19.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 103/41


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/600

tal-15 ta' April 2016

li temenda d-Deċiżjoni 2007/453/KE fejn jidħol l-istatus tal-BSE tar-Rumanija

(notifikata bid-dokument C(2016) 2186)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001 tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tixtered (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistipula li l-Istati Membri, il-pajjiżi terzi jew ir-reġjuni tagħhom (“il-pajjiżi jew ir-reġjuni”) għandhom jiġu klassifikati skont l-istatus tagħhom tal-enċefalopatija sponġiformi bovina (il-BSE) f'waħda minn tliet kategoriji: riskju negliġibbli tal-BSE, riskju kkontrollat tal-BSE, u riskju indeterminat tal-BSE.

(2)

L-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE (2) jelenka l-pajjiżi jew ir-reġjuni skont l-istatus tagħhom tal-BSE.

(3)

L-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (l-OIE) taqdi rwol ewlieni fil-kategorizzazzjoni tal-pajjiżi jew tar-reġjuni skont ir-riskju tagħhom tal-BSE.

(4)

F'Mejju tal-2014, l-Assemblea Ġenerali tal-OIE iddeċidiet li fir-Riżoluzzjoni Nru 18 tagħha — Recognition of the Bovine Spongiform Encephalopathy Risk Status of Member Countries (3) — tagħti status ta' “riskju negliġibbli tal-BSE” lir-Rumanija. Fis-27 ta' Ġunju 2014, il-Kummissjoni Xjentifika tal-OIE għall-Mard tal-Annimali ssospendiet dak l-istatus ta' riskju negliġibbli tal-BSE għax fl-20 ta' Ġunju 2014 ir-Rumanija nnotifikat każ ta' BSE atipika.

(5)

F'Mejju tal-2015, l-Assemblea Ġenerali tal-OIE emendat il-Kapitoli tal-BSE tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-OIE (“il-Kodiċi”) u fl-Artikolu 11.4.1 tal-Kodiċi żiedet din is-sentenza: “Għall-finijiet ta' rikonoxximent uffiċjali tal-istatus ta' riskju tal-BSE, il-BSE teskludi li “BSE atipika” hija kundizzjoni li maħsuba li tfeġġ b'mod spontanju fil-popolazzjonijiet kollha tal-baqar b'rata tassew baxxa” (4).

(6)

Billi l-istatus ta' riskju negliġibbli tal-BSE għar-Rumanija kien ġie sospiż għax tfaċċa każ ta' BSE atipika u l-verżjoni l-ġdida tal-Kodiċi teskludi l-BSE atipika għall-finijiet tar-rikonoxximent uffiċjali tal-istatus ta' riskju tal-BSE, il-Kummissjoni Xjentifika tal-OIE għall-Mard tal-Annimali ddeċidiet li b'effett mit-8 ta' Diċembru 2015 lir-Rumanija terġa' tagħtiha l-istatus ta' riskju negliġibbli tal-BSE.

(7)

Għalhekk għandha tiġi emendata l-lista tal-pajjiżi fl-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE ħalli tirrifletti dik id-deċiżjoni.

(8)

Għalhekk id-Deċiżjoni 2007/453/KE tiġi emendata skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE hu emendat kif ġej:

(1)

l-entrata “— ir-Rumanija” tiddaħħal fil-Parti “A. Pajjiżi jew reġjuni b'riskju negliġibbli tal-BSE”, wara “— il-Portugall” u qabel “— is-Slovenja”;

(2)

l-entrata “— ir-Rumanija” tiddaħħal fil-Parti “B. Pajjiżi jew reġjuni b'riskju kkontrollat tal-BSE”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' April 2016.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2007/453/KE tad-29 ta' Ġunju 2007 li tistabbilixxi l-istatus tal-BSE ta' Stati Membri jew pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom skont ir-riskju tal-BSE (ĠU L 172, 30.6.2007, p. 84).

(3)  http://www.oie.int/fileadmin/Home/eng/Animal_Health_in_the_World/docs/pdf/2014_A_RESO-18_BSE.pdf

(4)  http://www.oie.int/index.php?id=169&L=0&htmfile=chapitre_bse.htm