12.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/53


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/360

tal-11 ta' Marzu 2016

li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/798/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK tat-23 ta' Diċembru 2013 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2c tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-23 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/798/PESK.

(2)

Fis-7 ta' Marzu 2016, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2127 (2013), żied persuna u entità waħda mal-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi.

(3)

Għalhekk jeħtieġ li l-Anness għad-Deċiżjoni 2013/798/PESK jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness għad-Deċiżjoni 2013/798/PESK huwa b'dan emendat kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Marzu 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

A.G. KOENDERS


(1)  ĠU L 352, 24.12.2013, p. 51.


ANNESS

L-entrati li ġejjin ġew miżjudin mal-Anness għad-Deċiżjoni 2013/798/PESK:

A.   Persuni

“9.

Joseph KONY (Psewdonimi: a) Kony b) Joseph Rao Kony c) Josef Kony d) Le Messie sanglant)

Deżinjazzjoni: Kmandant tal-Armata ta' Reżistenza tas-Sinjur

Data tat-twelid: a) 1959 b) 1960 c) 1961 d) 1963 e) 18 Settembru 1964 f) 1965 g) (Awwissu 1961) h) (Lulju 1961) i) 1 Jannar 1961 j) (April 1963)

Post tat-twelid: a) Villaġġ Palaro, Parroċċa Palaro, Kontea Omoro, Distrett Gulu, Uganda b) Odek, Omoro, Gulu, Uganda c) Atyak, Uganda

Ċittadinanza: Passaport Ugandiż

Indirizz: a) Vakaga, Repubblika Ċentru-Afrikana b) Haute-Kotto, Repubblika Ċentru-Afrikana c) Basse-Kotto, Repubblika Ċentru-Afrikana d) Haut-Mbomou, Repubblika Ċentru-Afrikana e) Mbomou, Repubblika Ċentru-Afrikana f) Haut-Uolo, Repubblika Demokratika tal-Kongo g) Bas-Uolo, Repubblika Demokratika tal-Kongo h) (Indirizz iddikjarat: Kafia Kingi (territorju fuq il-fruntiera bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel li l-istatus finali tiegħu għad irid jiġi determinat). Minn Jannar 2015, 500 element tal-Armata ta' Reżistenza tas-Sinjur ġew allegatament imkeċċija mis-Sudan.)

Elenkat fi: is-7 ta' Marzu 2016.

Informazzjoni oħra:

Kony huwa l-fundatur u l-kap tal-Armata ta' Reżistenza tas-Sinjur (LRA) (CFe.002). Taħt it-tmexxija tiegħu, l-LRA kienet involuta fis-sekwestru, il-qtil u l-mutilazzjoni ta' eluf ta' ċivili fl-Afrika Ċentrali. L-LRA hija responsabbli għall-ħtif, l-ispostament, it-twettiq ta' vjolenza sesswali kontra, u l-qtil ta' mijiet ta' individwi fir-RĊA, u serqet u qerdet proprjetà ċivili. Isem il-missier huwa Luizi Obol. Isem l-omm huwa Nora Obol.

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Joseph Kony ġie elenkat fis-7 ta' Marzu 2016 skont il-paragrafi 12 u 13 (b), (c), u (d) tar-Riżoluzzjoni 2262 (2016) bħala li ‘ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA;’‘kien involut fl-ippjanar, it-tmexxija jew it-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew id-dritt umanitarju internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-RĊA, inklużi atti li jinvolvu vjolenza sesswali, immirar ta' persuni ċivili, attakki abbażi ta' etniċità jew reliġjon, attakki fuq skejjel u sptarijiet, u sekwestru u spostament furzat;’‘irrekluta jew uża tfal f'konflitt armat fir-RĊA, bi ksur tad-dritt internazzjonali applikabbli;’ u ‘ta appoġġ lill-gruppi armati jew netwerks kriminali permezz ta' esplojtazzjoni illeċita jew kummerċ ta' riżorsi naturali, inklużi djamanti, deheb, u prodotti tal-annimali selvaġġi fi jew mir-RĊA.’

