24.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 341/18


REGOLAMENT (UE) 2015/2423 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta' Diċembru 2015

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2009 li jintroduċi ċerti miżuri kummerċjali eċċezzjonali għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fil-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew li huma marbutin miegħu u li jissospendi l-applikazzjoni tiegħu fir-rigward tal-Bożnija-Ħerzegovina

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2009 (2) jipprevedi liberalizzazzjoni kummerċjali asimetrika bejn l-Unjoni u l-pajjiżi u t-territorji kkonċernati tal-Balkani tal-Punent, filwaqt li jagħtihom il-benefiċċju ta' aċċess bla dazju eċċezzjonali u illimitat għas-suq tal-Unjoni għal kważi l-prodotti kollha tagħhom sal-31 ta' Diċembru 2015.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1215/2009 ma jipprevedi l-ebda possibbiltà biex temporanjament tiġi sospiża l-għotja ta' miżuri kummerċjali eċċezzjonali f'każ ta' ksur serju u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ewlenin tax-xogħol, tal-prinċipji fundamentali tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt mill-benefiċjarji tagħha. Huwa xieraq li tiġi introdotta tali possibbiltà, sabiex jiġi żgurat li tkun tista' tittieħed azzjoni malajr f'każ li jseħħ ksur serju u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ewlenin tax-xogħol, tal-prinċipji fundamentali tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt f'wieħed mill-pajjiżi u t-territorji li jipparteċipaw fil-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni, jew li huma marbutin miegħu.

(3)

B'kont meħud tad-differenzi fil-kamp ta' applikazzjoni tal-liberalizzazzjoni tariffarja skont ir-reġimi kuntrattwali li ġew żviluppati bejn l-Unjoni u l-parteċipanti kollha għall-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-preferenzi mogħtija skont ir-Regolament (KE) Nru 1215/2009, huwa xieraq li jiġi estiż il-perjodu ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1215/2009 sal-31 ta' Diċembru 2020, sabiex jingħata lill-benefiċjarji tal-miżuri kummerċjali eċċezzjonali u lill-Unjoni żmien suffiċjenti biex jallinjaw, fejn xieraq, il-preferenzi mogħtija skont ir-Regolament (KE) Nru 1215/2009 ma' dawk previsti skont il-Ftehimiet ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 1215/2009 jipprevedi kwota globali għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' nbid bil-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (NM) 2204 21 93 sa 2204 21 98 u 2204 29 93 sa 2204 29 98. Dik il-kwota hija aċċessibbli għall-pajjiżi u t-territorji kollha tal-Balkani tal-Punent sakemm tiġi eżawrita l-kwota individwali tal-inbid tagħhom, kif previst fil-Ftehimiet ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bilaterali tagħhom, bl-eċċezzjoni tal-Montenegro. Il-Protokoll dwar l-inbid miftiehem mal-Montenegro jinkludi kwota tal-inbid għall-kodiċi NM ex 2204 10 u ex 2204 21 biss, li ma kienx f'pożizzjoni li jilħaq. Dan effettivament jipprevjeni lill-Montenegro milli jkollu aċċess għal kwota tal-inbid ta' bla dazju għal prodotti mhux koperti mill-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tiegħu. Sabiex jiġi żgurat li l-pajjiżi u t-territorji kollha tal-Balkani tal-Punent ikkonċernati jiġu ttrattati bl-istess mod, huwa xieraq li jiġi previst li l-Montenegro jingħata wkoll aċċess għall-kwota globali tal-inbid għall-prodotti tal-kodiċi NM 2204 29, mingħajr il-ħtieġa li tiġi eżawrita l-kwota individwali tiegħu.

(5)

Mit-tnedija tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni 'l hawn ġew konklużi Ftehimiet ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-pajjiżi u t-territorji kollha kkonċernati tal-Balkani tal-Punent, bl-eċċezzjoni tal-Kosovo (3). F'Mejju 2014 intemmu n-negozjati għal Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Kosovo u l-Ftehim ġie ffirmat f'Ottubru 2015.

(6)

Il-Bożnija-Ħerzegovina ġiet rikonoxxuta bħala pajjiż kandidat potenzjali għall-adeżjoni mal-Unjoni fl-2003 u fis-16 ta' Ġunju 2008 ffirmat Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (“il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni”), li jaqbel mal-kondizzjonijiet għal sħubija fl-Unjoni. Ftehim Interim dwar il-kummerċ u materji relatati mal-kummerċ mal-Bożnija-Ħerzegovina (4) (“il-Ftehim Interim”) kien japplika sal-31 ta' Mejju 2015 u l-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni japplika mill-1 ta' Ġunju 2015 'il quddiem.

