24.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 341/1


REGOLAMENT (UE) 2015/2421 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta' Diċembru 2015

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u r-Regolament (KE) Nru 1896/2006 li joħloq proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 81 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) stabbilixxa l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Dak ir-Regolament japplika kemm għal talbiet ċivili u kummerċjali transkonfinali kkontestati kif ukoll mhux ikkontestati ta' valur li ma jaqbiżx l-EUR 2 000. Dan jiżgura wkoll li s-sentenzi mogħtija skont din il-proċedura huma infurzabbli mingħajr ebda proċedura intermedjarja, b'mod partikolari mingħajr il-ħtieġa ta' dikjarazzjoni ta' infurzabbiltà fl-Istat Membru ta' infurzar (l-abolizzjoni ta' exequatur). L-għan ġenerali tar-Regolament (KE) Nru 861/2007 kien li jitjieb l-aċċess għall-ġustizzja kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji billi jitnaqqsu l-ispejjeż u jitħaffu l-proċeduri ċivili fir-rigward ta' talbiet li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu.

(2)

Ir-rapport tal-Kummissjoni tad-19 ta' Novembru 2013 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 861/2007 jiddikjara li, b'mod ġenerali, il-proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar hija meqjusa li ffaċilitat it-tilwim transkonfinali dwar talbiet żgħar fl-Unjoni. Madankollu, dak ir-rapport jidentifika wkoll l-ostakoli għall-kisba tal-potenzjal sħiħ tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar għall-benefiċċju tal-konsumaturi u tan-negozji, b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs). Dak ir-rapport isib, fost affarijiet oħra, li l-livell massimu baxx stipulat fir-Regolament (KE) Nru 861/2007 fir-rigward tal-valur tat-talba jċaħħad ħafna rikorrenti potenzjali fit-tilwim transkonfinali mill-użu ta' proċedura ssimplifikata. Barra minn hekk, jiddikjara li bosta elementi tal-proċedura jistgħu jkunu ssimplifikati aktar sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż u t-tul tal-kawża. Ir-rapport tal-Kummissjoni jikkonkludi li dawk l-ostakli jistgħu jitneħħew bl-aktar mod effettiv billi jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 861/2007.

(3)

Il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jużaw l-opportunitajiet ipprovduti mis-suq intern bis-sħiħ, u l-fiduċja tagħhom m'għandhiex tkun limitata minħabba n-nuqqas ta' rimedji ġuridiċi effettivi għal tilwim fejn hemm element transkonfinali. It-titjib għall-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar propost f'dan ir-Regolament għandu l-għan li jipprovdi lill-konsumaturi b'mezzi ta' rimedju effettiv, u b'hekk jikkontribwixxi fl-infurzar prattiku tad-drittijiet tagħhom.

(4)

Żieda fil-livell massimu fir-rigward tal-valur ta' talba għal EUR 5 000 għandha ttejjeb l-aċċess għal rimedju ġudizzjarju effettiv u kosteffiċjenti għal tilwim transkonfinali, b'mod partikolari għall-SMEs. Aċċess akbar għall-ġustizzja għandu jsaħħaħ il-fiduċja fi transazzjonijiet transkonfinali u għandu jikkontribwixxi għall-użu sħiħ tal-opportunitajiet mogħtija mis-suq intern.

(5)

Dan ir-Regolament għandu japplika għal każijiet transkonfinali biss. Każ transkonfinali għandu jitqies li jeżisti meta għall-inqas waħda mill-partijiet hija domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru marbut b'dan ir-Regolament li mhuwiex l-Istat Membru tal-qorti jew tat-tribunal aditi.

(6)

Il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar għandha tittejjeb aktar billi jittieħed vantaġġ tal-iżviluppi teknoloġiċi fil-qasam tal-Ġustizzja u ta' għodod ġodda disponibbli għall-qrati u tribunali li jistgħu jgħinu biex tingħeleb id-distanza ġeografika u l-konsegwenzi tagħha f'termini ta' spejjeż għoljin u t-tul tal-proċedimenti.

(7)

Sabiex jitnaqqsu ulterjorment l-ispejjeż tal-kawża u t-tul tal-proċeduri, għandu jiġi inkoraġġut ulterjorment l-użu tat-teknoloġija moderna ta' komunikazzjoni mill-partijiet u l-qrati u t-tribunali.

(8)

Għal dokumenti li jridu jiġu nnotifikati lill-partijiet fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, in-notifika elettronika għandha tkun fuq l-istess livell tan-notifika bil-posta. Għal dak l-għan, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi qafas ġenerali li jippermetti l-użu ta' servizz elettroniku kull meta l-mezzi tekniċi neċessarji jkunu disponibbli u fejn l-użu ta' servizz elettroniku jkun kompatibbli mar-regoli proċedurali nazzjonali tal-Istati Membri involuti. Fir-rigward tal-komunikazzjonijiet l-oħra kollha bil-miktub bejn il-partijiet jew persuni oħra involuti fil-proċedimenti u l-qrati jew it-tribunali, il-mezzi elettroniċi għandhom jintużaw bħala l-mezz preferut sa fejn possibbli, fejn tali mezzi jkunu disponibbli u ammissibbli.

