19.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 333/97


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2406

tat-18 ta' Diċembru 2015

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jaddotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità 1

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta' Ottubru 2008.

(2)

Fit-18 ta' Diċembru 2014, il-Bord għall-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (International Accounting Standards Board, IASB) ippubblika reviżjoni tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (International Accounting Standard, IAS) 1 Presentation of Financial Statements intitolata Disclosure Initiative. L-emendi għandhom l-għan li jtejbu l-effettività tad-divulgazzjoni u jħeġġu lill-kumpaniji biex japplika l-ġudizzju professjonali tiegħu fid-determinazzjoni ta' liema informazzjoni li tiżvela fir-rapporti finanzjarji tagħhom meta jiġi applikat l-IAS 1.

(3)

L-emendi għall-IAS 1 jimplikaw, bħala konsegwenza, emendi għall-IAS 34 u l-Istandard Internazzjonali għar-Rappurtaġġ Finanzjarju (International Financial Reporting Standard, IFRS) 7 biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-istandards internazzjonali tal-kontabilità.

(4)

Il-konsultazzjoni mal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtaġġ Finanzjarju tikkonferma li l-emendi għall-IAS 1 jissodisfaw il-kriterji għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(5)

Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008 huwa emendat kif ġej:

(a)

L-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS) 1 Presentation of Financial Statements huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

(b)

IAS 34 Presentation of Financial Statements u l-Istandard Internazzjonali għar-Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRS) 7 Financial Instruments: Disclosures huma emendati skont l-emendi għall-IAS 1 kif stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kull kumpanija tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1, mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda fl-1 ta' Jannar 2016 jew wara.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Diċembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta' Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1)


ANNESS

Inizjattiva ta' Divulgazzjoni

(Emendi għall-IAS 1)

Emendi għall-

IAS 1 — Preżentazzjoni ta' Rapporti Finanzjarji

Il-paragrafi 10, 31, 54-55, 82 A, 85, 113-114, 117, 119 u 122 huma emendati, il-paragrafi 30a, 55a, 85 A u 85B-139P huma miżjuda u l-paragrafi 115 u 120 huma mħassra. Il-paragrafi 29-30, 112, 116, 118 u 121 ma ġewx emendati iżda huma inklużi għall-ħeffa ta' referenza.

Sett sħiħ ta' rapporti finanzjarji

10.

Sett sħiħ ta' rapporti finanzjarji jkun fih:

(a)

rapport tal-pożizzjoni finanzjarja fit-tmiem tal-perjodu;

(b)

rapport tal-profitt jew it-telf u introjtu komprensiv ieħor għall-perjodu;

(c)

rapport tat-tibdil fl-ekwità għall-perjodu;

(d)

rapport tal-flussi ta' flus għall-perjodu;

(e)

noti, li jikludu politiki sinifikanti tal-kontabilità u informazzjoni oħra ta' spjegazzjoni;

(ea)

informazzjoni komparattiva fir-rigward tal-perjodu preċedenti kif speċifikat fil-paragrafi 38 u 38 A; kif ukoll

(f)

rapport tal-pożizzjoni finanzjarja fil-bidu tal-perjodu preċedenti li fih entità tapplika xi politika tal-kontabilità b'mod retrospettiv, jew tagħmel ridikjarazzjoni retrospettiva ta' entrati fir-rapporti finanzjarji tagħha, jew meta tirriklassifika entrati fir-rapporti finanzjarji tagħha f'konformità mal-paragrafi 40 A-40D.

Entità tista' tuża titli għar-rapporti differenti minn dawk li jintużaw f'dan l-Istandard. Pereżempju, entità tista' tuża t-titlu “rapport tal-introjtu komprensiv” minflok “rapport tal-profitt jew telf u introjtu komprensiv ieħor”.

Materjalità u aggregazzjoni

29.

Entità tippreżenta separatament kull klassi materjali ta' entrati simili. Entità tippreżenta separatament entrati ta' natura jew funzjoni mhux simili, ħlief jekk huma immaterjali.

30.