Informazzjoni addizzjonali:

Kony waqqaf l-Armata ta' Reżistenza tas-Sinjur (LRA) u ġie deskritt bħala l-fundatur,, il-mexxej reliġjuż, il-president, u l-kap kmandant tal-grupp. L-LRA feġġet fin-naħa ta' fuq tal-Uganda fit-tmeninijiet, u kienet involuta fis-sekwestru, il-qtil u l-mutilazzjoni ta' eluf ta' ċivili fl-Afrika Ċentrali. Taħt pressjoni militari dejjem tiżdied, Kony ordna lil-LRA biex tirtira mill-Uganda fl-2005 u l-2006. Minn dak iż-żmien, l-LRA qed topera fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), ir-RĊA, is-Sudan t'Isfel u allegatament is-Sudan.

Kony, bħala l-kap tal-LRA, ifassal u jimplimenta l-istrateġija tal-LRA, inklużi ordnijiet permanenti biex jiġu attakkati u ttrattati b'mod vjolenti l-popolazzjonijiet ċivili. Minn Diċembru 2013, l-LRA taħt it-tmexxija ta' Joseph Kony ħatfet, spostat, wettqet vjolenza sesswali kontra, u qatlet mijiet ta' individwi fir-RĊA, u serqet u qerdet proprjetà ċivili. Ikkonċentrata fil-Lvant tar-RĊA u allegatament f'Kafia Kingi, territorju fuq il-fruntiera bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel li l-istatus finali tiegħu għad irid jiġi deċiż iżda kkontrollat mill-militar tas-Sudan, l-LRA tattakka villaġġi biex tisraq l-ikel u l-provvisti. Il-ġellieda jwettqu imbuskati biex jattakkaw lill-forzi tas-sigurtà u jisirqu t-tagħmir tagħhom meta dawn jirrispondu għall-attakki tal-LRA, u l-ġellieda tal-LRA jimmiraw u jisirqu wkoll villaġġi li m'għandhomx preżenza militari. L-LRA intensifikat ukoll l-attakki fuq siti ta' minjieri tad-deheb u d-djamanti.

Kony huwa soġġett għal mandat ta' arrest maħruġ mill-Qorti Kriminali Internazzjonali. Il-Qorti Kriminali Internazzjonali akkużatu b'tnax-il akkuża ta' reati kontra l-umanità inklużi qtil, skjavitù, skjavitù sesswali, stupru, atti inumani li jikkawżaw korriment serju u tbatija, u wieħed u għoxrin akkuża ta' delitti tal-gwerra, inklużi l-qtil, it-trattament krudil ta' persuni ċivili, l-attakk dirett b'mod intenzjonali kontra popolazzjoni ċivili, is-sakkeġġ, l-inċitament għall-istupru u l-ingaġġar, permezz tas-sekwestru, ta' tfal taħt il-ħmistax-il sena.

Kony ħareġ ordnijiet permanenti biex ġellieda ribelli jisirqu d-djamanti u d-deheb minn minaturi artiġjanali fil-Lvant tar-Repubblika Ċentru-Afrikana. Allegatament, uħud mill-minerali mbagħad jiġu ttrasportati mill-grupp ta' Kony lejn is-Sudan, jew jiġu nnegozjati ma' ċittadini lokali u membri ta' dik li kienet is-Séléka.

Kony ta wkoll struzzjonijiet lill-ġellieda tiegħu biex jikkaċċaw illegalment iljunfanti fil-Park Nazzjonali ta' Garamba fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, minn fejn allegatament jiġu ttrasportati n-nejbiet tal-iljunfanti mil-Lvant tar-Repubblika Ċentru-Afrikana lejn is-Sudan, fejn uffiċjali għolja tal-LRA allegatament ibigħu u jinnegozjaw ma' negozjanti Sudaniżi u uffiċjali lokali. Il-kummerċ tal-avorju jirrappreżenta sors ta' dħul sinifikanti għall-grupp ta' Kony. Minn Jannar 2015, 500 element tal-Armata ta' Reżistenza tas-Sinjur ġew allegatament imkeċċija mis-Sudan.”