(9)

Dment li l-partijiet jew destinatarji oħra ma jkunux obbligati skont il-liġi nazzjonali li jaċċettaw mezzi elettroniċi, huma għandhom ikollhom l-għażla jekk għandhomx jintużaw mezzi elettroniċi, meta tali mezzi jkunu disponibbli u ammissibbli, jew mezzi aktar tradizzjonali għan-notifika ta' dokumenti jew għal komunikazzjoni oħra bil-miktub mal-qorti jew it-tribunal. L-aċċettazzjoni minn parti ta' notifika permezz ta' mezzi elettroniċi huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tagħha li tirrifjuta li taċċetta dokument li mhuwiex miktub fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru, jew akkumpanjat bi traduzzjoni fiha, li fih hija domiċiljata jew abitwalment residenti jew, jekk hemm diversi lingwi uffiċjali f'dak l-Istat Membru, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn dik il-parti hija domiċiljata jew abitwalment residenti, jew f'lingwa, li hija tifhem.

(10)

Fejn jintużaw il-mezzi elettroniċi għan-notifika ta' dokumenti jew għal komunikazzjonijiet oħra bil-miktub, l-aħjar prattiki eżistenti għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri biex jiżguraw li l-kontenut tad-dokumenti u tal-komunikazzjonijiet l-oħra bil-miktub riċevuti huwa veru u leali lejn il-kontenut tad-dokumenti u ta' komunikazzjonijiet oħra bil-miktub mibgħuta u li l-metodu użat għall-konferma tar-riċevuta jipprovdi l-konferma tar-riċevuta mid-destinatarju u tad-data tar-riċevuta.

(11)

Il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar hija essenzjalment proċedura bil-miktub. Is-seduti orali għandhom jinżammu biss bħala eċċezzjoni fejn is-sentenza ma tkunx tista' tingħata biss fuq il-bażi ta' prova bil-miktub jew meta qorti jew tribunal jaqbel li jagħmel seduta orali fuq talba ta' parti.

(12)

Sabiex persuni jkunu jistgħu jinstemgħu mingħajr ma jinħtiġilhom jivvjaġġaw lejn il-qorti jew it-tribunal, għandhom jitwettqu seduti orali kif ukoll il-ġbir ta' provi mis-smigħ tax-xhieda, esperti jew partijiet bl-użu ta' kwalunkwe mezz ta' komunikazzjoni mill-bogħod adatti disponibbli għall-qorti jew it-tribunal, sakemm minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, l-użu ta' tali teknoloġija ma jkunx adatt għat-twettiq ġust tal-proċedimenti. Fir-rigward ta' persuni domiċiljati jew abitwalment residenti fi Stat Membru li għajr l-Istat Membru tal-qorti jew it-tribunal aditi, għandhom jiġu organizzati seduti orali permezz tal-użu tal-proċeduri previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 (4).

(13)

L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-użu ta' teknoloġija tal-komunikazzjoni mill-bogħod. Għall-fini tat-twettiq ta' seduti orali, għandhom isiru arranġamenti sabiex il-qrati jew it-tribunali li jkunu kompetenti fir-rigward tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar ikollhom aċċess għal teknoloġija tal-komunikazzjoni mill-bogħod adatta bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-proċedimenti jkunu ġusti fir-rigward taċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ. Fir-rigward tal-vidjokonferenzjar, għandu jittieħed kont tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-vidjokonferenzjar transkonfinali adottata mill-Kunsill fil-15 u s-16 ta' Ġunju 2015 u tal-ħidma mwettqa fil-qafas tal-Ġustizzja Elettronika Ewropea.

(14)

L-ispejjeż potenzjali tal-kawża jista' jkollhom sehem fid-deċiżjoni tar-rikorrent dwar jekk jibdiex proċedimenti bil-qorti. Fost spejjeż oħra, it-tariffi tal-qorti jistgħu jiskoraġġixxu lir-rikorrenti milli jibda proċedimenti bil-qorti. Sabiex jiġi żgurat aċċess għall-ġustizzja għal talbiet żgħar transkonfinali, it-tariffi tal-qorti imposti fi Stat Membru għal Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar m'għandhomx ikunu sproporzjonati għat-talba u m'għandhomx ikunu ogħla mit-tariffi tal-qorti imposti għal proċeduri nazzjonali simplifikati tal-qorti f'dak l-Istat Membru. Madankollu, dan ma għandux jipprevjeni l-impostar ta' tariffi minimi raġonevoli tal-qorti u għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li tiġi imposta, taħt l-istess kondizzjonijiet, tariffa separata għal kwalunkwe proċedura ta' appell kontra sentenza mogħtija fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.

(15)

Għall-fini ta' dan ir-Regolament, it-tariffi tal-qorti għandhom jinkludu tariffi u spejjeż li għandhom jitħallsu lill-qorti jew tribunal, li l-ammont tagħhom huwa stabbilit skont il-liġi nazzjonali. Dawn m'għandhomx jinkludu, pereżempju, ammonti li huma trasferiti lil partijiet terzi matul il-proċedimenti, bħal onorarji ta' avukat, spejjeż ta' traduzzjoni, spejjeż ta' notifika ta' dokumenti minn entitajiet li mhumiex qorti jew tribunal, jew l-ispejjeż imħallsa lil esperti jew xhieda.

(16)

Aċċess effettiv għall-ġustizzja madwar l-Unjoni huwa objettiv ewlieni. Sabiex jiġi żgurat tali aċċess effettiv fil-kuntest tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, għandha tingħata għajnuna legali f'konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE (5).