(7)

Madankollu, il-Bożnija-Ħerzegovina għadha ma aċċettatx li tadatta l-konċessjonijiet kummerċjali mogħtija skont il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni sabiex jittieħed kont tal-kummerċ tradizzjonali preferenzjali bejn il-Kroazja u l-Bożnija-Ħerzegovina skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali. F'każ li, sal-mument tal-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, ma jkunx ġie ffirmat u applikat proviżorjament ftehim dwar l-adattament tal-konċessjonijiet kummerċjali stabbiliti fil-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mill-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina, mill-1 ta' Jannar 2016 jiġu sospiżi l-preferenzi mogħtija lill-Bożnija-Ħerzegovina. Jinħtieġ li, hekk kif l-Unjoni u l-Bożnija-Ħerzegovina jkunu ffirmaw u applikaw proviżorjament ftehim dwar l-adattament tal-konċessjonijiet kummerċjali fil-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, jiġu stabbiliti mill-ġdid dawk il-preferenzi,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1215/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2(1) jiżdied il-punt li ġej:

“(d)

l-astensjoni tal-pajjiżi u t-territorji msemmija fl-Artikolu 1 milli jinvolvu ruħhom fi ksur serju u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ewlenin tax-xogħol, tal-prinċipji fundamentali tad-demokrazija u l-istat tad-dritt.”.

(2)

L-Artikolu 2(3) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Fil-każ ta' nonkonformità ta' pajjiż jew territorju mal-punti (a), (b) jew (c) tal-paragrafu 1 jew mal-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tissospendi, totalment jew parzjalment, l-intitolament tal-pajjiż jew it-territorju kkonċernat għall-benefiċċji skont dan ir-Regolament. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 8(4).”.

(3)

Fl-Artikolu 7 jiżdied il-punt li ġej:

“(c)

sospensjoni, totali jew parzjali, tal-intitolament ta' pajjiż jew territorju kkonċernat għall-benefiċċji skont dan ir-Regolament, fil-każ ta' nonkonformità ta' dak il-pajjiż jew it-territorju mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (d) tal-Artikolu 2(1).”.

(4)

Fl-Artikolu 10(1), it-test introduttiv huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Fejn il-Kummissjoni ssib li hemm evidenza suffiċjenti ta' frodi jew ta' nuqqas ta' kooperazzjoni amministrattiva kif meħtieġa għall-verifika tal-evidenza ta' oriġini, jew li hemm żieda enormi fl-esportazzjonijiet ġewwa l-Unjoni li taqbeż il-livell ta' produzzjoni normali u kapaċità ta' esportazzjoni, jew nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet tal-punti (a), (b) jew (c) tal-Artikolu 2(1) tal-pajjiżi u territorji msemmija fl-Artikolu 1, hija tista' tieħu miżuri biex tissospendi totalment jew parzjalment l-arranġamenti previsti f'dan ir-Regolament għal perjodu ta' tliet xhur, dment li l-ewwel hija:”.

(5)

Fl-Artikolu 12, it-tieni u t-tielet paragrafi huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Huwa għandu japplika sal-31 ta' Diċembru 2020.”.

(6)

Fl-Anness I, in-nota ta' qiegħ il-paġna (5) hija sostitwita b'dan li ġej:

“(5)

L-aċċess għall-inbid li joriġina mill-Montenegro għall-kwota tariffarja globali, safejn dan jikkonċerna l-prodotti tal-kodiċi NM 2204 21, huwa soġġett għall-eżawriment preċedenti tal-kwota tariffarja individwali prevista fil-Protokoll dwar l-inbid konkluż mal-Montenegro. Dik il-kwota tariffarja individwali tinfetaħ skont in-Nru tal-ordni 09.1514.”.

Artikolu 2

L-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1215/2009 fir-rigward tal-Bożnija-Ħerzegovina hija sospiża b'effett mill-1 ta' Jannar 2016.

Artikolu 3

1.   Minkejja l-Artikolu 2, l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1215/2009 fir-rigward tal-Bożnija-Ħerzegovina ma għandhiex tiġi sospiża jekk, qabel l-1 ta' Jannar 2016, l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina jiffirmaw u japplikaw proviżorjament ftehim dwar l-adattament tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-Ftehim Interim biex jittieħed kont tal-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea.

2.   F'każ li l-ftehim dwar adattament imsemmi fil-paragrafu 1 huwa iffirmat u applikat proviżorjament biss fl-1 ta' Jannar 2016 jew wara dik-id-data, ir-Regolament (KE) Nru 1215/2009 għandu jkun applikabbli mill-ġdid fir-rigward tal-Bożnija-Ħerzegovina mid-data li fiha tali ftehim ikun iffirmat u applikat proviżorjament.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea malli jiġi ffirmat il-ftehim dwar adattament imsemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2016.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta' Diċembru 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

N. SCHMIT


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2015.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 li jintroduċi ċerti miżuri kummerċjali eċċezzjonali għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fil-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni (ĠU L 328, 15.12.2009, p. 1).

(3)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(4)  Ftehim Temporanju dwar il-kummerċ u materji relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa, u l-Bożnja u l-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra (ĠU L 233, 30.8.2008, p. 6).