B.   Entitajiet

“2.

ARMATA TA' REŻISTENZA TAS-SINJUR (Psewdonimi: a) LRA b) Moviment ta' Reżistenza tas-Sinjur (LRM) c) Moviment/Armata ta' Reżistenza tas-Sinjur (LRM/A)

Indirizz: a) Vakaga, Repubblika Ċentru-Afrikana b) Haute-Kotto, Repubblika Ċentru-Afrikana c) Basse-Kotto, Repubblika Ċentru-Afrikana d) Haut-Mbomou, Repubblika Ċentru-Afrikana e) Mbomou, Repubblika Ċentru-Afrikana f) HautUolo, Repubblika Demokratika tal-Kongo g) Bas-Uolo, Repubblika Demokratika tal-Kongo h) (Indirizz iddikjarat: Kafia Kingi (territorju fuq il-fruntiera bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel li l-istatus finali tiegħu għad irid jiġi determinat). Minn Jannar 2015, 500 element tal-Armata ta' Reżistenza tas-Sinjur ġew irrappurtati li tkeċċew mis-Sudan.)

Elenkat fi: is-7 ta' Marzu 2016.

Informazzjoni oħra: Feġġet fin-naħa ta' fuq tal-Uganda fit-tmeninijiet. Kienet involuta fis-sekwestru, il-qtil u l-mutilazzjoni ta' eluf ta' ċivili fl-Afrika Ċentrali, inklużi mijiet fir-Repubblika Ċentru-Afrikana. Il-kap huwa Joseph Kony.

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

L-Armata ta' Reżistenza tas-Sinjur ġiet elenkata fis-7 ta' Marzu 2016 skont il-paragrafi 12 u 13 (b), (c), u (d) tar-Riżoluzzjoni 2262 (2016) bħala li ‘ħadet sehem fi jew ipprovdiet appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA’; ‘kienet involuta fl-ippjanar, it-tmexxija jew it-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew id-dritt umanitarju internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-RĊA, inklużi atti li jinvolvu vjolenza sesswali, immirar ta' persuni ċivili, attakki abbażi ta' etniċità jew reliġjon, attakki fuq skejjel u sptarijiet, u sekwestru u spostament furzat;’‘irreklutat jew użat tfal f'konflitt armat fir-RĊA, bi ksur tad-dritt internazzjonali applikabbli;’ u ‘appoġġat lill-gruppi armati jew netwerks kriminali permezz ta' esplojtazzjoni illeċita jew kummerċ ta' riżorsi naturali, inklużi djamanti, deheb, u prodotti tal-annimali selvaġġi fi jew mir-RĊA.’

Informazzjoni addizzjonali:

L-LRA feġġet fin-naħa ta' fuq tal-Uganda fit-tmeninijiet, ukienet involuta fis-sekwestru, il-qtil u l-mutilazzjoni ta' eluf ta' ċivili fl-Afrika Ċentrali. Taħt pressjoni militari dejjem tiżdied, Joseph Kony, il-kap tal-LRA, ordna lil-LRA biex tirtira mill-Uganda fl-2005 u l-2006. Minn dak iż-żmien, l-LRA qed topera fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), ir-RĊA, is-Sudan t'Isfel u allegatament is-Sudan.

