27.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/21


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/835

tal-25 ta' Mejju 2016

dwar it-tiġdid tal-mandat tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u fit-Teknoloġiji l-Ġodda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-valuri fundamentali tal-Unjoni huma minquxa fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Europea, u l-Artikolu 6 jikkonferixxi l-istess valur legali lill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali daqs tat-Trattati u jistabbilixxi li d-drittijiet fundamentali għandhom jikkostitwixxu l-prinċipji ġenerali tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

(2)

Fl-20 ta' Novembru 1991, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tinkorpora l-etika fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-politiki dwar l-iżvilupp tar-riċerka u tat-teknoloġija tal-Komunità bit-twaqqif ta' Grupp ta' Konsulenti dwar l-Implikazzjonijiet Etiċi tal-Bioteknoloġija (“GKIEB”).

(3)

Fis-16 ta' Diċembru 1997 il-Kummissjoni ddeċidiet li tissostitwixxi l-GKIEB bil-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u fit-Tekonoloġiji l-Ġodda (“GEE”) billi estendiet il-mandat tal-Grupp biex ikopri t-taqsimiet kollha tal-applikazzjoni tax-xjenza u t-teknoloġija. Wara dan, l-aktar tiġdid riċenti tal-mandat tal-GEE sar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/1/UE (1). Issa wasal iż-żmien li jiġġedded il-mandat għal perjodu ta' ħames snin u b'hekk jiġu appuntati l-membri l-ġodda.

(4)

Il-GEE għandu l-inkarigu li jagħti gwida etika lill-Kummissjoni Ewropea, jew meta din titlobha, jew fuq l-inizjattiva tiegħu u bi ftehim mal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista' tiġbed l-attenzjoni tal-GEE lejn kwistjonijiet li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill iqisuhom ta' importanza etika kbira.

(5)

Għandhom jiġu stabbiliti r-regoli dwar l-iżvelar tal-informazzjoni mill-membri tal-grupp.

(6)

Id-dejta personali għandha tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(7)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/1/UE għandha titħassar,

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Mandat

Il-mandat tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u fit-Tekonoloġiji l-Ġodda, minn hawn 'il quddiem “il-GEE”, jiġġedded għal ħames snin.

Artikolu 2

Inkarigu

L-inkarigu tal-GEE għandu jkun li jagħti l-pariri lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet etiċi marbutin max-xjenzi u mat-teknoloġiji l-ġodda, u dwar l-implikazzjonijiet soċjali aktar wesgħin tal-avvanzi f'dawn l-oqsma, jew meta titolbu parir il-Kummissjoni jew fuq talba mill-president tiegħu bi qbil mas-servizzi tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-Grupp għandu:

(a)

jidentifika, jiddefinixxi u jeżamina l-kwistjonijiet etiċi li jitqajmu mill-iżviluppi fix-xjenza u fit-teknoloġiji;

(b)

jipprovdi gwida, permezz ta' analiżijiet u rakkomandazzjonijiet orjentati lejn il-promozzjoni tat-tfassil tal-politiki etiċi tal-UE filwaqt li jqis il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Konsultazzjoni

Il-Kummissjoni tista' tikkonsulta lill-grupp dwar kwalunkwe kwistjoni fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 2. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tista' tiġbed l-attenzjoni tal-Grupp lejn kwistjonijiet li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill iqisuhom ta' importanza etika kbira.

Artikolu 4

Sħubija — Ħatra

1.   Il-GEE għandu jkollu sa 15-il membru. Il-membri għandhom ikunu kompetenti fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 2.

2.   Il-membri jagħtu s-servizz tagħhom f'kapaċità personali. Huma għandhom jagħtu l-pariri lill-Kummissjoni fl-interess tal-pubbliku u mingħajr ebda influwenza barranija. Il-membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni malli jkollhom ebda kunflitt ta' interess li jista' jikkomprometti l-imparzjalità tagħhom.

3.   Il-membri se jiġu maħturin mill-President tal-Kummissjoni fuq proposta tal-Kummissarju responsabbli għar-Riċerka, ix-Xjenza u l-Innovazzjoni wara li jkunu rrispondew sejħa għall-espressjoni ta' interess biex jidħlu membri tal-GEE u li jkun sar il-proċess tal-għażla ssorveljat minn Kumitat tal-Identifikazzjoni, u bbażat fuq il-kriterji stipulati fil-paragrafi 4 u 6 ta' dan l-Artikolu.

