15.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 99/6


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/578

tal-11 ta' April 2016

li tistabbilixxi Programm ta' Ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 281 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 280 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (minn hawn 'il quddiem, “il-Kodiċi”) jipprovdi li l-Kummissjoni tfassal programm ta' ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi (minn hawn 'il quddiem, 'il-Programm ta' Ħidma'). L-ewwel Programm ta' Ħidma ġie adottat bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/255/UE (2). Jinħtieġ li dak il-programm jiġi aġġornat. Minħabba l-għadd ta' tibdiliet li huma meħtieġa fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/255/UE u għal raġunijiet ta' ċarezza, jixraq li dik id-Deċiżjoni tiġi sostitwita u revokata.

(2)

Il-Programm ta' Ħidma huwa importanti b'mod partikolari għat-twaqqif tal-miżuri tranżizzjonali relatati mas-sistemi elettroniċi u mal-iskadenza għat-tnedija tas-sistemi li għadhom mhumiex operattivi sad-data tal-applikazzjoni tal-Kodiċi, l-1 ta' Mejju 2016. Għalhekk, il-Programm ta' Ħidma huwa meħtieġ biex jistabbilixxi l-perjodi tranżizzjonali relatati mas-sistemi elettroniċi stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (3), fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/341 (4) u fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (5).

(3)

Il-Kodiċi jipprovdi li kull skambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet doganali u l-ħżin ta' din l-informazzjoni, għandhom isiru permezz ta' metodi elettroniċi tal-ipproċessar tad-dejta u li s-sistemi tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni joffru l-istess faċilitajiet lill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha. Għalhekk, il-Programm ta' Ħidma għandu jistabbilixxi pjan estensiv għall-implimentazzjoni tas-sistemi elettroniċi sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta tal-Kodiċi.

(4)

Għaldaqstant, il-Programm ta' Ħidma għandu jkun fih lista tas-sistemi elettroniċi li għandhom jiġu mħejjija u żviluppati mill-Istati Membri (“is-sistemi nazzjonali”) jew mill-Istati Membri f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni (“is-sistemi trans-Ewropej”), sabiex il-Kodiċi jsir applikabbli fil-prattika. Din il-lista għandha tkun ibbażata fuq id-dokument ta' ppjanar eżistenti marbut mal-proġetti doganali kollha relatati mal-IT, imsejjaħ il-pjan strateġiku pluriennali (“MASP”), li tfassal skont id-Deċiżjoni Nru 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u b'mod partikolari l-Artikolu 4 u l-Artikolu 8(2) tagħha. Is-sistemi elettroniċi msemmija fil-Programm ta' Ħidma għandhom ikunu soġġetti għall-istess approċċ ta' ġestjoni tal-proġetti u għandhom jitħejjew u jiġu żviluppati kif stabbilit fil-MASP.

(5)

Il-Programm ta' Ħidma għandu jidentifika s-sistemi elettroniċi kif ukoll il-bażi ġuridika relatata, il-miri ewlenin u d-dati previsti biex jibdew l-operazzjonijiet. Id-dati msemmija bħala “d-dati tal-bidu tat-tnedija” għandhom ikunu d-dati l-aktar kmieni li minnhom l-Istati Membri jkunu kapaċi jibdew iħaddmu s-sistema elettronika ġdida. Barra minn hekk, il-programm ta' ħidma għandu jiddefinixxi “d-dati tat-tmiem tat-tnedija” bħala d-dati l-aktar tard li fihom l-Istati Membri kollha u l-operaturi ekonomiċi kollha jibdew jużaw is-sistema elettronika ġdida jew aġġornata kif meħtieġ skont il-Kodiċi. Dawn it-twieqi ta' żmien jinħtieġu għall-implimentazzjoni tat-tnedija tas-sistema fil-livell tal-Unjoni. It-tul tat-twieqi taż-żmien għandu jqis il-bżonnijiet tat-tnedija ta' kull sistema.

(6)

Il-limiti ta' żmien għat-tnedija tas-sistemi trans-Ewropej għandhom jiġu stabbiliti jew permezz ta' dati speċifiċi jew, fejn meħtieġ, permezz ta' twieqi ta' żmien. Dawn it-twieqi ta' żmien għandhom ikunu limitati għal dak li huwa neċessarju għall-migrazzjoni tas-sistema attwali użata mill-Istati Membri u mill-operaturi ekonomiċi għas-sistema l-ġdida. Fil-limiti ta' dawn it-twieqi ta' żmien, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu meta jibdew u jtemmu l-migrazzjoni tas-sistemi tagħhom u biex l-operaturi ekonomiċi jużaw u jagħmlu konnessjoni mas-sistemi l-ġodda. Id-data tat-tmiem stabbilita minn kull Stat Membru għandha tikkostitwixxi d-data tat-tmiem tal-validità tal-perjodu marbut mar-regoli tranżizzjonali għas-sistemi elettroniċi rilevanti stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446, fir-Regolament Delegat (UE) 2016/341 u fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

(7)

Il-limiti ta' żmien għat-tnedija u l-migrazzjoni tas-sistemi nazzjonali għandhom jiġu stabbiliti skont il-pjanijiet nazzjonali tal-proġetti u tal-migrazzjoni tal-Istati Membri peress li dawn is-sistemi jappartjenu għall-ambjenti u ċ-ċirkostanzi nazzjonali tal-IT speċifiċi. Id-data tat-tmiem stabbilita minn kull Stat Membru għandha tikkostitwixxi d-data tat-tmiem tal-perjodu tranżizzjonali marbut mas-sistemi elettroniċi rilevanti stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446, fir-Regolament Delegat (UE) 2016/341 u fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447. Għal raġunijiet ta' trasparenza, u skont l-Artikolu 56(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/341, l-Istati Membri għandhom jissottomettu l-ippjanar nazzjonali tagħhom lill-Kummissjoni, u l-Kummissjoni għandha tippubblika dak l-ippjanar fuq is-sit web Europa. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom, fi żmien debitu, jiżguraw it-trażmissjoni lill-operaturi ekonomiċi tal-informazzjoni teknika meħtieġa biex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jaġġornaw is-sistemi tagħhom, meta jkun hemm bżonn, u jagħmlu konnessjoni mas-sistemi l-ġodda jew aġġornati u japplikaw ir-regoli u r-rekwiżiti tad-dejta l-ġodda, filwaqt li japplikaw ir-rakkomandazzjonijiet mogħtija mill-Istati Membri fil-gwidi nazzjonali tagħhom ta' prattiki tajba tal-IT.

