-żmien, l-Istat Spanjol kellu monopolju legali fis-suq għax-xandir terrestri. Il-fondi pubbliċi issa qegħdin jintużaw għall-finanzjament tal-installazzjoni, il-manutenzjoni u t-tħaddim tan-netwerks lokali fiż-Żona II implimentati qabel il-liberalizzazzjoni ta' dan is-settur. Għaldaqstant, il-miżura investigata hija l-għajnuna eżistenti u kontinwa.

(93)

Fir-rigward tal-kompatibbiltà skont l-Artikolu 106(2), Abertis jgħid li huwa improbabbli li TelecomCLM u operaturi oħrajn tan-netwerk lokali jaqbżu l-limiti tal-volum tan-negozju medju annwali qabel it-taxxa ta' EUR 100 miljun matul is-sentejn finanzjarji qabel is-sena li fiha ngħata s-SGEI u l-kumpens annwali għas-servizz inkwistjoni ta' EUR 30 miljun.

(94)

Barra minn hekk, kwalunkwe għajnuna potenzjali għandha tkun kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat. Il-miżuri adottati mill-awtoritajiet Spanjoli għandhom l-għan li jħaffu l-proċess tal-bidla għat-teknoloġija diġitali fi Spanja, li kien rikonoxxut bħala objettiv ta' interess komuni. L-għajnuna kienet strument xieraq, billi d-DTT hija teknoloġija aktar adattata sabiex tipprovdi l-estensjoni tal-kopertura (44). Minbarra għar-raġunijiet ekonomiċi, Abertis jinnota wkoll li x-xandara qegħdin joqogħdu lura milli jużaw pjattaformi satellitari minħabba r-restrizzjonijiet li qegħdin jiffaċċaw l-istess xandara meta jiġu biex jiksbu d-drittijiet fuq il-kontenut għall-programmi mingħajr ħlas tagħhom. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, huma jiksbu biss id-dritt li jxandru l-kontenut fuq pjattaforma speċifika, jiġifieri d-DTT, minħabba li din it-teknoloġija tippermetti trażmissjoni mmirata u limitazzjonijiet ġeografiċi. Barra minn hekk, il-miżuri huma proporzjonati, ladarba huma jkopru biss l-ispejjeż strettament meħtieġa għall-bidla mix-xandir analogu għas-servizzi tat-televiżjoni diġitali fiż-Żona II.

4.4.   IL-KUMMENTI MIX-XANDARA

(95)

Ix-xandara jsostnu li l-miżura ma tistax titqies bħala għajnuna mill-Istat minħabba li hija ma tat ebda vantaġġ finanzjarju fuq xi impriża jew oħra, b'mod partikolari lix-xandara. Il-miżuri ma żidux l-udjenzi tax-xandara, meta mqabbla ma' meta dawn kienu jxandru bis-sistema analoga. Barra minn hekk, ir-residenti fiż-żoni b'kopertura estiża, jiġifieri ż-żoni rurali, remoti u b'popolazzjoni baxxa, ma jħallu ebda impatt fuq is-suq tar-reklamar u mhumiex parti mill-udjenza fil-mira tax-xandara. F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-operaturi privati ma żidux it-tariffi tar-reklamar bħala riżultat tal-estensjoni.

(96)

Ix-xandara esprimew ukoll il-fehma li huma ma kellhom ebda interess fl-immigrazzjoni għal pjattaforma satellitari, fejn il-programmi tagħhom isibu ruħhom jiffaċċaw kompetizzjoni minn mijiet ta' stazzjonijiet. Il-pjattaforma terrestri għandha l-vantaġġ tal-kapaċità limitata, li għax-xandara mingħajr ħlas tfisser inqas kompetizzjoni. Barra minn hekk, huma enfasizzaw il-fatt li ġeneralment huma jixtru l-kontenut biss għal pjattaforma speċifika, f'dan il-każ dik terrestri. Dan minħabba li x-xandir terrestri jiggarantixxi d-delimitazzjoni ġeografika tax-xandiriet, li mhuwiex il-każ għas-satellita.

(97)

Ix-xandara nsistew ukoll li wara l-assenjazzjoni tas-sejħa għall-offerti ta' Cantabria lil Astra, huma informaw lill-awtoritajiet ta' din il-komunità awtonoma li kienu sejrin jopponu x-xandir bis-satellita, minħabba li huma kienu kisbu d-drittijiet sabiex ixandru l-kontenut biss permezz tal-pjattaforma terrestri.

5.   VALUTAZZJONI LEGALI

5.1.   IL-BAŻI LEGALI TAL-GĦAJNUNA

(98)

Kif ġie deskritt fid-dettall aktar 'il fuq fil-premessi 26 sa 44 tat-taqsima 2.2, u pprovdut fid-dettall fid-Deċiżjoni relatata mal-kawża SA.28599 — televiżjoni diġitali terrestri fi Spanja (45), il-qafas legali għall-bidla diġitali fi Spanja huwa xibka kumplessa ta' diversi atti maħruġa kemm mill-Gvern ċentrali u mill-Komunitajiet Awtonomi kif ukoll mill-awtoritajiet lokali fuq perjodu ta' erba' snin. Il-Pjan Tekniku Nazzjonali għad-DTT tal-2005 u l-Pjan ta' Tranżizzjoni għad-DTT tal-2007 primarjament jirregolaw it-tranżizzjoni għad-DTT fiż-Żona I, iżda huma jistabbilixxu wkoll il-bażi għal miżuri ta' estensjoni ulterjuri fiż-Żona II. Dawn il-miżuri ta' estensjoni ġew implimentati mill-awtoritajiet reġjonali wara l-konklużjoni ta' bosta ftehimiet ta' qafas mal-Gvern ċentrali (il-Ftehimiet ta' Qafas tal-2008) u addenda fl-2008 għall-Ftehimiet ta' Qafas preċedenti tal-2006 u fl-2009 għall-Ftehimiet ta' Qafas tal-2008.

(99)

B'riżultat tal-konklużjoni ta' dawn il-ftehimiet u addenda, l-awtoritajiet reġjonali u/jew lokali żviluppaw firxa wiesgħa ta' miżuri mmirati biex jestendu l-kopertura tad-DTT fiż-Żona II. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li d-diversi atti adottati fil-livell ċentrali u l-ftehimiet konklużi u emendati bejn l-MIEyT u l-Komunitajiet Awtonomi jikkostitwixxu l-bażi tal-iskema ta' għajnuna għall-estensjoni tal-kopertura fiż-Żona II. Dawn l-atti u ftehimiet wasslu lill-Komunitajiet Awtonomi biex jieħdu miżuri li ma kinux teknoloġikament newtrali (46).

(100)

Filwaqt li l-Pjan Tekniku Nazzjonali jirregola l-bidla għad-DTT fiż-Żona I, huwa jagħti wkoll mandat lill-awtoritajiet lokali sabiex jistabbilixxu, b'kooperazzjoni mal-Komunitajiet Awtonomi, ċentri ta' trażmissjoni addizzjonali, meħtieġa biex tiġi żgurata r-reċezzjoni tad-DTT fiż-Żona II. B'hekk, f'dak iż-żmien, il-Gvern ċentrali kien diġà ppreveda l-estensjoni tal-kopertura tad-DTT. Il-mandat inkluż fl-att legali prinċipali li jirregola l-bidla għat-televiżjoni diġitali jirreferi biss għall-pjattaforma terrestri. Għaldaqstant, fil-prattika, il-Komunitajiet Awtonomi implimentaw il-linji gwida tal-Gvern ċentrali dwar l-estensjoni tad-DTT (47).

(101)

Il-mument meta ġiet effettivament żborżata l-għajnuna mill-Istat għat-tnedija tad-DTT fiż-Żona II kien immarkat permezz tat-trasferiment ta' fondi mill-awtoritajiet ċentrali u reġjonali lill-benefiċjarji. Dan seħħ wara perjodu ta' żmien, li varja minn Komunità Awtonoma għall-oħra. Fir-rigward tal-għajnuna kontinwa għat-tħaddim u l-manutenzjoni tan-netwerks, ġie deċiż fil-livell tal-Komunitajiet Awtonomi.

(102)

Fil-każ ta' Castilla-La Mancha, kif ġie spjegat fid-dettall fil-premessi 36 sa 45, ġie magħżul proċess differenti. Għall-kuntrarju tal-maġġoranza tal-komunitajiet awtonomi l-oħrajn, ma sarux sejħiet għall-offerti reġjonali għall-estensjoni tal-kopertura tat-televiżjoni diġitali, iżda d-Digriet 347/2008 tat-2 ta' Diċembru 2008, ippreveda l-allokazzjoni diretta tal-fondi meħtieġa għad-diġitalizzazzjoni lis-sidien taċ-ċentri tat-trażmissjoni (analoga) eżistenti. Konsegwentement, il-JCCM ma użax proċedura ta' sejħa għall-offerti miftuħa iżda, minflok, għażel l-operaturi tat-telekomunikazzjoni direttament. Dawn l-impriżi wettqu wkoll kompiti ta' tħaddim u manutenzjoni.

(103)

Fil-każijiet meta ċ-ċentri tat-trażmissjoni kienu proprjetà diretta ta' TelecomCLM jew Abertis, dawn l-impriżi rċevew l-għajnuna biex jimmodernizzaw it-tagħmir tagħhom. Fil-każijiet meta kellhom jinbnew ċentri ta' trażmissjoni ġodda, dawn ġew iffinanzjati permezz ta' fondi pubbliċi, iżda TelecomCLM kien il-proprjetarju. Fl-aħħar nett, f'ħafna mill-każijiet, iċ-ċentri tat-trażmissjoni analoga huma proprjetà tal-kunsilli. Dawn tal-aħħar xtraw it-tagħmir diġitali lil Abertis jew TelecomCLM u esternalizzaw l-installazzjoni, it-tħaddim u l-manutenzjoni tat-tagħmir lil dawn iż-żewġ impriżi.

5.2.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT SKONT L-ARTIKOLU 107(1) TAT-TRATTAT

5.2.1.   Il-preżenza tal-għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat

(104)

Il-miżura kkonċernata, inkluża l-għajnuna kontinwa għat-tħaddim u l-manutenzjoni, tista' tiġi kkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, li jippreskrivi l-kundizzjonijiet li ġejjin għall-preżenza tal-għajnuna mill-Istat. L-ewwel, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta' fondi mill-Istat. It-tieni, l-intervent għandu jagħti vantaġġ ekonomiku selettiv lir-riċevitur. It-tielet, dan għandu joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Ir-raba', l-intervent għandu jkun jista' jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

5.2.1.1.   Fondi mill-Istat u imputabbli lill-Istat

(105)

Il-miżura kkonċernata toriġina mis-sistema tal-atti legali deskritta hawn fuq, li ġiet adottata kemm fil-livell ċentrali kif ukoll fil-livell reġjonali jew lokali, kif ukoll mill-ftehimiet li ġew konklużi bejn l-MIEyT u l-awtoritajiet ta' Castilla-La Mancha. Castilla-La Mancha ma kkontestatx il-konklużjoni tad-Deċiżjoni tal-ftuħ li l-miżura kienet iffinanzjata mir-riżorsi baġitarji. Madankollu, l-awtoritajiet Spanjoli insistew li tali miżura kienet iffinanzjata kemm mill-baġit ċentrali kif ukoll mill-baġits reġjonali u muniċipali. Hija esprimiet ukoll il-fehma li l-miżura kkonċernata kienet fil-fatt sempliċi trasferiment ta' fondi bejn amministrazzjonijiet differenti. Għaldaqstant, Castilla-La Mancha rrikonoxxiet li l-fondi ġew parzjalment mill-baġit ċentrali. Barra minn hekk, il-miżura ma kinitx sempliċi trasferiment ta' fondi bejn l-amministrazzjonijiet, minħabba li, fl-aħħar mill-aħħar, il-fondi ntużaw għat-tnedija tan-netwerk tad-DTT mill-entitajiet li wettqu attività ekonomika (kif ġie spjegat fit-taqsima 5.2.1.2).

(106)

F'dawn iċ-ċirkostanzi, ġie konkluż li l-miżura inkwistjoni kienet iffinanzjata direttament mill-baġit tal-Istat u mill-baġits tal-kunsilli differenti u tal-Komunità Awtonoma. L-għajnuna kontinwa ma kinitx iffinanzjata mill-baġit tal-Istat ċentrali, iżda mill-baġit tal-Komunità Awtonoma.

(107)

Peress li l-miżura hija ffinanzjata mill-Istat, fil-livell ċentrali kif ukoll dak reġjonali jew lokali, hija attribwibbli għall-Istat u tinvolvi l-użu tal-fondi mill-Istat.

5.2.1.2.   Vantaġġ ekonomiku għall-entitajiet li jwettqu attività ekonomika

(108)

Abertis, li hija kkwotata fil-borża fi Spanja, hija impriża internazzjonali involuta fil-ġestjoni tal-pedaġġi tal-awtostradi u l-infrastrutturi tat-telekomunikazzjoni terrestri u bis-satellita. Hija preżenti fi tnax-il pajjiż fl-Ewropa u l-Amerika, u madwar żewġ terzi tad-dħul tal-grupp huma ġġenerati barra minn Spanja. Abertis Telecom tippossjedi u topera infrastrutturi tat-telekomunikazzjoni fi Spanja. Hija għandha wkoll l-akbar netwerk taċ-ċentri għat-tqassim u t-trażmissjoni tar-radju u tat-televiżjoni fi Spanja. TelecomCLM, S.A. huwa operatur tat-telekomunikazzjoni reġjonali li jipprovdi servizzi f'Castilla-La Mancha. Fost is-servizzi tiegħu hemm it-trasport, il-kontribuzzjoni u d-distribuzzjoni ta' sinjali tar-radju u t-televiżjoni; iż-żamma ta' tagħmir u sistemi ta' antenni; l-użu konġunt ta' infrastrutturi; u l-manutenzjoni integrali tal-infrastrutturi. Il-kumpanija tipprovdi servizzi lill-operaturi lokali, reġjonali u nazzjonali. […].

(109)

Il-miżura inkwistjoni tinvolvi trasferiment ta' fondi mill-Istat lil ċerti impriżi. Għalkemm il-kunċett ta' impriża mhuwiex definit mit-Trattat, huwa jirreferi għal kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, irrispettivament mill-istatus legali u l-finanzjament tagħha, li twettaq attività ekonomika. Fil-prattika tal-Kummissjoni, kif ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja, it-tħaddim tan-netwerks ta' trażmissjoni tat-televiżjoni jitqies bħala attività ekonomika (48), b'mod simili għal każijiet oħrajn li jinvolvu l-ġestjoni tal-infrastrutturi mill-awtoritajiet reġjonali (49). Fil-każ inkwistjoni, l-impriżi pubbliċi huma rreġistrati fir-reġistru tas-CMT bħala operaturi tan-netwerks. Dan jissuġġerixxi li huma jipprovdu ċerti servizzi li, skont il-prattika stabbilita, jikkostitwixxu attività ekonomika. Suq ikun jeżisti jekk, bħalma jiġri f'dan il-każ, ikun hemm operaturi oħrajn li jkunu jridu jew jistgħu jipprovdu s-servizz ikkonċernat. Pereżempju, l-operatur Astra organizza bosta laqgħat mal-Komunitajiet Awtonomi qabel l-implimentazzjoni tal-estensjoni tal-kopertura fiż-Żona II sabiex ikun jista' jippreżentalhom l-offerta tiegħu. Barra minn hekk, f'Marzu 2008, Astra pparteċipa u rebaħ sejħa għall-offerti teknoloġikament newtrali għall-provvista ta' servizz tat-televiżjoni diġitali fiż-Żona II u fiż-Żona III, liema sejħa għall-offerti kienet ġiet ippubblikata f'Cantabria. Il-fatt li l-impriżi pubbliċi u l-kunsilli tal-bliet ma jirċievu ebda rimunerazzjoni għas-servizzi pprovduti ma jipprekludix l-attivitajiet ikkonċernati milli jitqiesu bħala attività ekonomika (50).