Ir-rapporti finanzjarji jirriżultaw mill-ipproċessar ta' numru kbir ta' tranżazzjonijiet jew avvenimenti oħra li jinġabru fi klassijiet skont in-natura jew il-funzjoni tagħhom. Il-fażi finali fil-proċess ta' aggregazzjoni u klassifikazzjoni hi l-preżentazzjoni ta' informazzjoni fil-qosor u kklassifikata, li tifforma l-partiti fir-rapporti finanzjarji. Jekk partita ma tkunx individwalment materjali, din tkun aggregata ma' entrati oħra jew f'dawk ir-rapporti jew fin-noti. Entrata li mhijiex materjali biżżejjed biex tiġġustifika preżentazzjoni separata f'dawk ir-rapporti tista' tiġġustifika preżentazzjoni separata fin-noti.

30A

Meta tapplika dan u IFRSs oħra, entità tiddeċiedi, wara li tqis il-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, kif tiġbor l-informazzjoni fir-rapporti finanzjarji, li tinkludi n-noti. Entità ma għandhiex tnaqqas il-komprensibilità tar-rapporti finanzjarji tagħha billi tgħatti informazzjoni materjali b' informazzjoni immaterjali jew billi taggrega entrati materjali li għandhom natura jew funzjonijiet differenti.

31.

Ċerti IFRSs jispeċifikaw l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fir-rapporti finanzjarji, li jinkludu n-noti. Entità ma għandhiex għalfejn tiddivulga informazzjoni speċifika meħtieġa minn IFRS jekk l-informazzjoni li tirriżulta minn dik id-divulgazzjoni ma tkunx materjali. Dan huwa l-każ anki jekk l-IFRS ikun fihom lista ta' rekwiżiti speċifiċi jew jiddeskrivihom bħala rekwiżiti minimi. Entità tqis ukoll jekk tiddivulgax informazzjoni addizzjonali fejn il-konformità mar-rekwiżiti speċifiċi tal-IFRSs ma tkunx biżżejjed biex tippermetti li l-utenti ta' rapporti finanzjarji jifhmu l-impatt ta' tranżazzjonijiet partikolari, jew ta' avvenimenti u kundizzjonijiet oħrajn, fuq il-pożizzjoni finanzjarja u l-prestazzjoni finanzjarja tal-entità.

Informazzjoni li trid tkun ippreżentata fir-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja

54.

Ir-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja jkun jinkludi partiti li jippreżentaw l-ammonti li ġejjin:

(a)

55.

Entità tippreżenta partiti addizzjonali, (inkluż bid-diżagregazzjoni tal-partiti elenkati fil-paragrafu 54), intestaturi u subtotali fir-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja meta preżentazzjoni bħal din tkun rilevanti biex tinftiehem il-pożizzjoni finanzjarja tal-entità.

55A

Meta entità tippreżenta subtotali skont il-paragrafu 55, dawk is-subtotali:

(a)

ikunu jikkonsistu f'partiti magħmula minn ammonti rikonoxxuti u mkejla skont l-IFRS;

(b)

ikunu ppreżentati u ttikketjati b'mod li l-partiti li jikkostitwixxu s-subtotal ikunu ċari u jinftiehmu;

(c)

ikunu konsistenti minn perijodu għal ieħor, skont il-paragrafu 45; kif ukoll

(d)

ma jintwerewx b'aktar prominenza mis-subtotali u t-totali meħtieġa fl-IFRS għar-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja.

Informazzjoni li trid tkun ippreżentata fit-taqsima tal-introjtu komprensiv ieħor

82A

It-taqsima tal-introjtu komprensiv ieħor tippreżenta l-partiti għall-ammonti għall-perjodu ta':

(a)

partiti tal-introjtu komprensiv ieħor (esklużi l-ammonti fil-paragrafu (b)), ikklassifikati skont it-tip u miġbura f'dawk li, skont l-IFRS l-oħra:

(i)

ma jkunux ser jiġu riklassifikati sussegwentement fi profitt jew telf; kif ukoll

(ii)

ikunu ser jiġu riklassifikati sussegwentement fi profitt jew telf meta l-kundizzjonijiet speċifiċi jiġu ssodisfati.

(b)

is-sehem tal-introjtu komprensiv ieħor tal-assoċjati u tal-impriżi konġunti kkontabilizzat skont il-metodu tal-ekwità, separat fis-sehem ta' entrati li, skont l-IFRS l-oħra:

(i)

ma jkunux ser jiġu riklassifikati sussegwentement fi profitt jew telf; kif ukoll

(ii)

ikunu ser jiġu riklassifikati sussegwentement fi profitt jew telf meta l-kundizzjonijiet speċifiċi jiġu ssodisfati.