(17)

Il-ħlas ta' tariffi tal-qorti m'għandux jeħtieġ lil min jagħmel it-talba biex jivvjaġġa lejn l-Istat Membru tal-qorti jew tribunal aditi jew biex iqabbad avukat għal dik il-għan. Sabiex jiġi żgurat li jingħata wkoll aċċess effettiv għall-proċedimenti lir-rikorrenti li jinsabu fi Stat Membru għajr l-Istat Membru fejn tinsab il-qorti jew it-tribunal aditi, l-Istati Membri għandhom, bħala minimu, joffru tal-anqas wieħed mill-metodi ta' ħlas mill-bogħod previsti f'dan ir-Regolament.

(18)

Għandu jiġi ċċarat li soluzzjoni bil-qorti approvata minn qorti jew konkluża quddiem qorti jew tribunal matul il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar tiġi infurzata bl-istess mod bħal sentenza mogħtija f'dik il-proċedura.

(19)

Sabiex tiġi mminimizzata l-ħtieġa għat-traduzzjoni u l-ispejjeż assoċjati, il-qorti jew it-tribunal għandu, meta joħroġ ċertifikat għall-infurzar ta' sentenza mogħtija fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, jew ta' soluzzjoni bil-qorti approvata minn jew konkluża quddiem qorti jew tribunal, matul dik il-proċedura, f'lingwa differenti minn tagħha, juża l-verżjoni tal-lingwa rilevanti tal-forma standard għaċ-ċertifikat disponibbli f'format dinamiku online fuq il-Portal tal-Ġustizzja Elettronika. F'dan ir-rigward huwa għandu jkun intitolat li jserraħ fuq l-eżattezza tat-traduzzjoni disponibbli fuq dak il-Portal. Kull spiża għal traduzzjoni meħtieġa tat-test imdaħħal fil-kaxxi għal test liberu taċ-ċertifikati għandha tiġi allokata kif previst fil-liġi tal-Istat Membru tal-qorti jew it-tribunal.

(20)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu assistenza prattika lill-partijiet fil-mili tal-formoli standard previsti fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Barra minn hekk, għandhom jipprovdu informazzjoni ġenerali dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u dwar liema qrati jew tribunali huma kompetenti fir-rigward tagħha. Madankollu, dak l-obbligu m'għandux, jinvolvi l-għoti ta' għajnuna legali jew ta' assistenza legali fil-forma ta' valutazzjoni legali ta' każ speċifiku. L-Istati Membri għandhom ikunu liberi li jiddeċiedu dwar l-aħjar modi u mezzi biex tiġi pprovduta t-tali assistenza prattika u l-informazzjoni ġenerali, u għandu jitħalla f'idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu fuq liema korpi huma imposti dawk l-obbligi. Tali informazzjoni ġenerali dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u dwar il-qrati jew tribunali kompetenti tista' tiġi pprovduta wkoll permezz ta' referenza għall-informazzjoni mogħtija f'fuljetti jew manwali, fuq siti web nazzjonali jew fuq il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika, jew permezz ta' organizzazzjonijiet ta' appoġġ adatt, bħan-Netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur.

(21)

L-informazzjoni dwar it-tariffi tal-qorti u l-metodi ta' ħlas, kif ukoll dwar l-awtoritajiet jew l-organizzazzjonijiet kompetenti biex jagħtu għajnuna prattika fl-Istati Membri għandha tkun aktar trasparenti u faċilment disponibbli fuq l-Internet. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jipprovdu dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni, li min-naħa tagħha għandha tiżgura li din tkun disponibbli għall-pubbliku u mqassma fuq firxa wiesgħa permezz ta' kwalunkwe mezz adatt, b'mod partikolari permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika.

(22)

Għandu jiġi ċċarat fir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) li, fejn tilwima taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, dik il-proċedura għandha tkun ukoll disponibbli għal rikorrent fi proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea fil-każ li l-konvenut ikun ressaq dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni kontra l-ordni ta' ħlas Ewropea.

(23)

Sabiex jiġi ffaċilitat aktar l-aċċess għal Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, il-formola standard tat-talba għandha mhux biss tkun disponibbli fil-qrati u tribunali li huma kompetenti fir-rigward tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, iżda għandha wkoll tkun aċċessibbli permezz ta' siti web nazzjonali xierqa. Dak l-obbligu jista' jiġi ssodisfat billi jkun ipprovdut link għall-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika fuq siti web nazzjonali rilevanti.

Sabiex titjieb il-protezzjoni tal-konvenut, il-formoli standard previsti fir-Regolament (KE) Nru 861/2007 għandu jkun fihom informazzjoni dwar il-konsegwenzi għall-konvenut jekk hu ma jikkontestax it-talba jew ma jattendix seduta orali meta jiġi mħarrek, b'mod partikolari rigward il-possibbiltà li tista' tingħata jew tiġi nfurzata sentenza kontrih u li tista' tinħoloq responsabbiltà għall-ispejjeż tal-proċedimenti. Il-formoli standard għandu jkun fihom ukoll l-informazzjoni dwar il-fatt li l-parti li jkollha suċċess ma tkunx tista' tirkupra l-ispejjeż tal-proċedimenti sat-tali punt li jkunu saru mingħajr ħtieġa jew ma jkunux proporzjonati mal-valur tat-talba.

