16.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 70/32


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/377

tal-15 ta' Marzu 2016

dwar l-ekwivalenza tal-qafas regolatorju tal-Istati Uniti tal-Amerka għall-kontropartijiet ċentrali li huma awtorizzati u li ssirilhom superviżjoni mill-Commodity Futures Trading Commission mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 25(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-proċedura għar-rikonoxximent tal-kontropartijiet ċentrali (“CCPs”) stabbiliti f'pajjiżi terzi stipulata fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandha l-għan li tippermetti lis-CCPs stabbiliti u awtorizzati f'pajjiżi terzi li l-istandards regolatorji tagħhom huma ekwivalenti għal dawk stipulati f'dan ir-Regolament li jipprovdu servizzi tal-ikklirjar lill-membri tal-ikklirjar jew liċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni. Għalhekk, din il-proċedura ta' rikonoxximent u d-deċiżjoni ta' ekwivalenza prevista fiha jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-għan ġenerali tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 biex jitnaqqas ir-riskju sistemiku billi jiġi estiż l-użu ta' CCPs sikuri u sodi sabiex jikklirjaw il-kuntratti tad-derivattivi barra mill-borża (“OTC”), inkluż meta dawn is-CCPs ikunu stabbiliti u awtorizzati f'pajjiż terz.

(2)

Sabiex reġim legali ta' pajjiż terz jitqies bħala ekwivalenti għar-reġim legali tal-Unjoni fir-rigward tas-CCPs, l-eżitu sostantiv tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għandu jkun ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-Unjoni rigward l-objettivi regolatorji li jiksbu. L-iskop ta' din il-valutazzjoni ta' ekwivalenza huwa għaldaqstant li jiġi vverifikat li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Istati Uniti tal-Amerka (l-Istati Uniti) jiżguraw li s-CCPs stabbiliti u awtorizzati hemmhekk ma jesponux lill-membri tal-ikklirjar u liċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni għal livell ogħla ta' riskju milli dawn tal-aħħar jistgħu jkunu esposti għalih minn CCPs awtorizzati fl-Unjoni u, bħala konsegwenza, ma joħolqux livelli inaċċettabbli ta' riskju sistemiku fl-Unjoni.

(3)

Fl-1 ta' Settembru 2013, il-Kummissjoni rċeviet il-parir tekniku mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) dwar l-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CCPs stabbiliti fl-Istati Uniti. Il-konsulenza teknika identifikat għadd ta' differenzi bejn ir-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli, f'livell ġurisdizzjonali, għas-CCPs fl-Istati Uniti u r-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għas-CCPs skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Madankollu, din id-Deċiżjoni mhijiex ibbażata biss fuq analiżi komparattiva tar-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għas-CCPs fl-Istati Uniti, iżda wkoll fuq valutazzjoni tal-eżitu ta' dawk ir-rekwiżiti, u fuq l-adegwatezza tagħhom biex inaqqsu r-riskji li l-membri tal-ikklirjar u ċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni jistgħu jkunu esposti għalihom, b'mod meqjus ekwivalenti għall-eżitu tar-rekwiżiti stipulati fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(4)

Skont l-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, iridu jintlaħqu tliet kundizzjonijiet sabiex jiġi determinat li l-arranġamenti legali u superviżorji ta' pajjiż terz rigward is-CCPs awtorizzati hemmhekk huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dak ir-Regolament.

(5)

Skont l-ewwel kundizzjoni, is-CCPs awtorizzati f'pajjiż terz iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(6)

Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti tal-Istati Uniti għas-CCPs awtorizzati (it-terminu li jintuża fil-qafas tas-CFTC huwa “registration” (reġistrazzjoni)) u li ssirilhom superviżjoni mill-Commodity Futures Trading Commission (CFTC) jinsabu fil-Commodity Exchange Act (“is-CEA”), kif emendat mit-Titoli VII u VIII tad-Dodd-Frank Wall Street Reform and Consumer Protection Act (“l-Att Dodd-Frank”), u r-regolamenti tas-CFTC promulgati skontu. Is-CFTC hija l-awtorità kompetenti għas-superviżjoni tal-kuntratti kollha tad-derivattivi li mhumiex ibbażati fuq titolu wieħed (bond jew sehem), self, jew grupp jew indiċi ta' titoli b'bażi limitata, u hija inkarigata mill-awtorizzazzjoni u r-regolamentazzjoni tas-CCPs li jipprovdu servizzi tal-ikklirjar għal dawk il-kuntratti tad-derivattivi (“organizzazzjonijiet ta' kklirjar tad-derivattivi” jew “DCOs”). Għaldaqstant, il-kuntratti tad-derivattivi li jaqgħu fil-kompetenza tas-CFTC jikkorrispondu għal parti mill-ġabra ta' kuntratti tad-derivattivi koperti mid-dispożizzjonijiet dwar is-CCPs stipulati fir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Din id-Deċiżjoni tirrigwarda biss l-ekwivalenza tal-arranġamenti legali u superviżorji għad-DCOs u mhux l-arranġamenti legali u superviżorji għas-CCPs li jipprovdu servizzi tal-ikklirjar għal kuntratti tad-derivattivi li jaqgħu fil-kompetenza tal-Kummissjoni dwar it-Titoli u l-Kambju (“SEC”). Fil-każijiet li fihom is-CCP hija awtorizzata kemm bħala aġenzija taħt il-ġurisdizzjoni tas-SEC kif ukoll bħala DCO, din id-Deċiżjoni tirrigwarda dawk is-CCPs biss sa fejn dawn jipprovdu servizzi tal-ikklirjar għall-kuntratti tad-derivattivi li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tas-CFTC.

(7)

Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għas-CCPs awtorizzati mis-CFTC jinkludu standards ta' livell għoli li huma stipulati mill-prinċipji ewlenin għad-DCOs li jinsabu fit-Taqsima 5b(c)(2) tas-CEA u s-Sottopartijiet A u B tal-Parti 39 tar-Regolamenti tas-CFTC. Sabiex ikunu awtorizzati mis-CFTC, is-CCPs kollha jridu jikkonformaw ma' dawk il-prinċipji ewlenin. Il-prinċipji ewlenin huma kkomplementati minn standards speċifiċi mtejba ta' ġestjoni tar-riskju applikabbli għad-DCOs li ntgħażlu mill-Financial Stability Oversight Council tal-Istati Uniti bħala sistemikament importanti u li għalihom is-CFTC intgħażlet bħala l-aġenzija superviżorja (“SIDCOs”). L-istandards imtejba ta' ġestjoni tar-riskju huma stipulati fis-Sottoparti C tal-Parti 39 tar-Regolamenti tas-CFTC (ir-Regolamenti minn 39.30 sa 39.42). L-istandards ta' livell għoli u l-istandards speċifiċi mtejba ta' ġestjoni tar-riskju għas-SIDCOs (flimkien, ir-“regoli primarji”) huma applikabbli għas-SIDCOs u għad-DCOs li ma ntgħażlux bħala SIDCOs iżda għażlu b'mod volontarju li jkunu legalment vinkolati minn dawk l-istandards speċifiċi ta' ġestjoni tar-riskju (“DCOs inklużi b'mod fakultattiv”). Dawn ir-regoli primarji jikkostitwixxu l-ewwel livell tar-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għad-DCOs.

(8)

Skont ir-regoli primarji, id-DCOs iridu jadottaw regoli u proċeduri interni li jridu jiġu approvati mis-CFTC. Fir-rigward ta' ċerti standards stabbiliti skont ir-regoli primarji, ir-regoli u l-proċeduri interni tad-DCOs iridu jagħtu dettalji preskrittivi dwar il-mod li bih id-DCO se tissodisfa dawk l-istandards. Barra minn hekk, dawn ir-regoli u l-proċeduri interni fihom rekwiżiti li jikkomplementaw lil dawk preskritti mir-regoli primarji. Ladarba jkunu approvati mis-CFTC, ir-regoli u l-proċeduri interni jsiru legalment vinkolanti fuq id-DCO u jikkostitwixxu parti integrali mill-arranġamenti legali u superviżorji li magħhom iridu jikkonformaw dawk id-DCOs. Fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mar-regoli primarji jew mar-regoli u mal-proċeduri interni tad-DCO, is-CFTC għandha s-setgħa li tissanzjona lil dawk id-DCOs, inkluż billi timponi penali u sospensjoni jew revoka tal-awtorizzazzjoni.

