27.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/23


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1223

tal-25 ta' Lulju 2016

li temenda d-Deċiżjoni 2011/30/UE dwar l-ekwivalenza tas-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità u s-sistemi ta' investigazzjoni u penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar ta' ċerti pajjiżi terzi kif ukoll dwar perjodu tranżizzjonali għall-attivitajiet tal-awditjar ta' awdituri u entitajiet tal-awditjar ta' ċerti pajjiżi terzi fl-Unjoni Ewropea

(notifikata bid-dokument C(2016) 4637)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (1), u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tagħha,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/30/UE (2), l-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar li jipprovdu rapporti tal-awditjar rigward il-kontijiet annwali jew konsolidati ta' kumpaniji inkorporati fil-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II ta' dik id-Deċiżjoni u li t-titoli trasferibbli tagħhom huma ammessi għal negozjar fuq suq regolat ta' Stat Membru, ġew eżentati mir-rekwiżiti tal-Artikolu 45 tad-Direttiva 2006/43/KE għal ċerti snin finanzjarji ladarba huma jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru b'ċertu sett ta' informazzjoni.

(2)

Il-Kummissjoni wettqet valutazzjonijiet tas-sistemi tas-sorveljanza pubblika, tal-aċċertament tal-kwalità, tal-investigazzjoni u s-sistemi ta' penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2011/30/UE. Il-valutazzjonijiet twettqu bl-assistenza tal-Grupp Ewropew tal-Korpi tas-Sorveljanza tal-Awdituri fid-dawl tal-kriterji stipulati fl-Artikoli 29, 30 u 32 tad-Direttiva 2006/43/KE li jirregolaw is-sistemi tas-sorveljanza pubblika, tal-aċċertament tal-kwalità, tal-investigazzjoni u s-sistemi ta' penali għall-awdituri u d-ditti tal-awditjar tal-Istati Membri. Skont dawn il-valutazzjonijiet, jidher li Mauritius, New Zealand u t-Turkija għandhom sistemi tas-sorveljanza pubblika, tal-aċċertament tal-kwalità, tal-investigazzjoni u tal-penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar li jaħdmu skont regoli simili għal dawk stabbiliti fl-Artikoli 29, 30 u 32 tad-Direttiva 2006/43/KE. Ikun xieraq, għalhekk, li jiġu kkunsidrati dawk is-sistemi ekwivalenti għas-sistemi tas-sorveljanza pubblika, tal-assigurazzjoni tal-kwalità, tal-investigazzjoni u penali tal-awdituri u tad-ditti tal-awditjar tal-Istati Membri.

(3)

L-għan aħħari tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fir-rigward ta' sistemi tas-sorveljanza pubblika, tal-aċċertament tal-kwalità, tal-investigazzjoni u s-sistemi ta' penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar tal-Istati Membri u pajjiżi terzi għandu jkun li tinkiseb fiduċja reċiproka fis-sistemi tas-sorveljanza tax-xulxin abbażi tal-ekwivalenza tagħhom.

(4)

Il-Bermuda, il-Gżejjer Cayman, l-Eġittu u r-Russja stabbilew jew jinsabu fil-proċess li jistabbilixxu sistemi tas-sorveljanza pubblika, tal-aċċertament tal-kwalità, tal-investigazzjoni u ta' penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar. Madankollu, minħabba li dawn is-sistemi ġew stabbiliti reċentement, ċertu informazzjoni hija nieqsa, ir-regoli ma ġewx implimentati bis-sħiħ, l-ispezzjonijiet ma sarux jew is-sanzjonijiet ma ġewx imposti. Sabiex titwettaq aktar valutazzjoni bl-iskop li tittieħed deċiżjoni finali dwar l-ekwivalenza ta' dawn is-sistemi, jenħtieġ tinkiseb aktar informazzjoni mingħand dawn il-pajjiżi terzi sabiex ikun hemm fehim aħjar tas-sistemi tagħhom. Ikun xieraq, għalhekk, li l-perjodu tranżizzjonali mogħti mid-Deċiżjoni 2011/30/UE jittawwal fir-rigward tal-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar li jipprovdu rapporti tal-awditjar dwar il-kontijiet annwali jew konsolidati ta' kumpaniji inkorporati f'dawn il-pajjiżi terzi u li t-titoli trasferibbli tagħhom jiġu ammessi għan-negozjar f'suq regolat ta' Stat Membru.