(24)

Sabiex il-formoli standard tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u tal-proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea jinżammu aġġornati, is-setgħa li tadotta atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta' tibdil għall-Annessi I sa IV għar- Regolament (KE) Nru 861/2007 u fir-rigward ta' tibdil għall-Annessi I sa VII għar-Regolament (KE) Nru 1896/2006. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma ta' preparazzjoni tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti. Il-Kummissjoni, fit-tħejjija u t-tfassil tal-atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u adegwata tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(25)

F'konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward taż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-TFUE, ir-Renju Unit u l-Irlanda nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(26)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal- Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(27)

Ir-Regolamenti (KE) Nru 861/2007 u (KE) Nru 1896/2006 għalhekk għandhom jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika, f'każijiet transkonfinali kif definiti fl-Artikolu 3, f'materji ċivili u kummerċjali, irrispettivament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal, fejn il-valur ta' talba ma jaqbiżx l-EUR 5 000 fil-mument meta l-qorti jew it-tribunal li għandhom il-ġurisdizzjoni jirċievu l-formola tat-talba, esklużi l-interessi, l-ispejjeż u l-infiq kollha. M'għandux jestendi, b'mod partikolari, għal kwistjonijiet ta' introjtu, dwana jew għal materji amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċizzju tal-awtorità tal-Istat (acta jure imperii).

2.   Dan ir-Regolament m'għandux japplika għal materji li jirrigwardaw:

(a)

l-istatus jew il-kapaċità ġuridika ta' persuni fiżiċi;

(b)

drittijiet fuq proprjetà li jirriżultaw minn relazzjoni matrimonjali jew minn relazzjoni li titqies mil-liġi applikabbli għal tali relazzjoni li għandha effetti komparabbli għal żwieġ;

(c)

obbligi ta' manteniment li jirriżultaw minn relazzjonijiet tal-familja, ta' filjazzjoni, ta' żwieġ jew ta' affinità;

(d)

testmenti u suċċessjoni, inklużi obbligi tal-manteniment li jirriżultaw minħabba mewt;

(e)

falliment, proċedimenti relatati mal-istralċ ta' kumpanniji insolventi jew ta' persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġudizzjarji, ftehimiet u proċedimenti analogi;

(f)

sigurtà soċjali;

(g)

l-arbitraġġ;

(h)

il-liġi dwar l-impjiegi;

(i)

il-kiri ta' proprjetà immobbli, ħlief azzjonijiet dwar talbiet monetarji; jew

(j)

il-ksur tad-dritt għall-ħajja privata u ta' drittijiet relatati mal-personalità, inkluża d-diffamazzjoni.”.

(2)

Fl-Artikolu 3, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“2.   Id-domiċilju għandu jiġi stabbilit skont l-Artikoli 62 u 63 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

3.   Il-mument rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-każ huwiex transkonfinali hija d-data li fiha tiġi riċevuta l-formola tat-talba mill-qorti jew mit-tribunal kompetenti.

(*)  Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).”."

(3)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Il-qorti jew tribunal għandu jinforma lir-rikorrent b'tali ċaħda tat-talba u jekk appell huwiex disponibbli kontra din iċ-ċaħda.”;

(b)

Il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Formola A standard tat-talba tkun disponibbli fil-qrati u t-tribunali kollha li quddiemhom il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar tista' tinbeda u li tkun aċċessibbli permezz ta' siti web nazzjonali rilevanti.”.

(4)

Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar għandha tkun proċedura bil-miktub.

1a.   Il-qorti jew it-tribunal għandu jagħmel seduta orali biss jekk fil-fehma tiegħu ma tkunx tista' tingħata sentenza fuq il-bażi ta' prova bil-miktub jew jekk parti titlob din is-seduta. Il-qorti jew it-tribunal jista' jiċħad tali talba jekk iqis li, fir-rigward taċ-ċirkostanzi tal-każ, seduta orali mhix meħtieġa għat-tmexxija ġusta tal-kawża. Ir-raġunijiet għaċ-ċaħda għandhom jingħataw bil-miktub. Iċ-ċaħda ma tistax tiġi kkontestata separatament minn kontestazzjoni tas-sentenza nnifisha.”.

(5)

L-Artikolu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 8

Seduta orali

1.   Meta seduta orali titqies meħtieġa f'konformità mal-Artikolu 5(1a), din għandha ssir permezz tal-użu ta' kwalunkwe teknoloġija tal-komunikazzjoni mill-bogħod adatta, bħal vidjokonferenza jew telekonferenza, tkun disponibbli għall-qorti jew it-tribunal, sakemm l-użu ta' tali teknoloġija, minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, ma jkunx adatt għat-tmexxija ġusta tal-proċedimenti.

Meta l-persuna li għandha tinstema' tkun domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru tal-qorti jew it-tribunal aditi, l-attendenza ta' dik il-persuna f'seduta orali għandha ssir permezz ta' vidjokonferenza, telekonferenza jew teknoloġija ta' komunikazzjoni mill-bogħod adatta oħra bl-użu tal-proċeduri previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 (**),

2.   Parti msejħa biex tkun fiżikament preżenti f'seduta orali tista' titlob li tuża teknoloġija tal-komunikazzjoni mill-bogħod, dment li teknoloġija bħal din tkun disponibbli fil-qorti jew tribunal, minħabba li l-arranġamenti biex tkun fiżikament preżenti, b'mod partikolari fir-rigward tal-ispejjeż possibbli li ġġarrab minn dik il-parti, ikunu sproporzjonati għat-talba.