(110)

Il-Kummissjoni ma taqbilx mal-argument ta' Spanja li l-operat tan-netwerk terrestri mill-Komunitajiet Awtonomi, mill-impriżi pubbiċi u mill-kunsilli tal-bliet jaqa' fi ħdan l-eżerċizzju ta' setgħat uffiċjali bħala awtorità pubblika u, għalhekk, jaqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 107 tat-Trattat. Ġie rikonoxxut li l-attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju tal-prerogattivi tal-Istat mill-Istat innifsu jew mill-awtoritajiet li jiffunzjonaw fil-limiti tal-awtorità pubblika tagħhom ma jikkostitwixxu ebda attività ekonomika għall-finijiet tar-regoli tal-kompetizzjoni (51). Jista' jiġi kkunsidrat li din l-eċċezzjoni tinkorpora attivitajiet bħal dawk li jifformaw parti mill-funzjonijiet essenzjali tal-Istat jew li huma konnessi ma' dawk il-funzjonijiet min-natura tagħhom, skont l-għan tagħhom u r-regoli li huma soġġetti għalihom. Il-każistika tal-Qrati pprovdiet bosta eżempji ta' attivitajiet li jaqgħu fi ħdan din il-kategorija, biex b'hekk tistabbilixxi linja diviżorja bejn l-attivitajiet purament tal-Istat u l-attivitajiet kummerċjali li tista' tipparteċipa fihom entità tal-Istat. Din il-lista tinkludi attivitajiet relatati mal-militar jew il-pulizija, il-manutenzjoni u t-titjib tas-sigurtà fin-navigazzjoni tal-ajru, il-kontroll tat-traffiku tal-ajru (52); il-viġilanza kontra t-tniġġis, li hija kompitu fl-interess pubbliku li jifforma parti mill-funzjonijiet essenzjali tal-Istat rigward il-ħarsien tal-ambjent f'żoni marittimi (53), attivitajiet ta' standardizzazzjoni u attivitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp relatati (54).

(111)

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li, fil-każ preżenti, it-tħaddim tan-netwerk tax-xandir terrestri ma jaqax fi ħdan l-obbligi jew il-prerogattivi tal-Istat u lanqas ma jista' jitqies bħala attività tipika li tista' titwettaq biss mill-Istat. Is-servizzi li qegħdin jiġu kkunsidrati mhumiex tipikament dawk ta' awtorità pubblika u minnhom infushom huma ekonomiċi fin-natura tagħhom, kif jidher mill-fatt li hemm bosta impriżi li jwettqu l-attività fis-suq fiż-Żona I. It-tieni, impriża privata, li mhija dipendenti fuq ebda awtorità pubblika — jiġifieri Astra (kif muri mill-preżenza tagħha bħala offerent fis-sejħa għall-offerti tal-2008 f'Cantabria) — kienet interessata li tipprovdi dan is-servizz fiż-Żona II. L-ilment ta' Astra jirreferi wkoll għar-reġjun ta' Castilla-La Mancha, li huwa interessat li jipprovdi fih servizzi diġitali tax-xandir bħala operatur tal-pjattaforma. It-tielet, it-tnedija tan-netwerk fiż-Żona II tikkonċerna biss it-trażmissjoni ta' stazzjonijiet privati nazzjonali u reġjonali (55). Bħala riżultat ta' dan, ġie konkluż li t-tħaddim tan-netwerk terrestri mill-Komunitajiet Awtonomi, mill-impriżi pubbliċi u mill-kunsilli ma jaqax fi ħdan l-eżerċizzju tas-setgħat uffiċjali bħala awtorità pubblika.

(112)

Il-Kummissjoni ma taqbilx mal-JCCM li l-miżura tikkonforma mal-prinċipju tal-investitur f'ekonomija tas-suq (PIEM). Din il-verifika teżamina jekk investitur privat kienx jinvesti fil-proġett bl-istess mod u taħt l-istess kondizzjonijiet bħall-investitur pubbliku fil-mument li ttieħdet id-deċiżjoni biex isir l-investiment pubbliku. F'dan il-każ, l-investiment pubbliku huwa l-finanzjament min-naħa ta' JCCM tad-diġitalizzazzjoni tan-netwerks tax-xandir terrestri ta' Telecom CLM u Abertis. Meta t-tagħmir ikun għadu proprjetà tal-awtoritajiet pubbliċi (kunsilli), ikun imħaddem mill-kumpaniji ta'qabel. Il-ftehim mal-operaturi ma jipprovdix rifużjoni ta' fondi jew ta' kumpens ta' tagħmir li hu proprjetà mill-awtoritajiet pubbliċi. Dan jikkontradixxi b'mod dirett il-kunċett ta' investitur privat, li mhux biss titlob ir-rifużjoni jew kumpens, iżda wkoll se tkun teħtieġ ukoll ritorn fuq dak l-investiment. Ma kienx maħsub li l-finanzjament pubbliku ta' netwerk DTT innifsu kien investiment profittabbli. Konsegwentement, l-investiment tal-JCCM fid-diġitalizzazzjoni ta' netwerk terrestri fiż-żona II ma jikkonformax mal-PIEM.

(113)

Għalhekk, hemm vantaġġ ekonomiku meta l-operatur jirċievi fondi pubbliċi biex jiddiġitalizza tagħmir tiegħu stess jew jibni ċentri ta' trażmissjoni ġodda. It-tieni, meta awtorità pubblika tagħżel direttament (jiġifieri, mingħajr offerta pubblika) lil operatur għall-provvista ta' tagħmir TDT u l-provvista ta' operazzjoni u l-manutenzjoni, ma tkunx qed tikkonforma mal-kundizzjonijiet tas-suq. Dan jagħti wkoll vantaġġ ekonomiku lill-operatur.

Il-benefiċjarji diretti tal-għajnuna

(114)

Kif stipulat fil-premessi 36 u 37, il-JCCM ma jkunx organizza akkwist reġjonali biex itejjeb in-netwerks analogi jew għall-estensjoni tal-kopertura tat-televiżjoni diġitali. Minflok, dawn il-fondi kienu allokati direttament lil kunsilli jew l-operaturi terrestri eżistenti. Min-naħa tagħhom, il-kunsilli għażlu lil operaturi biex iwettqu l-kompitu mingħajr offerti pubbliċi. Bħala riżultat, l-operaturi l-oħra tal-pjattaforma, kemm jekk terrestri jew xort'oħra ma ġewx debitament infurmati bil-miżura, li għalhekk ma setgħux jagħmlu proposta teknika għall-modernizzazzjoni tal-infrastruttura jew l-estensjoni tal-kopertura tat-televiżjoni diġitali Żona II fil-Komunità (56).

(115)

Abertis u TelecomCLM kienu r-riċevituri tal-fondi maħsubin għat-titjib u l-estensjoni tan-netwerk tagħhom jew kienu kuntrattwalment imqabbda mill-kunsilli biex iwettqu dawn ix-xogħlijiet fl-infrastruttura ta' dawn tal-aħħar (57). Fiż-żewġ każijiet, iż-żewġ operaturi kienu magħżula mingħajr sejħa għall-offerti pubblika. F'ħafna każijiet, il-kunsilli huma sidien tat-tagħmir tad-DTT flimkien mar-repeaters tal-operaturi, li ma jħallsux lill-kunsilli għall-użu ta' dan it-tagħmir.

(116)

TelecomCLM iffirma direttament 133 ftehim mal-JCCM għad-diġitalizzazzjoni taċ-ċentri tat-trażmissjoni tiegħu stess. Dan kien meqjus neċessarju għall-estensjoni tad-DTT f'żoni rurali, fejn id-densità tal-popolazzjoni hija baxxa u l-ebda operatur ma wera interess li jinvesti. Ħarsa ġenerali lejn l-ispejjeż imġarrba minn TelecomCLM fir-riċeviment tal-fondi trasferiti mill-JCCM turi li TelecomCLM uża dawk il-fondi esklussivament biex jakkwista u jinstalla tagħmir tad-DTT u l-manutenzjoni sussegwenti tat-tagħmir għal perjodu li jikkorrispondi għall-ewwel sentejn.

(117)

Għalhekk, TelecomCLM u Abertis tejbu parti miċ-ċentri tat-trażmissjoni eżistenti tagħhom u issa huma kapaċi jħaddmu n-netwerk tad-DTT fiż-Żona II permezz tas-sussidju pubbliku. Huma jistgħu wkoll jużaw l-infrastruttura l-ġdida biex jipprovdu servizzi oħra, pereżempju, WiMax (standard ta' trażmissjoni tad-dejta tal-broadband mingħajr wajers li jista' joffri broadband fiss jew mobbli). TelecomCLM uża ċ-ċentri tiegħu […] u diversi ċentri diġitalizzati li huma proprjetà tal-kunsilli għall-installazzjoni tat-tagħmir Wimax tal-JCCM […] […] (58). Minħabba dawn l-ekonomiji ta' skala, l-operaturi tan-netwerk tad-DTT għandhom l-opportunità li jiksbu d-dħul tagħhom mill-infrastruttura ffinanzjata pubblikament. […].

(118)

Il-vantaġġ kwantifikabbli mogħti lill-benefiċjarji diretti TelecomCLM u Abertis huwa l-ammont totali tal-fondi rċevuti għall-estensjoni tal-kopertura (inklużi l-fondi rċevuti għat-titjib jew il-bini ta' ċentri ta' trażmissjoni ġodda).

(119)

Meta l-kunsilli nfushom aġixxew bħala operaturi tan-netwerk, irċevew fondi pubbliċi għad-diġitalizzazzjoni taċ-ċentri tat-trażmissjoni li jinsabu fiż-żoni tagħhom u għall-bini ta' oħrajn ġodda. L-awtoritajiet isostnu li dawn kienu sempliċiment trasferimenti ta' fondi bejn livelli differenti tal-amministrazzjoni u li, permezz tal-estensjoni tan-netwerks tal-kunsilli, dawn il-kunsilli sempliċiment wettqu l-obbligi amministrattivi tagħhom lejn iċ-ċittadini tagħhom. Madankollu, meta l-kunsilli jaġixxu bħala operaturi tan-netwerk, ikunu qed iwettqu attività ekonomika. Ħafna minnhom huma rreġistrati fir-Reġistru tal-Operaturi tan-netwerk tas-CMT. Madankollu, peress li l-kunsilli xtraw it-tagħmir diġitali għal Abertis jew TelecomCLM u esternalizzaw l-installazzjoni, it-tħaddim u l-manutenzjoni tat-tagħmir lil dawn iż-żewġ impriżi mingħajr sejħa għall-offerti pubblika, f'dan il-każ ukoll dawn tal-aħħar huma l-benefiċjarji diretti tal-għajnuna.

(120)

Il-finanzjament jinkludi wkoll it-tħaddim u l-manutenzjoni tan-netwerk. Dawn il-kompiti ġew imwettqa minn TelecomCLM u Abertis. Din titqies bħala għajnuna kontinwa u li l-operaturi inkarigati mit-tħaddim u l-manutenzjoni tan-netwerk terrestri huma l-benefiċjarji. Fl-aħħar nett, f'termini aktar ġenerali, Abertis u TelecomCLM jibbenefikaw ukoll mill-esklużjoni ta' operatur ta' pjattaforma ieħor milli jidħol fis-suq tat-trażmissjoni ta' sinjali tat-televiżjoni mingħajr ħlas fi Spanja (59).

Il-benefiċjarji indiretti tal-għajnuna

(121)

Fornituri tat-tagħmir tat-telekomunikazzjoni. Telecom CLM u Abertis jipprovdu tagħmir u tagħmir tat-telekomunikazzjoni interni. Peress li l-kunsilli xtraw tagħmir mingħajr sejħa għall-offerti pubblika liż-żewġ operaturi terrestri eżistenti f'Castilla-La Mancha, TelecomCLM u Abertis bbenefikaw direttament mill-għajnuna (ara l-premessa 119). Meta ż-żewġ operaturi xtraw dan it-tagħmir lill-fornituri tat-tagħmir tat-telekomunikazzjoni, dan it-tagħmir inxtara f'suq liberu. Għaldaqstant, bħala riżultat, apparti TelecomCLM u Abertis (ir-riċevituri diretti), il-fornituri tat-tagħmir tat-telekomunikazzjoni ma jitqisux bħala riċevituri, peress li huma ma rċevew ebda vantaġġ selettiv. Bħal fil-każ tad-decoders diġitali fl-Italja (60), ma kienx possibbli li ssir distinzjoni bejn il-kategoriji differenti tal-produtturi ta' diversi tipi ta' infrastruttura diġitali, minħabba li l-produtturi għandhom ikunu jistgħu jipproduċu kwalunkwe tip ta' tagħmir. L-impriżi li jipprovdu dan it-tagħmir tat-telekomunikazzjoni lill-operaturi tan-netwerk mhumiex differenti mill-grupp ta' impriżi li kienu jipparteċipaw fis-sejħa għall-offerti li kieku l-iskema kienet teknoloġikament newtrali fir-rigward tal-operaturi tal-pjattaforma (61). Fi Spanja, l-impriżi li jintegraw, jinstallaw u jipprovdu t-tagħmir tat-telekomunikazzjoni meħtieġa għall-estensjoni tad-DTT ġeneralment joffru wkoll servizzi oħrajn. Dawn il-manifatturi tat-tagħmir, kif ukoll l-operaturi tat-telekomunikazzjoni, jistgħu joffru wkoll soluzzjonijiet terrestri, satellitari jew saħansitra kombinazzjoni tat-tnejn (62).

(122)

Il-miżura kkonċernata mhijiex intiża, permezz tal-oġġett jew l-istruttura ġenerali tagħha, sabiex toħloq vantaġġ għall-manifatturi. Kwalunkwe politika pubblika favur id-diġitalizzazzjoni (anki l-aktar waħda teknoloġikament newtrali) għandha tiffavorixxi lill-produtturi ta' tagħmir diġitali. Fil-każ tal-manifatturi tat-tagħmir, il-fatt li huma bbenifikaw minn żieda fil-bejgħ minħabba l-miżura jista' għalhekk jitqies bħala effett sekondarju mekkaniku. Bħala prinċipju ġenerali, kwalunkwe għajnuna mill-Istat għandha effett ta' “trickle-down” fuq il-fornituri għar-riċevituri tal-għajnuna mill-Istat. Madankollu, dan mhux bilfors joħloq vantaġġ selettiv għal dawn il-fornituri. L-għajnuna ma kinitx maħsuba għall-fornituri tat-tagħmir tat-telekomunikazzjoni u għalhekk dawn ma bbenifikawx mill-effett indirett maħsub.

(123)

Xandara. Spanja wriet b'mod suffiċjenti li x-xandara terrestri ma rċevew ebda vantaġġ minħabba l-estensjoni tal-kopertura. B'kuntrast għaż-Żona I, ix-xandara rrifjutaw li jħallsu għad-diġitalizzazzjoni fiż-Żona II billi din ma kellha tiġġenera ebda introjtu addizzjonali għalihom. Fil-fatt, fid-dawl tal-popolazzjoni limitata kkonċernata, li ma tidhirx li hija l-mira kummerċjali ta' dawk li qegħdin jirreklamaw, wara l-estensjoni għaż-Żona II, ix-xandara ma setgħux jgħollu l-miżati tar-reklamar b'mod sinifikanti. Għaldaqstant, ix-xandara terrestri mhumiex benefiċjarji indiretti tal-miżura li qiegħda tiġi investigata.

