12.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 122/53


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/707

tal-10 ta' Mejju 2016

dwar l-approvazzjoni skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 ta' regoli mmodifikati dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku fl-ajruporti Paris Charles-de-Gaulle, Paris Orly u Paris Le Bourget

(notifikata bid-dokument C(2016) 2635)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 19(3) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, l-awtoritajiet Franċiżi għarrfu lill-Kummissjoni b'ittra tat-28 ta' Settembru 2015 dwar proġett biex jiġu emendati r-regoli attwalment stabbiliti f'Digriet tal-15 ta' Novembru 1994 dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku tal-ajru intra-Komunitarju fis-sistema tal-ajruporti ta' Pariġi (minn hawn 'il quddiem, l-“emendi maħsuba”) (2). Il-Kummissjoni talbet tagħrif addizzjonali b'ittra tal-10 ta' Novembru 2015, li l-awtoritajiet Franċiżi wieġbu għaliha b'ittra tat-30 ta' Novembru 2015.

(2)

Fit-2 ta' Diċembru 2015, il-Kummissjoni ppubblikat sommarju tal-emendi maħsuba f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u stiednet lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom (3).

2.   SFOND U DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA

2.1.   ID-DIGRIET TAL-15 TA' NOVEMBRU 1994

(3)

Il-belt ta' Pariġi hija moqdija mill-ajruporti Charles-de-Gaulle, Orly u Le Bourget, u d-distribuzzjoni tat-traffiku tagħhom hija rregolata b'mod kollettiv bid-Digriet tal-15 ta' Novembru 1994.

(4)

Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/259/KE (4), bħala tweġiba għal ilment, il-Kummissjoni ddikjarat li r-regoli dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku għas-sistema tal-ajruporti ta' Pariġi u li ġew stabbiliti fid-Digriet Franċiż tal-15 ta' Novembru 1994 huma kompatibbli mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 (5). Minn dak iż-żmien, ir-Regolament tħassar u ġie sostitwit bir-Regolament (KE) Nru 1008/2008. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet tiddependi fuq l-emendar tad-Digriet kif indikat fid-Deċiżjoni. Fl-1 ta' Marzu 1996, l-awtoritajiet Franċiżi kkonformaw mar-rekwiżit permezz ta' emenda tad-Digriet.

(5)

Id-Digriet tal-15 ta' Novembru 1994 kif emendat (minn hawn 'il quddiem, “id-Digriet tal-1994”) japplika biss għat-traffiku fi ħdan iż-ŻEE. Dan jistipula li s-servizzi tal-ajru mhux skedati lejn l-ajruporti taż-ŻEE u minnhom li jiġu pprovduti b'inġenji tal-ajru li jkollhom kapaċità ta' 25 post jew inqas u li fuqhom il-postijiet ma jiġux kummerċjalizzati għall-pubbliku b'mod individwali, kemm direttament mit-trasportatur kif ukoll indirettament, iridu joperaw minn/lejn l-ajruport Le Bourget. It-traffiku l-ieħor kollu fi ħdan iż-ŻEE jista' jiġi operat minn/lejn l-ajruporti Charles-de-Gaulle u Orly. L-aċċess għal Orly huwa ristrett għal erba' frekwenzi ta' kuljum fuq ir-rotot bejn Orly u ajruporti oħra taż-ŻEE matul ċerti ħinijiet tal-ġurnata. Meta t-traffiku jkun fl-eqqel tiegħu r-restrizzjoni f'Orly ma tapplikax, jekk is-servizzi jiġu pprovduti b'inġenju tal-ajru ta' ċertu daqs minimu.

2.2.   L-EMENDI MAĦSUBA U L-KUNSIDERAZZJONIJIET SOTTOSTANTI

(6)

L-emendi maħsuba tar-regoli eżistenti dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku għall-ajruporti li jaqdu l-belt ta' Pariġi jneħħu r-restrizzjonijiet eżistenti applikati għall-ajruport Orly, fir-rigward tal-frekwenzi ta' kuljum u wkoll skont id-daqs tal-inġenji tal-ajru fl-ajruport Orly, li attwalment huma stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5 tad-Digriet tal-1994, li ġew ikkwotati b'mod sħiħ fit-Taqsima I tad-Deċiżjoni 95/259/KE.