3.   Parti msejħa biex tattendi seduta orali permezz ta' teknoloġija ta' komunikazzjoni mill-bogħod tista' titlob li tkun fiżikament preżenti waqt dik is-seduta. Il-Formola standard tat-talba A u l-Formola standard ta' risposta C stabbiliti f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 27(2), għandhom jipprovdu informazzjoni lill-partijiet li l-irkupru ta' kull spiża mġarrba mill-parti minħabba li tkun fiżikament preżenti fis-seduta orali, fuq talba ta' dik il-parti, huwa soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16.

4.   Id-deċiżjoni tal-qorti jew it-tribunal dwar talba prevista fil-paragrafi 2 u 3 ma tistax tkun ikkontestata separatament minn kontestazzjoni tas-sentenza nnifisha.

(**)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali (ĠU L 174, 27.6.2001, p. 1).”."

(6)

L-Artikolu 9 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 9

Ġbir ta' provi

1.   Il-qorti jew it-tribunal għandu jiddetermina l-mezzi għall-ġbir tal-provi, u l-firxa tal-provi meħtieġa għas-sentenza tiegħu, skont ir-regoli applikabbli għall-ammissibbiltà tal-provi. Huwa għandu jagħżel il-metodu tal-ġbir tal-provi li jkun l-aktar sempliċi u l-inqas oneruż.

2.   Il-qorti jew it-tribunal jista' jaċċetta l-ġbir tal-provi permezz ta' stqarrijiet ta' xhieda, ta' esperti jew tal-partijiet bil-miktub.

3.   Fejn il-ġbir tal-provi jfisser illi l-persuna tinstemgħa, dak is-smigħ għandu jsir skont il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8.

4.   Il-qorti jew it-tribunal jista' jisma' x-xiehda ta' esperti jew xiehda orali biss jekk ma jkunx possibbli li tingħata sentenza fuq il-bażi ta' provi oħra.”.

(7)

L-Artikolu 11 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 11

Assistenza lill-partijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun possibbli għall-partijiet li jirċievu kemm assistenza prattika biex jimlew il-formoli kif ukoll informazzjoni ġenerali dwar il-kamp ta'applikazzjoni tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, kif ukoll informazzjoni ġenerali dwar liema qrati jew tribunali fl-Istat Membru kkonċernat huma kompetenti biex jagħtu sentenza fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Dik l-assistenza għandha tingħata mingħajr ħlas. Xejn f'dan il-paragrafu ma jirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu għajnuna legali jew assistenza legali fil-forma ta' valutazzjoni legali ta' każ speċifiku.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar l-awtoritajiet jew l-organizzazzjonijiet kompetenti biex joffru l-assistenza skont il-paragrafu 1 hija disponibbli fil-qrati u t-tribunali kollha li quddiemhom il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar tista' tinbeda, u hija aċċessibbli permezz ta' siti web nazzjonali rilevanti.”.

(8)

L-Artikolu 13 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 13

Notifika ta' dokumenti u komunikazzjonijiet bil-miktub oħra

1.   Id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 5(2) u (6) u sentenzi mogħtija skont l-Artikolu 7 għandhom jiġu notifikati:

(a)

permezz tas-servizz tal-posta, jew

(b)

b'mezzi elettroniċi:

(i)

fejn dawn il-mezzi huma teknikament disponibbli u ammissibbli skont ir-regoli proċedurali tal-Istat Membru li fih tkun qed titwettaq il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u, jekk il-parti li għandha tiġi notifikata hija domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru ieħor, skont ir-regoli proċedurali f'dak l-Istat Membru; u

(ii)

meta l-parti li għandha tiġi notifikata tkun aċċettat b'mod espliċitu minn qabel li d-dokumenti jistgħu jiġu notifikati lilha permezz ta' mezzi elettroniċi jew, skont ir-regoli proċedurali tal-Istat Membru li l-parti tkun domiċiljata jew abitwalment residenti fih, hija taħt obbligu legali li taċċetta dak il-metodu speċifiku ta' notifika.

In-notifika għandha tkun iċċertifikata b'konferma tar-riċevuta inkluża d-data tar-riċevuta.

2.   Il-komunikazzjonijiet kollha bil-miktub mhux imsemmija fil-paragrafu 1 bejn il-qorti jew it-tribunal u l-partijiet jew persuni oħra involuti fil-proċedimenti għandhom isiru b'mezzi elettroniċi ċċertifikati permezz ta' konferma tar-riċevuta, fejn dawn il-mezzi jkunu teknikament disponibbli u ammissibbli skont ir-regoli proċedurali tal-Istat Membru li fih titwettaq il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar dment li l-parti jew il-persuna tkun aċċettat minn qabel dawn il-mezzi ta' komunikazzjoni jew, f'konformità mar-regoli proċedurali tal-Istat Membru li fih dik il-parti jew persuna tkun domiċiljata jew abitwalment residenti, tkun taħt obbligu legali li taċċetta tali mezzi ta' komunikazzjoni.