5.2.1.3.   Is-selettività

(124)

Il-vantaġġ li l-miżura tipprovdi lill-operaturi tan-netwerk u lix-xandara huwa selettiv, peress li jaffettwa biss lill-impriżi li joperaw fis-suq tal-pjattaforma terrestri. Barra minn hekk, l-għażla tal-operaturi tan-netwerk inkarigati bil-kompitu li jestenduha ma kinitx magħmula fuq il-bażi ta' sejħa għall-offerti, iżda fuq proċedura speċifika stabbilita fid-Digriet, li kienet tinvolvi lill-awtoritajiet jagħżlu l-operaturi tan-netwerk. Għalhekk, indipendentement minn jekk il-qafas leġiżlattiv fuq livell ċentrali jeskludix teknoloġiji oħrajn differenti minn dik terrestri fil-qasam tal-għajnuna, l-applikazzjoni tiegħu mill-Komunità ta' Castilla-La Mancha kkonċernat biss lil operaturi tan-netwerk speċifiċi.

5.2.1.4.   Distorsjoni tal-kompetizzjoni

Operaturi tan-netwerk

(125)

Fl-għoti ta' finanzjament dirett lill-operaturi tan-netwerk terrestri TelecomCLM u Abertis, l-awtoritajiet Spanjoli ddiskriminaw lil kwalunkwe operatur tan-netwerk terrestri ieħor li seta' pprovda tali servizzi. F'sejħa għall-offerti pubblika seta' ġie ddeterminat jekk operaturi eżistenti oħrajn, bħal Radiodifusión, kinux eliġibbli biex jipprovdu servizzi ta' xandir lil xandara reġjonali u nazzjonali fiż-żona II ta' Castilla-La Mancha. Peress li ma ġewx infurmati dwar din il-miżura u lanqas ma ġew mistiedna jissottomettu l-offerta tagħhom, dawn l-operaturi ma setgħux jiddefendu l-proposti tagħhom quddiem il-JCCM. Bħala riżultat, l-għażla diretta tal-benefiċjarji wasslet għall-esklużjoni ta' kull kompetitur terrestri potenzjali ieħor.

(126)

Meta l-kunsilli mmodernizzaw in-netwerk tagħhom stess, f'xi każijiet, huma kkuntattjaw direttament lil TelecomCLM jew Abertis. F'każijiet bħal dawn, operaturi oħrajn tat-telekomunikazzjonijiet kienu esklużi milli jissottomettu proposti. Kif spjegat fil-premessi 39 u 40, kunsilli oħrajn ippubblikaw avviż fil-qosor fit-tabella tal-avviżi tagħhom. Dawk l-avviżi kienu jinfurmaw li kellu jintgħażel operatur tat-telekomunikazzjonijiet għad-diġitalizzazzjoni taċ-ċentru tat-trażmissjoni tal-kunsill, skont id-Digriet 347/2008. L-operatur kellu jissottometti rapport tekniku. L-operaturi interessati setgħu jiksbu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi mis-Segretarjat tal-kunsill. Madankollu, il-pubblikazzjoni fuq it-tabella tal-avviżi ma tirrispettax in-newtralità teknoloġika, peress li l-avviżi rreferew biss għal titjib fiċ-ċentri tat-trażmissjoni terrestri diġà eżistenti. Barra minn hekk, għalkemm l-avviżi ppermettew lil kull operatur tat-telekomunikazzjoni rreġistrat fir-Reġistru tal-Operaturi tas-CMT jippreżenta offerta, ma jistgħux jitqiesu bħala ekwivalenti għal sejħa għall-offerti pubblika. Il-pubblikazzjoni fit-tabella tal-avviżi ma għandhiex l-istess viżibbiltà bħal sejħa għall-offerti pubblika fil-Gazzetta Uffiċjali. Barra minn hekk, fil-maġġor parti tal-każijiet, għall-kuntrarju ta' kumpaniji oħra, TelecomCLM u Abertis ġew infurmati b'mod espliċitu minn qabel bil-proċess u għalhekk setgħu jissottomettu l-offerta tagħhom (63). Fil-qosor, fil-kunsilli kollha li ġew ippubblikati fihom dawk ir-reklami, ġew magħżula TelecomCLM jew Abertis.

(127)

Spanja u Abertis jallegaw li d-DTT u t-teknoloġija satellitari huma żewġ swieq differenti. Id-DTT hija l-pjattaforma ewlenija għat-televiżjoni terrestri mingħajr ħlas, filwaqt li n-numru ta' operaturi fis-suq nazzjonali huwa ddeterminat min-numru ta' liċenzji mogħtija mill-Gvern Spanjol. Il-finanzjament għall-instazzjonijiet tat-televiżjoni terrestri mingħajr ħlas ġej mir-reklamar. Fir-rigward tat-televiżjoni bis-satellita, għadd kbir ta' stazzjonijiet huma disponibbli fuq l-unika pjattaforma tat-televiżjoni bi ħlas fi Spanja, li l-operatur tan-netwerk tagħha huwa Astra. Dawn l-istazzjonijiet huma ffinanzjati bl-abbonamenti, ġeneralment għal pakkett ta' stazzjonijiet. L-awtoritajiet Spanjoli jirrimarkaw ukoll li fi Spanja l-ispiża tad-distribuzzjoni bis-satellita għax-xandara hija ferm ogħla mill-ispiża tax-xandir terrestri u, għalhekk, ix-xandara mingħajr ħlas, inklużi x-xandara lokali u reġjonali, mhumiex interessati li jaqilbu għal din il-pjattaforma.

(128)

Għal diversi raġunijiet indikati fid-deċiżjoni, ġie konkluż li l-pjattaformi terrestri u satellitari joperaw fl-istess suq.

(129)

L-ewwel nett, fl-2008, Astra kkompeta għall-estensjoni tal-kopertura tat-televiżjoni diġitali f'Cantabria u rebaħ is-sejħa għall-offerti. Fl-2008, kellu serje ta' laqgħat mal-Komunitajiet Awtonomi fejn ippreżenta l-offerta tiegħu li jxandar stazzjonijiet permezz tat-televiżjoni diġitali, li sa dak iż-żmien kienu jixxandru permezz ta' pjattaforma terrestri. Minkejja li aktar tard il-kuntratt ma' Cantabria ġie tterminat mill-awtoritajiet, l-interess tal-operatur tas-satellita li jipprovdi servizzi f'kompetizzjoni mal-pjattaforma terrestri jissuġġerixxi li hemm possibbiltà għall-operaturi tas-satellita sabiex jipprovdu servizzi simili.

(130)

It-tieni, bosta stazzjonijiet pubbliċi u privati distribwiti permezz tal-pjattaforma terrestri jixxandru wkoll permezz ta' pjattaformi satellitari, inkluża dik ta' Astra stess (64). It-tielet, f'dak li għandu x'jaqsam mal-istazzjonijiet reġjonali, uħud minnhom huma disponibbli jew kienu disponibbli fil-passat reċenti permezz tal-pjattaforma tas-satellita. Dan jikkontradixxi d-dikjarazzjoni li x-xandara reġjonali mhumiex interessati fit-teknoloġija satellitari.

(131)

Ir-raba', xi xandara ddikjaraw il-preferenza tagħhom għat-trażmissjoni terrestri minħabba li kisbu drittijiet sabiex ixandru l-kontenut għall-pjattaforma terrestri biss. Madankollu, dan ma jfissirx li hemm swieq differenti għat-trażmissjoni terrestri u tas-satellita. Bl-istess mod kif kisbu d-drittijiet sabiex ixandru l-kontenut tagħhom permezz tal-pjattaforma terrestri, jekk ikun hemm bżonn, ix-xandara jistgħu jagħmlu l-istess għas-satellita. Barra minn hekk, jekk pjattaforma satellitari tintgħażel fuq il-bażi ta' sejħa pubblika għall-offerti, jista' jiġi impost “obbligu ta' trażmissjoni” fuq ix-xandara. Dan l-“obbligu ta' trażmissjoni” ġie impost fuq ix-xandara għaż-Żona III meta ġiet magħżula l-pjattaforma satellitari.

(132)

Fl-aħħar nett, skont id-dejta minn Mejju 2010 (65), il-kopertura tad-DTT fi Spanja tilħaq 98,85 % tal-popolazzjoni, filwaqt li 93,5 % biss tad-djar jaraw it-televiżjoni permezz tal-pjattaforma terrestri. B'hekk, 5 % tad-djar għandhom aċċess għad-DTT iżda jagħżlu li ma jużawhiex, billi l-maġġoranza tagħhom huma abbonati għat-televiżjoni bi ħlas permezz tas-satellita.

(133)

Fil-qosor, billi l-pjattaformi tax-xandir terrestri u bis-satellita huma f'kompetizzjoni ma' xulxin, il-miżura għat-tnedija, it-tħaddim u l-manutenzjoni tad-DTT fiż-Żona II tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn iż-żewġ pjattaformi.

(134)

Fl-aħħar nett, ta' min jinnota li pjattaformi oħrajn, b'mod partikolari l-IPTV, huma wkoll żvantaġġati minħabba din il-miżura. Għalkemm is-servizz tal-broadband għadu ma wasalx fiż-Żona II kollha, huwa probabbli ħafna li fil-ġejjieni dan is-servizz jestendi l-kopertura tiegħu b'mod sinifikanti. Huwa possibbli li taħlita ta' teknoloġiji kienet tkun aktar effiċjenti biex tinkiseb kopertura taż-Żona II. F'dan il-każ, dawn il-pjattaformi l-oħra setgħu kkontribwew għall-mira u bbenefikaw mill-miżura tal-għajnuna.

5.2.1.5.   Effett fuq il-kummerċ

(135)

Il-miżura għandha impatt fuq il-kummerċ intra-UE. Skont il-każistika tal-Qrati Ewropej, meta “l-għajnuna finanzjarja mill-Istat jew l-għajnuna mir-riżorsi tal-Istat issaħħaħ il-pożizzjoni ta' impriża kif imqabbla mal-impriżi li jikkompetu fil-kummerċ fi ħdan il-Komunità, tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala affettwati minn dik l-għajnuna” (66).

(136)

L-operaturi tan-netwerks huma attivi f'settur fejn jeżisti kummerċ bejn l-Istati Membri. Abertis jifforma parti minn grupp internazzjonali ta' impriżi, l-istess bħal wieħed mill-ilmentaturi, Astra. Astra, li huwa bbażat fi Stat Membru ieħor (il-Lussemburgu), kien talab għall-provvista ta' netwerk diġitali fir-reġjun tal-komunità ta' Castilla-La Mancha li kieku ġiet organizzata sejħa għall-offerti teknoloġikament newtrali. Għaldaqstant, il-miżura taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

5.2.2.   Konklużjonijiet dwar il-preżenza tal-għajnuna

(137)

Fid-dawl tal-argumenti mressqa hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżura tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat. F'dawn iċ-ċirkostanzi, il-miżura għandha titqies bħala għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

5.3.   VALUTAZZJONI TAL-KOMPATIBBILTÀ

(138)

Il-Kummissjoni tappoġġa b'mod attiv it-tranżizzjoni mix-xandir analogu għax-xandir diġitali. Il-vantaġġi tal-bidla diġitali ġew enfasizzati fil-Pjan ta' Azzjoni eEurope 2005 u fiż-żewġ Komunikazzjonijiet dwar it-tranżizzjoni għat-teknoloġija diġitali (67). Il-Kummissjoni tirrikonoxxi wkoll li lt-tranżizzjoni diġitali tista' tiffaċċa dewmien jekk titħalla kompletament għall-forzi tas-suq.

(139)

L-Istati Membri jistgħu jużaw l-għajnuniet sabiex jegħlbu nuqqas speċifiku tas-suq jew sabiex jassiguraw il-koeżjoni soċjali jew reġjonali (68). F'dawn il-każijiet, madankollu, għandu jintwera kull darba li l-għajnuniet ikkonċernati huma l-mezz adattat għall-indirizzar tal-problema, li huma limitati għall-minimu meħtieġ u ma jfixklux il-kompetizzjoni bla bżonn. Bl-istess mod, il-Komunikazzjoni (69) dwar it-tranżizzjoni tistabbilixxi li, fil-qasam speċifiku tad-diġitalizzazzjoni, l-intervent pubbliku ikun ġustifikat taħt żewġ kundizzjonijiet: il-preżenza tal-interessi ġenerali u l-eżistenza ta' nuqqas tas-suq, jew bl-istess mod, li l-forzi tas-suq waħedhom ma jistgħux jiksbu l-benesseri kollettiv. Hija tispeċifika wkoll li fi kwalunkwe każ, l-intervent pubbliku għandu jiġi appoġġat minn analiżi tas-suq magħmula bir-reqqa.

(140)

Il-Komunikazzjoni dwar it-tranżizzjoni tindika wkoll li t-tranżizzjoni għax-xandir diġitali tirrappreżenta sfida industrijali kbira li għandha titmexxa mis-suq. Fil-prinċipju, kull netwerk għandu jikkompeti permezz tar-riżorsi tiegħu stess. Sabiex dan il-prinċipju jiġi ssalvagwardjat, kwalunkwe intervent pubbliku għandu jimmira li jkun teknoloġikament newtrali. L-eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju jistgħu jkunu previsti biss jekk l-intervent iservi bħala rimedju għal nuqqas speċifiku tas-suq jew sabiex jelimina żbilanċ u fl-istess ħin huwa meħtieġ, xieraq u proporzjonat sabiex jegħleb dawn id-diffikultajiet.

(141)

Jekk il-kwistjoni titħalla f'idejn is-suq, fid-dawl tas-sitwazzjoni soċjali żvantaġġata tagħhom, hemm riskju li mhux il-partijiet kollha tal-popolazzjoni jkunu jistgħu jibbenifikaw mill-vantaġġi tat-televiżjoni diġitali. Fir-rigward ta' din il-problema ta' koeżjoni soċjali, l-Istati Membri jistgħu jkunu jridu jiżguraw li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għat-televiżjoni diġitali ladarba ssir id-diżattivazzjoni tat-televiżjoni analoga. Billi l-bidla diġitali ġġib magħha ċerti spejjeż għall-konsumaturi u teħtieġ bidla fid-drawwiet tal-konsumaturi, l-Istati Membri jkunu jridu jagħtu l-għajnuna, b'mod partikolari, lill-gruppi żvantaġġati tas-soċjetà, bħal nies anzjani, familji bi dħul baxx jew persuni li jgħixu f'reġjuni periferiċi.

(142)

F'bosta deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat, li kienu bbażati fuq il-Komunikazzjonijiet dwar il-bidla diġitali, il-Kummissjoni applikat ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat f'dan is-settur (70). L-Istati Membri għandhom bosta possibbiltajiet biex jagħtu finanzjament pubbliku għall-bidla bil-għan li jiżguraw li ż-żoni ġeografiċi kollha jkomplu jgawdu minn kopertura tat-televiżjoni xierqa. Dan jinkludi finanzjament għat-tnedija ta' netwerk ta' trażmissjoni f'żoni fejn inkella jkun hemm kopertura tat-televiżjoni insuffiċjenti (71). Madankollu, tali finanzjament jista' jingħata biss jekk ma jikkawża ebda distorsjoni bla bżonn bejn it-teknoloġiji jew l-impriżi u jekk ikun limitat għall-minimu meħtieġ.

5.3.1.   Il-bażijiet legali għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura prevista

(143)

L-awtoritajiet Spanjoli invokaw l-Artikoli 107(3)(c) u 106(2) tat-Trattat sabiex jiġġustifikaw il-miżura jekk tinstab li din tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Fil-paragrafi li ġejjin, il-Kummissjoni sejra tivvaluta l-kompatibbiltà tal-miżura fid-dawl ta' dawn id-dispożizzjonijiet, billi tieħu kont tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali li ġew deskritti aktar 'il fuq.