(7)

Dawn ir-restrizzjonijiet imposti b'mod speċifiku fl-ajruport Orly kellhom l-għan li jottimizzaw il-kapaċità limitata fl-ajruport u li ma jħallux lit-trasportaturi tal-ajru joperaw iżjed minn erba' frekwenzi għal kull trasportatur f'rotta partikolari, biex b'hekk iħeġġu l-użu ta' slots għal destinazzjonijiet differenti. Ir-restrizzjonijiet kellhom ukoll l-effett li jottimizzaw l-użu ta' slots skarsi billi ma ħallewx li jintużaw inġenji tal-ajru li kienu iżgħar minn ċertu livell limitu ta' daqs f'rotot li kellhom biżżejjed traffiku tal-passiġġieri biex jiġġustifika l-użu ta' inġenji tal-ajru ikbar, sempliċement sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-użu ta' slots. Il-livelli limitu tad-daqs ġew stabbiliti skont l-ammont ta' traffiku tal-passiġġieri fuq rotta partikolari.

(8)

Skont l-awtoritajiet Franċiżi, dawk ir-restrizzjonijiet partikolari ma għadhomx meħtieġa. L-awtoritajiet Franċiżi donnhom sodisfatti bis-sitwazzjoni attwali tal-użu tas-slots fl-ajruport Orly, peress li ddikjaraw li l-użu ta' slots ġie ottimizzat b'mod naturali mill-introduzzjoni tad-Digriet tal-1994. Peress li attwalment qed jintużaw is-slots kollha fl-ajruport Orly, il-possibbiltà li servizzi oħra jakkwistaw slots fl-ajruport hija limitata ħafna. L-operaturi issa jużaw ukoll inġenji tal-ajru ikbar sabiex jimmassimizzaw il-kapaċità u b'hekk jottimizzaw l-użu ta' slots fl-interess tagħhom stess b'modi li jkunu ta' benefiċċju wkoll għall-aħjar użu tal-kapaċità tal-ajruport Orly.

(9)

Fir-rigward tal-kumplament tad-dispożizzjonijiet tad-Digriet tal-1994, l-emendi maħsuba jestendu wkoll l-applikazzjoni tar-regoli dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku, li attwalment huma applikabbli biss għal servizzi fi ħdan iż-ŻEE, għal servizzi 'l barra miż-ŻEE kif spjegat fiż-żewġ paragrafi li ġejjin.

(10)

L-ajruport Le Bourget jirċievi biss servizzi mhux skedati pprovduti minn inġenji tal-ajru li jkollhom kapaċità ta' 25 post jew inqas u li l-postijiet fuqhom ma jiġux kummerċjalizzati għall-pubbliku b'mod individwali. L-effett tal-emendi maħsuba se jkun li t-traffiku 'l barra miż-ŻEE fis-servizzi skedati, is-servizzi pprovduti fuq inġenji tal-ajru li jkollhom 25 post jew iktar u f'każ li l-postijiet fuq l-ajruplan jiġu kummerċjalizzati għall-pubbliku b'mod individwali, kemm direttament mit-trasportatur kif ukoll indirettament, se jiġu esklużi mill-ajruport Le Bourget. Il-limitu massimu tal-postijiet huwa soġġett għal derogi possibbli mill-Ministru kompetenti, f'każijiet li jkunu ġġustifikati kif imiss. Bħalissa, dawn ir-restrizzjonijiet huma applikabbli b'mod esklużiv għal servizzi fi ħdan iż-ŻEE.

(11)

Is-servizzi l-oħra kollha jiġu diretti lejn l-ajruporti Orly u Charles-de-Gaulle. L-emendi maħsuba għandhom l-effett li jirrestrinġu t-traffiku 'l barra miż-ŻEE fis-servizzi mhux skedati pprovduti minn inġenji tal-ajru li jkollhom 25 post jew inqas, għajr jekk il-postijiet fuq l-ajruplan jiġu kummerċjalizzati għall-pubbliku b'mod individwali jew, soġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel, għajr jekk l-inġenju tal-ajru inkwistjoni jkun qed iġorr passiġġieri fi tranżitu. Dan jikkorrispondi mar-restrizzjonijiet eżistenti għal servizzi fi ħdan iż-ŻEE (6).

