12.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/35


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/358

tat-8 ta' Marzu 2016

li tawtorizza lir-Repubblika Franċiża li tapplika livelli mnaqqsa ta' tassazzjoni għall-petrol u ż-żejt tal-gass li jintużaw bħala karburanti tal-magni skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/193/UE (2) tawtorizza lir-Repubblika Franċiża (minn hawn 'il quddiem “Franza”) tapplika, għal perijodu ta' tliet snin, livelli mnaqqsa ta' tassazzjoni għaż-żejt tal-gass u għall-petrol bla ċomb li jintużaw bħala karburanti tal-magni għall-finijiet ta' riforma amministrattiva li tinvolvi d-deċentralizzazzjoni ta' ċerti setgħat speċifiċi li qabel kienu qed jiġu eżerċitati mill-gvern ċentrali. Id-Deċiżjoni 2013/193/UE skadiet fil-31 ta' Diċembru 2015.

(2)

B'ittra bid-data tal-20 ta' Ottubru 2015, Franza talbet awtorizzazzjoni biex tippermetti lir-reġjuni Franċiżi biex ikomplu japplikaw tnaqqis tar-rati ta' tassazzjoni ta' mhux aktar minn EUR 17,7 għal kull 1 000 litru ta' petrol bla ċomb jew EUR 11,5 għal kull 1 000 litru ta' żejt tal-gass għal perijodu ieħor ta' sentejn wara l-31 ta' Diċembru 2015.

(3)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/193/UE ġiet adottata abbażi li l-miżura mitluba minn Franza tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, billi b'mod esklussiv tippermetti eżenzjoni jew tnaqqis mit-taxxa għal raġunijiet speċifiċi ta' politika. B'mod partikolari, ġie kkunsidrat li l-miżura ma kinitx ser tfixkel it-tħaddim tajjeb tas-suq intern. Ġie kkunsidrat ukoll li kienet f'konformità mal-linji ta' politika rilevanti tal-Unjoni.

(4)

Il-miżura nazzjonali hija parti minn politika maħsuba biex iżżid l-effiċjenza amministrattiva billi ttejjeb il-kwalità u tnaqqas l-ispiża tas-servizzi pubbliċi, kif ukoll bħala politika ta' deċentralizzazzjoni. Franza biħsiebha toffri inċentiv addizzjonali lir-reġjuni biex itejbu l-kwalità tal-amministrazzjoni tagħhom b'mod trasparenti. F'dan ir-rigward, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/193/UE teħtieġ li t-tnaqqis jintrabat maċ-ċirkostanzi soċjoekonomiċi tar-reġjuni li fihom jiġi applikat tali tnaqqis. Għaldaqstant, għadd ta' reġjuni bi prodott domestiku gross anqas mill-medja jew b'qgħad ogħla mill-medja applikaw rati aktar baxxi. B'mod ġenerali, il-miżura nazzjonali hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet speċifiċi tal-politika.

(5)

Il-limiti stretti stabbiliti għat-tnaqqis fir-rati fuq bażi reġjonali kif ukoll l-esklużjoni mill-miżura taż-żejt tal-gass użat għal għanijiet kummerċjali jimplikaw li r-riskju ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern huwa baxx ħafna.

(6)

Ma ġie rrappurtat l-ebda ostaklu għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern, b'mod partikolari, fir-rigward taċ-ċirkulazzjoni tal-prodotti kkonċernati fil-kapaċità tagħhom bħala prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa.

(7)

Qabel il-miżura ser ikun hemm żieda fit-taxxa. F'dan il-kuntest u fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni kif ukoll tal-esperjenza miġbura, ma jidhirx li l-miżura nazzjonali f'dan l-istadju hija f'kunflitt mal-linji tal-politika tal-Unjoni dwar l-enerġija u l-bidla fil-klima

(8)

Mill-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE jirriżulta li kull awtorizzazzjoni mogħtija skont dan l-Artikolu għandu jkollha żmien strettament limitat. Franza talbet li l-awtorizzazzjoni tingħata għal perijodu ta' sentejn. Għaldaqstant huwa xieraq li l-perijodu ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni jiġi limitat għal sentejn.

(9)

Għandu jiġi żgurat li Franza tkun tista' tapplika t-tnaqqis speċifiku relatat ma' din id-Deċiżjoni bla ebda xkiel wara s-sitwazzjoni eżistenti qabel l-1 ta' Jannar 2016, skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/193/UE. L-awtorizzazzjoni mitluba għandha għalhekk tingħata b'effett mill-1 ta' Jannar 2016.

(10)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   B'dan, Franza hija awtorizzata tapplika rati mnaqqsa ta' tassazzjoni fuq il-petrol bla ċomb u fuq iż-żejt tal-gass użati bħala karburanti tal-magni. Iż-żejt tal-gass għall-użu kummerċjali li jintuża bħala propellant fit-tifsira tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/96/KE m'għandux ikun eliġibbli għal tnaqqis bħal dan.

2.   Ir-reġjuni amministrattivi jistgħu jkunu permessi japplikaw tnaqqis differenzjat sakemm jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-tnaqqis mhuwiex aktar minn EUR 17,7 għal kull 1 000 litru ta' petrol bla ċomb jew EUR 11,5 għal kull 1 000 litru ta' żejt tal-gass;

(b)

it-tnaqqis mhuwiex aktar mid-differenza bejn il-livelli ta' tassazzjoni għaż-żejt tal-gass għall-użu mhux kummerċjali bħala propellant u ż-żejt tal-gass għall-użu kummerċjali bħala propellant;

(c)

it-tnaqqis huwa marbut mal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi oġġettivi tar-reġjuni li fihom jiġi applikat;

(d)

l-applikazzjoni tat-tnaqqis reġjonali ma jkollhiex l-effett li tagħti xi vantaġġ kompetittiv lil xi reġjun fil-kummerċ ġewwa l-Unjoni.

3.   Ir-rati mnaqqsa jridu jkunu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/96/KE, u b'mod partikolari mar-rati minimi stabbiliti fl-Artikolu 7 tagħha.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fid-data tan-notifika tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2016.

Hija għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2017.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Marzu 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

J.R.V.A. DIJSSELBLOEM


(1)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/193/UE tat-22 ta' April 2013 li tawtorizza lir-Repubblika Franċiża li tapplika livelli differenzjati ta' tassazzjoni għall-petrol u għaż-żejt tal-gass li jintużaw bħala fjuwils tal-magni skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE (ĠU L 113, 25.4.2013, p. 15).