(9)

Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti fl-Istati Uniti fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi kklirjati mid-DCOs jinkludu għaldaqstant struttura b'żewġ livelli. Ir-regoli primarji għas-SIDCOs u d-DCOs inklużi b'mod fakultattiv jikkostitwixxu l-ewwel livell tar-rekwiżiti legalment vinkolanti. Ir-regoli u l-proċeduri interni tas-SIDCOs u tad-DCOs inklużi b'mod fakultattiv jikkostitwixxu t-tieni livell tar-rekwiżiti legalment vinkolanti. Meta jiddeterminaw l-ekwivalenza f'konformità mal-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, in-natura u d-dettal tar-rekwiżiti legali li jinsabu fir-regoli u fil-proċeduri interni tas-SIDCOs u tad-DCOs inklużi b'mod fakultattiv iridu, għaldaqstant, jiġu kkunsidrati pari passu mar-regoli primarji sabiex ikun żgurat li r-rekwiżiti legalment vinkolanti li ssawwru minn dawk il-komponenti kkombinati tal-arranġamenti legali u superviżorji jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(10)

Ir-regoli primarji applikabbli għas-SIDCOs u għad-DCOs inklużi b'mod fakultattiv ikkomplimentati bir-regoli u l-proċeduri interni tagħhom jagħtu riżultati sostanzjali ekwivalenti għall-effetti tar-regoli li jinsabu fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Ir-regoli primarji jinkludu rekwiżiti dwar il-governanza (inklużi rekwiżit organizzazzjonali, rekwiżiti relatati ma' diriġenza għolja, kumitati tar-riskju, żamma ta' rekords, holdings kwalifikanti, informazzjoni trażmessa lill-awtorità kompetenti), kunflitti ta' interess, esternalizzazzjoni, kondotta tal-operazzjonijiet, il-kontinwità operattiva u s-segregazzjoni, kif ukoll r-riskju tal-likwidità, ir-rekwiżiti kollaterali, il-politika tal-investiment, u r-riskju tas-saldu.

(11)

Minkejja li r-regoli primarji fir-rigward tar-riskji tal-likwidità ma jobbligawx lis-SIDCOs u lid-DCOs inklużi b'mod fakultattiv li jżommu r-riżorsi ta' likwidità eliġibbli biex jissodisfaw il-“prinċipju tal-kopertura 2”, jiġifieri, riżorsi likwidi biex ikopru l-inadempjenza ta' minn tal-inqas iż-żewġ membri tal-ikklirjar li fil-konfront tagħhom hemm l-akbar skopertura, dawn id-DCOs huma madanakollu obbligati li jistabbilixxu proċeduri biex ikopru kull nuqqas ta' likwidità mhux kopert, filwaqt li jiżguraw li r-riżorsi allokati jkunu disponibbli fil-każijiet fejn it-telf jiżboq l-inadempjenza tal-membru tal-ikklirjar li fil-konfront tiegħu għandhom l-akbar skopertura. Minkejja li dan huwa approċċ differenti mill-“prinċipju tal-kopertura 2” li jinsab fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, dan jagħti riżultat sostanzjali ekwivalenti għall-effetti tar-regoli li jinsabu fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(12)