5.3.2.   L-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat.

(144)

Sabiex l-għajnuna tkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, il-Kummissjoni tibbilanċja l-effetti pożittivi u negattivi tagħha. Fl-applikazzjoni tat-test tal-ibbilanċjar, il-Kummissjoni tevalwa l-mistoqsijiet li ġejjin:

(1)

Il-miżura ta' għajnuna għandha objettiv ta' interess komuni definit b'mod ċar?

(2)

L-istrument ta' għajnuna huwa magħmul b'tali mod li jkun jista' jintlaħaq l-għan fl-interess komuni, jiġifieri, l-għajnuna proposta għandha l-għan li tirrimedja l-falliment tas-suq jew għan ieħor? B'mod partikolari:

(a)

Il-miżura tal-għajnuna hija strument xieraq, jiġifieri, jeżistu xi strumenti oħrajn li huma aħjar?

(b)

Għandha effett ta' inċentiv, jiġifieri, l-għajnuna tbiddel l-atteġġjament tal-impriżi?

(c)

Il-miżura tal-għajnuna hija proporzjonali, fi kliem ieħor, l-istess bidla fl-atteġġjament tista' tinkiseb b'inqas għajnuna?

(3)

Id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ huma limitati sabiex il-bilanċ ġenerali jkun pożittiv?

5.3.2.1.   Objettiv ta' interess komuni

(145)

L-iskema ta' għajnuniet nazzjonali, implimentata mill-JCCM għal Castilla-La Mancha, hija intiża biex tħaffef il-proċess tal-bidla għat-teknoloġija diġitali fi Spanja u tiżgura l-kontinwità tar-reċezzjoni tat-televiżjoni fid-djar tar-residenti ta' ċerti żoni remoti u rurali. F'dan ir-rigward, il-miżura għandha l-għan li tagħti ċ-ċans lil dawk in-nies li jgħixu f'dawk iż-żoni biex jaraw it-televiżjoni u jeżerċitaw id-dritt kostituzzjonali tagħhom li jkollhom aċċess għall-informazzjoni. Kif diġà ġie msemmi fil-premessa 138, il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-importanza u l-benefiċċji tat-trażmissjoni diġitali fil-Pjan ta' Azzjoni eEurope 2005 (72), kif ukoll fiż-żewġ Komunikazzjonijiet tagħha dwar it-tranżizzjoni mix-xandir analogu għax-xandir diġitali (73). Fil-Komunikazzjoni tagħha i2010 — Soċjetà tal-Informazzjoni Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi (74), il-Kummissjoni indikat li l-irtirar previst tat-televiżjoni analoga terrestri għall-2012 għandu jtejjeb l-aċċess għall-ispettru fl-Ewropa. Billi x-xandir diġitali juża l-ispettru b'mod aktar effikaċi, dan jillibera l-kapaċità tal-ispettru għal utenti oħrajn, bħal servizzi ġodda tax-xandir u tat-telefonija mobbli, li għandhom jistimolaw l-innovazzjoni u t-tkabbir fl-industriji tat-televiżjoni u tal-komunikazzjoni elettronika.

(146)

Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-miżura hija mmirata lejn objettiv definit sewwa ta' interess komuni.

5.3.2.2.   Għajnuna mfassla sew

Falliment tas-suq

(147)

Kif intqal mill-awtoritajiet Spanjoli, huwa rikonoxxut b'mod ġenerali li hemm riskju li mhux is-setturi kollha tal-popolazzjoni jistgħu jibbenefikaw mill-vantaġġi tat-televiżjoni diġitali (problema ta' koeżjoni soċjali u reġjonali). Jista' jkun hemm falliment tas-suq jekk l-operaturi tas-suq ma jagħtux biżżejjed kas tal-effetti pożittivi tal-bidla diġitali fuq is-soċjetà b'mod ġenerali minħabba li ma jkollhomx l-inċentivi ekonomiċi biex jagħmlu dan (esternalitajiet pożittivi). Barra minn hekk, fir-rigward tal-koeżjoni soċjali, huwa possibbli li l-Istati Membri jridu jiżguraw li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għat-televiżjoni diġitali ladarba ssir id-diżattivazzjoni tat-televiżjoni analoga u għalhekk jistgħu jikkunsidraw ukoll miżuri li jiżguraw li ż-żoni ġeografiċi kollha jkomplu jgawdu minn kopertura tat-televiżjoni xierqa.

(148)

Kif diġà ġie stabbiliet fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li jeżisti falliment tas-suq minħabba li x-xandara mhumiex lesti li jġorru l-ispejjeż addizzjonali tal-estensjoni tal-kopertura lil hinn mill-obbligi statutorji tagħhom. Barra minn hekk, la l-pjattaformi satellitari u lanqas id-djar privati ma għamlu investimenti li jiżguraw ir-reċezzjoni ta' stazzjonijiet diġitali permezz tas-satellita mill-abitanti kollha taż-Żona II. Konsegwentement, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li n-nies li r-residenza abitwali tagħhom tinsab f'żona rurali jistgħu jkunu esklużi totalment mir-reċezzjoni tas-sinjali tat-televiżjoni diġitali mingħajr ħlas jekk il-kopertura diġitali titħalla kompletament f'idejn il-forzi tas-suq. Minbarra dan, hija tirrikonoxxi wkoll li l-intervent pubbliku jista' jkun ta' benefiċċju permezz tal-għajnuna finanzjarja li tingħata lill-individwi.

In-newtralità teknoloġika

(149)

Fil-każijiet li jirrigwardaw il-bidla diġitali, il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika huwa minqux sewwa f'bosta deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (75) u ġie kkonfermat mill-Qorti Ġenerali u mill-Qorti tal-Ġustizzja (76).

(150)

L-għażla tat-teknoloġija normalment għandha tiġi stabbilita permezz ta' sejħa għall-offerti li tkun teknoloġikament newtrali, kif ġara fi Stati Membri oħrajn (77). Ir-realizzazzjoni ta' sejħa għall-offerti tista' tkun għalja u ddewwem l-implimentazzjoni tal-proġett. F'xi każijiet, tista' ma tkunx meħtieġa, jekk jista' jiġi ddeterminat minn qabel li teknoloġija partikolari jew bejjiegħ partikolari biss jista' jipprovdi s-servizzi meħtieġa. Għalhekk, l-għażla ta' teknoloġija partikolari tista' tkun aċċettabbli jekk din l-għażla tkun ġustifikata mir-riżultati ta' studju preliminari. Dan l-istudju għandu jikkunsidra l-kriterji tal-prezz u kwalità. Billi d-deċiżjoni tal-għażla ta' teknoloġija partikolari se timpedixxi l-kompetizzjoni ta' fornituri oħra li jippreżentaw il-prodott u l-offerti tal-prezz tagħhom, ir-riżultati tal-istudju se jkollhom ikunu ċari u robusti.

(151)

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet preċedentement li studju jista' jkun il-bażi għall-għażla ta' soluzzjoni teknoloġika partikolari (78). Madankollu, l-oneru tal-prova jaqa' fuq l-Istat Membru, li għandu juri li tali studju jkun robust biżżejjed u li l-istudju jkun twettaq bl-aktar mod indipendenti (79).

(152)

F'dan ir-rigward, l-awtoritajiet Spanjoli u Abertis ipproponew diversi studji, li huma diskussi hawn taħt.

Studji tal-ispejjeż

(153)

L-awtoritajiet ta' Castilla-La Mancha argumentaw li l-miżura investigata kienet tindirizza xandir diġitali terrestri abbażi tar-riżultati ta' studju preliminari, li sar qabel l-adozzjoni tad-digriet. “L-Istudju Komparattiv Soċjo-Ekonomiku” (80), spjegat fil-qosor fil-premessi 59 sa 61 ikkonkluda li s-soluzzjoni terrestri tkun dik l-iktar kosteffikaċi.

(154)

Il-punt tat-tluq tal-istudju huwa l-kwantifikazzjoni tal-popolazzjoni li għaliha tista' tittieħed għażla teknoloġika. Il-maġġor parti ta' Castilla-La Mancha tappartjeni għal dik li tissejjaħ iż-Żona I, li fiha diġà seħħet il-bidla għad-DTT. F'xi każijiet, iż-Żona I u ż-Żona II jikkoinċidu. Għal raġunijiet tekniċi, fl-istudju jiġi sostnut l-argument li f'dawk iż-żoni biss (li diġà huma mgħammra parzjalment bid-DTT) għandha tiġi kkunsidrata l-estensjoni tad-DTT. Meta jiġu mqabbla l-għażliet tas-satellita u d-DTT, l-istudju, għaldaqstant, iqis biss madwar 9,8 % tal-popolazzjoni. It-tieni, l-awtur tal-istudju jqis li, fi ħdan dan is-sottogrupp, parti mill-popolazzjoni tirċievi wkoll servizz tat-televiżjoni reġjonali permezz tal-pjattaforma terrestri. Mingħajr ebda evalwazzjoni oħra, jikkonkludi li għal dawn is-servizzi, “ikun iktar loġiku li l-popolazzjoni tkun tista' tadotta modi differenti ta' reċezzjoni”. Finalment, jibqa' 2,85 % tal-popolazzjoni — jew 57 510 abitanti f'689 raħal — li għalihom għandha titqies teknoloġija alternattiva.

(155)

L-istudju l-ewwel jippreżenta stima tal-ispiża totali tal-pjattaforma satellitari — inkluża l-ispiża tal-installazzjoni ta' decoders, ipoteżijiet ibbażati fuq dejta tas-suq fuq l-ispiża tal-kiri ta' transponder tas-satellita, u l-ispejjeż ta' tħaddim u manutenzjoni matul 10 snin — u mbagħad iqabbilha mal-ispiża totali stmata tal-pjattaforma terrestri. F'din tal-aħħar, jinkludi l-ispiża tal-installazzjoni ta' decoders u trażmettituri terrestri u l-ispejjeż tat-tħaddim u ta' manutenzjoni għal 10 snin. Fl-aħħar, l-ispiża totali tkun bejn EUR 47 672 550 u EUR 97 646 800 għas-soluzzjoni satellitari u bejn EUR 15 136 550 u EUR 17 224 350 għas-soluzzjoni terrestri.

Valutazzjoni

(156)

F'dak il-mument, l-awtoritajiet jistgħu jagħżlu li jagħmlu sejħa għall-offerti teknoloġikament newtrali jew, fuq il-bażi ta' studju tal-ispejjeż, jagħżlu minn qabel teknoloġija partikolari. B'hekk l-awtoritajiet kellhom jiddeċiedu jekk kienx jaqbel li jistiednu lill-kompetituri potenzjali għal sejħa għall-offerti. Kieku għamlet sejħa għall-offerti miftuħa, l-aġenzija kienet tkun tista' tagħżel bejn offerti differenti, inkluż skontijiet potenzjali offruti mill-offerenti. Barra minn hekk, jista' jkun ġustifikabbli li ma ssirx din il-proċedura tas-sejħa għall-offerti jekk l-istudju juri li, b'kunsiderazzjoni tal-iskonti potenzjali kollha li setgħu jkunu mistennija minn offerenti potenzjali, it-teknoloġija satellitari kienet b'mod ċar aktar għalja jew ma tissodisfax ir-rekwiżiti kwalitattivi essenzjali. Peress li l-istudju huwa meħtieġ biss biex jiġġustifika l-fatt li ma ssirx tali sejħa għall-offerti, għandha tintwera differenza sinifikanti fl-ispejjeż bejn iż-żewġ pjattaformi u r-robustezza ta' riżultat ta' dan it-tip.

(157)

L-istudju huwa 'l bogħod ħafna milli jilħaq dawn ir-rekwiżiti. L-ewwel, wara talba għal informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni fl-2011, l-awtoritajiet kellhom jagħmlu korrezzjonijiet fid-dejta użata fl-istudju. Il-korrezzjonijiet kienu jikkonsistu f'żieda fl-ispejjeż taċ-ċentri tax-xandir f'madwar 65 %, kif ukoll l-għadd taċ-ċentri tax-xandir li fil-fatt kienu meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-kopertura mistennija. Il-JCCM argumenta li, anke b'dawn il-figuri ġodda, lanqas ma jvarja r-riżultat tat-tqabbil bejn teknoloġiji ta' trażmissjoni terrestri u dawk bis-satellita. Fil-fatt, madankollu, jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-figuri l-ġodda, il-vantaġġ tal-ispiża tat-teknoloġija DTT tonqos jew, f'xi każijiet anke saret vantaġġ fl-ispejjeż favur is-soluzzjoni satellitari. Dan diġà juri li r-riżultati tal-istudju ma kinux robusti. Dawn in-nuqqasijiet kienu jirriżultaw evidenti għall-awtoritajiet f'dak iż-żmien kieku dawn aġixxew bid-diliġenza suffiċjenti.

(158)

Fir-rigward tal-kalkolu tal-ispejjeż, l-istudju jadotta pjan żbaljat fil-kalkolu tal-ispiża tat-trażmissjoni bis-satellita. Dan jimplika li l-kunsilli jikru kapaċità ta' transponder tas-satellita lill-pjattaforma satellitari u joperaw l-istess konnessjoni bis-satellita. Għalhekk, il-kalkolu huwa bbażat fuq prezzijiet ippubblikati ta' kiri (2008) tal-kapaċità ta' transponder tas-satellita. Peress li dawn il-prezzijiet huma għal konnessjonijiet individwali, ma jikkunsidraw ebda skont, skont il-volum jew negozjati possibbli tal-prezz. Barra minn hekk, fil-każ ta' sejħa għall-offerti miftuħa, kif intwera fil-każ ta' Cantabria, l-operatur tas-satellita stess ipparteċipa bħala kompetitur. L-offerta tiegħu hija bbażata fuq kalkolu ta' prezzijiet kompletament differenti. Meta mqabbla mal-prezzijiet tal-kiri individwali, jekk il-kuntratt ikopri ż-Żona II kollha ta' Castilla-La Mancha, huwa mistenni li l-prezz ta' din l-offerta jkun jinkludi skontijiet ta' prezzijiet għall-kapaċità.

(159)

Barra minn hekk, l-approċċ tal-istudju indebitament jasal għal konklużjonijiet kontra l-għażla satellitari (81):

Il-kalkoli għandhom ikunu bbażati fuq il-valur preżenti nett (VPN) tal-ispejjeż rikorrenti minflok ma jintuża biss it-total (82);

L-istudju jinjora t-tkabbir esponenzjali fil-ħtieġa (u l-ispejjeż relatati) ta' ċentri ġodda tat-trażmissjoni tad-DTT minħabba kemm huma 'l bogħod l-aħħar irħula minn dawk li għandhom jintlaħqu u pjuttost jikkunsidra espansjoni lineari;

l-istudju jikkalkula spiża annwali ta' tħaddim u manutenzjoni ta' 3 % tal-ispiża tat-tagħmir, filwaqt li l-awtoritajiet infushom jgħidu li “l-ispejjeż tat-tħaddim u l-manutenzjoni għal sentejn ta' tħaddim huma stmati għal 20 % tal-ispejjeż tat-tagħmir” (jiġifieri, 10 % fis-sena).

(160)

Konsegwentement, il-kalkolu tal-ispejjeż għad-DTT jidher ottimist iżżejjed. Din il-konklużjoni hija msaħħa meta tiġi mqabbla l-ispiża stmata tal-istudju għat-tnedija tad-DTT bil-flus attwalment minfuqa minn wara dan. L-istudju jistma li l-ispiża massima tat-tnedija tad-DTT titla' sa madwar EUR 15-17-il miljun. Madankollu, l-awtoritajiet ta' Castilla-La Mancha sussegwentement nefqu EUR 46 miljun biex jimmodernizzaw id-DTT (spejjeż ogħla għall-installazzjoni ta' riċevituri tas-satellita meta, fil-fatt, irriżulta li d-DTT ma kienx ekonomikament vijabbli).