4.   Meta jkun qed jipproponi l-membri tal-GEE, il-Kumitat tal-Identifikazzjoni għandu kemm jista' jkun jipprova jiżgura livell għoli ta' għarfien espert u ta' pluraliżmu, bilanċ ġeografiku, u rappreżentanza bbilanċjata tal-għarfien u tal-oqsma ta' interess rilevanti, filwaqt li jqis il-kompiti speċifiċi tal-GEE, it-tip ta' għarfien espert li jkun meħtieġ, u t-tweġib għas-sejħa għall-espressjoni ta' interess. Il-GEE għandu jkun indipendenti, pluralistiku u multidixxiplinarju.

5.   Kull membru tal-GEE għandu jinħatar għal perjodu ta' sentejn u nofs. Fi tmiem dan iż-żmien, il-ħatra tista' tiġġedded. Wara l-ewwel ħatra, membru jista' jinħatar mill-ġdid għall-massimu ta' darbtejn oħra.

6.   Fl-għażla tal-kandidati li japplikaw biex jinħatru membri ta' dan il-Grupp, se jitqiesu l-fatturi u l-kriterji li ġejjin:

(a)

Il-kompożizzjoni tal-grupp trid tiżgura li dan ikun jista' jagħti pariri indipendenti u tal-ogħla kwalità, li jikkumbinaw l-għaqal u l-ħsieb orjentat lejn il-ġejjieni. Il-kredibbiltà tal-grupp għandha tinbena fuq il-bilanċ tal-kwalitajiet tal-irġiel u n-nisa li jiffurmawh, u dawn għandhom ilkoll flimkien jirriflettu l-firxa ta' perspettivi madwar l-Ewropa. Għandu jitqies b'mod strett il-bilanċ ta' nisa u rġiel fil-grupp, kif ukoll il-bilanċ tal-etajiet u tal-firxa ta' pajjiżi li jkunu ġejjin minnhom.

(b)

Il-Membri tal-grupp għandhom ikunu esperti magħrufin internazzjonalment, b'rekord ta' eċċellenza u esperjenza fil-livell Ewropew u dinji.

(c)

Il-Membri għandhom jirriflettu l-firxa wiesgħa tad-dixxiplini tal-mandat tal-grupp, f'dak li jikkonċerna l-filosofija u l-etika; ix-xjenzi naturali u soċjali; u l-liġi. Madankollu, ma għandhomx iqisu ruħhom bħala rappreżentanti ta' dixxiplina, perspettiva tad-dinja, jew linja ta' riċerka partikolari; għandu jkollhom perspettiva wiesgħa li b'mod kollettiv tirrifletti fehim tal-iżviluppi importanti li jkunu għaddejjin jew se jibdew, dawn jinkludu perspettivi interdixxiplinari, transdixxiplinari u multidixxiplinari, u fehim tal-ħtieġa ta' pariri etiċi fil-livell Ewropew.

(d)

Apparti milli jkollhom reputazzjonijiet tajbin ippruvati, kollettivament, il-membri tal-grupp għandu jkollhom l-esperjenza tal-għotja ta' pariri etiċi lill-fassala tal-politiki, li jkunu kisbuha minn firxa wiesgħa ta' Stati Membri, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak internazzjonali.

(e)

Il-grupp għandu jinkludi membri li jkollhom l-esperjenza f'korpi bħalma huma kunsilli u kumitati konsultattivi, konsulenti ta' gvernijiet, kunsilli nazzjonali dwar l-etika, universitajiet u istituti ta' riċerka. Jista' jkun ta' ġid għall-grupp jekk jiġu inklużi membri li jkunu kisbu l-esperjenza tagħhom f'aktar minn pajjiż wieħed, u membri li jkunu ġejjin minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea.

7.   L-għażla tal-membri tal-GEE se ssir fuq il-bażi ta' sejħa miftuħa għall-espressjonijiet ta' interess li tispeċifika kif għandha timtela l-applikazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika s-sejħa fis-sit web Europa. Għandu jkun hemm ippubblikata wkoll ħolqa bejn ir-Reġistru tal-esperti tal-Kummissjoni, u entitajiet oħrajn simili (“ir-reġistru tal-gruppi esperti”) u s-sit web Europa.