(8)

Is-sistemi elettroniċi msemmija fil-Programm ta' Ħidma għandhom ikunu magħżula fid-dawl tal-impatt mistenni tagħhom f'termini tal-prijoritajiet definiti fil-Kodiċi. Waħda mill-prijoritajiet ewlenin f'dan ir-rigward hija li l-operaturi ekonomiċi jkunu offruti firxa wiesgħa ta' servizzi doganali elettroniċi fit-territorju doganali sħiħ tal-Unjoni. Barra minn hekk, is-sistemi elettroniċi għandu jkollhom l-għan li jtejbu l-effiċjenza, l-effettività u l-armonizzazzjoni tal-proċessi doganali madwar l-Unjoni. L-ordni u l-iskeda tat-tnedija tas-sistemi inklużi fil-Programm ta' Ħidma għandhom ikunu bbażati fuq konsiderazzjonijiet prattiċi u tal-ġestjoni tal-proġetti bħat-tixrid tal-isforzi u tar-riżorsi, l-interkonnessjoni bejn il-proġetti, il-prerekwiżiti speċifiċi ta' kull sistema u l-maturità tal-proġett. Il-Programm ta' Ħidma għandu jorganizza l-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi fi stadji differenti. Minħabba l-għadd sostanzjali ta' sistemi u interfaċċi li għandhom jiġu żviluppati, imnedija u miżmuma u minħabba l-ispejjeż għoljin involuti biex jimplimentaw bis-sħiħ il-Programm ta' Ħidma sas-sena 2020, għandhom jiġu żgurati segwitu u monitoraġġ mill-qrib.

(9)

Filwaqt li s-sistemi elettroniċi msemmija fl-Artikolu 16(1) tal-Kodiċi għandhom jiġu żviluppati, imnedija u miżmuma mill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien biex jiżguraw li t-tħejjija u l-implimentazzjoni tas-sistemi elettroniċi jiġu ġestiti f'konformità mal-Programm ta' Ħidma u li jittieħdu l-miżuri xierqa biex is-sistemi identifikati jiġu ppjanati, imfassla, żviluppati u mnedija b'mod ikkoordinat u f'waqtu.

(10)

Sabiex tiġi żgurata s-sinkroniċità bejn il-Programm ta' Ħidma u l-MASP, il-Programm ta' Ħidma għandu jiġi aġġornat fl-istess ħin bħall-MASP u għandu jiġi allinjat mal-MASP. Fl-istabbiliment ta' aġġornamenti futuri tal-Programm ta' Ħidma ser ikun meħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-progress miksub kull sena fl-ilħiq tal-miri miftiehma stabbiliti, minħabba n-natura ambizzjuża u diffiċli tas-sistemi elettroniċi li għandhom jiġu ffinalizzati fis-snin 2019 u 2020 kif ukoll minħabba l-konċentrazzjoni tax-xogħol ippjanat bħalissa għas-snin 2019 u 2020.

(11)

Il-miżuri stipulati f'din id-deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Programm ta' Ħidma

Il-Programm ta' Ħidma marbut mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti mill-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (minn hawn 'il quddiem, il-“Programm ta' Ħidma”), kif stabbilit fl-Anness, huwa b'dan adottat.

Artikolu 2

Implimentazzjoni

1.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw fl-implimentazzjoni tal-Programm ta' Ħidma.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jniedu s-sistemi elettroniċi rilevanti sad-dati tat-tmiem tat-twieqi tat-tnedija rilevanti stabbiliti fil-Programm ta' Ħidma.

3.   Il-proġetti speċifikati fil-Programm ta' Ħidma u t-tħejjija u l-implimentazzjoni tas-sistemi elettroniċi relatati għandhom ikunu ġestiti b'mod konsistenti mal-Programm ta' Ħidma u mal-pjan strateġiku pluriennali (“MASP”).

4.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-impenn li ssib fehim u qbil komuni mal-Istati Membri dwar l-ambitu tal-proġett, it-tfassil, ir-rekwiżiti u l-arkitettura tas-sistemi elettroniċi sabiex jibdew il-proġetti tal-Programm ta' Ħidma. Fejn ikun rilevanti, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta wkoll l-operaturi ekonomiċi u tikkunsidra l-fehmiet tagħhom.

Artikolu 3

Aġġornamenti

1.   Il-Programm ta' Ħidma għandu jiġi soġġett għal aġġornamenti regolari sabiex ikun żgurat li jkun allinjat u aġġustat skont l-aħħar żviluppi fl-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, u biex jitqies il-progress attwali li jkun sar fit-tħejjija u l-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi, b'mod partikolari fir-rigward tad-disponibbiltà tal-ispeċifikazzjonijiet maqbula b'mod komuni u tar-realizzazzjoni tat-tħaddim tas-sistemi elettroniċi.

2.   Sabiex tiġi żgurata s-sinkroniċità bejn il-Programm ta' Ħidma u l-MASP, il-Programm ta' Ħidma għandu jiġi aġġornat mill-anqas kull sena.

Artikolu 4

Komunikazzjoni u Governanza

1.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaqsmu l-informazzjoni dwar l-ippjanar u l-progress fl-implimentazzjoni ta' kull waħda mis-sistemi.