Konklużjoni

(161)

L-istimi tal-istudju mhumiex robusti. Billi jintużaw il-figuri ta' Castilla-La Mancha stess (għalkemm aġġornati), il-vantaġġ inizjali fl-ispiża tan-netwerk tad-DTT naqas jew, f'xi każijiet, anki kien vantaġġuż għas-soluzzjoni bis-satellita (83). Baqgħet ma ġietx ikkunsidrata l-possibbiltà ta'skontijiet offruti minn operatur tas-satellita fi proċess ta' sejħa għall-offerti kompetittiva. Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-istudju, għalhekk, ma jippreżentax biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-għażla minn qabel ta' teknoloġija DTT u l-evitar ta' proċeduri ta' sejħa għall-offerti miftuħa.

Studji oħra tal-ispejjeż

(162)

Il-Gvern Spanjol ippreżenta studju intern, imwettaq mill-Ministeru tal-Industrija, it-Turiżmu u l-Kummerċ (MIEyT) f'Lulju 2007, dwar il-fattibilità tal-provvista tas-servizz DTT universali permezz ta' DTT jew satellita. Madankollu, dan l-istudju ma ngħatax lill-Komunitajiet Awtonomi, bħal Castilla-La Mancha, u ntuża biss bħala dokument intern. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li l-istudju preliminari ppreżentat mill-awtoritajiet Spanjoli, imsemmi fil-premessa 62, ma jurix biżżejjed is-superjorità tal-pjattaforma terrestri meta mqabbla mas-satellita. B'kuntrast ma' dan, l-istudju jqis li taħlita ta' teknoloġiji hija aktar realistika u jassumi kombinazzjoni ta' trażmissjoni satellitari ta' 70 % u trażmissjoni terrestri ta' 30 % għaż-Żona II (84). Barra minn hekk, l-istudju jikkonkludi li l-għażla ta' soluzzjoni teknoloġika partikolari għall-estensjoni tal-kopertura għandha tiġi analizzata fuq bażi ta' reġjun b'reġjun, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi topografiċi u demografiċi partikolari ta' kull reġjun. Minflok jissuġġerixxi għażla minn qabel ta' teknoloġija partikolari, din il-konklużjoni titlob pjuttost il-ħtieġa li ssir sejħa għall-offerti teknoloġikament newtrali biex jiġi ddeterminat liema pjattaforma hija l-aktar xierqa fil-każ partikolari ta' Castilla-La Mancha.

(163)

F'dak li għandu x'jaqsam mal-istudji tal-ispejjeż ippreżentati minn Abertis, għandu jiġi nnotat li dawn twettqu fl-2010, żmien twil wara li kienu ddaħħlu fis-seħħ il-miżuri investigati. Indipendentement minn jekk jistgħux jiġi kkunsidrati bħala li jgawdu l-indipendenza u r-robustezza suffiċjenti, il-fatt li ġew wara l-miżuri kkontestati jimpedixxi l-ġustifikazzjoni tal-għażla tal-Gvern Spanjol tat-teknoloġija DTT u li ma saritx sejħa għall-offerti teknoloġikament newtrali. Il-Kummissjoni rċeviet ukoll stimi ta' spejjeż ppreżentati minn Astra, li juru li t-teknoloġija bis-satellita hija aktar kosteffikaċi. Għall-istess raġunijiet, dawn lanqas mhuma se jiġu kkunsidrati.

(164)

Kif ġie konkluż fil-premessa 161 rigward l-istudju ta' Castilla-La Mancha, lanqas studji oħra ma jippermettu l-konklużjoni li l-pjattaforma diġitali terrestri tkun superjuri għal soluzzjonijiet teknoloġiċi oħrajn skont il-kwalità jew il-prezz. Konsegwentement, ma jiġġustifikawx li l-JCCM jevita proċedura ta' sejħa għall-offerti miftuħa.

L-adegwatezza u l-proporzjonalità tal-miżura

(165)

Għal ħafna raġunijiet, il-miżura ma tistax titqies xierqa.

(166)

Fl-għoti ta' għajnuna direttament lil TelecomCLM u Abertis, operaturi tad-DTT stabbiliti, il-miżura ma tqisx soluzzjonijiet alternattivi li setgħu kienu iktar kosteffikaċi jew ipprovdew soluzzjoni kwalitattivament aħjar. Kif diskuss fit-taqsima preċedenti, mhuwiex ġustifikat li tiġi injorata pjattaforma satellitari. Il-fatt li xi djar fiż-Żona II jirċievu stazzjonijiet mingħajr ħlas permezz tas-satellita juri li t-teknoloġija terrestri mhux dejjem tkun l-aktar pjattaforma effikaċi u xierqa. Jiġi nnotat ukoll li ġiet magħżula t-trażmissjoni bis-satellita fi Stati Membri oħrajn, inkluż f'żoni fejn kienet possibbli s-soluzzjoni terrestri (85). Barra minn hekk, il-fatt li l-operatur Astra kkompeta u rebaħ is-sejħa għall-offerti teknoloġikament newtrali għall-estensjoni tal-kopertura tat-televiżjoni diġitali f'Cantabria jissuġġerixxi, mill-inqas, li l-pjattaforma tas-satellita tista' tipprovdi dan is-servizz (86).

(167)

Barra minn hekk, id-diversi studji tal-ispejjeż iqabblu biss il-pjattaformi tad-DTT u satellitari. Ma jiġux ikkunsidrati soluzzjonijiet teknoloġiċi alternattivi bħan-netwerks tal-kejbil u l-IPTV. Filwaqt li din tal-aħħar ma tistax tkopri t-territorju kollu, taħlita teknoloġika li tinkludi dawk il-pjattaformi kif ukoll it-trażmissjoni tad-DTT u satellitari setgħet tkun aktar effiċjenti.

(168)

Il-miżura lanqas mhi adegwata peress li tiddiskrimina bejn l-operaturi tad-DTT infushom. Meta tagħżel direttament lill-operaturi stabbiliti tad-DTT TelecomCLM u Abertis, il-miżura ma teżaminax jekk operaturi oħra tad-DTT, bħal Radiodifusión, setgħux ippreżentaw offerta aktar ekonomika jew kwalitattivament aħjar.

(169)

L-adegwatezza tal-għażla minn qabel tal-operaturi tad-DTT titqiegħed fid-dubju l-proċedura wkoll mir-restrizzjonijiet tal-kapaċità fil-pjattaforma tad-DTT. Għalkemm fit-3 ta' April 2010, fi Spanja tlestiet it-tranżizzjoni mit-televiżjoni analoga għad-DTT fil-medda ta' 800 MHz, fl-2011 ġie deċiż li l-frekwenzi fil-medda 800 MHz jiġu rkantati lil operaturi tat-telekomunikazzjoni sabiex ikunu konformi mad-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE.. Bħala riżultat ta' dan, kien meħtieġ li x-xandiriet jiġu ttrasferiti għal stazzjonijiet oħrajn li jinsabu fuq frekwenzi f'medda taħt is-790 MHz, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2014. Minħabba li dan ħoloq spejjeż addizzjonali, fil-5 ta' Novembru 2011 Spanja nnotifikat żewġ miżuri għad-djar u għax-xandara b'baġit ta' EUR 600 u 800 miljun fiż-Żona I (sa issa għadha ma ġiet innotifikata ebda miżura għaż-Żona II) (87). Tali spejjeż ma kinux jinħolqu li kieku ntgħażlu pjattaformi oħrajn (IPTV, kejbil jew satellita). Fis-snin li ġejjin, hija mistennija bidla oħra fil-frekwenza li jirrilaxxa aktar kapaċità għat-teknoloġija ċellulari LTE futura, li se tiġġenera spejjeż simili.

(170)

Barra minn hekk, ġie rrimarkat li l-frekwenzi mobbli 4G jinterferixxu mas-sinjali tad-DTT u, b'riżultat ta' dan, id-djar iridu jixtru filtri għaljin sabiex jipproteġu s-sinjal tad-DTT tagħhom mir-raġġi tal-LTE (88). Ma jistax jiġi eskluż li interferenzi simili huma problema aktar ġenerali li ddgħajjef l-adegwatezza futura tax-xandir terrestri, b'mod partikolari fil-kuntest ta' tnedija usa' tan-netwerks NGA (aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss).

(171)

L-awtoritajiet Spanjoli ppreżentaw żewġ argumenti oħrajn b'sostenn tal-fehma li t-trażmissjoni bis-satellita tiġi tiswa aktar flus mid-DTT. L-ewwel nett, fil-ftehimiet tagħhom ma' fornituri ta' kontenut, ix-xandara għandhom restrizzjonijiet territorjali. L-iżgurar ta' tali aċċess kondizzjonali jġib miegħu aktar spejjeż għat-teknoloġija tas-satellita. It-tieni, allegaw li t-teknoloġija tas-satellita mhijiex mgħammra biex ixxandar numru kbir ta' stazzjonijiet reġjonali. Dawn l-allegazzjonijiet ma ġewx issostanzjati u huma kkontestati mill-fatt li l-kuntratt ta' Astra ma' Cantabria kien jinkludi sistema professjonali ta' aċċess kondizzjonali. Barra minn hekk, skont il-kalkoli tal-ispejjeż ta' Astra, it-teknoloġija tas-satellita xorta għandha tkun irħas anki li kieku kellhom isiru ftehimiet separati ma' kull wieħed mir-reġjuni Spanjoli. Fir-rigward tax-xandir reġjonali, Astra jsostni li n-numru ta' 1 380 stazzjon ikkwotat mill-Gvern Spanjol huwa esaġerat ħafna (89). Għal darba oħra, skont il-kalkoli li saru, l-għażla tas-satellita għandha tkun irħas anki li kieku kellhom jiġu inklużi stazzjonijiet lokali u reġjonali.

(172)

Fi ftit kliem, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżura investigata ma rrispettatx il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika. Kif ġie spjegat hawn fuq, il-miżura mhix proporzjonali u mhix mezz xieraq għall-iżgurar tal-kopertura ta' stazzjonijiet mingħajr ħlas lir-residenti taż-Żona II ta' Castilla-La Mancha.

It-tħaddim u l-manutenzjoni tan-netwerks

(173)

F'dak li għandu x'jaqsam mal-finanzjament kontinwu mogħti għat-tħaddim u l-manutenzjoni tan-netwerks diġitali terrestri u satellitari ssussidjati, billi huwa anċillari għall-għajnuna intiża għall-iskjerament, tali finanzjament ma jistax jitqies bħala teknoloġikament newtrali. Dan il-finanzjament kien immirat għall-konservazzjoni taċ-ċentri li jxandru sinjal permezz ta' pjattaformi terrestri. Għaldaqstant, tali għajnuna hija wkoll inkompatibbli.

(174)

Kwalunkwe għajnuna futura għat-tħaddim u l-manutenzjoni għandha tiġi nnotifikata u għandha tirrispetta l-prinċipju tan-newtralità teknoloġika.

5.3.2.3.   Evitar ta' distorsjonijiet bla bżonn

(175)

Filwaqt li l-intervent pubbliku jista' jkun iġġustifikat minħabba l-eżistenza ta' ċerti nuqqasijiet tas-suq u l-problemi ta' koeżjoni possibbli, il-mod kif inhi mfassla l-miżura jagħti lok għal distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni.

Konklużjoni rigward l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat

(176)

Ġie konkluż li l-miżura investigata, inkluża l-għajnuna kontinwa, mhix mezz adattat, meħtieġ u proporzjonat sabiex jirrimedja n-nuqqas identifikat fis-suq.

5.3.3.   L-Artikolu 106(2) tat-Trattat

(177)

L-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 106(2) tat-Trattat tapplika għall-kumpens mill-Istat għall-ispejjeż tal-għoti tas-servizz pubbliku. L-awtoritajiet nazzjonali (jew reġjonali) għandhom jiddefinixxu l-SGEI b'mod ċar u jafdawh lil impriża partikolari.

(178)

Matul il-proċedura formali, l-awtoritajiet Spanjoli ma ppreżentawx argumenti jew evidenza dwar għaliex il-miżura għandha tkun ikkunsidrata kompatibbli skont l-Artikolu 106(2) tat-Trattat.

(179)

Sabiex japplika l-Artikolu 106(2) tat-Trattat, l-awtoritajiet nazzjonali (jew reġjonali) għandhom jiddefinixxu b'mod ċar l-SGEI u jesternalizzawh lil impriża partikolari. La fil-liġi Spanjola u lanqas min-naħa tal-awtoritajiet Spanjoli ma sar tali att ta' attribuzzjoni għat-tnedija tad-DTT. L-ewwel nett, il-liġi Spanjola ma tiddikjarax li t-tħaddim ta' netwerk terrestri huwa servizz pubbliku. Il-Liġi dwar it-Telekomunikazzjoni tal-1998 (90) tgħid li s-servizzi tat-telekomunikazzjoni, inkluż it-tħaddim tan-netwerks tax-xandir tar-radju u t-televiżjoni, huma servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, iżda ma għandhomx l-istatus ta' servizzi pubbliċi (91). Il-liġi dwar it-Telekomunikazzjoni fis-seħħ bħalissa (92) żżomm l-istess kwalifika. Is-servizzi ta' trażmissjoni għax-xandir tat-televiżjoni, jiġifieri t-trasportazzjoni tas-sinjali permezz tan-netwerks tat-telekomunikazzjoni, huma meqjusa bħala servizzi ta' telekomunikazzjoni u, bħala tali, huma servizzi ta' interess ġenerali iżda mhux servizzi pubbliċi (93).

(180)

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi huma kkaratterizzati min-newtralità teknoloġika tagħhom. It-telekomunikazzjoni tfisser it-trażmissjoni ta' sinjali permezz ta' kwalunkwe netwerk tax-xandir iżda mhux permezz tan-netwerk terrestri b'mod partikolari (94). Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tal-Liġi jispeċifika, bħala wieħed mill-objettivi tiegħu, il-ħtieġa li tiġi inkoraġġita, kemm jista' jkun possibbli, in-newtralità teknoloġika fir-regolamentazzjoni.

(181)

Għalkemm is-servizz tax-xandir pubbliku huwa meqjus bħala servizz pubbliku, mhuwiex possibbli li din id-definizzjoni tiġi estiża għall-isfruttament ta' pjattaforma ta' appoġġ partikolari. Barra minn hekk, fejn jeżistu bosta pjattaformi ta' trażmissjoni, pjattaforma waħda partikolari ma tistax titqies bħala “essenzjali” għat-trażmissjoni tas-sinjali tax-xandir. Għaldaqstant, kienet twettaq żball ovvju li kieku l-liġi Spanjola ddikjarat l-użu ta' pjattaforma partikolari għat-trażmissjoni tas-sinjali tax-xandir bħala servizz pubbliku.

(182)

Ġie konkluż li, skont il-liġi Spanjola, it-tħaddim tan-netwerks terrestri ma għandux l-istatus ta' servizz pubbliku. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Spanjoli ma ddefinewx b'mod ċar it-tħaddim ta' pjattaforma terrestri bħala servizz pubbliku u, għalhekk, ma fdawx l-għoti ta' dan is-servizz pubbliku lil operatur ta' pjattaforma partikolari.

(183)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet ma pprovdew ebda evidenza ta' att ta' attribuzzjoni liż-żewġ benefiċjarji, Abertis u TelecomCLM.

(184)

L-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 106(2) li tapplika għall-kumpens tal-Istat għall-ispejjeż tal-provvista ta' servizz pubbliku ma tistax, għaldaqstant, tiġi invokata f'dan il-każ.

5.3.4.   L-għajnuna eżistenti

(185)

Abertis jissuġġerixxi li t-tnedija tan-netwerk tax-xandir terrestri fiż-Żona II kienet iffinanzjata kważi għal kollox mill-Komunitajiet Awtonomi Spanjoli bl-użu ta' fondi pubbliċi abbażi ta' leġiżlazzjoni li tmur lura għall-1982, jiġifieri qabel id-data tal-adeżjoni ta' Spanja mal-Komunità Ekonomika Ewropea fl-1986. Konsegwentement, skont Abertis, l-iskema tista' titqies bħala parti mill-finanzjament pubbliku kontinwu għat-tħaddim tan-netwerks terrestri lokali u, għalhekk, tista' titqies bħala għajnuna eżistenti.