8.   In-nominazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati dment li l-innominat isegwi l-mod preskritt biex wieħed jimla u jressaq l-applikazzjoni tiegħu.

9.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista tal-membri tal-GEE fir-Reġistru tal-gruppi esperti.

10.   Il-kandidati addattati li ma jinħatrux skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, għandhom jitpoġġew fuq lista ta' riżerva. Il-President tal-Kummissjoni jista' jaħtar il-membri minn din il-lista ta' riserva.

11.   F'każ li membru ma jibqax kapaċi jikkontribwixxi b'mod effettiv għall-ħidma tal-GEE, jew jirriżenja, jew ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-President tal-Kummissjoni jista' jaħtar membru ieħor minfloku mil-lista ta' riżerva, għall-kumplament taż-żmien tal-kariga tal-membru oriġinali.

Artikolu 5

Ħidma

1.   Id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, b'kooperazzjoni fil-qrib mal-president tal-GEE, ikun responsabbli mill-koordinazzjoni u l-organizzazzjoni tal-ħidma tal-GEE u biex jipprovdilu s-Segretarjat.

2.   Il-membri tal-GEE għandhom jeleġġu president u viċipresident minn fosthom permezz ta' votazzjoni b'maġġoranza sempliċi, li jservu tul il-kariga tal-grupp.

3.   Il-membri tal-GEE u l-esperti mistiedna, għandhom jikkonformaw mal-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti fit-Trattati u fir-regoli ta' implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll mar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata tal-UE, stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (3) u (UE, Euratom) 2015/444 (4). F'każ li dawn l-obbligi ma jiġux irrispettati, il-Kummissjoni tista' tieħu l-miżuri xierqa kollha.

4.   Il-Kummissjoni trid tkun taqbel mal-Programm ta' Ħidma tal-GEE li jista' jkun jinkludi l-analiżijiet etiċi li jissuġġerixxi fuq l-inizjattiva tiegħu l-GEE. Kull talba ta' analiżi etika għandha tinkludi l-parametri tal-analiżi mitluba. Meta titlob parir mingħand il-GEE, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi limitu ta' żmien li fih għandu jingħata l-parir.

5.   L-Opinjonijiet tal-GEE għandu jkun fihom sett ta' rakkomandazzjonijiet. Dawn għandhom ikunu bbażati fuq għarfien ġenerali tal-attwalitajiet l-aktar riċenti fix-xjenzi u fit-teknoloġiji kkonċernati u fuq analiżi dettaljata tal-kwistjonijiet etiċi rilevanti. Is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni għandhom jintgħarrfu bir-rakkomandazzjonijiet tal-GEE.

6.   Il-GEE għandu jaħdem b'mod kolleġjali, billi jfittex li jasal għal kunsens fost il-membri. Il-GEE għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu abbażi tar-Regoli ta' Proċedura standard għall-gruppi ta' esperti bil-qbil tar-rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-proċeduri tal-ħidma għandhom jippruvaw jassiguraw li kull membru jkollu parti attiva fl-attivitajiet tal-grupp.

7.   Il-laqgħat tal-GEE normalment għandhom isiru fl-uffiċċji tal-Kummissjoni skont il-modalitajiet u l-kalendarju stabbiliti mill-Kummissjoni. Il-GEE għandu jiltaqa' mill-inqas sitt darbiet matul perjodu ta' 12-il xahar u dan jinvolvi tnax-il jum ta' xogħol fis-sena. Jistgħu jiġu organizzati aktar laqgħat meta jkun hemm bżonn, bi qbil mar-rappreżentant tal-Kummissjoni.

Bl-iskop li jitħejjew l-analiżijiet tal-GEE, u fil-limiti tar-riżorsi disponibbli, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista':

jistieden lill-esperti u lir-rappreżentanti tal-NGOs jew ta' organizzazzjonijiet rappreżentattivi rilevanti, meta dan ikun jixraq, għal skambju ta' fehmiet fuq bażi ad hoc; ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista' wkoll jistieden xi esperti esterni biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-GEE fuq bażi ad hoc u temporanja, jekk iqis li dan ikun meħtieġ biex jiġi ttrattat spettru wiesa' ta' kwistjonijiet etiċi li jkunu marbutin mal-avvanzi fix-xjenza u fit-teknoloġiji l-ġodda;