Ir-regoli primarji fir-rigward tal-parteċipazzjoni, ġestjoni tal-iskopertura, rekwiżiti tal-marġni, fondi tal-inadempjenza, riżorsi finanzjarji oħra, kaskata tal-inadempjenza u proċedura tal-inadempjenza, isegwu approċċ simili għar-regoli li jinsabu fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 iżda jvarjaw f'ċertu aspetti. Fir-rigward tal-marġni inizjali applikat għall-pożizzjonijiet proprjetarji tal-membru tal-ikklirjar, ir-regoli primarji jipprevedu perjodu minimu ta' likwidazzjoni ta' jum għall-kuntratti tad-derivattivi mhux OTC inklużi futuri, opzjonijiet, swaps dwar il-komoditajiet tal-enerġija, il-komoditajiet agrikoli u l-metalli u ħamest ijiem għad-derivattivi l-oħra kollha, b'marġni li jinġabar fuq bażi netta. Madanakollu, ir-regoli tal-Unjoni jistipulaw perjodi minimi ta' likwidazzjoni ta' jumejn għall-kuntratti tad-derivattivi mhux OTC u ħamest ijiem għall-kuntratti tad-derivattivi OTC, tipikament b'marġni li jinġabar fuq bażi netta. Għaldaqstant, fir-rigward tal-pożizzjonijiet proprjetarji tal-membri tal-ikklirjar, il-perjodu ta' likwidazzjoni itwal ta' jumejn għall-kuntratti tad-derivattivi mhux OTC fl-Unjoni jwassal biex is-CCPs awtorizzati fl-Unjoni jiġbru aktar marġni fir-rigward ta' dawk il-pożizzjonijiet. Min-naħa l-oħra, fil-każ tal-marġnijiet inizjali li jinġabru fir-rigward tal-pożizzjonijiet tal-klijenti tal-membri tal-ikklirjar, ir-regoli primarji jirrikjedu li l-marġni jinġabar fuq bażi grossa għall-klassijiet kollha tal-kuntratti tad-derivattivi, filwaqt li d-dritt tal-Unjoni ma fih l-ebda rekwiżit ta' din ix-xorta. Id-differenza bejn il-ġbir tal-marġni nett u l-marġni gross twassal għal riżultati ekwivalenti fir-rigward tal-ammont tal-marġni li d-DCOs għandhom fir-rigward tal-pożizzjonijiet tal-klijenti, li tagħmel tajjeb għad-differenza fil-perjodu ta' likwidazzjoni. Għaldaqstant ir-regoli primarji dwar ir-rekwiżiti tal-marġni jistgħu jiġu kkunsidrati ekwivalenti għad-dritt tal-Unjoni sa fejn dawn jirrigwardaw il-pożizzjonijiet tal-klijenti tal-membri tal-ikklirjar. Lil hinn minn hekk, id-dritt tal-Unjoni jitlob l-applikazzjoni ta' waħda minn tliet miżuri kontra l-proċikliċità sabiex ikun żgurat li l-marġnijiet inizjali ma jitbaxxewx wisq fi żminijiet ekonomiċi stabbli u ma jiżdidux f'daqqa fi żminijiet ta' stress, filwaqt li r-regoli primarji ma fihom l-ebda rekwiżit speċifiku ta' din ix-xorta. B'dan il-mod, miżuri bħal dawn jwasslu għal marġnijiet stabbli u konservattivi. Apparti minn hekk, ir-regoli primarji jirrikjedu lis-SIDCOs u lid-DCOs inklużi b'mod fakultattiv li japplikaw il-“prinċipju tal-kopertura 2” fil-każijiet li fihom dawk id-DCOs ikunu ntgħażlu bħala li huma sistemikament importanti f'aktar minn ġurisdizzjoni waħda jew meta jkunu involuti f'attivitajiet bi profil tar-riskju aktar kumpless. Ir-regoli tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, jirrikjedu l-“prinċipju tal-kopertura 2” għas-CCPs kollha.

(13)

L-arranġamenti legali u superviżorji tal-Istati Uniti applikabbli għad-DCOs għandhom għaldaqstant jitqiesu ekwivalenti, bil-kundizzjoni li, skont ir-regoli u l-proċeduri interni tad-DCOs li huma awtorizzati bħala SIDCOs u DCOs inklużi b'mod fakultattiv, dawn jiżguraw li d-DCOs jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin. Dawn ir-rekwiżiti huma: (1) għall-kuntratti tad-derivattivi mhux OTC b'eżekuzzjoni fi swieq regolati, perjodu ta' likwidazzjoni ta' jumejn fir-rigward tal-marġni inizjali applikat għall-pożizzjonijiet proprjetarji tal-membri tal-ikklirjar; (2) għall-kuntratti kollha tad-derivattivi, miżuri biex jillimitaw il-proċikliċità li jwasslu għal marġnijiet stabbli u konservattivi, u li huma ekwivalenti għal minn tal-inqas waħda mill-opzjonijiet kif stipulat fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012; u (3) biżżejjed riżorsi finanzjarji prefinanzjati disponibbli li jippermettu lid-DCO li tiflaħ għall-inadempjenza ta' minn tal-inqas iż-żewġ membri tal-ikklirjar li għalihom ikollha l-akbar skopertura f'kundizzjonijiet tas-suq estremi imma plawżibbli filwaqt li jitqiesu r-riskji addizzjonali li għalihom huma esposti dawk id-DCOs li jfeġġu mill-falliment simultanju ta' entitajiet fil-grupp ta' membri tal-ikklirjar inadempjenti.