2.   Mhux iktar tard minn sitt xhur qabel id-data ppjanata tat-tnedija għal sistema tal-IT partikolari, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-pjanijiet nazzjonali tal-proġetti u tal-migrazzjoni. Dawk il-pjanijiet għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja:

id-data tal-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-komunikazzjoni esterna tas-sistema elettronika;

il-perjodu tat-testijiet tal-konformanza mal-operaturi ekonomiċi;

id-dati tat-tnedija tas-sistema elettronika, inkluż il-bidu tal-operazzjonijiet, u, fejn applikabbli, il-perjodu li matulu l-operaturi ekonomiċi jkunu awtorizzati jagħmlu l-migrazzjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'kull aġġornament tal-pjanijiet nazzjonali tal-proġetti u tal-migrazzjoni.

4.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-pjanijiet nazzjonali tal-proġetti u tal-migrazzjoni fuq is-sit web tagħha.

5.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi marbuta mal-komunikazzjoni esterna tas-sistema elettronika nazzjonali lill-operaturi ekonomiċi fil-ħin.

Artikolu 5

Tħassir

1.   Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/255/UE hija mħassra.

2.   Ir-referenzi għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' April 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/255/UE tad-29 ta' April 2014 li tistabbilixxi l-Programm ta' Ħidma għall-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 134 7.5.2014, p. 46).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/341 tas-17 ta' Diċembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli tranżizzjonali għal ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni meta s-sistemi elettroniċi relevanti ma jkunux għadhom bdew jitħaddmu u li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 (ĠU L 69, 15.3.2016, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).

(6)  Id-Deċiżjoni Nru 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ (ĠU L 23, 26.1.2008, p. 21).


ANNESS

Il-programm ta' ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni

I.   INTRODUZZJONI TAL-PROGRAMM TA' ĦIDMA

1.

Il-Programm ta' Ħidma jipprovdi strument li jappoġġa l-applikazzjoni tal-Kodiċi fir-rigward tal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fih.

2.

L-għan tal-Programm ta' Ħidma huwa wkoll li jiġu speċifikati perjodi li matulhom ikunu applikabbli l-miżuri tranżizzjonali sat-tnedija tas-sistemi elettroniċi l-ġodda jew aġġornati kif imsemmi fir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446, fir-Regolament Delegat (UE) 2016/341 u fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

3.

Il-“pass ewlieni” f'termini tad-data fil-mira tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, għandu jinftiehem bħala d-data li fiha ssir disponibbli verżjoni stabbli tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Għas-sistemi jew il-komponenti nazzjonali, din id-data għandha tiġi kkomunikata bħala parti mill-ippjanar nazzjonali tal-proġetti ppubblikati.

4.

Il-Programm ta' Ħidma jistabbilixxi d-“dati tat-tnedija” tas-sistema trans-Ewropea u tas-sistemi nazzjonali:

(a)

id-data tal-bidu tat-tieqa tat-tnedija għas-sistemi elettroniċi, li għandha tinftiehem bħala l-aktar data kmieni għall-bidu tal-operazzjonijiet tas-sistema elettronika;

(b)

id-data ta' tmiem tat-tieqa tat-tnedija għas-sistemi elettroniċi, li għandha tinftiehem bħala

l-aħħar data sa meta s-sistemi jeħtieġ jitħaddmu mill-Istati Membri kollha u jintużaw mill-operaturi ekonomiċi kollha, u kif ukoll

id-data tat-tmiem tal-validità tal-perjodu tranżizzjonali.

Għall-finijiet tal-punt (b), id-data se tkun l-istess bħal dik tal-bidu f'każ li ma tkun prevista ebda tieqa ta' żmien reali (tnedija jew migrazzjoni).

5.

Għal sistemi purament nazzjonali jew għal komponenti nazzjonali speċifiċi ta' proġett usa' tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu dwar id-“dati tat-tnedija” kif ukoll dwar id-data tal-bidu u d-data tat-tmiem ta' tieqa ta' tnedija skont l-ippjanar nazzjonali tal-proġetti tagħhom.

Dawn is-sistemi nazzjonali jew dawn il-komponenti nazzjonali speċifiċi huma koperti mill-ewwel paragrafu:

(a)

AES tal-KDU — Komponent 2 (aġġornament tas-Sistemi Nazzjonali tal-Esportazzjoni) (il-punt 10 tal-Parti II);

(b)

Proċeduri Speċjali tal-KDU (SP IMP/SP EXP) (il-punt 12 tal-Parti II);

(c)

Notifika tal-wasla tal-KDU, Notifika tal-Preżentazzjoni u Ħżin Temporanju (il-punt 13 tal-Parti II);

(d)

aġġornament tas-Sistemi Nazzjonali tal-Importazzjoni tal-KDU (il-punt 14 tal-Parti II);

(e)

Ġestjoni tal-Garanzija (GUM) tal-KDU — il-Komponent 2 (il-punt 16 tal-Parti II).

6.

Għal sistemi trans-Ewropej b'tieqa tat-tnedija reali mingħajr data waħda tal-implimentazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jibdew it-tnedija f'data xierqa f'din it-tieqa u jistgħu jippermettu perjodu ta' żmien biex l-operaturi ekonomiċi jemigraw f'din it-tieqa tat-tnedija, fejn tali perjodu ta' żmien jitqies li huwa xieraq. Id-dati tal-bidu u t-tmiem għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni. Jeħtieġ jiġi kkunsidrat eżami bir-reqqa tal-aspetti komuni tal-qasam.

Dawn is-sistemi trans-Ewropej huma koperti mill-ewwel paragrafu:

(a)

Prova ta' Status tal-Unjoni tal-KDU (PoUS) (il-punt 8 tal-Parti II),

(b)

aġġornament tal-NCTS tal-KDU (il-punt 9 tal-Parti II);

(c)

AES tal-KDU (il-Komponent 1) (il-punt 10 tal-Parti II).

7.

Fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-Programm ta' Ħidma, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jeħtieġ li jimmaniġjaw bir-reqqa l-kumplessità f'termini tad-dipendenzi, tal-fatturi varjabbli u tas-suppożizzjonijiet. Il-prinċipji stipulati fil-MASP se jintużaw biex iġestixxu l-ippjanar.

Il-proġetti se jsiru f'fażijiet differenti mill-elaborazzjoni għall-kostruzzjoni, mill-ittestjar u l-migrazzjoni għall-operazzjoni finali. Ir-rwol tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri f'dawn il-fażijiet differenti se jiddependi fuq in-natura u l-arkitettura tas-sistemi u l-komponenti jew is-servizzi tagħhom kif deskritt fl-iskedi ta' proġetti dettaljati tal-MASP. Fejn xieraq, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni jiġu definiti mill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u soġġetti għal rieżami magħhom, bil-ħsieb li jipprovduhom 24 xahar qabel id-data fil-mira tat-tnedija tas-sistema elettronika. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi mfassla nazzjonalment għas-sistemi jew għall-komponenti nazzjonali meħtieġa għandhom isiru disponibbli fil-ħin, tal-inqas fir-rigward tal-partijiet relatati mal-komunikazzjoni esterna mal-operaturi ekonomiċi, sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jippjanaw u jaġġustaw is-sistemi u l-interfaċċi tagħhom skont il-bżonn.

L-Istati Membri, u fejn ikun xieraq, il-Kummissjoni, se jieħdu sehem fl-iżvilupp u fit-tnedija tas-sistemi, skont l-arkitettura u l-ispeċifikazzjonijiet definiti tas-sistema. L-attivitajiet se jitwettqu fir-rigward tal-passi ewlenin u d-dati msemmija fil-Programm ta' Ħidma. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jikkooperaw ukoll mal-operaturi ekonomiċi u ma' partijiet ikkonċernati oħra.

L-operaturi ekonomiċi jkollhom jieħdu l-passi meħtieġa biex ikunu jistgħu jużaw is-sistemi ladarba jkunu fis-seħħ u mhux aktar tard mid-dati tat-tmiem definiti f'dan il-Programm ta' Ħidma jew, fejn applikabbli, id-dati definiti mill-Istati Membri bħala parti mill-pjan nazzjonali tagħhom.

II.   LISTA TA' PROĠETTI RELATATI MAL-IŻVILUPP U T-TNEDIJA TAS-SISTEMI ELETTRONIĊI

A.   Lista sħiħa

“Proġetti tal-KDU u Sistemi Elettroniċi relatati”

Lista ta' proġetti relatati mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Kodiċi

Bażi legali

Stadju ewlieni

Data tat-tnedija tas-sistemi elettroniċi

 

 

 

Id-data tal-bidu tat-tieqa tat-tnedija tas-sistema elettronika (1)

Id-data tat-tmiem tat-tieqa tat-tnedija tas-sistema elettronika (2)

=

Data tat-tmiem tal-perjodu tranżizzjonali

1.   Sistema tal-Esportatur Reġistrat (REX) tal-KDU

Il-proġett għandu l-għan li jagħmel disponibbli l-informazzjoni aġġornata dwar Esportaturi Reġistrati stabbiliti f'pajjiżi tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP) li jesportaw merkanzija lejn l-Unjoni. Is-sistema se tkun ukoll sistema trans-Ewropea u se tinkludi wkoll dejta dwar l-operaturi ekonomiċi tal-UE bil-għan li tappoġġa l-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi tas-SĠP. Id-dejta meħtieġa se tiddaħħal fis-sistema b'mod gradwali sal-31 ta' Diċembru 2017.

L-Artikolu 6(1), l-Artikoli 16 u 64 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013

Data fil-mira tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi

= Q1 2015

1.1.2017

1.1.2017

2.   Sistema tal-Informazzjoni Vinkolanti dwar it-Tariffi (BTI) tal-KDU

Il-proġett għandu l-għan li jipprovdi aġġornament tas-sistema trans-Ewropea EBTI-3 u tas-sistema Sorveljanza 2 eżistenti biex jiġi żgurat dan li ġej:

(a)

l-allinjament tas-sistema EBTI-3 mar-rekwiżiti tal-KDU;

(b)

l-estensjoni tad-dejta tad-dikjarazzjoni rikjesta fl-ambitu tas-sorveljanza;

(c)

il-monitoraġġ tal-użu obbligatorju tal-BTI;

(d)

il-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-użu estiż tal-BTI.

Il-proġett se jiġi implimentat f'żewġ fażijiet.

L-ewwel fażi se tipprovdi, l-ewwel nett, il-funzjonalità biex tirċievi s-sett tad-dejta tad-dikjarazzjoni meħtieġa tal-KDU (jiġifieri, il-pass 1) mill-1 ta' Marzu 2017 b'mod gradwali sal-implimentazzjoni tal-proġetti elenkati fil-punti 10 u 14 ta' hawnhekk (u mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2020), u t-tieni nett, se tissodisfa l-obbligu tal-kontroll tal-użu tal-BTI abbażi tas-sett tad-dejta tad-dikjarazzjoni li tkun għadha kif ġiet rikjesta u l-allinjament mal-proċess tad-deċiżjonijiet doganali (jiġifieri, il-pass 2).

It-tieni fażi se timplimenta l-formola elettronika tal-applikazzjoni u tad-deċiżjoni tal-BTI u se tipprovdi lill-operaturi ekonomiċi b'interfaċċa armonizzata għall-kummerċjanti tal-UE biex jissottomettu l-applikazzjoni tal-BTI u jirċievu d-deċiżjoni tal-BTI b'mod elettroniku.