85.

Entità tippreżenta partiti addizzjonali (inkluż permezz tad-diżaggregazzjoni tal-partiti elenkati fil-paragrafu 82), intestaturi u subtotali fir-rapport(i) li jippreżentaw il-profitt jew it-telf u l-introjtu komprensiv ieħor meta tali preżentazzjoni tkun relevanti biex tinftiehem il-prestazzjoni finanzjarja tal-entità.

85A

Meta entità tippreżenta subtotali skont il-paragrafu 85, dawk is-subtotali:

(a)

ikunu jikkonsistu f'partiti magħmula minn ammonti rikonoxxuti u mkejla skont l-IFRS;

(b)

ikunu ppreżentati u ttikketjati b'mod li l-partiti li jikkostitwixxu s-subtotal ikunu ċari u jinftiehmu;

(c)

ikunu konsistenti minn perijodu għal ieħor, skont il-paragrafu 45; kif ukoll

(d)

ma jintwerewx b'aktar prominenza mis-subtotali u t-totali meħtieġa fl-IFRS għar-rapport(i) li jippreżenta(w) profitt jew telf u introjtu komprensiv ieħor.

85B

Entità tippreżenta l-partiti fir-rapport(i) li jippreżentaw il-profitt jew it-telf u l-introjtu komprensiv ieħor li jirrikonċiljaw kwalunkwe subtotali ppreżentati skont il-paragrafu 85 b'subtotali jew totali meħtieġa f'IFRS għal tali dikjarazzjoni(jiet).

Struttura

112.

In-noti:

(a)

jippreżentaw informazzjoni dwar il-bażi tal-preparazzjoni tar-rapporti finanzjarji u l-politika speċifika tal-kontabilità użata b'konformità mal-paragrafi 117-124;

(b)

jiżvelaw l-informazzjoni meħtieġa mill-IFRSs li ma tkunx ippreżentata x'imkien ieħor fir-rapporti finanzjarji; kif ukoll

(c)

jipprovdu informazzjoni li ma tkunx ippreżentata x'imkien ieħor fir-rapporti finanzjarji, iżda li tkun rilevanti biex wieħed jifhem xi rapport minnhom.

113.

Entità, sa fejn ikun prattikabbli, tippreżenta n-noti b'mod sistematiku. Sabiex jiġi ddeterminat mod sistematiku, l-entità tqis l-effett fuq il-fehim u l-komparabilità tar-rapporti finanzjarji tagħha. Entità timmarka kull entrata fir-rapporti tal-pożizzjoni finanzjarja u fir-rapport(i) ta' profitt jew telf u introjtu komprensiv ieħor, u fir-rapporti tat-tibdil fl-ekwità u tal-flussi ta' flus għal kwalunkwe informazzjoni relatata fin-noti.

114.

Eżempji ta' ordni sistematiku jew ġbir ta' noti jinkludu:

(a)

l-għoti ta' prominenza lill-oqsma tal-attivitajiet tagħha li l-entità tqis li huma l-aktar rilevanti biex wieħed jifhem il-prestazzjoni finanzjarja u l-pożizzjoni finanzjarja tagħha, bħall-ġbir tal-informazzjoni dwar attivitajiet operattivi partikolari;

(b)

il-ġbir tal-informazzjoni dwar entrati mkejla bl-istess mod bħal assi mkejla bil-valur ġust; jew

(c)

is-segwitu tal-ordni tal-partiti fir-rapport(i) tal-profitt jew telf u tal-introjtu komprensiv ieħor u r-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja, bħal:

(i)

rapport ta' konformità mal-IFRSs (ara l-paragrafu 16);

(ii)

politiki kontabilistiċi sinifikanti applikati (ara l-paragrafu 117);

(iii)

informazzjoni ta' sostenn għal entrati ppreżentati fir-rapporti tal-pożizzjoni finanzjarja u fir-rapport(i) ta' profitt jew telf u introjtu komprensiv ieħor u fir-rapporti tat-tibdil fl-ekwità u tal-flussi ta' flus, fl-ordni li fih ikunu ppreżentati kull rapport u kull partita; kif ukoll

(iv)

divulgazzjonijiet oħra, li jinkludu

(1)

obbligazzjonijiet kontinġenti (ara l-IAS 37) u impenji kuntrattwali mhux rikonoxxuti; kif ukoll

(2)

divulgazzjonijiet mhux finanzjarji, eż. l-għanijiet u l-politiki tal-ġestjoni tar-riskju finanzjarju tal-entità (ara l-IFRS 7).