(14)

Il-Kummissjoni tinnota li karatteristiċi speċjali li jikkonċernaw ċerti kuntratti tad-derivattivi agrikoli kkwotati b'eżekuzzjoni fi swieq regolati fl-Istati Uniti u kklirjati mid-DCOs jirrigwardaw swieq li jservu prinċipalment kontropartijiet mhux finanzjarji domestiċi fl-Istati Uniti li jġestu r-riskji kummerċjali tagħhom permezz ta' dawk il-kuntratti u li għandhom livell baxx ta' interkonnettività mal-bqija tas-sistema finanzjarja. Ir-riskju li jfeġġ mill-ikklirjar ta' dawn il-kuntratti huwa insinifikanti fir-rigward ta' dawk il-membri tal-ikklirjar u ċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni. Konsegwentement, il-valutazzjoni tal-ekwivalenza mhijiex sostanzjalment milquta mill-karatteristiċi regolatorji applikabbli għal dawk il-kuntratti tad-derivattivi agrikoli.

(15)

Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li l-arranġamenti legali u superviżorji tas-CFTC li jinkludu r-regoli primarji u r-regoli u l-proċeduri interni tas-SIDCOs u d-DCOs inklużi b'mod fakultattiv li jissodisfaw l-istandards stabbiliti f'din id-Deċiżjoni fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskju għandhom jiġu kkunsidrati bħala rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Is-SIDCOs u d-DCOs inklużi b'mod fakultattiv li jikkonformaw ma' dawn ir-rekwiżiti legalment vinkolanti (jiġifieri r-regoli primarji kif ikkomplementati mir-regoli u l-proċeduri interni approvati mis-CFTC u li jissodisfaw l-istandards stabbiliti f'dan l-Att) jistgħu jkunu eliġibbli għar-rikonoxximent mill-ESMA, li għandha tivverifika, f'konformità mal-Artikolu 25(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, li dawn l-istandards huma parti mir-regoli u l-proċeduri interni ta' kwalunkwe CCP soġġetta għal dak ir-reġim u li tapplika għar-rikonoxximent mill-Unjoni. Bl-istess mod, l-ESMA twettaq monitoraġġ f'konformità mal-Artikolu 25(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 biex tara li r-reġim ekwivalenti kif definit f'din id-Deċiżjoni, inklużi l-kundizzjonijiet li jinsabu fiha, jibqa' jiġi ssodisfat u tista' tirtira r-rikonoxximent meta dan ma jkunx il-każ. B'mod partikolari, l-ESMA se tivverifika li s-CCP tapplika perjodu ta' likwidazzjoni ta' jumejn fir-rigward tal-pożizzjonijiet proprjetarji tal-membri tal-ikklirjar f'kuntratt tad-derivattivi mhux OTC u li s-CCP tapplika miżuri mfassla biex jillimitaw il-proċikliċità li huma ekwivalenti fit-twassil ta' marġnijiet stabbli u konservattivi għal kwalunkwe mit-tliet miżuri stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012, u li s-CCP jkollha biżżejjed riżorsi finanzjarji prefinanzjati disponibbli li jippermettulha li tkun tiflaħ għall-inadempjenza ta' minn tal-inqas iż-żewġ membri tal-ikklirjar li għalihom għandha l-akbar skoperturi f'kundizzjonijiet tas-suq estremi imma plawżibbli filwaqt li jitqiesu r-riskji addizzjonali li għalihom huma esposti dawk is-CCPs li jfeġġu mill-falliment simultanju ta' entitajiet fil-grupp ta' membri tal-ikklirjar inadempjenti.