(12)

L-awtoritajiet Franċiżi jipprevedu l-impatt li ġej fuq id-distribuzzjoni tat-traffiku kif inhu bħalissa (7):

Fir-rigward tat-traffiku fi ħdan iż-ŻEE, fis-sustanza r-regoli jibqgħu l-istess u ma hemm l-ebda impatt reali.

Ir-regoli se jintroduċu projbizzjoni fuq is-servizzi skedati 'l barra miż-ŻEE fl-ajruport Le Bourget; madankollu, xorta waħda l-ebda minn dawn is-servizzi mhu qed jiġi operat fl-ajruport Le Bourget bħalissa.

Ir-regoli se jintroduċu wkoll projbizzjoni ta' titjiriet mhux skedati 'l barra miż-ŻEE fuq inġenji tal-ajru kbar fl-ajruport Le Bourget; madankollu, l-għadd attwali ta' dawk is-servizzi huwa ċkejken (130 titjira minn 54 000 fl-2014).

Is-servizzi mhux skedati 'l barra miż-ŻEE pprovduti minn inġenji tal-ajru li jkollhom kapaċità ta' 25 post jew inqas u li l-postijiet fuqhom ma jiġux kummerċjalizzati għall-pubbliku b'mod individwali se jiġu pprojbiti fl-ajruporti Orly u Charles-de-Gaulle. Madankollu, minħabba d-disponibbiltà limitata ta' slots, bħalissa hemm biss għadd limitat ħafna ta' servizzi mhux skedati pprovduti minn inġenji tal-ajru li jkollhom kapaċità ta' 25 post jew inqas fl-ajruport Orly. Fir-rigward tal-ajruport Charles-de-Gaulle, l-operaturi ta' servizzi mhux skedati pprovduti minn inġenji tal-ajru li jkollhom kapaċità ta' 25 post jew inqas, illum il-ġurnata diġà jippreferu l-ajruport Le Bourget minħabba li huwa qrib il-belt u minħabba l-klassifikazzjoni tiegħu bħala ajruport tal-avjazzjoni kummerċjali.

(13)

L-awtoritajiet Franċiżi spjegaw li r-restrizzjonijiet attwali imposti bid-Digriet tal-1994 inkwantu jikkonċerna l-inġenji tal-ajru li jkollhom 25 post jew inqas u li l-postijiet fuqhom ma ġewx kummerċjalizzati għall-pubbliku (l-Artikolu 6 tad-Digriet) kienu ġġustifikati mill-ħtieġa li jiġi ottimizzat l-użu tal-kapaċità limitata fl-ajruporti Charles-de-Gaulle u Orly. Skont l-awtoritajiet Franċiżi, sabiex tinkiseb din l-ottimizzazzjoni kien meħtieġ li tiġi żgurata omoġenizzazzjoni tat-tip ta' inġenji tal-ajru, li tippermetti l-movimenti tat-titjiriet regolari fuq distanzi identiċi ta' żmien u ta' spazju bejn il-movimenti. L-inġenji tal-ajru li jkunu iżgħar, u b'hekk potenzjalment itiru iktar bil-mod, iħarbtu s-sekwenza regolari, peress li l-inġenji tal-ajru ż-żgħar jeħtieġu iżjed spazju u żmien bejn il-movimenti tat-titjiriet. Għalhekk, dawn is-servizzi mhux skedati pprovduti fuq inġenji tal-ajru li jkollhom kapaċità ta' 25 post jew inqas u li l-postijiet fuqhom ma jiġux kummerċjalizzati għall-pubbliku b'mod individwali, jiġu diretti lejn l-ajruport Le Bourget, sabiex ma titħarbatx is-sekwenza regolari.