3.   Minbarra kwalunkwe mezz ieħor disponibbli skont ir-regoli proċedurali tal-Istati Membri biex tiġi espressal-aċċettazzjoni minn qabel, kif meħtieġ skont il-paragrafi 1 u 2, għall-użu ta' mezzi elettroniċi, għandu jkun possibbli li tali aċċettazzjoni tiġi espressa permezz tal-Formola standard tat-talba A u l-Formola standard ta' risposta C.

4.   Jekk ma tkunx possibbli n-notifika skont il-paragrafu 1, in-notifika tista' ssir bi kwalunkwe metodu previst fl-Artikolu 13 jew 14 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006.

Jekk il-komunikazzjoni skont il-paragrafu 2 mhix possibbli, jew, minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, ma tkunx xierqa, jista' jintuża kwalunkwe metodu ieħor ta' komunikazzjoni ammissibbli skont il-liġi tal-Istat Membru li fih qed titwettaq il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.”.

(9)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 15a

Tariffi tal-qorti u metodi ta' ħlas

1.   It-tariffi tal-qorti imposti fi Stat Membru għal Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar m'għandhomx ikunu sproporzjonati u m'għandhomx ikunu ogħla mit-tariffi tal-qorti mitluba għal proċeduri simplifikati tal-qorti nazzjonali f'dak l-Istat Membru.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet jistgħu jħallsu t-tariffi tal-qorti permezz ta' metodi ta' ħlas mill-bogħod li jippermettu lill-partijiet li jagħmlu l-ħlas ukoll minn Stat Membru li mhuwiex l-Istati Membru fejn tinsab il-qorti jew it-tribunal, billi mill-inqas joffru wieħed minn dawn il-metodi ta' ħlas:

(a)

trasferiment bankarju;

(b)

karta ta' kreditu jew ta' debitu; jew

(c)

debitu dirett mill-kont bankarju tar-rikorrent.”.

(10)

Fl-Artikolu 17, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   L-Artikoli 15a u 16 għandhom japplikaw għal kwalunkwe appell.”.

(11)

L-Artikolu 18 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 18

Reviżjoni tas-sentenza f'każijiet eċċezzjonali

1.   Il-konvenut li naqas li jidher quddiem il-qorti jew it-tribunal huwa intitolat li jitlob reviżjoni tas-sentenza mogħtija fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar quddiem il-qorti jew tribunal kompetenti tal-Istat Membru li fih ingħatat is-sentenza, fejn:

(a)

il-konvenut ma kienx innotifikat bil-formola tat-talba jew, fil-każ ta' seduta orali, ma kienx imsejjaħ għal dik is-seduta, fi żmien suffiċjenti u b'tali mod li seta' jħejji d-difiża tiegħu; jew

(b)

il-konvenut ma setax jikkontesta t-talba minħabba force majeure jew minħabba ċirkostanzi straordinarji mingħajr l-ebda ħtija min-naħa tiegħu;

sakemm il-konvenut ma kienx naqas milli jappella s-sentenza meta seta' jagħmel dan.

2.   It-terminu għall-applikazzjoni għal reviżjoni huwa ta' 30 ġurnata. It-terminu għall-applikazzjoni għal reviżjoni jibda jgħodd mill-jum meta l-konvenut sar jaf effettivament bil-kontenut tas-sentenza u seta' jirreaġixxi, u mhux aktar tard mid-data tal-ewwel miżura ta' eżekuzzjoni li jkollha l-effett li l-proprjetà tiegħu issir parzjalment jew kollha kemm hi indisponibbli. L-ebda estensjoni taż-żmien ma tista' tingħata.

3.   Jekk il-qorti tiċħad l-applikazzjoni għal reviżjoni imsemmija fil-paragrafu 1 minħabba li l-ebda waħda mir-raġunijiet għal reviżjoni mniżżla f'dak il-paragrafu ma tkunx tapplika, is-sentenza tibqa' fis-seħħ.

Jekk il-qorti tiddeċiedi li reviżjoni hija ġġustifikata abbażi ta' kwalunkwe waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1, is-sentenza mogħtija fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar għandha tkun nulla u bla effett. Madankollu, ir-rikorrent m'għandu jitlef l-ebda benefiċċju li jirriżulta minn kwalunkwe interruzzjoni tal-perijodi ta' preskrizzjoni jew ta' dekadenza meta tali interruzzjoni tkun tapplika skont il-liġi nazzjonali.”.

(12)

Fl-Artikolu 20, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Fuq talba ta' waħda mill-partijiet, il-qorti jew it-tribunal għandhom joħorġu ċertifikat dwar sentenza mogħtija fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar bl-użu tal-Formola standard D, kif tinsab fl-Anness IV, mingħajr ma jintalab ħlas addizzjonali. Fuq talba, il-qorti jew it-tribunal għandu jipprovdi lil dik il-parti biċ-ċertifikat bi kwalunkwe lingwa uffiċjali oħra tal-istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni billi jsir użu mill-formola standard dinamika multilingwi disponibbli fuq il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika. Xejn f'dan ir-Regolament ma għandu jobbliga lill-qorti jew lit-tribunal biex jipprovdi traduzzjoni u/jew translitterazzjoni tat-test imdaħħal fil-kaxxi għal test liberu ta' dak iċ-ċertifikat.”.