(16)

Skont it-tieni kundizzjoni fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji fir-rigward tas-CCPs stabbiliti fl-Istati Uniti jridu jipprevedu ulterjorment għal superviżjoni u infurzar effettivi tas-CCPs f'dik il-ġurisdizzjoni fuq bażi kontinwa.

(17)

Is-CFTC twettaq monitoraġġ kontinwu tal-konformità tad-DCOs mar-rekwiżiti tal-ġestjoni tar-riskju permezz ta' sorveljanza u proċeduri ta' analiżi ibbażat fuq ir-riskju, inkluż l-ittestjar tar-rekwiżiti prudenzjali. Is-CFTC twettaq analiżijiet flimkien ma' timijiet ta' analiżi. Malli l-analiżi titlesta, is-CFTC tfassal rapport li jagħti ġabra fil-qosor tar-riżultati tal-analiżi, inklużi xi kwistjonijiet ta' tħassib. Ir-rapport jiddeskrivi kwalunkwe nuqqas li jirriżulta, u s-CFTC għandha bosta miżuri għad-disponibbiltà tagħha sabiex tiżgura li d-DCOs jindirizzaw kif suppost kwalunkwe kwistjoni identifikata, inkluż billi timponi penali u s-sospensjoni jew ir-revoka tal-awtorizzazzjoni fil-każijiet li fihom in-nuqqasijiet ma jiġux indirizzati. Dan ir-rapport, jew l-informazzjoni fir-rapport, kif ukoll kull miżura adottata li tkun ħarġet minnhom jistgħu jiġu kondiviżi mar-regolaturi tal-pajjiżi terzi fl-ambitu ta' arranġamenti ta' kooperazzjoni.

(18)

Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li l-arranġamenti legali u superviżorji fir-rigward tad-DCOs jipprevedu għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa.

(19)

Skont it-tielet kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Istati Uniti jridu jinkludu sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent tas-CCPs awtorizzati skont ir-reġimi legali tal-pajjiżi terzi (“CCPs ta' pajjiż terz”).

(20)

CCPs ta' pajjiż terz jistgħu japplikaw mas-CFTC għall-awtorizzazzjoni bħala DCO. Is-CFTC, skont l-awtorità statutorja tagħha skont 7 U.S.C. Taqsima 2(i), tista' tipprovdi għal konformità ssostitwita fir-rigward tas-CCPs tal-pajjiżi terzi sa fejn tkun iddeterminat il-kumparabbiltà bejn ir-rekwiżiti tagħha għad-DCOs u r-rekwiżiti tar-reġim regolatorju tal-pajjiż terz. Meta jkun hemm konformità ssostitwita, CCP ta' pajjiż terz awtorizzata bħala DCO tista' tissodisfa r-rekwiżiti tas-CFTC billi tikkonforma mar-rekwiżiti komparabbli fil-ġurisdizzjoni tagħha stess (tal-pajjiż terz). Il-konklużjoni ta' memorandum ta' qbil bejn is-CFTC u l-awtorità superviżorja kompetenti tal-pajjiż terz tas-CCP applikanti hija meħtieġa wkoll sabiex jingħata r-rikonoxximent.

(21)

Għalhekk, għandu jitqies li l-arranġamenti legali u superviżorji tas-CFTC jipprevedu għal sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta' CCPs ta' pajjiż terz.

(22)

Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq ir-rekwiżiti legalment vinkolanti li jirrigwardaw is-SIDCOs u d-DCOs inklużi b'mod fakultattiv applikabbli fl-Istati Uniti meta kienet adottata d-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-ESMA, għandha tkompli twettaq monitoraġġ fuq bażi regolari tal-evoluzzjoni tal-arranġamenti legali u superviżorji għas-SIDCOs u għad-DCOs inklużi b'mod fakultattiv, u tat-twettiq tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ittieħdet din id-Deċiżjoni.

(23)

Ir-rieżami regolari tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-SIDCOs u għad-DCOs inklużi b'mod fakultattiv fl-Istati Uniti huwa bla preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni twettaq rieżami speċifiku fi kwalunkwe waqt, meta żviluppi rilevanti u, b'mod partikolari, il-verifiki mwettqa mill-ESMA jew l-informazzjoni għad-disponibbiltà tagħha frott il-kooperazzjoni superviżorja mas-CFTC f'konformità mal-proċeduri u mal-mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 25(7) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, ikunu jeħtieġu li l-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid l-ekwivalenza li tkun ingħatat minn din id-Deċiżjoni. Valutazzjoni mill-ġdid bħal din tista' twassal għat-tħassir tad-Deċiżjoni.