(14)

Min-naħa l-oħra, is-servizzi mhux skedati pprovduti fuq inġenji tal-ajru li jkollhom kapaċità ta' 25 post jew inqas u li l-postijiet fuqhom jiġu kummerċjalizzati għall-pubbliku, iridu joperaw lejn l-ajruporti Orly u Charles-de-Gaulle u minnhom. Skont l-awtoritajiet Franċiżi, dan huwa minħabba l-fatt li l-ajruport Le Bourget, għar-raġunijiet spjegati fil-paragrafu li jmiss, ma jaċċettax kwalunkwe servizz li jiġi kummerċjalizzat għall-pubbliku. Madankollu, minħabba l-fatt li dawn is-servizzi huma limitati u soġġetti għas-sejba ta' slot ad hoc disponibbli fl-ajruporti Orly u Charles-de-Gaulle, dawn ma jitqisux li jħarbtu dawn l-ajruporti.

(15)

Fir-rigward tat-traffiku tal-ajru aċċettat fl-ajruport Le Bourget, l-awtoritajiet Franċiżi ddikjaraw li saret għażla li l-ajruport jiġi rriżervat għall-avjazzjoni kummerċjali u ġenerali u bħala showroom għal ċerti avvenimenti internazzjonali tal-ajru u tal-ispazju. L-infrastruttura tal-ajruport hija adattata għal dan l-għan u b'hekk biex jiġi dirett kwalunkwe servizz kummerċjali, servizz skedat jew servizz mhux skedat fuq inġenji tal-ajru kbar lejn l-ajruport Le Bourget, kieku jkun jeħtieġ investiment minn qabel sabiex tiġi adattata l-infrastruttura għal dawk it-tipi ta' servizzi. Barra minn hekk, kieku s-servizzi skedati u s-servizzi fuq inġenji tal-ajru kbar ikollhom impatti ambjentali fuq ir-residenti.

(16)

Skont l-awtoritajiet Franċiżi, il-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, li huma rilevanti għal kull wieħed mill-ajruporti kkonċernati, japplikaw ukoll għat-traffiku lejn il-pajjiżi li mhumiex fiż-ŻEE u minnhom. Ladarba dan it-traffiku ġie liberalizzat b'mod wiesa' abbażi ta' ftehimiet ġodda dwar is-servizzi tal-ajru, kien hemm żieda konsiderevoli fit-traffiku minn mindu beda japplika d-Digriet tal-1994. Għaldaqstant, l-awtoritajiet Franċiżi jiddikjaraw li jeħtieġ li r-restrizzjonijiet imsemmija hawn fuq jiġu applikati għat-traffiku kollu.

2.3.   KONSULTAZZJONI MWETTQA MILL-AWTORITAJIET FRANĊIŻI

(17)

L-awtoritajiet Franċiżi wettqu proċess ta' konsultazzjoni qabel ma nnotifikaw l-emendi maħsuba lill-Kummissjoni (8):

Fid-19 ta' Mejju 2015 ġie ppubblikat avviż dwar abbozz ġdid ta' regoli fuq is-sit web tal-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Ministeru tal-Ekoloġija, l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Enerġija.

Fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Franċiża tal-21 ta' Mejju 2015 ġie ppubblikat allert dwar l-intenzjoni li jiġu mmodifikati r-regoli eżistenti dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku għas-sistema tal-ajruporti ta' Pariġi b'ħolqa għall-abbozz tat-test.

Il-perjodu għall-konsultazzjoni pubblika ntemm fil-21 ta' Lulju 2015.

(18)

Qabel il-konsultazzjoni pubblika, l-awtoritajiet Franċiżi kienu kkonsultaw bil-fomm lill-assoċjazzjonijiet tat-trasport bl-ajru, fosthom l-FNAM (Fédération Nationale de l'Aviation Marchande), is-SCARA (Syndicat des Compagnies Aériennes Autonomes) u l-EBAA (European Business Aviation Association), li esprimew l-appoġġ tagħhom għall-modifiki, filwaqt li qiesu b'mod partikolari l-konsistenza maħsuba tat-trattament tas-servizzi fi ħdan iż-ŻEE u ta' dawk 'il barra minnha.

(19)

L-awtoritajiet Franċiżi rċevew preżentazzjonijiet minn tliet partijiet interessati, li tqiesu fl-abbozz tat-test.