L-Artikolu 6(1), l-Artikoli 16,22, 23, 26, 27, 28, 33 u 34 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013

Data fil-mira tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi

= Q2 2016

(il-fażi 1)

1.3.2017

(il-fażi 1 — il-pass 1)

1.3.2017

(il-fażi 1 — il-pass 1)

1.10.2017

(il-fażi 1 — il-pass 2)

1.10.2017

(il-fażi 1 — il-pass 2)

Data fil-mira tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi

= Q3 2016

(il-fażi 2)

1.10.2018

(il-fażi 2)

1.10.2018

(il-fażi 2)

3.   Deċiżjonijiet Doganali tal-KDU

Il-proġett għandu l-għan li jarmonizza l-proċessi relatati mal-applikazzjoni għal deċiżjoni doganali, mat-teħid tad-deċiżjonijiet u mal-ġestjoni tad-deċiżjonijiet permezz tal-istandardizzazzjoni u tal-ġestjoni elettronika tad-dejta tal-applikazzjoni u tad-deċiżjoni/tal-awtorizzazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea. Il-proġett huwa marbut mad-deċiżjonijiet nazzjonali u mad-deċiżjonijiet bejn diversi Stati Membri definiti mill-Kodiċi u se jkopri l-komponenti tas-sistema żviluppati b'mod ċentralizzat fil-livell tal-Unjoni u se wkoll l-integrazzjoni mal-komponenti nazzjonali fejn l-Istati Membri jkunu għażlu din l-opzjoni. Din is-sistema trans-Ewropea se tiffaċilita l-konsultazzjonijiet matul il-perjodu tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-ġestjoni tal-proċess tal-awtorizzazzjonijiet.

Din is-sistema trans-Ewropea tikkonsisti f'portal tal-kumerċjanti tal-UE, sistema tal-ġestjoni tad-deċiżjonijiet doganali, u sistema ta' referenza tal-klijenti.

L-Artikolu 6(1), l-Artikoli 16,22, 23, 26, 27 u 28 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013

Data fil-mira tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi

= Q4 2015

2.10.2017

2.10.2017

4.   Aċċess dirett min-negozjanti għas-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropea (Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u Firma Diġitali)

L-għan ta' dan il-proġett huwa li jipprovdi soluzzjonijiet prattikabbli għal aċċess dirett u armonizzat min-negozjanti tal-UE bħala servizz biex l-interfaċċi “utent mas-sistema” jiġu integrati fis-sistemi doganali elettroniċi kif definit fil-proġetti speċifiċi tal-KDU. Il-Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u l-Firma Diġitali se jiġu integrati fil-portali tas-sistemi kkonċernati u se jinkludi appoġġ għall-identità, għall-aċċess u għall-ġestjoni tal-utenti konformi mal-politiki tas-sigurtà meħtieġa.

L-ewwel tnedija hija prevista flimkien mas-sistema tad-Deċiżjonijiet Doganali tal-KDU.

Imbagħad, din is-soluzzjoni teknika għall-awtentikazzjoni u għall-ġestjoni tal-utenti ser tkun disponibbli għall-użu fi proġetti oħra tal-KDU bħall-BTI tal-KDU, l-aġġornament tal-AEO tal-KDU, is-sistema tal-Prova tal-Istatus tal-Unjoni tal-KDU u potenzjalment ukoll is-sistema tad-Dokumenti tal-Informazzjoni (INF) tal-KDU għall-Proċeduri Speċjali. Ara l-proġetti differenti dwar id-dati tat-tnedija.

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013

Data fil-mira tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi

= Q4 2015

2.10.2017

2.10.2017

5.   Aġġornament tal-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati (AEO) tal-KDU

Il-proġett għandu l-għan li jtejjeb il-proċessi tan-negozju relatati mal-applikazzjonijiet u awtorizzazzjonijiet tal-AEO filwaqt li jitqiesu l-bidliet tad-dispożizzjonijiet legali tal-KDU.

Fl-ewwel fażi, il-proġett għandu l-għan li jimplimenta t-titjib ewlieni lis-sistema tal-AEO fid-dawl tal-armonizzazzjoni tal-proċedura doganali tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Fit-tieni fażi, il-proġett se jimplimenta l-formola elettronika tal-applikazzjoni u tad-deċiżjoni tal-AEO u se jipprovdi lill-operaturi ekonomiċi b'interfaċċa armonizzata għall-kummerċjanti tal-UE biex jissottomettu l-applikazzjoni tal-AEO u jirċievu d-deċiżjoni tal-AEO b'mod elettroniku.

L-Artikolu 6(1), l-Artikoli 16,22, 23, 26, 27, 28, 38 u 39 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013

Data fil-mira tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi

= Q1 2016

1.3.2018

(il-fażi 1)

1.3.2018

(il-fażi 1)

Data fil-mira tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi

= Q3 2017

1.10.2019

(il-fażi 2)

1.10.2019

(il-fażi 2)

6.   Aġġornament tas-Sistema ta' Reġistrazzjoni u Identifikazzjoni tal-Operatur Ekonomiku tal-KDU (EORI 2)

Dan il-proġett għandu l-għan li jipprovdi aġġornament minuri lis-sistema EORI trans-Ewropea eżistenti li tippermetti r-reġistrazzjoni u l-identifikazzjoni ta' operaturi ekonomiċi tal-Unjoni u operaturi ta' pajjiżi terzi, kif ukoll persuni oħra li mhumiex operaturi ekonomiċi li huma attivi fi kwistjonijiet doganali fl-Unjoni.

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni

Data fil-mira tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi

= Q2 2016

1.3.2018

1.3.2018

7.   Sorveljanza 3 tal-KDU

Dan il-proġett għandu l-għan li jipprovdi aġġornament tas-sistema tas-Sorveljanza 2+ li tiżgura l-allinjament tagħha mar-rekwiżiti tal-KDU bħall-iskambju standard ta' informazzjoni b'metodi elettroniċi tal-ipproċessar tad-dejta u l-istabbiliment tal-funzjonalitajiet adegwati meħtieġa għall-ipproċessar u l-analiżi tas-sett sħiħ tad-dejta tas-sorveljanza miksuba mill-Istati Membri.