(24)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Istati Uniti tal-Amerka (l-Istati Uniti) għall-organizzazzjonijiet ta' kklirjar tad-derivattivi li jikkonsistu mit-Taqsima 5b tal-Commodity Exchange Act u s-Sottopartijiet A, B u C tal-Parti 39 tar-Regolamenti tas-CFTC, bl-eċċezzjoni tar-Regolament 39.35 u 39.39, jiġu kkunsidrati ekwivalenti għar-rekwiżiti tat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 fil-każijiet li fihom ir-regoli u l-proċeduri interni tal-organizzazzjonijiet ta' kklirjar tad-derivattivi, li jkunu ntgħażlu, mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti, bħala sistemikament importanti (“organizzazzjonijiet ta' kklirjar tad-derivattivi sistemikament importanti”), u tal-organizzazzjonijiet ta' kklirjar tad-derivattivi li jkunu għażlu li jsiru soġġetti għar-regoli li jinsabu fit-Taqsima Sottoparti C tal-Parti 39 tar-Regolamenti tas-CFTC u huma awtorizzati u li ssirilhom superviżjoni mis-CFTC (“organizzazzjonijiet ta' kklirjar tad-derivattivi inklużi b'mod fakultattiv”), ikun fihom l-elementi msemmija fil-paragrafi 2 u 3.

2.   Ir-regoli speċifiċi li jinsabu fir-regoli u fil-proċeduri interni tal-organizzazzjonijiet ta' kklirjar tad-derivattivi sistemikament importanti u tal-organizzazzjonijiet ta' kklirjar tad-derivattivi inklużi b'mod fakultattiv imsemmija fil-paragrafu 1 jinkludu, fir-rigward tal-prinċipju stabbilit fir-Regolament tas-CFTC 39.13, miżuri speċifiċi ta' ġestjoni tar-riskju li jiżguraw li l-marġnijiet inizjali jiġu kkalkulati u miġbura fuq il-bażi tal-parametri li ġejjin:

(a)

fil-każ tal-pożizzjonijiet proprjetarji tal-membri tal-ikklirjar f'kuntratti tad-derivattivi b'eżekuzzjoni fi swieq regolati jew swieq magħżula tal-kuntratti skont it-Taqsima 5 tal-Commodity Exchange Act (CEA), 7 USC 7, perjodu ta' likwidazzjoni ta' jumejn ikkalkulat fuq bażi netta;

(b)

fil-każ tal-kuntratti kollha tad-derivattivi, miżuri mfassla sabiex jillimitaw il-proċikliċità ekwivalenti għal minn tal-inqas waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

miżuri li japplikaw buffer tal-marġni ugwali minn tal-inqas għal 25 % tal-marġnijiet ikkalkulati li l-kontroparti ċentrali tippermetti li jiġu temporanjament eżawriti f'perjodi li fihom ir-rekwiżiti tal-marġni kkalkulati jkunu qegħdin jiżdiedu b'mod sinifikanti;

(ii)

miżuri li jassenjaw piż ta' minn tal-inqas 25 % għall-osservazzjonijiet ta' stress fil-perjodu retrospettiv;

(iii)

miżuri li jiżguraw li r-rekwiżiti tal-marġni ma jkunux inqas minn dawk li jiġu kkalkulati bl-użu tal-volatilità stmata tul perjodu retrospettiv storiku ta' 10 snin.