(20)

L-ewwel abbozz ta' regoli kien jinkludi dispożizzjoni li tippermetti lis-servizzi mhux skedati pprovduti fuq inġenji tal-ajru li jkollhom kapaċità ta' 25 post jew inqas joperaw lejn l-ajruporti Orly u Charles-de-Gaulle u minnhom meta dawn it-titjiriet ikunu qed iġorru passiġġieri fi tranżitu, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tinkiseb deroga minn qabel. Din id-dispożizzjoni ġiet miċħuda minn Aéroports de Paris (ADP), u sussegwentement ġiet eskluża mill-abbozz tat-test. Kien ġie kkunsidrat li jekk ikun permess l-aċċess ġenerali ta' dawn it-titjiriet lejn l-ajruporti Charles-de-Gaulle u Orly, dan seta' jkollu effett negattiv fuq it-traffiku skedat f'dawk l-ajruporti.

3.   KONSULTAZZJONI MWETTQA MILL-KUMMISSJONI

(21)

Bħala rispons għall-pubblikazzjoni ta' sommarju tal-emendi maħsuba f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn parti interessata waħda.

(22)

Il-parti interessata argumentat li r-restrizzjoni fuq it-tip ta' servizzi li jaf joperaw lejn l-ajruport Le Bourget u minnu kienet eċċessiva u tmur kontra l-interessi tal-konsumaturi, tar-reġjun u tal-ajruport. Barra minn hekk, il-parti interessata indikat li ma kien twettaq l-ebda studju biex jiġi vvalutat l-impatt ekonomiku u l-effett fuq it-traffiku tal-ajru tal-emendi maħsuba, meta mqabbel mar-regoli eżistenti dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku.

(23)

Il-parti interessata sostniet li d-distinzjoni abbażi tas-servizzi skedati jew mhux skedati u tad-daqs tal-ajruplan hija arbitrarja u mhux iġġustifikata. Il-parti interessata ssuġġeriet li r-regoli l-ġodda setgħu jiġu interpretati bħallikieku qed jidderiġu t-traffiku tal-ajru mill-ajruport Le Bourget, li fih is-servizzi tat-terminal jiġu ġestiti minn seba' operaturi indipendenti, u jibagħtuh lejn l-ajruporti Charles-de-Gaulle u Orly, li fihom it-terminals jiġu operati minn monopolju.

(24)

Fl-aħħar nett, il-parti interessata ddikjarat li l-proċess ta' konsultazzjoni kien diskriminatorju. Din sostniet li għad-differenza ta' partijiet ikkonċernati oħra, il-parti interessata ma ġietx mistiedna għal-laqgħat li fihom l-emendi maħsuba ġew diskussi u vvalutati. Għalhekk, din setgħet tagħti biss kontribut bil-miktub.

4.   IT-TERMINI TAL-ARTIKOLU 19 TAR-REGOLAMENT (KE) Nru 1008/2008

(25)

L-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 jistipula li Stat Membru, wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati u mingħajr diskriminazzjoni bejn id-destinazzjonijiet fil-Komunità jew abbażi tan-nazzjonalità jew tal-identità tat-trasportaturi tal-ajru, jista' jirregola d-distribuzzjoni tat-traffiku tal-ajru bejn l-ajruporti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-ajruporti jaqdu l-istess belt jew konurbazzjoni;

(b)

l-ajruporti jkunu moqdija minn infrastruttura adegwata tat-trasport li tipprovdi, kemm jista' jkun, titjira diretta li tagħmilha possibbli li wieħed jasal l-ajruport fi żmien 90 minuta inkluż, meta dan ikun meħtieġ, fuq bażi transfruntiera;

(c)

l-ajruporti jkunu kkollegati ma' xulxin u mal-belt jew mal-konurbazzjoni li jaqdu permezz ta' servizzi tat-trasport pubbliku li jkunu frekwenti, affidabbli u effiċjenti; u

(d)

l-ajruporti joffru servizzi meħtieġa lit-trasportaturi tal-ajru u ma jippreġudikawx bla bżonn l-opportunitajiet kummerċjali tagħhom.