(13)

Fl-Artikolu 21(2), il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 20(2) u, fejn meħtieġ, it-traduzzjoni tiegħu bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni jew, jekk ikun hemm diversi lingwi uffiċjali f'dak l-Istat Membru, bil-lingwa uffiċjali jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-proċedimenti tal-qorti jew tat-tribunal tal-post fejn tintalab l-eżekuzzjoni skont il-liġi ta' dak l-Istat Membru, jew b'lingwa oħra li dak l-Istat Membru tal-eżekuzzjoni jkun indika li jista' jaċċetta.”.

(14)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 21a

Lingwa taċ-ċertifikat

1.   Kull Stat Membru jista' jindika l-lingwa jew il-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, diversi minn tiegħu stess, li hu jkun jista' jaċċetta għaċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 20(2).

2.   Kwalunkwe traduzzjoni tal-informazzjoni dwar is-sustanza tas-sentenza provduta f'ċertifikat kif imsemmi fl-Artikolu 20(2) għandha ssir minn persuna kwalifikata li twettaq traduzzjonijiet f'wieħed mill-Istati Membri.”.

(15)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 23a

Soluzzjonijiet bil-qorti

Soluzzjoni bil-qorti approvata minn jew konkluża quddiem qorti jew tribunal matul Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u li hija infurzabbli fl-Istat Membru li fih il-proċedura tkun twettqet għandha tiġi rikonoxxuta u eżegwita fi Stat Membru ieħor taħt l-istess kondizzjonijiet bħal sentenza mogħtija fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.

Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għal soluzzjonijiet bil-qorti.”.

(16)

L-Artikolu 25 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 25

Informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Membri

1.   Sat-13 ta' Jannar 2017 l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni:

(a)

il-qrati jew it-tribunali kompetenti sabiex jagħtu sentenza fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar;

(b)

il-mezzi ta' komunikazzjoni aċċettati għall-finijiet tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u disponibbli għall-qrati jew tribunali skont l-Artikolu 4(1);

(c)

l-awtoritajiet jew l-organizzazzjonijiet kompetenti biex jipprovdu għajnuna prattika skont l-Artikolu 11;

(d)

il-mezzi ta' notifika u komunikazzjoni elettroniċi li huma teknikament disponibbli u ammissibbli taħt ir-regoli proċedurali tagħhom f'konformità mal-Artikolu 13(1), (2) u (3), u l-mezzi, jekk hemm, sabiex jesprimu aċċettazzjoni minn qabel tal-użu ta' mezzi elettroniċi kif meħtieġ mill-Artikolu 13(1) u (2) disponibbli skont il-liġi nazzjonali tagħhom;

(e)

il-persuni jew tipi ta' professjonijiet, jekk hemm, taħt obbligu legali li jaċċettaw notifika ta' dokumenti jew komunikazzjonijiet bil-miktub oħrajn b'mezzi elettroniċi f'konformità mal-Artikolu 13(1) u (2);

(f)

it-tariffi tal-qorti tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar jew kif jiġu kkalkulati, kif ukoll il-metodi ta' ħlas aċċettati għall-ħlas tat-tariffi tal-qorti skont l-Artikolu 15a;

(g)

kwalunkwe appell disponibbli skont il-liġi proċedurali tagħhom f'konformità mal-Artikolu 17, il-perijodu ta' żmien li fih għandu jitressaq tali appell, u l-qorti jew tribunal li quddiemu jista' jitressaq tali appell;

(h)

il-proċeduri għall-applikazzjoni għal reviżjoni kif previst fl-Artikolu 18 u l-qrati jew tribunal kompetenti għal tali reviżjoni;

(i)

il-lingwi li huma jaċċettaw skont l-Artikolu 21a(1); u

(j)

l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-eżekuzzjoni u l-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 23.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla sussegwenti għal dik l-informazzjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tara li l-informazzjoni kkomunikata f'konformità mal-paragrafu 1 tkun għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz ta' mezzi xierqa, pereżempju bħall-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika.”.

(17)

L-Artikolu 26 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 26

Emendar tal-Annessi

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 27 fir-rigward tal-emendar tal-Annessi I sa IV.”.

(18)

L-Artikolu 27 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 27

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa li tadotta atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 26 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' żmien indeterminat mit-13 ta' Jannar 2016.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 26 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni għal revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Hija m'għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 26 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”.

(19)

L-Artikolu 28 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 28

Rieżami

1.   Sal-15 ta' Lulju 2022 il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, inkluża evalwazzjoni dwar jekk:

(a)

żieda ulterjuri tal-limitu imsemmi fl-Artikolu 2(1) hijiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan ta' dan ir-Regolament li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ġustizzja għaċ-ċittadini u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju f'każijiet transkonfinali; u

(b)

estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, b'mod partikolari, għal talbiet għal remunerazzjoni, hijiex xierqa biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ġustizzja għall-impjegati f'tilwim dwar impjieg transkonfinali mal-impjegatur tagħhom, wara li jiġi kkunsidrat l-impatt sħiħ ta' tali estensjoni.

Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk ikun meħtieġ, minn proposti leġiżlattivi.

Għal dak l-għan u sal-15 ta' Lulju 2021 l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni rigward l-għadd ta' applikazzjonijiet taħt il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar kif ukoll in-numru ta' talbiet għall-eżekuzzjoni ta' sentenzi mogħtija fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.