Minn Diċembru 2013, l-LRA ħatfet, spostat, wettqet vjolenza sesswali kontra, u qatlet mijiet ta' individwi fir-RĊA, u serqet u qerdet proprjetà ċivili. Ikkonċentrata fil-Lvant tar-RĊA u allegatament f'Kafia Kingi, territorju fuq il-fruntiera bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel li l-istatus finali tagħha għad irid jiġi deċiż iżda kkontrollata mill-militar tas-Sudan, l-LRA tattakka villaġġi biex tisraq l-ikel u l-provvisti. Il-ġellieda jwettqu imbuskati biex jattakkaw lill-forzi tas-sigurtà u jisirqu t-tagħmir tagħhom meta dawn jirrispondu għal attakki tal-LRA, u l-ġellieda tal-LRA jimmiraw u jisirqu wkoll villaġġi li m'għandhomx preżenza militari. L-LRA intensifikat ukoll l-attakki fuq siti ta' minjieri tad-deheb u d-djamanti.

Iċ-ċelel tal-LRA ta' spiss ikollhom magħhom priġunieri li huma mġiegħla jaħdmu bħala porters, kokijiet, u skjavi sesswali. L-LRA hija involuta fi vjolenza sessista inklużi stupri ta' nisa u bniet.

F'Diċembru 2013, l-LRA ssekwestrat għexieren ta' persuni f'Haute-Kotto. L-LRA allegatament kienet involuta fis-sekwestru ta' mijiet ta' ċivili fir-RĊA mill-bidu tal-2014 'l hawn.

Il-ġellieda tal-LRA attakkaw Obo, fil-Prefettura ta' Haut-Mbomou fil-Lvant tar-RĊA, f'diversi okkażjonijiet fil-bidu tal-2014.

L-LRA kompliet twettaq attakki f'Obo u postijiet oħra fix-Xlokk tar-RĊA bejn Mejju u Lulju 2014, inklużi attakki u sekwestri apparentement koordinati fil-Prefettura ta' Mbomou fil-bidu ta' Ġunju.

Sa mill-inqas l-2014, l-LRA kienet involuta fil-kaċċa illegali tal-iljunfanti u t-traffikar tal-iljunfanti għall-ġenerazzjoni tad-dħul. L-LRA allegatament tittraffika l-avorju mill-Park Nazzjonali ta' Garamba fit-Tramuntana tar-RDK lejn Darfur, biex tinnegozjah għal armi u provvisti. L-LRA allegatament tittrasporta n-nejbiet ta' iljunfanti kkaċċati illegament mir-RĊA għal Darfurfis-Sudan biex jinbiegħu. Barra minn hekk, kmieni fl-2014, Kony kien allegatament ordna lill-ġellieda tal-LRA jisirqu d-djamanti u d-deheb minn minaturi fil-Lvant tar-RĊA għat-trasportazzjoni lejn is-Sudan. Minn Jannar 2015, 500 element tal-Armata ta' Reżistenza tas-Sinjur ġew allegatament imkeċċija mis-Sudan.

Fil-bidu ta' Frar 2015, il-ġellieda tal-LRA armati b'armi b'saħħithom issekwestraw ċivili f'Kpangbayanga, Haut-Mbomou, u serqu prodotti tal-ikel.

F'April 20, 2015, attakk mill-LRA u s-sekwestru ta' tfal minn Ndambissoua, fix-Xlokk tar-RĊA wasslu l-biċċa l-kbira tar-residenti tal-villaġġ biex jaħarbu. U fil-bidu ta' Lulju 2015, l-LRA attakkat diversi villaġġi fix-Xlokk tal-Prefettura ta' Haute-Kotto; l-attakki kienu jinvolvu serq, vjolenza kontra persuni ċivili, ħruq ta' djar, u ħtif.

Minn Jannar 2016 'l hawn, attakki attribwiti lil-LRA mmultiplikaw f'Mbomou Haut-Mbomou u Haute-Kotto li affettwaw b'mod partikolari ż-żoni tal-minjieri f'Haute-Kotto. Dawn l-attakki kienu jinvolvu s-serq, il-vjolenza kontra persuni ċivili, il-qerda ta' proprjetà u s-sekwestri. Dawn wasslu għal spostamenti tal-popolazzjoni, inkluż madwar 700 persuna li fittxew rifuġju fi Bria.”