Għaldaqstant dan se jinkludi aktar kapaċitajiet għall-estrazzjoni tad-dejta u funzjonalitajiet tar-rappurtar li għandhom isiru disponibbli lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

L-Artikolu 6(1), l-Artikoli 16 u 56(5) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013

Data fil-mira tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi

= Q3 2016

1.10.2018

1.10.2018

8.   Prova ta' Status tal-Unjoni tal-KDU (PoUS)

Il-proġett jimmira li joħloq sistema trans-Ewropea ġdida biex taħżen, timmaniġġja u tirkupra l-Provi elettroniċi li ġejjin tal-Istatus tal-Unjoni: T2L/F u l-manifest doganali tal-merkanzija (maħruġ minn emittent mhux awtorizzat).

L-Artikolu 6(1), l-Artikoli 16 u 153 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013

Data fil-mira tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi

= Q1 2017

1.3.2019

1.10.2019

9.   Aġġornament tas-Sistema Ġdida ta' Tranżitu Kompjuterizzata (NCTS) tal-KDU

L-għan ta' dan il-proġett huwa li jallinja s-sistema NCTS trans-Ewropea eżistenti mar-rekwiżiti l-ġodda tal-KDU bħar-reġistrazzjoni tal-avvenimenti “en route” u bħall-allinjament tal-iskambji tal-informazzjoni mar-rekwiżiti tad-dejta tal-KDU u l-aġġornament u l-iżvilupp ta' interfaċċi ma' sistemi oħra.

L-Artikolu 6(1), l-Artikoli 16 u 226–236 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013

Data fil-mira tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi

= Q3 2017

1.10.2019

2.3.2020

10.   Sistema Awtomatizzata tal-Esportazzjoni (AES) tal-KDU

Dan il-proġett għandu l-għan li jimplimenta r-rekwiżiti tal-KDU għall-esportazzjoni u l-ħruġ.

 

Il-Komponent 1 — “AES Trans-Ewropea”: L-għan tal-proġett huwa li tiġi żviluppata aktar is-Sistema ta' Kontroll tal-Esportazzjoni trans-Ewropea eżistenti sabiex tiġi implimentata AES sħiħa li tkopri r-rekwiżiti tan-negozju għall-proċessi u għad-dejta li joriġinaw mill-KDU, fost l-oħrajn il-kopertura tal-proċeduri simplifikati, kunsinni ta' ħruġ maqsuma u żdoganar ċentralizzat għall-esportazzjoni. Huwa wkoll previst li jkopri l-iżvilupp ta' interfaces armonizzati bis-Sistema tal-Moviment tas-Sisa (EMCS) u s-Sistema Ġdida ta' Tranżitu Kompjuterizzata (NCTS). L-AES se tippermetti l-awtomazzjoni sħiħa tal-proċeduri ta' esportazzjoni u tal-formalitajiet tal-ħruġ. L-AES tkopri partijiet li għandhom jiġu żviluppati ċentralment u nazzjonalment.

 

Il-Komponent 2 — “Aġġornament tas-Sistemi Nazzjonali ta' Esportazzjoni”: Barra minn hekk, peress illi mhumiex parti mill-AES iżda huma marbuta mill-qrib, is-sistemi nazzjonali jridu jiġu aġġornati għal elementi nazzjonali speċifiċi relatati mal-formalitajiet tal-esportazzjoni u/jew tal-ħruġ. Sa fejn dawn l-elementi ma jkollhom l-ebda impatt fuq il-qasam komuni għall-AES, jistgħu jiġu koperti minn dan il-komponent.

L-Artikolu 6(1), l-Artikoli 16, 179 u 263–276 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013

Data fil-mira tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi

= Q3 2017

(il-komponent 1)

1.10.2019

(il-komponent 1)

2.3.2020

(il-komponent 1)

Data fil-mira tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi

= għandha tiġi definita mill-Istat Membru

(il-komponent 2)

1.3.2017

(il-komponent 2)

2.3.2020

(il-komponent 2)

11.   Dokumenti bit-Tagħrif Ewlieni (INF) tal-KDU għal Proċeduri Speċjali

L-għan ta' dan il-proġett huwa li tiġi żviluppata sistema trans-Ewropea ġdida biex tappoġġa u tissimplifika l-proċessi tal-ġestjoni tad-dejta tal-INF u t-trattament elettroniku tad-dejta tal-INF fil-qasam tal-Proċeduri Speċjali.

L-Artikolu 6(1), l-Artikoli 16, 215, 237–242 u 250–262 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013

Data fil-mira tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi

= Q1 2018

2.3.2020

2.3.2020

12.   Proċeduri Speċjali tal-KDU

Dan il-proġett għandu l-għan li jaċċellera, jiffaċilita u jarmonizza l-Proċeduri Speċjali madwar l-Unjoni billi jipprovdi mudelli komuni ta' proċessi ta' negozju. Is-sistemi nazzjonali se jimplimentaw il-bidliet tal-KDU kollha meħtieġa għall-ħżin doganali, għall-użu aħħari, għad-dħul temporanju u għall-ipproċessar intern u estern.

Il-proġett se jiġi implimentat f'żewġ partijiet.

 

Il-Komponent 1 — “SP EXP Nazzjonali”: l-għoti tas-soluzzjonijiet elettroniċi nazzjonali meħtieġa għall-attivitajiet relatati mal-esportazzjoni tal-proċeduri speċjali.

 

Il-Komponent 2 — “SP IMP Nazzjonali”: l-għoti tas-soluzzjonijiet elettroniċi nazzjonali meħtieġa għall-attivitajiet relatati mal-importazzjoni tal-proċeduri speċjali.

L-implimentazzjoni ta' dawn il-proġetti se ssir permezz tal-proġetti elenkati fil-punti 10 u 14 ta' dan id-dokument.