115.

[Imħassra]

116.

Entità tista' tippreżenta noti li jipprovdu informazzjoni dwar il-bażi tal-preparazzjoni tar-rapporti finanzjarji u dwar il-politika speċifika tal-kontabilità bħala sezzjoni separata tar-rapporti finanzjarji.

Divulgazzjoni tal-politika tal-kontabilità

117.

Entità tiddivulga l-politiki tal-kontabilità sinifikanti tagħha li jinkludu:

(a)

il-bażi (jew bażijiet) tal-kejl użati fit-tħejjija tar-rapporti finanzjarji; kif ukoll

(b)

il-politiki l-oħra tal-kontabilità użati li huma rilevanti sabiex jinftiehmu r-rapporti finanzjarji.

118.

Hu importanti għal entità li tinforma lill-utenti dwar il-bażi jew bażijiet tal-kejl użati fir-rapporti finanzjarji (pereżempju, il-kost storiku, il-kost kurrenti, il-valur nett realizzabbli, il-valur ġust jew l-ammont li jista' jiġi rkuprat) minħabba li l-bażi li fuqha entità tħejji r-rapporti finanzjarji taffettwa b'mod sinifikanti l-analiżi tal-utenti. Meta entità tuża aktar minn bażi waħda ta' kejl fir-rapporti finanzjarji, pereżempju, meta klassijiet partikolari ta' assi huma vvalutati mill-ġdid, hu biżżejjed li tkun ipprovduta indikazzjoni tal-kategoriji tal-assi u l-obbligazzjonijiet li għalihom kull bażi ta' kejl tkun ġiet applikata.

119.

Fid-deċiżjoni dwar jekk politika partikolari tal-kontabilità għandhiex tkun divulgata jew le, il-maniġment jikkunsidra jekk id-divulgazzjoni ta' dik l-informazzjoni tgħinx lill-utenti biex jifhmu kif it-tranżazzjonijiet, avvenimenti jew kundizzjonijiet oħrajn huma riflessi fil-prestazzjoni finanzjarji u fil-pożizzjoni finanzjarja li ġew irrappurtati. Kull entità għandha tikkunsidra n-natura tal-operazzjonijiet tagħha u l-politiki li l-utenti tar-rapporti finanzjarji tagħha jistennew li jiġu divulgati għal dik it-tip ta' entità. Id-divulgazzjoni tal-politika partikolari tal-kontabilità hi utli għall-utenti b'mod partikulari meta dik il-politika tintgħażel minn alternattivi permessi fl-IFRSs. Eżempju hu d-divulgazzjoni ta' jekk entità tapplikax il-valur ġust jew mudell tal-kost għall-proprjetà għall-investiment tagħha (ara l-IAS 40 Proprjetà għall-Investiment). Xi IFRSs jeħtieġu speċifkament divulgazzjoni dwar politiki kontabilistiċi partikolari, inklużi għażliet magħmula mill-maniġment bejn il-politiki differenti li jippermettu. Pereżempju, l-IAS 16 jeħtieġ divulgazzjoni dwar il-bażijiet ta' kejl użati fil-klassijiet tal-proprjetà, impjanti u tagħmir.

120.

[Imħassra]

121.

Politika tal-kontabilità tista' tkun sinifikanti minħabba n-natura tal-operazzjonijiet tal-entità anki jekk l-ammonti għall-perijodi kurrenti u preċedenti ma jkunux materjali. Hu xieraq ukoll li entità tiżvela kull politika sinifikanti tal-kontabilità li mhix meħtieġa speċifikament mill-IFRSs iżda li l-entità tagħżel u tapplika skont l-IAS 8.

122.