2.   Sal-15 ta' Lulju 2019 il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar it-tixrid tal-informazzjoni dwar il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar fl-Istati Membri, u tista' tipproduċi rakkomandazzjonijiet dwar kif din il-proċedura tista' ssir aktar magħrufa.”.

Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 7, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   F'Appendiċi għall-applikazzjoni, ir-rikorrent jista' jindika lill-qorti liema, jekk ikun hemm, mill-proċeduri elenkati fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 17(1) huwa jitlob li jiġu applikati għat-talba tiegħu fil-proċedimenti ċivili sussegwenti f'każ li l-konvenut iressaq dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni kontra l-ordni ta' ħlas Ewropea.

Fl-Appendiċi previst fl-ewwel subparagrafu, ir-rikorrent jista' jindika wkoll lill-qorti li hu jopponi trasferiment għal proċedimenti ċivili fi ħdan it-tifsira tal-punt (a) jew il-punt (b) tal-Artikolu 17(1) f'każ ta' oppożizzjoni mill-konvenut. Dan ma jżommx lir-rikorrent milli jinforma b'dan lill-qorti sussegwentement, iżda fi kwalunkwe każ qabel tkun ħarġet l-ordni.”.

(2)

L-Artikolu 17 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 17

Effetti tal-preżentazzjoni ta' dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni

1.   Jekk tiddaħħal dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni fil-limitu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2), il-proċedimenti għandhom ikomplu quddiem il-qrati kompetenti tal-Istat Membru ta' oriġini sakemm ir-rikorrent ma jkunx talab b'mod espliċitu li jintemmu l-proċedimenti ta' dak il-każ. Il-proċedimenti għandhom ikomplu skont ir-regoli ta':

(a)

il-proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 861/2007, jekk applikabbli; jew

(b)

kwalunkwe proċedura ċivili nazzjonali xierqa.

2.   Fejn ir-rikorrent ma jkunx indika liema mill-proċeduri elenkati fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 huwa jitlob li jiġu applikati għat-talba tiegħu fil-proċedimenti li jsegwu f'każ ta' dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni jew fejn ir-rikorrent ikun talab li l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar kif stipulata fir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tiġi applikata għal talba li ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dak ir-Regolament, il-proċedimenti għandhom jiġu trasferiti għall-proċedura ċivili nazzjonali xierqa, sakemm ir-rikorrent ma jitlobx b'mod espliċitu li dan it-trasferiment m'għandux iseħħ.

3.   Fejn ir-rikorrent ikun ressaq it-talba tiegħu permezz tal-proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea, l-ebda dispożizzjoni taħt il-liġi nazzjonali ma tista' tippreġudika l-pożizzjoni tiegħu fi proċedimenti ċivili sussegwenti.

4.   Ir-rinviju għal proċedimenti ċivili ordinarji skont it-tifsira tal-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 għandu jiġi regolat mil-liġi tal-Istat Membru ta' oriġini.

5.   Ir-rikorrent għandu jiġi nfurmat dwar jekk il-konvenut ikunx ressaq dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni u dwar kwalunkwe rinviju għal proċedimenti ċivili fit-tifsira tal-paragrafu 1.”.

(3)

Fl-Artikolu 25, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Fejn, fi Stat Membru, it-tariffi tal-qorti għal proċeduri ċivili fit-tifsira ta' punt (a) jew punt (b) tal-Artikolu 17(1), kif applikabbli, ikunu ekwivalenti għal jew ogħla minn dawk tal-proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea, it-total tat-tariffi tal-qorti għal proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea u tal-proċedimenti ċivili li jsegwu fil-każ li jkun dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni skont l-Artikolu 17(1) m'għandux jaqbeż it-tariffi għal dawk il-proċedimenti mingħajr proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea preċedenti f'dak l-Istat Membru.

Ma għandha titħallas l-ebda tariffa addizzjonali tal-qorti fi Stat Membru għall-proċedimenti ċivili li jsegwu fil-każ li jkun hemm dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni f'konformità mal-punt (a) jew il-punt (b) tal-Artikolu 17(1), kif applikabbli, jekk it-tariffi tal-qorti għal tali proċedimenti f'dak l-Istat Membru huma anqas minn dawk tal-proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea.”.

(4)

L-Artikolu 30 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 30

Emendar tal-Annessi

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 31 fir-rigward tal-emendar tal-Annessi I sa VII.”.

(5)

L-Artikolu 31 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 31

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa li tadotta atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 30 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' żmien indeterminat mit-13 ta' Jannar 2016.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 30 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Hija m'għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 30 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-14 ta' Lulju 2017 bl-eċċezzjoni tal-punt (16) tal-Artikolu 1, li jemenda l-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 861/2007, li għandu japplika mill-14 ta' Jannar 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta' Diċembru 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

N. SCHMIT


(1)  ĠU C 226, 16.7.2014, p. 43.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2015 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2015.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali (ĠU L 174, 27.6.2001, p. 1); (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 121).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE tas-27 ta' Jannar 2003 biex ittejjeb l-aċċess għal ġustizzja f'tilwimiet bejn il-konfini billi tistabbilixxi regoli komuni minimi konnessi ma' għajnuna legali għal tilwimiet bħal dawn (ĠU L 26, 31.1.2003, p. 41); (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 90).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea (ĠU L 399, 30.12.2006, p. 1).