L-Artikolu 6(1), l-Artikoli 16, 215, 237–242 u 250–262 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013

Data fil-mira tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi

= għandha tiġi definita mill-Istat Membru (għall-komponent 1 u 2)

1.3.2017

(il-komponent 1)

2.3.2020

(il-komponent 1)

Għandha tiġi definita mill-Istati Membri bħala parti tal-pjan nazzjonali

(il-komponent 2)

Għandha tiġi definita mill-Istati Membri bħala parti tal-pjan nazzjonali

(il-komponent 2)

13.   Notifika tal-Wasla tal-KDU, Notifika tal-Preżentazzjoni u tal-Ħażna Temporanja

L-għan ta' dan il-proġett huwa li jiddefinixxi l-proċessi għan-Notifika tal-Wasla tal-mezz tat-trasport, il-Preżentazzjoni tal-merkanzija (in-Notifika tal-Preżentazzjoni) u d-Dikjarazzjoni tal-Ħżin Temporanju kif deskritt fil-KDU u li jappoġġa l-armonizzazzjoni f'dan ir-rigward fost l-Istati Membri fir-rigward tal-iskambju tad-dejta bejn il-kummerċ u d-dwana.

Il-proġett ikopri l-awtomazzjoni tal-proċessi fil-livell nazzjonali.

L-Artikolu 6(1), l-Artikoli 16 u 133–152 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013

Data fil-mira tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi

= għandha tiġi definita mill-Istat Membru

Għandha tiġi definita mill-Istati Membri bħala parti tal-pjan nazzjonali

Għandha tiġi definita mill-Istati Membri bħala parti tal-pjan nazzjonali

14.   L-aġġornament tas-Sistemi Nazzjonali tal-Importazzjoni tal-KDU

Il-proġett jimmira li jimplimenta r-rekwiżiti kollha tal-proċess u tad-dejta stipulati fil-KDU li huma relatati mal-qasam tal-importazzjoni (u li mhumiex koperti minn proġetti oħra definiti fil-Programm ta' Ħidma). Jirrelata prinċipalment mal-bidliet lill-proċedura tar-“Rilaxx għal ċirkolazzjoni libera” (proċedura standard + simplifikazzjonijiet), iżda jkopri wkoll l-impatt li jirriżulta minn migrazzjonijiet oħra tas-sistema. Dan il-proġett jirrigwarda l-qasam tal-importazzjoni nazzjonali li jkopri d-dikjarazzjonijiet doganali nazzjonali tas-sistemi tal-ipproċessar kif ukoll sistemi oħra bħall-kontabilità nazzjonali u s-sistemi tal-ħlas.

L-Artikolu 6(1), l-Artikoli 16(1) u l-Artikoli 53, 56, 77-80, 83-87, 101-105, 108-109, 158-187,194-195 tar-Regolamnet (UE) Nru 952/2013

Data fil-mira tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi

= għandha tiġi definita mill-Istat Membru

Għandha tiġi definita mill-Istati Membri bħala parti tal-pjan nazzjonali

Għandha tiġi definita mill-Istati Membri bħala parti tal-pjan nazzjonali

15.   Żdoganar Ċentralizzat għall-Importazzjoni (CCI) tal-KDU

Dan il-proġett għandu l-għan li jippermetti li l-merkanzija titpoġġa taħt proċedura doganali bl-użu ta' żdoganar ċentralizzat, li jippermetti lill-operaturi ekonomiċi jiċċentralizzaw in-negozju tagħhom minn perspettiva doganali. L-ipproċessar tad-dikjarazzjoni doganali u r-rilaxx fiżiku tal-merkanzija għandhom ikunu kkoordinati bejn l-uffiċċji doganali relatati. Il-proġett jikkonċerna sistema trans-Ewropea li fiha komponenti żviluppati ċentralment u nazzjonalment.

L-Artikolu 6(1), l-Artikoli 16 u 179 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013

Data fil-mira tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi

= Q2 2018

1.10.2020

Il-pjan tal-implimentazzjoni għandu jiġi definit bħala parti mid-dokumentazzjoni tal-proġett CCI

16.   Ġestjoni tal-Garanzija (GUM) tal-KDU

Dan il-proġett għandu l-għan li jiżgura l-ġestjoni effettiva u effiċjenti tat-tipi differenti ta' garanziji.

 

Il-Komponent 1 — “GUM”: Dan il-proġett għandu l-għan li jkopri l-ġestjoni tal-garanziji komprensivi li jistgħu jintużaw f'iżjed minn Stat Membru wieħed u l-monitoraġġ tal-ammont ta' referenza għal kull dikjarazzjoni doganali, dikjarazzjoni supplimentari jew informazzjoni xierqa tad-dettalji meħtieġa għad-dħul fil-kontijiet għad-djun doganali eżistenti għall-proċeduri doganali kollha kif previst fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, minbarra t-Tranżitu li huwa trattat bħala parti mill-proġett tal-NCTS.

 

Il-Komponent 2 — “Ġestjoni tal-Garanzija Nazzjonali”: Barra minn hekk, is-sistemi elettroniċi eżistenti fil-livell nazzjonali għall-ġestjoni tal-garanziji validi fi Stat Membru wieħed għandhom jiġu aġġornati.

L-Artikolu 6(1), l-Artikoli 16 u 89–100 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013

Data fil-mira tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi

= Q2 2018

(il-komponent 1)

1.10.2020

(il-komponent 1)

1.10.2020

(il-komponent 1)

Data fil-mira tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi

= għandha tiġi definita mill-Istat Membru

(il-komponent 2)

Għandha tiġi definita mill-Istati Membri bħala parti tal-pjan nazzjonali

(il-komponent 2)

Għandha tiġi definita mill-Istati Membri bħala parti tal-pjan nazzjonali

(il-komponent 2)

17.   L-aġġornament tas-Sistema tal-Kontroll tal-Importazzjoni (ICS 2) tal-KDU

L-għan ta' dan il-proġett huwa li jissaħħu s-sikurezza u s-sigurtà tal-katina tal-provvista għall-modi kollha tat-trasport u speċjalment il-merkanzija bl-ajru, permezz ta' titjib tal-kwalità tad-dejta, tal-arkivjar tad-dejta, tad-disponibbiltà tad-dejta u tal-qsim tad-dejta rigward id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul u l-informazzjoni relatata tar-riskju u tal-kontroll (ċiklu tal-ħajja tal-ENS+).