(186)

Intant, il-finanzjament tal-estensjoni tan-netwerk terrestri beda fil-bidu tat-tmeninijiet, iżda f'dak iż-żmien ma kienx hemm xandara privati fis-suq. Għaldaqstant, l-infrastruttura estiża serviet biss il-ħtiġijiet tax-xandar pubbliku li, fi kwalunkwe każ, kellu l-obbligu li jipprovdi s-sinjal tiegħu lill-maġġoranza tal-popolazzjoni. Barra minn hekk, f'dak iż-żmien, il-pjattaforma tat-televiżjoni terrestri kienet l-unika pjattaforma għat-trażmissjoni tas-sinjal tat-televiżjoni fi Spanja. B'riżultat ta' dan, l-estensjoni tal-uniku netwerk disponibbli ma ħolqot ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni ma' pjattaformi oħrajn.

(187)

Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-leġiżlazzjoni u t-teknoloġija komplew jiżviluppaw, tant li wasslu għal pjattaformi ta' xandir ġodda u għal operaturi ġodda fis-suq, b'mod partikolari xandara privati. Billi l-benefiċjajru u ċ-ċirkostanzi ġenerali tal-finanzjament pubbliku nbidlu b'mod sostanzjali, il-miżura investigata ma tistax titqies bħala alterazzjoni ta' natura purament formali jew amministrattiva. Minflok, hija pjuttost alterazzjoni li taffettwa s-sustanza proprja tal-iskema oriġinali u, għalhekk, għandha titqies bħala skema ta' għajnuna ġdida (95). Fi kwalunkwe każ, il-bidla mit-televiżjoni analoga għat-televiżjoni diġitali saret possibbli biss minħabba l-progress teknoloġiku reċenti u, għalhekk, hija fenomenu ġdid. Konsegwentement, l-awtoritajiet Spanjoli suppost li kellhom jinnotifikaw din l-għajnuna ġdida.

5.4.   KONKLUŻJONI

(188)

Il-finanzjament mogħti minn Spanja, il-Gvern reġjonali ta' Castilla-La Mancha u l-kunsilli lill-operaturi tan-netwerks terrestri għat-titjib u d-diġitalizzazzjoni tan-netwerk tagħhom sabiex ikunu jistgħu jipprovdu stazzjonijiet tat-televiżjoni mingħajr ħlas fiż-Żona II huwa meqjus bħala li jikkostitwixxi għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. L-għajnuna mhijiex kompatibbli mas-suq komuni. Barra minn hekk, l-għajnuna ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni kif mitlub mill-Artikolu 108(3) tat-Trattat u ngħatat b'mod illegali mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, għandha tiġi rkuprata mingħand l-operaturi tan-netwerk terrestri.

(189)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għajnuna kontinwa għat-tħaddim u l-manutenzjoni tan-netwerk diġitalizzat mogħtija mingħajr sejħiet għall-offerti jew wara sejħiet għall-offerti teknoloġikament mhux newtrali hija wkoll inkompatibbli. Barra minn hekk, din l-għajnuna ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni kif previst fl-Artikolu 108(3) tat-TFUE u ddaħħlet fis-seħħ b'mod illegali mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, għandha tiġi rkuprata mingħand l-operaturi.

(190)

Kwalunkwe għajnuna mill-Istat li tingħata fil-futur għall-manutenzjoni u t-tħaddim għandha tiġi nnotifikata u għandha tirrispetta l-prinċipju tan-newtralità teknoloġika.

6.   IRKUPRU

6.1.   IL-ĦTIEĠA LI TIĠI ELIMINATA L-GĦAJNUNA

(191)

Skont it-Trattat u l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni hija kompetenti biex tiddeċiedi li l-Istat ikkonċernat irid jabolixxi jew ibiddel għajnuna (96) meta hija tkun iddeċidiet li hija inkompatibbli mas-suq intern. Il-Qorti ddeċidiet b'mod konsistenti li l-obbligu li Stat jabolixxi għajnuna meqjusa mill-Kummissjoni bħala inkompatibbli mas-suq intern huwa mfassal sabiex jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni kif kienet qabel (97). F'dan il-kuntest, il-Qorti ddeċidiet li dan l-objettiv jintlaħaq ladarba l-benefiċjarju jkun ħallas lura l-ammonti mogħtija bħala għajnuna illegali, b'hekk jitlef il-vantaġġ li jkun ibbenefika minnu minflok il-kompetituri tiegħu fis-suq, u tkun ġiet irkuprata s-sitwazzjoni ta' qabel il-ħlas tal-għajnuna. (98).

(192)

Skont dik il-każistika, l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (99) jgħid li “meta jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f'każijiet ta' għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mingħand il-benefiċjarju”.

(193)

Għalhekk, minħabba li l-finanzjament tat-titjib u d-diġitalizzazzjoni tal-pjattaforma terrestri u għat-tħaddim u l-manutenzjoni sussegwenti tagħha mogħti fi Spanja mis-snin 2008-2009 huwa meqjus bħala għajnuna illegali u inkompatibbli, Spanja għandha tintalab tirkupra l-għajnuna inkompatibbli, sabiex is-sitwazzjoni fis-suq titreġġa' lura għal kif kienet qabel l-għoti tal-għajnuna.

6.2.   IL-BENEFIĊJARJI TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT U L-KWANTIFIKAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

(194)

TelecomCLM u Abertis huma l-benefiċjarji diretti tal-għajnuna. L-ammonti kollha msemmija fil-premessi ta' hawn taħt huma bbażati fuq l-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni. Kif iddikjarat fil-premessa 42, biex itejbu ċ-ċentri tax-xandir tagħhom stess, TelecomCLM u Abertis irċevew EUR 13,2 miljuni u EUR 250 000, rispettivament. Barra minn hekk, mingħajr sejħa għall-offerti pubblika, TelecomCLM ġie magħżul biex jibni ċentri ġodda ta' trażmissjoni għall-kunsilli u sitta li saru proprjetà tiegħu (EUR 2,26 miljun).

(195)

Meta t-tagħmir tad-DTT jibqa' l-proprjetà tal-kunsilli, dawn ikunu xtrawh jew għal TelecomCLM jew għal Abertis. Minħabba li dawn il-kumpaniji ntgħażlu b'mod dirett (jiġifieri, mingħajr sejħa għall-offerti pubblika) għall-provvista ta' tagħmir diġitali u/jew il-provvista ta' servizzi ta' tħaddim u manutenzjoni, f'dan il-każ ukoll huma l-benefiċjarji diretti. Tabilħaqq, dawn iż-żewġ impriżi rċevew finanzjament pubbliku għall-ammont ta' madwar EUR 32,6 miljuni mingħajr sejħa għall-offerti pubblika (100).

(196)

L-għajnuna illegali u inkompatibbli trid tiġi rkuprata mingħand TelecomCLM u Abertis.

(197)

L-għajnuna kontinwa hija intiża għat-tħaddim u l-manutenzjoni tan-netwerks tad-DTT. L-operaturi ta' dawn in-netwerks huma l-benefiċjarji ta' din l-għajnuna għall-manutenzjoni u t-tħaddim. TelecomCLM u Abertis irċevew EUR 6,5 miljun matul il-perjodu 2009-2011. Għalhekk, l-għajnuna, u kwalunkwe għajnuna oħra mħallsa sussegwentement, għandha tiġi rkuprata minn dawn l-operaturi tan-netwerk.

(198)

Fil-każijiet fejn il-benefiċjarji individwali rċevew finanzjament li ma jaqbiżx il-livelli limiti speċifikati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 (101), tali finanzjament ma jitqiesx bħala għajnuna mill-Istat jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti minn dan ir-Regolament, u mhuwiex soġġett għal irkupru.

(199)

L-irkupru għandu jiġi effettwat mid-data meta ngħata l-vantaġġ lill-benefiċjarju, jiġifieri meta l-għajnuna tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju, u għandu jeħel l-imgħax sakemm ikun sar l-irkupru kollu.

7.   KONKLUŻJONI

(200)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li r-Renju ta' Spanja implimenta b'mod illegali l-għajnuna għall-operaturi tal-pjattaforma tat-televiżjoni terrestri għall-estensjoni tal-kopertura tat-televiżjoni diġitali terrestri f'żoni remoti u inqas urbanizzati ta' Castilla-La Mancha bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat. L-għajnuna, inkluża l-għajnuna (kontinwa) għat-tħaddim u għall-manutenzjoni, għandha tiġi rkuprata mill-operaturi tal-pjattaforma, li huma l-benefiċjarji diretti. Dawn jinkludu lill-kunsilli meta jaġixxu bħala operaturi tal-pjattaforma.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-operaturi tal-pjattaforma tat-televiżjoni terrestri TelecomCLM u Abertis biex itejbu ċ-ċentri tat-trażmissjoni, il-bini ta' ċentri tat-trażmissjoni ġodda u l-provvista ta' tagħmir diġitali u/jew ta' tħaddim u manutenzjoni fiż-Żona II ta' Castilla-La Mancha, li ngħatat illegalment minn Spanja bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE, hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

L-għajnuna individwali mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 ma tikkostitwixxi ebda għajnuna jekk, fiż-żmien li tingħata, hija tissodisfa l-kondizzjonijiet preskritti mir-regola li ġiet adottata skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 (102) applikabbli fiż-żmien li tingħata l-għajnuna.

Artikolu 3

1.   Spanja għandha tirkupra l-għajnuna inkompatibbli mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 mingħand Telecom CLM u Abertis.

2.   Is-somom li għandhom jiġu rkuprati għandu jinkludu l-imgħax mid-data li fiha tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sal-irkupru attwali tagħhom.

3.   L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (103).

4.   Spanja għandha tikkanċella l-ħlasijiet pendenti kollha tal-għajnuna taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 b'effett mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

1.   L-irkupru tal-għajnuna mogħtija mill-iskema msemmija fl-Artikolu 1 isir minnufih u b'mod effettiv.

2.   Spanja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tkun implimentata fi żmien erba' xhur mid-data tan-notifika tagħha.

3.   Fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni, Spanja għandha tippreżenta l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)

għall-benefiċjarji msemmija fl-Artikolu 1, l-ammont totali tal-għajnuna rċevuta minn kull wieħed minnhom;

(b)

l-ammont totali (il-kapital u l-imgħax) li għandu jiġi rkuprat minn kull benefiċjarju;

(c)

deskrizzjoni fid-dettall tal-miżuri li ttieħdu diġà u ta' dawk li huma ppjanati sabiex ikun hemm konformità ma' din id-Deċiżjoni;

(d)

dokumenti li juru li l-benefiċjarji ġew ordnati jħallsu lura l-għajnuna.

4.   Spanja għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata bil-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm l-irkupru tal-għajnuna mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 ikun lest. Hija għandha tibgħat minnufih, fuq it-talba tal-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li ttieħdu diġà u ppjanati sabiex ikun hemm konformità ma' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tipprovdi wkoll informazzjoni ddettaljata dwar l-ammonti ta' għajnuna u l-imgħax li jkunu ġew irkuprati diġà mingħand il-benefiċjarji.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta' Spanja.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  http://www.boe.es/boe/dias/2005/06/15/pdfs/A20562-20567.pdf

(2)  http://www.boe.es/boe/dias/2005/07/30/pdfs/A27006-27014.pdf

(3)  ĠU C 335, tal-11.12.2010, p. 8.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/489/UE tad-19 ta' Ġunju 2013 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.28599 (C 23/10 (ex NN 36/10, ex CP 163/09)) implimentata mir-Renju ta' Spanja għat-tnedija tat-televiżjoni diġitali terrestri f'żoni remoti u inqas urbanizzati ('il barra minn Castilla-La Mancha) (ĠU L 217, 23.7.2014, p. 52).

(5)  Astra kkontesta t-terminazzjoni tal-kuntratt quddiem qorti tal-ewwel istanza f'Santander (il-proċedura Nru 1728/2009) li fit-23 ta' Diċembru 2011 ordnat lill-awtoritajiet ta' Cantabria sabiex jindennizzaw lil Astra għat-terminazzjoni mhux ġustifikata tal-kuntratt. Il-Qorti ma sabet li kien hemm ebda ksur tal-kuntratt min-naħa ta' Astra li seta' jiġġustifika t-terminazzjoni tal-kuntratt. Skont il-Qorti, id-Deċiżjoni tal-Gvern ċentrali Spanjol li jiżviluppa l-istrateġija nazzjonali għad-DTT kienet waħda mir-raġunijiet għat-terminazzjoni tal-kuntratt. Ara s-sentenza 000313/2011 tal-Qorti tal-Ewwel Istanza ta' Santander.

(6)  Il-konċessjoni tinkludi l-assenjazzjoni ta' frekwenza għax-xandir terrestri.

(7)  Xandir tat-televiżjoni diġitali permezz tal-protokoll tal-Internet huwa terminu li jintuża sabiex jirreferi għas-sistemi ta' distribuzzjoni tas-sinjali tal-vidjo u tat-televiżjoni permezz ta' netwerk ta' komunikazzjoni elettronika bl-użu tal-Protokoll tal-Internet.

(8)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-trasformazzjoni tad-dividend diġitali f'benefiċċji soċjali u tkabbir ekonomiku (COM(2009) 586) irrakkomandat li l-Istati Membri jieqfu jużaw il-medda 800 MHz għas-servizzi ta' xandir ta' qawwa għolja u jimplimentaw b'mod sħiħ id-Deċiżjoni dwar l-armonizzazzjoni teknika tal-UE sa data partikolari maqbula fil-livell tal-UE.

(9)  Ara, pereżempju, għall-għajnuna mill-Istat ta' Franza N 666/09 — Emenda tal-iskema tal-għajnuna lil TNT N 111/06, għall-għajnuna mill-Istat tas-Slovakkja N 671/09, Il-bidla għax-xandir tat-televiżjoni diġitali fis-Slovakkja. Fi Spanja: Għajnuna mill-Istat SA.28685 [2011(NN)], riċezzjoni tat-televiżjoni diġitali f'Cantabria. Ta' min jinnota wkoll, li fiż-żoni remoti u inqas żviluppati ta' Spanja li qegħdin jiġu investigati (“iż-Żona II”) mhux dejjem kien vijabbli li jiġu pprovduti sinjali tat-televiżjoni permezz tal-pjattaforma tad-DTT u, għalhekk, f'xi żoni ntgħażlet it-trażmissjoni bis-satellita, kemm għat-trażmissjoni bejn iċ-ċentri kif ukoll għat-trażmissjoni lejn xi djar (għal iktar dettalji, ara l-kapitolu 2.2.2.). Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, dawn il-faċilitajiet kollha, se jkomplu jitqiesu bħala “terrestri”.

(10)  Ara d-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju u, b'mod partikolari, l-Artikolu 6(4) tagħha (ĠU L 81, 21.3.2012, p. 7).

(11)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SA. 32619 — Kumpens tad-danni li jirriżultaw mil-liberazzjoni tad-dividend diġitali (ĠU C 213, 19.7.2012, p. 41). Minħabba l-kumplessità tar-riorganizzazzjoni tas-servizzi u tal-użu tal-ispettru, Spanja talbet eċċezzjoni fid-data tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6(4) tad-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE.

(12)  Madwar 26 stazzjon nazzjonali u 30 stazzjon reġonali mingħajr ħlas.