(5)

Sabiex jiġu protetti l-investituri, l-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar li jipprovdu rapporti tal-awditjar rigward il-kontijiet annwali jew konsolidati ta' kumpaniji li huma inkorporati fil-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2011/30/UE, u li t-titoli trasferibbli tagħhom huma ammessi għal negozjar f'suq regolat ta' Stat Membru, dawn għandhom ikunu jistgħu ikomplu l-attivitajiet tal-awditjar tagħhom fl-Unjoni mingħajr ma jiġu rreġistrati skont l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2006/43/KE tul perjodu addizzjonali mill-1 ta' Awwissu 2016 sal-31 ta' Lulju 2018 bil-kundizzjoni li huma jipprovdu l-informazzjoni rikjesta. F'każ bħal dan, dawk l-awdituri u l-entitajiet ta' awditjar għandhom ikunu jistgħu jkomplu bl-attivitajiet tagħhom konformi mar-rekwiżiti tal-Istat Membru rilevanti fir-rigward ta' rapporti ta' awditjar dwar il-kontijiet annwali jew konsolidati għas-snin finanzjarji li jibdew matul il-perjodu bejn l-1 ta' Awwissu 2016 u l-31 ta' Lulju 2018. Din id-Deċiżjoni ma taffettwax is-setgħa tal-Istati Membri li japplikaw is-sistemi ta' investigazzjoni u penali tagħhom fir-rigward ta' dawn l-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar.

(6)

Il-Kummissjoni se tissorvelja l-iżviluppi fil-kooperazzjoni superviżorja u regolatorja ma' pajjiżi terzi fuq bażi regolari. Id-Deċiżjoni li tingħta ekwivalenza jew li jiġi estiż il-perjodu ta' tranżizzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-possibiltà tal-Kummissjoni li tagħmel rieżami tad-Deċiżjoni fi kwalunkwe ħin. Dak ir-rieżami jista' jwassal għall-irtirar tar-rikonoxximent tal-ekwivalenza jew għat-tmiem prematur tal-perjodu ta' tranżizzjoni. Id-Deċiżjoni 2011/30/UE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2006/43/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2011/30/UE hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, jiżdied it-tielet paragrafu kif ġej:

“Għall-finijiet tal-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2006/43/KE, is-sistemi tas-sorveljanza pubblika, tal-aċċertament tal-kwalità, tal-investigazzjoni u penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar tal-pajjiżi terzi li ġejjin jissodisfaw ir-rekwiżiti li għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk tal-Artikoli 29, 30 u 32 ta' dik id-Direttiva fir-rigward tal-attivitajiet tal-awditjar marbuta mal-kontijiet annwali jew konsolidati għas-snin finanzjarji li jibdew mill-1 ta' Awwissu 2016:

(1)

Mauritius

(2)

New Zealand

(3)

it-Turkija.”;

(2)

L-Artikolu 2(2) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Stat Membru ma għandux japplika l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2006/43/KE fir-rigward tal-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar li jipprovdu rapporti tal-awditjar dwar il-kontijiet annwali jew konsolidati ta' kumpaniji inkorporati fil-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II ta' din id-Deċiżjoni u li t-titoli transferibbli tagħhom huma ammessi għan-negozjar fuq is-suq regolat ta' dak l-Istat Membru fl-ambitu tat-tifsira tal-punt 14 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), għas-snin finanzjarji li jibdew matul il-perjodu bejn it-2 ta' Lulju 2010 u l-31 ta' Lulju 2018, ladarba l-awditur jew l-entità tal-awditjar ikkonċernata tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru b'dan kollu li ġej:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-awditur jew l-entità tal-awditjar kkonċernata u l-informazzjoni dwar l-istruttura legali tagħha;

(b)

meta l-awditur jew l-entità tal-awditjar tkun tagħmel parti minn xi netwerk, deskrizzjoni tan-netwerk;

(c)

l-istandards tal-awditjar u r-rekwiżiti tal-indipendenza li ġew applikati għall-awditu konċernat;

(d)

deskrizzjoni tas-sistema interna ta' kontroll tal-kwalità tal-entità tal-awditjar;

(e)

indikazzjoni ta' jekk u meta sar l-aħħar eżami tal-aċċertament tal-kwalità tal-awditur jew tal-entità tal-awditjar u, sakemm din l-informazzjoni ma tkunx qiegħda tingħata mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, l-informazzjoni meħtieġa dwar l-eżitu tal-eżami. Meta l-informazzjoni meħtieġa dwar l-eżitu tal-aħħar eżami tal-aċċertament tal-kwalità ma tkunx pubblika, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jittrattaw din l-informazzjoni fuq bażi kunfidenzjali.

(*)  Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).”;"

(3)

L-Anness II jinbidel bit-test fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Lulju 2016.

Għall-Kummissjoni

Valdis DOMBROVSKIS

Viċi President


(1)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87.

(2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/30/UE tad-19 ta' Jannar 2011 dwar l-ekwivalenza tas-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità u s-sistemi ta' investigazzjoni u penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar ta' ċerti pajjiżi terzi kif ukoll dwar perjodu tranżizzjonali għall-attivitajiet tal-awditjar ta' awdituri u entitajiet tal-awditjar minn ċerti pajjiżi terzi fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 15, 20.1.2011, p. 12).


ANNESS

“ANNESS II

LISTA TA' PAJJIŻI TERZI

Il-Bermuda

Il-Gżejjer Cayman

L-Eġittu

Ir-Russja.”