(26)

Barra minn hekk, id-distribuzzjoni tat-traffiku tal-ajru bejn l-ajruporti kkonċernati għandha tirrispetta l-prinċipji tal-proporzjonalità u tat-trasparenza, u għandha tiġi bbażata fuq kriterji oġġettivi.

(27)

L-Artikolu 19(3) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 jistipula li Stat Membru kkonċernat għandu jgħarraf lill-Kummissjoni li jkun biħsiebu jirregola d-distribuzzjoni tat-traffiku tal-ajru jew ibiddel regola eżistenti dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku. Dan jistipula wkoll li l-Kummissjoni għandha teżamina l-applikazzjoni tal-Artikolu 19(2) u, fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi t-tagħrif mill-Istat Membru, u wara li tkun talbet lill-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 għal opinjoni, għandha tiddeċiedi jekk l-Istat Membru jistax japplika l-miżuri. Dan jistipula wkoll li l-Kummissjoni għandha tippubblika d-deċiżjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u li l-miżuri ma għandhomx jiġu applikati qabel il-pubblikazzjoni tal-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

5.   VALUTAZZJONI

(28)

L-emendi jimmodifikaw ir-regoli dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku għall-ajruporti li jaqdu l-belt ta' Pariġi billi jestendu l-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli eżistenti għas-servizzi 'l barra miż-ŻEE, li għandha l-effett li tirrestrinġi l-aċċess ta' ċerti tipi ta' servizzi lejn/minn kull wieħed mill-ajruporti.

(29)

Dan jikkostitwixxi bidla f'regola eżistenti dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku fis-sens tal-Artikolu 19(3) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008. Skont it-termini tagħha stess, din id-dispożizzjoni mhijiex limitata għat-traffiku fl-UE jew (fid-dawl tal-inkorporazzjoni tar-Regolament fil-Ftehim dwar iż-ŻEE) fiż-ŻEE. Barra minn hekk, skont għadd ta' ftehimiet ma' ċerti pajjiżi terzi li huma applikati attwalment, bħal dawk mal-Konfederazzjoni Żvizzera jew mal-Istati Uniti tal-Amerka, it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni u t-trasportaturi tal-ajru minn dawk il-pajjiżi terzi huma intitolati li jipprovdu s-servizzi tagħhom bejn kwalunkwe punt fl-Unjoni u fit-territorju tal-pajjiż terz ikkonċernat. Fl-aħħar nett, it-trasportaturi ta' kwalunkwe Stat Membru partikolari li jkollhom stabbiliment sekondarju fi Stat Membru ieħor huma intitolati li jgawdu mingħajr diskriminazzjoni mid-drittijiet li jirriżultaw mill-ftehimiet bilaterali konklużi minn dan l-Istat Membru tal-aħħar, f'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti (9).

(30)

Bidla oħra f'regola eżistenti dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku, fis-sens tal-Artikolu 19(3) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, tinsab fil-fatt li tneħħew ċerti restrizzjonijiet fir-rigward tal-ajruport Orly, kif spjegat fil-premessa (11) ta' hawn fuq.

5.1.   KONSULTAZZJONI

(31)

Il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Franċiżi wettqu konsultazzjoni pubblika uffiċjali permezz ta' avviż tad-19 ta' Mejju 2015 u li kull parti interessata ġiet mistiedna twieġeb għaliha. Il-Kummissjoni ma għandha l-ebda indikazzjoni li t-tweġibiet ma ġewx ikkunsidrati mill-awtoritajiet Franċiżi. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tosserva li l-abbozz ta' regoli ġie mibdul wara li saret il-konsultazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-partijiet interessati ġew ikkonsultati b'mod adegwat kif meħtieġ mill-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008.

5.2.   KONFORMITÀ TAT-TLIET AJRUPORTI INKWISTJONI MAL-KRITERJI STABBILITI FL-EWWEL SOTTOPARAGRAFU TAL-ARTIKOLU 19(2) TAR-REGOLAMENT (KE) Nru 1008/2008

(32)

Il-Kummissjoni hija sodisfatta li t-tliet ajruporti inkwistjoni, Orly, Charles-de-Gaulle u Le Bourget, jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 19(2).