(13)  […]

(14)  Fir-rigward tax-xandara privati stabbilixxa l-obbligu li sa dik id-data jilħqu 96 % tal-popolazzjoni fiż-żoni ta' kopertura rispettivi tagħhom, filwaqt li x-xandara pubbliċi ġew mitluba jilħqu 98 % tal-popolazzjoni fiż-żoni ta' kopertura rispettivi tagħhom. F'din iż-Żona I, ix-xandara kellhom l-obbligu li jkopru dawn il-perċentwali tal-popolazzjoni bit-televiżjoni terrestri diġitali u kellhom iġorru l-ispejjeż tad-diġitalizzazzjoni huma stess. B'hekk, ma kienet meħtieġa ebda għajnuna mill-Istat.

(15)  http://www.televisiondigital.es/Documents/PlanNacionalTransicionTDT.pdf

(16)  Sussegwentement ikklassifikati fil-Fażijiet I, II u III.

(17)  http://www.boe.es/boe/dias/2008/03/06/pdfs/A13832-13834.pdf

(18)  Id-Deċiżjoni li tirrigwarda d-distribuzzjoni tal-fondi għall-iżvilupp tal-broadband u d-diġitalizzazzjoni tat-televiżjoni fiż-Żona II tħalliet għall-awtoritajiet reġjonali.

(19)  Il-ftehimiet ta' qafas ġew iffirmati fl-2006 bejn l-MIEyT u l-Komunitajiet Awtonomi fi ħdan il-qafas tal-Pjan Avanza.

(20)  http://www.boe.es/boe/dias/2009/07/02/pdfs/BOE-A-2009-10972.pdf

(21)  Ara, pereżempju, l-Addenda ta' Andalucía: http://www.boe.es/boe/dias/2009/10/28/pdfs/BOE-A-2009-17108.pdf

(22)  B'kollox, ġew konklużi aktar minn 600 ftehim — ftehimiet ta' qafas, addenda, eċċ. — bejn l-awtoritajiet rigward l-estensjoni tal-kopertura.

(23)  Il-Gvern ta' Castilla-La Mancha kkonkluda li ma kienx hemm biżżejjed żmien biex tiġi organizzata sejħa għall-offerti fil-perjodu ta' żmien tal-Pjan Nazzjonali għat-Tranżizzjoni għad-DTT. Qabbel: L-Annessi II — Studju intern tal-JCCM dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan Nazzjonali għat-Trażmissjoni għad-DTT f'Castilla La-Mancha, p. 31.

(24)  Il-Kunsill ta' Castilla-La Mancha: Implimentazzjoni tal-Pjan għat-Tranżizzjoni għad-DTT f'Castilla-La Mancha, preżentazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea, is-27 ta' Ottubru 2010.

(25)  Il-kunsilli huma l-proprjetarji tat-tagħmir u għandhom iħallsu l-ispejjeż tal-operat u l-manutenzjoni matul l-ewwel sentejn ta' tħaddim.

(26)  Ftehim ta' kollaborazzjoni bejn il-JCCM u l-Kunsill ta' Caspueñas, p. 76.

(27)  Fuq il-bażi tal-ftehimiet tat-trasferiment tat-tagħmir tad-DTT, iffirmati fis-17 ta' Mejju 2013. Għalhekk ġie ggarantit il-forniment tat-tħaddim u l-manutenzjoni tat-tagħmir tad-DTT, wara l-perjodu ta' sentejn stabbilit fil-ftehimiet. Madankollu, fil-każ ta' tliet ftehimiet, Abertis baqa' jkun is-sid tat-tagħmir tad-DTT.

(28)  Biex jimmodernizzaw in-netwerks tagħhom, il-kunsilli ħallsu sa EUR 32,6 miljun lil TelecomCLM u Abertis.

(29)  Il-ftehimiet ta' kollaborazzjoni jkopru sentejn ta' tħaddim u manutenzjoni. Fil-każ tal-kunsilli, dan l-ammont jitla' sa EUR 4,5 miljun u għall-operaturi sa EUR 2 miljun. Studju intern tal-JCCM dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan Nazzjonali għat-Trażmissjoni għad-DTT f'Castilla La-Mancha, p. 53.

(30)  Ara b'mod partikolari s-sentenzi: DVB-T Brandenbourg, T-21/06, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, Ġabra 2009, p. II-197, punt 69, u Mediaset SpA vs Il-Kummissjoni, T-177/7, Ġabra 2010, p. II-2341.

(31)  Fl-każ ta' Castilla — La Mancha, l-awtoritajiet ma allegawx li l-miżura għandha titqies bħala SGEI. Lanqas ma tissodisfa l-kriterji Altmark, peress li, fost raġunijiet oħra, ma hemm ebda mandat, ir-riċevituri ma ġewx magħżula permezz ta' sejħa pubblika, u lanqas l-awtorità ma kkalkulat il-kumpens fuq il-bażi tal-ispiża li impriża ġestita tajjeb kien ikollha tħallas biex tipprovdi dawk is-servizzi.

(32)  Inizjalment, il-kunsilli kienu bnew ċentri tat-trażmissjoni analogi, li kienu proprjetà tagħhom, fid-deċennji li għaddew. Il-kunsilli rċevew finanzjament pubbliku biex jiddiġitalizzaw din l-infrastruttura.

(33)  Junta de Castilla-La Mancha, sottomissjoni lill-KE (każ C24/2010) — Tnedija ta' televiżjoni diġitali terrestri (DTT) f'żoni remoti u inqas urbanizzati minn Castilla-La Mancha, mibgħut fis-6 ta' Ġunju 2014.

(34)  Dan, madankollu, imur kontra d-dokumenti ppreżentati minn Spanja. Pereżempju, l-Artikolu 7 tal-ftehim tat-trasferiment tat-tagħmir tad-DTT bejn TelecomCLM u JCCM jikkonċerna s-servizzi DTT ipprovduti mill-operatur fiż-Żona II. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessa 73, il-JCCM innifsu argumenta li Abertis u TelecomCLM għandhom jiġu kkunsidrati bħala operaturi tan-netwerk fiż-Żona II. Dan jikkontradixxi wkoll l-attivitajiet tal-operaturi deskritti fid-dettall fil-premessi 113 sa 120.

(35)  Dr. Julián Seseña “Extensión de la cobertura de la señal TDT en Castilla — La Mancha (L-estensjoni tal-kopertura tas-sinjal DTT f'Castilla — La Mancha): Estudio comparativo socio-económico de opciones tecnológicas (Studju komparattiv soċjoekonomiku ta' għażliet teknoloġiċi)”, Settembru 2008, studju mwettaq għall-Junta ta' Castilla-La Mancha (JCCM).

(36)  Barra minn hekk, il-JCCM jallega li d-disaggregazzjoni tal-ispejjeż komparattivi a posteriori tikkonferma l-konklużjoni li s-soluzzjoni terrestri tegħleb dik satellitari. Din id-disaggregazzjoni tikkumplimenta l-istudji ppreżentati preċedentement mill-JCCM lill-Kummissjoni, anki meta l-investiment inizjali għas-soluzzjoni terrestri kien ftit ogħla minn dik satellitari, mir-raba' sena s-soluzzjoni terrestri kienet tkun ekonomikament aktar effiċjenti mill-pjattaforma offruta minn Astra. Biex iwettaq dan il-kalkolu, il-JCCM uża ipoteżi tal-ispejjeż ippreżentati minn Astra f'Memorandum tal-10 ta' Novembru 2011.

(37)  Bħalissa hemm madwar 900 operaturi rreġistrati fir-Reġistru.

(38)  Il-JCCM iddeċieda li jimplimenta s-satellita f'postijiet b'popolazzjoni baxxa fiż-Żona II meta ma kienx hemm ċentru ta' trażmissjoni jew l-ispiża tad-diġitalizzazzjoni tal-infrastruttura terrestri eżistenti kienet għolja wisq. Ġew iffirmati 100 ftehim ta' kollaborazzjoni mal-kunsilli li wasslu għall-installazzjoni ta' riċevituri tas-satellita f'kull dar, li kien inqas għoli milli kieku nbena ċentru tat-trażmissjoni ġdid.

(39)  Ir-raġuni għal din l-esklużjoni kienet li jiġi evitat id-diġitalizzazzjoni ta' ċentru li diġà kien kopert mill-obbligu ta' kopertura DTT uffiċjali tax-xandara fiż-Żona I.

(40)  60 % kopertura tal-popolazzjoni fir-reġjun (ibbażata fuq ċerti parametri ta' trażmissjoni) tista' tinkiseb biss bi 8-12-il ċentru ta' trażmissjoni li jinsabu barra mill-bliet ewlenin tar-reġjun. Radiodifusión ma għandux dawn iċ-ċentri. Dawn iċ-ċentri kollha ta' trażmissjoni jiffurmaw parti, matul l-aħħar 10 snin, mill-pjan tal-kopertura uffiċjali għax-xandara. Madankollu, l-ebda awtorità pubblika, nazzjonali, reġjonali jew lokali, ma tikkunsidra d-diġitalizzazzjoni ta' dawn iċ-ċentri peress li dawn diġà ġew inklużi fil-pjan ta' kopertura uffiċjali għall-estensjoni tad-DTT fir-reġjun.

(41)  Il-JCCM ippreżenta żewġ eżempji ta' ftehimiet iffirmati minn Abertis.

(42)  Il-paragrafu 22 tad-dikjarazzjoni ta' Abertis Telecom tal-31 ta' Jannar 2011.

(43)  Astra jirreferi għall-istudju tiegħu tal-ispejjeż ippreżentat flimkien mal-ilment, magħmul f'Novembru 2008. L-istudju jqabbel l-ispejjeż tal-estensjoni tal-kopertura bl-użu taż-żewġ teknoloġiji — terrestri u bis-satellita. Is-suppożizzjonijiet tal-istudju jvarjaw minn dawk espressi mill-awtoritajiet Spanjoli u Abertis f'diversi aspetti u, inter alia, fir-rigward tal-ispejjeż tad-dixxijiet tas-satellita u l-ħtieġa li jinxtraw decoders esterni għar-reċezzjoni tat-televiżjoni diġitali terrestri. L-istudju jikkonkludi li l-estensjoni tal-kopertura permezz tas-satellita mhux bilfors kienet aktar għalja mill-użu tat-teknoloġija terrestri.

(44)  Abertis jirreferi għall-istudju dwar l-ispejjeż imwettaq minnu f'Jannar tal-2010 sabiex iqabbel l-ispejjeż rispettivi għall-użu tad-DTT u t-teknoloġija tas-satellita għall-provvista tas-servizzi tat-televiżjoni diġitali fiż-Żona II. Skont dan l-istudju, l-ispiża totali tal-użu tat-teknoloġija ta' DTT kienet titla' sa madwar EUR 286 miljun fuq perjodu ta' 10 snin, filwaqt li l-ispejjeż totali tal-użu tat-teknoloġija satellitari fl-istess perjodu jikkorrispondu għal madwar EUR 532 miljun.

(45)  SA.28599 — C(2013)3204 finali tad-19 ta' Ġunju 2013.

(46)  Din il-gwida tista' tinstab fid-dokumenti rilevanti tal-Gvern ċentrali. B'mod partikolari, il-ftehimiet ta' qafas iffirmati f'Diċembru tal-2008, intitolati “Ftehim ta'Qafas ta' Kollaborazzjoni bejn il-Ministeru tal-Industrija, it-Turiżmu u l-Kummerċ u l-Komunità Awtonoma ta' […] għall-iżvilupp tal-Pjan ta' Tranżizzjoni Nazzjonali għad-DTT”, jipprevedu lista ta' attivitajiet li għandhom jiġu ffinanzjati mill-awtoritajiet ċentrali u reġjonali sabiex tintlaħaq kopertura tat-televiżjoni li tkun ugwali għal kopertura pprovduta bit-trażmissjoni analoga diġà eżistenti. Minn naħa waħda, huma jirreferu għaċ-ċentri ta' trażmissjoni eżistenti li ġew aġġornati mix-xandara (iċ-ċentri tad-DTT użati fiż-Żona I) u, min-naħa l-oħra, għal “estensjonijiet tal-kopertura” — ċentri ġodda li għandhom jintużaw sabiex tiġi żgurata l-istess penetrazzjoni tat-televiżjoni diġitali. Fid-dawl tal-fatt li hija biss it-teknoloġija DTT li teħtieġ l-eżistenza ta' ċentri tat-trażmissjoni, jidher ċar li l-azzjonijiet ippjanati jikkonċernaw biss it-teknoloġija DTT. Barra minn hekk, l-addenda għall-Ftehimiet ta' Qafas iffirmati bejn Ottubru u Diċembru tal-2009 jirreferu għall-finanzjament għall-estensjoni tal-kopertura. Huma jiddefinixxu dak li għandu jinftiehem minn “azzjonijiet għall-estensjoni tal-kopertura”, billi jagħmlu referenza espliċita biss għat-teknoloġija terrestri.

(47)  Fil-laqgħat li saru mal-Komunitajiet Awtonomi, l-MIEyT wera l-għan tiegħu li jiżgura t-tranżizzjoni għad-DTT anki fiż-Żona II. Dan ġie kkonfermat permezz ta' preżentazzjoni, li hija disponibbli fuq l-Internet, u ffirmata mill-MIEyT: http://www.fenitel.es/asamblea08/PONENCIAS/4SETSI.pdf. Dan ġie kkonfermat ukoll minn stqarrijiet li saru mill-Komunitajiet Awtonomi b'reazzjoni għat-talba tal-Kummissjoni għall-informazzjoni. Fit-tweġibiet tagħhom, il-Komunitajiet Awtonomi jirreferu b'mod espliċitu għall-Pjan ta' Tranżizzjoni Nazzjonali li ġie adottat permezz tad-Digriet Irjali 944/2005 u għall-Pjan Avanza. Ara, pereżempju, it-tweġiba minn Extremadura: “B'konformità ma'… id-Digriet Irjali 944/2005… li japprova l-Pjan Tekniku Nazzjonali għat-televiżjoni diġitali terrestri li jistabbilixxi l-inizjattiva lokali li tikkonċerna l-estensjoni tal-kopertura tad-DTT…”.

(48)  Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni: N622/2003 Digitalisierungsfonds Austria, C25/2004 DVB-T Berlin Brandenburg (il-premessa 62), C34/2006 DVB-T North-Rhine Westphalia (il-premessa 83), C52/2005 Mediaset (il-premessa 96).

(49)  Il-kawża T-196/04 Ryanair. vs Il-Kummissjoni Ewropea, Ġabra 2007, p. II-2379, punt 88.

(50)  Ara l-kawżi magħquda T-443/08 u T-455/08: Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt (T-443/08) u Mitteldeutsche Flughafen AG u Flughafen Leipzig-Halle GmbH (T-455/08) vs Il-Kummissjoni Ewropea, Ġabra 2011, p. II-1311, il-punt 115, fejn il-Qorti tgħid: “Il-fatt li attività ma tkunx ipprovduta minn operaturi privati jew li ma tipprovdix qligħ ma humiex kriterji rilevanti fil-kuntest tal-klassifikazzjoni tagħha bħala attività ekonomika (…).”

(51)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat għall-kumpens mogħti għall-provvista ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (ĠU C 8, 11.1.2012, p. 4).

(52)  Il-kawżi C-364/92, SAT/Eurocontrol, Ġabra 1994, p. I-43, il-punti 19 sa 30, u C-113/07 P, Selex, Ġabra 2009, p.I-2207.

(53)  Il-kawża C-343/95, Calì & Figli, Ġabra 1997, p. I-1547, il-punt 22.

(54)  Il-kawża T-155/04 Selex, Ġabra 2006, p. II-4797, il-punti 73–82, ikkonfermata mill-kawża C-113/07, Selex, Ġabra I-2307.