3.   Ir-regoli speċifiċi li jinsabu fir-regoli u fil-proċeduri interni tal-organizzazzjonijiet ta' kklirjar tad-derivattivi sistemikament importanti u tal-organizzazzjonijiet ta' kklirjar tad-derivattivi inklużi b'mod fakultattiv imsemmija fil-paragrafu 1 stabbiliti fir-Regolamenti tas-CFTC 39.11 u 39.33, jinkludu miżuri speċifiċi fir-rigward tar-riżorsi finanzjarji li jiżguraw li l-organizzazzjonijiet ta' kklirjar tad-derivattivi sistemikament importanti u l-organizzazzjonijiet ta' kklirjar tad-derivattivi inklużi b'mod fakultattiv jkollhom biżżejjed riżorsi finanzjarji prefinanzjati disponibbli li jippermettu li l-organizzazzjoni ta' kklirjar tad-derivattivi tkun tiflaħ għall-inadempjenza ta' minn tal-inqas iż-żewġ membri tal-ikklirjar li għalihom għandha l-akbar skoperturi f'kundizzjonijiet tas-suq estremi imma plawżibbli filwaqt li jitqiesu r-riskji addizzjonali għal dawk l-organizzazzjonijiet ta' kklirjar tad-derivattivi li jfeġġu mill-falliment simultanju ta' entitajiet fil-grupp ta' membri tal-ikklirjar inadempjenti.

Artikolu 2

1.   Il-kuntratti tad-derivattivi msemmija fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 1 ma jinkludux il-kuntratti tad-derivattivi tal-komoditajiet agrikoli li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikunu bbażati fuq prodott agrikolu sottostanti assoċjat ma' gradi, prezzijiet, piżijiet, miżuri jew fatturi ta' konverżjoni għall-komoditajiet agrikoli u l-prodotti tagħhom kif ippubblikati mid-Dipartiment tal-Agrikoltura tal-Istati Uniti u nnegozjati f'suq tal-kuntratti magħżul mill-Istati Uniti skont it-Taqsima 5 tal-Commodity Exchange Act (CEA), 7 USC 7, jew ikunu bbażati fuq prodott agrikolu sottostanti ta' zokkor, żejt tal-fażola tas-sojja, fażola tas-sojja mitħuna, kawkaw, kafè, jew injam u nnegozjati f'suq tal-kuntratti magħżul mill-Istati Uniti skont it-Taqsima 5 tal-Commodity Exchange Act (CEA), 7 USC 7;

(b)

ikunu bbażati fuq prodott agrikolu sottostanti li jifforma l-bażi ta' kuntratt tad-derivattivi tal-komoditajiet agrikoli offrut għall-ikklirjar minn organizzazzjoni ta' kklirjar tad-derivattivi stabbilita fl-Istati Uniti;

(c)

fil-każijiet li fihom jispeċifikaw post wieħed jew aktar tal-produzzjoni tal-prodott agrikolu sottostanti, l-ebda wieħed minn dawk il-postijiet ta' produzzjoni ma jkun fl-Unjoni;

(d)

jissodisfaw kwalunkwe kundizzjoni minn dawn li ġejjin:

(i)

ikunu saldati fiżikament u, għajr meta jkunu bbażati fuq prodott agrikolu sottostanti tal-kafè, il-postijiet kollha tal-kunsinna jkunu barra mill-Unjoni;

(ii)

ikunu saldati fi flus u, għajr meta jkunu bbażati fuq prodott agrikolu sottostanti tal-kafè jew taz-zokkor, l-ammont tas-saldu ma jkunx ibbażat fuq prezzijiet għal prodott agrikolu sottostanti li għalih minn tal-inqas wieħed mill-postijiet tal-kunsinna jkun fl-Unjoni.

Il-kundizzjoni stipulata fil-punt (b) tal-ewwel sottoparagrafu titqies li ma tkunx ġiet issodisfata għal kuntratt tad-derivattivi tal-komoditajiet agrikoli meta l-biċċa l-kbira ta' tali kuntratti kklirjati mill-organizzazzjoni ta' kklirjar tad-derivattivi stabbilita fl-Istati Uniti tkun ikklirjata għall-kontropartijiet stabbiliti fl-Unjoni u dawk il-kuntratti jiġu wkoll offruti għall-ikklirjar minn kontroparti ċentrali awtorizzata fl-Unjoni.

2.   L-Artikolu 1(3) ma japplikax għal organizzazzjonijiet ta' kklirjar tad-derivattivi sistemikament importanti jew għal organizzazzjonijiet ta' kklirjar tad-derivattivi inklużi b'mod fakultattiv li jikklirjaw biss il-kuntratti tad-derivattivi msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Marzu 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.