Il-proġett se jiffaċilita l-kollaborazzjoni fost l-Istati Membri fil-proċess tal-analiżi tar-riskju. Dan se jwassal għal arkitettura kompletament ġdida tas-sistema ICS trans-Ewropea eżistenti.

L-Artikolu 6(1), l-Artikoli 16, 46 u 127–132 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013

Data fil-mira tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi

=Q2 2018

1.10.2020

Il-pjan tal-implimentazzjoni għandu jiġi definit bħala parti mid-dokumentazzjoni tal-proġett ICS2

B.   Ħarsa ġenerali lejn il-lista

Proġetti tal-KDU relatati mas-sistemi elettroniċi

Dati tat-tnedija/Twieqi tat-tnedija

S1 2016

S2 2016

S1 2017

S2 2017

S1 2018

S2 2018

S1 2019

S2 2019

S1 2020

S2 2020

1.

Sistema tal-Esportatur Reġistrat (REX) tal-KDU

1.1.2017

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

2.

Sistema tal-Informazzjoni Vinkolanti dwar it-Tariffi (BTI) tal-KDU

1.3.2017 (il-fażi 1 — il-pass 1)

1.10.2017 (il-fażi 1 — il-pass 2))

1.10.2018 (il-fażi 2)

 

 

Il-fażi 1 (il-pass 1)

Il-fażi 1 (il-pass 2)

 

Il-fażi 2

 

 

 

 

3.

Deċiżjonijiet Doganali tal-KDU

2.10.2017

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

4.

Aċċess dirett min-negozjanti għas-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej (Ġestjoni uniformi tal-utenti u firma diġitali)

2.10.2017

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

5.

Aġġornament tas-Sistema tal-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati (AEO) tal-KDU

1.3.2018 (il-fażi 1)

1.10.2019 (il-fażi 2)

 

 

 

 

Il-fażi 1

 

 

Il-fażi 2

 

 

6.

Aġġornament tas-Sistema ta' Reġistrazzjoni u Identifikazzjoni tal-Operatur Ekonomiku tal-KDU (EORI 2)

1.3.2018

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

7.

Sorveljanza 3 tal-KDU

1.10.2018

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

8.

Prova ta' Status tal-Unjoni tal-KDU (PoUS)

1.3.2019–1.10.2019

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

9.

Aġġornament tas-Sistema Ġdida ta' Tranżitu Kompjuterizzata (NCTS) tal-KDU

1.10.2019–2.3.2020

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

10.

Sistema Awtomatizzata tal-Esportazzjoni (AES) tal-KDU —

Il-komponent 1: AES trans-Ewropea

1.10.2019–2.3.2020

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

10.

Sistema Awtomatizzata tal-Esportazzjoni (AES) tal-KDU —

Il-komponent 2: Aġġornament tas-Sistemi Nazzjonali ta' Esportazzjoni

1.3.2017–2.3.2020

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

11.

Dokumenti bit-Tagħrif Ewlieni (INF) tal-KDU għal Proċeduri Speċjali

2.3.2020

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

12.

Proċeduri Speċjali tal-KDU —

Il-komponent 1: SP EXP nazzjonali

ippjanar nazzjonali

1.3.2017-2.3.2020 - ara wkoll il-proġett 10

 

 

SP EXP

SP EXP

SP EXP

SP EXP

SP EXP

SP EXP

SP EXP

 

12.

Proċeduri Speċjali tal-KDU —

Il-komponent 2: SP IMP nazzjonali

ippjanar nazzjonali għall-SP IMP - ara wkoll il-proġett 14

SP IMP

SP IMP

SP IMP

SP IMP

SP IMP

SP IMP

SP IMP

SP IMP

SP IMP

SP IMP

13.

Notifika tal-wasla tal-KDU, notifika ta' preżentazzjoni u ta' ħażna temporanja

ippjanar nazzjonali

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

14.

L-aġġornament tas-Sistemi Nazzjonali tal-Importazzjoni tal-KDU

ippjanar nazzjonali

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

15.

Żdoganar Ċentralizzat għall-Importazzjoni (CCI) tal-KDU

1.10.2020 — pjan ta' implimentazzjoni

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

16.

Ġestjoni tal-Garanzija (GUM) tal-KDU —

Il-komponent 1: GUM trans-Ewropea

1.10.2020–1.10.2020

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

16.

Sistema tal-Ġestjoni tal-Garanzija (GUM) tal-KDU —

Il-komponent 2: Ġestjoni tal-Garanzija Nazzjonali

ippjanar nazzjonali

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

17.

L-aġġornament tas-Sistema tal-Kontroll tal-Importazzjoni (ICS 2) tal-KDU

1.10.2020 — pjan ta' implimentazzjoni

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


(1)  Din id-data tal-bidu tat-tieqa tat-tnedija tas-sistemi elettroniċi hija l-istess bħall-aktar data bikrija biex l-Istati Membri jibdew l-operazzjonijiet.

(2)  Din id-data għat-tmiem tat-tieqa tat-tnedija tas-sistemi elettroniċi hija l-istess bħall-aħħar data sa meta s-sistema għandha tkun imnedija bis-sħiħ u l-aħħar data sa meta l-operaturi ekonomiċi kollha għandhom ikunu emigraw; fejn applikabbli, id-data għandha tkun stabbilita mill-Istati Membri u tkun bħad-data tat-tmiem tal-validità tal-perjodu tranżizzjonali. Din id-data m'għandiex tkun iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2020.