17.12.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 331/7 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2352
tas-16 ta' Diċembru 2015
li jistabbilixxi l-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni ta' sejħiet bil-mobile madwar l-Unjoni
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6e(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont ir-Regolament (UE) Nru 531/2012, il-fornituri domestiċi m'għandhom jimponu l-ebda tariffa addizzjonali fuq il-prezz tal-bejgħ domestiku lill-klijenti tar-roaming fi kwalunkwe Stat Membru għal kwalunkwe telefonata roaming regolata li jirċievu, fil-limiti permessi mill-politika tal-użu ġust. Din id-dispożizzjoni tapplika mill-15 ta' Ġunju 2017, bil-kundizzjoni li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat abbażi tal-proposta dwar is-suq tar-roaming bl-ingrossa msemmija fl-Artikolu 19(2) ta' dak ir-Regolament jkun beda japplika sa dik id-data. |
(2) |
Skont ir-Regolament (UE) Nru 531/2012, il-fornituri domestiċi jistgħu japplikaw tariffa addizzjonali, minbarra l-prezz bl-imnut domestiku, għall-konsum ta' servizzi regolati tar-roaming bl-imnut, matul perjodu ta' tranżizzjoni mit-30 ta' April 2016 sad-data meta l-att leġislattiv previst fl-Artikolu 19(2) ta' dak ir-Regolament jibda japplika. |
(3) |
Ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 jippermetti li l-fornituri domestiċi japplikaw, wara l-perjodu ta' tranżizzjoni, tariffa addizzjonali, minbarra l-prezz bl-imnut domestiku, għall-konsum ta' servizzi regolati tar-roaming bl-imnut li jaqbżu kull limitu stabbilit skont il-politika tal-użu ġust. |
(4) |
Ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 jillimita kwalunkwe tariffa addizzjonali imposta għar-riċeviment ta' sejħiet roaming regolati għall-medja ponderata tal-ogħla rati ta' terminazzjoni mobbli madwar l-Unjoni. |
(5) |
Il-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi pprovda lill-Kummissjoni b'informazzjoni miġbura mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri fir-rigward ta': (i) il-livell massimu tar-rati ta' terminazzjoni għas-sejħiet bil-mobile li imponew, skont l-Artikoli 7 u 16 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (id-“Direttiva Kwadru”) u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (id-“Direttiva tal-Aċċess”), f'kull suq nazzjonali għat-terminazzjoni bl-ingrossa tas-sejħiet bil-vuċi fuq netwerks tal-mobile individwali, u (ii) l-għadd totali ta' abbonati fl-Istati Membri. |
(6) |
F'konformità mar-Regolament (UE) Nru 531/2012, il-Kummissjoni kkalkulat il-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni tas-sejħiet bil-mobile madwar l-Unjoni permezz: (i) tal-moltiplikazzjoni tar-rata massima għat-terminazzjoni tas-sejħiet bil-mobile permessa fi Stat Membru partikolari bl-għadd totali ta' abbonati f'dak l-Istat Membru, (ii) tal-kalkolu tat-total ta' din il-moltiplikazzjoni għall-Istati Membri kollha, u (iii) tad-diviżjoni tat-total miksub bl-għadd totali ta' abbonati fl-Istati Membri kollha. |
(7) |
Il-valuri tad-dejta użata biex tiġi kkalkulata l-medja ponderata tal-ogħla rati ta' terminazzjoni tas-sejħiet bil-mobile madwar l-Unjoni huma tal-1 ta' Lulju 2015. Għall-pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-euro, ir-rata tal-kambju rilevanti hija l-medja tat-tieni kwart tal-2015 miksuba mill-bażi tad-dejta tal-Bank Ċentrali Ewropew. |
(8) |
F'konformità mar-Regolament (UE) Nru 531/2012, il-Kummissjoni għandha tanalizza l-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni tas-sejħiet bil-mobile madwar l-Unjoni kull sena. |
(9) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Komunikazzjoni, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni ta' sejħiet bil-mobile madwar l-Unjoni hija stabbilita għal EUR 0,0114 kull minuta.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Japplika mit-30 ta' April 2016.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Diċembru 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 172, 30.6.2012, p. 10.
(2) Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (id-Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33).
(3) Id-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', netwerks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7).