(33)

L-ajruporti jaqdu l-konurbazzjoni ta' Pariġi, huma aċċessibbli permezz ta' infrastruttura adegwata tat-trasport bit-triq kif ukoll permezz tat-trasport pubbliku fi żmien 35 minuta sa madwar siegħa, l-ajruporti huma kkollegati ma' xulxin u mal-belt ta' Pariġi permezz ta' trasport pubbliku frekwenti u affidabbli, u l-ajruporti joffru s-servizzi meħtieġa lit-trasportaturi tal-ajru, jiġifieri l-kontroll tat-traffiku tal-ajru, il-groundhandling u l-ipproċessar tal-passiġġieri.

5.3.   NONDISKRIMINAZZJONI

(34)

Ir-regoli kif emendati ma jiddiskriminaw kontra l-ebda mid-destinazzjonijiet fl-Unjoni, la abbażi tan-nazzjonalità u lanqas abbażi tal-identità tat-trasportaturi tal-ajru.

(35)

Għaldaqstant, l-emendi jikkonformaw mal-kriterji ta' nondiskriminazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 19(2).

5.4.   ĠUSTIFIKAZZJONI U PROPORZJONALITÀ

(36)

It-tneħħija tal-limitazzjonijiet fir-rigward tal-ajruport Orly sempliċement tħassar ir-restrizzjonijiet eżistenti, mingħajr ma jinħolqu xi oħrajn ġodda. Ir-restrizzjonijiet ġew introdotti sabiex jitħeġġeġ l-użu ta' slots għal destinazzjonijiet differenti u sabiex it-trasportaturi ma jitħallewx jużaw inġenji tal-ajru li jkunu iżgħar minn ċertu livell limitu ta' daqs f'rotot li jkollhom ammont kbir ta' traffiku tal-passiġġieri, sempliċement biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-użu ta' slots. Madankollu, minħabba ċ-ċirkostanzi deskritti fil-premessa 8 ta' hawn fuq, ir-regoli mhumiex meħtieġa iktar.

(37)

Fir-rigward tal-effetti l-oħra tal-emendi maħsuba, ir-restrizzjonijiet il-ġodda li nħolqu huma dawn li ġejjin:

Fl-ajruporti Orly u Charles-de-Gaulle, se jiġu pprojbiti s-servizzi mhux skedati 'l barra miż-ŻEE pprovduti fuq inġenji tal-ajru ż-żgħar, li l-postijiet fuqhom ma jiġux kummerċjalizzati għall-pubbliku b'mod individwali.

Fl-ajruport Le Bourget, se jiġu pprojbiti t-titjiriet skedati 'l barra miż-ŻEE u t-titjiriet 'il barra miż-ŻEE pprovduti fuq inġenji tal-ajru kbar.

(38)

Il-parti interessata ddikjarat li r-restrizzjonijiet huma eċċessivi. Il-Kummissjoni ma taqbilx. Ir-regoli dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku jservu għal żewġ għanijiet:

Minn banda, l-intenzjoni hija li jiġi ottimizzat l-użu tal-kapaċità limitata fl-ajruporti Orly u Charles-de-Gaulle. Għalhekk, is-servizzi mhux skedati pprovduti fuq inġenji tal-ajru li jkollhom kapaċità ta' 25 post jew inqas u li l-postijiet fuqhom ma jiġux kummerċjalizzati għall-pubbliku b'mod individwali, jiġu diretti lejn l-ajruport Le Bourget, sabiex ma titħarbatx is-sekwenza regolari fl-ajruporti Orly u Charles-de-Gaulle.

Mill-banda l-oħra, l-intenzjoni hija li t-traffiku lejn l-ajruport Le Bourget u minnu jiġi limitat għal servizzi mhux skedati pprovduti fuq inġenji tal-ajru li jkollhom kapaċità ta' 25 post jew inqas u li l-postijiet fuqhom ma jiġux kummerċjalizzati għall-pubbliku b'mod individwali, peress li biex jiġu pprovduti tipi oħra ta' servizzi jkunu meħtieġa investimenti minn qabel sabiex tiġi adattata l-infrastruttura tal-ajruport.