Entità tiddivulga, flimkien mal-politika sinifikanti tal-kontabilità u noti oħra, il-ġudizzji, minbarra dawk li jinvolvu stimi (ara l-paragrafu 125), li l-maniġment ikun għamel fil-proċess tal-applikazzjoni tal-politika ta' kontabilità tal-entità u li jkollhom l-aktar effett sinifikanti fuq l-ammonti rikonoxxuti fir-rapporti finanzjarji.

TRANŻIZZJONI U DATA EFFETTIVA

139P

L-Inizjattiva ta' Divulgazzjoni (Emendi għall-IAS 1), maħruġa f'Diċembru 2014, emendat il-paragrafi 10, 31, 54-55, 82, 85, 113-114, 117, 119 u 122, żiedet il-paragrafi 30 A, 55 A u 85 A-85B u ħassret il-paragrafi 115 u 120. Entità tapplika dawk l-emendi għall-perjodi annwali li jibdew mill-1 ta' Jannar 2016 jew wara. Hija permessa applikazzjoni iktar kmieni. L-entitajiet ma humiex meħtieġa jiddivulgaw l-informazzjoni meħtieġa mill-paragrafi 28-30 tal-IAS 8 fir-rigward ta' dawn l-emendi.

Emendi konsegwenzjali għal Standards oħra

IFRS 7 Strumenti Finanzjarji: Divulgazzjonijiet

Il-paragrafu 21 huwa emendat u jiżdied il-paragrafu 44BB.

Politika ta' kontabilità

21.

B'konformità mal-paragrafu 117 tal-IAS 1 Preżentazzjoni ta' Rapporti Finanzjarji (kif rivedut fl-2007), entità tiddivulga l-politiki sinifikanti tal-kontabilità tagħha li jinkludu l-bażi (jew bażijiet) tal-kejl li jintużaw fit-tħejjija tar-rapporti finanzjarji u l-politiki l-oħra tal-kontabilità użati u li jkunu rilevanti biex wieħed jifhem ir-rapporti finanzjarji.

DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

44BB

L-Inizjattiva ta' Divulgazzjoni (Emendi għall-IAS 1), maħruġa f'Diċembru 2014, emendat il-paragrafi 21 u B5. Entità tapplika dawk l-emendi għall-perjodi annwali li jibdew mill-1 ta' Jannar 2016 jew wara. Hija permessa applikazzjoni aktar bikrija ta' dawk l-emendi.

Fl-Appendiċi B, il-paragrafu B5 huwa emendat.

Divulgazzjoni oħra — politika tal-kontabilità (il-paragrafu 21)

B5

Il-paragrafu 21 jirrikjedi d-divulgazzjoni tal-bażi (jew bażijiet) ta' kejl użati fil-preparazzjoni tar-rapporti finanzjarji u l-politika l-oħra tal-kontabilità użata li huma relevanti biex wieħed jifhem ir-rapporti finanzjarji. Għal strumenti finanzjarji, din id-divulgazzjoni tista' tinkludi:

(a)

Il-paragrafu 122 tal-IAS 1 (kif rivedut fl-2007) jirrikjedi wkoll li l-entitajiet jiżvelaw, flimkien mal-politiki sinifikanti tal-kontabilità tagħhom jew noti oħrajn, il-ġudizzji, minbarra dawk li jinvolvu stimi, li l-maniġment ikun għamel fil-proċess tal-applikazzjoni tal-politika tal-kontabilità tal-entità u li jkollhom l-aktar effett sinifikanti fuq l-ammonti rikonoxxuti fir-rapporti finanzjarji.

IAS 34 Rapportar Finanzjarju Interim

Il-paragrafu 5 huwa emendat u jiżdied il-paragrafu 57.

KONTENUT TA' RAPPORT FINANZJARJU INTERIM

5.

L-IAS 1 jiddefinixxi sett komplut ta' rapporti finanzjarji li jinkludi l-komponenti li ġejjin:

(e)

noti, li fihom politiki sinifikanti tal-kontabilità u informazzjoni oħra ta' spjegazzjoni;

DATA EFFETTIVA

57.

Inizjattiva ta' Divulgazzjoni (Emendi għall-IAS 1), maħruġa f'Diċembru 2014, emendat il-paragrafu 5. Entità tapplika dik l-emenda għal perjodi annwali li jibdew mill-1 ta' Jannar 2016 jew wara. Hija permessa applikazzjoni aktar bikrija ta' dik l-emenda.