21.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/50


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1189

tad-19 ta' Lulju 2016

li tawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-ħalib ittrattat bir-radjazzjoni UV bħala ikel ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2016) 4565)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Settembru 2012, il-kumpanija Dairy Crest Ltd talbet lill-awtoritajiet kompetenti tal-Irlanda biex tqiegħed il-ħalib ittrattat bir-radjazzjoni UV fis-suq bħala ikel ġdid skont it-tifsira tal-punt (f) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 258/97.

(2)

Fl-10 ta' Jannar 2013, il-korp kompetenti tal-valutazzjoni tal-ikel tal-Irlanda ħareġ l-ewwel rapport ta' valutazzjoni tiegħu. F'dak ir-rapport, il-korp ikkonkluda li l-ħalib ittrattat bir-radjazzjoni UV jissodisfa l-kriterji għal ikel ġdid stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 258/97.

(3)

Fis-16 ta' Jannar 2013, il-Kummissjoni għaddiet l-ewwel rapport ta' valutazzjoni lill-Istati Membri l-oħra.

(4)

Matul il-perjodu ta' 60 jum stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 258/97 tqajmu xi oġġezzjonijiet motivati.

(5)

Fid-9 ta' Frar 2015, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA) u talbitha tagħmel valutazzjoni oħra għall-ħalib ittrattat bir-radjazzjoni UV bħala ikel ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97.

(6)

Fl-10 ta' Diċembru 2015, fl-opinjoni xjentifika tagħha dwar is-sikurezza tal-ħalib ittrattat bir-radjazzjoni UV bħala ikel ġdid (2), l-EFSA kkonkludiet li l-ħalib ittrattat bir-radjazzjoni UV huwa sikur skont il-kundizzjonijiet tal-użu maħsuba.

(7)

Dik l-opinjoni tagħti raġunijiet suffiċjenti biex jiġi stabbilit li l-ħalib ittrattat bir-radjazzjoni UV bħala ikel ġdid jikkonforma mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 258/97.

(8)

It-trattament UV tal-ħalib pastorizzat jirriżulta f'żieda fil-kontenut ta' vitamina D tal-ħalib. Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jispeċifika x'għandu jitqies bħala ammont sinifikanti ta' vitamini u minerali. Għalhekk, huwa importanti li l-konsumatur ikun infurmat b'mod adegwat dwar il-preżenza tal-vitamina D prodotta bit-trattament UV fil-prodott.

(9)

Ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jistabbilixxi rekwiżiti dwar iż-żieda ta' vitamini u minerali u ta' ċerti sustanzi oħra mal-ikel. L-użu tal-ħalib ittrattat bir-radjazzjoni UV għandu jkun awtorizzat mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta' dik il-leġiżlazzjoni.

(10)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-ħalib ittrattat bir-radjazzjoni UV kif speċifikat fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni jista' jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni bħala ikel ġdid għall-użi definiti u fil-livelli massimi stabbiliti fl-Anness II ta' din id-Deċiżjoni mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006.

Artikolu 2

Id-deżinjazzjoni tal-ħalib ittrattat bir-radjazzjoni UV awtorizzata b'din id-Deċiżjoni għat-tikkettar tal-ikel għandha tkun “ittrattat bir-radjazzjoni UV”.

Fejn il-ħalib ittrattat bir-radjazzjoni UV jikkontjeni ammont ta' vitamina D li jitqies bħala sinifikanti skont il-Punt 2 tal-Parti A tal-Anness XIII tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-deżinjazzjoni tat-tikkettar għandha tkun akkumpanjat minn “fih il-vitamina D prodotta mit-tratttament bir-radjazzjoni UV” jew “ħalib li fih il-vitamina D li tirriżulta mit-trattament bir-radjazzjoni UV”.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Dairy Crest Ltd, Claygate House, Littleworth Road, Esher, Surrey, KT10 9PN, United Kingdom.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Lulju 2016.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1.

(2)  EFSA Journal 2016; 14(1):4370.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta' vitamini u minerali u ta' ċerti sustanzi oħra mal-ikel (ĠU L 404, 30.12.2006, p. 26).


ANNESS I

SPEĊIFIKAZZJONI TAL-ĦALIB ITTRATTAT BIR-RADJAZZJONI UV

Definizzjoni:

Il-ħalib ittrattat bir-radjazzjoni UV huwa ħalib tal-baqra (sħiħ u semixkumat) li għalih wara l-pastorizzazzjoni, huwa applikat trattament bir-radjazzjoni ultravjola (UV) permezz ta' fluss turbulenti. It-trattament tal-ħalib pastorizzat bir-radjazzjoni UV jirriżulta f'żieda ta' vitamina D3 (kolekalċiferol) permezz tal-konverżjoni ta' 7-deidrokolesterol mal-vitamina D3.

Ir-radjazzjoni UV: proċess ta' radjazzjoni bid-dawl ultravjola fil-frekwenza ta' 200-310 nm b'input tal-enerġija ta' 1 045 J/l.

Vitamina D3:

Isem kimiku

(1S,3Z)-3-[(2E)-2-[(1R,3aS,7aR)-7a-metil-1-[(2R)-6-metileptan-2-il] -2,3,3a, 5,6,7-eżaidro-1H-inden-4-iliden]etiliden]-4-metilidenċikloeżan-1-ol

Sinonimu

Kolekalċiferol

Nru tal-CAS

67-97-0

Piż molekulari

384,6377 g/mol

Kontenut:

Vitamina D3 fil-prodott finali

Ħalib sħiħ (1): 0,5–3,2 μg/100 g (2)

Ħalib semixkumat (1): 0,1–1,5 μg/100 g (2)


(1)  Kif definit permezz tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671-854).

(2)  HPLC


ANNESS II

L-UŻI AWTORIZZATI TAL-ĦALIB ITTRATTAT BIR-RADJAZZJONI UV

Kategorija tal-ikel

Firxa ta' vitamina D3

Ħalib sħiħ pastorizzat (1)

5–32 μg/kg għall-popolazzjoni ġenerali esklużi t-trabi

Ħalib semixkumat pastorizzat (1)

1–15 μg/kg għall-popolazzjoni ġenerali esklużi t-trabi


(1)  Ikkunsmat kif inhu.