(39)

Għalhekk, id-distinzjonijiet previsti mill-awtoritajiet Franċiżi, ibbażati fuq it-tipi ta' servizzi (in-natura skedata jew mhux skedata tagħhom, kif ukoll il-mod li bih jiġu kummerċjalizzati l-postijiet fuq l-ajruplan) u fuq id-daqs tal-inġenji tal-ajru, jidher li kapaċi jilħqu l-għanijiet mixtieqa.

(40)

Bl-istess mod, ma jidhirx li l-miżura tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(41)

Bil-mod kif ċerti servizzi 'l barra miż-ŻEE huma maħsuba li jiġu rriżervati għall-ajruporti Charles-de-Gaulle u Orly, xejn ma jissuġġerixxi li minflok li tinkiseb l-ottimizzazzjoni msemmija hawn fuq, l-għan kien li jingħataw xi vantaġġi lill-kumpanija li topera dawk l-ajruporti, jiġifieri l-ADP. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tosserva wkoll li fil-bidu l-awtoritajiet Franċiżi kien biħsiebhom jagħtu aċċess ġenerali għall-ajruport Orly lill-inġenji tal-ajru ż-żgħar li jkunu qed iġorru l-passiġġieri fi tranżitu, li kienet soluzzjoni li l-ADP stess ikkontestat.

(42)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-emendi maħsuba huma ġġustifikati u proporzjonati b'mod oġġettiv.

5.5.   KRITERJI OĠĠETTIVI

(43)

L-emendi maħsuba huma bbażati fuq kriterji oġġettivi (id-daqs u t-tip ta' servizz, kif spjegat hawn fuq) u huma meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija hawn fuq tar-regoli dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku.

5.6.   TRASPARENZA

(44)

Fl-aħħar nett, l-emendi maħsuba se jiġu ppubblikati, l-istess bħar-regoli applikabbli attwalment, u b'hekk se jkunu trasparenti.

6.   KONKLUŻJONI

(45)

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tqis li l-emendi maħsuba tar-regoli dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku kif stabbilit fid-Digriet tal-15 ta' Novembru 1994 dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku tal-ajru intra-Komunitarju fis-sistema tal-ajruporti ta' Pariġi, huma kompatibbli mar-rekwiżiti fl-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008.

(46)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv imsemmi fl-Artikolu 25 tar-Regolament.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-emendi maħsuba tar-regoli dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku stabbiliti fid-Digriet tal-15 ta' Novembru 1994“dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku tal-ajru intra-Komunitarju fis-sistema tal-ajruporti ta' Pariġi”, innotifikati lill-Kummissjoni fit-28 ta' Settembru 2015, b'dan huma approvati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta' Franza.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Mejju 2016.

Għall-Kummissjoni

Violeta BULC

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3.

(2)  L-intenzjoni hija li jitwettqu l-bidliet rilevanti permezz ta' digriet ġdid li jissostitwixxi d-Digriet tal-1994.

(3)  ĠU C 400, 2.12.2015, p. 4.

(4)  ĠU L 162, 13.7.1995, p. 25.

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar aċċess għat-trasportaturi tal-ajru tal-Komunità għal rotot tal-ajru intra-Komunitarji (ĠU L 240, 24.8.1992, p. 8) imħassar bl-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 (riformulazzjoni).

(6)  Skont ir-regoli attwali, applikabbli biss għal servizzi fi ħdan iż-ŻEE, it-trattament iktar favorevoli għal titjiriet ta' tranżitu mhuwiex awtomatiku, ikun xi jkun il-każ, iżda jista' jingħata permezz ta' deroga.

(7)  Spjegat f'ittra tat-30 ta' Novembru 2015 mingħand l-awtoritajiet Franċiżi.

(8)  Spjegat f'ittra tat-30 ta' Novembru 2015 mingħand l-awtoritajiet Franċiżi.

(9)  Il-Kawża C-467/98, Il-Kummissjoni vs id-Danimarka, C-467/98, il-paragrafu 122 u ta' wara.