(55)  Kif ġie stabbilit fit-taqsima 2.1.3, ix-xandara pubbliċi għandhom obbligu ta' kopertura ta' 98 % u għalhekk kellhom ikopru ż-Żona II bil-mezzi tagħhom stess. Barra minn hekk, l-istazzjonijiet televiżivi pubbliċi u nazzjonali ta' RTVE u l-istazzjonijiet pubbliċi reġjonali jixxandru permezz ta' netwerk differenti. Filwaqt li x-xandara privati jużaw is-sinjal tan-Netwerk bi Frekwenza Waħda (SFN l-akronimu bl-Ingliż), ix-xandara pubbliċi jużaw in-netwerk ta' Red Global Española (RGE). B'riżultat ta' dawn id-differenzi, il-faċilitajiet terrestri jeħtieġu tagħmir differenti għal kull wieħed miż-żewġ netwerks.

(56)  Peress li operatur lokali bħal Radiodifusión jittrażmetti sinjal tax-xandara nazzjonali, seta' talab is-sussidji reġjonali. Madankollu, ma saritx sejħa għall-offerti li tistieden lill-operaturi potenzjalment interessati sabiex jissottomettu l-offerti tagħhom. Għall-kuntrarju, l-awtoritajiet reġjonali kellhom ikunu dawk li jieħdu l-inizjattiva, jillokalizzaw iċ-ċentri tat-trażmissjoni li jittrażmettu s-sinjal tax-xandara nazzjonali u joffrulhom appoġġ għad-diġitalizzazzjoni. F'dan ir-rigward, Radiodifusión argumenta li, anki meta ttrażmetta mill-ġdid is-sinjal tat-televiżjoni, qatt ma ġie kkuntattjat mill-Awtorità Pubblika biex jiddiskutu l-finanzjament potenzjali tad-diġitalizzazzjoni tan-netwerk tiegħu.

(57)  Minħabba li l-ftehimiet tat-trasferiment tat-tagħmir tad-DTT, f'xi każijiet, it-tagħmir miksub minn TelecomCLM (iffinanzjat mill-JCCM) ingħata lura lill-JCCM wara sentejn ta' tħaddim.

(58)  […]

(59)  Kif ġie stabbilit fil-premessa 24, Abertis jiddomina s-suq għat-trażmissjoni ta' sinjali tat-televiżjoni mingħajr ħlas fuq il-pjattaforma terrestri fiż-Żona I u permezz tas-sussidjarju tiegħu Hispasat fiż-Żona III. Permezz tal-estensjoni tal-kopertura tat-televiżjoni diġitali terrestri għaż-Żona II, il-provvista ta' sinjali tat-televiżjoni mingħajr ħlas mal-pajjiż kollu tibqa' taħt il-kontroll ta' Abertis. Barra minn hekk, fil-ġejjieni, id-dħul ta' Astra fiż-Żona II jista' jiġġenera wkoll aktar kompetizzjoni fuq il-pjattaforma fiż-Żoni I u III. Permezz ta' analoġija, hemm ħafna studji li juru l-benefiċċji f'termini tat-tnaqqis tal-prezzijiet u ż-żieda fil-kwalità tas-servizz meta l-pjattaforma satellitari ġiet introdotta fis-suq tat-televiżjoni fl-Istati Uniti. Qabel id-dħul tas-satellita, l-impriżi tal-kejbil gawdew poter ta' monopolju fiż-żoni ġeografiċi lokali determinati. Qabbel, pereżempju: Chenghuan Sean Chu, The effect of satellite entry on cable television prices and product quality, RAND Journal of Economics, Vol. 41, Nru 4, Ix-Xitwa 2010, p. 730-764.

(60)  C-52/05 — Id-decoders diġitali fl-Italja (ĠU C 118, 19.5.2006, p. 10) u (ĠU L 147, 8.6.2007, p. 1).

(61)  Xi eżempji ta' impriżi li rebħu s-sejħiet għall-offerti: Tredess huwa manifattur ta' tagħmir għat-trażmissjoni diġitali li jappartjeni għal Televes Group, li jimmanifattura wkoll riċevituri tat-televiżjoni diġitali permezz tas-satellita, antenni u dixxijiet tat-televiżjoni diġitali (Qabbel http://www.tredess.com u http://www.televes.es). B'mod simili: Mier (http://www.mier.es), Elecnor (http://www.elecnor.es/es.negocios.infraestructuras/telecomunicaciones) Itelsis, BTESA, Axion, Retegal, Itelazpi, Telecom CLM.

(62)  Is-sejħiet għall-offerti fiż-Żona II rigward l-estensjoni tal-kopertura ta' spiss jitolbu għal soluzzjonijiet fuq bażi turnkey li jkunu jirrikjedu l-integrazzjoni, l-installazzjoni u l-forniment ta' bosta komponenti ta' tagħmir (dixx, antenna, trażmettitur, riċevitur tas-satellita). Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, is-soluzzjoni pprovduta kienet tinkludi tagħmir ta' riċevitur tas-satellita sabiex jirċievi s-sinjal diġitali diġà distribwit permezz tas-satellita mix-xandara.

(63)  L-awtoritajiet tas-CLM ma setgħu jipprovdu ebda eżempju ta' offerta magħmula minn operatur ieħor tat-telekomunikazzjoni. Xi installaturi tat-telekomunikazzjoni ppreżentaw offerti, iżda kienu esklużi minħabba li ma kienux irreġistrati bħala operaturi tat-telekomunikazzjoni.

(64)  Pereżempju, Antena 3, Cuatro, Telecinco, La Sexta, La Siete, Teledeporte, TVE, La2, Canal 24 horas.

(65)  Analiżi tas-suq tat-televiżjoni ppreżentata minn Spanja fin-notifika tal-miżura: Kumpens għal danni mil-liberalizzazzjoni tad-dividend diġitali fi Spanja, SA.32619 (2011/N).

(66)  T-55/99, Confederación Espanola de Transporte de Mercancias (CETM) vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, [2000] Ġabra II-3207.

(67)  COM/2002/263 finali, “eEurope 2005: Soċjetà tal-informazzjoni għal kulħadd; COM(2003) 541 finali, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-tranżizzjoni mix-xandir analogu għax-xandir diġitali (minn “qlib” għad-diġitali għal “diżattivazzjoni” tal-analogu) “u COM(2005) 204 finali,” Komunikazzjoni dwar it-tħaffif tat-tranżizzjoni mix-xandir analogu għax-xandir diġitali.”

(68)  Ara d-dokument “Għajnuna mill-Istat li hija inqas fl-ammont u mmirata aħjar: programm ta' ħidma għar-riforma tal-għajnuniet mill-Istat 2005–2009”, COM(2005)107 finali.

(69)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 68, COM(2003) 541 finali.

(70)  Ara, fost deċiżjonijiet oħrajn, N622/03 Fondi għad-Diġitalizzazzjoni — l-Awstrija (ĠU C 228, 17.9.2005, p. 12); C-25/04 Introduzzjoni tat-televiżjoni diġitali terrestri(DVB-T) f'Berlin-Brandenburg — il-Ġermanja (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 14); C-24/04 Televiżjoni diġitali terrestri f'Sucia (ĠU L 112, 30.4.2007, p. 77); C-52/05 Decoders diġitali — l-Italja (ĠU L 147, 8.6.2007, p. 1); N270/06 Sussidji għad-decoders diġitali b'API — l-Italja (ĠU C 80, 13.4.2007, p. 3); N107/07 Sussidji għall-IdTV — l-Italja (ĠU C 246, 20.10.2007, p. 2); C-34/06 Introduzzjoni tat-televiżjoni diġitali terrestri (DVB-T) f'Nordrhein-Westfalen (ĠU L 236, 3.9.2008, p. 10); SA 28685 Qbid tat-Televiżjoni Diġitali f'Cantabria — Spanja (ĠU C 119, 24.4.2012, p. 1).

(71)  Ara l-premessa 132 tad-Deċiżjoni C-25/04 Introduzzjoni tat-televiżjoni diġitali terrestri (DVB-T) f'Berlin-Brandenburg — il-Ġermanja (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 14).

(72)  COM(2002)263 final, “eEurope 2005: Soċjetà tal-informazzjoni għal kulħadd”.

(73)  COM(2003) 541 finali, “Komunikazzjoni dwar it-tranżizzjoni mix-xandir analogue għax-xandir diġitali (minn “bidla” diġitali għal “diżattivazzjoni” tal-analogue) “u COM(2005) 204 finali,” Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-tħaffif tat-tranżizzjoni mix-xandir analogu għax-xandir diġitali”.

(74)  COM(2005) 229 finali, tal-1 ta' Ġunju 2005.

(75)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 56.

(76)  Kawżi T-8/06 -- FAB vs Il-Kummissjoni, sentenza tas-6 ta' Ottubru 2009, Ġabra 2009, p. II-04293; C-544/09P — Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, is-sentenza tal-15 ta' Settembru 2011, għadha mhix ippubblikata; T-177/07, Mediaset vs Il-Kummissjoni, sentenza tal-15 ta' Ġunju 2010, Ġabra 2010, p. II-02341; u C-403/10 P — Mediaset vs Il-Kummissjoni, sentenza tat-28 ta' Lulju 2011, għadha mhix ippubblikata.

(77)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 7.

(78)  Pereżempju, studju serva bħala ġustifikazzjoni biex tintgħażel teknoloġija determinata f'rapport ta' broadband, ara d-Deċiżjoni N222/2006 tal-Kummissjoni — Għajnuna biex tingħalaq il-qasma diġitali f'Sardinja (ĠU C 68, 24.3.2007, p. 6).

(79)  Ir-Renju Unit għażel id-DTT għall-provvista tat-televiżjoni lokali fuq il-bażi ta' studju ex ante mwettaq mir-regolatur OFCOM u fuq il-bażi ta' konsultazzjoni ex ante tal-operaturi tas-suq. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni ma insistietx li twettaq sejħa għall-offerti teknoloġikament newtrali. SA.33980 (2012/N) — It-televiżjoni lokali fir-Renju Unit.

(80)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 34.

(81)  L-istudju għandu xi difetti oħra. Pereżempju, ma jiġġustifikax b'mod suffiċjenti għaliex titqies biss 2,85 % tal-popolazzjoni ta' Castilla-La Mancha. Din il-presuppożizzjoni għandha impatt fuq l-effettività tan-nefqa taż-żewġ pjattaformi.

(82)  Il-VPN iqis jekk il-pagamenti sarux illum jew fil-futur (ġew aġġornati dħul/infiq fil-futur). L-introduzzjoni sempliċi ta' tip ta' modernizzar pjuttost konservattiv ta' 4 %, tnaqqas id-differenza bejn l-ispejjeż tat-teknoloġija terrestri u bis-satellita.

(83)  Jekk wieħed jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċifri aġġornati, kif ikkalkulat mill-Kummissjoni stess, tinkiseb bidla fiż-żewġ xenarji ta' spejjeż, bi stima ottimista ta' EUR 36 466 648 għall-modalità satellitari u EUR 60 542 411 għall-modalità terrestri, u stima pessimista ta' EUR 56 760 211 għall-modalità satellitari u EUR 65 155 166 għall-modalità terrestri. Dawn il-kalkoli huma bbażati fuq tliet elementi li jkunu temmew l-istudju ta' Castilla-La Mancha: 1) il-kunsiderazzjoni tal-approċċ tal-VPN għall-ispejjeż rikorrenti fuq perjodu ta' għaxar snin; 2) in-numru ta' ċentri tat-trażmissjoni ġodda biex tiġi żgurata l-kopertura addizzjonali mistennija u 3) il-livell ikkoreġut tal-ispejjeż ta' tħaddim u ta' manutenzjoni. Id-differenza bejn ix-xenarju “ottimist” u “pessimist” ġejja mill-istudju oriġinali ta' Castilla-La Mancha.

(84)  Jiddistingwi 15 % tat-trażmissjoni terrestri, inkluż it-tagħmir addizzjonali biex jiġi eliminat l-eku u 15 % tat-trażmissjoni terrestri b'eku (paġna 34 tal-istudju).

(85)  Pereżempju; Franza, ir-Renju Unit, l-Italja, is-Slovakkja.

(86)  Kif enfasizzat fis-sentenza tal-Qorti nazzjonali. Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 5.

(87)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 11.

(88)  http://stakeholders.ofcom.org.uk/consultations/second-coexistence-consultation/

(89)  Skont l-istimi ta' Astra, in-numru totali ta' stazzjonijiet lokali li qegħdin jxandru bħalissa ma jaqbiżx l-415-il stazzjon.

(90)  Il-Liġi 11/1998, tal-24 ta' April, Ġenerali dwar it-Telekomunikazzjoni.

(91)  Dawn jinkludu servizzi relatati mad-difiża pubblika, mal-protezzjoni ċivili u mal-operat tan-netwerk tat-telefonija.

(92)  Il-Liġi 32/2003, tat-3 ta' Novembru, Ġenerali dwar it-Telekomunikazzjoni.

(93)  L-Artikolu 2(1) tal-Liġi jgħid: “Is-servizzi tat-telekomunikazzjoni huma servizzi ta' interess ġenerali pprovduti skont ir-regoli tal-kompetizzjoni ħielsa”.

(94)  L-Anness II tal-Liġi 32/2003 jinkludi definizzjonijiet preċiżi u teknoloġikament newtrali ta' “telekomunikazzjoni” u ta' “netwerk tal-komunikazzjoni elettronika”. “Telekomunikazzjoni: kwalunkwe trażmissjoni, emissjoni jew reċezzjoni ta' sinjali, kitba, stampi u ħsejjes jew informazzjoni ta' kwalunkwe natura bil-wajer, bir-radju, b'mezzi ottiċi jew b'sistemi elettromanjetiċi oħrajn”. “Netwerk ta' komunikazzjoni elettronika tfisser sistemi ta' trażmissjoni u, fejn applikabbli, it-tagħmir ta' switching jew routing u riżorsi oħrajn, inklużi l-elementi tan-netwerk li mhumiex attivi, li jippermettu t-trasportazzjoni ta' sinjali bil-kejbil, bir-radju, b'mezzi ottiċi jew b'mezzi elettromanjetiċi oħrajn, inklużi netwerks tas-satellita, netwerks terrestri fissi (circuit- and packet-switched, inkluż l-Internet) u netwerks terrestri mobbli, sistemi ta' kejbil tal-elettriku, sal-punt li jintużaw għall-finijiet tat-trażmissjoni tas-sinjali, netwerks użati għax-xandir fuq ir-radju u t-televiżjoni, kif ukoll netwerks tat-televiżjoni bil-kejbil, irrispettivament mit-tip ta' informazzjoni mwassla”.

(95)  Il-kawżi T-195/01 u T-207/01, Governement of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, Ġabra 2002, p. II-2309, il-punti 109–111.

(96)  Kawża C-70/72 Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, Ġabra 1973, p. 813, il-punt 13.

(97)  Kawżi konġunti C-278/92, C-279/92 u C-280/92 Spanja vs Il-Kummissjoni, Ġabra 1994, p. I-4103, il-punt 75.

(98)  Kawża C-75/97, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, Ġabra 1999, p. I-030671, il-punti 64–65.

(99)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(100)  Jekk, f'każijiet individwali, Spanja tista' turi li kien hemm sejħa għall-offerti pubblika għall-provvista ta' tagħmir, dak l-ammont se jiġi eskluż mill-irkupru.

(101)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta' Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-għajnuna de minimis (ĠU L 379, tat-28.12.2006, p. 5).

(102)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċertu kategoriji ta' għajnuna Statali orizzontali (ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1).

(103)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).


ANNESS

Informazzjoni dwar l-ammonti ta’ għajnuna rċevuti, li għandhom jiġu rkuprati u li diġà ġew irkuprati

L-identità tal-benefiċjarju

Ammont totali tal-għajnuna rċevuta taħt l-iskema (*)

Ammont totali tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata (*)

(Kapital)

Ammont totali diġà rkuprat (*)

Kapital

Imgħax tal-irkupru

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


(*)  F'miljuni tal-munita nazzjonali