jagħti bidu għal studji biex tinġabar l-informazzjoni xjentifika u teknika kollha meħtieġa;

jippermetti li jiġu stabbiliti gruppi ta' ħidma li jiddiskutu kwistjonijiet speċifiċi;

jistabbilixxi kuntatti mill-qrib mar-rappreżentanti tad-diversi korpi tal-etika fl-Istati Membri u f'pajjiżi terzi.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha torganizza diskussjoni pubblika biex tippromwovi d-djalogu u tiżdied it-trasparenza fuq kull Opinjoni li jipproduċi l-GEE. Il-GEE għandu jistabbilixxi kuntatti mill-qrib mad-dipartimenti tal-Kummissjoni involuti fil-kwistjonijiet li jkun qed jaħdem fuqhom il-Grupp.

8.   Il-Grupp għandu jagħmel ħiltu biex jilħaq kunsens. Madankollu, meta Opinjoni ma tiġix adottata b'mod unanimu, għandha tkun tinkludi kull perspettiva diverġenti (bħala “opinjoni ta' minoranza”) u l-ismijiet tal-Membri li jaqblu ma' din il-perspettiva. L-Opinjoni għandha tintbagħat lill-President tal-Kummissjoni jew lil xi rappreżentant li jintgħażel mill-President. Kull Opinjoni għandha tiġi ppubblikata minnufih u tintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea malli tiġi adottata.

9.   Jekk iċ-ċirkostanzi tax-xogħol jeħtieġu li parir dwar suġġett partikolari jingħata aktar malajr milli tippermetti l-adozzjoni ta' Opinjoni, jistgħu jingħataw Dikjarazzjonijiet qosra jew forom oħra ta' analiżi, li, jekk ikun hemm bżonn, wara jkunu segwiti minn analiżi aktar dettaljata fil-forma ta' Opinjoni, filwaqt li jkun żgurat li tkun rispettata t-trasparenza, kif għandha tkun għal kull Opinjoni oħra. Id-dikjarazzjonijiet jiġu ppubblikati u jitpoġġew fis-sit web tal-GEE. Bħala parti mill-Programm ta' Ħidma tiegħu, il-GEE, bil-qbil tar-rappreżentant tal-Kummissjoni, jista', jekk iqis li dan ikun meħtieġ, jaġġorna Opinjoni.

10.   Id-diskussjonijiet tal-GEE għandhom jibqgħu kunfidenzjali. Bi ftehim mar-rappreżentant tal-Kummissjoni, il-grupp jista', b'maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, jiddeċiedi li jiftaħ id-deliberazzjonijiet tiegħu għall-pubbliku.

11.   Id-dokumenti rilevanti kollha li jkollhom rabta mal-attivitajiet tal-GEE (bħall-aġendi, il-minuti, l-Opinjonijiet u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti) għandhom ikunu disponibbli, jew fir-Reġistru tal-gruppi tal-esperti jew permezz ta' ħolqa bejn ir-Reġistru u sit web imtella' apposta. F'każijiet eċċezzjonali, meta l-iżvelar ta' dokument jitqies li jdgħajjef il-ħarsien tal-interess pubbliku jew privat kif inhu ddefinit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jistgħu ma jiġux ippubblikati xi dokumenti.

12.   Qabel tmiem il-mandat tal-GEE, għandu jinkiteb rapport taħt ir-responsabbiltà tal-president, dwar l-attivitajiet tal-Grupp. Ir-rapport għandu jiġi ppubblikat u trażmess skont il-modalitajiet stabbiliti fil-paragrafu 11.

Artikolu 6

Spejjeż tal-laqgħat

1.   Il-parteċipanti fl-attivitajiet tal-GEE ma jitħallsux tas-servizzi tagħhom.

2.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-għajxien li jġarrbu l-parteċipanti fl-attivitajiet tal-grupp għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ.

3.   Dawk l-ispejjeż għandhom jitħallsu lura fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli, allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet finali

Din id-Deċiżjoni tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħha. Id-Deċiżjoni 2010/1/UE hija b'dan imħassra.

Magħmul fi Brussell, l-25 ta' Mejju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/1/UE tat-23 ta' Diċembru 2009 dwar it-tiġdid tal-mandat tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda (ĠU L 1, 5.1.2010, p. 8).

(2)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).